Posts Tagged ‘Ċentru Kulturali taċ-Ċina’

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (Is-7 Parti) Ħarsa lejn l-arti Ċiniża

    Bħalissa, is-settur tal-arti fiċ-Ċina huwa wieħed mill-aktar dinamiċi, hekk kif l-artisti Ċiniżi qed jerħulha jesploraw u jimirħu f’orizzonti differenti sabiex jippruvaw jesprimu r-rwol ġdid li għandu pajjiżhom fid-dinja. Dawn ix-xogħolijiet artistiċi varji jinstabu mxerrda madwar iċ-Ċina kollha f’diversi distretti popolari tal-arti, f’numru ta’ galleriji artistiċi u f’bosta mużewijiet.

     Permezz ta’ dan l-artiklu, jiena se niddeskrivilkhom dawk l-inħawi li żort f’Pekin u Shanghai li huma relatati ma’ dan il-qasam.

     751D Park – Pekin

     Kont immaġinajt li ż-żjarat tagħna f’Pekin kienu ser ikunu kollha marbutin mal-istorja. Għaldaqstant kienet tassew sorpriża interessanti meta ġejna akkumpanjati f’dan iċ-ċentru ta’ arti kontemporanja.

    Sa ftit tas-snin ilu, din il-medda art b’qies ta’ 40,000 metru kwadru, kienet tifforma parti minn żona industrijali. Madanakollu, riċentement, din ġiet trasformata f’post iddedikat kollu kemm hu għall-arti u ngħatat l-isem ta’ 751D Park.

    Xoghol ta' Liu Fei - An enchanting warL-arkitettura distinta ta’ stil Bauhaus irnexxielha tisfuma b’mod armonjuż mal-karattru l-ġdid li ngħata lil dawn l-inħawi fejn issa wieħed isib numru ta’ galleriji tal-arti, swali tal-esebizzjonijiet, ħwienet tal-kotba, ristoranti u kafetteriji.

    Għalkemm m’inix xi waħda li nifhem wisq fl-arti, nistqarr illi l-ħin li qattgħajt f’dan il-lwog sabiex nesplora dawn ix-xogħolijiet artistiċi, fetħuli tieqa oħra fuq iċ-Ċina li minnha stajt nixtarr aħjar lil dan il-pajjiż u l-kultura tiegħu. Infatti, kull post li dħalt fih offrieli l-opportunità li nosserva, napprezza u nixtri kreazzjonijiet bi stili tassew uniċi u b’disinji oriġinali ta’ immaġinazzjoni bla tarf.

    Fosthom, laqtitni ħafna l-esebizzjoni artistika ta’ Liu Fei li kienet iġġib l-isem ta’ An Enchanting War. Fiha, l-artist ippreżenta l-perċezzjonijiet tiegħu dwar il-gwerer futuri filwaqt li kkontempla dwar kif dawn ser jiġu miġġielda. Għamel dan permezz ta’ kreazzjonijiet li jżommuk fil-post tħares lejhom, l-aktar hekk kif hu esprima d-disprezz u l-kritika tiegħu lejn il-gwerra permezz ta’ ġmiel u kruha ironiċi u li jaħsdu.

    Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti – Pekin

     Dan il-mużew hu ddedikat għall-kollezzjonijiet, għar-riċerka u għall-esebizzjonijiet ta’ xogħolijiet artistiċi moderni u kontemporanji li jsiru fiċ-Ċina. Għalkemm il-bini tiegħu nbeda fl-1958 u nfetaħ għall-pubbliku fl-1963, l-istil arkitettoniku tiegħu tfassal fi stil tradizzjonali Ċiniż hekk kif dan jinkludi fih kurituri, paviljuni u saqaf imżejjen b’madum ta’ lewn safrani.

    L-artista Liu Xia biswit ix-xogħol taghha fil-Muzew Nazzjonali tal-ArtiFil-wisgħa ta’ 18,000 metru kwadru, dan il-mużew għandu fih 17 il-sala tal-esebizzjoni mqassma fuq 5 sulari. Fil-kollezzjonijiet tiegħu jħaddan aktar minn 100,000 biċċa xogħol artistika, li l-biċċa l-kbira tagħhom inħadmu minn artisti mill-aqwa matul perjodi differenti li jkopru s-snin mill-aħħar tas-seklu 19 sa llum.

    Mit-twaqqif tiegħu, dan il-mużew organizza eluf ta’ esebizzjonijiet artistiċi li jirriflettu l-iżvilupp tal-arti Ċiniża. Kull sena, dawn l-attivitajiet jiġbdu miljuni ta’ viżitaturi lejn dan il-post u b’hekk dan iservi wkoll bħala vetrina għall-artisti involuti.

    Waqt iż-żjara tagħna f’dan il-post, fost ix-xogħolijiet esebiti, kien hemm il-wirja Beautiful China: Call of Humanism, liema attività tax-xorta tagħha kienet qed issir għall-ewwel darba. Infatti, f’din l-esebizzjoni kien hemm 200 biċċa xogħol artistika għall-bejgħ u l-flus li kienu ser jinġabru minnha, kienu ser imorru biex jgħinu lill-eluf ta’ persuni li jbatu minn xi diżabbilità. Fatt interessanti kien li fost ix-xogħolijiet għall-bejgħ, kien hemm uħud li kienu maħduma minn artisti rinomati ferm imħallta ma’ oħrajn ta’ livelli differenti, fosthom anki ma’ ta’ artisti u kalligrafi li kellhom xi diżabbilità.

    M50 – Shanghai

     Din iż-żona artistika li tikkonsisti minn għadd ta’ galleriji u spazji għall-esebizzjonijiet, tinsab f’50 Triq Moganshan, Shanghai, imma ħafna jirreferu għaliha bħala M50.

     Sa ftit tas-snin ilu, din il-lokalità ċentrali kienet tifforma parti minn fabbrika tat-tessuti iżda wara li din l-industrija ngħalqet, ftit ftit bdew jinġibdu għadd ta’ artisti lejn dan il-post minħabba li kien qed jinkera bi prezz baxx. Kien fis-sena 2000 meta daħlu l-ewwel artisti sabiex jesponu xogħolijiethom f’dawn l-inħawi. Illum M50 inbidlet f’kumpless kollu kemm hu ddedikat lill-arti.

    Xogholijiet tal-arti fid-distrett M50Ċertament hawnhekk, dawk li japprezzaw l-arti għandhom fejn jintilfu bl-għażla tassew varja ta’ ideat u xogħolijiet, kemm f’dik li hi skultura u kif ukoll pittura. F’dan il-lwog, wieħed spiss ikollu ċ-ċans ukoll li jiltaqa’ mal-artisti nfushom u li jixtri x-xogħolijiet direttament minn għandhom. Il-prezzijiet ivarjaw ħafna: jibdew minn tassew irħas u jibqgħu telgħin sa somom pjuttost esorbitanti. Madanakollu, jekk wieħed ikun kapaċi jinnegozja prezz tajjeb, jaf imur lura d-dar b’xogħol tassew uniku u sabiħ.

    Għalkemm viżwalment din iż-żona ma tolqotx wisq l-għajn, wieħed m’għandux joqgħod lura milli jikkunsidra li jiddedika ftit ħin biex jevalwa dak li jista’ jsib fiha. Infatti wħud mix-xogħolijiet kapaċi jkunu interessanti u provokanti qatiegħ, b’numru minnhom mogħnija wkoll b’natura ribelli.

    Esebizzjoni artistika tal-pittur Heping – Malta

     L-għan prinċipali ta’ din is-sensiela ta’ artikli huwa li nxennaq lill-poplu Malti biex isir jaf aktar dwar il-kultura taċ-Ċina u niesha. Għaldaqstant, fejn nara li hemm l-opportunità li l-Maltin iduqu dak li nkun ktibt dwaru f’pajjiżna stess, jiena nħossni obbligata li ninforma lill-qarrejja bih.

     Fil-fatt, bħalissa, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena Ċiniża, fil-gallerija artistika taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina li jinsab f’173, Triq Melita, Valletta, qed tittella’ esebizzjoni ta’ xogħolijiet li saru mill-pittur famuż Ċiniż Heping.

    Heping huwa bbażat f’Shanghai u bħalissa huwa jservi bħala għalliem fl-Istitut tal-Moda, l-Arti u d-Disinn ta’ Dunghua University. Huwa jifforma parti mill-ġens Naxi; li huwa wieħed mill-minoritajiet etniċi li jinsabu ċ-Ċina.

    F’dawn l-aħħar snin, Heping żviluppa lingwa artistika ġdida sabiex permezz tagħha jittrażmetti l-karattru etniku u s-sengħa tradizzjonali tiegħu. Din il-linja artistika tinvolvi taħlita għanja ta’ pittura u kalligrafija li finalment tiġi espressa f’xogħol modern b’tema astratta.

    Xoghol artistiku ta' HepingIx-xogħolijiet ta’ Heping huma magħrufa għall-użu distint tal-kulur u għall-linji maħżuża li flimkien jikkontribwixxu xogħol mhux konvenzjonali li għalkemm jirrifletti ċertu loġika, jinħakem ukoll minn passjoni qawwija. Fuq kollox, is-saħħa ta’ din l-arti tinsab fit-taħlita tal-elementi artistiċi tal-Lvant u tal-Punent li jagħmlu dawn ix-xogħolijiet attraenti għal diversi individwi madwar id-dinja.

    Heping jistqarr li jinteressaħ ħafna l-bniedem u li għalhekk kull xogħol tiegħu jirrappreżenta individwu minn Shanghai: il-belt fejn trabba’ u tgħallem u l-post li għadu sa llum jinfluwenzah ħafna. Huwa jħobb joħloq illustrazzjonijiet li jissimbolizzaw id-dinja moderna urbana li teżisti f’ambjent li l-ħin kollu jinbidel. Madanakollu, huwa jara li jispjega dan kollu billi juża kemm jista’ s-sempliċità.

    Fil-fehma tiegħu, akkost li ż-żmien ta’ llum huwa miżgħud b’għadd ta’ informazzjoni u attivitajiet, min-natura tiegħu, il-bniedem jibqa’ jfittex li jissimplifika l-affarijiet ta’ madwaru sabiex jassorbi u jifhem aħjar. Fil-fatt Heping jissuġġerixxi illi dan it-tiftix għas-sempliċità jinħoloq proprju sabiex jinstab bilanċ mal-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum.

    Intant, jekk wieħed jifli x-xogħolijiet ta’ dan l-artist, spiss se jilmaħ forom astratti imma sempliċi li bihom huwa jrid jiddeskrivi l-perċezzjoni ikkondensata tiegħu tas-suġġetti umani li jpinġi f’kultura urbana u immaġni metropolitana.

    Għal aktar informazzjoni dwar din il-wirja li se ddum miftuħa sal-5 ta’ Marzu 2015, wieħed jista’ jċempel liċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta fuq 21 225 055.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-22 ta’ Frar 2015)

    2015.02.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (1 Parti) Il-Belt Ipprojbita

    Il-pjazza Taihe Dian.JPGIl-kontenituri tal-bronz li kienu jintlew bl-ilma.JPG

    Il-lijonessa fil-pjazza tal-Kancell tal-Armonija Suprema.JPGIl-foss ta' madwar il-Belt Ipprojbita.JPG

    Riċentement, bħala rikonoxxenza għal numru ta’ artikli li ktibt fit-Torċa dwar iċ-Ċina, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta rrakkommanda lill-Ministeru Kulturali f’Beijing sabiex jistedinni nżur lil pajjiżhom. U f’ħin bla waqt, sibt ruħi naqta’ xewqa kbira li kelli li nara liċ-Ċina u li nsir naf aħjar lil niesha.

    Tlajt iċ-Ċina flimkien ma’ erbgħa Maltin oħra: Anna Maria Gilson mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, il-fotografi Wistin Baldacchino u Mary Attard, u l-artista Ray Axiaq. Qattgħajna tnax il-ġurnata mill-isbaħ niskopru l-bliet ta’ Beijing u Shanghai. Il-ġranet għaddew bħal ħolma u mn’Alla li ħadt kwantità kbira ta’ ritratti u ta’ filmati, għax kieku ma kontx nemmen li kont tassew hemmhekk.

    Dokumentarju u Esebizzjoni Artistika dwar iċ-Ċina

    Meta rritornajna lura Malta, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’pajjiżna talabna nagħmlu preżentazzjoni lill-membri tiegħu sabiex naqsmu magħhom l-esperjenza tagħna.

    Jiena pproduċejt dokumentarju ta’ madwar siegħa bl-isem Travelogue: The Colours of China li issa jista’ jiġi segwit fuq Youtube permezz ta’ dan il-link: https://www.youtube.com/watch?v=HlHIDVjYzGQ

    Min-naħa l-oħra, sħabi tellgħu esebizzjoni ta’ ritratti u xogħolijiet artistiċi fil-Gallerija tal-Arti taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina li jinsab f’173, Triq Melita l-Belt. Din il-wirja bl-isem ta’ Chinoiserie II se ddum miftuħa sad-9 ta’ Jannar 2015.

    Ħafna minn dawk li jafuni u partikolarment dawk li qatt ma żaru liċ-Ċina, ħajjruni sabiex nikteb sensiela ta’ artikli dwar din l-esperjenza tiegħi. L-Editur Prinċipali tat-Torċa, Sandro Mangion, laqa’ mill-ewwel din il-proposta u għalhekk, minn din il-ġimgħa, se nkun qed naqsam magħkom dak li jiena skoprejt waqt iż-żjara tiegħi fiċ-Ċina.

    Id-daħla tal-Belt Ipprojbita

    Iddeċidejt li niddedika l-ewwel artiklu lill-Belt Ipprojbita…. Kont ilni s-snin naqra u nara d-dokumentarji dwarha. Imma nassigurakhom li hekk kif sibt ruħi fil-wesgħa ta’ quddiem id-daħla prinċipali tagħha li ġġib l-isem ta’ Wumen jew Il-Kanċell tal-Meridjan, bqajt bla kliem. Għaldaqstant, nista’ nimmaġina x’kienu jħossu dawk il-priġunieri tal-gwerra li kienu jinġiebu f’dan il-post sabiex jiġu ppreżentati lill-Imperatur jew dawk l-imsejkna li kienu jingħataw il-piena kapitali proprju f’dan il-lwog.

    L-ogħli tal-binja ta’ din id-daħla jilħaq it-38 metru u infatti hija l-ogħla struttura fil-Belt Ipprojbita. Nistqarr li bla ma trid, tħossok imċekken ħdejn dak il-kobor kollu u hekk kif tibda ddawwar rasek u tilmaħ ħames torrijiet jgħassu fuqek minn kull naħa, bilkemm jagħtik li titniffes. U dan meta għadek barra….

    Il-funzjoni ta’ din il-belt

    Il-Belt Ipprojbita kienet tintuża bħala l-Palazz Irjali minn fejn l-imperaturi kienu jamministraw il-pajjiż u wkoll jgħixu flimkien mal-familji tagħhom fi żmien id-Dinastiji Ming u Qing. Infatti, għal madwar 500 sena, hija serviet bħala r-residenza ta’ 24 imperatur sakemm finalment Aisin Gioro Puyi, l-aħħar imperatur tad-Dinastija Qing, abdika fl-1911.

    Din il-belt bdiet tinbena fl-1406 mill-Imperatur Chengzu tad-Dinastija Ming u ħadet 14 il-sena biex tlestiet. Ħadmu fuqha mal-100,000 tekniku u miljuni ta’ ħaddiema. Dan il-kumpless inbena mill-injam u huwa l-akbar wieħed tax-xorta tiegħu fid-dinja.

    Intuża wkoll għadd ta’ rħam abjad li nġieb minn Fangshan li jinsab fil-limiti ta’ Beijing u anki ammont kbir ta’ granit mill-Provinċja Hebei. F’dawk il-perjodi, ma kienx faċli biex dan il-materjal jitwassal sa dan il-lwog minħabba li ma kienx jeżisti l-makkinarju adatt. Madanakollu, iċ-Ċiniżi rnexxielhom iwettqu dan il-proġett grandjuż billi ġarrew il-ġebel fuq rombli tal-injam matul l-istaġun tas-Sajf, filwaqt li fl-istaġun bikri tax-xitwa, huma ħaffru bjar kull nofs kilometru u minnhom tellgħu l-ilma li kienu jxerrdu mal-art sabiex dan isir silġ u jżerżqu l-ġebel fuqu.

    9,999.5 binja

    L-art li nbient fuqha din il-belt tkopri l-arja ta’ 720,000 metru kwadru u għandha forma rettangolari. Fuqha nbnew palazzi, paviljuni, pjazez u ġonna mill-ifjen u b’kollox, wieħed isib 9,999.5 struttura fejn l-iżgħar waħda, tesa’ biss taraġ tal-injam.

    M’hemmx 10,000 struttura minħabba li f’dak iż-żmien, iċ-Ċiniżi kienu jemmnu li l-imperatur alla Hade kellu dan l-ammont ta’ kmamar fil-Palazz tal-Ġenna u għalhekk l-imperatur ta’ din l-art, li kien meqjus bħala ibnu, b’rispett, ma setax ikollu palazz kbir daqs ta’ missieru. Ta’ min isemmi li dawn il-kmamar kollha kienu maħsuba biex itawwlu kemm jista’ jkun il-ħajja tal-imperatur.

    Il-kobor ta’ din il-belt

    Matul is-snin, partijiet mill-Belt Ipprojbita ġew restawrati jew mibnija mill-ġdid iżda t-tqassim oriġinali tagħha dejjem inżamm. Fil-fatt, l-istrutturi tagħha nbnew b’mod ordnat fuq ass ċentrali li jaqsam bejn il-parti tat-tramuntana u dik tan-nofsinhar. Dawn il-partijiet jirriflettu il-filosofija tradizzjonali tal-yin u l-yang u tal-Ħames Elementi filwaqt li jindikaw ukoll il-ġerarkija fewdali.

    Ħitan ta’ 10 metri jdawwru l-belt kollha u f’kull kantuniera wieħed isib torri tal-għassa. Foss wiesgħa 52 metru mimli bl-ilma, jdawwar dawn il-ħitan fuq in-naħa ta’ barra sabiex b’hekk dan il-lwog ikun protett aħjar.

    Mhux ta’ b’xejn li jingħad li dan il-lwog huwa wieħed mill-aktar imfittxija mit-turisti għax qatt ma rajt daqstant nies ta’ kull pajjiż deħlin f’post wieħed f’ħajti! Infatti, f’ħin minnhom saħansitra ltqajna ma’ grupp turisti Maltin. Iżda ħaġa tal-iskantament, din il-belt tant hi kbira, li jirnexxielha tibla’ lil kulħadd ġewwa fiha bla ma tintela’ qatt.

    L-akbar pjazza fil-Belt Ipprojbita hija Taihe Dian u għandha arja ta’ 30,000 metru kwadru. Fiha għadek issib ammont ta’ kontenituri kbar tal-bronż li kienu jimtlew bl-ilma bħala protezzjoni kontra n-nar. L-ilma kien jiġi provdut permezz ta’ xmara li ġiet mgħoddija minn naħa minnhom tal-palazz. Fl-istess ħin, din ix-xmara kienet tilqa’ fiha wkoll l-ilma li kien jinġabar fil-post wara xi ħalba xita, apparti milli kienet isservi wkoll bħala dekorazzjoni arkitettonika, l-aktar minħabba l-pontijiet sbieħ li trikkbu fuqha.

    Min-naħa l-oħra, fi pjazza magħrufa bħala l-Kanċell tal-Armonija Suprema wieħed isib il-binja li quddiemha l-imperatur kien iħaddem il-poter tiegħu, itella’ ċerimonji u jilqa’ l-ministri tiegħu. Hawnhekk, wieħed isib ukoll l-ikbar statwi ta’ par iljuni fil-belt kollha fejn l-iljun maskili għandu ballun taħt idejh filwaqt li dik femminili tidher tilgħab ma’ ferħ ta’ ljun.

    Is-sagrifiċċji u l-pjaċiri tal-imperatur

    Fatt kurjuż huwa illi f’din il-belt, wieħed isib ukoll il-Palazz tal-Astinenza, magħruf hekk minħabba li fih l-imperatur kien jinġabar matul il-perjodu meta huwa kien ikollu jsum għal tliet ijiem qabel iwettaq iċ-ċerimonja sagrifikali lis-sema u lill-art.

    Naturalment, l-imperatur kellu wkoll lok għall-pjaċiri, fosthom id-dritt għall-ammont kbir ta’ konkubini li kienu jgħixu ġewwa din il-belt. Dawn il-konkubini kienu jkunu tfajliet sbieħ li jintagħżlu biex jagħtu gost bil-preżenza tagħhom lill-imperatur. Iżda mhux kull konkubina kienet torqod b’mod regolari mal-imperatur, tant li kien hemm min minnhom jesperjenza dan darba f’għomru jew qatt! Il-bużillis kien li ġaladarba tfajla tkun konkubina, f’każ li l-imperatur ma jieħux grazzja magħha, din kienet titwarrab f’rokna tal-belt u tiġi njorata, iżda ma titħalla qatt tiżżewweġ lil ħaddieħor! L-uniku skop ta’ dawn il-konkubini kien li jirnexxielhom ikollhom wild mill-imperatur għax b’hekk huma kienu jitilgħu ‘l fuq fil-ġerarkija u jiżdidilhom il-poter tagħhom. Infatti dik il-konkubina li binha jirnexxielu jilħaq imperatur wara l-mewt ta’ missieru kienet saħansitra ssir l-Imperatriċi Armla.

    Miljun oġġett prezzjuż

    Minħabba l-kobor enormi ta’ din il-belt, mhux possibbli li taraha kollha iżda ċertament għajnejk għandhom biżżejjed fuqhiex jitpaxxew b’dak li tilħaq tara. L-irfinar tad-diżinji fl-injam tal-binjiet u d-dekorazzjonijiet b’kuluri mill-isbaħ huma meravilja fihom infishom. Daqstant ieħor huma sbieħ l-oġġetti li l-kmamar huma mżejjna bihom.

    Meta din il-belt kienet għadha tiffunzjona, ħadd ma seta’ jidħol fiha mingħajr permess u għalhekk hija magħrufa bħala l-Belt Ipprojbita. Imma wara li ntemmet id-Dinastija Qing, fl-1925, dan il-lwog ġie stabbilit bħala mużew tant li llum hemm min isibu wkoll bħala l-Mużew tal-Palazz. Intant, minn din il-belt, inġabru madwar miljun oġġett prezzjuz li ġew esebiti fis-swali tagħha. Dawn jikkonsistu f’oġġetti maħduma mill-bronż u mill-fuħħar, arti u tradizzjonijiet tad-Dinastiji Ming u Qing, arloġġi, tpinġijiet, skulturi u teżori oħra.

    Fl-1961 din il-belt kienet waħda mill-lwogi li ntagħżlu biex jiġu kkonservati u preservati bħala parti mill-wirt kulturali tal-pajjiż. Fl-1987, il-UNESCO għarrfitu bħala Wirt Kulturali Dinji.

    Il-Ġnien Imperjali

    Fuq in-naħa ta’ wara tagħha, din il-belt tinkludi wkoll il-Ġnien Imperjali li fih kienu jistrieħu l-Imperatur u l-familja tiegħu flimkien mal-konkubini.

    Hemm madwar 20 struttura ġewwa dan il-ġnien, fosthom paviljuni, kmamar, torrijiet u swali. Kollha ghandhom l-istil distint tagħhom u kollha ġew mibnija b’mod simmetriku u f’ordni ta’ ġerarkija.

    Għadd ta’ pjanti u siġar tħawwlu f’dan il-lwog, b’uħud minnhom evidentement illum jgħoddu żmien żemżem. Inbniet ukoll vaska sabiex tinħoloq atmosfera ta’ serenità u paċi.

    Barra minn hekk, f’naħa minnhom, issawwret għolja artifiċjali bil-blat tal-Għadira Taihu. Fin-nofs tagħha ġie ffurmat għar, mentri fil-ġnub ttellgħu turġien li jwasslu sal-quċċata. Hemmhekk l-imperatur flimkien mal-familja tiegħu kienu jitilgħu waqt ċelebrazzjonijiet partikolari sabiex igawdu x-xenarju mill-isbaħ tal-inħawi li toffri din l-għolja.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela IL-KULURI TAĊ-ĊINA (L-1 Parti) fit-Torċa tal-4 ta’ Jannar 2015)

    2015.01.04 / no responses / Category: Torca - Features & Articles