Posts Tagged ‘Angelo Baldacchino’

  • Meta toħlom akbar

    Il-Bibbja tirrakkonta l-istagħġib tar-rgħajja meta waqt lejl tas-skiet, is-sema ddawwlet b’dawl mhux tas-soltu filwaqt li anġlu ħabbrilhom li kien twieled ir-Re li Alla kien wiegħed li ser jibgħat. Wieħed jista’ jimmaġina l-emozzjoni tagħhom hekk kif dawn ġrew lejn il-post indikat u hemm sabu lil Marija u lil Ġużeppi jbennu lil binhom Ġesù li kien għadu kif bexxaq għajnejh u lemaħ lid-dinja tagħna.

    Minn dak iż-żmien ‘l hawn kienu bosta l-popli li ttantaw joħolqu mill-ġdid din l-atmosfera mbierka u unika fil-ġranet ħelwin tal-Milied. Probabbilment il-bozoz tad-dawl żgħar u kkuluriti li nżejjnu diversi postijiet bihom, għandhom il-għan li jikkreaw mill-ġdid l-atmosfera tad-dwal li deheru fis-smewwiet f’dak il-lejl imqaddes, filwaqt li l-istatwa tal-bambin Ġesù tintuża bħala rappreżentazzjoni tat-tarbija divina.

    F’dawn il-ġranet naraw ukoll il-ħeġġa ta’ bosta individwi li jagħmlu minn kollox biex iqanqlu dik is-sensazzjoni antika ta’ stagħġib u ferħ li l-Milied biss kapaċi jġib miegħu. Ħafna minna, biex inferrħu lil xulxin, insibu ruħna niċċelebraw ir-ritwali li mxew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Imma mbagħad issib ukoll lil min jaspira aktar minn hekk, issib lil dawk li jazzardaw joħolmu akbar, lil dawk li joħorġu l-barra mit-tradizzjoni sabiex b’azzjoni mhux tas-soltu, jerġgħu jqajjmu dik ix-xrara ta’ stagħġib u ferħ li mhux la kemm wieħed jinsa.

    George VellaWieħed minn dawn huwa bla dubju l-Kavallier George Vella, Żejtuni ta’ 80 sena li llum joqgħod Birkirkara, u li dil-ġimgħa stedinni għandu sabiex jirrakkuntali dwar tliet attivitajiet partikolari li hu flimkien ma’ sħabu ħarġu bihom fi żmien il-Milied tas-snin sittin. Qabel inġbarna fl-istudju tiegħu ħalli ngħarrxu fost il-ġabra ta’ dokumenti, kotba, ġurnali u ritratti li hu pprepara għalija, George ma naqasx milli jdawwarni dawra mad-dar tiegħu sabiex jurini biċ-ċar ir-rabta tiegħu ma’ din il-festa, espressa fosthom permezz tal-kwantità ta’ presepji differenti li għandu, bil-bambin li xtara minn Betlehem lura fl-1956 u bis-siġra tal-Milied li huwa stess żejjen b’għadd ta’ ornamenti, bozoz ikkuluriti, u mużika ħelwa.

    L-ewwel tifkira ħaditna lura għall-1960 ġewwa l-bini tal-Juventutis Domus Sagra Familia fiż-Żejtun, fejn f’dak iż-żmien, George Vella kien is-segretarju tal-għaqda li kienet tmexxi l-attivitajiet tal-post. Ta’ min isemmi li oriġinarjament din il-binja li tinsab fi Triq San Girgor, kienet il-palazz ta’ l-Isqof Ferdinand Mattei li kien jużaha bħala residenza għas-sajf u anki biex minnha jkun jista’ jsegwi l-pellegrinaġġ annwali ta’ San Girgor li kien jgħaddi proprju minn din it-triq (kif għadu jiġri sa llum). Kien fl-1911 meta Dun Spiridione Grixti u Angelo Baldacchino staqsew lill-Arċipriet taż-Żejtun, Dun Lawrenz Degabriele, sabiex jingħataw il-permess ħalli jiftħu ċentru ta’ tagħlim fejn it-tfal iż-żgħar setgħu jitgħallmu d-duttrina u fl-istess ħin fejn iż-żagħżagħ setgħu jinġabru u jinżammu l-bogħod mill-perikli tal-ħajja, skont it-tagħlim ta’ San Ġwann Bosco.

