Posts Tagged ‘Belvedere’

  • ŻMIEN IL-GWERRA F’GĦAWDEX

    Bħal bir fond li dejjem jixxennaq għall-ilma, aktar ma niltaqa’ ma’ nies li jirrakkuntawli dwar l-esperjenzi tagħhom, iżjed inħossni li rrid inkun naf. Permezz ta’ dawn l-individwi qegħdha niskopri l-għeruq ta’ niesi u ta’ pajjiżi u l-għożża tiegħi lejn dat-tnejn qegħdha tissaħħaħ aktar ma jgħaddi ż-żmien. Sakemm għandi din l-opportunità li naqsam magħkom dawn il-ġrajjiet li nisma’, nixtieq ngħaddi din l-imħabba tiegħi lilkhom għax personalment nemmen li m’hemm xejn isbaħ milli tkun kburi tassew b’dak li jagħmlek dak li int.

    Dan l-aħħar kont qegħdha naqra dwar il-gwerra f’Malta u tqanqlitli kurżità. Intbaħt li dwar l-esperjenza tal-gwerra fil-gżira t’Għawdex, qatt ma kont kellimt lil ħadd. Għaldaqstant dil-ġimgħa, permezz ta’ l-għajnuna siewja tal-Kunsill Lokali tal-Qala, irnexxieli niltaqa’ ma’ anzjan ta’ 90 sena li stedinni f’daru biex nitkellmu ftit dwar dan.

    Lil Saviour Vella sibtu qed jistennieni bi tbissima ħdejn il-bieb tiegħu. Ix-xemx kienet diġà bdiet taħraq sew u dlonk dħalna ġo kamra mdaqqsa biex nibdew din l-intervista. Minn fuq is-salott fejn poġġejna, mara sbejħa kienet qed tħares lejna minn ritratt. “Dik Kelina tiegħi,” qalli Saviour. “Ħallietni disgħa snin ilu wara 60 sena u ġimgħa miżżewġin.” Ir-rakkonti tiegħu bdew u fil-kumpanija ta’ din il-koppja ħassejtni niżżerżaq ħelu ħelu lura fis-snin…

    “Kont rajtha ħamsin darba imma qatt ma tajt kasha qabel! Darba minnhom qed naqta’ xagħar wieħed u hekk kif għaddiet minn quddiem il-bieb tal-ħanut tbellaħt warajha. Għedt dik min hi, qisha anġlu? Saviour u Kelina VellaĦaffift lejn il-bieb biex naraha aħjar imma kienet diġà għosfrot. Dak li kien qed jistennieni fil-ħanut qabad jinkini imma jien lestejtu malajr u mort sa ħdejn missieri bit-tama li forsi marret hemm. Dak iż-żmien, peress li missieri kien tal-iskola, in-nies kienet tmur għandu biex jiktbilhom xi ittra jew biex jimlilhom xi formola. Hemm sibtha! Kienet qegħdha m’ommha u hekk kif erġajt rajtha ħlift li dik it-tfajla għad tkun tiegħi.

    Dakinhar fil-għaxija, qabel dħalna norqdu, għedt lil missieri li xtaqt niżżewweġ. Hu qabel miegħi u qalli li għandu żewġ tfajliet bil-għaqal f’moħħu. Ħasadni! Għedt hawn aħna, ħa jipprova jwebbilni b’ħaddieħor. Imma ġietni tajba għax it-tfajliet li kellu f’moħħu kienu wlied Bubetta li waħda minnhom kienet Kelina tiegħi. Naturalment qbilt miegħu mill-ewwel u l-għada ommi bagħtet lill-ħuttab għand ommha.”

    Is-soltu l-ħuttab kien imur ikellem lil missier it-tfajla l-ewwel imma missier Kelina, Salvu, kien miet waqt l-Ewwel Gwerra.

    “Salvu kien inkwetat għax safa bla xogħol u b’xi mod ried jitma’ l-familja. Tħabat ħafna biex forsi jidħol jaħdem id-Dockyard imma ma batux għalih. Għalhekk meta qata’ qalbu, tela’ l-Ingilterra biex jaħdem bħala baħri. Hekk kif ingaġġawh, wara tmint ijiem, bagħtu għalih mid-Dockyard f’Malta imma Salvu ddeċieda li jibqa’ fejn kien.

    Darba minnhom ġew tliet aħwa ġuvintur li kienu jiġu minnu u stednuh biex imur magħhom ħalli jieħdu xi tagħbija fuq vapur. Issa waqt gwerra ma kienux iħallu żewġt aħwa jitilgħu fuq l-istess vapur għax jekk jegħreq kienu jintilfu t-tnejn. Imma dawn l-aħwa kienu diġa’ rranġaw kollox biex jitilgħu bil-moħbi. Peress li kienu fi gwerra, Salvu ma tantx xtaq joqgħod isalpa fuq il-baħar għal xejn b’xejn imma b’xi mod ikkonvinċewh u ħaduh magħhom. Id-destin ried li wara li kienu ilhom madwar ġimgħa fuq il-baħar, il-vapur ġie attakkat b’torpedo li għerrqitu bin-nies ta’ fuqu b’kollox.”

    Iżda lil Saviour ix-xorti daħkitlu għax anki Kelina kellha grazzja miegħu u aċċettat minnufih li tiżżewġu. Madanakollu n-namur ma kienx dak li nafu aħna.

    “Dak iż-żmien ma stajtx taqbad u tkellem tfajla għax jekk kienet tmur tgħid l-ommha, kont issib il-pulizija wara l-bieb! Meta tgħarrasna kont immur inqatta’ ftit ħin ħdejha d-dar taħt għajnejn il-familjari kollha tagħha u hekk kif iddoqq l-Ave Marija kien ikolli ndabbar rasi. Domna tliet xhur namrati sakemm iżżewwiġna.

    Il-gwerra kienet waslet lejn it-tmiem tagħha imma l-effetti tagħha kienu għadhom jinħassu sew. Biex xtrajt id-drapp għall-libsa tat-tieġ tiegħi kelli nieħu żewġ kupuni oħra mingħand ommi. Kelina libset libsa sewda u l-għonnella kif kienet drawwa dak iż-żmien.”

    Nistqarr magħkom li nsibha diffiċli biex nifhem kif waqt snin ta’ gwerra wieħed ikollu moħħ dawn l-affarijiet ta’ namrar u żwieġ. Imma napprezza wkoll li b’xi mod il-ħajja trid tkompli u akkost it-theddida kontinwa fuq ħajtek, jeħtieġ li tara li tibqa’ għaddej. Biex ifehemni aħjar Saviour rama jirrakkuntali mill-bidu.

    “Il-gwerra ġiet fuqna ħabta u sabta. Kienu ilhom jgħidu li ser taqbad il-gwerra imma darba minnhom, waqt li kont qed ngħin lill-qassis iqaddes quddiesa, nisimgħu qabda sparar tal-kanuni. Għedna x’ġara? Lestejna malajr il-quddies u dħalna fis-sagristija. Dak il-ħin ġie wieħed u qalilna li kienet bdiet il-gwerra u li kienu qed jisparaw fuq Malta!

    Wara jumejn, tlieta konna reqdin bil-lejl meta daqqet is-sirena mill-għassa. F’daqqa waħda nisimgħu l-ajruplani ġejjin u mbagħad sparatura kbira u daqshekk. L-għada fil-għodu morna naraw x’ġara u sibna li fuq Ras il-Qala kienu tefgħu bomba li ħalliet ħofra daqsiex mimlija bi shrapnels jaqtgħu daqs sikkina.

    It-Taljani kellhom ħabta jagħmluha din. Bħal donnhom kienu jibżgħu jidħlu l-ġewwa fuq l-art u allura kif kienu jaslu qrib, kienu jitilqu xi żewġ bombi u jtiru ‘l hemm. Imma din l-istorja nbidlet meta l-Ġermaniżi ndunaw x’kienu qed jagħmlu u fil-fatt bdew jibgħatu ajruplan Ġermaniż wara kull ajruplan Taljan. U xi ngħidlek? Bdew jidħlu mbagħad u tefgħu bombi fuqna bil-gzuz.

    Fortunatament hawn il-Qala ħafna mill-bombi ġew fil-baħar u fl-għelieqi u allura ma tantx għamlu xi ħsara kbira. Imma f’postijiet oħra bħal fis-Sannat, il-bombi laqtu tlett idjar u mietu n-nies. Mill-Qala niftakar li kien miet suldat meta rifes fuq mina. Kien hawn ieħor li kien sajjied u hekk kif kien fuq id-dgħajsa tiegħu, niżel ajruplan fil-baxx u spara fuq is-sajjieda kollha u qatilhom.”

    Saviour kompla jirrakkuntali kif xi drabi l-folja kienet tinqaleb u l-attakkant kien jispiċċa l-vittma.

    “Niftakar darba minnhom kien il-Ħadd għal xis-7:00am u daħlu jittajru tliet ajruplani kbar fil-baxx. Ma kinetx l-ewwel darba li meta jtiru ‘l isfel ħafna, r-radar ta’ Malta ma jaqbadhomx. Bdew resqinAttakki mill-ajru resqin u f’ħin minnhom tant kienu fil-baxx li wieħed mill-ajruplani ħabat mal-art in-Nadur u waqa’. Hekk kif il-piloti rnexxielhom joħorġu, xi nies marru fuqhom u lil wieħed minnhom qatgħulu subgħajh biex ħadulu ċ-ċurkett li kien liebes! Allaħares qabbduhom il-pulizija dakinhar għax kienu jiġu fl-għali. Konna nafu sewwa li lil dawn is-suldati ħadd ma seta’ jmisshom. Imma n-nies kienet wisq irrabbjata u magħkusa minħabba fihom u l-Bambin biss kien jaf x’kien isir minn dawn is-suldati li kieku bosta mid-drabi ma rawhomx il-pulizija u marru bil-ġiri jiġbruhom.

    Qalbna kienet tingħafas meta konna nitilgħu l-Belvedere u narawhom jisparaw fuq ħutna l-Maltin. L-attakki fuq Malta kienu jkunu qawwijin ħafna imma l-ajruplani tal-għadu kienu jaqalgħu lura wkoll. Għadni qed narahom ċar kristall l-ajruplani jtiru ‘l barra wara xi attakk qalil: min qed jaqbad, min b’xi ġewnaħ wieħed u wara ftit tarahom neżlin f’qiegħ il-baħar.”

    Għalkemm bosta jsostnu li l-Għawdxin ma sofrewx ġuħ waqt il-gwerra, Saviour jiftakar xort’oħra.

    “Fil-gwerra batejna minn bosta affarijiet: ponot fuq ġisimna, biża’ u nuqqas ta’ rqad. Imma l-agħar kien il-ġuħ.

    Kif bdiet il-gwerra kienet ħarġet liġi li kull min kellu l-qamħ, ried jagħtih lill-gvern ħalli kulħadd jiekol. Lin-nies tqassmilhom ktieb ċkejken bil-kupuni fih u bihom biss stajt tixtri skont il-kwantità li kien hemm imqassma għalik.

    Ngħidu aħna kull wieħed kien intitolat għal kwart u nofs ħobż kuljum. Imma lili kwart u nofs bilkemm kienet idurli ma’ żokorti! L-aħjar li kienu jmorru f’dal-każ kienu l-ġenituri li kellhom it-tfal żgħar għax dawk kienu jixorbu farka ħalib u  l-bqija tal-ħobż kienu jaqsmuh bejn il-kbar.

    Waqt il-gwerra jien kont intfajt nagħmel diversi xogħolijiet fostom dak tal-landier. Kont insewwi l-ispiritieri, il-borom u kull ma jġibuli. Xi nies kellhom ħabta joqogħdu ħdejja u konna noqogħdu ngħiduSaviour Vella kelma flimkien sakemm isir il-ħin tal-ikel u kulħadd jerħilha lejn id-dar. Ġurnata minnhom kelli buri kbir għax ma stajtx nistaporti bil-ġuħ li kelli fuqi. Kont ilħaqt kilt ir-razzjon kollu tal-ħobż u ma kien fadalli xejn iktar għall-bqija tal-ġurnata. Bħas-soltu, hekk kif sar ħin l-ikel kulħadd telaq ‘l hemm barra wieħed li staqsini għala kont ser nibqa’ miftuħ u ma mmurx id-dar? Għedtlu ħallini sieħbi għax għandi ġuħ inkaljat u m’għandix x’niekol. L-ieħor weġibni ‘imma ħabib, mhux kulħadd bil-ġuħ daż-żminijiet?’. Madanakollu jien tiegħi kont qed nara u ma kontx niflaħ aktar dakinhar. Dar-raġel telaq minn ħdejja imma wara ħames minuti narah ġej lura b’kisra kbira ħobż f’idu. Qalli ‘ħa ħabib, dan kull ma nista’ nagħtik’. Rajtu ġenna dak il-ħin u dlonk irringrazzjajtu u kilt nofsha. Erfajt in-nofs l-ieħor f’kexxun u sakkartu għax bżajt li jsibuhuli ħuti u jiekluħ. Fil-għaxija mort għal li kien fadal imma l-ħobż insibu iebes ġebla. Kien dnub kbir li narmih u hekk jew hekk ma kellix x’niekol aktar u għalhekk  xarrabtu ftit u malajr niżel!”

    Għadd ta’ vapuri kienu jippruvaw idaħħlu provvisti ta’ ikel u munizzjon fil-gżejjer Maltin iżda ħafna minnhom kienu jispiċċaw ħażin.

    “Darba minnhom bdejna nisimgħu ħafna damdim li baqa’ għaddej għal ħin twil. Tlajna malajr sal-Belvedere u minn hemm naraw attakk kbir tal-ajru fuq il-frejgata Illustrious li kienet qed tipprova ddaħħal magħha konvoj ta’ 25 vapur. Il-frejgata bdiet tispara fuq l-ajruplani bla ħniena imma huma daqstant ieħor bdew jaqalgħu balal fuqha u fuq il-vapuri l-oħrajn.

    Niftakar li kien hemm pilota partikolari b’ajruplan Ġermaniż Stuka li għax ma seta’ jaħkem b’xejn lill-Illustrious, niżel dritt għal fuqha u sploda ruħu b’kollox ġo fiha. Kif nista’ qatt ninsa narah jitla’ fl-ogħli L-attakk fuq l-Illustriousu jagħti s-salt għal isfel? L-għada smajna li kien għamlilha bosta ħsara u li dak il-ħin stess il-frejgata kienet iddaħħlet malajr id-Dockyard fejn irranġawha fuq fuq u reġgħet ħarġet mill-ewwel tkompli fit-taqbida. B’xorti tajba l-Illustrious irnexxielha ssalva erbgħa vapuri dakinhar. Imma ll-bqija ħadhom il-baħar.”

    Saviour ma jiftakarx li kien hemm xelters qabel il-gwerra iżda hekk kif bdiet, bdew jitħaffru għadd minnhom madwar il-gżira kollha.

    “Ridt tkun miġnun biex tibqa’ barra waqt attakk. Veru li l-esperjenza ġox-xelters ma kinetx xi waħda tilqgħek imma aħjar mill-balal ta’ fuq l-art.

    Hekk kif kienet iddoqq is-sirena konna nerħulha niġru lejn l-eqreb xelter. Kien hemm rwejjaħ jaqsmuk flimkien mar-riħa tal-umdità. Sa mn’Alla li kien hemm żewġ bokkiet ħalli tgħaddi l-arja għax kieku ma kontx tistaporti.

    Fil-fatt, min kien jiflaħ iħallas, seta’ jordna li titħaffirlu kamra għalih fix-xelter, la kemm toqgħod sodda u mejda u ħadd ma seta’ jidħollu fiha.

    Niftakar li darba minnhom ġew madwar 500 ajruplan f’daqqa. Intbaħna bihom meta bdejna nisimgħu qabda damdim tal-biża’ fuq Malta u hawnhekk il-Qala kulħadd ġera lejn ix-xelters. L-ajruplani kinsu kull m’hawn bombi dakinhar u fix-xelters kulħadd jitlob.

    Peress li żżewwiġt sitt xhur qabel spiċċat il-gwerra dawn l-attakki mill-ajru kienu għadhom għaddejjin għalkemm mhux daqshekk frekwenti. Imma fil-fatt l-ewwel lejl wara t-tieġ tagħna kellna nqattgħuh Ix-xelters tat-tieni gwerraġo xelter. Konna diġà dħalna norqdu meta smajna s-sirena ddoqq. Lil Kelina għedtilha ‘u ħalliha ddoqq, issa jgħaddi kollox’. Imma hi ma riditx taf u ħeqq kelli mmur warajha u noqgħod hemm għall-irwejjaħ!”

    Fil-gwerra ridt tħaddem moħħok u tara kif ser tagħmel biex tkampa kif tista’.

    “Għall-ewwel ftit xhur taż-żwieġ tagħna konna bqajna noqgħodu m’ommi. Darba minnhom spiċċawlna l-kupuni tal-pitrolju u ommi kien fadlilha biss l-aħħar ftit pitrolju biex issajjar.

    Jiena l-pitrolju kont nużah ukoll biex insewwi bih u għalhekk ma stajtx naħdem aktar. Tħawwadt x’ser naqbad nagħmel imma wara xi ftit tal-ħin ġiet bidwija għandi biex insewwilha l-ispiritiera. Issa aħna konna nafu li l-bdiewa ma tantx kienu jużaw il-pitrolju peress li kienu jsajjru fuq il-ħatab u allura l-kupuni tal-pitrolju kienu jibqgħu għandhom. Għaldaqstant malli sirt naf x’riedet, għedtilha li ma stajtx naqdiha għax ma kellix pitrolju. Imma hi l-ispiritiera kellha bżonnha malajr u għalhekk tatni sitt kupuni minn tagħha biex immur nixtri. Wara ftit waslet oħra mill-inħawi tal-Kunċizzjoni u għedtilha l-istess u anki hi bagħtitli erbgħa kupuni oħra.

    L-għada mort nixtri l-pitrolju. Mosè tal-pitrolju kien ikollu pulizija miegħu biex jara li ma jqassam lil ħadd mingħajr kupuni. Jien tlabtu żewġ galluni u l-pulizija ried ikun jaf minn fejn ġibt dawk iż-żewġ kupuni. Għedtlu mhux ser ngħidlek, la għandi l-kupuni trid tagħtini. U tiegħi għaddiet. Gallun minnhom żammejtu biex naħdem bih u l-ieħor tajtu l-ommi. Ovvjament il-kupuni l-oħra ħbejthom u użajthom ftit ftit.”

    L-aħbar li spiċċat il-gwerra waslet bl-istess mod bħal meta bdiet.

    “Ġurnata waħda għadda l-arċipriet minn ħdejna u għarrafna li l-gwerra spiċċat. Tgħidx x’għors kien hemm u kemm daqqew il-qniepen tal-knejjes!”

    Il-ħajja bdiet terġa’ lura għan-normal ftit ftit.

    “Ma rranġax kollox mill-lum għall-għada tafx? Kollox beda ġej bil-mod u għall-ewwel konna bqajna għaddejjin bis-sistema tal-kupuni.

    Wara xi sitt xhur li spiċċat il-gwerra reġgħu bdew jiftħu l-ħwienet. Il-ħaxix kien għali ħafna. Ħarrubu jew fula inkaljata kienu jinbiegħu sold il-wieħed, qisek qed tixtri t-toffee! Imma b’xi mod jew ieħor konna ngħaddu.”

    Bla dubju ħadd qatt mhu ser jixxennaq biex ireġġa’ lura ż-żminijiet tal-gwerra. Imma Saviour għalaq b’dal-kliem…

    “F’dawk iż-żminijiet u aktar il-quddiem konna naqalugħa u niekluha. Illum veru hawn ħafna kumditajiet imma l-prezzijiet għolew m’ogħla s-smewwiet u l-ħajja xorta waħda diffiċli.Il-koppja Vella

    Fuq kollox nħoss ħafna n-nuqqas tal-maħbuba tiegħi Kelina li akkost ta’ dak kollu li għaddejna minnu, bqajna ninħabbu kuljum sal-aħħar.”

    Il-ħames ulied ta’ Saviour jinsabu kollha l-Awstralja għalkemm dan l-aħħar qed jinżlu wieħed wieħed Għawdex biex jagħtuh daqqa t’id.

    “Kerha s-solitudni imma almenu għad fadalli lil ħbiebi li kull fil-għaxija jinġabru ħdejja biex ngħidu kelmtejn bejnietna sakemm jasal il-lejl u b’hekk tgħaddi ġurnata oħra.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-1 t’Awwissu 2010)

    2010.08.01 / no responses / Category: Torca - Perspettivi