Posts Tagged ‘Carenet’

  • TAĦRIĠ FIL-KURA TAS-SAĦĦA TAL-ANZJANI U D-DIMENSJA

    “Li kieku kont naf li ser ngħix daqshekk, kont nieħu ħsieb tiegħi nnifsi ħafna aħjar,” stqarr Mickey Mantle (1931 – 1995). “Matul ħajti kollha ġejt mgħallem kif nista’ mmut, imma qatt ħadd ma ħarriġni f’kif nixjieħ,” irrealizza Billy Graham li llum jgħodd it-93 sena. “Iż-żmien tax-xjuħija hija l-iktar ħaġa mhux mistennija li tista’ qatt tiġri lill-bniedem,” kiteb fid-djarju tiegħu Leon Trotsky (1879 – 1940) waqt li kien fl-eżilju. Irridu jew ma rridux, iż-żmien tax-xjuħija xi darba jew oħra ser jasal fuqna lkoll, għalkemm ngħiduha kif inhi, hemm min jibqa’ ma jaċċetta qatt dan il-fatt … “Għalija, iż-żmien tax-xjuħija huwa dejjem ħmistax-il sena aktar milli għandi jien,” ikkummenta Bernard M. Baruch 1870–1965.

    Il-bidu ta’ dan ix-xahar kien dedikat lill-anzjani u għalhekk kien tassew opportun meta waqt xi riċerka li kont qed nagħmel, iltqajt ma’ ktieb relatat li laqgħatni ferm – 100 women, 100 stories. Fih kienNathalie Briffa Farrugia hemm ir-rakkonti personali ta’ 100 mara li jgħixu fi djar differenti tal-anzjani f’Malta. Kull ġrajja qasira kienet bħal ritratt li jkopri snin sħaħ ta’ ħajja ta’ bniedem. Ħassejt li l-ktieb innifsu kien teżor etnografiku msejjes fuq il-kultura, l-istorja u t-tradizzjonijiet ta’ dawk l-anzjani li għoġobhom jaqsmu mal-qarrejja din l-informazzjoni direttament minn fommhom. Ma kellix dubju li ktieb bħal dan, kellu ħafna aktar warajh. U ma mortx imqarrqa! Infatti, meta ltqajt ma’ Nathalie Briffa Farrugia li hija l-moħħ wara dan il-ktieb u s-CEO ta’ CareMalta Group Ltd. u ma’ Charlo Bonnici li huwa l-HR u l-Marketing Manager tal-kumpanija, sibt ruħi wkoll niddiskuti l-qasam tal-anzjani u dak li qiegħed isir bħalissa biex jitjieb dejjem aktar is-servizz u l-kura li jingħatawlhom.

    “Illum hemm kategoriji differenti ta’ anzjani. Fejn fl-antik individwu ta’ 60 sena kien jingħadd bħala anzjan, illum wieħed tal-istess età jitqies bħala relattivament żgħir fis-settur tal-anzjani. Infatti nistgħu ngħidu li l-anzjani ta’ llum jitqassmu f’kategoriji li jibdew minn 60 sa 75 sena, għal 75 sa  85 sena u minn 85 sena l-fuq. Iżda xorta waħda ma tista’ qatt titfa’ lil kulħadd fl-istess keffa sempliċiment minħabba l-eta tiegħu,” fehmuni t-tnejn. “Ngħidu aħna riċentement tkellimna ma’ anzjana ta’ 100 sena li ċertament timpressjonak f’kemm għadha ċara fi ħsibijietha u fil-memorja tagħha. Sfortunatament imbagħad tiltaqa’ ma’ anzjani ferm iżgħar fl-età li minħabba l-kundizzjoni tad-dimensja lanqas jibqgħu jagħrfu lill-aktar għeżież qrib tagħhom.”

    Insistew li l-għarfien dwar il-kundizzjonijiet differenti li jistgħu jolqtu lill-anzjani tagħna huwa kruċjali mmens kemm għal min qiegħed jieħu ħsieb l-anzjani u kif ukoll għall-anzjani nfushom biex ikunu jistgħu jgħixu livell ta’ ħajja aħjar.

    “Kien b’dan il-għan li ddeċidejna li nħarrġu lill-istaff kollu ta’ CareMalta u mhux lill-care-workers biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-għarfien dwar il-bżonnijiet tal-anzjani. Ħassejna li peress li kulħadd b’xi mod jew ieħor ikun f’kuntatt ma’ l-anzjani li qegħdin fid-djar tagħna, kien ser ikun siewi li dawn isiru jafu aktar dwar dak li jistgħu jkunu għaddejjin minnu dawn l-individwi. Għalhekk introduċejna l-ħaddiema tagħna wkoll mas-sitwazzjonijiet li jgħixu l-anzjani li jbatu bid-dimensja u spjegajnilhom aktar dwar ir-realtà tal-ħajja ta’ dawn il-persuni, fejn uħud minnhom saħansitra jkunu qed jgħixu f’dinja għalihom, bosta drabi f’perjodi meta kienu ħafna iżgħar fl-età. Dan għen biex il-ħaddiema jkollhom attitudni aħjar ma’ dawn il-persuni hekk kif issa bdew jifhmu aħjar ir-raġunijiet wara ċertu mġieba. Setgħu jirrikonoxxu aktar per eżempju ċertu mumenti diffiċli jew partikolari li dawn l-anzjani jkunu għaddejjin minnhom: bħal ta’ dak l-anzjan li l-ħoss tal-lift tiela’ u nieżel beda jfakkru fil-gwerra u joħloqlu anzjetà kbira jew bħal ta’ dik l-anzjana li hekk kif rat libsa ħamra mixħuta fuq siġġu ftakret fil-libsa l-ħamra li darba kellha hi meta kienet żagħżugħa u f’dak il-ħin emmnet li kienet ferm iżgħar u telqet tiġri meta fir-realtà bilkemm kienet tiflaħ timxi.”

    Kien għalhekk ukoll li l-kumpanija CareMalta ħasbet biex toffri Outreach Programmes għal dawk li qegħdin jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-komunità.

    “Aħna nemmnu li l-anzjani aktar ma jgħixu fil-komunità tagħhom jkun ħafna aħjar għalihom għax bosta drabi l-bidla għall-ambjent ġdid toħloq skumdità fil-bniedem sakemm jidra l-post l-ieħor. Fl-istess ħin nafu wkoll illi dawk li jkunu qed jerfgħu r-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-anzjani, bosta drabi jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet u għalhekk ikollhom bżonn min jiggwidahom aħjar. Sikwit dawn il-laqgħat jolqtu kategoriji ta’ nies differenti. Ngħidu aħna fil-laqgħat li għamilna dwar id-dimensja attendew ukoll individwi li xtaqu biss jinfurmaw ruħhom dwar dan l-istat tal-ħajja u l-bidliet li jġib miegħu. Resqu wkoll għal dawn il-laqgħat ċerti anzjani stess li riedu jkunu mgħarrfa aħjar dwar dak li jista’ jinqala’ aktar il-quddiem.

    Sfortunatament ċertu kundizzjonijiet iġibu ħafna tbatija, kemm fl-individwu nnifsu li jintlaqat u anki fil-familjari li jkunu jridu jieħdu ħsiebu. Kultant ninnutaw kemm hu diffiċli li l-familjari jammettu li xi qarib tagħhhom qed ibati bid-dimensja, b’mod speċjali s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom, li ma jkunux jistgħu jaċċettaw dak li l-individwu affetwat ikun għaddej minnu. Ġieli anki bejn l-ulied stess tal-persuna jibda jinħoloq id-diżgwid: b’xi wħud minnhom jintebħu bis-sinjali minn kmieni mentri l-oħrajn jibqgħu jassiguraw ruħhom li f’dik l-età huwa mistenni li l-anzjani jibdew jinsew ċerti affarijiet u jġibu ruħhom b’tali mod.

    Nisħqu li l-għarfien dwar din il-kundizzjoni huwa l-aktar arma importanti anki minħabba l-fatt illi jekk tinqabad fil-bidu tagħha, fil-preżent jeżistu mezzi kif wieħed inaqqas kemmxejn l-effetti tad-dimensja. Għaldaqstant bi ftehim ma’ numru ta’ kunsilli lokali, aħna qed immorru f’diversi postijiet sabiex inwasslu taħriġ u informazzjoni dwar xi oqsma tal-anzjani, fosthom dwar id-dimensja, lil dawk li qed jieħdu ħsieb lil xi anzjan fil-komunità tagħhom. S’issa dawn il-laqgħat saru fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħad-Dingli, il-Mellieħa, tas-Sliema, fil-Vittoriosa, fil-belt Valletta u f’San Lawrenz u x-Xagħra f’Għawdex. Il-laqgħat isiru mingħajr ħlas għal dawk li jattendu peress li jiġu sponsorjati mill-kunsilli lokali”

    Is-suċċess li kellhom permezz ta’ dawn il-programmi wasslu lill-kumpanija biex taħseb biex toffri wkoll korsijiet li jħarrġu individwi fil-qasam tad-dimensja.

    “Il-Magister Academy hija l-post fejn il-kumpanija toffri t-taħriġ tagħha. Għall-ewwel darba din is-sena ser inkunu qed noffru dan il-kors li tfassal u ġie liċenzjat lilna mis-City and Guilds u anki ġie kkonfermat mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni. Infatti CareMalta ser tkun waħda fost l-ewwel entitajiet fid-dinja li ser tkun qed tiftaħ dan il-kors. Il-kors ħa jkun imqassam f’żewġ partijiet: l-ewwel parti li tibda f’Ottubru se tkopri s-sezzjoni tad-Diploma in Awareness of Dementia, filwaqt li f’Jannar tkompli t-tieni parti li twassal għal Certificate in Dementia. L-attendenza għal dan il-kors hija ta’ darbtejn fil-ġimgħa mis-2:00pm sal-5:00pm. Ta’ min jiċċara li wieħed jista’ jagħżel li jattendi għall-kors kollu jew għall-ewwel parti biss.“

    Nathalie spjegatli kemm huwa importanti li jitħarrġu l-ħaddiema fil-qasam tad-dimensja speċjalment meta r-rata tal-anzjani li qed ibatu minn din il-kundizzjoni qiegħda dejjem tiżdied. Fl-istess ħin infurmatni illi dan il-kors mhux maħsub biss għal dawk li jixtiequ jaħdmu f’dan il-qasam.

    “Aħna qed nagħmlu dax-xogħol għax nemmnu li apparti li qed noffru servizz, qegħdin ukoll nikkontribwixxu lejn is-soċjetà, għax la l-ġenerazzjoni tagħna qed tixjieħ, naturalment ħa jkollna bżonn aktar nies imħarrġa f’dan il-qasam. Bħalissa f’Villa Messina, aħna għandna sezzjoni speċjalizzata fid-dimensja magħrufa bħala Marigold Unit fejn in-neċessitajiet ta’ dawk li għandhom din il-kundizzjoni jistgħu jiġu indirizzati bl-aktar mod professjonali. Iżda l-viżjoni tagħna hija li f’kull dar tal-anzjani jkun hemm diviżjoni speċjali tad-dimensja ħalli b’hekk inkunu nistgħu nilqgħu aktar nies li jkollhom bżonn l-għajnuna tagħna. Naturalment dan ifisser li ser ikollna bżonn aktar nies imħarrġa f’dan il-qasam. Madanakollu hemm uħud li jattendu għal dan il-kors minħabba li jkunu qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-familja u jkunu jridu jafu aktar dwar dan is-suġġett. Oħrajn jagħżlu dan il-kors bħala parti mill-formazzjoni edukattiva tagħhom.”

    Fl-istess żmien, CareMalta se tkun qed toffri wkoll kors tas-City and Guilds li jwassal għal Diploma fil-Kura tas-Saħħa. Waqt id-diskussjoni tagħna ħareġ illi dawk li jlestu b’suċċess dan il-kors, ikunu kkunsidrati biex jaħdmu bħala care-workers mal-kumpanija.

    “Anki dan il-kors huwa diviż f’żewġ partijiet u mis-sena li għaddiet, kull min japplika għal dan il-kors qed jiġi offrut ukoll li jattendi għal traineeship fejn wieħed apparti t-teorija, jkun jista’ jieħu wkoll esperjenza ta’ dan ix-xogħol. Forsi tajjeb li niċċaraw li dawn l-individwi jkunu qed jaħdmu fid-djar tagħna fis-shifts normali tax-xogħol. Biex it-taħriġ ikun aktar effettiv, dawn l-individwi jkollhom il-moniteraġġ ta’ mentor li jkun qiegħed jara li x-xogħol qiegħed jitwettaq kif suppost. Finalment, dawk li jlestu l-kors b’suċċess jistgħu jiġu offruti kuntratt ta’ xogħol ma’ CareMalta.”

    Id-diskors dar għal fuq il-ktieb 100 women, 100 stories, li minnu bdiet l-idea għal din l-intervista. Kelli kurżità dwar x’wassal għall-pubblikazzjoni tiegħu?

    “85% tal-ħaddiema ta’ CareMalta huma nisa u għalhekk il-kumpanija f’Jum il-Mara dejjem torganizza attività sabiħa fejn il-ħaddiema nisa  jkollhom l-oppotunità li jiltaqgħu kollha flimkien. Ġara li s-sena li100 women, 100 stories għaddiet, hekk kif konna miġburin, qsamt ħsibijieti ma’ sħabi fejn urejthom bl-idea tiegħi li noħolqu xi ħaġa biex is-sena ta’ wara nkunu nistgħu niċċelebraw b’mod speċjali ċ-ċentinarju ta’ dan il-Jum. Kelli ħafna ideat, fosthom li niġbru 100 ritratt tan-nisa li għandna fid-djar tagħna jew li niġbru 100 storja tagħhom. Janet Silvio, waħda mill-managers tagħna ħatfitni fil-kelma u għarrfitni li kienet lesta li tieħu ħsieb hi dan il-proġett.

    Matul sena sħiħa hija ltaqgħet ma’ 100 mara differenti li lkoll irrakkuntawlha mumenti mqanqla minn ħajjithom. Janet innifisha stqarret li dawn kienu mumenti maġiċi li fasslu esperjenza li mhi ser tinsa qatt hekk kif ftit ftit il-ktieb beda jinbena. Kien mezz kif nagħtu ġieħ lil dawn l-anzjani tagħna billi niġbru tifkiriethom u naqsmuhom mal-oħrajn sabiex ma jintesewx. Meta l-ktieb kien lest, kien mument intensiv u sabiħ ferm għal dawk kollha li kienu nvoluti. Diffiċli tinsa r-reazzjoni ħelwa tal-100 anzjana li taw sehemhom f’dan il-ktieb, hekk kif ġurnata minnhom laqqgħajnihom u tajnihom kopja kull wieħed ta’ dan il-ktieb. Kienu kburin ħafna bih u hekk kif kull storja ngħatat isem partikolari, ridt tara l-entużjażmu u l-kurżità ta’ kull waħda minnhom, hekk kif bdew iqallbu l-paġni tal-kotba biex jaraw il-ġrajja tagħhom x’ġiet intitolata!

    Nemmen li dan il-ktieb huwa parti mir-rikkezza tal-kultura Maltija hekk kif juri biċ-ċar dak li għaddew minnu dawn in-nisa u l-familji tagħhom matul iż-żmienijiet. Tara l-esperjenzi sbieħ tagħhom u d-diffikultajiet li għaddew minnhom u titgħallem tirrispetta l-kuraġġ li ħafna għexu bih. Personalment minn dawn il-ġrajjiet innutajt li dawk in-nisa li f’żogħżithom qasmu r-responsabbiltà tax-xogħol ma’ żwieġhom u allura kienu kemmxejn aktar indipendenti, mal-milja taż-żmien, hekk kif dawn sabu ruħhom weħidhom għax is-sieħeb tagħhom ġie nieqes, kienu kapaċi jfendu ħafna aktar minn dawk li dejjem iddependew mir-raġel fil-ħajja tagħhom. 100 women, 100 stories huwa ktieb miktub b’mod sempliċi ħafna imma li jolqtok. Huwa ħolma tiegħi li saret realtà. Bla dubju għandu jinteressa lil dawk il-familjari kollha ta’ dawn il-mitt anzjana imma mhux biss. Hemm ħafna x’wieħed jista’ jieħu minnu.”

    CareMalta toħroġ ukoll rivista bl-isem ta’ Carenet fejn fiha jkun hemm għadd ta’ artikli interessanti dwar diversi oqsma tal-anzjani, fosthom dwar id-dimensja. Kull min huwa interessat li jirċievi l-ħarġa li jmiss, li ser toħroġ f’Jannar/Frar li ġej, għandu jikkuntattja lill-kumpanija fuq 22584200. Aktar tagħrif dwar il-korsijiet jista’ jinġabar ukoll minn CareMalta Group Ltd, The Three Arches, Valletta Road, Mosta jew permezz tal-email: info@caremalta.com, inkella mill-website www.caremalta.com

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-16 t’Ottubru 2011)

    2011.10.16 / no responses / Category: Torca - Perspettivi