Posts Tagged ‘Chantelle Alamango’

  • L-ILLUŻJONI TAS-SBUĦIJA

    Chantelle Alamango Jingħad li Cleopatra kienet tinħasel f’banju mimli ħalib imżejjen bil-petali tal-ward sabiex ikollha ġilda mill-ifjen u sabiħa. Imma min minna jiflaħ lussu bħal dak? U fir-realtà, kemm hu importanti li tidher sabiħa? Numru ta’ studji jsostnu illi l-individwi li huma meqjusa bħala ‘sbieħ’ igawdu minn ħafna aktar vantaġġi minn dawk inqas attraenti, saħansitra meta jiġu biex jintagħżlu f’xi post tax-xogħol. Madanakollu ħafn’oħrajn jinsistu illi l-veru sbuħija tinsab fir-ruħ u fil-karattru tal-bniedem u mhux f’surtu. Xorta waħda ħafna nisa jistqarru li wħud mill-isbaħ sensazzjonijiet f’ħajjithom huma dawk il-mumenti qosra meta jkunu qed japplikaw il-make-up sabiex jidhru aħjar. Iżda oħroġ il-għaġeb, numru konsiderevoli ta’ rġiel jgħidulek li jippreferu mara b’wiċċha naturali, bla żebgħa xejn! Għal dil-ġimgħa ddeċidejt li nixtarr ftit dan is-suġġett u għalhekk iltqajt ma’ Chantelle Alamango li l-make-up tista’ tgħid li hu d-dinja tagħha.

    “Personalment nemmen li l-make-up jgħinek tħossok isbaħ u aktar kunfidenti u għalhekk iwasslek biex ikollok atteġġjament ħafna aktar pożittiv lejn il-ħajja. B’hekk bla dubju, il-persuna ma tkunx qed tirrifletti biss is-sbuħija esterna ta’ wiċċha imma anki l-ħlewwa interna tal-karattru tagħha,” marret mill-ewwel fuq il-likk Chantelle.

    Skont il-poeta u kittieb Oscar Wilde (1854-1900) “L-ebda oġġett mhu daqshekk sabiħ, li f’ċerti kundizzjonijiet ma jidhirx ikraħ”.

    “Ħadd m’huwa perfett imma llum tant teżisti għażla kbira ta’ make-up li b’xi mod jew ieħor żgur li jinstab xi rimedju għal dik id-diffikultà partikolari ta’ kull wieħed minna. Għax wara kollox is-sigriet prinċipali tal-make-up huwa li joħloq illużjoni: dik li jitfi dak li mhux daqstant attraenti, filwaqt li jenfasizza dak li hu sabiħ.”

    Ralph Waldo Emerson (1803-1882) kittieb u poeta ieħor, jgħid illi “L-imħabba għal dak li hu sabiħ hija mfassla skont il-gosti, filwaqt li l-kreazzjoni tas-sbuħija hija arti.”

    “Infatti l-aqwa riżultati bil-make-up jiġu akkwistati meta wieħed jagħraf juża’ l-materjali differenti u l-għodda varji li jeżistu f’dan il-qasam. Nemmen li ċertu ammont ta’ kapaċità trid tkun qiegħda fik imma sinċerament il-veru maestrija ġġibha billi titħarreġ kemm tiflaħ u billi tinnota l-ħin kollu l-oħrajn x’qed jagħmlu. Personalment ma tiġix rivista quddiemi li ma niflihiex minn qoxra sa qoxra biex nara l-mudelli li jidhru fuqha x’make-up għandhom. Barra minn hekk meta suppost inkun qed nara film, aktar inkun moħħni fl-artisti femminili biex insegwi x’tip ta’ make-up ikunu għamlulhom għal xeni differenti.

    Il-make-up minn dejjem kien jolqotni imma f’dawn l-aħħar snin bdejt ninteressa ruħi ħafna iktar. Għall-ewwel iddeċidejt li nattendi għal kors bażiku biex nitgħallem kif napplika make-up sabiħ fuqi nnifsi. Imma bil-mod il-mod, sibt ruħi qed nidħol aktar f’dan il-qasam u għalhekk tħarriġt f’livell aktar professjonali, bħal ngħidu aħna f’kif tagħmel il-make-up għal xi photo-shoot, għall-għarajjes tat-tieġ u għal okkażżjonijiet oħra. Illum kburija li għandi l-klijenetela tiegħi. Inqisu bħala unur kbir għalija meta mara tħalli f’idejja li nagħmlilha l-make-up proprju fl-iktar mumenti sbieħ tagħha; bħal per eżempju għat-tieġ.

    Huwa għalhekk li trid iżżomm ruħek aġġornata l-ħin kollu ma’ make-up ġdid li jkun qed joħroġ u mal-ideat friski tal-oħrajn. Fir-realtà ma tieqaf qatt tiskopri ideat u stili ġodda. Biss biss, jekk tidħol fl-internet issib għażla kbira ta’ videos li jispjegawlek pass pass kif toħloq ċerti riżultati mixtieqa. Irid ukoll ikollok l-interess li tesperimenta ftit biex tiskopri elementi ġodda. Intant dalwaqt ser inkun qed nipparteċipa f’taħriġ ibbażat fuq make-up użat għall-istage, għat-televiżjoni u għall-effetti speċjali u ninsab ċerta li ser ikun siewi ħafna.”

    Lil Chantelle pjuttost kont nafha interessata fil-qasam tal-Accounts li hija l-linja tax-xogħol tagħha. Huwa biss riċentement li skoprejt din il-passjoni tagħha.

    “Naf li huma oqsma għal kollox differenti minn xulxin u huwa proprju għalhekk li togħġobni din l-istil ta’ ħajja, għax it-tnejn jeħduni f’dinja differenti. Sinċerament ma nimmaġinanix nagħżel bejniethom għax it-tnejn jagħtuni ħafna sodisfazzjon.”

    “Inti tħobbni għax jiena sabiħ, jew jiena sabiħ għax inti tħobbni?” staqsa darba Oscar Hammerstein II (1895 – 1960) direttur teatrali. Qabel poġġejt bil-qiegħda biex nikteb danMake up by Chantelle Alamango 1 l-artiklu għamilt ftit riċerka dwar dan is-suġġett tas-sbuħija u l-make-up, staqsejt ukoll xi fehmiet lil numru ta’ nies li ltqajt magħhom u ħadt l-opinjoni ta’ dawk li rrispondewni fuq Facebook. Kien kurjuż il-fatt li hekk kif in-nisa b’mod ġenerali qaluli li bil-make-up iħossuhom aktar attraenti, daqstant ieħor b’mod ġenerali l-irġiel insistew li n-nisa jogħġbuhom l-aktar meta jkunu mingħajr make-up.

    “M’hemmx isbaħ minn mara naturali” kiteb wieħed. “Inutli li mara tagħmel xebgħa make-up biex wara li tneħħiħ twerwrek!” iċċajta l-ieħor. “Għaliex din il-falsità? L-irġiel m’għandhomx ċuċati hekk!” kompla jesprimi ruħu. Pronta pronta waħda weġbitu li minflok jinżebaħ, raġel jagħżel li jidher billi jmur jarma xi karozza… u komplew sejrin hekk. Imma l-irġiel ma ċedew qatt. Kollha baqgħu tal-istess fehma.

    Allura jekk il-make-up mhux arma tajba biex jiġbed l-irġiel, għal xhiex jew għal min jiġi applikat? X’inhu s-sinifikat tiegħu?

    “Naħseb li hu l-make-up esaġerat li jdejjaq lil dak li jkun għax fir-realtà nemmen li ż-żewġ sessi japprezzaw id-dehra ta’ make-up applikat tajjeb” saħqet waħda. “Il-make-up għandu s-saħħa li jgħinek tħoss sensazzjoni ta’ kuntentizza bħal meta tmur tixtri xi ħaġa għalik. Jieħdok f’dinja oħra u jneħħilek ħafna mill-istress,”esprimiet ruħha persuna oħra. “Finalment mara tagħmel il-make-up biex tintogħġob magħha nnifisha u xejn aktar,” għalqet il-kummenti tagħha oħra.

    Iżda hemm naħa oħra tal-munita… Ammont ieħor ta’ nisa jgħidulek li m’għandhomx ċans għal dawn il-ħmerijiet, li hekk jew hekk iħossuhom tajjeb mingħajr make-up għax huma komdi b’wiċċhom kif jidher b’mod naturali u m’għandhomx bżonn jistaħbew wara maskri!

    “Kulħadd għandu d-dritt għall-opinjoni tiegħu,” ikkummentat Chantelle. “Personalment jien ma ngħaddix mingħajr make-up u hija tassew rari meta noħroġ mingħajru. Anki jekk ikolli ftit ħin biss, nara kif nagħmel u napplika xi ħaġa ħafifa imma qatt mhu ser nagħżel li nidher fil-pubbliku mingħajr ma nirtokka wiċċi. Jekk ma nagħmilx hekk inħossni li qed nintelaq u ma nħossnix kuntenta. Ma nafx kif hawn min jgħid li ma jsibx ħin għal dawn l-affarijiet għax wara kollox ftit minuti biss huma wkoll effettivi biex isebbaħ id-dehra tiegħek. Jidhirli li la hemm il-mezzi biex tidher aħjar, tkun qed titlef ħafna jekk ma tużahomx.”

    Kompliet tgħidli li anki meta tmur tgħum fis-sajf tara li tagħmel il-make-up adattat għalkemm naturalment ma tinżillx taħt l-ilma. Saħansitra meta tagħżel x’tiekol, toqgħod attenta li ma tkunx xi ħaġa li ser tirrovinalha l-make-up. Staqsejtha jekk jiġux mumenti meta tħossha skjava ta’ din il-passjoni tagħha stess?

    “Lanqas xejn! Ormaj din hija parti mir-rutina tiegħi. Kif inqum fil-għodu, nara li nagħmel make-up tajjeb li kapaċi jżomm il-ġurnata kollha u huwa hekk kif isir il-ħin biex norqod li nneħħih. Meta mbagħad nidħol id-dar wara x-xogħol u nkun ser nerġa’ noħroġ, ibqa’ ċerta li nibdel il-make-up mill-ġdid sabiex nadatta għal fejn inkun sejra.”

    Skont Chantelle, l-għodda li jintużaw biex jiġi applikat il-make-up huma l-qofol ta’ riżultat sabiħ.

    “Illum hawn għażla ma tispiċċa qatt tal-make-up, b’ditta aqwa mill-oħra li kollha għandhom il-prodotti tagħhom. Iżda għalkemm ċerti ditti tassew ikunu superjuri għall-oħrajn, l-għodda użata hija s-sigriet ta’ kollox. Fost dawn, il-pniezel huma l-aktar neċessarji hekk kif kull wieħed minnhom għandu funzjoni partikulari. Biss biss ngħidlek li biex nagħmel il-make-up tal-għajnejn għandi ħames pniezel differenti!”

    “Kollox għandu s-sbuħija tiegħu imma mhux kulħadd kapaċi jaraha,” qal il-filosfu Confucius (551-479 Q.K.). Akkost li huwa xogħol pjuttost għali biex iżżomm ċertu livell professjonali, Chantelle tħoss li s-sodisfazzjon li tara f’għajnejn il-klijenti tagħha, jagħtiha wisq kuraġġ biex tkompli f’dan il-qasam.

    “Il-kulur tal-karnaġġjon ivarja minn persuna għall-oħra, apparti li trid tikkunsidra wkoll l-età u allura jrid ikollok għażla sewwa għal kull eventwalità ħalli tipprovdi l-prodott ġust. Jeħtieġ li jkollok ukoll selezzjoni varja ta’ kuluri ta’ eyeshadows, lipsticks, blushers, mascaras u dak kollu li jkun hemm bżonn. Madanakollu s-sodisfazzjon li nieħu meta nara l-klijenti jħarsu lejn id-dehra mibdula tagħhom b’dik iċ-ċertu kburija, tinżilli għasel u tgħini nħossni kburija b’dak li qed nagħmel.”

    “M’hemm xejn assolut li jiddeċiedi x’inhu sabiħ jew le. U dak hu preċiżament dak li jagħmel it-tfittxija għas-sbuħija aktar interessanti,” kiteb John Kenneth Galbraith (1908 – 2006) ekonomista.

    “Bi ftit ħsieb u dedikazzjoni, wieħed jista’ jirranġa d-dehra tiegħu b’mod tassew faċli. Kull ma jkun hemm bżonn huwa li wieħed ikun jaf kif japplika l-prodotti xierqa u fil-post it-tajjeb. Ngħidu aħna kulur skur mal-ġenb tal-imnieħer u kulur ċar fuq l-għadma tal-imnieħer, ser jagħtuh dehra idjaq. Min-naħa l-oħra, bronzing mad-dawra ta’ wiċċ kemmxejn imfaqqgħa, tgħinu jieħu xeħta aktar definita. Għajnejn qrib ħafna ta’ xulxin jirrikkjedu kulur ċar fuq ġewwa u skur fuq barra ħalli jidhru aktar simettriċi. Il-lista hija twila ħafna u l-possibilitajiet ma jieqfu qatt.”

    Skont Chantelle, hemm bosta gwidi u regoli li wieħed jista’ jimxi magħhom imma mbagħad kulħadd għandu l-fehma tiegħu.

    “Ngħid għalija ma naqbilx li għarusa bilfors trid tagħmel make-up bi stil naturali. Naf li ħafna professjonisti u li fuq ħafna rivisti jiġi rrakkomandat hekk. Imma t-tieġ huwa ġurnata importanti ħafna għall-għarusa u għalhekk jidhirli, li sakemm ma tkunx qed titlob xi ħaġa li mhiex adattata, m’għandhiex għalfejn tingħalaq b’regoli biex imbagħad tispiċċa ma tħosshiex hi u ma tkunx kunfidenti.”

    Lanqas ma taqbel mal-make-up permanenti…

    “Tbeżżagħni l-idea ta’ xi ħaġa permanenti għax imbagħad jekk jiġi żmien meta dak li tkun għamilt ma jogħġbokx aktar, x’tagħmel?Min-naħa l-oħra napprezza ħafna l-affarijiet li jistgħu jitneħħew faċilment: bħax-xagħar t’għajnejn artifiċjali li jagħti dehra affaxxinanti u eleganti lill-għajnejn u l-wiċċ.”

    Fil-make-up Chantelle tmur ħafna għall-kuntrast.

    “Hawn min għandu l-idea li jrid iqabbel il-make-up mal-ħwejjeġ imma dan joħloq ċertu monotonija u pjuttost jitfi d-dehra ta’ dak li jkun. Hekk jew hekk illum f’paletta ta’ eyeshadow bażika wkoll ikollok Makeup by Chantelle Alamango 2għażla varjata ta’ kuluri sbieħ. Ngħidu aħna ma’ libsa ħamra tista’ tuża’ l-kulur tar-ram jew tal-bronż, filwaqt li ma’ libsa’ kaħla jixraq ħafna l-kulur tal-fidda jew vjola. Wieħed qatt m’għandu jmur għal dak li hu ovvju bħal dik li tuża lipstick u nail-polish aħmar għax inti liebsa libsa ħamra. Il-kuntrast jiġbed ħafna iktar l-għajn u wara kollox dik hi l-funzjoni tal-make-up.”

    L-aktar fattizz f’wiċċ il-bniedem li jogħġobha huma l-għajnejn…

    “Għax hemm proprjament tista’ turi l-ħila tiegħek peress li tista’ timraħ b’kemm kuluri trid.”

    Eva Green (1980) mudella u attriċi tistqarr li meta ma tkunx qed taħdem tippreferi toqgħod libera mingħajr ħwejjeġ inkaxxati, tkaken u make-up… “Huwa sabiħ li tkun tista’ tieħu nifs!” Iżda bla dubju Chantelle taqbel aktar ma’ dak li qalet l-attriċi Lana Turner (1921 – 1995) “Nippreferi nitlef l-aqwa misluta li għandi milli jaqbduni mingħajr make-up!”

    “Nemmen b’fermezza li wieħed għandu jagħmel minn kollox biex jidher bl-aħjar mod tiegħu. Wara kollox, dan hu sinjal ta’ rispett u mħabba lejna nfusna u xejn aktar.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-30 t’Ottubru 2011)

    2011.10.30 / no responses / Category: Torca - Perspettivi