    Għall-ewwel inkriet dar ċkejkna fi Triq San Girgor u d-Domus infetaħ uffiċċjalment fl-24 ta’ Frar 1912. Iżda aktar tard, fit-13 ta’ Diċembru tal-1920, ġie ffirmat il-kuntratt tal-akkwist ta’ dan il-palazz u d-Domus ġie trasferit għal dan il-post. Intant, madwar 40 sena wara, fl-eqqel tal-ġlieda politiko-reliġjuża, il-parteċipazzjoni fid-Domus min-naħa tat-tfal u ż-żagħżagħ bdiet tonqos ħafna u biex jerġgħu jiġbdu lura l-interess tagħhom, George Vella flimkien ma’ xi membri oħra, fosthom Generoso Vella u Joseph Turban, iddeċidew li minflok jagħtu r-rigali tal-Milied lit-tfal tal-membri, lill-abbatini, u lil dawk li kienu jattendu d-Domus minn ġewwa ċ-Ċentru bħas-soltu, huma kienu se jibgħatu lil Father Christmas idur madwar ir-raħal sabiex iqassam ir-rigali fid-djar tat-tfal stess, akkumpanjat mid-daqq tal-banda taż-Żejtun Boy Scouts.

    P1120394L-ewwel wieħed li messietu x-xorti li jilbes ta’ Father Christmas kien Joseph Mansueto li fl-1960 ħareġ fuq karru miġbud minn tractor armat b’żewġt iċriev kbar li kienu qed jiġbdu warajhom żlitta kbira ħamra mimlija bir-rigali u mdawwra bi qniepen elettriċi. Din l-idea mal-ewwel intlaqgħat tajjeb kemm mit-tfal u kif ukoll mill-membri tad-Domus u wkoll mill-ġenituri tat-tfal. Infatti minn dik is-sena ‘l hemm, il-membri tad-Domus u t-tfal kienu jibdew jaħdmu fuq dan il-karru minn xi xahar qabel, peress li kull sena l-forma tiegħu kienet tinbidel. Fost il-forom użati nsibu sputnik, rocket spazjali, ferrovija, żlitta miġbuda miċ-ċriev, żwiemel ħajjin eċċ.

    Maż-żmien tant ħadet din id-drawwa, li biex tkun tista’ tilqa’ t-talba biex jitqassmu r-rigali kollha fl-istess ħin kellhom joħorġu tnejn min-nies lebsin ta’ Father Christmas. Huwa interessanti li wieħed ikun jaf li meta wieħed kien jintagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas għal waqt din l-attività, dan kien jitqies bħala unur kbir peress li l-individwu magħżul kien ikun dak li ta l-akbar kontribut lid-Domus matul dik is-sena. Ftit ftit il-kelma ġriet u d-Domus taż-Żejtun beda jirċievi talbiet anki minn inħawi oħra f’Malta sabiex il-Father Christmas bil-karru tiegħu flimkien mal-banda tal-Boy Scouts imorru jferrħu u jqassmu r-rigali anki lit-tfal t’hemmhekk. Naturalment, ma damux ma nibtu attivitajiet bħal dawn mal-inħawi kollha tal-gżejjer tagħna, tant li din id-drawwa għadha għaddejjha fostna sa llum.

    P1120380It-tieni ġrajja li rrakkuntali George Vella seħħet fit-23 ta’ Diċembru 1963 meta wara talba li saret mid-Domus, id-dipartiment tar-relazzjonijiet pubblici tal-Hafmed NATO kienu rregalaw lill-poplu Żejtuni siġra kbira tal-Milied twila madwar 30 pied li nġiebet apposta min-Norvegja u tpoġġiet fi Pjazza Diċembru 13 (qabel Pjazza Brittanika). Dakinhar saru festi kbar hekk kif madwar is-siġra mixgħula, inġabru għadd ta’ Żwieten u anki uffiċċjali għoljin tan-NATO flimkien mal-familji tagħhom. Wara li tkantaw xi għanjiet tal-Milied, intfiet il-pjazza kollha fid-dlam u f’ħin minnhom, Tony Mifsud, li għal dik is-sena kien intagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas, għamel daħla trijonfali liema bħalha, hekk kif wasal fuq żiemel abjad biex iqassam ir-rigali lit-tfal minn taħt din is-siġra kbira. Ċertament dan ukoll kien avveniment kbir għaż-Żejtun u dwaru kienu tkellmu l-gazzetti kollha ta’ Malta u kif ukoll il-mezzi tax-xandir.

    Iżda l-kbir kien għadu ġej għax it-tielet ġrajja li kellu lest għalija George kienet waħda tassew fantastika u stagħġibt mhux ftit kif jiena, bħala Żejtunija, qatt ma kont smajt biha qabel. Kollox beda waqt logħba table tennis, hekk kif Ltn. Commander Cliff Perry, R.N., b’ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kienu qed jagħmlu dawn il-membri tad-Domus biex joħorġu b’ideat ġodda, huwa offra ruħu biex jagħti sorpriża kbira lit-tfal taż-Żejtun. Din kienet tikkonsisti fl-opportunità li għal dik is-sena, il-Father Christmas tad-Domus seta’ jitwassal minnu permezz ta’ ħelikopter tar-Royal Navy. Naturalment, okkażżjoni unika bħal dik ma kienux ser jitilfuha u George flimkien ma’ sħabu, intefgħu jippjanaw din l-attività l-ġdida.

    P1120383Ħafna mill-anzjani Żwieten jiftakru lil dan il-ħelikopter itir fuq iż-Żejtun fil-ġranet ta’ qabel il-Milied tal-1964, fosthom Carmelo P Baldacchino, li għaddieli xi ritratti li ħa ħu Ġeorge stess, Johnny Vella, dakinhar li seħħet din l-avventura. B’għaġeb kbir tat-tfal tal-iskola l-ġdida primarja taż-Żejtun (magħrufa bħala Carlo Diacono) f’ħin minnhom jidher ħelikopter b’maskra kbira ta’ Father Christmas fuq il-buq tiegħu u mżejjen b’dawl ikkulurit, u wara li ttajjar ftit fuq l-iskola, huwa deher nieżel fil-bitħa mdaqqsa tagħha u minnu ħareġ il-Father Christmas biex iqassmilhom ir-rigali li kellu jistennewh fi żlitta fil-qrib.

    George jiftakar ċar li t-tfal tbellħu meta raw dan kollu jiġri quddiemhom u tgħidx xi fratterija qamet, kulħadd jiġri ‘l hemm u ‘l hawn biex jara x’qed jiġri u biex jaċċerta ruħu li kien ser jaqla’ rigal. Wara dan kollu, il-Father Christmas ta’ dik is-sena, Anthony Sinagra, rikeb ġewwa ż-żlitta tiegħu u erħielha jqassam ir-rigali madwar iż-Żejtun kollu. Sadanittant il-ħelikopter reġa’ ntrefa’ fis-smewwiet u minnu nxteħtu għadd ta’ bżieżaq fuq l-inħawi tal-iskola. Ftit wara, il-ħelikopter deher jieqaf mill-ġdid fl-ajru fuq l-istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun u hemm niżlet xita ta’ ħelu għat-tfal li kienu residenti f’dan il-post.

    George kien emozzjonat ħafna b’dawn il-memorji iżda meta rani daqstant interessata, ma damx ma beda jirrakkuntali dwar għadd ta’ ġrajjiet oħra hekk kif minn armarji, kxaxen u kaxxi, huwa beda joħroġ diversi tifkiriet ħalli jispjegali aħjar dwar dak li kien qiegħed ifehemni. Fosthom skoprejt li matul ħajtu huwa żar diversi postijiet madwar id-dinja minħabba x-xogħol tiegħu fejn anki hemm ma naqasx l-element tal-avventura. Kien ukoll kittieb u riċerkatur fejn fosthom huwa kien ġabar u ppubblika t-tagħrif tal-Pronostiku Malti għal 25 sena sħaħ.

    Ċertament laqgħat ma’ individwi bħal dawn juru biċ-ċar kemm niesna huma riżors importanti ta’ esperjenzi u informazzjoni li jistgħu jitfgħu dawl fuq is-soċjetà, il-kultura u l-istorja tagħna. Nistgħu ngħidu li bosta mid-djar tagħna jistgħu jiġu kkunsidrati bħala arkivji fihom infushom mibnija personalment b’dedikazzjoni kbira minn nies differenti, skont l-oqsma varji ta’ l-interessi tagħhom. Personalment nemmen li flimkien mal-istorja ġenerali, dawn il-ġabriet tat-tifkiriet imxerrda fost diversi familji, kapaċi jippreżentaw sfumaturi sinifikanti sabiex wieħed ikun jista’ jara stampa akbar ta’ ġrajjiet pajjiżna.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (it-8 Parti) tat-Torċa datata 22 ta’ Diċembru 2013)

    2013.12.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles