Posts Tagged ‘bazaar’

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (6 Parti) X’hemm għall-bejgħ

    Opportunita' biex tersaq lejn in-nies tal-lokalL-ibliet ta’ Peking u Shanghai huma ideali għal dawk li jħobbu jduru l-ħwienet u jixtru. Dan minħabba li fihom hemm triqat twal li donnhom ma jispiċċaw qatt, miżgħuda b’għadd ta’ negozji ta’ kull xorta.

    Ħwienet antiki li jbiegħu għażla ta’ oġġetti tradizzjonali tarahom spalla ma’ spalla ma’ stabbilmenti oħra moderni bi prodotti tal-aktar ditti popolari. Imbagħad issib ukoll swieq differenti li jagħtuk lok biex tħuf u tesplora għal xi ħaġa mhux tas-soltu jew għal xi affari tajba bi prezz orħos. F’dawn il-postijiet, ma trid tinsa qatt illi ċerti affarijiet jistgħu ma jkunux ġenwini.

    Ix-xiri huwa mod ieħor ta’ kif tista’ tersaq qrib in-nies tal-lokal sabiex issir tafhom aħjar, speċjalment fl-inħawi fejn wieħed huwa mistenni li joqgħod jiġġebbed għall-prezz. Kultant il-lingwa hija problema f’dawn l-ibliet għax mhux kulħadd kapaċi jitkellem bl-ingliż. Madanakollu, m’għandix dubju illi jekk veru ssib xi ħaġa li tolqtok, b’xi mod jew ieħor se toħloq mezz kif tiftiehem.

    Triq Qianmen – Pekin

    Din it-triq tibda min-naħa tan-nofsinhar ta’ Pjazza Tiananmen, matul l-assi ċentrali ta’ Pekin, u hija twila madwar kilometru.

    L-oriġini ta’ din iż-żona popolari tmur lura għaż-żminijiet antiki tad-Dinastiji Ming u Qing, meta dan il-post kien diġà magħruf għall-fieri tal-lanterni, għat-teatri u għad-djar tat-tè. Sfortunatament, fl-1900, dawn l-inħawi ġew maħruqa kompletament meta l-Alleanza tat-Tmien Nazzjonijiet attakkat lil Pekin.

    Triq Qianmen  – PekinIt-triq preżenti nbniet mill-ġdid u tqassmet f’erbgħa żoni li ġew iddedikati għall-kultura, għall-ikel, għax-xiri u għad-divertiment. Infatti, hekk kif toħroġ minn ħanut u tidħol f’ieħor, tħossok bħallikieku sibt ruħek f’xi dinja oħra.

    Ħwienet eleganti li jbiegħu ġojjelli u ħwejjeġ mill-ifjen issibhom biswit ħwienet aktar sempliċi mimlija bi kwantità kbira ta’ oġġetti u suvenirs. Ristoranti magħrufa fid-dinja tal-Lvant bħall-Mc Donalds u l-KFC jikkompetu ma’ dawk tal-kċina tradizzjonali Ċiniża bħar-ristorant Qianmen Quanjude li hija rinomata ħafna għat-tisjir tal-laħam tal-papra.

    Għal min ma jħobbx jimxi wisq, hemm tramm tiela’ u nieżel b’mod regolari ma’ din it-triq. Iżda jekk trid tassew tgawdi dan il-post, l-aħjar hu li timxi.

     Wangfuying – Pekin

     Iż-żona Wangfujing hija famuża ħafna kemm man-nies tal-lokal u kif ukoll mat-turisti minħabba li fiha wieħed isib bosta ħwienet ta’ kull xorta matul medda ta’ żewġ kilometri. Intant, dan id-distrett jifforma wkoll parti mill-istorja taċ-Ċina peress li jmur lura għas-sena 1260.

     Bħat-triq Qianmen, anki hawn wieħed jara taħlita sinifikattiva ta’ prodotti tal-Lvant u tal-Punent fejn minbarra ditti popolari li aħna mdorrijin għalihom, wieħed jista’ jitpaxxa wkoll bi ħwienet bħal Shengxifu li hu mfittex għall-kpiepel, b’Tongshenghe li hu stabbilment magħruf għaż-żraben, jew bid-dar tat-tè Wuyutai.

    Iżda ċertament f’dan il-lwog, l-aktar parti indimentikabbli huma t-triqat tal-ġnub li spiss ikunu mimlija bin-nies. Infatti dan il-post żgur li mhux rakkommandabbli għal min jiddejjaq fil-folol jew għal dawk li l-istonku tagħhom ma jiflaħx wisq. Dan għaliex proprju hawnhekk, it-turisti jistgħu jtiegħmu l-għeruq tradizzjonali tal-belt ta’ Pekin, partikolarment bl-għażla ta’ ikel eżotiku li wieħed isib għall-bejgħ.

    Kebabs taz-zwiemel tal-bahar u tal-iskorpjuni hajjin f'Wangfujing, PekinFil-fatt, inti u miexi f’dawn it-triqat, ma tistax ma tiġix impressjonat bir-riħa qawwija ta’ kull xorta ta’ tisjir. U trid jew ma tridx, tinġibed b’kurżità biex tara x’hemm ħalli forsi dduq xi ħaġa. Minn daqshekk, l-għażla hija biss f’idejk għax il-prodotti huma varji mmens. Jiddependi biss minn kemm inti avventuruż hekk kif fost l-ikel issib: frott frisk, prodotti moqlijin, kebabs b’kull xorta ta’ laħam inkluż dak tal-ħaruf, tat-tiġieġa, tal-majjal, tal-istilla u taż-żiemel tal-baħar, tal-insetti u tad-dud u tal-iskorpjuni ħajjin!

    Jekk dan kollu ma jħajjrikx jew saħansitra jaqtagħlek l-aptit, xorta waħda għandek fejn tintilef fil-ħwienet l-oħra mżejjna bi prodotti varji li juru l-ġmiel tal-kuluri taċ-Ċina. F’dan il-post huwa biss int li tagħmel il-limitu ta’ kemm u x’tista’ tixtri: skont kemm ikollok flus u skont x’jogħġbok. Fost il-lista twila ta’ prodotti ssib: żraben, affarijiet tal-ħarir, ħwejjeġ, kreazzjonijiet tal-injam u l-bronż, maskri ta’ kull tip, ġugarelli u kwantità bla tarf ta’ suvenirs.

    Tant hemm x’tara f’dan il-post, li żgur li ma tinsih qatt il-ħin li tqatta’ fih.

    It-triq Nanjing – Shanghai

     Triq Nanjing – ShanghaiShanghai hija belt għal kollox differenti minn Pekin u dan huwa evidenti ħafna hekk kif tibda miexi fit-triq Nanjing. Maħsuba li hija l-eqdem triq li ġiet iddedikata għan-negozju fiċ-Ċina, il-mijiet ta’ ħwienet matulha fuq kull naħa, jibqgħu sejrin għal madwar ħames kilometri.

    Hawnhekk il-ħajja hija aktar rikka u dan jidher mill-ħwienet b’ditti lussużi ferm bħal Dior, Chanel, Armani, Prada u Calvin Klein. Bil-vetrini tagħhom armati bi prodotti modernissimi u pjuttost għaljin, dawn il-ħwienet erħielhom jikkompetu bejniethom biex jattrattaw kemm jistgħu mill-kwantità kbira ta’ nies li kuljum tmur tippassiġġa fl-inħawi. Infatti, apparti li hija magħrufa għax-xiri, din it-triq hija popolari kemm man-nies tal-lokal u kif ukoll mat-turisti għall-kultura moderna li kapaċi toffri Shanghai.

    Fl-għaxija, it-triq ta’ Nanjing tagħni ruħha b’atmosfera pjuttost spettakolari billi diversi ħwienet u binjiet għoljin ikunu mixgħula b’ħafna dawl.

    Yuyuan Bazaar – Shanghai

    Snajja' tradizzjonali fil-Bazaar Yuyuan, ShanghaiDan il-bazaar jinstab ħdejn il-Ġnien Yuyuan. Il-ġmiel tiegħu qiegħed fl-arkitettura mibnija b’injam skur u bi stil tradizzjonali. Barra minn hekk f’dan is-suq, wieħed isib diversi ħwienet ta’ snajja’ antiki li jkunu qed ibiegħu prodotti distinti fosthom: oġġetti maħduma mill-ħarir, illustrazzjonijiet ta’ artisti folkloristiċi, xogħolijiet u għodda tal-kalligrafija, xogħol tal-bamboo u l-injam, affarijiet tal-bronż, settijiet tat-tè tal-porċellana, ġojjelli maħduma mill-jade u perli mill-għadira Taihu.

    Suq tal-ikel f’Shanghai

    Waqt li nkun imsiefra, napprezza ħafna dawk il-mumenti meta jirnexxieli niskopri xi post li ma jkunx ippjanat fil-programm. Hekk ġara meta ġurnata minnhom tlabt lill-gwida biex jeħodna f’xi lwog fejn stajna nosservaw aktar mill-qrib il-ħajja ta’ kuljum tan-nies tal-lokal u dan ġibidna ‘l ġewwa lejn xi triqat inqas ċentrali ħalli nżuru suq tal-ikel li jinqdew minnu l-familji ta’ Shanghai.

    Bejjiegh tal-grancijiet f'suq f'ShanghaiMill-ewwel laqgħatna l-kuntrast bejn l-atmosfera sempliċi ta’ dan is-suq u l-isfond sofistikat tal-bini għoli u modern, tipiku ta’ din il-belt. Hawnhekk il-prodotti kienu rranġati mal-art, fil-kaxxi jew fil-gaġeġ u l-bejjiegħa erħielhom jgħajjtu biex isejjħu l-klijenti jew biex jikkustinjaw magħhom fuq xi prezz.

    Anki f’dan il-post, is-sensi tagħna ġew invażi minn għadd ta’ attivitajiet, irwejjaħ u ħsejjes. Kien hemm minn kollox għall-bejgħ fosthom ħaxix, frott, ħut, granċijiet, frott tal-baħar, weraq tat-tè, bajd ta’ diversi tjur, tiġieġ, sriedak, papri u ikel ta’ kull xorta. F’gaġġa minnhom, ilmaħna wkoll xi ġriewi żgħar ħelwin u f’qalbna tlabna li min kien ser jixtriehom, riedhom biex irabbihom u mhux biex isajjarhom!

    Bla dubju, wara dawn l-esperjenzi interessanti u vivaċi f’dawn il-ħwienet u s-swieq differenti, nemmen li wieħed ikun qed jitlef ħafna jekk ikun f’dawn l-ibliet u ma jżurx almenu xi wieħed minnhom.

     (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-8 ta’ Frar 2015)

    2015.02.08 / no responses / Category: Torca - Features & Articles