Posts Tagged ‘Assedju l-Kbir’

  • L-attakk fuq l-isperun tal-Isla

    Għal dawk kollha li tinteressahom l-Istorja ta’ Malta, din is-sena hija waħda sinifikattiva ħafna, peress li qed jiġi kkommemorat l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir li seħħ fil-gżejjer tagħna fl-1565. Diversi kotba, lekċers, blogs, u attivitajiet relatati ma’ din it-tema, qegħdin ikomplu jqanqlu l-entużjażmu sabiex wieħed isir jaf aktar dwar din il-battalja qalila, fosthom għaliex seħħet, kif żvolġiet, min ħa sehem, x’kienu l-istrateġiji użati, u kif finalment il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Maltin ħarġu rebbieħa akkost id-diffikultajiet kollha.

    Sabiex jirrakkuntaw dawn il-fatti, nibtu wkoll numru ta’ paġni fuq Facebook u permezz tagħhom, wieħed jista’ jara biċ-ċar li mhumiex il-Maltin biss li qed jinvolvu ruħhom f’din il-kommemorazzjoni, imma anki għadd ta’ individwi minn madwar id-dinja kollha. B’hekk, din il-ġrajja tal-Assedju, qed isservi wkoll biex tiġbed l-attenzjoni tal-barranin lejn il-gżejjer tagħna u possibilment, uħud minnhom jafu jitħajjru jżuruna.

    Mudell li juri l-attakk fuq l-isperun tal-Isla

    Membri jahdmu fuq il-mudellWaħda minn dawn il-paġni tal-Facebook hija ‘The assault on the Spur, Isla, 15th July 1565’ li permezz ta’ bosta ritratti, qed turi u tispjega pass pass, it-tnissil u l-kostruzzjoni ta’ diorama, jew mudell, tal-isperun tal-Isla. Għall-ewwel, segwejt dan il-grupp permezz tar-ritratti li kien qed itella’. Iżda eventwalment, tant sibt ix-xogħol li kien qed jitwettaq intriganti, li deherli li kien jixraq li mmur nagħtih titwila ħalli narah b’għajnejja.

    “Huma ħafna dawk li qed juru x-xewqa li jiġu jaraw dan il-mudell,” stqarr Alex Schembri, President ta’ Society for Scale Modellers – IPMS Malta. “Napprezzaw ferm li l-pubbliku qiegħed isegwi x-xogħol tagħna b’tant ħeġġa u qed nagħmlu minn kollox biex sal-15 ta’ Lulju, inkunu nistgħu nvarawh ftit billi nippreżentaw diversi ritratti tiegħu.”

    Society for Scale Modellers – IPMS Malta

    Society for Scale Modellers ġiet imwaqqfa f’Jannar tal-1981. L-għan prinċipali ta’ dan il-klabb dejjem kien li jgħolli l-livell tal-iscale modelling f’pajjiżna sabiex jikkompara ma’ dak internazzjonali. Infatti l-klabb huwa affiljat mal-International Plastic Modellers Society li għandha rappreżentanti tagħha f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.

    L-iscale modelling jieħdok sa fejn trid

    “Għalkemm dan il-qasam ġeneralment jitqies bħala passatemp, aħna xorta waħda nagħtuh attenzjoni kbira billi naraw li x-xogħol isir bi professjonalità. Imma fir-realtà, l-iscale modelling jieħdok sa fejn trid u infatti fost il-membri, għandna numru minnhom li huma esperti tassew, tant li rebħu diversi kompetizzjonijiet barra minn Malta. Oħrajn saru jipproduċu l-prodotti tagħhom u jbiegħuhom.”

    Kull sena, din is-Soċjetà ttella’ esebizzjoni bix-xogħolijiet li jkunu saru mill-membri tagħha u f’dak iż-żmien, ikun hemm numru ta’ nies li jitħajjru jingħaqdu magħha.

    “Idealment l-età tal-membri tagħna tibda minn 17 il-sena sabiex wieħed jilħaq jitrawwem f’dan il-qasam. Niltaqgħu darba f’ġimgħa ħalli nuru x-xogħolijiet li qed nagħmlu u flimkien niddiskutu x’jista’ jsir aħjar. Hawnhekk kulħadd ikollu l-preferenzi tiegħu: min jaħdem il-mudelli tal-ajruplani, min il-figuri, min il-karozzi, oħrajn inġenji tal-baħar eċċ. U għalhekk, wieħed jgħin u jgħallem lill-ieħor sabiex il-mudell tiegħu ikun aktar perfett u komplet.”

    Proġett li ġabar flimkien lill-membri kollha

    IMG_8367Fil-fatt, matul dawn l-aħħar xahrejn, prattikament il-membri kollha qegħdin jagħtu daqqa t’id biex jissawwar dan il-mudell imdaqqas tal-isperun tal-Isla.

    L-għażla ta’ din it-tema oriġinat minn Ivan Cocker, wieħed mill-membri.

    “Dehrilna li peress li dis-sena qed nikkommemoraw l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir, kien jixraq li niddedikaw xi biċċa xogħol għalih. Wara li ddiskutejt din l-idea ma’ sħabi u mal-Kuraturi ta’ Heritage Malta, Emmanuel Magro Conti u Liam Gauci, l-għażla tagħna waqgħet fuq l-isperun tal-Isla minħabba li fuq dan il-Post ta’ Don Francisco de Sanoguera kien hemm il-konċentrament tal-attakk u anki peress li dan il-lwog kien l-uniku wieħed waqt dan l-assedju li ġiet attakkat kemm mill-art u kif ukoll mill-baħar,” spjegali Ivan.

    Ir-riċerka nvoluta biex isir dan il-mudell

    Hekk kif intagħżel il-lwog li kienu se joħolqu l-mudell tiegħu, bdiet riċerka sfieqa ħalli tinkiseb kemm jista’ jkun informazzjoni, l-aktar minħabba li llum ftit li xejn fadal minn dan l-isperun.

    “Irreferejna ma’ għadd ta’ kotba, mapep, mużewijiet, u pitturi sabiex inkunu nistgħu noħolqu mudell kemm jista’ jkun viċin għal dak li kien jeżisti tassew f’dak il-perjodu. Ngħidu aħna biex bdejna nibnu l-isperun, imxejna mal-ktieb ta’ Balbi, li kien suldat li ħa sehem f’dan l-assedju. Rajna wkoll pjanti ta’ llum tal-Isla peress li sirna nafu li l-pedament tal-isperun għadu hemm. Fittixna wkoll kotba tal-istorja u tal-fortifikazzjonijiet li jsegwu dak li seħħ wara l-assedju ħalli b’hekk nagħrfu x’kienu dawk ix-xogħolijiet li saru wara, kemm mill-Kavallieri nfushom u kif ukoll mill-Imperu Ingliż.”

    Mudell maħdum fuq skala 1:72

    Oliver MifsudHuma użaw ukoll il-pjanti biex jiffurmaw l-iskala tal-mudell 1:72 ħalli b’hekk janalizzaw ukoll sa fejn se jkopri.

    “Ma stajnix nagħmlu l-Isla kollha, naturalment. Għalhekk iffukajna fuq l-isperun, u permezz tal-pjanti, ħriġna bl-iskala. Ħdimna b’reqqa kbira imma mbagħad kien hemm mument fejn kellna nagħlqu għajnejna. Dan seħħ per eżempju fil-każ tal-mitħna li fir-realtà kienet tinsab aktar lura minn fejn tidher fil-mudell. Madanakollu, peress li l-imtieħen lagħbu parti importanti f’din il-battalja, anki peress li biswiethom, l-Ordni kellha l-kanuni, ma kienx jagħmel sens li nħalluha barra,” infurmani Oliver Mifsud hekk kif beda jurini kif qed jinħadem dan il-mudell.

    Sabiex il-mudell ma jkunx tqil wisq, il-pedamenti tiegħu tfasslu mill-ġablo u mbagħad fuqu beda l-kisi ta’ materjal ieħor ħalli jiġu ffurmati l-art u l-fortifikazzjoni. Imbagħad, biex il-lewn ta’ dawn jiġi jixbaħ lill-ġebla tal-franka Maltija, ġie xkatlat il-ġebel fil-wiċċ, mgħejjun ukoll miż-żebgħa ħalli joqrob aktar lejn ir-realtà.

    Kull parti tal-mudell għandha l-istorja tagħha

    Dawwruni ftit mal-mudell biex inkun nista’ nifli d-dettalji li fih. Intbaħt li skont minn fejn tħares lejn dan il-mudell, tkun tista’ ssegwi parti mill-ġrajja ta’ dak li seħħ f’dan il-post waqt l-assedju.

    “Biex inkunu aktar preċiżi, segwejna wkoll mill-qrib kif saru l-attakki fuq dan l-isperun, ħalli b’hekk nagħrfu aħjar fejn saru l-ħsarat u t-tifrik, fejn tpoġġa ċertu lqugħ għad-difiża, fejn kien hemm il-katina biex iżżomm ix-xwieni tal-għadu milli jidħlu, u fejn il-Gran Mastru Jean de la Valette ordna biex isir l-ostaklu ġol-baħar li kellu jtellef lit-Torok milli jersqu bid-dgħajjes tagħhom,” qalli Ivan.

    Minkejja t-tiftix u r-riċerka, xorta jibqgħu numru ta’ mistoqsijiet dwar uħud minn dawn li semmejt peress li issa għadda ħafna żmien u wieħed ikollu joqgħod biss fuq dak li jirnexxielu jsib.

    Skoperti fatti kurjużi waqt il-ħidma ta’ dan il-mudell

    Ivan Cocker“L-ostaklu fil-baħar huwa eżempju minnhom,” fissirli Ivan. “Biex fassalnih, qgħadna ħafna fuq id-dettalji ta’ Balbi. Imma aħna u naħdmuh, ma stajniex nifhmu l-għala dan l-ostaklu ma sarx biex ikopri t-tul kollu tal-art imma tħalliet parti mikxufa minn fejn wieħed seta’ jidħol.”

    “Intant, meta bqajna niflu dan id-dettall, sibna li fejn inbena l-ostaklu, il-baħar kien aktar baxx, filwaqt li fil-parti l-miftuħa, il-baħar kien fond. Għalhekk, komplejna deħlin nistħarrġu l-istorja u ma domnix ma skoprejna li għall-attakk tal-15 ta’ Lulju 1565 fuq dan l-isperun tal-Isla, il-Kmandanti Ottomani kienu bagħtu suldati li ma jafux jgħumu ħalli b’hekk ma jkunux jistgħu jirtiraw billi jgħumu lura.”

    Uħud mill-membri li nġabru ħdejna ammettew illi qabel bdew jaħdmu fuq dan il-mudell, ftit li xejn kienu jafu dwar din il-parti tal-istorja ta’ Malta. Imma issa kien xort’oħra hekk kif bdew jinteressaw ruħhom dejjem aktar u l-għatx għall-informazzjoni kull ma jmur dejjem jikber.

    Parti mill-mudell tal-mitħna maħdum minn disinjatur industrijali Amerikan

    Il-mudell tal-mithnaBiċċa xogħol oħra li qanqlet riċerka kienet il-mitħna.

    “Ma stajniex noqogħdu biss fuq l-affreski ta’ D’Aleccio peress li fix-xogħolijiet tiegħu, dawn l-imtieħen ivarjaw. Jidher ċar li f’dan il-każ, l-artist uża l-immaġinazzjoni tiegħu u għalhekk aħna ridna nsibu x-xbieha reali tagħhom,” fissirli Alex.

    “Inxtħetna nirriċerkaw dan is-suġġett u sibna li l-imtieħen tar-riħ ma kienux inbidlu wisq matul is-snin. Dorna anki diversi eżempji ta’ mtieħen li jinsabu hawn Malta u kif ukoll f’xi pajjiżi tal-Mediterran, sakemm finalment, ħriġna b’disinn li jqarreb kemm jista’ lejn l-oriġinal.”

    Fatt li ta’ min isemmi huwa illi meta dan il-grupp wasal biex jaħdem din il-mitħna, il-parti ta’ fuq, li hija l-aktar diffikultuża, spiċċat saret minn sors li ma kienux qed jistennew.

    “Kif taf inti, huma ħafna dawk li qed isegwu x-xogħol tagħna permezz tal-Facebook. Fosthom hemm Pete Hamann, disinjatur industrijali Amerikan, li tant apprezza dan il-proġett, li offra li jagħtina daqqa t’id. Hekk kif ġietna x-xoqqa f’moxtha, issuġġerejna li jaħdmilna l-parti ta’ fuq ta’ din il-mitħna li kienet tinsab fuq l-għolja tal-Isla u fi ftit taż-żmien, hu pprovdina bil-mudell 3D li ħadem apposta għalina.”

    Numru kbir ta’ figuri jagħtu l-ħajja lill-mudell

    IMG_8333Dettall ieħor li jien apprezzajt ferm kien in-numru kbir ta’ figuri li kienu qed ikomplu jagħtu l-ħajja lil dan il-mudell. Skoprejt li kien hemm madwar 400 figura mqassma bejn Kavallieri u Ottomani.

    “Dawk xtrajnihom bħala kits u issa qed niżbugħhom skont il-perjodu,” urini Alex hekk kif tani f’idejja numru minnhom.

    Id-dettall li kien fihom kien straordinarju u bla dubju maħdum b’ħila u b’paċenzja kbira.

    Mudell li jgħinek tara l-Istorja b’għajnejk

    Bħala waħda minn dawk li qed insegwi ġurnata b’ġurnata l-ġrajja tal-Assedju l-Kbir, nistqarr li apprezzajt ferm il-possibilità li nara b’għajnejja dan il-mudell u nifli d-dettalji li fih, hekk kif permezz tiegħu, stajt nifhem aħjar dak li kont qed naqra dwaru.

    Xena mill-mudell“Meta jitlesta dan il-mudell, nixtiequ ħafna nagħtuh bħala donazzjoni lil Heritage Malta sabiex b’hekk huwa jkun jista’ jservi bħala għodda edukattiva kemm għall-istudenti u kif ukoll għall-pubbliku li jżuru. Qed nittamaw li forsi dan il-mudell ikun jista’ jiġi nvolut ukoll fl-esebizzjoni internazzjonali li Heritage Malta se tkun qed torganizza fil-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt bejn l-4 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru 2015.”

    Infatti mill-ġimgħa d-dieħla, fil-blog tal-Assedju l-Kbir ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org/1565, wieħed se jkun jista’ jibda jiskopri uħud mill-oġġetti li se jkunu qed jiġu esebiti f’din l-esebizzjoni, li hi maħsuba li se tkun waħda mill-avvenimenti l-aktar importanti ta’ din is-sena relatati mal-ġrajja tal-Assedju tal-1565.

    Aktar tagħrif dwar Society for Scale Modellers – IPMS Malta jista’ jinkiseb minn SSM House, Sulphur Lane, Ħamrun, inkella permezz tas-sit www.ipmsmalta.com u l-email info@ipmsmalta.com, jew permezz tal-Facebook.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (17 il-Parti) fit-Torċa tat-12 ta’ Lulju 2015)

    2015.07.12 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Ma tistax ma tieqafx tiċċassa lejh meta tara ritratt ta’ ras ta’ skeletru ta’ bniedem iddekorata! Aktar u aktar meta ssir taf li dik hija relikwa ta’ individwu magħruf ħafna madwar id-dinja. U li din tinsab f’monasteru f’Malta.

    Patri Gerard Sasso: il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann

    Relikwa - Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Iltqajt għall-ewwel darba ma’ din l-immaġni waqt xi xogħol li kont qed nagħmel relatat mal-Assedju l-Kbir li seħħ fl-1565. Skoprejt li dik ir-ras kienet maħsuba li tappartjeni lill-Patri Gerard Sasso, il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann, li għex bejn l-1040 u l-1120.

    Jingħad li Patri Gerard kien bniedem twajjeb ħafna u ta’ qalb kbira. Kien jifforma parti mill-Ordni Benedittina u fil-11 il-seklu, huwa rħielha lejn Ġerusalemm sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu lill-pellegrini li kienu jżuru dik l-art fi kwantitajiet kbar, akkost il-perikli u s-sofferenza.

     Il-perikli tal-pellegrini

     Dak iż-żmien ma kinetx xi ħaġa faċli li tmur pellegrinaġġ biex iżżur siti Kristjani, speċjalment meta dawn kienu f’art oħra li spiss kienet maħkuma mill-Misilmin. Apparti l-biża’ minn xi attakk fejn wieħed seta’ jiġi misruq jew maqtul, kien hemm ukoll id-diffikultà tat-tul tal-vjaġġ bl-inqas kumdità possibbli. Il-mard, l-inċidenti u l-mewt temmew il-ħajja ta’ bosta minn dawn il-pellegrini. Kienet meqjusa bħala xi ħaġa komuni li pellegrin jista’ ma jirritorna qatt lejn daru u fil-fatt kien hemm sistemi legali li kienu jorbtu lil dak li jkun biex iħallas dejnu qabel ma jitlaq fuq xi vjaġġ bħal dan.

    Jitwaqqaf sptar għall-pellegrini f’Ġerusalemm

    Dan it-tiġrib lill-pellegrini qanqal lil grupp ta’ negozjanti minn Amalfi sabiex iwaqqfu post fejn dawn in-nies setgħu jingħataw l-għajnuna u l-kura meħtieġa. Dan is-servizz tant kien utli u meħtieġ li finalment il-post inbidel fi sptar u dan beda jitmexxa minn Patri Gerard.

    Għalkemm oriġinarjament, dan il-post kien maħsub biex jilqa’ biss lill-pellegrini Kristjani, Patri Gerard ma kienx jagħmel din id-differenza bejn bniedem u ieħor. Jekk persuna kienet fil-bżonn, hu kien jilqagħha b’idejh miftuħa bla ma qatt jistaqsi xejn aktar.

    Titwaqqaf l-Ordni ta’ San Ġwann

    Dan l-aġir tiegħu sar magħruf sewwa man-nies, tant li finalment, aħbaru waslet għand Papa Paskal II. Dan tant ħass ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kien qed iwettaq il-patri li fil-15 ta’ Frar 1113, huwa rrikonoxxa l-isptar u l-ordni tiegħu billi ħareġ Bulla Papali li fosthom ta lill-Ordni id-dritt li tagħmel ir-regoli tagħha u li tirrispondi direttament lill-Papa. Minn hemm, dan il-grupp ta’ patrijiet inbidel fl-Ordni ta’ San Ġwann.

    Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien din l-Ordni bdiet tiġbed ir-rispett tan-nies, l-aktar tan-nobbli li l-membri tal-familja tagħhom kienu ngħataw l-għajnuna minn dawn il-patrijiet waqt xi pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Bħala rikonoxximent, dawn l-individwi sinjuri bdew jibgħatu somom kbar ta’ flus sakemm il-ġid beda dieħel għand l-Ordni bir-radam.

    Għalkemm Patri Gerard kien l-ewwel mexxej tal-Ordni, qatt ma kibritlu rasu. Huwa baqa’ dejjem bniedem umli, jaqdi dmiru mal-fqir, il-marid u l-batut. Miet fl-1120 u postu ttieħed mill-Kavallier Franċiż Raymond du Puy. Dan ma kien jixbaħ xejn lil ta’ qablu għax apparti li kien reliġjuż, kien ukoll statista. Infatti, huwa ma damx ma bidel in-natura tal-Ordni, ikkodifika r-regoli tagħha u waqqaf grupp ta’ patrijiet li kienu lesti li jiġġieldu sabiex jipproteġu lill-pellegrini. Barra minn hekk, huwa ra kif joħloq mezzi oħra sabiex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-Ordni billi akkwista artijiet u rikkezzi oħra.

    Ġisem Patri Gerard jitqies b’relikwa

    Wara l-mewt ta’ Patri Gerard, ġismu nżamm fil-monasteru ta’ Ġerusalemm u l-Kavallieri raw kif għamlu biex ippreservawh bl-aħjar mod. Dan il-korp kien miżmum b’qima kbira tant li kull meta l-Kavallieri bidlu l-post tal-kwartieri tagħhom, huma ħaduh magħhom bħala relikwa prezzjuża.

    Ras Patri Gerard issib ruħha Malta

    Il-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-BeltIżda ġara li għal xi raġuni, dan il-ġisem ma baqax intatt u fl-1749, ras il-patri sabet ruħha f’Malta wara li nġarret minn Monasque fi Franza fuq ordni tal-Gran Mastru Emmanuel Pinto. Dan it-tagħrif huwa kkonfermat minn dokumenti li hemm maħżuna ġol-kaxxa ċkejkna li fuqha sserraħ din ir-relikwa.

    Għall-ewwel, din ir-ras inżammet fil-Palazz Maġisterjali u aktar tard, din tmexxiet flimkien mar-relikwi l-oħra li kienu merfugħa fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt. Eventwalment, fid-19 ta’ Ġunju 1830, din ir-ras ġiet fdata f’idejn is-sorijiet tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula, il-Belt, fejn għadha sa llum, f’vetrina żgħira biswit l-altar tal-kor, ġewwa l-kappella tal-monasteru.

    Fil-21 ta’ Diċembru 2001, ir-relikwarju tal-injam li kienet miżmuma fih din ir-ras, inbidel ma’ wieħed tal-fidda u dan ġie rregalat mill-Prof. Dr Guglielmo de Giovanni-Centelles, Duka ta’ Precacore, flimkien ma’ martu Donna Carla.

    Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS biswit ir-relikwa ta' Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Wara li rriċerkajt din it-tema, ma stajtx ma nżurx il-post fejn tinsab din ir-relikwa. Akkost li l-monasteru jiġbor fih sorijiet tal-klawsura, it-talba tiegħi ġiet milqugħa mal-ewwel u ma domtx ma sibt ruħi wiċċ imb’wiċċ ma’ dan il-bniedem li tant nies jitkellmu b’rispett lejh.

    “Kull sena, jiġu għadd ta’ nies minn madwar l-Ewropa kollha biex iżuru din ir-relikwa,” infurmatni l-Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-Belt.

    Il-Madre Prijoressa liebsa l-istolone u l-manto di punta“F’April li għadda, kellna anki żjara statali mill-Prinċep u Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta, Frá. Matthew Festing. Għal din l-okkażjoni, peress li aħna sorijiet tal-Ordni, nilbsu l-abitu statali li jinkludi l-istolone u l-manto di punta”.

    Kull sena, fit-13 t’Ottubru, dawn is-sorijiet jorganizzaw quddiesa solenni b’rispett lejn Patri Gerard. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, jattendu l-Kavallieri ta’ San Ġwann kollha li joqogħdu Malta u mill-ġdid huma jilbsu l-abitu statali.

    Ħadd ma jaf kien kien jidher wiċċu

    Ħadd ma jaf fiċ-ċert kif kien wiċċ Patri Gerard. Madanakollu, sforz ir-rispett kbir li n-nies minn dejjem kellhom lejh, saru diversi pitturi tiegħu fejn wiċċu ġie mmaġinat mill-artisti. Wieħed minn dawn il-kwadri li juri lil Patri Gerard qed jilqa’ lil Godfrey de Bouillon, Duka ta’ Lower Lorraine u mexxej tal-Ewwel Kruċjata ġie maħdum mill-pittur magħruf Antoine De Favray u jinsab esebit fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti fi Triq Nofsinhar il-Belt.

    Sadanittant, jekk qanqaltilkhom biżżejjed kurżità, tistgħu taraw ukoll kopja ta’ dan il-kwadru fuq il-blog tal-Assedju l-Kbir ta’ Heritage Malta – www.heritagemalta.org/1565

    Apparti kurżitajiet simili relatati mal-Ordni ta’ San Ġwann, f’dan il-blog tistgħu ssegwu wkoll rakkonti ġurnata b’ġurnata ta’ dak li għaddew minnu Malta, il-Maltin u l-Kavallieri waqt il-perjodu aħrax tal-Assedju l-Kbir li beda f’Mejju u ntemm f’Settembru tal-1565.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (12 il-parti) fit-Torċa tas-7 ta’ Ġunju 2015)

    2015.06.07 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • XENI ĦAJJIN TAL-PESTA TAL-1813 FIŻ-ŻEJTUN

    Għal żmien twil fl-istorja tal-bniedem ma kienu jinġabru l-ebda dettalji dwar il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi. In-nies kienu jitwieldu, jiżżewġu, imutu u jindifnu mingħajr qatt Daqs li kieku qatt ma eżistewma titniżżel nota waħda dwarhom, daqs li kieku qatt m’eżistew! Din is-sitwazzjoni nbidlet meta l-Knisja bdiet iżżomm l-ewwel tagħrif dwar il-parruċċani tagħha. F’pajjiżna nistgħu niftaħru li għandna wħud minn dawn il-ġabriet ta’ informazzjoni l-aktar bikrija, ħafna minnhom relatati mal-magħmudijiet, fejn l-eqdem fosthom huma r-reġistri tal-Magħmudija tal-Imdina li jibdew mis-sena 1539. Dan l-aħħar kelli bżonn nagħmel ftit riċerka dwar id-demografija u għaldaqstant iddeċidejt li nagħti titwila lill-Arkivji Ekkleżjastiċi Parrokkjali tal-Parroċċa taż-Żejtun. Ma kontx naf x’ser insib ma’ wiċċi u infatti dak li sibt, impressjonani ferm. Qatt ma bsart kif erbgħa numri u kemmxejn dettalji kienu kapaċi jsemmgħawlek mill-ġdid it-taħbita ta’ qalb ta’ poplu li għex u għeb tant snin ilu. Daqstant ieħor, qatt ma ħsibt li għad intiegħem il-biża’ li ħassu l-abitanti ta’ dan il-villaġġ, partikolarment waqt il-pesta li ħakmet il-pajjiż fl-1813…

    Bil-għajnuna tal-Arċipriet taż-Żejtun Rev. Fr. Eric Overend u tal-Kanonku Fr. Joe Abela, sibt ruħi qed inqalleb paġni li nkitbu mijiet ta’ snin ilu. B’paċenzja kbira Dun Joe, kif inhu magħruf iż-Żejtun, introduċini mal-post u mar-reġistri antiki u fi ftit siegħat ħarriġni kif nagħraf il-kitbiet imħarbxa jew impittra nokkli nokkli, b’linka sewda faħma. Bosta mill-kitbiet kienu bil-Latin imma hekk kif dawn jibdew jirrepetu ruħhom u jekk tkun midħla tal-lingwa Taljana, ma ddumx wisq biex issib irkaptu sabiex tifhem x’hemm imniżżel.

    L-eqdem reġistru jmur lura għas-sena 1580 u jinkludi d-dettalji tal-magħmudijiet, żwiġijiet u mwiet li seħħew matul is-snin 1580 sa l-1606. Sfortunatament il-kundizzjoni tiegħu mhiex tajba ħafna. Il-L-eqdem manuskritt - 1580qoxra hija magħmula minn kartun iebes u hi meħjuta ma’ mazz karti li jiffurmaw ir-reġistru. Laqtuni l-qfieli tal-għażel li kienu qed jintużaw bħala ċoff biex jagħlqu sewwa l-ktejjeb. Huma proprju dawn l-irqaqat żgħar li jqarrbuk bil-ħsieb lejn min seta’ għamilhom. Mur għid lil min ħadmu illi wara dawn is-snin kollha, xi ħadd ser ikun qed jgħożż u jifli x-xogħol tiegħu!

    “Tieħux qatgħa!” serraħli rasi Dun Joe. “Dan l-agħar wieħed fosthom bħala kundizzjoni. L-oħrajn ma jinsabux daqshekk ħażin. Madanakollu trid tapprezza wkoll kemm għadda żmien minn fuq dar-reġistru, kemm ilu jinġarr minn hemm għal hawn u f’liema kundizzjonijiet seta’ sab ruħu. Fuq kollox, ċertu linka li ġiet użata fuqu, maż-żmien ħareġ li kienet tqatta’ l-karti u b’xorti ħażina, qed tintilef xi informazzjoni minnu minħabba dan.”

    Poġġejt bil-qiegħda ħdejn skrivanija u fis-skiet apprezzajt l-opportunità li nżomm reġistru bħal dak f’idi. Hekk kif Dun Joe beda jurini l-listi miktubin fuqu, f’mument minnhom moħħi ġera lura s-snin u bħal triegħext meta rrealizzajt li l-kappillan li kien kiteb dak ir-reġistru kien għex waqt l-Assedju l-Kbir… mill-1565, ħmistax il-sena biss kienu għaddew! L-ewwel listi kienu tal-magħmudijiet u hawnhekk stajt ninnota t-tendenza li t-tfal kienu jissemmew primarjament għall-qaddisin. Rajt ukoll kif ċertu ismijiet u kunjomijiet imniżżlin hemm, illum ma nsibuhomx aktar f’pajjiżna, filwaqt li numru ta’ kunjomijiet minnhom ġew evoluti f’oħrajn magħrufa sewwa fil-preżent. L-ewwel żwieġ irrekordjat sar fis-6 ta’ Jannar 1580, filwaqt li f’Jannar tal-1583 bdew jitniżżlu wkoll id-dettalji tal-imwiet. Minn wara dar-reġistru, il-manuskritti l-oħra (kif jippreferi jsejjħilhom Dun Joe) huma kollha fl-istil skont il-Konċilju ta’ Trent.

    Il-Konċilju ta’ Trent (1545 – 1563) ġie mniedi waqt il-Kontro-Riforma tal-Knisja fit-taqtigħa tagħha kontra l-Protestantiżmu. Il-Konċilju kellu l-iskop li jikkundanna t-tagħlim u l-prinċipji tal-Il-Kanonku Dun Joe Abela bl-eqdem manuskritt f'iduProtestantiżmu, li jistabilixxi t-tagħlim tal-Knisja Kattolika u li jwettaq riforma fid-dixxiplina u t-twemmin, kemm tal-Kleru nnifsu u kif ukoll ta’ dawk li kienu jħaddnu l-Kristjaneżmu. Waqt żjara pastorali li saret minn Mons. Pietro Dusina fil-1575 bil-għan li jara li kulħadd kien qed isegwi d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trent, dan ordna illi kull kappillan kellu jżomm ħames reġistri b’konnessjoni ma’ ċertu sagramenti, ħalli jkun jista’ jiġi kkonfermat illi l-parruċċani kienu qegħdin jgħixu skont ir-regoli tat-tagħlim Kristjan. Dawn ir-reġistri kellhom joħorġu taħt dawn it-titli: Baptizatorum (magħmudija), Confirmatorum (ġriżma), Matrimoniorum (żwieġ), Mortuorum (mewt) u Liber Status Animarum (qrar u tqarbin).

    “Waqt din il-vista pastorali ta’ Mons. Dusina fl-1575, il-kappillan taż-Żejtun kien Dun Ġwann Mamo li kien mis-Siġġiewi u kellu 70 sena. Meta l-Monsinjur staqsa lill-kappillan jekk kienx qed iżomm ir-reġistri tal-parruċċani, dan wieġbu fl-affermattiv imma kif qed tara, hawnhekk ir-reġistri jibdew mill-1580. Jiena qed nassumi li Dusina ma kienx qagħad biss fuq il-kelma tal-kappillan imma li kien ra r-reġistri b’għajnejh u għalhekk probabbilment aktarx l-ewwel reġistri ntilfu. Ma rridux ninsew illi f’dak iż-żmien ir-reġistri kienu jinżammu fil-parroċċa ta’ Santa Katarina (illum magħrufa bħala Ta’ San Girgor) illi mhux darba u tnejn ħabtu għaliha l-furbani u ħallew ħerba sħiħa warajhom.”

    L-arkivji huma ħafna għal qalb Dun Joe imma nistqarr magħkom li għandi l-impressjoni li dan il-Kanonku stess hu arkivju ieħor ukoll! Hekk kif bi kburija beda jurini xkaffa wara l-oħra ta’ reġistri, huwa spjegali kif flimkien ma’ Walter Zahra, għal bosta snin, huwa ħadem biex ikklassifika dawn l-arkivji sabiex finalment inħoloq indiċi tar-reġistri kollha.

    “Għamilna anki werrej tal-indiċi nnifsu,” kompla jfehemni. “B’hekk ir-reġistri issa jistgħu jinżammu f’ordni aħjar u fl-istess ħin għamilna l-ħajja aktar faċli għar-riċerkaturi.”

    Il-kwantità tar-reġistri huma bla heda, hekk kif dawn jibqgħu sejrin sal-ġranet ta’ llum. Fost id-dettalji li wieħed isib fihom hemm dawk tal-magħmudija, preċett, griżma, żwieġ, tnhedijiet taż-żwieġ, L-ewwel manuskritt 1580 -1606imwiet, quddies u funerali, atti notarili dwar l-oqbra, konfraternitajiet, Liber Status Animarum, amministrazzjoni finanzjarja u inventarji. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn kitbiethom tidher li mhiex ħlief listi. Imma fir-realtà, dawn iħaddnu fihom informazzjoni mitqla deheb dwar il-popolazzjoni tal-villaġġ. Minnhom wieħed jista’ jikkalkula bidliet fil-qies, id-distribuzzjoni u l-kompożizzjoni tal-popolazzjoni matul is-snin. Bidliet drastiċi il-fuq jew ‘l isfel fil-popolazzjoni huma indikazzjonijiet ċari li jkunu seħħu xi ċirkustanzi partikolari li jkunu laqtu sewwa lin-nies tal-post. Ngħidu aħna lejn l-aħħar tas-16-il seklu u l-bidu tas-17-il seklu naraw żieda fil-popolazzjoni taż-Żejtun li kienet ikkawżata minn livell ta’ ħajja aħjar, miżuri aħjar relatati mas-saħħa u l-ħolqien ta’ aktar xogħol permezz tal-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta. Min-naħa l-oħra naraw tnaqqis fil-popolazzjoni wara l-epidemija tal-kolera li ħakmet liż-Żejtun fl-1887 u li kkaġunat il-mewt ta’ 4.5% tal-popolazzjoni tal-villaġġ.

    Il-listi tat-twelid jagħtuk idea dwar ir-rata ta’ għajxien tat-trabi, filwaqt li juru wkoll id-daqs medju tal-familji. Madanakollu, fis-snin imbiegħda, it-trabi li kienu jitwieldu mejtin mhux dejjem kienu jiġu rreġistrati u għalhekk wieħed irid joqgħod attent għax mhux neċessarjament li jkun qed jaħdem b’dettalji preċiżi. Mid-dati taż-żwieġ u tat-twelid tal-ewwel tarbija, tista’ tifhem ukoll kemm trabi kienu jitwieldu illeġittimi u anki kemm kienet iddum koppja sakemm tasal biex ikollha l-ewwel tarbija. Mir-reġistri taż-żwieġ, wieħed jista’ jsegwi minn liema nħawi kienu l-għarajjes, ngħidu aħna jekk kienux jiżżewġu sieħeb jew sieħba mill-villaġġ stess jew minn irħula jew bliet oħra. U naturalment, ir-reġistri tal-mewt jagħtu stampa ċara tal-età medja li n-nies ta’ kull era kienu mistennija li jgħixu.

    Fir-realtà, din il-lista tibqa’ sejra mhux ħażin u f’idejn espert tad-demografija, permezz ta’ dawn ir-reġistri, wieħed jista’ jikteb kotba sħaħ. Min-naħa tiegħi għażilt li nifli xi żmien partikolari li kien affetwa lin-nies tal-post. Għall-ewwel tħajjart nirriċerka dwar l-imwiet li kienu seħħu fis-sena 1614, meta t-Torok kienu attakkaw bi ħruxija kbira l-inħawi taż-Żejtun, hekk kif tindika xi kitba li hemm fil-knisja ta’ San Girgor. Iżda sfortunatament Dun Joe għarraffni illi r-reġistri tal-mewt mis-sena 1610 sas-sena 1660 huma neqsin ukoll. Għaldaqstant iddeċidejt li nistħarreġ iż-żmien tal-1813, meta Malta ġiet maħkuma minn epidemija serja tal-pesta. Biex jgħini f’din ir-riċerka rreferejt mas-sors primarju l-Liber Status Animarum li jkopri s-snin 1803 – 1822.

    “Il-kitbiet kollha huma tal-kappillan Rev. Fr. D Bartholomeo Sant li kien ordnat qassis fl-24 ta’ Mejju 1769 u eventwalment kien wieħed mill-vittmi tal-kolera fl-1837,” kompla jurini Dun Joe. “Innota l-Tqarbin fi żmien il-pestakitba. Hemm partijiet miktubin tassew puliti u mbagħad hemm oħrajn kemmxejn imħarbxa meta l-kappillan kien għamel xi żmien ma jiflaħx.” Dal-kliem laqgħatni u għajnejja ġrew biex jiflu l-kitba. Tassew! Hekk kien. Quddiem għajnejja lmaħt il-kappillan iniżżel id-dettalji tal-parruċċani tiegħu fid-dawl kiebi ta’ xemgħa tnemnem u ppruvajt nimmaġina x’kien jgħaddi minn quddiem għajnejh u x’kien iħoss f’qalbu, hekk kif f’dik il-għodwa hu jkun difen xi tarbija li ġranet qabel ikun għammed jew xi xwejjaħ li kien ilu ħabib tiegħu s-snin. U xi ngħidu għall-biża’ tal-pesta, hekk kif il-kappillan ried jikkalma lin-nies, jgħinhom jittamaw f’Alla, iqarbinhom bil-periklu li jista’ jittieħed hu wkoll filwaqt li jordna d-dfin malajr malajr ta’ oħrajn li tkun ħafnithom il-mewt qerrieda. Biex imbagħad hu stess miet f’epidemija tal-kolera. Tgħid qatt basar li għad jispiċċa hekk?

    Stinkajt biex immur lura għal preżent hekk kif Dun Joe kien għadu għaddej jispjegali, “Fil-ġranet tal-Għid f’ċerti snin, hekk kif kien mistenni minnu, il-kappillan kien idur bieb bieb id-djar kollha li kienu jiffurmaw parti mill-parroċċa tiegħu. Kif qed tara hawnhekk, Dun Sant kien qasam iż-Żejtun f’erbgħa distretti: Casal Pasqualino, Casal Bisbut, Casal Gwiedi u Casal Ħerba u kien jinnumera kull dar li kien iżur fuq dan ir-reġistru peress li f’dawk iż-żminijiet id-djar ma kellhomx numri u t-triqat ma kellhomx isem. Infatti l-kappillan kien ‘isemmi’ t-triqat jew għal xi individwu magħruf li kien joqgħod fl-inħawi, inkella għal xi binja importanti bħal xi kappella. Tista’ tgħid li kien qisu speċi ta’ ċensiment fejn jitniżżlu d-dettalji ta’ dawk kollha li kienu joqogħdu f’kull dar, iżda b’żieda partikolari. Qed tinnota l-ittri c.c ħdejn l-ismijiet ta’ ħafna mill-adulti? Dawk l-ittri jfissru confessato e communicato, jiġifieri ‘ġie mqarar u mqarben’. Minn dawn in-noti, il-Kurja kien ikollha idea ta’ kemm in-nies kienu qed jobdu r-regoli tagħha.”

    Permezz ta’ dan ir-reġistru stajt nara illi bejn is-snin 1810 sal-1813, il-popolazzjoni taż-Żejtun kienet qed tiżdied b’rata regolari, sakemm fl-1813 din ir-rata medja ta’ żieda waqfet ħesrem u l-effetti jidhru li baqgħu jinħassu saħansitra sas-sena 1818.

    B’dawn id-dati imxejt fuq reġistru ieħor li kien juri l-magħmudijiet li saru bejn l-1807 u l-1818. Hawnhekk innutajt żewġ noti partikolari: waħda minnhom datata 20 ta’ Mejju 1813 kellha ddiżinjata pala ta’ id tipponta lejn kitba qasira li kienet tgħid li t-tarbija ta’ Antonij Seychell kienet mietet, filwaqt li n-nota l-oħra datata 23 t’Awwissu 1813 kienet tindika li dakinhar mietet tarbija infettata bil-pesta. L-istess reġistru wera illi bejn is-snin 1810 sa 1812 ir-rata medja tat-twelid kienet qed tiżdied iżda din waqfet bejn l-1813 u l-1814 fejn anzi naraw ir-rata tat-twelid tonqos speċjalment fit-trabi bniet. Madanakollu, kif sikwit jiġri wara epidemiji bħal dawn, hekk kif il-pajjiż ġie dikjarat ħieles mill-marda tal-pesta, sena wara, fl-1815 ir-rata tat-twelid splodiet il-fuq sakemm reġgħet lura għan-normal fl-1816.

    Naturalment idejja ġrew dritt għar-reġistru taż-żwiġijiet li saru bejn l-1806 u l-1822. Sibt li fl-1812 kien hemm imniżżel li saru 39 żwieġ, liema total niżel għal 13 fl-1813, biż-żwiġijiet jieqfu ħesrem f’Ġunju 1813 hekk kif il-pesta serqet l-ewwel vittma tagħha miż-Żejtun. Għalhekk kont sorpriża meta sibt nota ta’ żewġ żwiġijiet li seħħu f’Awwissu 1813 u ieħor f’Diċembru. Dan kollu jaqbel mad-direttiva li kien ħareġ l-Isqof ta’ dak iż-żmien fid-29 ta’ Mejju 1813 sabiex jingħalqu l-knejjes kollha bit-tama li jiġi evitat aktar tixrid ta’ mard. Bħal kif semmejt qabel, hekk kif il-periklu tal-epidemija għadda, fis-sena 1814 iż-żwiġijiet laħqu l-ammont ta’ 72.

    Ma stajtx nonqos li nifli r-reġistru tal-imwiet li kien ikopri s-snin 1802 sa l-1827. Bejn l-1810 u l-1812 innutajt rata medja ta’ mwiet, b’dik tat-tfal dejjem aktar għolja minn dik tal-adulti. Rata għola ta’ Il-knisja-ta-San-Girgor[1]mwiet, kemm fl-adulti u kemm fit-tfal kienet evidenti fis-sena 1813, li mbagħad bdiet tonqos gradwalment fis-snin ta’ wara sakemm irritornat għan-normal fl-1816. L-ewwel vittma adulta suspettata li mietet bil-pesta fiż-Żejtun seħħet fil-31 ta’ Mejju 1813 u kienet Gratia Bonavia fl-età ta’ 85 sena. Tlett ijiem wara, did-darba b’mewt kawżata ċertament mill-pesta kien Joseph Vella fl-età ta’ 40 sena. Jidher li dan l-individwu miet fil-Forti Manoel hekk kif dan beda jilqa’ ġewwa fih il-vittmi tal-pesta meta l-Lazzaretto imtela’. Kien żmien tal-waħx hekk kif meta l-marda ħraxet, il-morda kellhom jintefgħu kollha flimkien indipendentement mill-età jew is-sess tagħhom. Kif ikomplu jispjegaw in-notamenti antiki, il-vittmi bdew jindifnu f’ċimiterju apposta ‘għall-infetti’, probabbilment dak ta’ San Rokku li llum qiegħed biswit il-knisja ta’ San Girgor. Irnexxieli nsib madwar 20 individwi li jidhru li mietu kawża tal-pesta. Mid-dati tal-mewt tagħhom tifhem mill-ewwel kemm il-marda kienet tittieħed u kemm kienet fatali. B’għafsa ta’ qalb sibt koppja miżżewġa li mietu f’temp ta’ ftit jiem il-bogħod minn xulxin u anki żewġ familji partikolari fejn bosta mill-membri tagħhom, fosthom ġenituri u tfal inħasdu qatta’ bla ħabel minn wiċċ did-dinja. Ksaħt meta ftakart li kien hemm ordni ċivili li kienet tirrikkjedi li wieħed jirrapporta immedjatament dawn il-każi ta’ mard. Għiduli intom x’sofrew dawn in-nies hekk kif kellhom jinfurmaw lill-awtoritajiet biex jiġu jieħdu lill-uliedhom infettati sabiex dawn jittieħdu f’dak l-infern ta’ morda oħra jmutu kuljum madwarhom? U fl-istess ħin kif qatt tista’ tifhem dak it-terrur li ġġarrab hekk kif tiġi konxja li la kont qrib dawn il-familjari, anki inti jista’ jiġrilek l-istess? Min-naħa l-oħra kif tista’ qatt tagħżel li tabbanduna lil dawk li tħobb f’mumenti bħal dawn? Ċertament huma esperjenzi li jekk ma jeħdulekx ħajtek, almenu żgur li jqattgħuk minn ġewwa. Min jaf kemm kien hemm min siket u pprova jfejjaq lil xi membru tal-familja tiegħu biex imbagħad spiċċaw mejtin it-tnejn!

    Kelli nagħlaq il-kotba f’salt għax ma flaħtx naħseb u nħoss aktar. L-aħħar vittma tal-pesta fiż-Żejtun mietet fil-25 ta’ Settembru 1813. B’xorti tajba fis-7 ta’ Marzu 1814, Malta ġiet meħlusa minn dil-pjaga, għalkemm imbagħad inħakmet il-gżira t’Għawdex. Minn popolazzjoni ta’ madwar 100,000 ruħ, din l-epidemija ħadet magħha madwar 4500 persuna. Kien fit-8 ta’ Settembru 1814 li ż-żewġ gżejjer ġew dikjarati salvi minn din l-epidemija qerrieda. Issa stajt nisma’ l-briju tan-nies f’widnejja hekk kif b’din l-aħbar, f’qalbhom reġgħet bdiet tħabbat it-tama għall-ħajja aħjar.

    Dik ma kientx l-aħħar darba li Malta ġiet maħkuma minn din l-epidemija. B’xorti tajba illum il-mikrobu tal-pesta  jista’ jiġi megħlub għal kollox permezz tal-penicillin. Meta tkellimt ma’ Dr Etienne Grech Karatteristiċi tal-bubonic plaguehuwa spjegali kif il-mikrobu Yersinia Pestis jikkawza il-bubonic plague. Dan il-mikrobu jinġarr mill-ġrieden u jsib ambjent adegwat biex jixtered meta jsib livell baxx ta’ sanità. Għalkemm forsi hemm min jaħseb li l-pesta spiċċat għal kollox, sfortunatament għad hemm popli li għadhom qed jgħixu f’faqar kbir u f’kundizzjonijiet mill-agħar ta’ saħħa. Ħafna minnhom jgħixu f’pajjiżi tropikali b’nuqqas ta’ ilma biex tinżamm l-indafa, mingħajr sistemi ta’ refriġerazzjoni biex iżommu l-ikel f’kundizzjoni tajba u eternità l-bogħod mill-mediċini adegwati. Bqajt issummata meta Dr Grech infurmani li dawn in-nies għadhom jgħaddu mit-tbatijiet u l-kefrija tal-pesta meta ironikament din tista’ titfejjaq b’sempliċi kaxxa penicillin li aħna nistgħu nixtru mingħand l-ispiżjar ta’ ħdejna!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.10 / 4 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-PURĊISSJONI TA’ SAN GIRGOR: TRADIZZJONI JEW FIDI?

    Nhar l-Erbgħa li ġej, fiż-Żejtun, issir il-purċissjoni tradizzjonali ta’ San Girgor. Bħala Żejtunija, jiena trabbejt f’din it-tradizzjoni. Kienet tkun l-hena tiegħi nattendi għaliha, aktar u aktar meta gew għala widnejja bosta ġrajjiet u leġġendi li hemm marbuta ma’ din il-purċissjoni u mal-knisja antika ta’ San Girgor. Niftakar li meta skoprejt li kien hemm passaġġi sigrieti f’din il-knisja, ma qgħadtx bi kwieti qabel irnexxieli nidħol fihom u nara b’għajnejja x’kien hemm mistur fis-silenzju ta’ wara dawk il-ħitan antiki ta’ dik il-knisja. Flimkien magħkom il-qarrejja, xtaqt naqsam din il-ġrajja antika. B’dan il-għan, tkellimt mal-Kanonku Dun Joe Abela, li bħali għandu għal qalbu ħafna r-raħal taż-Żejtun u t-teżori tiegħu…

    Kif bdiet il-purċissjoni ta’ San Girgor?

    Dari kien hemm ħafna teoriji dwar kif bdiet din il-purċissjoni. Meta fl-1575 il-Monsinjur Pietru Dusina żar iż-Żejtun u staqsa lin-nies tal-post meta u għaliex bdiet din il-puċissjoni, l-anzjani Żwieten qalulu Dun Joe Abela illi din kienet ilha teżisti s-snin.  Dwar għaliex kienet issir, min qal ħaġa u min oħra. Min sostna li darba kien hemm maltempata kbira u peress li ma saritx ħsara fin-naħat taż-Żejtun, saret din il-wegħda. Oħrajn qalu li dak iż-żmien flotta Torka li kienet ġejja tattakka lil Malta, ġiet meqruda proprju permezz ta’ dil-maltempata u allura bdiet issir din il-purċissjoni bħala ringrazzjament. Diversi minn dawn it-teoriji fil-fatt insibuhom miktubin f’numru ta’ kotba. Madankollu xi ftit tas-snin ilu, il-Patri Dumnikan Dun Mikiel Fsadni irnexxielu jiskopri meta bdiet din il-purċissjoni u għaliex. Sab din l-informazzjoni waqt li kien qiegħed jagħmel riċerka f’xi dokumenti tal-Kurja.  Fil-fatt din il-purċissjoni votiva kien ordnaha l-Isqof Cubelles fl-1543 (ftit snin qabel l-Assedju l-Kbir) bħala talba lil Alla biex issaltan il-paċi fost in-nazzjonijiet Ewropej fi żmien ta’ periklu kbir. F’dak iż-żmien wegħdi ta’ pellegrinaġġi simili kienu komuni ħafna.

    Min kien jipparteċipa fil-purċissjoni?

    Fiż-żminijiet imbiegħda meta bdiet, ftit li xejn kien ikun hawn festi u ċelebrar. Qabel lanqas il-baned ma kienu jeżistu. Waqt festa, kienet issir quddiesa kantata u purċissjoni qasira, jekk kienu jagħmlu, u daqshekk. Għaldaqstant il-festa ta’ San Girgor kienet waħda kbira u importanti. Eluf ta’ nies kienu jinġabru għal dan il-pellegrinaġġ li għalih kienu jieħdu sehem il-kleru kollu u l-fratellanzi kollha ta’ Malta. Mas-sebħ fl-Imdina kien jiġi sparat tir u minn hemm kienu jitilqu l-Monsinjuri bil-mixi. Kienu jaslu l-ewwel sal-Marsa u mbagħad Ħal-Tarxien. Fl-istess ħin, mill-parroċċi kollha ta’ Malta, kienu jitilqu l-Kleru, l-qassisin u l-patrijiet – kollha bl-ilbies u bl-istandardi partikolari tagħhom. Kienet festa mill-ikbar, l-akbar festa ta’ Malta. Tant kienet ikkunsidrata din il-festa f’dawk iż-żminijiet, illi fil-kitba taż-żwieġ, l-għarus kien iwiegħed lill-għarusa li kien ser jeħodha għall-festa ta’ San Girgor u għal dik tal-Imnarja. Barra minn hekk, fl-inħawi taż-Żejtun matul it-triq li minnha kienet tgħaddi l-purċissjoni, nbnew numru ta’ palazzi u djar mill-isbaħ mis-sinjuri ta’ dak iż-żmien biex dawn ikunu jistgħu jgawdu din il-festa tradizzjonali. Tnejn minn dawn huma ‘Casa Perellos’ li nbniet mill-Gran Mastru Ramon Perellos u dak li llum huwa magħruf bħala ‘Juventutis Domus’ li kien inbena mill-Isqof Ferdinando Mattei. Eluf ta’ nies kienu jaslu ftit ftit saż-Żejtun u ż-Żwieten kienu tgħallmu jaqalgħu biċċa ħobż tajba billi kienu jippreparaw l-ilma u l-ikel għall-bejgħ u l-banketti u s-siġġijiet għall-kiri. Wara li nbniet il-knisja parrokkjali li hemm illum, kif kienu jaslu quddiemha, il-fratellanzi kienu jbaxxu l-istandardi u kienet teżisti d-drawwa biex wieħed jara min kien kapaċi jniżżel l-istandard ‘l isfel l-aktar. Aktarx dawn kien ikollhom xi tfajla qed tinnutahom fil-folla  li mbagħad kienu jħajjruha biex tiżżewwiġhom. Hemmhekk kienu jkantaw l-antifona ta’ Santa Katerina u mbagħad kienu jibqgħu sejrin sal-Knisja ta’ San Girgor biex jagħmlu l-quddiesa – dik li għadha ssir sal-lum. Il-quddiesa jqaddisha l-Kantur li huwa dak il-Monsinjur li jieħu ħsieb il-kant. Anki din it-tradizzjoni għadha tinżamm sal-lum. Interessanti li nsemmi illi l-pożizzjoni ekkleżjastika tal-Kantur oriġinarjament kien inizzjaha l-Konti Ruġġieru meta niżel f’Malta fl-1090. L-armi tal-kanturi kollha, bl-ewwel waħda tibda fis-sena 1372, huma mpittra fis-sagristija. Il-Kantur li għandna bħalissa huwa Monsinjur Vincenzo Borg minn Birkirkara.

    X’differenza hemm bejn il-purċissjoni ta’ dari u dik ta’ llum?

    Differenza kbira! Imma l-bidla fil-purċissjoni ma saritx mill-lum għal għada. L-importanza tagħha tnaqqset matul iż-żminijiet. Oriġinarjament din il-purċissjoni kienet issir fit-12 ta’ Marzu li kienet il-Il-portiku romaneskġurnata tal-festa ta’ San Girgor Papa. Imma dan kien jaħbat waqt ir-Randan, żmien ta’ penitenza kbira f’dawk iż-żminijiet u naturalment ix-xalar ma kienx hemm postu. Kien għalhekk illi d-data tal-purċissjoni tressqet għall-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid. Fis-sena 1622 il-purċissjoni kellha tiġi trasferita peress li kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-preċedenza tal-parroċċi waqt il-purċissjoni. Aktar tard fl-1926, l-Isqof Mawru Caruana beda jinnota illi dak li kien beda bħala pellegrinaġġ ta’ talb, in-nies kienet biddlitu f’xalata ħdejn il-baħar. Għalhekk iddeċieda li jqassar u jissimplifika din il-purċissjoni u ordna illi ma kellhomx jibqgħu jieħdu sehem il-parroċċi kollha. Setgħu jipparteċipaw biss l-Isqof, il-Mosinjuri u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat li kienet l-ewwel Fratellanza ta’ Malta. Barra minn hekk, it-triq tal-purċissjoni kellha tibda minn Ħal-Tarxien. Bi speċi ta’ tpattija minħabba dan it-tnaqqis, huwa iddedika l-parroċċa l-ġdida ta’ Tas-Sliema lill-Papa San Girgor il-Kbir. Sa ħamsin sena ilu, jien ilħaqtha titlaq minn hemm. Imma darba minnhom għamlet ix-xita u ddeċidew li dakinhar il-purċissjoni kellha tibda minn San Klement fiż-Żejtun stess. Minn dakinhar ‘l hawn il-purċissjoni ta’ San Girgor baqgħet tibda minn San Klement, jitkantaw xi salmi, jidħlu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fejn titkanta l-antifona ta’ Santa Katerina, jimxu sal-Knisja ta’ San Girgor, ikantaw il-miserere tlett darbiet u ssir quddiesa.

    Illum x’parteċipazzjoni jkun hemm f’din il-purċissjoni?

    Illum din il-purċissjoni kważi spiċċat fix-xejn. Saret biss xalata. Fil-fatt ftit li xejn ikun hemm nies isegwuha. Illum in-nies aktar ikun moħħhom fl-ikel, fix-xalar u fl-ewwel għawma ġo Marsaxlokk. Fil-purċissjoni għadhom jieħdu sehem l-Arċisqof, numru ta’ Monsinjuri, ftit seminaristi u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat. Nixtieq insemmi illi numru ta’ Żwieten li għandhom għal qalbhom din il-purċissjoni, inkitbu fil-Fratellanza tar-Rabat sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jieħdu sehem. Għall-quddiesa, il-Knisja ta’ San Girgor tkun mimlija. Turisti ftit li xejn ikun hemm peress illi l-purċissjoni tgħaddi fi ftit minuti kollox u allura l-aġenziji turistiċi ma jarawx xi importanza fiha.

    Għaliex intagħżlet il-knisja antika ta’ San Girgor għal din il-purċissjoni?

    Proprjament din il-knisja hija ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixandra. Hija magħrufa bħala Ta’ San Girgor minħabba din il-purċissjoni. Jingħad li meta l-Isqof Cubelles beda dan il-pellegrinaġġ, ried isib l-Knisja ta' San Girgoraktar parroċċa imbiegħda mill-Imdina sabiex it-triq tkun waħda twila. U b’hekk ġiet magħżula din il-knisja li dak iż-żmien kienet il-Parroċċa taż-Żejtun.

    L-arkitettura tal-Knisja ta’ San Girgor tixhed l-antikità tagħha. Uħud jgħidu li għandha d-dehra ta’ fortizza. Ġieli serviet funzjonijiet oħra minbarra dawk pastorali?

    Oriġinarjament il-Knisja ta’ San Girgor inbniet bħala knisja għall-ħtiġijiet pastorali. F’dokumenti li saru fl-1436 mill-Isqof Senatore de Mello din il-knisja kienet diġà tissemma bħala l-Parroċċa taż-Żejtun L-arkitettura minn ġewwa tal-Knisja ta' San Girgorideddikata lil Santa Katerina. Din il-knisja ma nbnietx f’daqqa. Żiedu fuqha matul iż-żminijiet skont il-ħtieġa. Bdiet bħala kappella żgħira biex isservi l-inħawi kollha tax-Xlokk: iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Ħal-Għaxaq, Birzebbugia u Marsaxlokk. Meta mbagħad ġew il-Kavallieri, ftit ftit ġabu l-prosperità f’pajjiżna billi kienu jħaddmu n-nies u billi kienu jieħdu ħsieb is-sanità u s-saħħa tal-poplu Malti. Għalhekk il-popolazzjoni bdiet tikber u kulħadd bena l-parroċċa tiegħu. Fl-istess ħin, il-knisja ta’ San Girgor bdiet titkabbar ukoll. Fl-1545 il-Konċilju ta’ Trento ordna illi l-knejjes Insara kellu jkollhom il-forma ta’ salib ruman u hekk il-knisja ta’ San Girgor ħadet il-forma kif nafuha illum.

    L-arkitettura tal-knisja tirrifletti ż-żminijiet differenti li nbniet fihom. Il-koppla ta’ San Girgor hija fost l-aktar koppli antiki li jeżistu fil-knejjes Maltin. Aspett sabiħ ħafna, stil romanesk, jidher fil-ħnejjiet ġejjin daqsejn għall-ponta bix-xorok iduru magħhom.  Il-kappelluni bi stil gotiku bil-bsaten telgħin mill-art li jaqsmu s-saqaf min-naħa għall-oħra f’erbgħa biċċiet, huma bellezza.  Fl-artal maġġur u fl-artali l-oħra ta’ San Girgor u tal-Karmnu insibu stil Barokk li kien popolari ħafna fi żmien il-Kavallieri. Il-ħlewwa tal-portiku rumanesk tikkuntrasta bil-kbir mal-binja massiċċa ta’ wara li tagħti d-dehra ta’ fortizza. Għalkemm din il-knisja qatt ma kienet fortizza, hija serviet ta’ ħolqa importanti fid-difiża ta’ Malta billi kienet tintuża’ bħala post ta’ osservazzjoni mis-suldati Knisja f'għamla ta' fortizzatad-Dejma. Il-knisja ta’ San Girgor damet isservi ta’ knisja parrokkjali mat-300 sena, bejn wieħed u ieħor sal-1708, meta mbagħad kien hemm il-parroċċa l-ġdida. Għamlet żmien mitluqa, tant li l-Isqof Davide Cocco Palmieri ried iwaqqagħha biex jieħu l-ġebel tagħha. Fortunatament l-ordni tiegħu ma ngħatatx widen. Aktar tadd il-knisja għamlet żmien isservi bħala post fejn is-sajjieda kienu jerfgħu x-xbieki tagħhom u wkoll fejn il-knisja parrokkjali kienet terfa’ xi statwi. Fis-snin meta l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi, din il-knisja serviet ukoll ta’ sptar peress li dak li kien hemm fil-belt Valletta kien f’idejn il-Franċiżi nfushom. Fl-aħħar gwerra, il-knisja serviet ukoll bħala post ta’ rifuġju għal dawk l-għadd ta’ familji li ħarbu mill-Kottonera. Jien niftakru ċar dak iż-żmien. Minn xi għaxart elef ruħ, fiż-Żejtun konna noqogħdu sittax-il elf. Kulħadd kien ġabar xi familja miegħu. Niftakar li missieri kien daħħal żewġ familji joqogħdu magħna. Uħud bdew joqogħdu fil-każini, oħrajn fid-Domus u l-bqija proprju f’din il-knisja. Niftakar lil Knisja ta’ San Girgor maqsuma bil-lożor. Familja kienet toqgħod ġo kaxxa mdawwra bi tlett lożor! Ta’ min jgħid li din il-knisja fi żmien l-assedju l-kbir, kienet intużat ukoll kontra l-Maltin stess meta din ġiet maħtufa mit-Torok li kienu ħadu taħt idejhom dawk l-inħawi.

    X’tgħidilna dwar il-passaġġi sigrieti li hemm ġewwa din il-knisja?

    Meta kont tifel jien, kien hemm l-għidut illi madwar il-koppla tal-Knisja ta’ San Girgor, kien hemm passaġġi sigrieti li fihom kien hemm midfunin xi nies li kienu qatlu t-Torok u ħallewhom hemm. Kien Il-fdalijiet umani fit-tielet kuridurjingħad illi darba minnhom, it-Torok kienu laħqu telgħu sewwa lejn iż-Żejtun sakemm il-Maltin indunaw bihom. Min seta’, telaq kollox u ħarab lejn l-Imdina. Imma xi oħrajn, li kienu jafu bil-passaġġi sigrieti, telgħu jistaħbaw fihom bit-tama li joħorġu wara li jgħaddi kollox. Iżda ġara, li kif soltu kienu jagħmlu, dawn il-kursara daħlu wkoll fil-knisja u ndunaw bil-Maltin mistoħbija hemm fuq u mbarrawhom hemm. Meta ż-Żwieten l-oħra ġew lura, dawn kienu laħqu mietu u peress li kienu ilhom sewwa mejtin, l-iġsma ta’ dawn l-imsejkna tħallew hemm. Dari, dawn l-invażjonijiet f’dawk l-inħawi kienu spissi u sikwit kienu jħallu ħerba sħiħa warajhom. Kitba fuq pilastru ħdejn l-altar maġġur tfakkar kif f’wieħed minn dawn l-attakki li sar fl-1614, it-Torok għamlu ħsara konsiderevoli lil din il-knisja. Il-Misilmin kienu jisirqu kull ma jiġi għal idejhom u jkaxkru lin-nies tal-inħawi magħhom biex jeħduhom bħala skjavi. Kienu jiġu bix-xwieni mill-Afrika u l-ewwel ma kienu jsibu quddiemhom kienu l-bajjiet ta’ San Tumas, ta’ Wied il-Għajn, ta’ Birzebbugia u dik ta’ Marsaxlokk li kollha kienu faċli ħafna biex titla’ minnhom. Il-passaġġi sigrieti nbnew biex jintużaw bħala lok ta’osservazzjoni għal dawn is-sibbien ħalli minnhom jingħata l-allarm lill-bqija ta’ Malta. Il-passaġġi sigrieti kienu biss leġġenda sakemm darba minnhom fl-1969, is-sagristan tal-knisja, Ġan Marì Debono, kien qiegħed iħalleb il-bejt minħabba x-xita. Dan innota li kien hemm ġebla għolja li ma kienx jaf x’inhi u ddeċieda li jaqlagħha. Hekk kif fetagħha ra ħafna dlam u tħasseb hemmhekk fejn kien jiġi. Dak il-ħin stess, mar iġib xemgħa u niżel fl-ispiera mudlama. Hemmhekk isib tlett kuriduri u fihom kien hemm għadd ta’ skeletri mxerrda. Fil-ħitan, imbarrati bil-ġebel, instabu wkoll ħames fetħiet li tlieta minnhom kienu jagħtu fuq ir-Ramla ta’ San Tumas u Wied il-Għajn u t-tnejn l-oħra, fuq Marsaxlokk u Birżebbugia. Mal-iskeletri nstabu wkoll żewġ muniti żgħar, il-fdalijiet ta’ salib Biżantin u biċċa xibka li kienet tintlibes fuq is-sider taħt il-kurrazza.

    X’importanza kienet ingħatat is-sejba ta’ dawn il-passaġġi sigrieti?

    Uuu. X’agħa kienet qamet! Il-gazzetti faru kollha bl-aħbar u kienu għamlu propoganda kbira. Kien ħareġ illi l-leġġenda tal-passaġġi sigrieti kienet realtà imma li dawn ma kienux madwar il-koppla imma mibnija ġol-ħitan massiċċi tal-kappellun tal-lemin. Niftakar li kemm l-Isqof Gonzi u kif ukoll il-Gvernatur kienu żaru l-knisja u anki daħlu fil-passaġġi sigrieti, fost diffikultà kbira dak iż-żmien. L-istudjużi ippruvaw jiddataw l-għadam li nstabu. Imma dak iż-żmien ma setgħux joħorġu konklużjonijiet peress li ħareġ li l-fdalijiet kienu ilhom wisq esposti għall-arja. Id-dati fuq il-muniti ma kienux baqgħu jingħarfu. Imnaqqxa fid-daħla tal-passaġġi, instabet ukoll id-data 1909. Huwa evidenti li dawn il-passaġġi kienu diġà nstabu darb’oħra. Jista’ jkun li f’dak iż-żmien, meta ntlemħu l-iskeletri, beżgħu li setgħu kienu xi fdalijiet ta’ xi mejtin bil-pesta u l-passaġġi reġgħu ingħalqu minnufih.

    X’ġara minn dawn l-iskeletri u x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar din is-sejba?

    L-iskeletri li nstabu fil-passaġġi sigrieti ġew impoġġija fuq in-naħa ta’ wara tat-tielet kuridur. Il-fdalijiet li nstabu magħhom qegħdin esposti kollha ġo kamra fil-knisja ta’ San Girgor stess. Nistqarr li lili din il-ġrajja tan-nies magħluqa hemm ġew mit-Torok, ma tantx tinżilli. Ma nistax nifhem kif fiż-żmien meta n-nies kienu jiġu ppersegwitati tant mit-Torok, ma ħadu xejn magħhom biex jiddefendu ruħhom. Ma nemminix dit-teorija u hemm oħrajn li jaħsbuha bħali. Diffiċli kif ma sibna kważi xejn li xejn mal-iskeletri. Jiena aktar naħseb illi l-passaġġi għamlu żmien jintużaw bħala ossarju u li dawk l-iskeletri tpoġġew hemmhekk biex jagħmlu spazju lil xi oħrajn li kienu jindifnu taħt il-qiegħa tal-knisja.

    Innutajt li mal-ħitan tal-Knisja ta’ San Girgor hemm ukoll għadd ta’ graffiti b’dati antiki magħhom. X’tikkummenta?

    Iva. Il-ħitan miżgħuda bihom għalkemm sfortunatament maż-żmien, dawn qed jintilfu wieħed wieħed. Graffiti partikolari huma dawk tal-istilla ta’ David maqsumha bi vleġġa. Donnu kien hemm xi Graffiti ta' xini ta' żmien is-seklu 17moviment anti-semitiku kontra l-Lhud. Irridu niftakru li fiż-żminijiet tan-nofs, il-Lhud kienu jiġu ppersegwitati ħafna mill-Insara. Hemm ukoll numru ta’ graffiti ta’ xwieni b’dati li jmorru lura għas-sbatax-il seklu. Dawn kienu jkunu wegħdi li kienu jagħmlu s-sajjieda meta kienu jeħilsu minn xi għawġ fuq il-baħar. Dawk is-sajjieda li ma kienx ikollhom flus biżżejjed biex jagħtu xi għotja lill-knisja, kienu minflok jonqxu x-xwieni tagħhom fuq wiċċ il-knisja bħala devozzjoni.

    Il-Knisja ta’ San Girgor hija teżor storiku. Taħseb li hija rikonoxxuta biżżejjed u li qed tingħata l-protezzjoni li jixirqilha?

    Daqs tlett snin ilu sar restawr tajjeb ħafna lil din il-knisja u nħossni kuntent ħafna bix-xogħol li sar. Taf x’nixtieq? Li jiġi rranġat iz-zuntier li hemm madwarha. Il-ġebel ittiekel ħafna, tant li ġie perikoluż immens biex timxi fuqu speċjalment meta jkun imxarrab.

    Il-purċissjoni ta’ San Girgor flimkien mal-istorja antika tal-knisja innifisha huma wirt storiku tagħna l-Maltin kollha.  Imma llum din il-purċissjoni temmen li għadha sinjal ta’ fidi jew tradizzjoni?

    Illum kollox sar jieħu l-forma ta’ spettaklu u kollox jiġi ridott f’xalata. Naħseb li ftit huma dawk li għadhom iqisu din il-purċissjoni bħala xi mezz ta’ penitenza jew ta’ talb. Fil-fatt il-Knisja stess ma tantx għadha tagħfas ħafna fuq purċissjonijiet u ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Jiena stess, illum sirt nemmen illi jekk irrid nitlob sewwa, aħjar ninġabar f’post għall-kwiet milli nieħu sehem f’purċissjoni bħal din. Iż-żminijiet jinbidlu.

    Allura taħseb li m’għadx fadal aktar skop li tibqa’ ssir il-purċissjoni ta’ San Girgor?

    Le. Mhux qed ngħid hekk. Wegħda solenni hija wegħda. U jiena nemmen  li din il-purċissjoni għandha tibqa’ ssir għax hija wegħda li l-poplu għamel ma’ Alla. Wegħda għandha tinżamm għal dejjem.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 t’April 2009)

    2009.04.12 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi