Posts Tagged ‘Belt Valletta’

  • IBGĦATHIELI BIL-POSTA

    Saviour Busuttil - ritratt Fiona Vella“Il-Milied ta’ dari kien inqas kummerċjali minn dak ta’ llum u dan huwa saħansitra evidenti minn dak li tirċievi fil-posta,” għarrafni missieri Saviour Busuttil li qatta’ 37 sena jaħdem bħala pustier.

    Infatti f’dawn l-aħħar snin, hekk kif jibda joqrob il-Milied, il-kaxxi tal-posta tagħna jintlew b’għadd ta’ rivisti u riklami, b’kompetizzjoni bejniethom biex iħajjruk tixtri l-prodotti tagħhom. Ftit li xejn għadna nirċievu kartolini tal-Milied mingħand qrabatna u ħbiebna. Ġeneralment illum dawn l-awguri jaslu bil-fomm, bit-telefon, b’xi email jew b’xi sms fuq il-mobile.

    “Sa ftit tas-snin ilu kont għadni nibgħat il-kartolini tal-Milied lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti kollha, avolja ħafna minnhom kienu joqogħdu viċin tiegħi. U naturalment jien ukoll kont nirċievi kartolina tal-Milied mingħand kull wieħed u waħda minnhom. Hekk kienet titlob l-użanza. Għaldaqstant tista’ timmaġina l-volum kbir ta’ posta li kien jinħoloq fi żmien il-Milied.”

    “Konna nkunu mifqugħin bix-xogħol, tant li wara li konna noħorġu nqassmu l-ittri matul il-ġurnata u nistrieħu ftit id-dar, konna nidħlu lura x-xogħol biex nissortjaw l-ittri. Ġieli domna sad-9.00pm għaddejjin sabiex insibu x-xogħol lest biex jitqassam għall-għada fil-għodu. Żmien il-Milied kien l-uniku perjodu li konna naħdmu l-overtime fih.”

    Saviour Busuttil mal-kollegi (it-tieni mil-lemin)“Biex inlaħħqu mal-kwantità tal-posta, fi żmien il-Milied konna noħorġu nqassmu mat-8.00am. Konna nippakkjaw il-barżakki tagħna sa ruħ ommhom u nerħulha nduru mat-triqat dar dar. Minbarra l-ittri konna nqassmu anki xi pakketti iżda f’każ li l-pakketti jkunu kbar wisq, konna nħallu avviż ħalli dak li jkun imur jiġborhom mill-uffiċċju tal-Posta.”

    “Matul il-bqija tas-sena, is-servizz tal-Posta kien jagħti garanzija li ittra li tintbagħat qabel is-7.00am kienet tasal għand ir-riċevitur dakinhar stess. Dan kien impossibbli li tiggarantih fi żmien il-Milied għalkemm konna nagħmlu ħilitna kollha biex il-posta tasal malajr kemm jista’ jkun. Konna nkunu konxji li ħafna kienu jkunu qed jistennewna bil-ħerqa. Sa 40 sena ilu, mhux kulħadd kellu telefon id-dar u l-posta kienet l-uniku mezz ta’ komunikazzjoni. Ngħidu aħna fost l-ittri ġieli kien ikun hemm noti tan-namrati li kienu jiktbu lil xulxin biex jifthemu fejn u fi x’ħin se jiltaqgħu. Mur fehmielhom din liż-żgħażagħ illum!”

    “Meta l-internet kien għadu ineżistenti, kollox bil-posta kien jasal u għalhekk in-nies kellhom ċerta relazzjoni ta’ ħbiberija mal-pustier. Hekk kif induru l-kantuniera konna ndoqqu l-qanpiena tar-rota ħalli n-nies jindunaw li wasalna. Imma kien ikun hemm ukoll min ikun qed jistenniena fil-bieb tad-dar tiegħu. Fil-Milied in-nies kienu jilqgħuna b’mod speċjali u jpattulna tas-servizz li konna nagħtuhom matul is-sena kollha. Ħafna kienu jippreparawlna xi grokk u jekk ma noqogħdux attenti, nispiċċaw immorru kuljum fis-sakra d-dar! Kien hemm min jagħtina wkoll xi ħaġa tal-flus u konna ndabbruha tajjeb f’dawk il-ġranet. Kont tħossok apprezzat u allura x-xogħol kien jagħtik aktar sodisfazzjon.”

    Saviour Busuttil mal-kollegi (it-tieni mil-lemin ringiela ta' quddiem)“Illum ċerti affarijiet inbidlu qatiegħ. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni żdiedu u allura l-funzjoni tal-Posta ma baqgħetx daqshekk assoluta. Ħafna nies illum jaħdmu, inkluż in-nisa, u allura ssib inqas nies fid-djar filgħodu. Hemm ukoll il-fatt li llum meta jiżżewwġu ‘l ulied mhux neċessarjament qed jibqgħu joqogħdu fl-istess raħal jew belt fejn twieldu. Dan qed ninnutah fiż-Żejtun hekk kif m’għadux jikber bl-istess rata ta’ qabel. Inbidel ukoll it-tip ta’ bini u allura fejn dari il-pustier kien iħabbat bieb, bieb, dar, dar, illum jidħol ġol-entrata ta’ blokk ta’ appartamenti u jħalli l-ittri ġol-kaxxi mingħajr forsi qatt ma jara lir-riċevituri. B’hekk jista’ jkun li r-relazzjoni tan-nies mal-pustier ma baqgħetx li kienet. Madanakollu, jien li niftakar żminijiet oħra, għadni nilqa’ l-pustiera d-dar u ġieli noqgħod nitħaddet magħhom. Fi żmien il-Milied, kif ħaddieħor kien jagħmel miegħi, nagħtihom dik ix-xi ħaġa żgħira wkoll.”

    Missieri daħal jaħdem bħala pustier meta kellu 18 il-sena.

    “Iz-ziju Ċikku kien jaqra l-gazzetti kuljum u kien hu li qalli li kienu fetħu l-applikazzjonijiet għall-pustiera ġodda. Ta’ 16 il-sena temmejt l-edukazzjoni tiegħi u bħal għadd ta’ nies oħra spiċċajt nirreġistra. Kien ikun hemm ringieli sħaħ ta’ mijiet ta’ nies jirreġistraw għax ma tantx kien hemm xogħol. Biex tilħaq pustier kien ikollok toqgħod għall-eżamijiet bil-miktub fil-Matematika, l-Ingliż u l-Ġografija u ridt tiġi minn ta’ quddiem. Meta dħalt jien kienu applikaw madwar 170 u għażlu 50.”

    Saviour Busuttil fil-bidu tal-karriera tieghu (it-tieni mil-lemin ringiela ta' quddiem)“Dħalt naħdem fl-uffiċċju tal-Posta taż-Żejtun li dak iż-żmien kien ikopri wkoll lil Ħal-Għaxaq, il-Gudja, Marsaxlokk u Birżebbuġa. L-ewwel ħmistax kont tqattagħhom titgħallem ir-rotta li tkun ġiet assenjata lilek. Kont tmur issegwi pustier ieħor ħalli tara kif jaħdem. F’dawk il-ġranet kont mistenni titgħallem l-ismijiet tat-toroq u tkun taf fejn huma d-djar. Jien ma kelli l-ebda problema f’dan il-qasam peress li minn tfuliti kont nixtieq insir pustier. Kont affaxxinat bit-toroq u bl-ismijiet tagħhom u għalhekk kont diġà qbadt nitgħallimhom bl-amment. Imma xorta waħda kien hemm triqat jew sqaqien fiż-Żejtun li ssorprendewni għax qatt ma kont dħalt fihom qabel. Aktar il-quddiem imbagħad kelli l-opportunità li nsir naf it-triqat ta’ partijiet ta’ Ħal-Għaxaq u tal-Gudja peress li kont inqassam hemm ukoll.”

    “Ix-xogħol mill-ewwel għoġobni. Toqgħod iddur fit-toroq u l-isqaqien u tgħid ara das-sqaq qatt ma rajtu qabel! U n-nies kienu dħulin. Kienu jħobbuna ħafna u jafdaw ħafna fina. Uħud meta jirċievu xi ittra kienu jistaqsuni ‘Ta’ x’hiex inhi?’ U ngħidilhom tal-income tax jew tal-Awstralja per eżempju. Kif ngħidilhom tal-Awstralja kien ikun hemm min jistaqsini mingħand min għax kien ikollhom ħafna tfal hemm. U ġieli kien hemm min kien idaħħalni d-dar, jagħmilli belgħa tè, jpoġġi miegħi mal-mejda u joqgħod jismagħni naqralu l-ittra.”

    “Fil-bidu pustier ġdid ma kienx ikollu r-rotta tiegħu imma kien iservi bħala sostitut sabiex jagħmel tajjeb għal meta pustiera oħra jkollhom bżonn jieħdu l-leave jew ikunu ma jifilħux. Iż-Żejtun kien maqsum f’erbgħa sezzjonijiet u ftit ftit kont tasal sakemm titgħallem ir-rotot kollha. Wara 5 snin kont tieqaf tissostitwixxi u jkollok ir-rotta tiegħek.”

    Saviour Busuttil (it-tieni mil-lemin fit-tieni ringiela) mal-kollegi waqt zjara mill-On. Wistin Abela“Ix-xogħol ta’ pustier kien jinkludi li jinġabru l-ittri mill-kaxxi tal-ittri pubbliċi kollha taż-Żejtun, il-Gudja, Marsaxlokk u Birżebbuġa fis-7.00am u jittieħdu l-uffiċċju. Imbagħad l-ittri kollha kienu jitqassmu skont id-distrett tagħhom. Dawk l-ittri li kienu se jitqassmu mill-Posta taż-Żejtun kienu jinżammu filwaqt li l-oħrajn kienu jintbagħtu ma’ vann li jiġi jiġborhom biex jeħodhom fl-uffiċċju prinċipali tal-Belt. L-ittri li jinżammu kienu jiġu rranġati skont ir-rotot u kif inlestu noħorġu nqassmuhom fid-djar. Kollox kellu jitqassam dakinhar stess u kif tlesti stajt tmur lejn id-dar. Min kien imur idur bil-mixi u min bir-rota u għal dawk ir-residenti li kienu joqogħdu fl-imbiegħed, bħall-inħawi tal-bajja ta’ San Tumas u Ħal-Far, il-pustier kien imur bil-mutur. Għal xi l-10.00am kien jasal vann ieħor mill-Belt li kien iġib il-posta li jkunu rċevew l-uffiċċji tal-posta l-oħra.”

    “Qattgħajt 22 sena niġri bir-rota u nqassam l-ittri. Bħal kull xogħol hemm is-sabiħ u l-ikraħ tiegħu. Fis-sajf kont tbati mis-sħana u mill-qilla tax-xemx imma fix-xitwa kien wisq agħar għax kont tixxarrab jekk ikun il-maltemp u tirriskja li tlaqqgħat xi riħ. Kien hemm ukoll problema bil-klieb tan-nies li ġieli kienu jħebbu għalik kif jarawk riesaq. Darba minnhom gidimni kelb u ċarratli l-qalziet tal-uniformi.”

    “Wara 22 sena ngħatajt promozzjoni u lħaqt Mail Officer u xogħoli kien fuq ġewwa biss. Meta għaddew 10 snin oħra lħaqt Mail Inspector u hemm ġejt responsabbli mill-uffiċċju tal-Posta taż-Żejtun. Matul is-snin rajt diversi żviluppi jseħħu fosthom l-introduzzjoni ta’ pustiera nisa li qabel kienu jiġu evitati biex ma jkunx hemm taħlit bejn nisa u rġiel. Finalment ta’ 55 sena ħriġt bil-pensjoni.”

    Saviour Busuttil mal-kollegi waqt mument ta' mistrieh (l-ewwel mix-xellug)Illum missieri jgħodd is-70 sena iżda għalkemm għaddew 15 il-sena minn mindu waqaf mix-xogħol, għadu jiftakar ċar l-ismijiet kollha tat-triqat tal-inħawi li ħadem fihom, in-numri tad-djar u saħansitra l-kunjomijiet tas-sidien tagħhom ukoll.

    “Sal-bieraħ iltqajt ma’ waħda ġo ħanut li kellha madwar 40 sena. X’ħin ratni qaltli ‘Tiftakar kemm kont tagħtina posta?’ Għall-ewwel m’għarafthiex imma meta semmietli t-triq fejn kienet toqgħod, stajt ngħidilha n-numru tal-bieb tagħhom u l-kunjom tal-familja. Stagħġbet li kont għadni niftakar wara tant snin!”

    Meta tkun qattgħajt daqstant żmien taħdem bħala pustier diffiċli tinsa l-informazzjoni kollha li tkun immemorizzajt. Missieri jistqarr li kultant għadu joħlom li qiegħed idur bir-rota madwar it-toroq iqassam l-ittri lin-nies.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-suppliment Senior Times li ħareġ mal-ġurnal The Times of Malta tal-15 ta’ Diċembru 2017)

    2017.12.15 / no responses / Category: Times of Malta

  • MEMORJI TAL-MANDRAĠĠ

    Il-Malti kellu raġun biex ibiegħ meta ħoloq il-qawl ‘Tini l-fama u itfagħni l-baħar’. Fil-fatt kultant nintebħu li akkost li nkunu tħabatna biex ma niġux influwenzati mill-opinjoni ta’ ħaddieħor, b’xi mod jew ieħor xorta waħda nkunu nġarrejna ma’ kurrent li forsi seta’ kien żbaljat.

    Ngħidu aħna, kont ilni nisma’ ħafna bl-inħawi tal-Mandraġġ fil-Belt. Diversi għidut tawni x’nifhem li l-popolazzjoni tal-Mandraġġ kienet tgħix fil-faqar u fit-tbatija. Oħrajn Ralph Micallefsaħqu miegħi li ħafna min-nies t’hemm kienu ‘ta’ qattagħni’ u miskin kien ikun dak li  jispiċċa f’nofshom! Nistqarr li qatt ma kont sibt l-opportunità li nitkixxef aħjar dwar dan il-post. Għalhekk meta Ralph Micallef tarraffli li kien jiftakar sewwa l-inħawi u anki lil ħafna mill-abitanti tiegħu, ma stajtx ma naħtafx l-opportunità biex inqarreb il-boċċa aktar viċin il-likk.

    “Għalkemm jiena Belti, ma twelidx jew trabbejt fil-limiti tal-Mandraġġ tal-Belt. Madanakollu għandi esperjenza ċara ta’ dan il-lokal wisq magħruf.”

    Bdejna mexjin lejn il-lokazzjoni fejn dari kien jinsab il-Mandraġġ u mill-ewwel irrealizzajt li ma kellix idea dwar fejn kienu dawn l-inħawi.

    “Niftakar li l-Mandraġġ kien fl-ispazju ta’ bejn Triq San Patrizju, Triq San Marku, Triq Marsamxett u Triq Santa Lucija.

    Kien jinsab ġo speċi ta’ ħofra u meta kont tinżel isfel sad-djar kont issib li dawn kienu mibnija f’livell mal-baħar. Biex tinżel għall-Mandraġġ kien hemm numru ta’ bokkaturi jew daħliet. Id-dħul prinċipali kien min-naħa tas-sur ta’ Marsamxett, filwaqt li ż-żewġ entraturi sekondarji kienu jinfdu minn Triq Santa Luċija u minn Triq San Marku.

    Ġeneralment jiena kont ninżel min-naħa ta’ Triq ta’ San Marku li l-fetħa tagħha kienet tagħti proprju faċċata tal-istabbilment ta’ Delia tal-għamara, li għadu hemm sal-ġurnata ta’ llum.”

    Wasalna fil-post li kien qed isemmi iżda minflok dil-fetħa illum hemm numru ta’ djar. Madanakollu permezz tal-entużjażmu ta’ Ralph, għal dawk il-ftit mumenti li kont Faċċata ta' Delia kien hemm waħda mill-bokok sekondarji għal Mandraġġqegħdha fil-kumpannija tiegħu, l-bini l-modern bħal beda jisfuma fix-xejn u permezz ta’ naqra immaġinazzjoni, quddiemi stajt nara ċar dak li kien qed jispjegali.

    “Insa għal ftit dak li qed tara quddiemek u pprova immaġina ħnejja kbira li fuqha kien hemm niċċa tal-Madonna taċ-Ċintura. Id-daħla kienet tagħti għal taraġ dejjaq u twil ħafna… niftakarni nieżel, nieżel sakemm nasal isfel nett. Kont inħossni qisni nieżel taħt l-art biex immur f’xi dinja oħra. Iżda hemm isfel nies bħali u bħalek kienu jgħixu. Id-differenza kienet li dawn kienu jgħixu fit-tbatija minħabba ħafna nuqqasijiet ta’ bżonnijiet bażiċi.”

    L-ewwel drabi li Ralph niżel fil-Mandraġġ kienu meta hu kien għadu tifel ċkejken.

    “Illum l-inħawi tal-Mandraġġ jagħmlu mal-Parroċċa ta’ Santu Wistin. Imma dari dawn kienu jiffurmaw parti mil-limiti tal-Parroċċa ta’ San Duminku. Kelli xi tmien snin u jiena kont inservi f’din il-parroċċa bħala abbati.

    Dak iż-żmien l-aktar mumenti mpressjonanti konnessi mal-Mandraġġ kienu meta konna ninżlu bil-Vjatku. Probabbilment minħabba li kien hemm l-użanza li l-Vjatku jkollu miegħu akkompanjament ta’ patri minn San Duminku flimkien mal-fratelli u l-abbatini. Ta’ tfal li konna, hekk kif konna nisimgħu n-nota tal-qanpiena tavża li ħiereġ il-Vjatku, erħielna nlebbtu lejn il-Knisja f’kompetizzjoni min minna ser jilħaq l-ewwel biex jieħu fanal u jmur magħhom. Konna nixegħlu l-fanal bix-xemgħa u nżommuh f’idejna tul it-triq kollha u allura meta l-Vjatku jkun sejjer sal-Mandraġġ kienet tkun triq twila u allura aktar eċċitanti!

    Konna ninżlu mill-eqreb bokka. Id-dellijiet tax-xemgħat aħna u neżlin dak it-taraġ twil kienu jqanqluk. U mbagħad kont issib ruħek hemm isfel, ġo post fejn it-toroq kienu dojoq immens tant li mhux l-ewwel darba li t-tebut bil-mejjet ma setax joħroġ mill-bieb prinċipali għax kien jaħbat mal-faċċata tad-dar l-oħra! Minflok, id-djar kien ikollhom twieqi wesgħin mhux ħażin u allura kienu jorbtu t-tebut bil-ħabel u jniżżluh il-barra minnhom, qisu nieżel għal ġol-qabar, b’tali mod li jinżel dritt għal ġot-triq ħalli jkunu jistgħu jibqgħu sejrin dritt bih wara li l-patri jkun talab fuqu u bierku bl-ilma mbierek. Imbagħad kienu jiġu r-reffiegħa li kienu jerfgħu t-tebut fuq spallejhom u jeħduh il-fuq għat-triq fejn kienu jsibu jistenniehom il-karru tal-mejtin; iddekorat bl-iswed għall-adulti u bl-abjad għat-tfal.”

    Naturalment f’dawn l-inħawi ħadd ma kellu għalfejn imur, ħlief min joqgħod hemm jew min ried jagħti xi servizz. Iżda hekk kif sar adult u daħal fid-dinja tax-xogħol, għal darb’oħra Ralph sab ruħu nieżel dawk it-turġien ‘l isfel fil-Mandraġġ…

    “Kont naħdem bħala pustier u għamilt numru ta’ snin wara l-gwerra nieħu l-ittri lill-abitanti tal-Mandraġġ.

    Ta’ min isemmi li hemm kien hemm partikolarità – ma kienx hemm toroq bl-ismijiet magħhom. Id-djar kellhom numri biss u għalhekk kien ikun ferm diffiċli biex issib lil xi ħadd mingħajr l-għajnuna tal-familji l-oħra. Però minn din, qatt ma kont nieqes hemmhekk.

    In-nies kienu ħelwin ferm miegħi u meta nasal jien, qisu nieżel xi ħaġa kbira. Kienu jieħdu pjaċir ħafna bl-ittri anki jekk qatt ma ħadtilhom xi ċekk bl-għajnuna soċjali. Infatti meta kont nasal erħilhomKif jispiċċa dal-bini min-naħa t'isfel, kien jibda l-Mandraġġ joħorġu jilqgħuni. “Ġie l-postman! Ġie l-postman!” kienu jgħajjtu t-tfal filwaqt li jistaqsuni għal min hi l-ittra ħalli jeħduni fuq il-post. Flimkien maċ-ċorma li tinġabar miegħi kont nibda nsejjaħ lil dak li għalih tkun indirizzata l-ittra, ngħidu aħna “Bonavia! Bonavia!” U f’daqqa tilmaħ xi mara jew xi tifel ħerġin minn xi dar u jiġu jeħdulek l-ittra minn idejk.

    Ix-xogħol beda jiżdied aktar il-quddiem meta bdiet l-emigrazzjoni għall-Awstralja u l-Mandraġġari kienu jirċievu aktar ittri peress li wħud minn uliedhom bdew jemigraw.”

    Id-deskrizzjoni tan-nies tal-Mandraġġ kienet ferm differenti mill-impressjoni li kien tani ħaddieħor; li wara kollox aktarx qatt ma kien iltaqa’ magħhom!

    “Sfortunatament l-istigma tagħmel ħafna ħsara. Ċertament in-nies kienu jgħixu f’faqar kbir fejn il-mezzi tas-sanità ma kienux jeżistu.

    Id-djar aktar stajt issejjħilhom kmamar u fihom kienu jgħixu familji sħaħ fi skumdita kbira. Servizz ta’ ilma fid-djar ma kellhomx u minflok kienu jużaw l-ilma ta’ funtani pubbliċi. Kienu jaqdu l-bżonnijiet tagħhom fid-djar u wara jmorru jarmu kollox fit-triq f’lok apposta.

    Kaġun t’hekk, il-Mandraġġari kienu magħrufa bħala nies li baqgħu lura u xi wħud kienu jistmerruhom. Kellhom ukoll il-fama li kienu nies tal-ġlied imma jiena qatt ma kelli nkwiet magħhom. Xi ġlieda ‘l hemm u ‘l hawn bejniethom kont tismagħha. Imma dak ma kienx hemm bżonn li tkun il-Mandraġġ għax xi tilwima kullimkien stajt taraha.

    Personalment jiena ngħidlek li kienu nies ġentili u tar-rispett. Kont nammirahom li dejjem kienu bit-tbissima avolja kienu jgħixu f’dawk il-kundizzjonijiet.

    Niftakar li kienu wkoll nies devoti ħafna u infatti mal-faċċati tad-djar kont tara bosta niċeċ l-aktar tal-Madonna taċ-Ċintura u tal-Madonna tal-Karmnu. Ħafna mill-Mandraġġara kienu jattendu għall-quddies fil-Knisja ta’ Santu Wistin jew f’dik tal-Karmnu peress li kien hemm żewġ telgħat li jwasslu direttament għalihom.”

    Kelli kurżità x’xogħol kienu jagħmlu l-Mandraġġara?

    “Il-biċċa l-kbira minnhom kienu barklori peress li mill-inħawi viċin kienu jivvjaġġaw ħafna laneċ minn Marsamxett għal tas-Sliema. Kien hemm oħrajn li kienu mużiċisti u oħrajn dulċiera mill-iprem. Madwar dal-moll bosta Mandraġġara kienu jaħdmu bħala barkloriNaturalment kont issib ukoll ħafna li ma setgħux isibu xogħol.”

    It-tmiem tal-Mandraġġ seħħ hekk kif il-Partit Laburista rebaħ għall-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali.

    “Il-mexxej tal-Partit Laburista, it-Tabib Pawlu Boffa, ħatar lill-Perit Duminku Mintoff bħala l-Ministru tax-Xogħolijiet Pubbliċi u r-Rikostruzzjoni. Mintoff mal-ewwel tefa’ għajnejh fuq it-tbatija li kienu qed jgħixu fiha l-Mandraġġara u ħalef li joħroġhom minn hemm ħalli eventwalment ikun jista’ jipprovdielhom djar moderni bil-faċilitajiet kollha neċessarji.

    Il-Mandraġġara ngħataw data speċifika sakemm kellhom joħorġu mill-inħawi peress li kien ġie deċiż li kellu jinħatt kollox. Uħud mill-abitanti ħadu pjaċir illi finalment kienu ser jaraw id-dawl ta’ futur aħjar. Iżda oħrajn, li kienu draw u rabtu qalbhom mal-post, sabuha diffiċli ferm biex iħallu kollox warajhom u kien hemm sitwazzjonijiet fejn kellha tindaħal il-pulizija biex inħarġu minn hemmhekk.

    Intant in-nies tal-Mandraġġ ġew trasferiti fid-Depot l-antik tal-pulizija fi Triq Merkanti. Hemmhekk xorta waħda ma kienx xi żmien faċli għax il-Mandraġġara sabu ruħhom jgħixu ġo speċi ta’ gabubi. Imma Mintoff wegħedhom li hekk kif kien ser jitlesta l-bini l-ġdid tal-appartamenti li kienu telgħin flok il-Mandraġġ, huma kien ser ikollhom id-dritt tal-ewwel għażla biex jgħixu fihom.

    Hekk kif il-Mandraġġ tbattal min-nies, inħatt kollox. Imbagħad il-ħaddiema komplew jordmu l-ħofra bil-ġebel tad-djar li kienu ġġarrfu waqt il-gwerra sakemm finalment waslu livell mat-triq. Ix-xogħol tħaffef kemm seta’ sabiex in-nies ma jibqgħux jgħixu fl-iskumdità u hekk kif il-bini tlesta, kif kien imwiegħed, ħafna mill-Mandraġġara għażlu li jmorru joqogħdu hemm.”

    Sibna ruħna fil-pjazza ta’ Mattia Preti fejn illum hemm il-bandli.

    “It-tfal u ż-żgħażagħ ta’ llum ma jiftakru xejn minn dan. Mur għidilhom x’kien hawn qabel taħt dawn il-bandli! Imma dawk kbar fl-età bħali, hekk kif issemmilhom l-inħawi tal-Mandraġġ, ħsiebhom mill-Il-bini l-ġdid u l-bandli fejn qabel kien hemm l-inħawi tal-Mandraġġewwel hawn jiġi għax akkost li għadda ż-żmien, hekk għadna nsibuh.”

    Qabel infridna, Ralph xtaq jurini parti ċkejkna mill-oriġinali li tħalliet bħala tifkira tal-Mandraġġ.

    “Din il-mina kienet tagħti dritt għall-Mandraġġ għalkemm ovvjament ma kinetx kif qed taraha illum. Qed tarah dak il-kwadru tal-Madonna mwaħħal hemm fuq? Hekk kienu jkunu mpoġġija x-xbiehat reliġjużi matul id-daħliet lejn il-Mandraġġ. Minn hawn kont tibqa’ nieżel ‘l isfel ‘l isfel minn taraġ li donnu ma kien jipiċċa qatt…”

    Matul il-laqgħa tiegħi ma’ Ralph ma stajtx ma ninnutax illi das-suġġett kien għall-qalbu ferm. Xtaqt inkun naf x’kienet ir-raġuni li wasslitu biex jiġi jurini fejn kienu dawn l-inħawi u għaliex dal-post kien ifisser tant għalih?

    “L-ewwel nett hawnhekk għandi l-memorji personali tiegħi u allura nħoss ċertu nostalġija. Barra minn hekk, ormaj dawn l-inħawi jiffurmaw parti mill-Istorja tagħna lkoll. Fuq kollox ridt naqsam miegħek u mal-qarrejja din l-informazzjoni sabiex ma ninsew qatt kemm għal żmien twil dawn in-nies għexu f’miżerja kbira filwaqt li fil-preżent qed igawdu minn kwalità ta’ ħajja ferm aħjar. Biex nagħlaq nixtieq infakkar ukoll illi akkost l-istigma li batew minnha l-Mandraġġara, minn hawnhekk irnexxielhom joħorġu individwi b’talenti kbar li għadhom magħrufa sal-llum.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-31 t’Ottubru 2011)

    2010.10.31 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-PREZZ TAL-PROGRESS

    Indubbjament l-aktar għal qalbi huma l-anzjani. Uħud mill-istejjer li jgħiduli jeħduni f’dinja oħra għal kollox differenti minn tiegħi. Nieħu gost nara l-perseveranzaJohn Grech tagħhom akkost il-milja taż-żmien. U nitpaxxa narahom jhedew b’xi ħaġa li tagħtihom skop fil-ħajja. Kultant jgħaddili l-ħsieb jekk jien qattx hux ser nilħaq dik l-età xi darba u f’dak il-każ, x’ser inkun nista’ nirrakkonta dwar ħajti? Imma sadanittant nixtieq niġbor il-ġrajjiet tal-oħrajn u għandi kurżità jekk jirnexxiliex insib anzjani b’xi passatemp partikolari minn kull raħal u belt fil-gżejjer tagħna?

    S’issa tkellimt ma’ Lino Psaila miż-Żejtun dwar il-manuċċi u ma’ Crispin Attard minn Ħaż-Żabbar dwar il-kitarri tal-għana. Illum ser inlaqqagħkom ma’ John Grech minn Birżebbuġa u miegħu ddiskutejt is-sengħa tal-interzjar.

    Hekk kif irfist mill-bieb il-ġewwa ta’ daru ma stajtx ma ninnutax l-għadd ta’ kwadri maħduma bl-interzjar imwaħħla mal-ħitan. John waqaf kburi quddiem wieħed minnhom li kien juri t-Teatru Rjal.

    “Dan huwa l-kapolavur tiegħi. Ħdimtu bil-qalb u b’attenzjoni kbira għax xtaqt nerġa’ nagħti r-ruħ lil dal-bini meraviljuż li tant għandi memorji sbieħ tiegħu.

    Għadni qed narahom u nismagħhom ċari l-opri grandjużi li attendejt għalihom fit-Teatru Rjal fostom il-Madame Butterfly, it-Traviata u l-Faust. Imma ta’ tifel li kont, l-iktar ħaġa li kienet timpressjonani kienet il-linfa kbira li kien hemm imdendla fin-nofs. Aħna konna noqogħdu f’palkett u darba minnhom niftakarni ngħid lill-oħrajn illi kieku dik il-linfa kellha taqa’ għal isfel kieku kienet tiġi eżatt fuq il-qargħi li kien qiegħed bil-qiegħda taħtha!

    Sfortunatament dawk li ma jiftakruhx wieqaf mhu ser ikollhom qatt l-opportunità li jarawh u huwa proprju għalhekk li napprezza dal-kwadru aktar għax permezz ta’ dax-xogħol nista’ nuri l-ġmiel tal-It-Teatru Rjal bl-interzjararkitettura li kellu. Aħna l-anzjani xtaqna ħafna li nerġgħu naraw it-Teatru Rjal jinbena mill-ġdid b’dawk il-grandjożità ta’ rikkezzi li kien fih ħalli b’hekk anki l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jkunu jistgħu jgawduh. Imma llum il-ġurnata n-nies imorru għal affarijiet moderni u allura dak iż-żmien qatt mhu ser jerġa’ lura.”

    John baqa’ jdawwarni max-xogħolijiet tiegħu li kollha kellhom xi storja warajhom. F’waħda mill-kmamar huwa kellu wkoll xi diżinji ta’ kompożituri maħduma bil-pinna filwaqt li f’kamra oħra tfaċċaw numru ta’ pitturi.

    “L-arti qegħdha ġo fija u kont nistudjaha anki l-iskola. Meta konna għadna għarajjes ħarriġt lil marti Frida fil-pittura u dak il-kwadru huwa r-riżultat.”

    Kien kwadru sabiħ u Frida ħadet gost li apprezzajtu. Poġġiet bil-qiegħda ħdejna madwar il-mejda fejn John kellu l-affarijiet għal lest biex jaħdem daqsxejn interzjar ħalli jurini kif isir dax-xogħol. Iżda qabel xejn xtaqt inkun naf kif beda dan il-passatemp tiegħu?

    “La kont inpinġi bil-pinna kont dilettant tad-diżinn. U allura meta żżewwiġna u ġejna biex nordnaw żewġ gradenzini tal-interzjar, ridt niddiżinjahom jien. Niftakar li għall-ewwel mort biex nordnahom John jaħdem l-interzjar u Frida fl-isfondminn għand wieħed li kien jaħdem l-għamara bl-interzjar il-Belt. Imma dan ma setax jaħdimhom kif xtaqt jien u minflok bagħtni għand wieħed jgħidulu tal-Badajda li kien jinsab ħdejn l-għassa ta’ B’Kara. Meta sema’ x’ridt tħajjar jagħmilhomli imma meta lestihom qalli “daqs kemm tawni xogħol u daqs kemm ħadt paċenzja biex ħdimthom, ara ma tgħidx lil xi ħadd li għamilthomlok jien”.

    Però jien infurmajtu li oħti kienet diġà lesta biex tordnalu xi għamara bħal tiegħi u għalkemm ipprova jirriffjuta, finalment aċċetta li jaħdimha wkoll. Bqajt nitla’ nara x-xogħol kif inhu ġej u meta l-għamara kienet għoddha lesta, nnutajt kemm kien jarmi fuljetti u biċċiet ta’ njam żgħir. Hu sostna li dik il-ħela kienet parti mix-xogħol. Ġieni f’moħħi li nitolbu jagħtini ftit minnhom akkost li ma kontx naf x’ser nagħmel bihom. U hu tahomli minflok remihom.

    Tlaqthom fil-workshop li kelli u nsejthom hemm sakemm darba ġejt bżonnhom. Ħu l-mara kien xtara sett minn ġo ħanut tal-arti li kien jikkonsisti fi kwadru bi tpinġija żgħira u fuqu kellu jwaħħal xi biċċiet tal-injam li xtara mal-mudell. Imma wara ftit dan xeba’ jagħmlu u tah lili. Intfajt fuqu u bdejt naqla’ l-biċċiet ħżiena li kien waħħal u nbiddilhom ma’ partijiet oħra tajbin. Meta lestejtu u ġie tajjeb irrealizzajt li xi ħaġa hekk stajt nagħmilha jien b’dawk il-biċċiet tal-injam li kelli. U minn hemm bdiet l-istorja ta’ dal-passatemp.”

    Frida ġiet turini żewġ kaxxi mdaqqsa: waħda b’sett ta’ xfafar ta’ kull qies u l-oħra mimlija bil-biċċiet irqaq ta’ njam u fuljetti differenti.

    “B’dawn jaħdem, ara. U dawn il-biċċiet tal-injam allaħares taqagħlu xi biċċa minnhom għax tgħidx x’jagħmel! Jinżel mill-ewwel ifittixha u qabel isibha ma joqogħdx kwiet. U dawk li ma jindunax bihom, erġilu jġorrhom ma’ ħwejjġu u mal-qiegħ taż-żarbun fil-kmamar kollha. U jien innaddaf.”

    Għalkemm kienet qed tgħid dal-kliem Frida dehret kburija ħafna b’dal-passatemp ta’ żewġha. U fl-istess ħin infurmatni li anki hu jieħu paċenzja biha meta jkun hemm bżonn. Issa ilhom 53 sena miżżewġin.

    “Tal-Badajda għadu jagħtini xi biċċiet milli jifdallu sal-ġurnata ta’ llum. Imma sikwit immur nixtri wkoll xi fuljetti. Noqgħod b’sebgħa għajnejn għal xi biċċa b’xi vina jew b’kulur mhux komuni għax dik ara kemm issebbaħlek ix-xogħol! Ara dil-biċċa żgħira per eżempju kemm hija ħelwa,” qalli John hekk kif qabad fuljetta ċkejkna b’diżinn partikolari mmens. “Min jaf fejn għad trid issib ruħha din?”

    John kompla jispjegali illi jħobb jaħdem suġġetti li juru nħawi magħrufa f’Malta bħall-villaġġ ta’ Marsaxlokk, il-portijiet tal-belt Valletta, il-knisja tal-Mosta, xeni minn San Xena mill-Belt bl-interzjarĠiljan, postijiet antiki f’Birżebbuġa, xi razzett Malti, il-lift tal-barrakka, gallerija bil-ħasira, Kastilja, il-Bieb tal-Bombi u ħafna oħrajn.

    “S’issa ħdimt mal-120 biċċa. Uħud minnhom irregalajthom lil uliedi. Ġieli biħħejt xi waħda ‘l hemm u ‘l hawn imma qatt ma nagħmilhom għal dan il-għan. Irid altru jkun bniedem li japprezza din l-arti biex nagħtihielu. L-interzjar fih ħafna xogħol u għalhekk għandu valur kbir.”

    John għażel xi njam irqiq u poġġieh fuq l-istampa li kien qed jaħdem fuqha.

    “Ara, qed taraha din? Mhux tajba. Il-bjuda tal-injam ma taqbilx mal-iskala tal-injam diġà mpoġġi u allura rrid insib oħra.”

    Poġġa l-biċċa njama lura u kompla jqalleb fil-kwantità ta’ njam ieħor li kellu fil-kaxxa. Imma l-ebda waħda ma kkuntentatu. Allura qabad zokk tal-injam li jintuża għall-kebabs u fetħu minn tulu fin-nofs. Wara beda jqattgħu f’biċċiet mhux akbar minn 5 millimetri, tant li biex jaqbadhom kellu juża l-ponta tax-xafra li kellu f’idu. Stagħġibt kif ma jużax lenti għal dax-xogħol!

    “Paċenzja u konċentrazzjoni trid żgur,” weġibni mill-ewwel. “Għalhekk nippreferi naħdem fil-kwiet. Madanakollu ma rridx li jkolli l-workshop tiegħi f’xi post imwarrab u ningħalaq f’kamra waħdi għax il-kumpannija nħobbha. Hawnhekk ħdejn il-kċina nħossni aktar komdu għax almenu jkolli lil Frida ħdejja.”

    “Imma la jibda jaħdem ma tkellmux taf,” daħlet pronta Frida. “Hekk jew hekk lanqas biss jisimgħek daqs kemm ikun mitluf. Mhux darba u tnejn li jkolli nerġa’ nsaħħanlu l-ikel għax ma jiġix jiekol qabel ilesti l-parti li jkun qed jagħmel.”

    “Għax la nkun sibt dik l-injama perfetta għal dak il-post, ma nkunx irrid nitlifha,” spjegali John hekk kif b’reqqa kompla jwaħħal il-biċċiet tal-injam li issa l-kulur tagħhom kien jaqbel sewwa max-xogħol li kien qed jagħmel.

    Ċertament ma tridx tkun nervuż għal dax-xogħol. Kont kurjuża kemm idum biex ilesti kwadru bl-interzjar?

    “Diffiċli biex nikkalkulalek kemm nieħu ħin. Darba minnhom ħdimt arma f’24 siegħa. Imma normalment nagħmel biss ftit siegħat kuljum u nkompli kull meta jkolli ċ-ċans u skont kemm jippermettilek il-boss hux?” qalli b’ħarsa nebbiexa lejn martu. “Dax-xogħol jirrikjedi ħafna preċiżjoni u għalhekk ma tistax taħdem b’għaġġla. Fl-istess ħin ukoll taqla’ dahrek dejjem fl-istess pożizzjoni. U trid jew ma tridx, wara ċertu ħin ikollok tieqaf.”

    Ġie żmien meta dal-passatemp sewa ħafna.

    “Kelli nagħmel madwar tmien ġimgħat l-isptar u tlabthom iġibuli kaxxa minnhom biex nagħmel xi ħaġa. Hemmhekk kont noqgħod lejl u nhar naħdem, sakemm ngħejja. Fil-fatt tgħidx kemm tellgħajt xogħol u b’hekk il-ħin fl-isptar ma rajtux twil wisq. It-tobba u l-infermiera kienu jieħdu pjaċir jarawni attiv u erħielu kulħadd ġej jittawwalli. Wara din l-esperjenza aktar u aktar ħabbejtu dal-passatemp.”

    Erġajna dorna għall-kwadru li kien qed jaħdem fuqu.

    “L-ewwel ma trid tibda mis-sema għax dik tikkonsisti fl-akbar biċċa u b’hekk taffettwalek id-dehra totali tax-xogħol. Ngħidu aħna jekk tagħżel fuljetta b’kulur skur taf li l-bqija ser ikompli skont dik l-iskala.

    Ġeneralment jiena nkun naf minn qabel x’riżultat irrid u allura nfittex apposta l-kuluri li neħtieġ. Barra minn hekk ġieli nżid xi oġġetti li oriġinarjament ma jkunux fl-istampa biex nagħti dehra aktar attraenti lix-xogħol finali.”

    John lesta mill-parti li kien qed jagħmel u b’hekk stajt nara kemm tassew jieħu ħin dax-xogħol tal-interzjar. Il-kwadru li kien qed jaħdem fuqu dak il-ħin ma kienx kbir ħafna imma fir-realtà d-daqs tal-kwadri jvarja minn wieħed għall-ieħor.

    “L-akbar biċċa xogħol ta’ interzjar li għamilt s’issa fiha 10 piedi tul. Hija xena tal-port ta’ Marsamxett u tal-bini li hemm fl-isfond. Ħdimt sitt kwadri oħra b’din l-istess xena u dik li qed tara mwaħħla mal-Il-Valletta Waterfront bl-interzjarħajt hija l-oriġinali. Niftakar li dan il-kwadru kont ħdimtu b’pika kemm għax sfidani wieħed biex nagħmlu u anki għax personalment qatt ma kont ħdimt xi ħaġa ta’ dil-kobor.”

    “Id-dnub li qegħdin daqshekk fl-għoli,” stqarret Frida hekk kif immarkat ukoll lejn kwadru ieħor li kien juri xena tal-Valletta Waterfront. “Dak hu l-kwadru favorit tiegħi. Nieħu pjaċir ħafna nħares lejh daqs kemm ġie perfett u sabiħ. Li kieku kont inkun nista’ napprezzah iktar. Imma m’hawnx spazju fejn inwaħħlu aktar xogħol fil-baxx!”

    Minkejja dan, John li llum jgħodd id-79 sena għadu għaddej jaħdem kwadru wara l-ieħor.

    “Fil-bidu kont nagħtihom il-lostru meta nlestihom. Imma mbagħad wara xi snin indunajt li bil-lostru x-xogħol jiskura u jitlef dik il-perspettiva tiegħu. Allura issa qed inħallihom fin-natural. X’tagħmel? Titgħallem mill-iżbalji!”

    U tassew! Għax hekk kif il-koppja bdew juruni xi kwadri oħra mwaħħla mal-ħitan, stajt nintebaħ illi aktar ma jgħaddi ż-żmien, ix-xogħol tal-interzjar ta’ John beda kull ma jmur jirfina.

    Dħalna lura lejn is-salott u John beda jurini xi filmati li nġibdu waqt esebizzjoni li saret bix-xogħolijiet tiegħu fi Frar ta’ dis-sena.

    “Organizzahieli l-ħabib antik tiegħi Albert Rutter tal-UNESCO (Malta). Apprezzajtu mmens dal-ġest, akkost li l-wirja saret għal ġurnata biss. Għallinqas stajt nara l-apprezzament ta’ dawk li attendew. Kont kburi li b’xogħolijieti stajt intella’ wirja bħal dik.”

    Inġbidt ftit lura nosserva lil John iħares b’nostalġija lejn il-filmati filwaqt li jispjegali x’qed jidher. Ma flaħtx ma nistaqsihx kemm il-darba rah s’issa dan id-dvd?

    John tbissem, “Uh. Kemm ma nafx imma ħafna drabi għax kull meta narah, nerġa’ ngħix dawk il-mumenti tassew sbieħ. Dad-dvd għamiluli wieħed minn uliedi u xi darba għad ikun tifkira tiegħi għal uliedi kollha u għal uliedhom.

    Dak hu s-sodisfazzjon li jagħtini dal-passatemp – li qed inħalli xi ħaġa konkreta warajja li għad tibqa’ tfakkarni.

    Uħud li attendew għall-esebizzjoni li tellgħajt mhux darba u tnejn li jistaqsuni meta ser intella’ xi esebizzjoni oħra. Ma niddejjaqx li kieku jerġa’ jkolli xi opportunità simili.”

    John għamel xi żmien jipprova jgħallem dis-sengħa lil xi tfal mill-inħawi ta’ Birżebbuġa meta kienu qed jattendu għal xi lezzjonijiet fix-xhur tas-sajf.

    “Imma t-tfal ta’ llum differenti wisq. M’għandhomx kwiet u wisq inqas paċenzja għal xogħol bħal dan. Lanqas uliedi jew in-neputijiet tiegħi qatt ma tħajjru jieħdu dal-passatemp minni. Japprezzawh ħafna John u Frida Grech ma' wħud mill-kwadri bl-interzjarimma jippreferu xi logħba fuq il-kompjuter. Dnub li arti bħal din tintilef hekk.”

    Hekk kif kont qed niġbed ritratt wara l-ieħor ta’ dax-xogħol tal-interzjar, dan l-aħħar kliem ta’ John dewa f’widnejja u rrealizzajt li bħalu qaluli anki l-anzjani oħra li jaħdmu xi sengħa partikolari. Hu ċar immens li mhux iż-żminijiet biss qed jinbidlu imma anki n-nies u l-għażliet tagħhom.

    Sellimt lill-koppja Grech li laqgħuni għandhom b’tant ġentilezza u hekk kif l-ewwel traxxix tax-xita xarrabbli wiċċi, fil-fond ta’ qalbi tħassibt x’jista’ jkun il-prezz li qed inħallsu għal dan il-progress.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-3 t’Ottubru 2010)

    2010.10.03 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • ARTI BL-GĦADAM UMAN

    L-ewwel darba li rajt ritratt tal-Kappella tal-Għadam li kien hemm il-Belt tkexkixt! Ma stajtx nifhem xi jwassal biex bniedem jibni xi ħaġa makabra bħal dik. Kien għalhekk Il-kappella tal-għadam li xtaqt nara l-perspettiva ta’ ħaddieħor dwarha. Intant, ftit tal-ġranet ilu nirċievi telefonata mingħand wieħed li xtaq jagħtini intervista proprju dwar din il-kappella. Laqgħatni ħafna l-fatt illi rrefera għaliha bħala kappella mill-isbaħ u aktar minn hekk meta qalli illi fi ċkunitu hu kien daħal fiha u kien għadu jiftakarha sewwa. Din kienet ix-xoqqa f’moxta biex finalment insir naf iżjed dwar din il-binja stramba. Stajt nobsor illi hekk kif kont ser niftaħ l-għatu fuqha kont ser niltaqa’ ma’ bosta rakkonti, esperjenzi u ġrajjiet uniċi u forsi wkoll xi ftit grotteski…

    Iltqajt ma’ Ralph Micallef quddiem il-bini tal-Evans il-Belt, eżattament ħdejn is-sit fejn illum jinsabu l-fdalijiet tal-Kappella tal-Għadam. Miegħu hu ġab kartolina antika li turi l-intern ta’ din il-kappella bil-ħitan u s-soqfa mżejjna bl-għadam uman.

    “Id-dehra tagħha kienet isservi ta’ attrazzjoni qawwija kemm għall-poplu Malti u kif ukoll għal numru kbir ta’ turisti. Fiha kienu jsiru wkoll diversi pellegrinaġġi ta’ devozzjoni speċjalment fix-xahar ta’ Novembru li huwa ddedikat għall-erwieħ.”

    Imma kappella hekk ma tarahiex makabra?

    “Le, lanqas xejn. Anzi jiena kont naraha sabiħa, sinifikanti u ta’ devozzjoni. Dħalt fiha għall-ewwel darba meta kelli xi sebgħa snin. Sħabi kienu ilhom jgħiduli biha u darba waħda tlabt lil ommi biex teħodni. Ma niftakarnix nibża’ jew nipprendiha, iktar nista’ ngħid li affaxxinatni fir-realtà. Minn dakinhar jiena u sħabi konna bqajna inżuruha xi kultant speċjalment peress li fil-viċin kien hemm ukoll l-iskola tagħna, dak iż-żmien magħrufa bħala Ta’ Sant’Iermu.”

    Imma possibbli ta’ età daqshekk tenera, affarijiet bħal dawn ma kienux ibeżżgħuk?

    “Ta’ tfal li konna, konna naħsbu li hekk jew hekk il-mewt ma kinetx ser tiġi għalina f’dak iż-żmien. Jista’ jkun ukoll li l-mewt ma kinetx timpressjonani daqshekk peress li   jiena kont abbati u mhux l-ewwel darba li akkompanjajt il-mejtin bil-karrijiet tagħhom.”

    X’memorji għandek ta’ dan il-post?

    “Kif tista’ tara mill-fdalijiet tal-bini, il-kappella kienet pjuttost żgħira. Kienet qisha kappella kwalunkwe iżda minflok l-ornamenti tas-soltu, l-ħitan tagħha kienu kollha miksija bl-għadam uman u stajt tagħraf sewwa l-partijiet tal-iskeletru; bħall-għadam tas-saqajn, il-qafas tas-sider, ir-ras eċċ. Kienu stivati b’mod tant pulit li letteralment kienu jidhru sbieħ u partikolari ħafna.

    In-nies ma kienux jiddejjqu minnha għax min kien imur hemm kien ikollu devozzjoni kbira lejn l-erwieħ. Kien anki jitqaddes il-quddies fiha għalkemm ħafna min-nies kienu jispiċċaw barra minħabba ċkunitha. Bħala parti mid-devozzjoni, in-nisa kellhom użanza li jiġu lebsin l-iswed akkost li ma kienx ikollhom vistu.

    Xi drabi ġieli attenda fiha wkoll San Ġorġ Preca fejn kien jagħti konferenzi dwar is-suġġett favorit tiegħu – dak tan-novissmi. Hu kien iħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu meditazzjoni dwar il-mewt, il-ġudizzju, l-Dettall mill-kappella tal-għadaminfern u l-ġenna u naturalment kien isib l-ambjent tal-kappella addattat ferm għal-laqgħat tiegħu. Kien jgħidilna “Ħuti, tafu li xi darba bħal dawn għad irridu nsiru, għadam. Għalhekk tajjeb li wieħed jgħix ħajja tajba għax il-ġisem jispiċċa u r-ruħ tmur tgawdi lil Alla jew tintilef fl-infern. ”

    Tiftakarha tiġġarraf il-kappella?

    “Jien niftakar l-aħħar gwerra mill-bidu tagħha sal-aħħar imma meta waqgħet dil-kappella aħna konna diġà tlaqna mill-Belt bħal kif kienu għamlu għadd ta’ Beltin oħrajn.

    Għall-ewwel konna bqajna noqogħdu f’darna l-aktar minħabba li missieri kellu ħanut il-Belt fejn kien jaħdem bħala skarpan. Iżda darba minnhom id-darRalph Micallef intlaqtet waqt attakk u kellna mmexxu kollox għall-ħanut. Meta l-ħanut tfarrak ukoll kellna nagħmlu xi ġranet ngħixu fil-kannierja ta’ taħt il-Knisja ta’ San Duminku li dak iż-żmien kienet tintuża bħala xelter u anki bħala abitazzjoni temporanja sakemm wieħed isib post ieħor fejn joqgħod. Finalment l-Uffiċċju tal-Protezzjoni kienu sabulna post fil-mina tal-vapur li tiġi eżatt taħt Kristu Re fil-mall tal-Furjana. Hemmhekk konna norqdu fuq il-krucjetti li kienu sodod jibdew mill-art impoġġijin waħda fuq l-oħra u titla għalihom b’sellum. Minn hemm morna noqogħdu f’mezzanin f’ċertu Sqaq numru 2 f’tal-Pietà imma anki hemm intlaqat bil-bombi! Din kienet qed tiġri lil bosta familji oħra u mhux lilna biss. Trid tarana kull darba nfittxu taħt it-tifrik tal-ġebel biex naraw x’nistgħu nsalvaw, niġbruhom fil-boroż tal-plastik  u nġorruhom magħna. Darba minnhom ġarrejna kollox ġo dar f’Birkirkara sakemm oħt patri Dumnikan saret taf bl-istorja tagħna u offritilna kamra kbira ġewwa dar fil-pjazza quddiem San Duminku fir-Rabat. Xelters kien hemm ftit li xejn u għaldaqstant meta kien isir xi attakk mill-ajru, konna nidħlu nistkennu taħt il-mejda. Fortunatament la Birkirkara u lanqas hawn ma ntlaqtu l-postijiet fejn konna noqogħdu. U niżżu ħajr ‘l Alla, il-membri kollha tal-familja tagħna għaddew il-gwerra qawwijin u sħaħ. Iżda kienu żminijiet koroh ferm fejn il-poplu Malti sofra ħafna minħabba l-barrani. Żgur li kien jistħoqqlu trattament ħafna aħjar minn sempliċi George Cross!”

    X’sinifikat ikollu r-reliġjon waqt il-gwerra?

    “Fil-gwerra r-reliġjon kien fl-aqwa tiegħu tant li ġieli anki għamilna purċissjonijiet bis-sagrament akkost il-biża’ tal-attakki mill-ajru u t-tifrik fit-toroq. Niftakar illi fil-festa ta’ San Duminku l-patrijiet kienu joħorġu bir-relikwa flok bl-istatwa. Ta’ min isemmi illi l-patrijiet Dumnikani ma kienux ħarġu mill-Belt u kienu baqgħu jassistu lill-ARP li kienu nies li jieħdu ħsieb lil dawk li jintradmu taħt il-ġebel. Il-feruti kienu jġorruhom biex jiddewwew fil-Liċeo li kien qed iservi bħala klinika. Imbagħad kienu  jittieħdu fl-isptar ċentrali l-Furjana li dak iż-żmien kien fejn hemm id-depot tal-pulizija llum.”

    Minn dawk l-inħawi għaddejt bosta drabi imma qatt ma ntbaħt bil-preżenza tal-fdalijiet ta’ din il-kappella. L-isem tagħha ‘The Chapel of Bones’ jinsab moħbi bejn il-friegħi ta’ Il-fdalijiet tal-kappella illumsiġra kbira. Akkost li xi snin ilu s-sit ġie studjat u kkurat mill-arkeoloġisti tal-Archaeology Services Co-op Ltd, illum dan jinsab ittraskurat u abbandunat għal kollox u pjuttost qisu miżbla bl-imbarazz li rmew fih. Ma nafx x’ġara mill-pjanijiet li kien hemm dwaru biex il-fdalijiet jinfetħu għall-pubbliku bħala parti mill-proġett tar-riabilitazzjoni tal-Belt Valletta!

    “Hija ħasra li dil-kappella spiċċat f’din il-kundizzjoni. Sal-lum għadhom jiġu t-turisti jistaqsu għaliha peress li kienu jsemmuhielhom il-ġenituri tagħhom li kienu jiftakruha.

    Nixtieq ħafna li nerġa’ nara dil-kappella tinbena għax kieku żgur li terġa ssir attrazzjoni kemm għall-poplu Malti u kif ukoll għat-turisti. Faċli biex tinbena għax il-kappella ċkejkna ħafna. Mhux qed ngħid illi għandha terġa’ ssir eżatt kif kienet imżejjna bl-għadam għax nifhem illi llum diffiċli. Imma almenu nemmen li għandha tittella’ kappella fuq il-pedamenti l-oriġinali u ġewwa fiha titpoġġa l-informazzjoni kollha dwar l-istorja kollha tagħha. Ikun xieraq li kieku d-Dipartiment tal-Kultura flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Belt jerġgħu jqajjmu l-interess f’din il-kappella għax hija parti mill-patrimonju antik ta’ Beltna u ta’ pajjiżna.”

    Komplejt nistħarreġ ftit aktar u sibt li l-istorja ta’ din il-kappella tmur lura saħansitra sa żmien il-kavallieri. Fil-fatt fl-1583 kienet ittellgħet kappella flimkien ma’ ċimiterju biswit il-bini tas-Sagra Infermerija fil-Belt u fl-1619 il-Kavallier Fra Giorgio Nibbia ħallas għall-bini ta’ kappella oħra fil-viċin. Din kienet iddedikata lill-Madonna tal-Ħniena għalkemm kienet ukoll magħrufa bħala “Ta’ Nibbia” u kienet isservi biex fiha jsir il-quddies għal ruħ dawk li jmutu fl-Infermerija. Meta fil-5 ta’ Settembru 1730 din il-kappella kienet qegħdha tinħatt, infetaħ il-qabar tal-fundatur tagħha u nstab illi l-katavru tiegħu kien għadu mhux mimsus. Fl-1731 l-kappella nbniet mill-ġdid u kien fiha żewġ artali. Fl-1776 iċ-ċimiterju tas-Sagra Infermerija mtela’ u għalhekk ġie mnaddaf u l-għadam tqiegħed f’ossarju. Fl-1852 il-Kappillan tal-Isptar, ir-Rev. Sacco iddeċieda li jżejjen il-kappella bl-għadam tal-mejtin li kien hemm midfuna fiċ-ċimiterju u minn dakinhar ‘l hawn il-kappella saret magħrufa bħala l-“Kappella tal-Għadam”. Din il-kappella ġġarfet fl-aħħar gwerra fl-14 ta’ Frar 1941 u mid-dehra l-għadam li kien fiha nġabar u ndifen f’xi post ġewwa ċ-ċimiterju tal-Addolorata.

    Mit-tiftix tiegħi sibt illi din l-użanza tat-tiżjin bl-għadam uman kienet imxerrda wkoll f’diversi pajjiżi oħra. F’moħħi baqgħet tbherren il-mistoqsija dwar kif setgħet twieldet drawwa bħal din.  Jidher illi waħda mir-raġunijiet kienet il-marda qalila tal-pesta li matul diversi snin ħasdet il-ħajja ta’ eluf ta’ individwi madwar id-dinja kollha. In-nies bdew imutu bil-gzuz, iċ-ċimiterji mtlew u anki l-għelieqi tal-madwar. Inħolqu l-ossarji imma anki dawn bdew ifuru u minn hemm ħarġet l-iktar idea bizzarra ta’ riċiklar – l-arti bl-għadam uman!

    Ma setax jonqos illi fuq suġġett bħal dan inkellem ukoll lill-ħabib tiegħi u riċerkatur Eman Bonnici. Kont deċiża li did-darba ma nħallihx iwaħħaxxni għax deherli li ormaj Oqbra fiċ-ċimiterju ta' Wied Għammieqkont naf x’isarraf. Imma mort imqarrqa għax mid-dehra għadni ma nafux biżżejjed! Fil-fatt għażel li niltaqgħu proprju fiċ-ċimiterju ta’ Wied Għammieq, fir-Rinella l-Kalkara u f’dak l-ambjent kelli nkompli nisma’ dak kollu li kellu x’jgħidli…

    “Snin ilu hawnhekk kien jintuża biex jindifnu dawk li mietu bil-pesta. Jingħad li Malta tant kienet intlaqtet b’din il-marda, li kien hemm żmien meta ġabu anki priġunieri minn Sqallija biex jidfnu lill-mejtin Eman Bonnici peress li ħadd aktar ma ried jagħmel dak ix-xogħol. Iżda sfortunatament mhux il-mejtin biss kienu jindifnu f’dan il-post! Il-biża’ li l-marda setgħet tkompli tixtered waslet biex uħud minn dawk li ġew infettati, ndifnu ħajjin flimkien mal-katavri l-oħra. Kienet mewta twila, tremenda u ddisprata u kien hemm min isostni li f’dawk iż-żminijiet, min kien jgħaddi bis-serqa mill-inħawi, kien jisma’ lil dawn l-imsejkna jitolbu bil-ħniena għall-ajjut mill-qiegħan ta’ qabarhom.”

    Hemm aħna! Daqshekk għamilt nies! Qalbi għamlet tikk u bdejt inħares madwari biex nipprova nifhem fejn seħħ dan kollu.

    “Illum l-oqbra huma vojta għax kif turi din il-lapida fl-1881 il-fdalijiet tal-midfunin inqalgħu kollha u tpoġġew kollha f’ossarju taħt dan is-salib. Ta’ min isemmi illi sal-ġurnata ta’ llum għadhom jiġu diversi nies biex jitolbu għal dawn l-erwieħ li mietu mewta daqshekk kiefra.”

    Il-kliem dar għal fuq l-użanzi tal-immummifikar u t-tiżjin bl-għadam uman.

    “Hemm min jgħid illi kienu l-patrijiet Kapuċċini li bdew dawn id-drawwiet. Huma kienu jagħtu ħafna importanza lill-mewt tant li kienu jirreferu għaliha bħala “oħthom”. Għidut ieħor jirrakkonta illi San Franġisk t’Assisi kien irnexxielu joħloq ir-riċetta għall-mummifikazzjoni perfetta, xi ħaġa li ma tantx tinżilli għax nemmen li dan il-bniedem kellu ħafna aktar affarijiet x’jagħmel.

    Bejn l-1725 u l-1730 taħt il-knisja u l-kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri Kapuċċini l-Furjana, fuq idea ta’ Patri Ġużepp Grech, tħaffret kripta sabiex tilqa’ fiha l-membri ta’ din l-Ordni u anki lil xi membri ta’ familji nobbli. Il-kannierja kienet imżejjna b’bosta niċeċ u fiha kienu jitqiegħdu l-iġsma mqaddgħa – użanza li x’aktarx inġiebet mingħand il-Kapuċċini ta’ Palermo. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-kripta sofriet bosta danni waqt attakk mill-ajru u kien biss wara diversi snin illi ġiet restawrata, għalkemm did-darba l-għadam tpoġġa’ ġo ossarju.

    F’pajjiżi oħra fadal numru ta’ postijiet bħal dawn li għadhom intatti sal-lum u fihom imorru għadd kbir ta’ turisti. Waħda mill-aktar magħrufa hija l-kripta li tinsab maġenb il-Knisja ta’ Santa Maria dellaKripta ta' Palermo Pace f’Palermo. F’din il-kripta li tħaffret madwar 500 sena ilu, tpoġġew l-iġsma mmuffikati ta’ bosta persuni li llum huma mqassmin f’diversi kategoriji bħal: familji, xebbiet, trabi, kleru u uffiċċjali. Ħafna minnhom huma lebsin l-aħjar ilbies u jiġbdu ħafna l-għajn imma probabbilment l-aktar mummja mfittxija mill-viżitaturi hija dik ta’ Rosalia Lombardo; tifla ta’ sentejn li mietet fl-1920. Isejjħulha “La bella addormentata” peress li ġisimha wara dawn is-snin kollha baqa’ perfett daqs li kieku għadha tieħu n-nifs.

    Kripta oħra simili tinsab fil-Knisja ta’ Santa Maria della Concezione f’Ruma. Saret fl-istess żminijiet u fiha jinsabu l-fdalijiet ta’ 4000 patri li ndifnu bejn l-1500 u l-1870. Il-ħitan tal-kripta huma kollha miżgħuda bl-għadam uman u jistrieħu magħhom hemm ukoll xi patrijiet immumifikati.

    Post ieħor famuż u mfittex minn bosta turisti li jinteressaw ruħhom f’dawn il-lokalitajiet huwa l-ossarju ta’ Sedlec fir-Repubblika Ċeka. Dan jiġbor fih daqsSedlec - linef bl-għadam 70,000 skeletru li l-għadam tagħhom iżejjen il-lok b’mod tassew artistiku. Jingħad li ndifnu tant nies f’dan il-post minħabba d-devozzjoni li nħolqot wara li l-Abbati Enriku ta’ Ċisterċensi għamel żjara fl-Art Imqaddsa, ġab miegħu ponn trab minn fuq il-Golgotha u xerrdu fuq iċ-ċimiterju ta’ l-Abbazija. Dan l-ossarju huwa mpressjonanti ferm speċjalment minħabba li anki l-ornamenti bħal-linef u l-armi tal-familji huma kollha kemm huma maħduma mill-għadam uman.”

    Il-lista li ġab miegħu Eman kienet ferm itwal. Spikka l-fatt illi f’uħud minn dawn il-postijiet wieħed isib frażijiet bħal “Dan l-għadam tagħna. Tiegħek qed jistenna.” jew “Dak li inti int illum, xi darba konna aħna; dak li aħna aħna, xi darba għad tkun int.” Ovvjament Eman ġieli żar postijiet bħal dawn u għalhekk xtaqt inkun naf x’jidhirlu dwarhom?

    “Ma tridx tħares lejhom b’għajnejn moderni biss għax inkella tarahom makabri. Trid tiftakar li dan hu fenomenu li seħħ fil-Medju Evu fejn in-nies kellha kultura differenti peress li l-mewt kienet xi ħaġa ta’ kuljum u n-nies ma setgħetx ma tibnix kult madwarha.

    Fl-istess ħin, għalkemm nistqarr li l-użu tal-għadam uman għad-dekorazzjonijiet ta’ dawn il-postijiet hu eċċentriku, jirnexxieli xorta waħda nammira l-artistrija li dawn inħadmu biha. Għall-ewwel meta tisma’ l-frażi “kappella tal-għadam” jiġik f’moħħok ċimiterju u mewt. Imma meta tidħol f’dawn l-ossarji, l-kripti u l-kappelli u tara dak li l-bniedem kien kapaċi jagħmel b’sempliċi għadam uman, ma tistax ma tistagħġibx bis-sengħa użata għal dax-xogħol.

    Hemm min xorta waħda jsostni li postijiet hekk huma makabri filwaqt li oħrajn jgħidulek li huma artistiċi. Imma finalment naħseb li s-sinifikat tagħhom huwa wieħed spiritwali u li wara kollox dik kienet ir-raġuni prinċipali għala bdiet din l-użanza.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Ġunju 2010 u ġie wkoll magħżul minn Din L-Art Ħelwa għall-premju Prix D’Honneur fil-kompetizzjoni tal-Wirt Kulturali Mibni tal-2010)

    2010.06.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-GWERRA MA DIFNITUX…

    Kull meta nara xi filmati dwar Malta fil-gwerra, qalbi tingħasar. Ma niflaħx nara lil dawk l-ajruplani jitilqu l-bombi fuq niesi u fuq pajjiżi. Taqbadni rabja kbira u ma nkunx nista’ nikkontrolla d-dmugħ hekk kif nara n-nies imwerwra jiġru fit-triqat biex jippruvaw isibu l-kenn tax-xelters waqt li djarhom ikunu qed isiru frak. Dawk id-djar li mhux biss min jaf kemm swew sagrifiċċji għas-sidien tagħhom imma li fihom dawn kellhom dak kollu li huma jkunu akkwistaw jew wirtu matul is-snin. Affarijiet b’memorji ta’ nies maħbubin u oġġetti prezzjużi li qatt aktar ma setgħu jinġiebu lura hekk kif saru trab taħt it-terrapien….

    Dawn il-memorji reġgħu tqanqluli dil-ġimgħa hekk kif iltqajt ma’ wieħed mill-fundaturi tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes, Raphael Micallef u mal-President tagħha, Vincent Galea.

    “Sfortunatament l-akbar dilettanti tal-mudelli tal-knejjes kienu jgħixu fl-inħawi tal-Belt Valletta u l-Kottonera – l-iktar żewġ postijiet li ġew milquta fil-gwerra. Hemmhekk kont issib mudelli li kienu ilhom jintirtu s-snin. Imma meta ġiet il-gwerra, in-nies kellhom jabbandunaw djarhom u bosta kellhom iħallu anki dawn il-mudelli warajhom. Min jaf kemm teżori ntradmu f’dawk is-snin!” bdieli d-diskors Raphael.

    “Fil-fatt ta’ min isemmi illi dan id-delizzju jmur lura prattikament għal żmien il-kavallieri. Meta l-kavallieri ġew jgħixu fost il-Maltin, naturalment dawn ġabu t-tradizzjonijiet u l-kultura tagħhom Vincent Galea mal-mudell tal-villaġġ Maltimagħhom. Kif kulħadd jaf, il-kavallieri kienu nies sinjuri ħafna u kellhom djar mill-ifjen. Ħafna minnhom kellhom użanza li jiddedikaw kamra mid-dar biex tintuża bħala kappella fejn il-qassis seta’ jmur iqaddes xi quddiesa u fejn il-membri tal-familja setgħu jgħidu r-rużarju flimkien. Xi nobbli Maltin li kienu midħla tal-kavallieri tħajjru jagħmlu xi ħaġa simili. Imma minħabba li dawn ma kellhomx l-istess spazju għad-dispożizzjoni tagħhom, minflok kappella huma bdew jagħmlu bħal speċi ta’ gwardarobba li meta tinfetaħ ikun hemm artal fiha li jkun armat b’kollox. Ġeneralment din kienet titpoġġa fis-salott u meta tingħalaq, minn barra kienet tidher bħala biċċa mill-għamara tal-kamra. Dawn kienu jissejħu artali mobbli jew artali portabbli. Infatti xi żmien ilu kienet saret wirja tagħhom ġewwa l-palazz tal-President. Iżda fid-djar tal-kavallieri kien ikun hemm ukoll Maltin oħra – is-servitù, nies ta’ klassi baxxa jew aħjar il-poplu in ġenerali. Dawn ukoll twebblu b’din it-tradizzjoni. Iżda kemm minħabba li ma  kellhomx finanzi u kemm għan-nuqqas ta’ spazju peress li kien ikollhom ħafna tfal, huma bdew jarmaw xkaffa b’xi statwa tal-Madonna fuqha u jżejjnuha bil-gandlieri u l-fjuri. Dik il-parti tad-dar bdiet issir magħrufa bħala r-rokna tad-devozzjoni. Maż-żmien kien hemm min beda jżid artal żgħir u jżejjnu sakemm naqra naqra waslu biex għamlu l-ewwel mudelli ta’ knejjes żgħar. U minn hemm beda kollox,” irrakkuntali Vincent.

    Qatt ma kont bsart illi dan id-delizzju kellu storja daqshekk imbiegħda u fl-istess ħin romantika! Madanakollu l-gwerra tat daqqa ta’ ħarta kbira lil din it-tradizzjoni.

    “Wara l-gwerra dan id-delizzju baqa’ nieżel, kemm għax sadanittant kienu daħlu delizzji oħra u kif ukoll peress li wara l-gwerra, l-Knisja ma baqgħetx daqshekk influwenti fuq in-nies. Fil-fatt maż-żmien din it-tradizzjoni bdiet tintesa imma kien għad hawn min kellu xi mudelli tal-knejjes fid-dar tiegħu u lil xi ħwienet kont bqajt issibilhom xi affarijiet għall-bejgħ konnessi ma’ dawn il-mudelli. Għaldaqstant nistgħu ngħidu illi hekk kif inħolqot din l-Għaqda, dak il-ġamar li kien għoddu ntefa’ reġa ħa n-nar mill-ġdid u l-ispontanjetà tad-delizzju reġa’ ngħata l-ħajja.”

    Raphael kompla jinfurmani dwar it-tnissil ta’ din l-Għaqda…

    “Kien fl-1986 meta jiena, Tony Terribile u Pawlu Piscopo ddeċidejna li nistiednu lill-pubbliku biex nerġgħu nrawwmu dan id-delizzju li ftit ftit kien beda jispiċċa. Konna għamilna appell fil-ġurnali lokali ħalli min kien interessat javviċinana biex niffurmaw Għaqda. U l-Għaqda bdiet, bl-ewwel President tagħha jkun il-magħruf Guido Lanfranco.”

    Eventwalment l-Għaqda rnexxielha takkwista binja żgħira fejn ikunu jistgħu jinġabru l-membri.

    “Dan il-bini jinsab f’37 Triq il-Lvant, il-Belt Valletta proprju  taħt il-kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant’Ursula. Meta dħalna fil-post sibnih abbandunat u mimli mbarazz. Dħalna għal spiża kbira biex irranġajnih. Iżda issa hemm is-sodisfazzjon illi għandna ċentru tagħna fejn nistgħu nlaqqgħu lill-membri kull tant żmien. Fil-fatt kull meta norganizzaw xi attivitajiet, hawnhekk ikun mimli sa ruħ ommu bil-membri li ormaj imissu mal-400; membri li l-eta’ tagħhom tibda minn tfal ta’ 7 snin u tibqa’ tiela’ sa anzjani.”

    Min jista’ jsir membru ta’ din l-Għaqda?

    “Il-membri tagħna huma tfal, irġiel, nisa u anki numru ta’ emigranti Maltin. Kulħadd hu milqugħ. M’hemmx għalfejn li wieħed ikollu xi mudell jew li jkun beħsiebu jagħmel xi wieħed. Għandna membri li ngħaqdu magħna sempliċiment għax jinteressahom il-folklor u t-tradizzjonijiet reliġjużi u għalhekk jieħdu pjaċir jattendu għad-diskussjonijiet edukattivi li aħna norganizzaw.

    Is-sabiħ hu li għandna ħafna żgħażagħ bħala membri u dawn peress li jkunu f’kuntatt akbar man-nies huma l-individwi ideali biex ikomplu jxerrdu dan id-delizzju.”

    Fhiex jikkonsistu l-attivitajiet tal-Għaqda?

    “Fiċ-ċentru tagħna sikwit inġibu individwi sabiex jitkellmu mal-membri tagħna ħalli jgħaddulhom tagħrif utli u relevanti dwar dan id-delizzju. Biex nagħtik eżempju, dan l-aħħar ġie Guido Lanfranco li beda jispjega dwar id-disinji fil-knejjes u dwar it-titulari tagħhom. Jattendu wkoll diversi nies tas-sengħa sabiex jaqsmu xi ideat dwar kif jista’ jsir ix-xogħol fuq il-mudelli, bħal ngħidu aħna kif jinbena mudell ta’ knisja, kif isir l-indurar, l-irħamar, kif titnaddaf il-fidda, kif tirtokka statwa u ħafna oħrajn. Peress li ċertu mudelli huma oġġetti fissi fid-djar ma jkunx possibbli li wieħed jeħodhom x’imkien biex jaħdem fuqhom ħaddieħor. Fuq kollox, iċ-ċokon tax-xogħol jagħmilha imprattika li tagħtiha lil xi ħadd professjonali. Għaldaqstant ikun siewi ħafna li wieħed jitħarreġ kif jagħmel dan ix-xogħol huwa stess. Xejn xejn jitgħallem ukoll xi ħaġa ġdida.

    Barra minn hekk, kull xahrejn l-Għaqda toħroġ ukoll fuljett żgħir bl-isem ‘Il-knisja tiegħi’. Fih ikun hemm numru ta’ artikli b’tagħrif dwar il-mudelli u l-arti sagra filwaqt li ninkludu wkoll xi avviżi dwar xi  żjarat kulturali li norganizzaw.

    Fl-ewwel ġranet tar-Randan prinċipalment issir il-wirja annwali tagħna fejn il-membri jesebixxu xi oġġetti tagħhom.

    Nixtieq niċċara illi aħna ma nagħtux importanza biss lid-delizzju imma anki lill-ispiritwalità tal-membri tagħna. B’dan il-għan aħna norganizzaw laqgħat flimkien anki fil-knisja speċjalment fiż-żmien tal-Għid u l-Milied sabiex niċċelebraw dawn il-festi bħala familja waħda.”

    Raphael u Vincent bdew idawwruni mal-post u juruni xi xogħolijiet u mudelli li ġew irregalati lill-Għaqda minn xi membri tagħha.

    “Dan il-mudell ġie msawwar mill-ġebla tal-franka minn Manuel Psaila  bejn l-1935 u l-1940 u ġie  mbierek mill-Vigarju tal-Isqof Mario Caruana.  Huwa mudell tal-faċċata tal-Knisja tal-Madonna tal-Raphael Micallef mal-mudell maħdum minn Manuel PsailaKarmnu tal-Gżira, magħrufa wkoll bħala ‘Tal-ġebla’.  Ħaġa oħra li żżid il-valur ta’ dil-knisja hu illi t-tinqix li sar fuq il-parti tal-ġebel, inħadem fuq id-disinn tal-iskultur magħruf Marku Montebello. Ix-xogħol tal-ħjata sar minn Ersilia, waħda minn ulied Manuel li wara mewt missierhom għoġobhom jgħaddulna dan il-mudell biex b’hekk ikun jista’ jitgawda wkoll minn dawk kollha li jiġu hawn. “Ħierġa qalbna miegħu dan il-mudell,” kienu qalulna meta morna biex inġibuh. “Daqs li kieku ħiereġ xi membru anzjan tal-familja.” Fil-fatt kif semmejtlek fil-bidu, dan il-mudell huwa wieħed mis-superstiti tal-gwerra. Irnexxielu jsalva peress li Manuel kien trasportah bl-akbar għożża u attenzjoni mill-Gżira sal-Pietà fejn kien mar  joqgħod waqt il-gwerra. Irridu ngħidu illi din l-opra ma kinetx laħqet tlestiet għal kollox u għalhekk l-Għaqda ħadet ħsieb biex torqomha fosthom billi indurata u rħamata. Kull min jiġi hawnhekk l-ewwel ma jara lilha u kulħadd jintilef warajha.

    Imbagħad għandna wkoll dan il-mudell ta’ raħal maħdum mill-ġablo. Oriġinarjament kien inġieb hawn għall-wirja minn wieħed mill-membri tagħna minn B’Bugia li wara għoġbu jħallih lill-Għaqda. Huwa xogħol rappreżentattiv li juri n-natura ta’ raħal Malti fl-inqas dettall tiegħu fejn wieħed jista’ jara l-knisja bħala ċ-ċentru, z-zuntier, il-każin tal-banda, il-ħwienet, l-isqaq u t-triqat bl-ismijiet tagħhom. Anki dan il-mudell huwa apprezzat ħafna speċjalment minħabba l-oriġinalità tiegħu.”

    F’ħin minnhom nara lil Vincent ġej bi flixkun kbir tal-ħġieġ f’idu. Ġo fih kien hemm armata statwa ta’ San Ġużepp bil-Bambin f’idu. Ma stajtx nifhem kif iddaħħal hemm ġew ħlief billi nqala’ l-qiegħ tal-flixkun.

    “Le, nassigurak li l-qiegħ huwa intatt. Ġużi Psaila minn Ħaż-Żabbar ħadmu billi b’paċenzja kbira qata’ l-injam fi strixxi rqaq u permezz ta’ pinzetta twila reġa’ nkolla kollox flimkien fil-ġewwieni tal-flixkun.”

    Did-darba Vincent immarkali lejn il-ħajt fejn kien hemm mudell magħluq f’niċċa tal-injam.

    “Dak hu oġġett ieħor imprezzabbli li għandha l-Għaqda. Sidha kien membru anzjan mill-Mosta. Kien wiret dan il-mudell li għandu aktar minn 100 sena minn għand nannuh u finalment d-dixxendenti Mudell ta' niċċa ta' 100 sena maħduma bil-quillingtiegħu ħallewh lilna. Il-mudell ġie maħdum bl-arti tal-quilling li jikkonsisti fit-tkebbib tal-karti tad-deheb.”

    Kien hemm bosta mudelli nteressanti oħra tant li hu mpossibbli ninkludihom kollha. Barra minn hekk Vincent urini diversi albums mimlija bir-ritratti ta’ kwantità ta’ xogħlijiet. L-aktar wieħed li laqgħatni kien mudell ta’ xena ta’ dari meta l-qassis kien imur iqarben permezz ta’ għodda partikolari lil dawk morda bil-pesta. Tqanqlitli l-kurżita’ dwar x’ifissru dawn il-mudelli għal dawn id-dilettanti?

    “Fi tfuliti dawn il-mudelli kienu parti mill-kultura prinċipali b’folklor Malti reliġjuż. Tista’ tgħid li kont issib minn dawn il-mudelli kważi f’kull dar. Tant hu hekk illi anki fil-ħanut li kellu missieri l-Belt kien hemm rokna b’mudell ta’ knisja żgħira ddedikata lil Madonna tad-Duluri u jien kont nieħu ħsieb l-armar tagħha.

    Illum ngħodd it-80 sena imma niftakar ċar mudell ieħor li kellu tifel ġirien tiegħi. Kien mudell ta’ knisja maħdum bl-arkett iddedikat lill-Kunċizzjoni. Fil-festa tagħha kien jarma l-Mudell tat-tqarbin lin-nies morda bil-pestaknisja u jagħmel festin fid-dar tiegħu fejn kien jistieden lill-ġirien u lit-tfal tagħhom. Jiena kont inħobb noqgħod nimita lill-qassisin u allura kont nagħmlilhom il-liturġija u t-tridu u noqgħod inqaddes u nippriedka. Wara konna nagħmlu purċissjoni mal-kurituri tad-dar kbira tagħhom u nispiċċaw bl-antifona u bil-benedizzjoni.

    Ir-reliġjon kien parti essenzjali minn ħajjitna tant illi niftakar ukoll illi konna nixtru ċ-ċikwejra (li kienet ċikkulata mfarrka biex inħalltuha mal-kafè) u magħha, magħluqa f’envelop, konna nsibu santa. Kienet l-hena tagħna nġemmgħu s-santi u npartuhom.

    Għall-grazzja t’Alla dal-passatemp tal-mudelli tal-knejjes issa reġa’ daħal fid-djar tagħna. Għad-dilettanti, l-mudell tagħhom ikollu importanza kbira tant li wħud jarmawh kuljum skont il-kulur tal-liturġija tal-ġurnata. F’pajjiżna hawn bosta li għandhom id-delizzju li jgħinu fil-knejjes kemm fuq barra, bħal fil-festi u kemm fuq ġewwa. Għalhekk permezz ta’ dawn il-mudelli huma jkunu jistgħu joħolqu dak l-ambjent tal-knisja li tant jgħożżu u saħansitra jkunu jistgħu jibnuh u jirranġawh f’darhom u skont il-gosti tagħhom.”

    L-interess kbir li għandu Raphael f’dal-qasam wassalni biex nistaqsih jekk qattx għaddietlu minn rasu li jsir qassis?

    “Għalkemm minn dejjem kelli ġibda lejn il-ħidma pastorali u meta kont tifel kont abbati, qatt ma tħajjart nidħol is-seminarju. Għadni s’issa bniedem reliġjuż ħafna imma maż-żmien bnejt familja ma’ marti Helen. Żewwiġna ħija li kien saċerdot u llum għandna ħamest itfal u ilna miżżewġin aktar minn 50 sena.”

    Biex tibni dawn il-mudelli jrid ikollok xi sengħa partikolari?

    “Bosta mill-membri qatt ma kellhom esperjenza qabel fuq dan id-delizzju imma b’dana kollu ġew hawn, ħadu dik l-edukazzjoni dwar dan ix-xogħol u llum il-ġurnata tiskanta kemm huma attivi anki bil-mudelli li għandhom fid-dar. Nista’ nsemmilek żewġ membri simili: Anthony Pule’ u Simon Mercieca li għandhom mudelli meravilja fid-djar tagħhom. Imbagħad ma nistax ma nsemmix lil membru ieħor tagħna Hector Bruno li bħalissa qiegħed jibni mudell mill-isbaħ ta’ knisja maħdum bl-injam ġewwa maħżen kbir li l-quddiem jixtieq jikkonvertih f’mużew. Fil-fatt l-għan tal-Għaqda hu illi jkompli jinkoraġġixxi lil dak li jkun biex jidħol fl-ispirtu tad-delizzju.”

    Kemm huwa importanti li dan id-delizzju jibqa’ ħaj?

    “Naturalment kull ħaġa li tkun marbuta mal-istorja tal-pajjiż hija importanti għax tiġi tagħmel parti mit-tradizzjoni tiegħu u allura huwa neċessarju li tibqa’ ħajja u tibqa’ għaddejja għax jekk titlef tradizzjoni jkun diffiċli ferm biex tirkupraha.

    Barra minn hekk dan id-delizzju partikolari huwa marbut mar-reliġjon u allura jqarrbek aktar lejn Alla u lejn il-Knisja. San Ġorġ Preca kien jgħid “dak li hu tajjeb u jressqek lejn Alla għandek tinkoraġġih”. Mill-esperjenza personali tiegħi,” kompla jfehemni Vincent, “anki nies li forsi kienu xi daqsxejn imbegħdin mill-Knisja, meta bdew jaħdmu f’dan id-delizzju, reġgħu bdew jersqu lejn il-Knisja u lejn ir-reliġjon. Għax jekk inti ngħidu aħna, tkun qed tarma l-artal, bla ma trid ser tinteressa ruħek fil-liturġija tal-Knisja u fil-qaddisin u allura ser issir aktar midħla tar-reliġjon.

    Barra minn hekk bħala Għaqda dan id-delizzju aħna nixtiquh jibqa’ jeżisti għax joffri żvog u għandu wkoll tema soċjali peress li jlaqqgħak man-nies, iħajjrek tiddiskuti u tkabbar il-kultura tiegħek u jgħallmek toħloq xi ħaġa b’idejk. Fl-istess ħin dan ix-xogħol jiftaħ bieb għal diversi snajja’ bħall-arġentiera li jispeċjalizzaw fir-raġġieri żgħar u oġġetti oħra ċkejkna tal-fidda, dawk li jaħdmu l-arkett, oħrajn li jagħmlu l-istatwi bit-tafal jew bil-kartapesta u dawk li kapaċi jaħdmu skultura żgħira adatatta biex teħel mal-bradelli u mal-affarjiet tal-mudelli tal-knisja.”

    Kemm hija popolari l-wirja annwali tal-Għaqda u x’ser naraw dis-sena?

    “Nistgħu ngħidu illi issa dil-wirja daħlet fil-kalendarju tal-wirjiet lokali. Jiġu bosta dilettanti imma mhux biss. Fil-fatt l-għan tal-wirja, apparti li tesponi x-xogħlijiet tal-membri tagħha, titwaqqaf biex tiġbed membri oħra prospettivi. Mhux darba u tnejn illi jiġu diversi tfal tal-iskola mal-għalliema tagħhom minħabba l-proġetti kulturali li jiġu mitluba jagħmlu u wara naraw lill-istess tfal ġejjin mal-ġenituri tagħhom biex jidħlu bħala membri magħna.

    Fil-wirja ta’ dis-sena ser ikollna attrazzjoni speċjali li tikkonsisti f’diversi statwi oriġinali tal-Passjoni maħduma fuq dawk tal-purċissjonijiet li jsiru ġewwa Spanja. Dawn huma kollha maħdumin bl-idejn u Statwi bi stil Spanjolmlibbsin bi drapp mill-aktar fin skont it-tradizzjoni Spanjola. Barra minn hekk ser ikun hemm ukoll xogħol b’diversi materjali fosthom bis-sulfarini, mudelli ta’ knejjes u kollezzjonijiet ta’ affarijiet reliġjużi tradizzjonali bħall-kwadri tal-ex-voto u santi.

    Il-ħidma tal-Għaqda mhux biss din il-wirja imma b’sodisfazzjon nistgħu ngħidu illi l-frott tagħha huma n-numru kbir ta’ wirjiet personali li jkun hemm fid-djar. Jekk tqis li meta bdejna l-Għaqda kull ma kien hawn kienu biss tlett wirjiet personali tal-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Belt u tara x’hawn illum ma’ Malta u Għawdex kollha, tifhem il-benefiċċju li qed iħalli x-xogħol tagħna.

    Nixtiequ nappellaw lill-pubbliku in ġenerali biex jiġi jagħti titwila lejn dak li kien kapaċi jagħmel il-poplu Malti matul iż-żminijiet u anki illum fis-snin riċenti. U għaliex le? Forsi minn dis-sena, xi wħud minnhom jitħajjru jissieħbu magħna sabiex huma wkoll jiffurmaw parti minn dan il-patrimonju Malti.”

    Din il-wirja qed tittella’ fis-Sala ta’ San Franġisk fi Triq Melita, l-Belt Valletta mis-Sibt 20 ta’ Frar 2010 sas-Sibt 6 ta’ Marzu 2010. Ħinijiet tal-ftuħ mid-9:30am – 12:30pm u mill-4:30pm sas-7:30pm. Id-dħul huwa b’xejn u wieħed jista’ wkoll jinkiteb bħala membru.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Frar 2010)

    2010.02.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi