Posts Tagged ‘Birkirkara’

  • Meta toħlom akbar

    Il-Bibbja tirrakkonta l-istagħġib tar-rgħajja meta waqt lejl tas-skiet, is-sema ddawwlet b’dawl mhux tas-soltu filwaqt li anġlu ħabbrilhom li kien twieled ir-Re li Alla kien wiegħed li ser jibgħat. Wieħed jista’ jimmaġina l-emozzjoni tagħhom hekk kif dawn ġrew lejn il-post indikat u hemm sabu lil Marija u lil Ġużeppi jbennu lil binhom Ġesù li kien għadu kif bexxaq għajnejh u lemaħ lid-dinja tagħna.

    Minn dak iż-żmien ‘l hawn kienu bosta l-popli li ttantaw joħolqu mill-ġdid din l-atmosfera mbierka u unika fil-ġranet ħelwin tal-Milied. Probabbilment il-bozoz tad-dawl żgħar u kkuluriti li nżejjnu diversi postijiet bihom, għandhom il-għan li jikkreaw mill-ġdid l-atmosfera tad-dwal li deheru fis-smewwiet f’dak il-lejl imqaddes, filwaqt li l-istatwa tal-bambin Ġesù tintuża bħala rappreżentazzjoni tat-tarbija divina.

    F’dawn il-ġranet naraw ukoll il-ħeġġa ta’ bosta individwi li jagħmlu minn kollox biex iqanqlu dik is-sensazzjoni antika ta’ stagħġib u ferħ li l-Milied biss kapaċi jġib miegħu. Ħafna minna, biex inferrħu lil xulxin, insibu ruħna niċċelebraw ir-ritwali li mxew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Imma mbagħad issib ukoll lil min jaspira aktar minn hekk, issib lil dawk li jazzardaw joħolmu akbar, lil dawk li joħorġu l-barra mit-tradizzjoni sabiex b’azzjoni mhux tas-soltu, jerġgħu jqajjmu dik ix-xrara ta’ stagħġib u ferħ li mhux la kemm wieħed jinsa.

    George VellaWieħed minn dawn huwa bla dubju l-Kavallier George Vella, Żejtuni ta’ 80 sena li llum joqgħod Birkirkara, u li dil-ġimgħa stedinni għandu sabiex jirrakkuntali dwar tliet attivitajiet partikolari li hu flimkien ma’ sħabu ħarġu bihom fi żmien il-Milied tas-snin sittin. Qabel inġbarna fl-istudju tiegħu ħalli ngħarrxu fost il-ġabra ta’ dokumenti, kotba, ġurnali u ritratti li hu pprepara għalija, George ma naqasx milli jdawwarni dawra mad-dar tiegħu sabiex jurini biċ-ċar ir-rabta tiegħu ma’ din il-festa, espressa fosthom permezz tal-kwantità ta’ presepji differenti li għandu, bil-bambin li xtara minn Betlehem lura fl-1956 u bis-siġra tal-Milied li huwa stess żejjen b’għadd ta’ ornamenti, bozoz ikkuluriti, u mużika ħelwa.

    L-ewwel tifkira ħaditna lura għall-1960 ġewwa l-bini tal-Juventutis Domus Sagra Familia fiż-Żejtun, fejn f’dak iż-żmien, George Vella kien is-segretarju tal-għaqda li kienet tmexxi l-attivitajiet tal-post. Ta’ min isemmi li oriġinarjament din il-binja li tinsab fi Triq San Girgor, kienet il-palazz ta’ l-Isqof Ferdinand Mattei li kien jużaha bħala residenza għas-sajf u anki biex minnha jkun jista’ jsegwi l-pellegrinaġġ annwali ta’ San Girgor li kien jgħaddi proprju minn din it-triq (kif għadu jiġri sa llum). Kien fl-1911 meta Dun Spiridione Grixti u Angelo Baldacchino staqsew lill-Arċipriet taż-Żejtun, Dun Lawrenz Degabriele, sabiex jingħataw il-permess ħalli jiftħu ċentru ta’ tagħlim fejn it-tfal iż-żgħar setgħu jitgħallmu d-duttrina u fl-istess ħin fejn iż-żagħżagħ setgħu jinġabru u jinżammu l-bogħod mill-perikli tal-ħajja, skont it-tagħlim ta’ San Ġwann Bosco.

    Għall-ewwel inkriet dar ċkejkna fi Triq San Girgor u d-Domus infetaħ uffiċċjalment fl-24 ta’ Frar 1912. Iżda aktar tard, fit-13 ta’ Diċembru tal-1920, ġie ffirmat il-kuntratt tal-akkwist ta’ dan il-palazz u d-Domus ġie trasferit għal dan il-post. Intant, madwar 40 sena wara, fl-eqqel tal-ġlieda politiko-reliġjuża, il-parteċipazzjoni fid-Domus min-naħa tat-tfal u ż-żagħżagħ bdiet tonqos ħafna u biex jerġgħu jiġbdu lura l-interess tagħhom, George Vella flimkien ma’ xi membri oħra, fosthom Generoso Vella u Joseph Turban, iddeċidew li minflok jagħtu r-rigali tal-Milied lit-tfal tal-membri, lill-abbatini, u lil dawk li kienu jattendu d-Domus minn ġewwa ċ-Ċentru bħas-soltu, huma kienu se jibgħatu lil Father Christmas idur madwar ir-raħal sabiex iqassam ir-rigali fid-djar tat-tfal stess, akkumpanjat mid-daqq tal-banda taż-Żejtun Boy Scouts.

    P1120394L-ewwel wieħed li messietu x-xorti li jilbes ta’ Father Christmas kien Joseph Mansueto li fl-1960 ħareġ fuq karru miġbud minn tractor armat b’żewġt iċriev kbar li kienu qed jiġbdu warajhom żlitta kbira ħamra mimlija bir-rigali u mdawwra bi qniepen elettriċi. Din l-idea mal-ewwel intlaqgħat tajjeb kemm mit-tfal u kif ukoll mill-membri tad-Domus u wkoll mill-ġenituri tat-tfal. Infatti minn dik is-sena ‘l hemm, il-membri tad-Domus u t-tfal kienu jibdew jaħdmu fuq dan il-karru minn xi xahar qabel, peress li kull sena l-forma tiegħu kienet tinbidel. Fost il-forom użati nsibu sputnik, rocket spazjali, ferrovija, żlitta miġbuda miċ-ċriev, żwiemel ħajjin eċċ.

    Maż-żmien tant ħadet din id-drawwa, li biex tkun tista’ tilqa’ t-talba biex jitqassmu r-rigali kollha fl-istess ħin kellhom joħorġu tnejn min-nies lebsin ta’ Father Christmas. Huwa interessanti li wieħed ikun jaf li meta wieħed kien jintagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas għal waqt din l-attività, dan kien jitqies bħala unur kbir peress li l-individwu magħżul kien ikun dak li ta l-akbar kontribut lid-Domus matul dik is-sena. Ftit ftit il-kelma ġriet u d-Domus taż-Żejtun beda jirċievi talbiet anki minn inħawi oħra f’Malta sabiex il-Father Christmas bil-karru tiegħu flimkien mal-banda tal-Boy Scouts imorru jferrħu u jqassmu r-rigali anki lit-tfal t’hemmhekk. Naturalment, ma damux ma nibtu attivitajiet bħal dawn mal-inħawi kollha tal-gżejjer tagħna, tant li din id-drawwa għadha għaddejjha fostna sa llum.

    P1120380It-tieni ġrajja li rrakkuntali George Vella seħħet fit-23 ta’ Diċembru 1963 meta wara talba li saret mid-Domus, id-dipartiment tar-relazzjonijiet pubblici tal-Hafmed NATO kienu rregalaw lill-poplu Żejtuni siġra kbira tal-Milied twila madwar 30 pied li nġiebet apposta min-Norvegja u tpoġġiet fi Pjazza Diċembru 13 (qabel Pjazza Brittanika). Dakinhar saru festi kbar hekk kif madwar is-siġra mixgħula, inġabru għadd ta’ Żwieten u anki uffiċċjali għoljin tan-NATO flimkien mal-familji tagħhom. Wara li tkantaw xi għanjiet tal-Milied, intfiet il-pjazza kollha fid-dlam u f’ħin minnhom, Tony Mifsud, li għal dik is-sena kien intagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas, għamel daħla trijonfali liema bħalha, hekk kif wasal fuq żiemel abjad biex iqassam ir-rigali lit-tfal minn taħt din is-siġra kbira. Ċertament dan ukoll kien avveniment kbir għaż-Żejtun u dwaru kienu tkellmu l-gazzetti kollha ta’ Malta u kif ukoll il-mezzi tax-xandir.

    Iżda l-kbir kien għadu ġej għax it-tielet ġrajja li kellu lest għalija George kienet waħda tassew fantastika u stagħġibt mhux ftit kif jiena, bħala Żejtunija, qatt ma kont smajt biha qabel. Kollox beda waqt logħba table tennis, hekk kif Ltn. Commander Cliff Perry, R.N., b’ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kienu qed jagħmlu dawn il-membri tad-Domus biex joħorġu b’ideat ġodda, huwa offra ruħu biex jagħti sorpriża kbira lit-tfal taż-Żejtun. Din kienet tikkonsisti fl-opportunità li għal dik is-sena, il-Father Christmas tad-Domus seta’ jitwassal minnu permezz ta’ ħelikopter tar-Royal Navy. Naturalment, okkażżjoni unika bħal dik ma kienux ser jitilfuha u George flimkien ma’ sħabu, intefgħu jippjanaw din l-attività l-ġdida.

    P1120383Ħafna mill-anzjani Żwieten jiftakru lil dan il-ħelikopter itir fuq iż-Żejtun fil-ġranet ta’ qabel il-Milied tal-1964, fosthom Carmelo P Baldacchino, li għaddieli xi ritratti li ħa ħu Ġeorge stess, Johnny Vella, dakinhar li seħħet din l-avventura. B’għaġeb kbir tat-tfal tal-iskola l-ġdida primarja taż-Żejtun (magħrufa bħala Carlo Diacono) f’ħin minnhom jidher ħelikopter b’maskra kbira ta’ Father Christmas fuq il-buq tiegħu u mżejjen b’dawl ikkulurit, u wara li ttajjar ftit fuq l-iskola, huwa deher nieżel fil-bitħa mdaqqsa tagħha u minnu ħareġ il-Father Christmas biex iqassmilhom ir-rigali li kellu jistennewh fi żlitta fil-qrib.

    George jiftakar ċar li t-tfal tbellħu meta raw dan kollu jiġri quddiemhom u tgħidx xi fratterija qamet, kulħadd jiġri ‘l hemm u ‘l hawn biex jara x’qed jiġri u biex jaċċerta ruħu li kien ser jaqla’ rigal. Wara dan kollu, il-Father Christmas ta’ dik is-sena, Anthony Sinagra, rikeb ġewwa ż-żlitta tiegħu u erħielha jqassam ir-rigali madwar iż-Żejtun kollu. Sadanittant il-ħelikopter reġa’ ntrefa’ fis-smewwiet u minnu nxteħtu għadd ta’ bżieżaq fuq l-inħawi tal-iskola. Ftit wara, il-ħelikopter deher jieqaf mill-ġdid fl-ajru fuq l-istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun u hemm niżlet xita ta’ ħelu għat-tfal li kienu residenti f’dan il-post.

    George kien emozzjonat ħafna b’dawn il-memorji iżda meta rani daqstant interessata, ma damx ma beda jirrakkuntali dwar għadd ta’ ġrajjiet oħra hekk kif minn armarji, kxaxen u kaxxi, huwa beda joħroġ diversi tifkiriet ħalli jispjegali aħjar dwar dak li kien qiegħed ifehemni. Fosthom skoprejt li matul ħajtu huwa żar diversi postijiet madwar id-dinja minħabba x-xogħol tiegħu fejn anki hemm ma naqasx l-element tal-avventura. Kien ukoll kittieb u riċerkatur fejn fosthom huwa kien ġabar u ppubblika t-tagħrif tal-Pronostiku Malti għal 25 sena sħaħ.

    Ċertament laqgħat ma’ individwi bħal dawn juru biċ-ċar kemm niesna huma riżors importanti ta’ esperjenzi u informazzjoni li jistgħu jitfgħu dawl fuq is-soċjetà, il-kultura u l-istorja tagħna. Nistgħu ngħidu li bosta mid-djar tagħna jistgħu jiġu kkunsidrati bħala arkivji fihom infushom mibnija personalment b’dedikazzjoni kbira minn nies differenti, skont l-oqsma varji ta’ l-interessi tagħhom. Personalment nemmen li flimkien mal-istorja ġenerali, dawn il-ġabriet tat-tifkiriet imxerrda fost diversi familji, kapaċi jippreżentaw sfumaturi sinifikanti sabiex wieħed ikun jista’ jara stampa akbar ta’ ġrajjiet pajjiżna.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (it-8 Parti) tat-Torċa datata 22 ta’ Diċembru 2013)

    2013.12.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • ID-DESTIN: JEŻISTI JEW LE?

    Kien film li rajna dil-ġimgħa li beda l-istorja kollha…. il-ġrajja kienet qed tesplora l-potenzjal ta’ teknoloġija li tieħdok fil-futur sabiex tevita inċidenti li jistgħu jseħħu. U Paul P Borgf’ħin minnhom, hekk kif l-attur prinċipali rnexxielu jibdel id-destin ta’ waħda li kellha tmut, staqsejna – imma allura, jekk destinha kien li tmut hekk, issa x’inbidel? Jekk dak kien destinha, il-loġika tgħidlek li suppost dik il-mara xorta waħda kellha tmut b’xi ħaġ’oħra dakinhar stess. Jew? Din id-dilemma tal-eżistenza tad-destin minn dejjem qanqlet bosta diskussjonijiet u fehmiet. L-awtur Amerikan Henry Miller sostna illi “Kull bniedem għandu d-destin tiegħu u l-unika għażla li għandu hija li jsegwih u li jaċċettaħ, jieħdu fejn jieħdu”. Min-naħa l-oħra Anthony Robbins, konsulent Amerikan,  jemmen illi “Huwa fil-mumenti meta nieħdu ċerti deċiżjonijiet li d-destin tagħna jitfassal”. Fuq nota aktar skjetta xi ħaddieħor darba ikkummenta illi “Id-destin hu xi ħaġa li vvintajna aħna għax ma nifilħux naċċettaw il-fatt li kull ma jiġri huwa aċċidentali”. Imbagħad allura x’taqbad taħseb meta kumbinazzjoni aktar tard dil-ġimgħa ltqajt mal-awtur Paul P Borg u fost l-oħrajn skoprejt illi x-xogħolijiet l-aktar għal qalbu kienu jduru proprju ma’ dawn it-tip ta’ mistoqsijiet?

    “Waħda mill-ewwel kitbiet tiegħi kienet tnisslet sewwasew minn dawn il-mistoqsijiet li jitturmentaw lill-bniedem f’xi mument jew ieħor f’ħajtu. Jiena għext tfuliti f’Birkirkara imma kelli n-nanniet tiegħi joqogħdu Selmun. Fid-dar tagħna, fl-ambjent urban ta’ Birkirkara, la kellna bitħa u lanqas ġnien u meta toħroġ, kont tidħol dritt ġol-karozza u tmur għal triqtek. Għalhekk, meta ommi kienet tibgħatni nqatta’ xi ftit tal-ġranet man-nanniet, fl-ambjent agrikolu ta’ Selmun, kont inħossni qed ngħix f’dinja oħra u kont nimmaġinani xi re tal-irdumijiet, tal-baħar u tax-xagħri, hekk kif kont nintefa’ man-nannu naħrat jew indur bin-ngħaġ. Meta kbirt, ħassejtni ixxurtjat li esperjenzajt daż-żewġ realtajiet differenti u kull tant żmien kont nistaqsi, x’kien jinbidel minni li kieku jiena twelidt f’ambjent divers? Kont bdejt nirrifletti u nhewden dwar Alla u l-eżistenza tiegħu u dwar kemm il-bniedem kien jgħix tassew fil-libertà? Sikwit kont nitħasseb jekk it-triqat li kont qed nagħżel u d-deċiżjonijiet li kont qed nieħu, kontx qed nagħmilhom jien jew jekk kienx diġà fassalhom Alla għalija? U jekk kien tal-aħħar, allura jien x’saħħa kelli fuq l-għażliet tiegħi f’ħajti?

    Kelli xi tmintax-il sena meta ddeċidejt li nistħarreġ dawn it-taħbiliet permezz tal-kitba, li għall-ewwel żviluppaw f’novella qasira bl-isem ‘Dal-Lejl Ġie Alla’. Dan kien perjodu wkoll meta kont qed ngħix it-taqbida politika-reliġjuża. Mhux darba u tnejn li kont ikkunsidrajt li nsir qassis imma l-ġrajjiet li seħħew f’dawk is-snin affettwawni ħafna. Missieri kien Laburist kbir. Xogħolu kien bħala xufier mas-servizzi u mad-dockyard u dejjem bis-sensja mdendla fuq rasu. Kont inħoss wisq meta kont nisimgħu jgħid li tawh 3 soldi biss żieda. Ommi kellha tagħmel pont ħjata biex iġġannat u tara kif tagħmel ħalli tgħaddi l-familja. Kont konxju li kien jeħtieġ li jsir xi ħaġa biex il-qagħda ta’ ħajjitna titjieb.

    Meta mort il-Ġermanja biex nistudja d-diżinn fl-inġinerija, dawn il-ħsibijiet baqgħu jduru f’moħħi. U meta kont insib ftit ħin ħieles mill-istudju, kont nintasab f’xi lwog kwiet u hemm sibt ruħi nħarbex mill-ġdid in-novella ‘Dal-Lejl Ġie Alla’ f’aktar tul sakemm finalment saret ktieb.”

    Iżda għalkemm għaddew is-snin Paul ħass li ċerti mistoqsijiet minn dawn kien għadu ma analizzahomx sal-aħħar…

    “Issa li xjaħt u għaddejt minn ċerti esperjenzi fil-ħajja, xtaqt nifli mill-ġdid dawn id-dilemmi.  Fosthom staqsejt jekk dak li ngħixu kienx jiddependi minħabba ċ-ċirkustanzi li nitwieldu fihom, jew dal-lejl-gie-alla---rajt--l-alla-jibkiminħabba l-ambjent li nitilgħu fih, inkella sforz l-għażliet li nkunu għamilna, jew għax Alla hekk ried, jew f’kelma waħda, għax hekk kellu jkun? Minn dawn il-mistoqsijiet wellidt storja li tkompli ma’ dik ta’ qabilha, did-darba bl-isem ta’ ‘Rajt ‘l Alla Jibki’ fejn fiha nsibu l-protagonist ta’ l-ewwel ktieb jgħix dawn it-taħbiliet. Ngħidu aħna, f’mument minnhom dan ir-raġel li hu miżżewweġ u għandu t-tfal, narawh fil-bitħa tad-dar tiegħu u min-naħa l-oħra qed tħares lejh il-mara ta’ xi ħaddieħor. Titqanqal dilemma fir-raġel hekk kif jibda jixtarr xi jkunu l-konsegwenzi li kieku hu kellu jiltaqa’ ma’ dik il-mara? Imbagħad ir-raġel jibda jistaqsi dwar li kieku din l-għażla kellha tkun predestinata u allura hu setax qatt jaħrabha?

    Użajt dan il-ktieb biex nistaqsi diversi mistoqsijiet kruċjali. Weġibthom jew ma weġibthomx? Assolutament lanqas jien stess ma naf. Imma nħossni sodisfatt ħafna b’dan il-ktieb għax nista’ ngħid li għalija kien bħal terapija tremenda.”

    Infatti hekk kif it-taħdita tagħna żvolġiet aktar, Paul stqarr illi akkost li għarbel fuq li għarbel dwarhom, ċertu mistoqsijiet partikolari baqa’ ma weġibhomx.

    “U qatt mhu ser jirnexxieli nweġibhom! Iżda almenu permezz ta’ din l-analiżi wasalt fil-kundizzjoni li niddeċiedi li ma nibqax naħseb aktar għax kollu għalxejn. Għalhekk għażilt li ma nistaqsix aktar bħal kif finalment għaraf li għandu jagħmel il-poeta Dun Karm Psaila fil-poeżija twila tiegħu ‘Il-Jien u Lil’Hinn Minnu’, li personalment nemmen li hi l-isbaħ kitba li qatt inkitbet f’kull lingwa li qatt qrajt. Il-konklużjoni ta’ dan il-poeta għenitni ħafna u fakkritni li meta kont żgħir, kont niġri għand ommi meta jkolli bżonn l-għajnuna. Madanakollu meta kbirt, kelli bżonn lil xi ħadd oħla minn hekk għax id-diffikultajiet kienu akbar. U f’dawn il-każi għand min trid tirrivolġi? Sejjaħlu Alla, sejjaħlu li trid, imma tistaqsix aktar u aċċetta l-imħabba li tirċievi u li tagħti.”

    Ma tridx wisq biex tifhem li dan l-awtur huwa profond ħafna fi ħsibijietu. Imma għal aktar minn darba huwa stqarr li jiġu mumenti fejn jixxennaq li kien kapaċi jaħseb anqas.

    “Ma nafx ma nagħtix każ u nibqa’ għaddej minn fuq ċerti sitwazzjonijiet bħal kif jagħmlu individwi oħra. B’hekk inħoss ħafna u nbati kultant, apparti li ħafna affarijiet ikidduni. Imma m’għandix għażlaDemgħat għax hekk jien magħmul u dawn l-esperjenzi nara kif nibdilhom f’kitba. Fil-ġimgħat li ġejjin, uħud minn dawn in-novelli ser ikunu qed jiġu ppubblikati fit-Torċa. Ġeneralment ser inkun qed nikteb dwar affarijiet li jseħħu fis-soċjetà. Se niddeskrivi diversi sitwazzjonijiet fejn ngħidu aħna, dak li jkun xtaq jagħmel xi ħaġa u m’għamilix għax beża’. Se nitratta anki suġġetti li jnikktuna u li forsi soltu nippreferu nikinsuhom taħt it-tapit, bit-tama li xi darba ninsewhom. Imma huma realtajiet li s-soċjetà hija għaddejja minnhom. Fid-dinja jiġu mumenti meta niltaqgħu ma’ ċertu stejjer li xtaqna li ma smajna qatt. Imma x’nagħmlu? Ma niktbux fuqhom? Nagħmlu tajjeb li ninjorawhom bħallikieku mhux qed jiġru tassew?”

    L-awtur kompla jirrakkuntali kif kien hemm mumenti fejn akkost li xogħolu ġie apprezzat ħafna b’mod letterarju, min-naħa l-oħra, l-istess xogħol ġie iċċensurat.

    “Darba ħadt sehem f’konkors bid-dramm għat-TV ‘Il-Madonna x’ġenn!’ u dan ġie ġġudikat l-ewwel premju. Imma dal-premju qatt ma ħadtu għax ftit wara ħarġet deċiżjoni li l-premju ma jingħatax u d-dramm tiegħi ġie skwalifikat. Ir-raġuni kienet li peress li d-dramm kien jitratta l-mard mentali, ġie konkluż li dan seta’ jweġġa’ lil xi wħud u allura ma kellux jidher fil-pubbliku!

    Storja simili seħħet bid-dramm għall-palk ‘Dubbiena Kukkużejt’ fejn did-darba akkost li ngħatajt l-ewwel premju, min kien qed imexxi l-ġurija, iddeċieda li jiddistakka ruħu minn din id-deċiżjoni.  Dan qal li kellu ċerti riservi dwar kemm id-dramm tiegħi seta’ jidher fuq il-palk minħabba li kien jitratta l-pedofilja. U infatti la dan id-dramm u lanqas ta’ qablu qatt ma ntwerew lill-pubbliku.”

    Mit-titli tal-kotba tiegħu ‘Rajt ‘l Alla Jibki’, ‘Beżgħat’, ‘Demgħat’ u issa l-ktieb li ħiereġ dalwaqt ‘Weġgħat’, ħadt l-impressjoni li Paul hu bniedem kemmxejn pessimist. Iżda hu Beżgħatirribatta aktar minn darba li l-flixkun jarah nofsu mimli u li bl-ebda mod ma jiddeskrivi ruħu b’dan il-mod.

    “Ikun aktar korrett li kieku ssejjaħħli realistiku. Jiena nemmen li l-kittieb juża l-kelma mhux għan-nom tiegħu biss imma biex jirrapreżenta anki l-ħsibijiet, id-dwejjaq, il-ferħ u l-protesti tal-bqija tas-soċjetà. Il-letteratura hija riflessjoni soċjali li qed turi l-kuxjenza ta’ kulħadd. Ċertament jien kittieb li nikteb fuq sitwazzjonijiet fejn, kif jgħid il-Malti, l-ilsien imur fuq id-darsa li tuġgħu. Ma nkunx qed nikteb xi terapija għall-qarrejja għax jien ma jien l-ebda psikologu. Imma nkun nixtieq li min jaqra l-kitba tiegħi, sempliċiment jaqsam u jirrifletti aktar dwar dak li qed iseħħ madwaru.”

    Paul qabel miegħi illi huma l-emozzjonijiet qawwija ħafna, dawk li jġiegħluk tmiss mal-laħam il-ħaj tal-ħajja, li jħeġġuk biex tikteb.

    “Ejja ngħiduha kif inhi, meta nkun ferħan u għaddej nidħak, ma nħossx dik l-imbutattura għall-kitba. U jiena jekk ma nħossx dik ix-xi ħaġa li tqanqalni, ma niktibx. Però mbagħad naf inkun fi kwalunkwe post u f’kull xorta ta’ sitwazzjoni, u hekk kif nisma’ xi ħaġa li tolqotni, bħal qisha tfaqqa’ xi ħaġa ġo fija u minn hemm jibdew sensiela ta’ ħsibijiet, kultant kapitli sħaħ ta’ kotba u f’xi daqqiet saħansitra xi soluzzjoni għal xi dilemma li kelli qabel! ”

    Fost il-kotba tiegħu, Paul għandu wkoll kitbiet etnografiċi u ambjentalisti bħal ‘Stejjer minn Wied Għarbiel’, ‘Minn Fuq għal Isfel’, ‘Snajja’ u Xogħol il-Maltin Vol. I u II’, u In-nannu Pawlu u n-nanna Ġużeppa‘Nismagħhem Jgħidu Vol. I’. Uħud minn dawn il-kotba ġew f’idejja ħafna drabi għax huma ideali għar-riċerka tal-proġetti tal-iskola. Iżda żgur li qatt ma kont bsart xi ġrajjiet ħelwin inizzjaw il-ħolqien tagħhom. Infatti n-nannu Pawlu, li għalih hu msemmi l-awtur, u n-nanna Ġużeppa, kellhom influwenza kbira fuq it-triq li qabad dal-kittieb. Paul urini ritratt tagħhom u hekk kif ilmaħt it-tbissima ħelwa tan-nanna Ġużeppa, mill-ewwel fhimt x’kien li jiġbed il-kittieb kull darba lejn Selmun…

    “Bqajt immur inżurhom anki meta kbirt u tgħarrast. Kienet tiġbidni dik it-trankwillità u l-paċi li kont inħoss meta kont inkun fil-kumpannija tagħhom. Kien nannuwi, li għalkemm ta’ ftit kliem, ħabbibni man-natura u urieni kif sa l-inqas ħaxixa u ġebla għandhom l-użu tagħhom. Huwa introduċieni mas-sengħa tal-bidwi u flimkien mal-bdiewa l-oħra tal-madwar fehemni tassew xi tfisser li tkun bidwi. Min-naħa l-oħra n-nanna żrat fija l-imħabba għall-kitba u għall-qari. Permezz tagħha, f’età żgħira, kont diġà qrajt il-kotba klassiċi kollha Maltin hekk kif akkost li hi ma kinetx taf taqra u tikteb, xorta waħda xtrat dawn il-kotba u kull darba kienet titlobni biex naqralha xi silta minnhom. F’kotba bħal ‘Il-Ħuġġieġa’ kien ikun hemm ukoll xi novella qasira, li kont naqra diversi drabi, sakemm darba minnhom tħajjart jien ukoll inħarbex xi ħaġa. In-nanna Ġużeppa kienet tħobb tirrakkuntali ħafna ġrajjiet u għajdut u sikwit kont naħseb dwar dik il-ġurnata meta xi darba nannti kienet ser tħallina u magħha kien ser jindifen u jmut dak kollu li kienet taf. Hekk kien qed jiġri diġà mill-anzjani l-oħra tal-madwar, li min jaf kemm kont ħadt gost nismagħhom jirrakkuntawli l-esperjenzi tagħhom! Darba minnhom ħadt deċiżjoni u mill-informazzjoni li kont ġbart mingħand in-nanniet tiegħi u minn xi dettalji oħra li kont ksibt jien, ippubblikajt il-ktieb bl-isem ‘Selmun u l-Inħawi’ u ftit tas-snin wara ‘Selmun – A story of Love’.

    U ħaġa twassal għall-oħra… biż-żmien indunajt ukoll li anki s-snajja’ ta’ dawn l-anzjani kienu qed jispiċċaw u jmutu. U għalhekk meddejt għonqi biex did-Snajja u Xogħol il-Maltin Vol. 1darba niġbor dawn id-dettalji. Bdejt minn anzjan mill-Mellieħa, ċertu Pietru Gauci il-Pirrex u minn hemm imxejt minn individwu għall-ieħor sakemm ifforma l-ewwel ktieb ta’ ‘Snajja’ u Xogħol il-Maltin’. Bdejt nara lil dawn l-anzjani bħala sors ta’ informazzjoni kbir u ma ridt nitlef l-ebda parti minnha. Għadni sal-llum niġbor dan it-tagħrif, bil-kliem preċiż kif jingħad u bid-diżinji ta’ dak li nkun qed nara. Kien Ġorġ Mifsud Chircop, espert tal-folklor, li għeni ħafna f’dal-qasam u tani pariri sbieħ fejn fosthom irrakkomandali biex nipprova ma nofthomx lill-bniedem mis-sengħa tiegħu.”

    L-ambjent huwa wisq għal qalb dan l-awtur, tant li spiss, tkellmu fuq xhiex tkellmu, d-diskors idur mill-ewwel dwar das-suġġett.

    “Inizzjalment meta bdejt nikteb il-ktieb ‘Selmun – A story of Love’ kelli ftehim mal-amministraturi Ġermaniżi li kienu jmexxu l-lukanda tal-palazz ta’ Selmun, sabiex jiffinanzjawli dan ix-xogħol. Imma meta darba minnhom intbaħt li dawn kienu qed jagħmlu ħsara permanenti lill-arkitettura antika ta’ Selmun u kxifthom, dak li wegħduni ma tawhuliex, iżda l-ktieb ħriġtu xorta waħda u ħallastu jien minn buti. Il-ħsara li saret kienet nikktitni u rrabjatni ħafna. Ix-xogħol sar bla ħniena u bla rispett lejn dan il-bini ta’ valur fejn fosthom graffiti ta’ xwieni antiki li lanqas ritratt ma lħaqt ħadtilhom, ġew sandblasted u meqrudin darba għal dejjem! Bit-tama li nevita li ssir aktar ħsara,  wasalt biex anki dħalt mal-lejl flimkien ma’ ibni, b’mod klandestin, bi ftehim ma’ wieħed mill-gwardjani tal-post, sabiex inħaffer u nikkonferma li fis-sit tal-palazz, kien hemm il-pedamenti ta’ kappella li nbniet fis-seklu 15. Infatti apparti li sibna dawn il-pedamenti, skoprejna wkoll għadd ta’ fuħħar u għadam ta’ skeletri li ndifnu fiz-zuntier tal-kappella. Mort malajr nirraporta għand stazzjon televiżiv lokali u għalkemm ġew mill-ewwel u ħarġu feature waqt l-aħbarijiet, din l-istorja mietet hemm. L-għada stess, il-ħaddiema ġarrfu kollox u ma lħaqt żammejt xejn minn dak kollu ħlief widna ta’ ġarra tal-fuħħar! L-istess xtaqt inkun naf x’sar mill-għamara li kien hemm f’dan il-palazz. Ċertu Diego Spiteri, anzjan ta’ 101 sena, illum mejjet, darba stqarr miegħi li meta hu mar iqatta’ xi ġimgħat għall-qamar il-għasel f’dan il-palazz, l-għamara li kien hemm hemm ġew tant kienet sabiħa li ridt sebgħa għajnejn biex tħares lejha! ”

    Fil-ktieb ‘Quest for Identity – the Mellieħa experience’ li għalih huwa ngħata l-unur prestiġġjuż Premio Gianfranco Merli per l’Ambiente, l-awtur ħareġ b’teorija partikolari dwar il-bdiewa.

    “Minn riċerka li wettaqt ma’ diversi bdiewa ta’ pajjiżi differenti, inklużi dawk Maltin u dawk li qrajt dwarhom fil-kotba klassiċi ta’ Tolstoy u Dostoyevsky, intbaħt illi teżisti linja li tgħaqqadhom kollha Quest for identityflimkien. Akkost li jgħixu f’ambjenti differenti, minn kliemhom tara li r-relazzjoni li dawn il-bdiewa għandhom mal-art hija l-istess kullimkien. Ir-rispett, il-kura u l-imħabba li jieħdu ħsieb l-għelieqi tagħhom biha dejjem għandhom għan speċifiku; dik li xi darba dawn ser jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajhom bħalma huma qed igawdu l-art li twasslet lilhom minn dawk ta’ qabilhom. ”

    Meta staqsejt lil Paul P Borg x’jixtieq fil-ħajja, hu qalli li bħalissa jħossu għaddej minn żmien kreattiv ħafna u jispera li daż-żmien ma jmurx. Bla dubju, ser inkunu nafu aktar dwar dan l-awtur permezz tal-għażla ta’ novelli li ser ikun qiegħed jippreżentalna fil-ġimgħat li ġejjin fit-Torċa.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-14 t’Awwissu 2011)

    2011.08.14 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-ĦOLQIEN TA’ KULT

    Nifktakar li fi tfuliti kont naffaxxina ruħi u fl-istess ħin nitwaħħax meta kont ngħaddi minn ħdejn artal partikolari li kien jinsab f’waħda mill-korsiji tal-Knisja ta’ SantaIl-pittura ta' Giuseppe Cali Katerina, ż-Żejtun. Ġewwa fih kien iħaddan statwa ta’ qaddisa mimduda fl-art, bil-pala ta’ jdejha mħaffra min-naħa ta’ fuq. Kont ilni żmien sewwa nitħasseb x’seta’ kien li kellha f’idejha dik l-istatwa imma żgur li qatt m’għaddieli minn moħħi li magħluqin f’dak il-kontenitur tal-ħġieġ ċkejken kien hemm l-għadam tal-qaddisa nnifisha u li dak kien korp sant. Wara li skoprejt dawn il-fatti, kont għamilt żmien mhux ħażin inċerta jekk nippreferix nersaq aktar qrib ħalli nifli sew x’kien hemm jew naħrabx niġri li ma tmurx tqum għalija l-istatwa! U b’nostalġija nistqarr li ħafna drabi kienet tirbaħ l-għażla tal-aħħar u dlonk kont intir meta niġi biex ngħaddi minn fuq dawk l-erba’ madumiet ta’ quddiemu.

    Dawn il-memorji ta’ tfuliti tqanqlu hekk kif dil-ġimgħa ltqajt ma’ Fr David Farrugia biex niddiskuti miegħu t-tnhedija ta’ Wirja Nazzjonali dwar il-Kult ta’ Sant’Andrija f’pajjiżna f’egħluq il-1950 sena mill-martirju tiegħu. Dlonk xtaqtu jfissirli l-kunċett tal-kulti u l-qaddisin.

    “L-espressjoni ‘kult’ tnisslet mill-kelma ‘coltivare’ li bil-Malti tittraduċi fi ‘trawwem’. Infatti f’dan il-każ meta nitkellmu dwar kult inkunu qed infissru li wieħed irawwem jew jikkultiva l-imħabba u d-devozzjoni lejn xi qaddis partikolari.

    Huwa interessanti li wieħed jara minn fejn bdew dawn il-kulti. L-oriġini tagħhom tmur lura għal bosta snin meta t-twemmin nisrani kien għadu fl-ewwel passi tiegħu u l-Insara Fr David Farrugiakienu qed jiġu ppersegwitati. Kien żmien meta nies ta’ devozzjoni kbira kienu qed jagħżlu li jieħdu l-martirju minflok jiċħdu l-fidi tagħhom u dawn bdew kważi kważi jiġu ddikkjarati minnufih bħala qaddisin mil-komunità Nisranija. Fil-qagħda diffiċli li kienet tinsab fiha l-Knisja fl-ewwel snin tal-bidu tagħha, il-komunità  Nisranija għarfet illi dawn il-martri kellhom importanza kbira  peress li kienu qed jagħtu eżempju ta’ kif wieħed għandu jgħożż twemminu sal-aħħar u b’hekk bdew jinbnew il-kulti.”

    Jitwieldu bosta kulti imma x’inhi r-raġuni li wħud jintesew mal-medda tas-snin filwaqt li oħrajn jibqgħu ħajjin għal żmien twil?

    “Il-kult qisu pjanta. Il-bniedem huwa bħaż-żerriegħa li l-fama tiegħu tibda tinbet meta jmut. Issa hemm dawk li jbattu wara ftit bħal dik il-pjanta li toħroġ il-fjuri malajr imma jinxfu ħesrem. U hemm ukoll dawk li jdumu kemmxejn ma jagħtuk il-frott imma mbagħad meta joħorġu,  jibqgħu ħajjin għal ħafna aktar żmien.

    Kult ta’ qaddis jibqa’ ħaj sakemm jibqa’ jsib lil min jitwaħħad miegħu. Ġeneralment kult jinbet meta l-karatteristiċi ta’ dak il-qaddis ikunu simili Kwadru ta' Sant'Andrija 2għal dawk tan-nies tal-inħawi u b’hekk tibda d-devozzjoni lejh. Ngħidu aħna fil-każ ta’ Sant’Andrija nsibu devozzjoni kbira lejh f’diversi nħawi fostom f’Marsaxlokk, f’Ħal-Luqa, fiż-Żurrieq u fix-Xlendi peress li dawn jew dari jew illum kienu nies tal-baħar bħal Sant’Andrija li kien sajjied.

    Imbagħad naturalment, meta dawn in-nies imorru joqogħdu f’lokalitajiet oħra, wħud minnhom jġorru magħhom dan il-kult u allura tibda ssib il-qima lejn il-qaddis f’inħawi oħra wkoll bħal f’Bormla, f’Birkirkara, fil-Mosta, f’Ħal-Lija, fis-Sannat u fix-Xewkija.”

    Kif żviluppa l-kult ta’ Sant’Andrija f’pajjiżna?

    “F’pajjiżna d-devozzjoni popolari lejn Sant’Andrija Appostlu  nistgħu ngħidu li teħodna lura għall-Medjuevu.  Fil-fatt kemm fil-Knisja tal-Lunzjata ta’ Ħal-Millieri u kemm f’dik ta’ Santa Marija ta’ Birmiftuħ insibu affreski li jirraffiguraw lil dan il-qaddis.  Man-nisġa tas-snin, il-kult ta’ Sant’Andrija baqa’ dejjem jinfirex f’pajjiżna tant li bdew jitwaqqfu għadd ta’ knejjes, altari, fratellanzi, niċeċ u statwi ddedikati lilu.

    Saħansitra anke żewġ parroċċi ħadu l-patroċinju tiegħu; b’dik ta’ Ħal-Luqa tagħraf lil Sant’Andrija bħala l-patrun ewlieni u titular tal-parroċċa, filwaqt li dik tal-Fontana f’Għawdex tgħodd lil dan il-qaddis bħala l-kon-patrun flimkien mal-Qalb ta’ Ġesù.”

    Kif jitnissel patrun ta’ belt jew raħal?

    “Fl-imgħoddi kienet inħolqot id-drawwa illi meta kien jindifen martri kienet tinbena kamra kbira fuq il-qabar tiegħu sabiex fiha jkunu jistgħu jinġabru u jistrieħu l-pellegrini li jmorru biex iżuru l-post. Statwa ta' Sant'AndrijaF’ċerti lokalitajiet il-popolarità ta’ dan il-martri tant kienet tiżdied li ċerti individwi kienu jagħżlu li jmorru joqogħdu fl-inħawi tal-madwar. Għaldaqstant, ftit ftit minn naqra ta’ kamra fuq il-qabar tal-martri, il-bini beda jitkabbar sakemm bdew jidhru l-ewwel knejjes. U hekk kif eventwalment il-Knisja kienet tiddikkjara lil dak il-martri bħala qaddis, in-nies kienet taċċettah bil-qalb kollha bħala l-patrun tagħha.

    Biex nikkomparaw ma’ dak li jseħħ illum, nistgħu nħarsu lejn il-patrun tal-Parroċċa tas-Swatar li mhu ħadd ħlief il-qaddis Malti San Ġorġ Preca. Kienet il-Knisja stess li pproponiet lil dan il-qaddis sabiex ikun il-patrun tan-nies tas-Swatar bil-ħsieb li jkun hemm l-ewwel parroċċa ddedikata lilu. In-nies aċċettat bil-qalb kollha u b’hekk huma għandhom l-ewwel qaddis patrun Malti.”

    Imma illum għadu żmien il-kulti u l-patruni?

    “Skont kif tħares lejhom. Biex toqgħod tingħalaq fihom infushom le. Biex toqgħod tintilef u tisħaq illi l-qaddis tiegħek  huwa l-aqwa qaddis, le. Imma biex tagħraf il-messaġġ tagħhom fil-ħajja tiegħek, iva.

    Meta l-Knisja tħeġġeġ għall-kult tal-qaddisin, hija ma tkunx qed tħeġġeġ għall-idolatrija, kif forsi hawn min jakkużaha, imma tkun qed tippromwovi l-fatt li dak li Alla qed joffri lill-bniedem f’Ġesù u fl-azzjonijiet li wettaq darba għal dejjem, tassew jiswa ta’ ġid lill-bniedem, ġid bla qies li jinkiseb fil-ħajja ta’ wara din. Barra minn hekk ix-xhieda ta’ dawn il-qaddisin turi li dan hu possibli u reali u mhux sempliċiment ħolma, teorija jew aljenazzjoni.

    Dan għaliex il-bniedem, ta’ bniedem li hu, għandu bżonn li jibqa’ jiftakar minn fejn ġej twemminu. U permezz ta’ dawn il-qaddisin jista’ jikkontempla u jixtarr għala bniedem kapaċi jkollu kuraġġ biżżejjed biex jagħti ħajtu għal dak li jemmen fih. Illum uħud minna jsibu problema anki biex imorru l-quddies darba fil-ġimgħa. Allura anki bla ma jrid wieħed jistaqsi x’wassal lil dan l-individwu biex ikun daqshekk konvint?Għax kien stramb jew antikwat? Jew forsi għax kien kuraġġjuż?

    Ngħidu aħna Sant’Andrija kif wasal biex jieħu r-riskju kbir li jitlaq ix-xogħol tiegħu bħala sajjied biex imur bħala dixxiplu ta’ Ġesù u jsir sajjied tal-bnedmin? Kien miġnun għax għamilha? Jew ħa riskju m’Alla għax ħajtu ma kellix biss valur għal din l-art imma anki għall-għaqda sħiħa miegħu?Iżda t-twemmin hu dejjem riskju għax dak li joħroġ mill-fiduċja ma tafx fejn għad jieħdok.

    Meta Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja huwa ried jgħaddi messaġġ qawwi ħafna: li xtaq isalva lil bniedem permezz tal-bniedem stess. U l-istess jagħmel permezz tal-qaddisin meta bil-ħila tagħhom jikkonferma Kwadru Sant'Andrija 1illi l-messaġġ tiegħu qed jasal b’mod ċar għand il-bnedmin l-oħra f’kull żmien. Diversi nies li jifhmu dan il-messaġġ jibdew jgħixuh f’ħajjithom u mill-ħajja tagħhom joħorġu bosta tifsiriet pożittivi dwar dak li Alla ried jgħid meta bagħat lil Ibnu fostna. Nistgħu nqabbluhom ma’ speċi ta’ amplifiers li kollha jxandru l-istess messaġġ oriġinali: dak li Alla jridna nkunu parti Minnu u li għalhekk għandna nżommuh fiċ-ċentru ta’ ħajjitna.”

    Kemm hu diffiċli biex wieħed isir qaddis fiż-żminijiet ta’ llum?

    “Kull żmien għandu tiegħu u daqstant ieħor kull qaddis għandu l-istorja partikolari tiegħu. Il-ħajja minn dejjem kellha l-iebes u s-sabiħ tagħha. Il-problema hi fejn inqiegħdu l-aċċenti. Jekk trid tieħu xi ħaġa bis-serjetà fil-ħajja, tkun xi tkun, taf li ser tbati. Personalment aktar milli nimita l-ħajja tal-qaddisin, jiena nippreferi nimita l-attitudnijiet tagħhom.”

    Allura x’inhu l-iskop wara din il-wirja nazzjonali dwar il-Kult ta’ Sant’Andrija?

    “Biex ikollna aktar ħjiel konkret tal-kult ta’ Sant’Andrija f’pajjiżna, kien tassew f’waqtu li anke marbuta ma’ l-1950 sena mill-martirju u d-dħul glorjuż fis-sema ta’ dan l-appostlu, il-Parroċċa ta’ Ħal-Luqa torganizza esebizzjoni fuq skala nazzjonali li titratta l-qima tiegħu hekk kif riflessa fl-arti sagra ta’ pajjiżna.

    Instabet l-għajnuna meħtieġa minn għadd ta’ entitajiet ekkleżjastiċi, kemm dawk Maltin u kif ukoll dawk Għawdxin. Kien hemm ħafna ko-operazzjoni anke min-naħa ta’diversi entitajiet governattivi u minn numru ta’ individwi sabiex b’hekk setgħu jinġabru flimkien taħt saqaf wieħed bosta eżemplari ta’ din id-devozzjoni popolari lejn dan il-qaddis.

    Xi kultant jista’ jkun li naħsbu illi dawn l-affarijiet m’għadux żmienhom jew li mhumiex popolari. Iżda din il-wirja hija prova ċara ta’ kemm għad hawn interess f’dan il-qasam. Inġabru aktar minn 75 oġġett relatat mal-kult ta’ Sant’Andrija. Kien hemm ukoll numru ta’ affarijiet oħrajn li għal raġunijiet varji ma setgħux jinġiebu għal din il-wirja.”

    Lil min għandha tinteressa wirja ta’ dix-xorta?

    “Prinċipalment lid-devoti ta’ Sant’Andrija kemm Maltin u kemm Għawdxin. Imma anki lil min hu dilettant tal-arti jew tal-aspett sagru. Ta’min isemmi illi l-wirja ser tkun qed tinkludi fiha bosta opri Sant'Andrija - xoghol fil-gebelartistiċi u ta’ valur storiku marbuta mad-devozzjoni popolari lejn Sant’Andrija Appostlu fostom xogħolijiet ta’ artisti magħrufa bħal Francesco Zahra, Filippo Dingli, Mariano Gerada, Paolo Camilleri Cauchi, Carlo Darmanin, Pietro Saliba, Giuseppe Calleja, Emanuele Buhagiar, Abraham Gatt, Girolamo Dingli, Wistin Camilleri, Ferdinand Stuflesser (Bolzano), Alfred Camilleri Cauchi, Anton Agius, Publio Magro, Michael Camilleri Cauchi, Paul Aquilina, James Azzopardi u Twanny Ellul.

    Ta’ attrazzjoni speċjali ser ikunu żewġ kwadri importanti ħafna, wieħed ta’ Stefano Erardi li nġab mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-ieħor ta’ Giuseppe Calì li soltu jkun fil-Blue Room tal-Palazz ta’ San Anton.

    Apparti minn dawn wieħed jista’ wkoll jammira għadd ġmielu ta’ statwi kbar u oħrajn fil-minjatura, kwadri, bozzetti, fidda Maltija, ritratti storiċi, rakkmu bi ħjut tad-deheb, inċiżjonijiet antiki u oġġetti oħra relatati mal-kult ta’ dan il-qaddis.

    Il-ħsieb fundamentali kien li nagħtu idea ta’ Sant’Andrija fuq livell popolari u għalhekk flimkien ma’ dawn ix-xogħolijiet ta’ livell għoli inkludejna wkoll statwi żgħar antiki magħmula mit-tafal li xi darba xi ħadd qala’ meta kien għadu tifel żgħir. L-inklużjoni ta’ dawn l-istatwi mhux li jwaqqghu il-livell tal-wirja imma biex verament inkunu nistgħu nirriflettu dwar il-kult li għandu dan il-qaddis.

    Nittamaw illi permezz ta’ dawn l-esebiti, il-poplu Malti u Għawdxi jkompli jitkattar fil-qima u d-devozzjoni lejn l-Appostlu Sant’Andrija waqt li jagħraf japprezza dejjem aktar il-patrimonju kbir li ħallewlna missirjietna.”

    Din il-wirja li ġġib l-isem Regi Similia Passvs li tfisser ‘Sar Jixbħu Sal-Passjoni’ ser tkun qed tittella’ fil-Kappella taċ-Ċentru Parrokkjali, Ħal-Luqa mid-19 sat-28 ta’ Novembru, Il-poster tal-wirja bil-pittura ta' G Cali2010 f’dawn il-ħinijiet: Mit-Tnejn sas-Sibt: mis-6.00pm sad-9.00pm u l-Ħadd: mid-9.00am  sa 12.00pm u mill-5.00pm sad-9.00pm. Id-dħul huwa b’xejn u aktar tagħrif jista’ jinkiseb minn fuq is-sit: www.luqaparish.com

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Novembru 2011)

    2010.11.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • MILIED FIX-XELTER U MEMORJI TAL-GWERRA

    Kultant jiġu drabi meta nħossni qisni x-xbieha ta’ mera mfarrka… persuna waħda b’diversi angoli li kollha jippreżentaw l-istess wiċċ imma fir-realtà l-ebda waħda mhi bħall-oħra. Fil-fatt sikwit insib ruħi niġġieled miegħi nnifsi għax min-naħa inkun naħsibha mod u min-naħa l-oħra nkun nixtieq xi ħaġa oħra. Karattru li kultant jgħejjik saħansitra biex tifhem lilek innifsek imma li fl-istess waqt jimlilek ħajtek b’sens ta’ meravilja għax int stess qatt ma tkun ċerta sa fejn kapaċi tasal u x’kapaċi tagħmel.

    Dawn il-ħsibijiet paralleli jmissu anki ż-żminijiet tal-Milied fejn xi drabi nsibni nifraħ qisni tifla żgħira u f’mumenti oħra jaqbduni nervi kbar. Tferraħħni s-sempliċità, it-tradizzjoni ta’ dan iż-żmien u l-awtentiċità tan-nies li l-Milied tassew jagħnihom b’ferħ speċjali, tant li jmissulek qalbek. Tifliġni l-falsità ta’ min jifraħ bik biss f’dawn il-ġranet u ċ-ċelebrar u l-ferħ sfurzat. Għalkemm anki dis-sena kelli nieħu doża mit-tnejn, qed nirrealizza li did-darba qed ngħix dal-ġranet b’sentimenti oħra. U dawn l-artikli huma l-kawża. Aktar mill-artikli, in-nies li ltqajt magħhom, li bil-perspettivi differenti tagħhom, b’xi mod jew ieħor kollha għallmuni xi ħaġa ġdida li permezz tagħha wassluni biex nifhem aħjar lili nnifsi.

    Għalhekk infittex dak li mhux soltu. Għalhekk did-darba ddeċidejt li nistħarreġ x’inhi dir-rappreżentazzjoni ta’ Milied Fix-xelter li qed itella’ l-pageant group tal-Każin tal-Banda ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ.

    Iltqajt ma’ Brian Bonnici, id-direttur artistiku u l-kittieb tal-iskript ta’ din ir-rappreżentazzjoni u ma’ Tanya Borg, waħda mill-atturi. Xtaqt li l-intervista ssir fil-passaġġi u l-kmamar tax-xelter li jinsab taħt il-Każin ta’ San Filep sabiex b’hekk inkun nista’ nixrob l-atmosfera tal-post. Hekk kif inżilna tlabt lil Brian jispjegali kif bdiet din l-idea u għaliex għażlu li jippreżentaw presepju ħaj ġo xelter?

    “Ħaż-Żebbuġ huwa magħruf ħafna għall-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira imma fil-Milied ftit li xejn kien hawn organizzat. Għaldaqstant xtaqna noħorġu b’idea oriġinali. Għażilna li noħolqu presepju ħaj b’tema tradizzjonali Maltija u bnejna l-istorja tal-Milied fuq karattri tipiċi Maltin. L-isfond ta’ dan ix-xelter mħaffer biex jagħti rifuġju waqt it-tieni gwerra dinjija dehrilna li kien perfett sabiex nieħdu n-nies li jiġu jżuruna lura fiż-żmien meta dawn il-ġranet kienu jiġu ċċelebrati b’mod ħafna aktar sempliċi u ġenwin. Tajna l-ħajja lil xi karattri magħrufa u ħallatnihom man-nies komuni sabiex flimkien dawn ifakkruna fil-messaġġ veru tal-Milied.

    L-ewwel rappreżentazzjoni saret is-sena li għaddiet u s-suċċess li kellna għamlilna l-kuraġġ biex dis-sena nerġgħu ntellgħu oħra. Madanakollu biddilna xi karattri ħalli b’hekk inħajjru jżuruna mill-ġdid anki lil dawk li ġew is-sena li għaddiet.”

    L-oriġinalità hija l-ħin kollu fuq moħħ dal-grupp. Tanya kompliet tispjegali…

    “Għalkemm aħna l-atturi għandna skript fuq hiex nimxu, dan qiegħed hemm biex iservi biss bħala bażi. Tant hu hekk illi l-ebda rappreżentazzjoni ma tkun bħall-oħra. Dan għax aħna nistiednu lin-nies jidħlu magħna fl-interpretazzjoni tal-istorja. Għaldaqstant dawk li jinżlu magħna fix-xelter, apparti milli jsegwu dak li jkun għaddej, jistgħu anki jikkumentaw u jidħlu f’diskursata mal-personaġġi. F’xi drabi l-viżitaturi jkunu saħansitra jistgħu jduqu xi platt minestra magħna jew ibillu griżmejhom b’xi tazza nbid mill-ħanut tax-xorb ġor-raħal ħaj li ser isibu fix-xelter.”

    Brian spjegali kif dan ix-xelter jifforma parti minn xelter kbir li kien ikopri l-arja kollha ta’ taħt il-pjazza…

    “Matul it-tieni gwerra, f’dawn in-naħat telgħu bosta refuġjati speċjalment min-naħa tal-Kottonera u għalhekk kien hawn bżonn kbir ta’ xelters imdaqqsin. L-inżul f’dan ix-xelter minnu nfih huwa esperjenza imma meta fost waħda mill-udjenzi nzertajna mara li snin ilu użat dan ix-xelter bħala rifuġju, għal mument kull min kien hemm baqa’ bla kliem. Qaltilna “X’differenza minn kif kien qabel! Jien hawn inżilt fi żmien il-gwerra u llum ġejt bi skop tant differenti!” Huma dawn l-emozzjonijiet li nkunu nixtiequ nqanqlu.”

    Għall-ewwel ma stajtx nifhem x’kellhom x’jaqsmu l-karattri Maltin fl-istorja tal-Milied u għalhekk it-tnejn ramaw jirrakkuntawli l-iskop tagħhom…

    “In-Naplitani jdaħħlu l-karattru ta’ Pulċinella fil-presepju tagħhom. Għalhekk dehrilna li aħna stajna ndaħħlu lil Ġaħan. Ġaħan jixtieq isib il-vera messaġġ tal-Milied u għalhekk jitilqilha jfittex il-grotta ta’ Ġesu… bil-bieb ikaxkar wara dahru. Minflok it-tlett maġi, daħħalna tlett pijunieri Maltin li kollha nzertaw twieldu ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Niltaqgħu ma’ Mikiel Anton Vassalli li fostom narawh jitlob lil Madonna sabiex tgħin lilu bħala missier l-ilsien Malti u lill-poplu kollu ħalli jagħraf juża’ din il-lingwa b’mod tajjeb u mhux biex jidgħi jew jiddisprezza. Xena oħra turina lil Dun Karm Psaila fil-waqt li qiegħed jispira ruħu bix-xena tal-Milied biex jikteb poeżija tiegħu. Insibu lil Dun Mikiel Xerri jitlob l-għajnuna tal-Omm u l-Iben Mqaddsa sabiex dawn jagħtu l-kuraġġ lill-poplu Malti ħalli ma jibżax jistqarr u jiddefendi twemminu – messaġġ importanti issa li għaddejja din il-kontroversja tat-tneħħija tal-kurċifissi. Ma setax jonqos li ninkludu lil San Ġorġ Preca li kien hu li mexxa t-tradizzjoni tal-Milied f’pajjiżna. Interessanti nsemmi li f’dan ir-rwol konna ffortunati li sibna persuna li jixbaħ ħafna lil San Ġorġ innifsu.”

    Sabiex iħawwru din l-atmosfera nsibu wkoll għadd ta’ karattri oħra bħall-kebbies tal-fanali, il-bejjiegħa tal-ħaxix u l-ħobż, l-iskarpan u s-sewwejja tat-toroq.

    “Kull karattru għandu messaġġ x’jagħti. Jiena li naħdem il-parti ta’ Gejta flimkien ma’ ‘oħti’ Berta nilqgħu lill-viżitaturi u nintroduċuwhom minn xena għall-oħra filwaqt li bejn ċajta u nibxa, nirrakkuntaw kif beħsiebna nqattgħu l-ġranet tal-Milied u b’hekk nitfgħu dawl fuq id-drawwiet ta’ dak iż-żmien.

    Karattru ieħor ser narawh qiegħed jixtri xi kannestri u xkejjer tal-ġwież mingħand il-bejjiegħ tal-ħaxix sabiex bihom jibni presepju kbir. Ikun imbagħad proprju dal-karattru li fl-aħħar tal-mawra fix-xelter jieħu lill-viżitaturi jaraw presepju kbir (madwar 13-il pied b’10) li hu jkun bena.”

    Fil-fatt hekk kif irfist fil-każin, sibt lil Brian mimli żebgħa, qiegħed jirtokka dan il-presepju. Il-binja tiegħu kienet tassew impressjonanti, mhux tas-soltu, mimli għerien u grotot imdaħħla f’xulxin. Brian qalli illi ħadmu fuq l-ambjent tal-widien Maltin…

    “Jien ngħix għall-arti u għall-kultura. Kuntent ħafna illi permezz ta’ din ir-rappreżentazzjoni nistgħu nuru kemm dawn il-ġranet tal-Milied m’għandhomx ikunu ġirja sfrenata biex nixtru r-rigali. Infakkru kemm fis-sempliċità tat-tradizzjonijiet Maltin nistgħu nsibu l-veru ferħ li jġib miegħu l-Milied.”

    Tanya għalqet b’dan il-messaġġ…

    “B’kollox qegħdin mal-40 attur u kultant niżdiedu anki naqra aktar! Is-sena li għaddiet kien hemm min tant ħa gost li ddeċieda li jingħaqad magħna u tajnih rwol fl-istorja wkoll. L-etajiet tagħna jvarjaw minn tfal sa anzjani u kollha naħdmu b’għan wieħed… Għalkemm ir-rappreżentazjoni li naħdmu hija fittizja, il-messaġġ li rridu nwasslu huwa “Moħħkhom hemm! Araw x’inhu l-veru Milied!”

    Il-laqgħa li kelli flimkien ma’ Brian u Tanya tant laqtitni li ġieni l-ħsieb li nkompli nfittex dwar kif kien jgħix il-poplu Malti fiż-żminijiet tal-gwerra u x-xelters. L-għażla tiegħi marret fuq il-kittieb magħruf – Ġorġ Peresso. Xejn xejn kienet skuża biex niltaqa’ miegħu u nsir nafu. Hu aċċetta minnufih. Kelli għatx kbir biex nisma’ x’kellu x’jirrakkuntali. U b’dak il-leħen meqjus u mirqum tiegħu ma ridtx ħafna biex moħħi jara stampa ċara tal-ħajja ta’ dak iż-żmien….

    “Jien twelidt fid-9 ta’ Settembru 1930, f’dawk il-ġranet meta ġiet proklamata l-gwerra. Dakinhar missieri, li kien jaħdem ma’ tal-irmonk, kien qiegħed jitfa’ blokkijiet kbar fil-bajja tal-Mellieħa bi Gorg Peressopreparazzjoni għall-attakki mill-baħar fuq pajjiżna. Naturalment l-ewwel snin ma niftakarhomx imma niftakar lill-familjari tiegħi jirrakkuntaw… Sakemm il-gwerra kienet għadha n-naħa ta’ fuq, bejn l-Ingliżi u l-Franċiżi, f’Malta ma konnix affettwati imma l-preparamenti għaliha xorta bdew fostom bit-tħaffir ta’ bosta xelters. Meta mbagħad Mussolini ssieħeb ma’ Hitler, Malta daħlet b’ruħha u sniena fil-gwerra tant li b’mod immedjat, għall-ħabta tas-7:00am ġejna attakkati mill-ajruplani Taljani.

    Aħna konna ngħixu l-Birgu u għall-bidu missieri ma xtaqtx jitlaq minn hemm ħalli ma jitbiegħedx wisq mill-post tax-xogħol. Imma meta l-Birgu beda jiġi attakkat b’qilla kbira kuljum u l-ħin kollu, ma baqgħatilnix għażla oħra ħlief li ndabbru rasna. Morna noqogħdu man-nanna f’Birkirkara fejn hi kienet refuġjata għand xi ħbieb tagħha.

    Birkirkara ma tantx kienet ibbumbardjata u allura l-aktar li niftakar xi bomba tfaqqa’ ‘l hemm u ‘l hawn. Imma darba waħda waqgħet bomba ħdejn il-Knisja ta’ Santu Rokku, qrib ta’ fejn konna noqogħdu aħna u dakinhar mietu ħafna nies.

    Meta l-gwerra bdiet tiqliel ġieli nqatlu mat-30 persuna kuljum: kien hemm min baqa’ jippersisti li jibqa’ jgħix ġo daru akkost l-attakki kontinwi, oħrajn ma kienux laħqu daħlu fix-xelters, filwaqt li bosta oħra mietu waqt li kienu qed jikkumbattu fuq il-kanuni. Kien hemm uħud li saħansitra mietu waqt li kienu għall-kenn tax-xelters – każ partikolari minnhom seħħ f’Ħal-Luqa meta ntlaqtu ż-żewġ bokok ta’ xelter, infaqgħu xi kanen u n-nies mietu mgħarrqa fih. Illum hemm triq imsemmija għal dan l-avveniment.

    L-1942 kienet l-aktar sena kerha għal Malta b’mod partikolari April meta fostom waqa’ t-teatru rjal, niżlet il-bomba fuq il-Knisja tal-Mosta u ġara l-każ li semmejtlek f’Ħal-Luqa. Kien il-konvoj ta’ Santa Marija li wasal f’Awwissu ta’ dik is-sena li salva lil Malta. Illum li għaddew 50 sena minn dal-ġrajjiet, inħarġu fil-beraħ id-dokumenti tal-gwerra mill-uffiċċju tal-Ingilterra fejn fihom ġie żvelat illi Malta kienet waslet biex iċċedi lill-Italja għax ma kelliex biex tkompli tissielet. Għall-kuntrarju ta’ kif ħafna jaħsbu, illi l-Maltin salvaw għax il-konvoj ipprovdiena bl-ikel, fir-realtà dan għenna billi ġab miegħu ukoll numru ta’ armamenti, bombi, petrol, fuel u spare parts għall-ajruplani. Minn Malta imbagħad tħejjiet l-invażjoni fuq Sqallija u hekk kif dawn ma setgħux jużaw aktar l-ajruporti tagħhom, Malta ma baqgħetx issofri aktar attakki. Kultant kien jersaq jattakkana xi ajruplan Ġermaniż imma nistgħu ngħidu illi mal-1943 l-gwerra mill-ajru f’Malta kienet spiċċat.”

    Meta nisma’ dawn il-ġrajjiet insibha diffiċli biex nemmen li pajjiżna għadda minn dan kollu… sakemm nitla’ l-Belt u nsib ma’ wiċċi t-teatru rjal għadu mfarrak s’issa! Imma meta wieħed jgħix ġrajjiet bħal dawn x’iħallu fil-fond ta’ qalb bniedem?

    “Tħalla fija s-sens favur il-paċi u d-diplomazija. Tnisslet ukoll fija ċertu biża’ mid-djar imġarrfa…

    Niftakar li meta kelli madwar sebgħa snin, morna lura fil-Kottonera. Ma stajnix immorru noqogħdu l-Birgu għax dan kien sar ħerba waħda. Minflok morna ngħixu Bormla, n-naħa ta’ Santa Margerita. Issa kont kbir biżżejjed biex nifhem li kien hemm gwerra. Li ma konnix nafu kien li hemmhekk konna qed ngħixu fuq numru ta’ bombi mhux sploduti, tant li darba ħarġuna minn djarna għax sabu waħda! Għalkemm ma kontx imdejjaq ngħix f’Bormla, l-ambjent tat-tifrik kien jimpressjonak. Kull fejn tħares djar imwaqqa’, ċnagen, terrapien, djar mill-isbaħ b’faċċata biss u wara vojt. Ma’ nista’ ninsa qatt dik is-sensazzjoni ta’ biża’ hekk kif tħares minn ġo tieqa ta’ xi dar li fi żmienha kienet mill-ifjen u tara l-qamar jittawwallek minn bejn il-ħitan tal-kmamar tagħha bla saqaf. Id-dehra ta’ dar bla saqaf kienet tħawwadni wisq!

    Bħalissa qed tiġini f’rasi l-purċissjoni tal-Milied li kienet titlaq minn ħdejn id-dar tal-Mużew bil-fanali jixegħlu u l-kliem tal-Verbum Dei Caro Factum Est mixgħula wkoll. Qed nismagħna nkantaw kant sabiħ tal-Milied filwaqt li għaddejjin bejn it-toroq kollha mħaffra u d-djar imġarrfa. Dik l-innoċenza tal-Milied imħallta mal-kruha tat-tiġrif tal-gwerra għadha f’moħħi daqs xena b’kuntrast minn xi film tal-waħx.”

    Is-sens tat-tiġrif ħalla mpressjoni kbira fuq il-ħajja ta’ Ġorġ. Imma xorta waħda kellu rakkont ħelu x’jirrakkuntali relatat ma’ dan…

    “Akkost li kont nibża’, l-kurżità kienet tegħlibni u flimkien ma’ sħabi kont immur nesplora xi dar abbandunata. Għadhom jiġu quddiem għajnejja sa llum iz-zukklatura mpinġija u l-fuklar bil-madum taċ-ċeramika li darba sibna ġewwa dar li fi żmienha kienet tas-sinjuri. Hawnhekk iddeċidejna li nibnu palk tal-ġebel u konna nagħmlu t-teatrin. Jum minnhom tawni parti fejn kelli nadura alla falz u quddiemi ġabuli ritratt sabiħ ta’ Doris Day!”

    Aktar ma bdejna nitħaddtu, aktar bdew jitqanqlu l-memorji…

    “Għandi storja ħelwa oħra li tkexkek fl-istess ħin. Mela meta tkun żgħir tibda tisma’ l-kbar jitkellmu u ma tantx tifhem x’inhu jingħad. Meta mbagħad tikber, kollox jibda jieħu postu u tara stampa aktar ċara. U hekk sirt naf min kienu Hitler u Mussolini. Darba minnhom fit-triq tagħna smajthom jgħidu li kienu ser jgħallqu lil dawn it-tnejn u beżgħan kif ukoll kurjuż mort narahom. Minn ġol-gallerija ta’ dar nofsha mwaqqgħa kienu qed iniżżlu b’ħabel żewġ trajbi. Fuq il-ħwejjeġ tagħhom in-nies spjegawli li wieħed kellu miktub Hitler u l-ieħor Mussolini. Hekk kif dendluhom in-nies ramat iċċapċap, tidħak u twaddbilhom l-affarijiet. Bdiet ħierġa l-frustrazzjoni tan-nies, anki ta’ dawk li forsi għall-ewwel kienu emmnu li t-Taljani kienu ser jitfgħawlna l-fjuri u mhux il-bombi. Ngħid is-sew jien dak il-ħin tħassarthom lil dawk iż-żewġ mgħallqa għax ma ndunajtx li kienu pupi tat-tiben. Mort maħsud id-dar u kif ktibt fil-ktieb li għadni kemm ħriġt ‘It-Tifel tan-Nanna’ hekk kif ommi fehmitni x’kien ġara u min kienu dawk iż-żewġ individwi, dik kienet l-ewwel u l-aħħar darba li tħassarthom.”

    Ġorġ għażel li jagħlaq b’dan il-kliem…

    “Meta sirt abbati fil-Knisja ta’ Santa Tereża fil-Milied kont ninżel ngħin il-quddiesa ta’ nofs il-lejl. Kont noqgħod nixxennaq biex xi darba nagħmel dik il-priedka sakemm darba għamiltha. Wara l-quddiesa l-fra kien jagħtina torta żgħira, tajba ħafna, tal-marmorata bil-bambin tax-xemgħa fuqha. Kumbinazzjoni l-mara tiegħi Isabella fil-Milied tagħmel din it-torta u b’hekk mingħajr ma taf qegħdha tkompli din it-tradizzjoni marbuta ma’ tfuliti.”

    Bla dubju issa aktar tħajjart immur inżur din ir-rappreżentazzjoni tal-Milied Fix-xelter. U hekk kif ser inkun qed insegwi dak li l-atturi ser jippreżentawli, m’għandix għalfejn nitħasseb aktar jekk hux ser nixrob l-atmosfera tal-post!

    Kull rappreżentazzjoni tieħu madwar 20 minuta u titlaq minn ħdejn il-bieb tal-Każin ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ. Il-pubbliku jista’ jattendi għalihom f’dawn il-ġranet u l-ħinijiet: illum il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2009 mill-10:00am sa 12:00pm u mill-5:00pm sat-8:00pm. Mit-Tnejn 28 sal-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2009 mis-6:00pm ‘l quddiem. F’każ li jkun hemm gruppi li jixtiequ jorganizzaw żjara, inkluż għat-turisti, jistgħu jċemplu fuq 79270400 jew email fuq pageantgroupstphilip@gmail.com. Id-dħul huwa bla ħlas imma donazzjoni tkun apprezzata.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Diċembru 2009)

    2009.12.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi