Posts Tagged ‘Albert Marshall’

  • INTI TAFHA L-ISTORJA TIEGĦEK?

    “Dawk li ma jistghux jitghallmu mill-istorja huma destinati li jirrepetuha.” George Santayana 1863 – 1952 (filosofu u kittieb)

    Sa minn meta l-ġenituri tiegħi ħaduni nara l-ewwel postijiet storiċi Maltin, qalbi ntilfet wara l-istorja. Kelli xewqa kbira li meta nikber insir arkeologa sabiex b’hekk inkun nista’ ngħix ma’ din l-imħabba tiegħi. Kont ukoll noħlom li xi darba bir-riċerka u t-tiftix tiegħi, anki jiena nkun nista’ nħalli kontribut f’pajjiżi bħal kif għamlu dawk ta’ qabli u li lejhom kelli ammirazzjoni kbira. Sfortunatament meta wasal iż-żmien biex nagħżel triqti u mort nieħu parir professjonali, tawni x’nifhem illi aħjar nagħżel triq oħra għax f’Malta ma kienx hawn futur għal dak ix-xogħol. Ta’ żagħżugħa li kont aċċettajt dan ir-raġunar. Kien żball kbir! Kultant trid titgħallem taħseb b’moħħok u tagħti anki lok lill-ħsus ta’ qalbek. Fil-fatt ħdimt f’diversi oqsma oħra għal kollox differenti imma fil-fond ta’ qalbi kont naf fejn xtaqet tgħix ruħi. Meta nħobb xi ħaġa jien, diffiċli toħroġieli minn qalbi….

    Dawn il-ħsibijiet ġrew minn quddiem għajnejja hekk kif poġġejt biex nikteb l-artiklu ta’ din il-ġimgħa. Bħali, Kenneth Mizzi għandu ħafna għal qalbu l-istorja ta’ Malta. Xhieda ta’ dan huma x-xogħlijiet numerużi li huwa ħadem kollha relatati ma’ das-suġġett.

    Fil-fatt dik kienet l-ewwel mistoqsija li għamiltlu, għaliex ġeneralment xogħlijietu huma ffukati fuq l-istorja ta’ Malta?

    “Għax dawn id-daqsxejn ta’ gżejjer tagħna jaffaxxinawni. Fihom daqs naqra imbagħad għandhom dak il-ġid kollu storiku li ftit issib bħalu madwar id-dinja. Tmur fejn tmur, tara l-istorja madwarek. Tidħol fil-knejjes tara dawk ir-rikkezzi kollha: l-arkitettura, l-arti, il-kultura. Li jiddispjaċini hu illi fl-opinjoni tiegħi illum iż-żagħżagħ Maltin ma tantx huma daqshekk kolti dwar is-suġġett tal-istorja ta’ pajjiżhom. Ma tantx jagħtu każ. Forsi jien żbaljat, imma hekk naħseb.

    Għalhekk l-iskop ta’ dan ix-xogħol hu li nressqu aktar l-istorja lejn in-nies, speċjalment lejn il-popolin li forsi ma tantx ikollu l-opportunità li jżur u jara dawn il-postijiet jew jisma’ dwarhom. Jiena trabbejt f’Bormla man-nies tal-baċir. Kont iffortunat biżżejjed illi fil-ħajja stinkajt u rnexxejt filwaqt li uħud minn sħabi tal-iskola għadhom jitħabtu biex isibu x-xogħol. Allura nħossni obbligat li nagħti lura ftit milli naf jien.”

    Kienu Ulied Maltin li ntroduċewni max-xogħol ta’ Horizons – dokumentarji ta’  ftit minuti ta’ informazzjoni storika li kienu qed jixxandru fuq stazzjon televiżiv lokali…

    Ulied Maltin kien suċċess kbir u permezz tiegħu kkonfermajna illi għal xogħol bħal dan hawn għatx kbir. L-idea tiegħu bdiet b’kumbinazzjoni. Niftakar li kien ikkuntattjani Albert Marshall u talabni Ulied Maltinnagħmillu xi fillers qosra ta’ xi tlett minuti għat-televiżjoni biex ixandarhom bejn programm u ieħor. Xi ġranet wara ġie ibni jistaqsini biex nagħtih daqqa t’id għax kellu proġett tal-iskola dwar l-istorja. Ma domtx ma ntbaħt li kienet teżisti problema kbira biex issib din l-informazzjoni. Nassumi li ħafna jiftakru ż-żmien meta kellek tmur il-librerija, tfittex qalb qabda kotba u taħli ħafna ħin biex forsi ssib xi ħaġa. Imbagħad tmur b’dawn il-mazz kotba biex tagħmel il-kopji u waħda tiġik mgħawwġa u oħra tiġik bis-sinjal iswed fin-nofs. Għedt le, m’inix ser nerġa’ ngħaddi minn dak kollu! U hekk nibtet l-idea ta’ Ulied Maltin. B’ġebla waħda lqatt żewġ għasafar.

    Fil-fatt Ulied Maltin huwa l-ewwel enċiklopedija bil-Malti tan-natura tiegħu. L-ewwel pakkett fih ħames volumi u jikkonsisti fi ktejjeb u f’DVD li jwasslu informazzjoni qasira imma konċiża dwar personalitajiet Maltin, monumenti Maltin, politiċi Maltin u dwar l-arkeoloġija tal-gżejjer tagħna. Peress illi d-DVD huwa maħdum b’reżoluzzjoni għolja, ir-ritratti li fih jistgħu jiġu pprintjati faċilment. Biex nagħtik eżempju, jekk qed tfittex dwar Dun Karm Psaila ser issib ir-ritratt tiegħu, tal-ġenituri tiegħu, tal-bieb fejn kien joqgħod u nformazzjoni bażika oħra importanti. Minn hemm imbagħad, jekk wieħed irid, jista’ jkompli jfittex u jistħarreġ f’postijiet oħra.

    Għalkemm nemmen illi hemm bżonn ta’ dokumentarji ta’ dan it-tip biex jixxandru fuq l-istazzjonijiet tagħna, jkolli nammetti illi ma tantx issib interess min-naħa tal-istazzjonijiet. Fil-fatt kemm naraw programmi dwar dawn is-suġġetti? Ftit li xejn. Meta tmur tippreżentahom għand xi stazzjon, jgħidulek biex tixtri l-airtime u ddur għar-riklami. Imma d-dokumentarji mhux popolisti bħal xi drama. Jolqtu biss ċertu settur ta’ nies.”

    Kenneth dawwarni mal-uffiċċju tiegħu u beda jurini aktar xogħlijiet b’tema storika. Kont kurjuża għala l-maġġoranza tagħhom għandhom l-istess preżentazzjoni: dik ta’ ktejjeb u CD jew DVD?

    “Il-pubblikazzjonijiet tagħna huma mmirati biex jolqtu lil kulħadd… ibda mit-tfal tal-iskola, ibqa’ tiela’ sa dak l-anzjan li forsi qatt ma tgħallem jaqra u asal anki sat-turist li jixtieq jiskopri aktar dwar Kenneth Mizzipajjiżna. Fl-istess ħin inżommu dejjem f’moħħna illi ġeneralment il-paċenzja tal-maġġoranza tan-nies li joqogħdu bil-qiegħda u jisimgħu jew jaqraw xi ħaġa hija pjuttost qasira. Għaldaqstant naraw illi l-informazzjoni li tingħata dejjem tkun preżentata b’mod dirett u nformattiv imma fil-qosor. Nafu wkoll illi l-viżwal huwa ħafna aktar effettiv fuq il-memorja tan-nies. Għalhekk il-kotba kollha jkunu akkompanjati minn DVD li jieħdok fuq il-post u jurik sal-inqas dettalji li tkun qed tisma’ dwarhom.

    Ngħidu aħna bħalissa għaddej id-dokumentarju tagħna Katakombi fuq wieħed mill-istazzjonijiet lokali. Fih għandna filmati li ħadd qatt ma rahom bħal ngħidu aħna ċertu graffiti li kien skopra Temi Zammit waqt l-iskavi tiegħu u li issa permezz tad-dawl u t-teknika moderna stajna nwasslu lill-pubbliku. Hemm ukoll filmati ta’ kollezzjonijiet privati li nstabu waqt xi skavar li sar taħt id-djar tan-nies.

    Fuq din l-istess linja għandna wkoll Raħal Twelidi li huwa sett ta’ kotba u DVDs li jipprovdu tagħrif siewi dwar lokalitajiet differenti bħal Qrendi, r-Rabat u Marsaskala. Ikolli ngħid illi permezz ta’ dan ix-Marsascala coverxogħol aħna stess nitgħallmu ħafna wkoll. Biex nagħtik eżempju, bosta jaħsbu illi Marsaskala huwa post pjuttost modern li għadu qed jinbena. Fir-realtà iġġib għajnejk wara widnejk meta tagħraf kemm iħaddan storja fih.”

    Uħud minn dawn id-dokumentarji huma preżentati b’żewġ lingwi: Malti u Ingliż. Xtaqt inkun naf kemm huwa mfittex prodott simili barra minn pajjiżna?

    “Ħafna! L-emigranti Maltin ikunu qegħdin bil-ħerqa jistennew xi ħaġa ġdida minn għandna. Għat-turist dawn il-pubblikazzjonijiet huma tifkira tal-kultura Maltija. Ngħidu aħna l-kotba bid-DVD tal-Vari u ta’ L-Assunzjoni ta’ Marija joffru spettaklu mill-isbaħ tal-vari Maltin, tal-fided tal-knejjes u tal-arti li fihom. Issib ukoll informazzjoni dettaljata dwar il-fratellanzi Maltin, il-bidu tal-knejjes infushom u l-artisti li ħadmu fihom.”

    Lil Kenneth sibtu mħabbat qed jipprepara ktieb ġdid L-Istejjer tal-Istorja b’kitba ta’ Ġorġ Peresso li proprju l-Ħadd 15 ta’ Novembru 2009 fil-5:30pm ser issir il-preżentazzjoni tiegħu waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran. Tlabtu jagħtini aktar informazzjoni dwaru…

    L-Istejjer tal-Istorja ser ikun sett ta’ erbgħa kotba li jirrakkuntaw l-istorja ta’ Malta minn Żmien il-Ħaġar sa meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Huwa proġett edukattiv u divertenti mhux biss għat-L-Istejjer tal-Istorja - CDtfal imma anki għal dawk li jħobbu jisimgħu l-istejjer. Dan għaliex il-ktieb għandu miegħu wkoll CD b’mużika komposta apposta sabiex wieħed ikun jista’ jimmaġina aħjar x’inhu jinqara. Ngħidu aħna tisma’ t-tinqix fuq il-ġebel, iż-żiemel jiżgħer u l-mewġ iħabbat. L-istejjer huma ppreżentati b’mod sempliċi, fil-fatt minn għajnejn it-tfal, li fl-istorja jkunu qed jgħixu f’dawk iż-żminijiet. Huma stejjer fittizji iżda li jirrakkuntaw fatti veri u allura min jismagħhom awtomatikament ikun qed jitgħallem ukoll dwar l-istorja ta’ pajjiżna.”

    Fl-isfond ta’ din il-kamra, jiena u nikteb, qed nisma’ s-CD ta’ dan il-ktieb tant interessanti. Proprju kif qalli Kenneth stajt insegwi t-tinqix tat-tempju hekk kif it-tfal kienu qed jirrakkuntaw dwar ix-xogħol ta’ nannuwhom li kien naqqax tat-tempji. L-istorja l-oħra ħaditni nisma’ l-ġrajja tan-nawfraġju ta’ San Pawl u kif it-tfal ta’ ċenturjun li kien jgħix f’Malta ta’ dawk iż-żminijiet, għen lil San Pawl jgħix f’pajjiżna. Ikolli nammetti illi l-maltemp li għaddej bħalissa qed ikompli jgħin biex idaħħalni fl-atmosfera tal-ħsejjes tas-CD bir-riħ ivenven, ix-xita tfaqqa’ u l-baħar isabbat bla ħniena…

    Qabel tlaqt xtaqt nisma’ minn fomm Kenneth għala jemmen illi wieħed għandu jagħti importanza lill-istorja ta’ pajjiżu?

    “Għax l-għarfien ta’ l-istorja ta’ pajjiżek tagħmlek persuna sħiħa. X’jagħżel poplu minn ieħor? Mhux il-lingwa, l-istorja u l-kultura tiegħu? Il-poplu Malti, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu huwa riżultat ta’ dak kollu li għadda minnu matul iż-żminijiet. Huwa wkoll riżultat tal-ħakmiet ta’ ċiviltajiet differenti li wħud mix-xogħlijiet li ħadmu dawn f’pajjiżna għadna nistgħu ngawduhom sa llum. M’għandix dubju illi kieku aħna ma ġejnix influwenzati minn dawn in-nies b’kulturi oħra, il-poplu Malti kien ikun ferm differenti minn kif nafuh illum. Għalhekk tajjeb li tkun taf dwar l-istorja ta’ pajjiżek… għax turik għaliex int dak li int illum.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Novembru 2009)

    2009.11.15 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • MILL-MOSTIN GĦALL-MALTIN

    Żort il-post għall-ewwel darba għax kien stedinni ħabib tiegħi biex immur nara l-wirja li kien qed itella’ fir-Razzett tal-Markiż il-Mosta. F’post b’isem bħal dak minn kollox kont nippretendi, minbarra dak li sibt…. Ir-Razzett tal-Markiż mhux ħlief ġawhra moħbija qalb il-bini modern tal-Mosta li permezz tan-nies li huma responsabbli minnu, joffri rokna ta’ trankwillità u kenn mill-ħajja mgħaġġla ta’ llum.

    Bħal b’kalamita misterjuża r-Razzett tal-Markiż reġa’ ġibidni lejh mill-ġdid, din id-darba biex nintervista lill-President tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti, is-Sur Joe Joe Bartolo Bartolo. Xtaqt inkun naf l-istorja ta’ dan ir-razzett u l-iskop tal-eżistenza tiegħu u ta’ din l-Għaqda. Matul l-intervista tiegħi skoprejt illi wara kollox l-istorja u l-għomor ta’ dan il-post umli imma sbejjaħ kienu minsuġa għalenija mal-istorja u l-ħajja ta’ diversi bnedmin oħra li b’imħabba u b’għożża dejjem ħadmu għal dak li emmnu fih….

    “Kulħadd hekk jiġrilu! Hawn xi ħaġa speċjali f’dan il-post,” tbissem Joe Bartolo il-President tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti hekk kif tarraftlu l-iskop tiegħi. “Madwar ħmistax ilu kien hawn il-Professur Guido Demarco. Qalli li ma setax idum ħafna… mhux aktar min-nofs siegħa. Spiċċa għamel sagħtejn sħaħ hawnhekk. L-istess ġralu l-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi u daqshekk ieħor il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat minkejja l-bosta mpenji li kellhom.”

    Imma x’inhu s-sigriet ta’ dan il-post?

    Il-post għandu r-romantiċiżmu tiegħu imma s-sigriet veru huwa n-nies li ssib jilqgħuk ġo fih. Hawnhekk il-bieb dejjem miftuħ għal kulħadd. Għalkemm l-għaqda tagħna għandha l-isem Għaqda Filantropika Talent Mosti, aħna ma nilqgħux biss lin-nies tal-Mosta imma anki lill-bqija tal-Maltin u saħansitra lill-barranin li jiġu jżuruna u jtellgħu l-wirjiet tagħhom hawn.

    Minn fejn ġie l-isem tal-Għaqda u xi tfisser l-arma tagħkom?

    L-isem ta’ din l-Għaqda inħoloq peress li aħna twelidna fl-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Mosta. Imma wara ftit taż-żmien hemmhekk ma tantx baqgħu jarawna ħelwin għax kienu jaħsbu illi aħna aktar kien moħħna fid-drama u l-palk milli fir-reliġjon. Għalhekk konna bdejna niltaqgħu fil-garaxx ta’ wieħed minna – Andrew Borda. L-iskop tagħna dejjem kien li nrawwmu t-talent. Illum kulħadd jaċċettah l-isem – mill-Mostin għall-Maltin. Tant hu hekk illi mit-300 membru li għadna, aktar minn 200 minnhom ġejjin minn naħat oħra ta’ Malta.

    L-arma tal-Għaqda Talent Mosti għamilha Joe Galea. Din tinkorpora fiha l-elementi kollha tal-kultura: il-pittura, il-mużika, il-poeżija u d-drama.

    Kif bdejtu taħdmu minn dan il-post?

    Oriġinarjament jiena kont l-ewwel wieħed li ħlomt bir-Razzett tal-Markiż bħala ċentru kulturali. Ħadd aktar ma kien jaf bih. Kien magħruf biss b’ismu – bħala r-Razzett tal-Markiż għax sidu kien il-Markiż Ir-Razzett tal-MarkiżMallia Tabone. Meta l-Markiż miet, dal-post waqa’ f’idejn il-gvern. Ir-razzett għamel żmien twil mitluq u abbandunat sakemm darba ġie deċiż li ssir skola minfloku u fuq l-artijiet tiegħu tal-madwar. Qatt ma kont tarraft xejn lil ħadd bi ħsibijieti. Imma meta rajthom ser iwaqqgħuh jiena u xi wħud minn sħabi morna nkellmu lill-Ministru tal-Edukazzjoni s-Sur Daniel Micallef. Dak iż-żmien kienu għadhom ma jeżistux ir-regoli tal-konservazzjoni tal-bini antik, kif hawn illum. Il-gafef kienu diġà lesti quddiem ir-razzett biex jibdew iħottuh għax ma kienx qed iżomm mal-linja tal-bini modern. Kien wasal fl-aħħar biex jittajjar min-nofs. Imma b’xorti tajba l-Ministru waqqaf milli jitwaqqa’ u r-razzett ġie salvat. Maż-żmien, fuq l-artijiet li kellu warajh ir-razzett, telgħet l-iskola Lily of the Valley. U hawnhekk reġa’ daħal strument ieħor fid-destin ta’ dan il-post – il-kap tal-iskola ta’ dak iż-żmien Ms M. D. Aquilina. Permezz ta’ kemm ħabirket għal dan ir-razzett, il-Ministru Ugo Mifsud Bonnici (li taħtu issa kien jaqa’ l-Ministeru tal-Edukazzjoni) beda jirrestawra l-post. Ir-razzett beda jieħu surtu u r-rispett tiegħu lura. Madanakollu fil-bidu kien jintuża biss bħala maħżen għall-oġġetti tal-iskola u biex jgħaddu xi siegħa żmien fih it-tfal jiktbu xi essej jew ipinġu xi ħaġa. Niftakar darba waħda jien iddeċidejt li nkellem lil Ms Aquilina u għedtilha bix-xewqa tiegħi li nagħmel ċentru kulturali minn dan ir-razzett. Flimkien mal-kumitat u d-diriġenti tal-Għaqda ta’ dak iż-żmien morna anki nkellmu lis-Sur Evarist Bartolo (li kien issa l-Ministru tal-Edukazzjoni) u dan flimkien ma’ Ms Aquilina, iddeċidew li jgħaddu r-razzett lill-Għaqda għal żmien ta’ prova biex jaraw kif immorru.

    Minn dak inhar ‘l hawn qatt ma ħarisna lura. U kull min emmen fina, dejjem ħriġnih ta’ raġel għax il-post saħħaħnih bil-ħidma volontarja tagħna sakemm tellgħajnih fil-pożizzjoni li jħaddan illum tant li l-Għaqda tagħna saħansitra ġiet mogħtija t-titlu ta’ NGO.

    Għalkemm jien kont il-moħħ wara dal-post, jiena dejjem sibt l-għajnuna ta’ sħabi u ta’ ħbiebi u bis-saħħa tagħna lkoll flimkien li wasalna fejn wasalna. Bsaten fir-roti sibna wkoll imma meta tikkunsidra kemm issib għajnuna, tipprova dejjem tara l-pożittiv.

    X’tip ta’ attivitajiet u wirjiet isiru fir-Razzett tal-Markiż?

    Aħna nħobbu nvarjaw l-attivitajiet biex nolqtu l-gosti u t-talenti ta’ ħafna. Għamilna wirjiet taċ-ċinematografija, wirjiet ta’ statwi u ta’ pittura. Norganizzaw iljieli msejjħa ‘Niltaqgħu mal-Awtur’ fejn aħna nlaqqgħu lin-nies mal-awturi ta’ kotba ġodda. Kellna nies ta’ kalibru kbir fostom lil Dr Alfred Sant, Mariella Pisani Bencini, Oliver Friggieri, George Peresso u ħafna oħrajn. Intellgħu anki reċti qosra b’tema soċjali u wara niddiskutuwhom. Kellna wkoll żewġt iljieli iddedikati għad-djaletti Maltin; laqgħat interessanti ferm fejn fihom ħareġ il-wirt Malti tagħna li biż-żmien sfortunatament qed jintilef. Fi żmien il-Budaj, li kien iħobb ħafna lil dan il-post, konna norganizzaw ukoll iljieli tal-għana.

    Min jista’ jtella’ l-wirjiet hawnhekk?

    Kull min għandu talent tajjeb jista’ jiġi u jitkellem magħna u aħna nagħtuh l-opportunità li tkun tistħoqqlu. Anzi nħeġġu lil dawk li ma jaf bihom ħadd ħalli jersqu lejna. Ma tistax issejjaħ lilek innifsek Għaqda Filantropika jekk imbagħad inti tagħti ċans biss lin-nies stabbiliti. Ovvjament in-nies stabbiliti żżommhom ukoll għax dawk jgħollu l-livell tal-post. Imma issib talent kbir anki f’individwi li għadhom jibdew. Ħa nsemmilek ftit minnhom…

    Dan l-aħħar kellna tfajla li għaxxqet lil kulħadd bil-kapaċità tagħha fil-pittura. Ħallitilna kwadru tal-Budaj hawnhekk mill-isbaħ. Ġuvnott ieħor ta’ 18-il sena ħadmilna abbozz ta’ Dun Anġ Camilleri – Skultura - Madre Tereżaxogħol mill-aqwa. Bust ieħor li jimpressjonak huwa dak ta’ Madre Tereża li ħadem Frans Muscat; bniedem li qatt ma tgħallem imkien din is-sengħa. Il-bust ikellmek jonqsu! Issa meta inti toħroġ iddur mar-Razzett, issib ix-xogħlijiet ta’ dawn l-artisti li għadhom jibdew flimkien ma’ dawk ta’ artisti oħra kbar bħal Alfred Camilleri Cauchi u Anton Agius. Tista’ timmaġina kemm dawn l-artisti ġodda jħossuhom onorati li xogħlijiethom qegħdin esposti flimkien ma’ dawk ta’ artisti ta’ kalibru kbir. Bi ftit għajnuna u opportunità tagħmlilhom ħafna kuraġġ. Kien hawn artisti magħrufa li trawwmu minn hawnhekk u illum huma artisti kbar bħal ngħidu aħna l-pittur Mark Schembri.

    Aħna nħobbu nimxu bil-fatti u mhux bil-paroli. Kemm jintqalu affarijiet biex ngħinu lin-nies li għandhom xi diżabbiltà? Imma fir-realtà fejn huma l-opportunitajiet li jingħatawlhom? B’mod kollettiv iva, isiru affarijiet. Imma b’mod individwali ħadd ma jagħtihom ċans. Inħossni kburi ngħid illi hawnhekk aħna lqajna x-xogħlijiet tal-pittur Michael Vassallo, bniedem li sofra diżabbiltà kbira wara inċident ikreh li kellu waqt festa. Qraba tiegħu kienu fetħu qalbhom miegħi li għalkemm Michael kellu ħafna xogħlijiet sbieħ, kulħadd għalaqlu l-bieb għal xi opprotunità biex jesponihom. Imma aħna ħdimna miegħu u l-wirja tiegħu kienet ta’ suċċess kbir.

    Illum biex tagħmel wirjiet bħal dawn trid tħallas xkora liri. Hawnhekk titħallas biss donazzjoni u mill-flus li niġbru, aħna ngħinu lil min hu fil-bżonn.

    Liema kienet l-aktar wirja għal qalbek?

    Diffiċli tgħid. Matul dawn l-aħħar ħdax-il sena hawnhekk saru 112 il-wirja, bejn wieħed u ieħor waħda kull xahar.

    Il-wirja tal-iskultur Anton Agius kienet waħda mill-kbar u ġbarna ħafna flus minnha. Anki kellna ħafna donazzjonijiet min-nies li ġew.

    Imma l-aktar waħda li ħalliet impatt fuqi kienet dik tal-Ġimgha l-Kbira li saret is-sena li għaddiet. Irnexxielna nġibu l-abbozz tal-monument tal-Ġimgha l-Kbira li hemm fil-Knisja tal-Mosta. Ma kinetx faċli biex inġibuh għax dan kien qiegħed f’dar privata. Xogħol hekk m’hemmx prezzu! Kien ħallas għalih Karmenu Dimech wara li ġie mill-Amerika. Dan kien ħallas ukoll għall-iskultura li saret fis-saqaf tal-Knisja tal-Mosta. Antonio Agius mill-Birgu ħadem l-istruttura tal-injam tal-monument u Wistin Camilleri għamel lil Kristu mejjet u l-erbgħa anġli.  Letteralment irqadna hawn għal tlett ġimgħat sħaħ għax ma ridnix nitilquh minn taħt għajnejna. Dak inhar nemmen li aħna tajna xi ħaġa kbira lill-poplu Malti illi tul das-snin kollha qatt ma kellu l-opportunità biex jara xogħol bħal dan.

    Issemmili xi mument partikolari li seħħ hawnhekk u li ma tinsih qatt?

    Iva. Sfortunatament għalkemm tipprova tagħmel mill-aħjar li tista’, kultant tiżbalja wkoll. Hawnhekk seħħ disfatt kbir li għadu jkiddni sal-lum. Niftakar kien ġie bniedem minn barra l-Mosta jkellimni. Qalli li rani waqt intervista fuq it-TV u xtaqni ngħinu għax saħaq li kien batut ħafna u ma kellux biex jixtri l-mediċini. Ngħidlek id-dritt qbadt xi ħaġa personali minn tiegħi u tajtielu iżda m’emmintux akkost li ġie aktar minn darba jkellimni. Xi ftit wara sirt naf li waqa’ sobtu u miet. Inħsadt! Meta niftakar fih, qalbi tingħafas. Għalija din tebgħa li ġie jitlobna l-għajnuna u ma għennihx. Bqajt naħseb li jista’ għandi tort fil-mewt tiegħu. Dan il-każ ilu xi sentejn. Minn dak iż-żmien ‘l hawn ħarġet proċedura li nivverifikaw is-sitwazzjoni ta’ min jiġi jkellimna għalkemm aħna aktar għaqdiet ngħinu milli indiviwi. Madanakollu, meta tiltaqa’ ma’ ċerti problemi, ma tistax ma tgħinx.

    Xi jfisser għalik dar-razzett u x-xogħol li twettaq fih?

    Ilni President tal-Għaqda mill-bidu tagħha. L-Għaqda kienet twaqqfet minn Ruben Caruana li llum għandu t-tinda Ta’ Qali  u minn Edwin Vassallo li huwa Membru Parlamentari. Peress illi dak iż-żmien jien kont nidher fuq it-TV huma kienu talbuni nissieħeb magħhom għax xtaqu lil xi ħadd magħruf man-nies. Imbagħad Edwin daħal fil-politika u Ruben fetaħ in-negozju u l-Għaqda ħadtha f’idejja jien.

    X’ifisser għalija r-razzett? Fl-imgħoddi r-razzett kien post li mill-maxturi tiegħu kienu jieklu l-bhejjem. Illum qed jitma’ lill-pubbliku bil-kultura bnina tal-poplu Malti. Ix-xogħol volontarju minn dejjem Il-bieb miftuħ dejjemkien għall-qalbi. Sagrifiċċju kbir għalija u għall-familja tiegħ imma nagħmlu. Għalija dal-post qisu kellna tarbija u qed narawha tikber. Il-ħolma tiegħi hija li warajna jkomplu ż-żagħżagħ li qed jiġbed lejh dan il-post. Imma kultant biex issib in-nies li jixtiequ jagħmlu dan ix-xogħol volontarju mhux faċli. Altru tagħmel xogħol volontarju għal ftit ġranet u mod ieħor jekk inti trid tiġi hawn kuljum għal snin sħaħ. Il-volontarjat ġie iebes. Imma niżżi ħajr ‘l Alla hawn element ta’ żagħażagħ illi jagħmluli ħafna kuraġġ u meta nispiċċa jiena ninsab ċert li ser ikun hemm min ikompli warajja.

    Il-volontarjat huwa l-pulmun tal-bniedem. Jekk inti ma tagħmilx ftit żmien taħdem b’mod volontarju fil-ħajja, tkun qed titlef xi ħaġa importanti. Jista’ jkun illi meta dduq il-faqar tinbet aktar b’saħħitha ġewwa fik dik iż-żerriegħa li tħeġġek biex tgħin lil ħaddieħor. Fi żmien il-gwerra, meta waqgħet il-bomba fuq il-Knisja tal-Mosta, waqgħet oħra fuq darna u ġabitha frak. Tlifna kollox! Ma konnix sinjuri imma konna komdi. Illum nitbissem meta niftakar lil missieri jgħid “Il-Knisja ma waqgħetx imma darna waqgħet!” Spiċċajna ngħixu f’kerrejja f’faqar kbir u għax ħennet għalina waħda mara. Kutri ma kellnix. Missieri kien ifarfar xkora tas-siment u konna nimteddew fiha. Il-familja tagħna sfrattat meta nofsna telqu lejn l-Amerika. Minn hemm beda kollox. Dan is-sentiment kompla jikber fija meta għamilt 15-il sena naħdem fid-Dipartiment tas-Saħħa. Hemmhekk kont nara każi ta’ mard li jagħsrulek qalbek.

    Lilek rajnik ukoll bħala attur fuq it-TV…

    Iva. Id-drama xi ħaġ’oħra minn dejjem għal qalbi. Meta kont żgħir ridt insemma leħni fuq ir-radju-drammi tar-redifussion. Kien żmien Twanny Scalpello, Johnny Navarro, Charles Thake u George Portelli. Ma kienx faċli li tidħol f’dak il-qasam! Speċjalment meta tkun tal-irħula kienet teżisti dik it-tabù illi tal-irħula mhux kapaċi daqs tal-ibliet. Konna meqjusa bħala tat-tielet dinja u naf x’jiena ngħid. Issa mill-Mosta, fejn jien twelidt u għext, ħareġ l-aqwa element teatrali: biżżejjed insemmi lil Joe Quattromani, lil Joe Gatt u lil Peter Borg… krema ta nies li rnexxew.

    Permezz tad-djalett tiegħi kien irnexxieli nakkwista parti fit-teleserial il-Madonna taċ-Ċoqqa ta’ Albert Marshall. Dehert ukoll f’diversi xogħlijiet oħra. Permezz ta’ dan it-talent tiegħi, flimkien ma’ sħabi irnexxielna anki ntellgħu xi xogħlijiet sabiex permezz tagħhom niġbru l-flus għall-karità. Storja ħelwa hija meta għamilna l-ewwel plej ta’ Wenzu u Rożi. Dak iż-żmien kien ġie l-Papa f’Malta u l-Mosta m’għaddiex. U aħna konna sibna x-xoqqa f’moxta u ħdimna rakkont fejn għedna li l-Papa m’għaddix minn hemm għax beża’ li ser tisplodi l-bomba tal-Knisja tal-Mosta. In-nies ġiet bi ħġarha tarana u dakinhar kont ħassejt il-polz tal-poplu għax stajt nara kemm iħobb dawn l-affarijiet. Fil-fatt konna dawwarna l-plej f’vidjow u ġbarna Lm3000 għad-Dar tal-Provvidenza.

    X’taħseb li hu s-sigriet wara s-suċċess tiegħek u ta’ sħabek?

    Bla dubju l-umiltà u l-kariżma li nużaw ma’ kull min jiġi hawnhekk. Fir-Razzett aħna nilqgħu uħud mill-aqwa xogħlijiet ta’ artisti magħrufa. Kultant uħud minnhom ma jkunx hemm prezzhom imma jġibuhomlna xorta waħda. L-ogħla awtoritajiet ġew iżuruna hawnhekk għax aħna dejjem ilqajna lil kulħadd b’idejna miftuħa. Nikkwota l-kliem riċenti ta’ Dr Joseph Muscat illi meta ġie jżurna qalilna li aħna rnexxejna proprju għax aħna nies ta’ umiltà kbira. Jiena bniedem li ma nippretendihiex fil-ħajja imma immaġina x’inħoss meta jiġi l-Professur Guido Demarco u jgħidli Sur President. Inħossni hekk, kif naqbad ngħidlek? Stramba hux?

    Xi pjanijiet futuri tal-Għaqda u l-aħħar kumment…

    Fil-pjanijiet futuri tagħna qed nippjanaw li nċaqalqu mill-ġdid id-drama li qisna konna warrabna daqsxejn.

    Nixtieq nieħu l-opportunità biex minn hawnhekk nirringrazzja lil dawk kollha li emmnu fina fostom lill-familja tiegħi u anki lil dawk li m’għadhomx magħna. Bis-saħħa ta’ dawn ukoll ir-Razzett tal-Markiż għadu jżomm id-dinjità tiegħu filwaqt li jgħin ukoll biex tingħata d-dinjità lil min qiegħed fil-bżonn.

    Ħinijiet tal-ftuħ (fis-Sajf) mid-9:00am sa n-12:00pm u mill-5:30pm sad-9:30pm, mit-Tnejn sal-Ħadd.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 ta’ Lulju 2009)

    2009.07.19 / no responses / Category: Torca - Perspettivi