Posts Tagged ‘Austin Six Limousine’

  • Fuq il-passi ta’ Pawlu

    Michelle Galea, Assistenta Kuratrici tal-Muzew Wignacourt.JPGArtal portabbli ta' fuq ix-xwieni.JPG

    Ix-xelters tal-Muzew Wignacourt.jpgIl-faccata tal-ktieb.JPG

    Il-grotta ta' San Pawl.jpgId-Duluri ta' Mattia Preti.JPG

    “Kif ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard….” Għoddni qed nilmaħ lill-appostlu San Luqa jikteb dawn il-vrus taħt id-dawl kiebi ta’fjamma ta’ xemgħa tperper maż-żiffa dieħla fil-kamra. L-istess ġabra ta’ kliem li llum, wara dawn is-snin kollha, għadna nisimgħu jinqara kull sena waqt il-quddiesa taċ-ċelebrazzjoni tal-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna. Jingħad li fis-sena 60 W.K., San Pawl waqqaf l-ewwel knisja f’Malta, proprju fil-grotta tar-Rabat, fejn kien qiegħed jiġi miżmum bħala ħabsi. U minn hemm beda l-kult qawwi Pawlin li matul is-snin ġibed lil bosta barranin lejn pajjiżna, hekk kif dawn xtaqu jmiddu passejhom fuq l-istess art li mexa fuqha dan il-qaddis. Hekk kif Frar huwa sinonimu ma’ din il-ġrajja tant kbira, għal dil-ġimgħa għażilt li nżur il-kumpless tal-Mużew Wignacourt li jinsab ir-Rabat, liema binja twassal ukoll għall-grotta ta’ San Pawl. Madanakollu, hekk kif flimkien mal-Kuratur Dun Ġwann Azzopardi u mal-Assistenta Kuratriċi, Michelle Galea, dort il-livelli varji li fih dan il-post, bqajt sorpriża kemm fir-realtà dan is-sit huwa ġawhra ta’ wirt kulturali li ma jkoprix biss din il-ġrajja imma anki diversi perjodi oħra tal-istorja għanja ta’ pajjiżna.

    Tassew, kienet il-grotta li llum hija magħrufa bħala Ta’ San Pawl, li nisslet ir-reverenza lejn din il-biċċa art. Iżda minn hemm, ftit ftit, tqanqal moviment sħiħ, hekk kif l-awtoritajiet responsabbli minn dil-grotta, għarfu l-valur ta’ dan il-post u bdew jużaw din is-sitwazzjoni għal diversi għanijiet, sakemm illum insibu numru ta’ binjiet li twaqqfu fuq dan is-sit reliġjuż. Intant, kull min iżur il-Mużew Wignacourt u jiġi akkumpanjat mill-Kuraturi, inkella jagħżel li jdur mal-post permezz ta’ audio-guide, għandu l-opportunità li jesperjenza dawn it-tibdiliet li fosthom jinkludu l-grotta ta’ San Pawl, labirint sħiħ ta’ ipoġew taż-Żminijiet Feniċi, Rumani u Kristjani, grupp ta’ xelters imħaffra f’qiegħan l-art matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u mużew mogħni b’kollezzjonijiet differenti u interessanti.

    Inżilt flimkien ma’ Michelle lejn il-grotta ta’ San Pawl u hemm qattgħajna ftit ħin fis-silenzju, nosservaw is-sempliċità tagħha, kif jixraq. M’hemm l-ebda dokument li jikkonferma li kienet proprju din il-grotta li kien fiha San Pawl meta kien f’pajjiżna. Imma min-naħa l-oħra, illum għandna biżżejjed tagħrif biex nagħrfu fejn kienet il-belt Melite u sa fejn kienu jaslu l-konfini tagħha. B’hekk nistgħu nikkalkulaw fejn kienu l-ħabsijiet ta’ dak il-perjodu, li ġeneralment kienu jinsabu eżatt barra l-belt. U minn xi sinjali fis-soqfa tal-grotta nnifisha, hemm indikazzjoni qawwija li din setgħet kienet tintuża bħala ħabs. Huwa fatt kurjuż illi l-kult ta’ San Pawl ma ħax mill-ewwel fost il-Maltin, kemm minħabba li dawn kellhom l-allat tagħhom u probabbilment anki minħabba t-theddida tal-preżenza tar-Rumani li kienu qed jippersegwitaw lill-Kristjani.

    Infatti jidher illi kien il-patri eremita Spanjol, Juan Benegas de Cordoba, li kabbar din id-devozzjoni meta fis-17 il-seklu, huwa żar din il-grotta u din tant laqtitu li ddeċieda li jiddedika ħajtu biex jippromwovi din id-devozzjoni lejn San Pawl fil-gżejjer tagħna. Il-ħsieb tiegħu rnexxa, hekk kif dan beda jattratta lejn pajjiżna ammont kbir ta’ pellegrini sabiex iżuru dan il-post. Dan il-fatt ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Gran Mastru Fra Alof de Wignacourt li ma damx wisq ma għaraf il-potenzjal ta’ sit bħal dan u xtaqu li jsir tal-Ordni peress li din ma kellha l-ebda proprjetà li kienet abbinata ma’ dan il-qaddis, filwaqt li d-Djoċesi ta’ Malta kellha aktar minn post wieħed. Wara diversi diskussjonijiet, fosthom mal-Papa Pawlu V, ġie deċiż li l-grotta ta’ San Pawl kellha tgħaddi f’idejn il-kustodja ta’ l-Ordni u tinfired minn mal-parroċċa ddedikata lill-istess qaddis li kienet inbniet fis-16 il-seklu, sabiex din tibqa’ tal-Isqof u tal-poplu. Min-naħa tiegħu l-Gran Mastru kien obbligat li jipproteġi l-grotta u li jagħmilha disponibbli għall-pellegrini. B’hekk huwa ordna l-kostruzzjoni ta’ palazz maħsub għall-Kappillani ta’ l-Ordni li kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ din il-grotta lejl u nhar. M’hemmx għalfejn ngħidu, dan kien ukoll mezz li bih setgħu jintlaqgħu wkoll l-aqwa nobbiltà ta’ dak iż-żmien f’pajjiżna fejn apparti li dawn kienu jkunu miġbuda mill-ispiritwalità tal-post, dawn kienu jiġu attratti wkoll mill-prestiġju tal-Ordni u probabbilment kienu jħallu xi kemxa ġmielha warajhom. Fil-fatt fuq il-grotta, l-Ordni bniet ukoll knisja ċkejkna ddedikata lil San Publiju fejn illum il-viżitaturi jistgħu jaraw dak li ħallewlna l-kavallieri f’dan il-post, fosthom kwadru titulari li juri xbieha tal-Madonna bil-Bambin li qed iżomm f’idejh is-salib ta’ l-Ordni, liema xogħol huwa tal-artist Mattia Preti.

    Il-mawra fil-Mużew ta’ Wignacourt issa niżlitna ‘l isfel, lejn il-katakombi msawwra fil-blat tal-madwar. Ikolli ngħid li kont impressjonata ferm bl-istat tajjeb ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Ta’ min isemmi illi dan il-mużew għamel madwar sena u nofs magħluq sabiex isirlu r-restawr u l-konservazzjoni li kellu bżonn, wara li kien ilu miftuħ mill-1981, u kien f’Diċembru tal-2013 li reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Il-katakombi jkopru perjodi differenti fl-istorja u jitfgħu dawl sinifikanti fuq ir-ritwali ta’ dak iż-żmien. Kif bosta minnha jafu, dawn l-inħawi tar-Rabat huma miżgħuda b’dawn il-katakombi li llum jinsabu mifruxa taħt id-djar tal-madwar u minn żmien għall-ieħor nisimgħu b’xi skoperta ta’ xi parti oħra tagħhom. Infatti, ġara l-istess hawn ukoll fejn f’dawn l-aħħar snin, waqt xi xogħolijiet li kienu qed isiru, inkixfet parti oħra żgħira ta’ katakombi li fiha nstabet agape table li madwarha n-nies kienu jiċċelebraw il-vjaġġ tal-mejjet lejn dinja aħjar permezz ta’ ikla bejniethom. Sfortunatament, il-katakombi kollha li jinsabu ġo dan il-post ġew imbattla milli kien fihom u minflok intlew bit-terrapien waqt it-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tissaħħaħ l-art ħalli taħtha jitħaffru aktar xelters. Min jaf x’qatt instab u x’qatt ittieħed minn dawn il-katakombi matul is-snin! Imma f’qabar minnhom, ġewwa din il-parti ċkejkna tal-katakombi li nstabet dan l-aħħar, wieħed għadu jista’ jara xi għadam uman li b’xi mod irnexxielu jiskappa d-destin li għaddew minnu l-oqbra l-oħra.

    Taraġ ieħor aktar ‘l isfel li donnu jieħdok fil-qalba tal-art, iwassal għax-xelters li kellhom jitħaffru malajr sabiex joffru protezzjoni lin-nies tal-inħawi waqt l-attakki kiefra tal-gwerra. Mill-ġdid, dawn ix-xelters miżmuma f’kundizzjoni mill-iprem, jitfgħu dawl differenti lil realtà oħra li għex il-poplu tagħna f’passat aktar riċenti. F’dawn ix-xelters, wieħed isib ħamsin kamra b’kollox u meta wieħed jgħodd kemm kienu jesgħu nies anki l-kurituri ta’ bejniethom, ġie kkalkulat li setgħu jilqgħu fihom madwar 350 persuna. Fatt interessanti huwa li wħud minn dawn il-kmamar ġew imżejjna, kemm billi nżebgħu l-ħitan tagħhom, u anki permezz ta’ madum sabiħ kollu diżinji kkuluriti. Jagħtik li taħseb li anki f’dan iż-żmien imwiegħer u f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija u ta’ biża’, kien hemm min ittanta jsebbaħ anki din it-toqba fil-blat, forsi biex jinsa l-kruha. Madanakollu, fir-rigward ta’ kamra minnhom partikolarment aktar imdaqqsa u rranġata, kien hemm xi anzjani Rabtin li taw indikazzjoni li din kienet qed tiġi użata biex in-nisa tqal setgħu jwelldu t-trabi tagħhom fiha jekk jinqabdu waqt xi attakk mill-ajru. Ikun tassew interessanti li kieku nsibu lil xi ħadd li għadu jiftakar dan iż-żmien u jittieħed rikordju bil-miktub u idealment viżwali tal-memorji tiegħu.

    Finalment kien imiss li nerġgħu nitilgħu ‘l fuq u hekk kif ħriġna fil-modernità tal-mużew, għal ftit mumenti ħassejt l-impressjoni li kont għadni kif tlajt minn dinja oħra. Anki dan il-mużew huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fin-naħa t’isfel wieħed jista’ japprezza l-arkitettura sabiħa tal-post u jifli xi kollezzjonijiet, fosthom 49 mudell ta’ kappella maħdumin minn George Pellegrini Petit; oġġetti antiki li kienu jintużaw fil-funerali, bħal katallett tal-epoka barokka; tagħmir tal-knisja inkluż ċuqlajta kbira li kienet tintuża fil-ġimgħa l-kbira, u għadd ta’ buzzetti artistiċi tal-iskultur magħruf Anton Agius li ġew mgħoddija minn martu bħala donazzjoni lil dan il-mużew. Oġġett mhux tas-soltu miżmum hawnhekk hija l-karozza Austin Six Limousine tal-1937, li dari kienet tintuża mill-Arċisqof Dom Maurus Caruana u mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi.

    Fis-sular ta’ fuq, il-viżitaturi jistgħu josservaw il-lussu tal-palazz li dari kien tal-Kappillani tal-Ordni u li llum huwa mibdul fi swali ta’ esebizzjonijiet varji. Parti kbira mill-esebizzjonijiet tinkludi bosta xogħolijiet tal-arti ta’ wħud mill-aqwa artisti bħal Vincenzo Hyzler, Francesco Zahra, Giuseppe Calì, Antoine Favray u Mattia Preti. L-iktar pittura antika fil-kollezzjoni ta’ dan il-mużew huwa kwadru poliptiku tal-1588 li llum hu ffurmat minn ħames partijiet fejn fihom wieħed isegwi l-ħajja ta’ San Pawl. Xogħol ieħor interessanti juri xbieha tad-Duluri li ġiet impinġija fuq injama ta’ daqs żgħir minn Mattia Preti. Minħabba li din ix-xbieha nħadmet b’lewn wieħed kjar oskur u peress li m’għandix is-soliti movimenti bħall-pitturi oħra, hemm min jaħseb li l-artist seta’ ħadem din il-pittura għalih biex iġorrha miegħu bħala speċi ta’ santa. Esebizzjonijiet oħra jinkludu relikwi, fosthom anki kopja tal-liżar ta’ Turin li ġiet awtentikata fl-1663, kwadri tal-ex-voto, paramenti ta’ Papa Pawlu V, mapep antiki u numru ta’ artifatti arkeoloġiċi li jingħad li nstabu fl-inħawi tal-Baħrija u tar-Rabat. Esebit ieħor interessanti huwa artal portabbli li kien jintuża fuq ix-xwieni; oġġett rari li probabbilment bħalu wieħed isib biss f’xi kollezzjoni privata. Wieħed jista’ jżur ukoll il-kamra tal-Kapitli mgħonija b’għadd ta’ kwadri ta’ Gran Mastri differenti, fosthom dak ta’ Wignacourt. Imbagħad hemm ukoll il-kappella li kienu jużaw il-kavallieri u sepulkru li kien jintrama f’Ħamis ix-Xirka. Kamra oħra li laqtitni kienet dik tat-teżorier li fuq is-sodda tiegħu, fl-għoli fuq ir-raff, imma dejjem taħt għajnejh, kien iżomm il-kaxxa tal-flus ħalli jipprova jevita milli xi ħadd jisraqhielu.

    Huwa importanti li wieħed ikun jaf li parti kbira minn dawn il-kollezzjonijiet li wieħed jista’ jara f’din is-sezzjoni tal-mużew, għaddiet hawnhekk bħala donazzjoni fl-1960, permezz ta’ wirt li ħalla n-Nutar Francesco Catania, li kien magħruf ħafna r-Rabat. Il-kollezzjonijiet li ġew minn għandu kienu jinkludu kwadri, għamara, diżinji, kotba, mapep, u artifatti arkeoloġiċi imprezzabbli. Dun Ġwann Azzopardi spjegali kif hu kellu x-xorti li jiltaqa’ man-Nutar Catania li spiss kien jinkoraġġih biex jinteressa ruħu fl-istorja sħiħa ta’ dan il-kumpless Pawlin. Mur għid lin-nutar li fl-1981, kellu jkun proprju Dun Ġwann li kellu jkun l-ewwel Kuratur ta’ dan il-mużew. Aktar minn hekk, min jaf qattx basar li l-istess qassis kien ser ikun l-editur tal-ktieb ‘Notary Francesco Catania (1872-1960) and his collections at the Wignacourt Museum’ li ser joħroġ għall-bejgħ mill-ġimgħa d-dieħla. Dan il-ktieb li fih 440 illustrazzjoni, jinkludi wkoll għadd ta’ materjal informattiv dwar il-Mużew Wignacourt u dwar in-Nutar Catania u l-kollezzjonijiet tiegħu. Fosthom wieħed isib numru ta’ studji u ta’ katalogi li jagħtu tagħrif siewi dwar dawn il-kollezzjonijiet: bħal ngħidu aħna katalogu tal-kwadri li ġie ppreparat minn Antonio Espinosa Rodriguez li kien Kuratur tal-Mużew Marittimu ta’ Malta u aktar tard tal-Mużew tal-Arti; katalogu tal-artifatti arkeoloġiċi tal-Perjodi Feniċi, Puniċi u Rumani li ġie mfassal mis-Superintendent tal-Wirt Kulturali, Anthony Pace; studju tad-diżinji li sar mill-Kuratriċi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Bernadine Scicluna, u studju ta’ mappa ta’ Malta tal-1833 li twettaq mill-avukat u espert fil-qasam tal-mapep, Dr Albert Ganado.

    Bla dubju, il-Mużew Wignacourt joffri esperjenza distinta lil kull min iżuru, hekk kif dan il-post u l-kollezzjonijiet tiegħu, kapaċi jolqtu għadd ta’ interessi differenti. Peress li wieħed jeħtieġ iqatta’ siegħa jew tnejn jekk irid jara sewwa dan il-post, kafetterija li tinsab f’dan il-mużew, tkompli ssaħħaħ il-professjonalità ta’ dan is-sit li għandu jkun xempju għas-siti kulturali kollha tagħna.

    Il-Mużew Wignacourt jinsab fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat. Għal aktar informazzjoni, tistgħu ċċemplu fuq 27494905.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (17 il-parti) tat-Torċa tat-23 ta’ Frar 2014)

    2014.02.23 / no responses / Category: Torca - Features & Articles