Posts Tagged ‘Birzebbugia’

  • IL-PURĊISSJONI TA’ SAN GIRGOR: TRADIZZJONI JEW FIDI?

    Nhar l-Erbgħa li ġej, fiż-Żejtun, issir il-purċissjoni tradizzjonali ta’ San Girgor. Bħala Żejtunija, jiena trabbejt f’din it-tradizzjoni. Kienet tkun l-hena tiegħi nattendi għaliha, aktar u aktar meta gew għala widnejja bosta ġrajjiet u leġġendi li hemm marbuta ma’ din il-purċissjoni u mal-knisja antika ta’ San Girgor. Niftakar li meta skoprejt li kien hemm passaġġi sigrieti f’din il-knisja, ma qgħadtx bi kwieti qabel irnexxieli nidħol fihom u nara b’għajnejja x’kien hemm mistur fis-silenzju ta’ wara dawk il-ħitan antiki ta’ dik il-knisja. Flimkien magħkom il-qarrejja, xtaqt naqsam din il-ġrajja antika. B’dan il-għan, tkellimt mal-Kanonku Dun Joe Abela, li bħali għandu għal qalbu ħafna r-raħal taż-Żejtun u t-teżori tiegħu…

    Kif bdiet il-purċissjoni ta’ San Girgor?

    Dari kien hemm ħafna teoriji dwar kif bdiet din il-purċissjoni. Meta fl-1575 il-Monsinjur Pietru Dusina żar iż-Żejtun u staqsa lin-nies tal-post meta u għaliex bdiet din il-puċissjoni, l-anzjani Żwieten qalulu Dun Joe Abela illi din kienet ilha teżisti s-snin.  Dwar għaliex kienet issir, min qal ħaġa u min oħra. Min sostna li darba kien hemm maltempata kbira u peress li ma saritx ħsara fin-naħat taż-Żejtun, saret din il-wegħda. Oħrajn qalu li dak iż-żmien flotta Torka li kienet ġejja tattakka lil Malta, ġiet meqruda proprju permezz ta’ dil-maltempata u allura bdiet issir din il-purċissjoni bħala ringrazzjament. Diversi minn dawn it-teoriji fil-fatt insibuhom miktubin f’numru ta’ kotba. Madankollu xi ftit tas-snin ilu, il-Patri Dumnikan Dun Mikiel Fsadni irnexxielu jiskopri meta bdiet din il-purċissjoni u għaliex. Sab din l-informazzjoni waqt li kien qiegħed jagħmel riċerka f’xi dokumenti tal-Kurja.  Fil-fatt din il-purċissjoni votiva kien ordnaha l-Isqof Cubelles fl-1543 (ftit snin qabel l-Assedju l-Kbir) bħala talba lil Alla biex issaltan il-paċi fost in-nazzjonijiet Ewropej fi żmien ta’ periklu kbir. F’dak iż-żmien wegħdi ta’ pellegrinaġġi simili kienu komuni ħafna.

    Min kien jipparteċipa fil-purċissjoni?

    Fiż-żminijiet imbiegħda meta bdiet, ftit li xejn kien ikun hawn festi u ċelebrar. Qabel lanqas il-baned ma kienu jeżistu. Waqt festa, kienet issir quddiesa kantata u purċissjoni qasira, jekk kienu jagħmlu, u daqshekk. Għaldaqstant il-festa ta’ San Girgor kienet waħda kbira u importanti. Eluf ta’ nies kienu jinġabru għal dan il-pellegrinaġġ li għalih kienu jieħdu sehem il-kleru kollu u l-fratellanzi kollha ta’ Malta. Mas-sebħ fl-Imdina kien jiġi sparat tir u minn hemm kienu jitilqu l-Monsinjuri bil-mixi. Kienu jaslu l-ewwel sal-Marsa u mbagħad Ħal-Tarxien. Fl-istess ħin, mill-parroċċi kollha ta’ Malta, kienu jitilqu l-Kleru, l-qassisin u l-patrijiet – kollha bl-ilbies u bl-istandardi partikolari tagħhom. Kienet festa mill-ikbar, l-akbar festa ta’ Malta. Tant kienet ikkunsidrata din il-festa f’dawk iż-żminijiet, illi fil-kitba taż-żwieġ, l-għarus kien iwiegħed lill-għarusa li kien ser jeħodha għall-festa ta’ San Girgor u għal dik tal-Imnarja. Barra minn hekk, fl-inħawi taż-Żejtun matul it-triq li minnha kienet tgħaddi l-purċissjoni, nbnew numru ta’ palazzi u djar mill-isbaħ mis-sinjuri ta’ dak iż-żmien biex dawn ikunu jistgħu jgawdu din il-festa tradizzjonali. Tnejn minn dawn huma ‘Casa Perellos’ li nbniet mill-Gran Mastru Ramon Perellos u dak li llum huwa magħruf bħala ‘Juventutis Domus’ li kien inbena mill-Isqof Ferdinando Mattei. Eluf ta’ nies kienu jaslu ftit ftit saż-Żejtun u ż-Żwieten kienu tgħallmu jaqalgħu biċċa ħobż tajba billi kienu jippreparaw l-ilma u l-ikel għall-bejgħ u l-banketti u s-siġġijiet għall-kiri. Wara li nbniet il-knisja parrokkjali li hemm illum, kif kienu jaslu quddiemha, il-fratellanzi kienu jbaxxu l-istandardi u kienet teżisti d-drawwa biex wieħed jara min kien kapaċi jniżżel l-istandard ‘l isfel l-aktar. Aktarx dawn kien ikollhom xi tfajla qed tinnutahom fil-folla  li mbagħad kienu jħajjruha biex tiżżewwiġhom. Hemmhekk kienu jkantaw l-antifona ta’ Santa Katerina u mbagħad kienu jibqgħu sejrin sal-Knisja ta’ San Girgor biex jagħmlu l-quddiesa – dik li għadha ssir sal-lum. Il-quddiesa jqaddisha l-Kantur li huwa dak il-Monsinjur li jieħu ħsieb il-kant. Anki din it-tradizzjoni għadha tinżamm sal-lum. Interessanti li nsemmi illi l-pożizzjoni ekkleżjastika tal-Kantur oriġinarjament kien inizzjaha l-Konti Ruġġieru meta niżel f’Malta fl-1090. L-armi tal-kanturi kollha, bl-ewwel waħda tibda fis-sena 1372, huma mpittra fis-sagristija. Il-Kantur li għandna bħalissa huwa Monsinjur Vincenzo Borg minn Birkirkara.

    X’differenza hemm bejn il-purċissjoni ta’ dari u dik ta’ llum?

    Differenza kbira! Imma l-bidla fil-purċissjoni ma saritx mill-lum għal għada. L-importanza tagħha tnaqqset matul iż-żminijiet. Oriġinarjament din il-purċissjoni kienet issir fit-12 ta’ Marzu li kienet il-Il-portiku romaneskġurnata tal-festa ta’ San Girgor Papa. Imma dan kien jaħbat waqt ir-Randan, żmien ta’ penitenza kbira f’dawk iż-żminijiet u naturalment ix-xalar ma kienx hemm postu. Kien għalhekk illi d-data tal-purċissjoni tressqet għall-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid. Fis-sena 1622 il-purċissjoni kellha tiġi trasferita peress li kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-preċedenza tal-parroċċi waqt il-purċissjoni. Aktar tard fl-1926, l-Isqof Mawru Caruana beda jinnota illi dak li kien beda bħala pellegrinaġġ ta’ talb, in-nies kienet biddlitu f’xalata ħdejn il-baħar. Għalhekk iddeċieda li jqassar u jissimplifika din il-purċissjoni u ordna illi ma kellhomx jibqgħu jieħdu sehem il-parroċċi kollha. Setgħu jipparteċipaw biss l-Isqof, il-Mosinjuri u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat li kienet l-ewwel Fratellanza ta’ Malta. Barra minn hekk, it-triq tal-purċissjoni kellha tibda minn Ħal-Tarxien. Bi speċi ta’ tpattija minħabba dan it-tnaqqis, huwa iddedika l-parroċċa l-ġdida ta’ Tas-Sliema lill-Papa San Girgor il-Kbir. Sa ħamsin sena ilu, jien ilħaqtha titlaq minn hemm. Imma darba minnhom għamlet ix-xita u ddeċidew li dakinhar il-purċissjoni kellha tibda minn San Klement fiż-Żejtun stess. Minn dakinhar ‘l hawn il-purċissjoni ta’ San Girgor baqgħet tibda minn San Klement, jitkantaw xi salmi, jidħlu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fejn titkanta l-antifona ta’ Santa Katerina, jimxu sal-Knisja ta’ San Girgor, ikantaw il-miserere tlett darbiet u ssir quddiesa.

    Illum x’parteċipazzjoni jkun hemm f’din il-purċissjoni?

    Illum din il-purċissjoni kważi spiċċat fix-xejn. Saret biss xalata. Fil-fatt ftit li xejn ikun hemm nies isegwuha. Illum in-nies aktar ikun moħħhom fl-ikel, fix-xalar u fl-ewwel għawma ġo Marsaxlokk. Fil-purċissjoni għadhom jieħdu sehem l-Arċisqof, numru ta’ Monsinjuri, ftit seminaristi u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat. Nixtieq insemmi illi numru ta’ Żwieten li għandhom għal qalbhom din il-purċissjoni, inkitbu fil-Fratellanza tar-Rabat sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jieħdu sehem. Għall-quddiesa, il-Knisja ta’ San Girgor tkun mimlija. Turisti ftit li xejn ikun hemm peress illi l-purċissjoni tgħaddi fi ftit minuti kollox u allura l-aġenziji turistiċi ma jarawx xi importanza fiha.

    Għaliex intagħżlet il-knisja antika ta’ San Girgor għal din il-purċissjoni?

    Proprjament din il-knisja hija ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixandra. Hija magħrufa bħala Ta’ San Girgor minħabba din il-purċissjoni. Jingħad li meta l-Isqof Cubelles beda dan il-pellegrinaġġ, ried isib l-Knisja ta' San Girgoraktar parroċċa imbiegħda mill-Imdina sabiex it-triq tkun waħda twila. U b’hekk ġiet magħżula din il-knisja li dak iż-żmien kienet il-Parroċċa taż-Żejtun.

    L-arkitettura tal-Knisja ta’ San Girgor tixhed l-antikità tagħha. Uħud jgħidu li għandha d-dehra ta’ fortizza. Ġieli serviet funzjonijiet oħra minbarra dawk pastorali?

    Oriġinarjament il-Knisja ta’ San Girgor inbniet bħala knisja għall-ħtiġijiet pastorali. F’dokumenti li saru fl-1436 mill-Isqof Senatore de Mello din il-knisja kienet diġà tissemma bħala l-Parroċċa taż-Żejtun L-arkitettura minn ġewwa tal-Knisja ta' San Girgorideddikata lil Santa Katerina. Din il-knisja ma nbnietx f’daqqa. Żiedu fuqha matul iż-żminijiet skont il-ħtieġa. Bdiet bħala kappella żgħira biex isservi l-inħawi kollha tax-Xlokk: iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Ħal-Għaxaq, Birzebbugia u Marsaxlokk. Meta mbagħad ġew il-Kavallieri, ftit ftit ġabu l-prosperità f’pajjiżna billi kienu jħaddmu n-nies u billi kienu jieħdu ħsieb is-sanità u s-saħħa tal-poplu Malti. Għalhekk il-popolazzjoni bdiet tikber u kulħadd bena l-parroċċa tiegħu. Fl-istess ħin, il-knisja ta’ San Girgor bdiet titkabbar ukoll. Fl-1545 il-Konċilju ta’ Trento ordna illi l-knejjes Insara kellu jkollhom il-forma ta’ salib ruman u hekk il-knisja ta’ San Girgor ħadet il-forma kif nafuha illum.

    L-arkitettura tal-knisja tirrifletti ż-żminijiet differenti li nbniet fihom. Il-koppla ta’ San Girgor hija fost l-aktar koppli antiki li jeżistu fil-knejjes Maltin. Aspett sabiħ ħafna, stil romanesk, jidher fil-ħnejjiet ġejjin daqsejn għall-ponta bix-xorok iduru magħhom.  Il-kappelluni bi stil gotiku bil-bsaten telgħin mill-art li jaqsmu s-saqaf min-naħa għall-oħra f’erbgħa biċċiet, huma bellezza.  Fl-artal maġġur u fl-artali l-oħra ta’ San Girgor u tal-Karmnu insibu stil Barokk li kien popolari ħafna fi żmien il-Kavallieri. Il-ħlewwa tal-portiku rumanesk tikkuntrasta bil-kbir mal-binja massiċċa ta’ wara li tagħti d-dehra ta’ fortizza. Għalkemm din il-knisja qatt ma kienet fortizza, hija serviet ta’ ħolqa importanti fid-difiża ta’ Malta billi kienet tintuża’ bħala post ta’ osservazzjoni mis-suldati Knisja f'għamla ta' fortizzatad-Dejma. Il-knisja ta’ San Girgor damet isservi ta’ knisja parrokkjali mat-300 sena, bejn wieħed u ieħor sal-1708, meta mbagħad kien hemm il-parroċċa l-ġdida. Għamlet żmien mitluqa, tant li l-Isqof Davide Cocco Palmieri ried iwaqqagħha biex jieħu l-ġebel tagħha. Fortunatament l-ordni tiegħu ma ngħatatx widen. Aktar tadd il-knisja għamlet żmien isservi bħala post fejn is-sajjieda kienu jerfgħu x-xbieki tagħhom u wkoll fejn il-knisja parrokkjali kienet terfa’ xi statwi. Fis-snin meta l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi, din il-knisja serviet ukoll ta’ sptar peress li dak li kien hemm fil-belt Valletta kien f’idejn il-Franċiżi nfushom. Fl-aħħar gwerra, il-knisja serviet ukoll bħala post ta’ rifuġju għal dawk l-għadd ta’ familji li ħarbu mill-Kottonera. Jien niftakru ċar dak iż-żmien. Minn xi għaxart elef ruħ, fiż-Żejtun konna noqogħdu sittax-il elf. Kulħadd kien ġabar xi familja miegħu. Niftakar li missieri kien daħħal żewġ familji joqogħdu magħna. Uħud bdew joqogħdu fil-każini, oħrajn fid-Domus u l-bqija proprju f’din il-knisja. Niftakar lil Knisja ta’ San Girgor maqsuma bil-lożor. Familja kienet toqgħod ġo kaxxa mdawwra bi tlett lożor! Ta’ min jgħid li din il-knisja fi żmien l-assedju l-kbir, kienet intużat ukoll kontra l-Maltin stess meta din ġiet maħtufa mit-Torok li kienu ħadu taħt idejhom dawk l-inħawi.

    X’tgħidilna dwar il-passaġġi sigrieti li hemm ġewwa din il-knisja?

    Meta kont tifel jien, kien hemm l-għidut illi madwar il-koppla tal-Knisja ta’ San Girgor, kien hemm passaġġi sigrieti li fihom kien hemm midfunin xi nies li kienu qatlu t-Torok u ħallewhom hemm. Kien Il-fdalijiet umani fit-tielet kuridurjingħad illi darba minnhom, it-Torok kienu laħqu telgħu sewwa lejn iż-Żejtun sakemm il-Maltin indunaw bihom. Min seta’, telaq kollox u ħarab lejn l-Imdina. Imma xi oħrajn, li kienu jafu bil-passaġġi sigrieti, telgħu jistaħbaw fihom bit-tama li joħorġu wara li jgħaddi kollox. Iżda ġara, li kif soltu kienu jagħmlu, dawn il-kursara daħlu wkoll fil-knisja u ndunaw bil-Maltin mistoħbija hemm fuq u mbarrawhom hemm. Meta ż-Żwieten l-oħra ġew lura, dawn kienu laħqu mietu u peress li kienu ilhom sewwa mejtin, l-iġsma ta’ dawn l-imsejkna tħallew hemm. Dari, dawn l-invażjonijiet f’dawk l-inħawi kienu spissi u sikwit kienu jħallu ħerba sħiħa warajhom. Kitba fuq pilastru ħdejn l-altar maġġur tfakkar kif f’wieħed minn dawn l-attakki li sar fl-1614, it-Torok għamlu ħsara konsiderevoli lil din il-knisja. Il-Misilmin kienu jisirqu kull ma jiġi għal idejhom u jkaxkru lin-nies tal-inħawi magħhom biex jeħduhom bħala skjavi. Kienu jiġu bix-xwieni mill-Afrika u l-ewwel ma kienu jsibu quddiemhom kienu l-bajjiet ta’ San Tumas, ta’ Wied il-Għajn, ta’ Birzebbugia u dik ta’ Marsaxlokk li kollha kienu faċli ħafna biex titla’ minnhom. Il-passaġġi sigrieti nbnew biex jintużaw bħala lok ta’osservazzjoni għal dawn is-sibbien ħalli minnhom jingħata l-allarm lill-bqija ta’ Malta. Il-passaġġi sigrieti kienu biss leġġenda sakemm darba minnhom fl-1969, is-sagristan tal-knisja, Ġan Marì Debono, kien qiegħed iħalleb il-bejt minħabba x-xita. Dan innota li kien hemm ġebla għolja li ma kienx jaf x’inhi u ddeċieda li jaqlagħha. Hekk kif fetagħha ra ħafna dlam u tħasseb hemmhekk fejn kien jiġi. Dak il-ħin stess, mar iġib xemgħa u niżel fl-ispiera mudlama. Hemmhekk isib tlett kuriduri u fihom kien hemm għadd ta’ skeletri mxerrda. Fil-ħitan, imbarrati bil-ġebel, instabu wkoll ħames fetħiet li tlieta minnhom kienu jagħtu fuq ir-Ramla ta’ San Tumas u Wied il-Għajn u t-tnejn l-oħra, fuq Marsaxlokk u Birżebbugia. Mal-iskeletri nstabu wkoll żewġ muniti żgħar, il-fdalijiet ta’ salib Biżantin u biċċa xibka li kienet tintlibes fuq is-sider taħt il-kurrazza.

    X’importanza kienet ingħatat is-sejba ta’ dawn il-passaġġi sigrieti?

    Uuu. X’agħa kienet qamet! Il-gazzetti faru kollha bl-aħbar u kienu għamlu propoganda kbira. Kien ħareġ illi l-leġġenda tal-passaġġi sigrieti kienet realtà imma li dawn ma kienux madwar il-koppla imma mibnija ġol-ħitan massiċċi tal-kappellun tal-lemin. Niftakar li kemm l-Isqof Gonzi u kif ukoll il-Gvernatur kienu żaru l-knisja u anki daħlu fil-passaġġi sigrieti, fost diffikultà kbira dak iż-żmien. L-istudjużi ippruvaw jiddataw l-għadam li nstabu. Imma dak iż-żmien ma setgħux joħorġu konklużjonijiet peress li ħareġ li l-fdalijiet kienu ilhom wisq esposti għall-arja. Id-dati fuq il-muniti ma kienux baqgħu jingħarfu. Imnaqqxa fid-daħla tal-passaġġi, instabet ukoll id-data 1909. Huwa evidenti li dawn il-passaġġi kienu diġà nstabu darb’oħra. Jista’ jkun li f’dak iż-żmien, meta ntlemħu l-iskeletri, beżgħu li setgħu kienu xi fdalijiet ta’ xi mejtin bil-pesta u l-passaġġi reġgħu ingħalqu minnufih.

    X’ġara minn dawn l-iskeletri u x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar din is-sejba?

    L-iskeletri li nstabu fil-passaġġi sigrieti ġew impoġġija fuq in-naħa ta’ wara tat-tielet kuridur. Il-fdalijiet li nstabu magħhom qegħdin esposti kollha ġo kamra fil-knisja ta’ San Girgor stess. Nistqarr li lili din il-ġrajja tan-nies magħluqa hemm ġew mit-Torok, ma tantx tinżilli. Ma nistax nifhem kif fiż-żmien meta n-nies kienu jiġu ppersegwitati tant mit-Torok, ma ħadu xejn magħhom biex jiddefendu ruħhom. Ma nemminix dit-teorija u hemm oħrajn li jaħsbuha bħali. Diffiċli kif ma sibna kważi xejn li xejn mal-iskeletri. Jiena aktar naħseb illi l-passaġġi għamlu żmien jintużaw bħala ossarju u li dawk l-iskeletri tpoġġew hemmhekk biex jagħmlu spazju lil xi oħrajn li kienu jindifnu taħt il-qiegħa tal-knisja.

    Innutajt li mal-ħitan tal-Knisja ta’ San Girgor hemm ukoll għadd ta’ graffiti b’dati antiki magħhom. X’tikkummenta?

    Iva. Il-ħitan miżgħuda bihom għalkemm sfortunatament maż-żmien, dawn qed jintilfu wieħed wieħed. Graffiti partikolari huma dawk tal-istilla ta’ David maqsumha bi vleġġa. Donnu kien hemm xi Graffiti ta' xini ta' żmien is-seklu 17moviment anti-semitiku kontra l-Lhud. Irridu niftakru li fiż-żminijiet tan-nofs, il-Lhud kienu jiġu ppersegwitati ħafna mill-Insara. Hemm ukoll numru ta’ graffiti ta’ xwieni b’dati li jmorru lura għas-sbatax-il seklu. Dawn kienu jkunu wegħdi li kienu jagħmlu s-sajjieda meta kienu jeħilsu minn xi għawġ fuq il-baħar. Dawk is-sajjieda li ma kienx ikollhom flus biżżejjed biex jagħtu xi għotja lill-knisja, kienu minflok jonqxu x-xwieni tagħhom fuq wiċċ il-knisja bħala devozzjoni.

    Il-Knisja ta’ San Girgor hija teżor storiku. Taħseb li hija rikonoxxuta biżżejjed u li qed tingħata l-protezzjoni li jixirqilha?

    Daqs tlett snin ilu sar restawr tajjeb ħafna lil din il-knisja u nħossni kuntent ħafna bix-xogħol li sar. Taf x’nixtieq? Li jiġi rranġat iz-zuntier li hemm madwarha. Il-ġebel ittiekel ħafna, tant li ġie perikoluż immens biex timxi fuqu speċjalment meta jkun imxarrab.

    Il-purċissjoni ta’ San Girgor flimkien mal-istorja antika tal-knisja innifisha huma wirt storiku tagħna l-Maltin kollha.  Imma llum din il-purċissjoni temmen li għadha sinjal ta’ fidi jew tradizzjoni?

    Illum kollox sar jieħu l-forma ta’ spettaklu u kollox jiġi ridott f’xalata. Naħseb li ftit huma dawk li għadhom iqisu din il-purċissjoni bħala xi mezz ta’ penitenza jew ta’ talb. Fil-fatt il-Knisja stess ma tantx għadha tagħfas ħafna fuq purċissjonijiet u ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Jiena stess, illum sirt nemmen illi jekk irrid nitlob sewwa, aħjar ninġabar f’post għall-kwiet milli nieħu sehem f’purċissjoni bħal din. Iż-żminijiet jinbidlu.

    Allura taħseb li m’għadx fadal aktar skop li tibqa’ ssir il-purċissjoni ta’ San Girgor?

    Le. Mhux qed ngħid hekk. Wegħda solenni hija wegħda. U jiena nemmen  li din il-purċissjoni għandha tibqa’ ssir għax hija wegħda li l-poplu għamel ma’ Alla. Wegħda għandha tinżamm għal dejjem.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 t’April 2009)

    2009.04.12 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi