Posts Tagged ‘Cina’

  • Iċ-Ċiniż li baqa’ Malta

    Il-President Anton Buttigieg qed jghaddi l-Midalja lill-Ambaxxatur tac-Cina f'Malta.JPGL-ex Ministru Reno Calleja qed jghaddi l-Midalja lill-armla tal-inginier Xu Huizhong.JPG

    Il-qabar ta' Xu Huizhong.JPG

    Il-Ħadd li għadda bosta minna erħejnilha lejn iċ-ċimiterji ta’ madwar il-gżejjer tagħna sabiex insellmu lil qrabatna jew lil xi ħbieb li m’għadhomx magħna.

    Ħafna kienu dawk li ħadu magħhom bukketti sbieħ ta’ fjuri kkuluriti u jfuħu sabiex jitpoġġew fuq l-oqbra safrana tal-ġebla kiesħa tal-franka jew fuq l-irħam samm abjad karti jew iswed daqs il-lejl. Ġest li apparti t-turija ta’ rispett u mħabba, donnu jipprova wkoll jagħti l-ħajja fejn jidher li m’hemmx.

    Oħrajn ħadu ħsieb ukoll inaddfu l-oqbra billi naqqew xi ħaxix ħażin li kiber maż-żmien jew bidlu xi ritratt li jkun sfar bis-snin.

    Eluf ta’ xemgħat ħomor inxtiegħlu sabiex bil-fjamma tagħhom kiebja jakkumpanjaw it-talb impespes jew fil-qalb li ntqal għall-bżonnijiet tal-erwieħ.

    Id-dmugħ ġelben fuq ħaddejn bosta individwi. Anki fuq ta’ dawk li qrabathom ilhom snin li ħallewhom imma li l-firda baqgħet tqanqalhom.

    Insibhom interessanti wisq dawn ir-ritwali tas-soċjetà tagħna li tibqa’ tgħożż lil dawk li ħabbet anki wara mewthom; kultant anki billi tibqa’ titrattahom daqs li kieku għadhom ħajjin.

    Miexja matul it-trejqat taċ-ċimiterju tal-Addolorata, stajt ninnota dawn il-ġesti kollha. Qalbi ngħafset għal dawk l-oqbra li baqgħu għera għax donnu ħadd ma mar iżurhom. Imma mbagħad ċertu dati li qrajt fuqhom tawni x’naħseb li forsi dik il-familja ntemmet u b’hekk, ma fadalx aktar min iżurha.

    L-oqbra ta’ Xu Huizhong u Gu Yanzhao

    Wasalt quddiem l-oqbra li mort inżur jien: dak ta’ Xu Huizhong u ta’ Gu Yanzhao, iż-żewġ inġiniera Ċiniżi li mietu f’pajjiżna waqt li kienu qed jaħdmu fuq il-Baċir Numru 6. Filwaqt li Xu kien miet mewta traġika, Gu kien ħalliena minħabba kawża ta’ mard.

    Ir-ritratti tagħhom ħarsu lejja u jiena sellimtilhom f’isem pajjiżhom u f’isem pajjiżi. B’turija ta’ rispett, poġġejt bukkett kriżantemi bojod u sofor li skont l-użanza Ċiniża jissimbolizzaw in-niket u s-swied il-qalb. Imbagħad skont il-kultura tiegħi, tlabt lil Alla biex jagħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

    Niftakar li meta staqsejt lil xi individwi Ċiniżi, l-għala dawn iż-żewġ persuni ndifnu hawn Malta u ma ttieħdux lura f’pajjiżhom, huma kienu nfurmawni illi kienu l-familjari tagħhom stess li għażlu hekk. Skont il-kultura Ċiniża, dawn kellhom jindifnu fil-pajjiż li ħadmu għalih għax hekk biss setgħu jistrieħu fil-paċi ta’ dejjem: billi meta jitlesta l-proġett li kienu ġew biex jaħdmu fuqu, huma jkunu għadhom ‘preżenti’ fuq l-istess art. Barra minn hekk, il-familjari xtaqu wkoll li permezz ta’ din id-deċiżjoni, dawn l-għeżież tagħhom jibqgħu jiġu miftakra b’rispett mill-poplu li huma kienu marru biex jagħtuh daqqa t’id.

    Xorta waħda, tħassibt dwar x’iħossu llum il-familjari ta’ dawn l-individwi li kellhom iħallu lil min ħabbew daqstant il-bogħod minn arthom.

    Midalja tal-Qadi tar-Repubblika għall-inġinier Xu Huizhong

    Dal-ħsieb ma ħallinix bi kwieti u għalhekk iddeċidejt li nitkellem mal-ex-Ministru Laburista, Reno Calleja, li fl-1979, kien intbagħat mill-Prim Ministru Duminku Mintoff sabiex jagħti l-Midalja tal-Qadi tar-Repubblika lill-familjari tal-inġinier Xu Huizhong peress li huwa tilef ħajtu traġikament fis-16 ta’ Marzu 1979 waqt li kien qed jaqdi dmiru fil-bini tal-baċir.

    “Dik hija ġurnata li jiena ma ninsa qatt!” stqarr mill-ewwel Calleja hekk kif bdejna nitkellmu. “Anzi, nista’ ngħid li personalment ngħodd dak il-mument bħala l-akbar wieħed fil-karriera politika tiegħi. Napprezzah tant għax dakinhar ħassejt li jien kont parti mill-istorja ta’ pajjiżi fejn Malta kienet qed tagħti ġieħ kbir lil ħaddiem barrani wara mewtu, minħabba li hu miet waqt li kien qed jgħin lil pajjiżna.”

    Il-ftehim ta’ għajnuna bejn Malta u ċ-Ċina

    Calleja jiftakar sewwa ż-żmien meta kien qiegħed isir il-ftehim maċ-Ċina sabiex din tgħin lil pajjiżna jiġi fuq saqajh.

    “F’dawk is-snin anki ċ-Ċina kienet relattivament fqira iżda xorta tat daqqa t’id lil Malta. U huwa f’ġesti bħal dawn li tara l-veru ħbiberija ta’ pajjiż: meta jgħinek f’mumenti meta lanqas hu ma jkun jiflaħ wisq,” sostna Calleja.

    “Il-pass għaqli li kien għamel Mintoff, meta xahar wara Nixon, fl-1972, tela’ ma’ delegazzjoni Maltija sabiex jiltaqa’ ma’ Mao Zedong, kien ġie apprezzat wisq. U grazzi għal din id-deċiżjoni, għadna ngawdu l-frott ta’ ħbiberija kbira ma’ dan il-pajjiż li llum stagħna sewwa.”

    Għadd ta’ ħaddiema Ċiniżi jgħinu fil-bini tal-Baċir Nru. 6

    “Apparti li kienu tawna għajnuna finanzjarja, iċ-Ċiniżi għenuna ħafna billi bagħtu fostna għadd ta’ ħaddiema tekniċi sabiex iwettqu numru ta’ proġetti kbar f’pajjiżna, fosthom il-Baċir Numru 6,” kompla jispjegali Calleja.

    “Dawn il-ħaddiema Ċiniżi ħadmu spalla ma’ spalla mal-Maltin u niesna stagħnaw fil-prinċipji ta’ kif wieħed għandu jaħdem fuq xogħolu hekk kif bdew jinnutaw il-kultura tagħhom. Kultura ta’ nies li għandhom umiltà kbira, bżulija liema bħalha u sens ta’ dover qawwi lejn pajjiżhom. L-entużjażmu li l-Maltin raw fost il-ħaddiema Ċiniżi, huma u jaħdmu bi preċiżjoni u b’għaqal, anki jekk kienu qed jagħmlu dan għall-pajjiż ieħor, ispirathom biex anki huma jagħmlu bħalhom. U jekk il-ħaddiema Ċiniżi kienu qed jaħdmu b’tant dedikazzjoni biex jagħmlu lil pajjiżhom kburi bihom, anki l-ħaddiema Maltin kienu qed jistinkaw daqshom biex pajjiżhom ikun jafulhom,” qalli Calleja.

    “Meta l-Baċir Numru 6 tlesta u saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ, jien kont hemm u naħlef li rajt lil uħud mill-ħaddiema jibku meta raw wiċċ Mintoff jixgħel b’sodisfazzjon għax-xogħol li kien twettaq minnhom kollha.”

    Reno Calleja jitla’ ċ-Ċina biex iwassal il-Midalja

    Iżda dan ir-rakkont kellu wkoll il-lat ikraħ tiegħu, fosthom din it-traġedja fejn ħalla ħajtu l-inġinier Xu.

    “Fl-1979 ġejt mistieden biex nitla’ ċ-Ċina sabiex nirrappreżenta l-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina u kif kien mistenni, infurmajt lil Prim Ministru b’dan. Huwa qalli biex nitla’ f’April minħabba li kellu xi ħaġa f’moħħu,” ftakar Calleja.

    “Wara xi ħmistax, reġa’ sejjaħli fejn infurmani li hu kien iddeċieda li jagħti l-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika, fuq bażi onorarja wara mewtu, lill-inġinier Xu Huizhong, u jien kelli ntellagħha miegħi. Ftit wara, saret ċerimonja fejn il-President Anton Buttigieg għadda din il-midalja lill-Ambaxxatur taċ-Ċina f’Malta bħala rappreżentant tal-Gvern Ċiniż. Imbagħad din il-midalja ngħatat lili u jien tlajt biha ċ-Ċina.”
    Hawnhekk, Calleja ħareġ xi ritratti li kienu jfakkru dawn il-mumenti distinti.

    “Sabiex issir din l-għotja lill-familjari tal-inġinier Xu, ġiet organizzata ċerimonja kbira fis-Sala tal-Kungress ta’ Shanghai. Għal din l-okkażżjoni, jien ippreparajt id-diskors tiegħi bil-Malti u student Malti kien traduċieha għaċ-Ċiniż. Dan l-istudent kien Clifford Borg-Marks li llum huwa l-Ambaxxatur ta’ Malta fiċ-Ċina.”

    “Intant, waqt din iċ-ċerimonja kelli l-privileġġ li niltaqa’ ma’ mart l-inġinier Xu u ma’ wliedu, li kollha apprezzaw ferm dan il-ġest ta’ unur li għaddielhom pajjiżna. Madanakollu, ma nista’ ninsa qatt dak il-wiċċ sogħbien ta’ martu li rringrazzjatni u ma qalet xejn aktar.”

    Huwa għadu f’kuntatt magħhom sal-ġurnata ta’ llum.

    “Sfortunatament, sena wara li ltqajt magħha, mart Xu mietet bil-għali. Iżda wliedha żammew kuntatt miegħi u ġieli ġew Malta jżuru l-qabar ta’ missierhom. Issa bint Xu għandha tifla li nfurmatni li meta tikber tixtieq issir inġinier bħan-nannu.”

    It-tradizzjonijiet taċ-Ċiniżi

    Fatt interessanti huwa illi ċ-Ċiniżi ma jiċċelebrawx ir-ritwali tal-mejtin fl-istess żmien tagħna. Barra minn hekk, għandhom aktar minn ċerimonja waħda li tfakkar lil dawk li ħallewna.

    Il-Festival Qingming

    Fosthom hemm il-Festival Qingming, jew kif inhu wkoll magħruf bħala Il-Ġurnata tat-Tindif tal-Oqbra. Din il-ġurnata taħbat bejn ir-4 jew il-5 t’April, skont il-kalendarju tradizzjonali lunari.

    Waqt dan il-festival, in-nies jiftakru u jonoraw lill-antenati tagħhom permezz tat-talb, billi jnaddfu l-oqbra, billi jiżbgħu l-kalligrafija li tkun iċċarat biż-żmien, billi jaħarqu l-inċens u billi joffru ikel, te, xorb u aċċessorji oħra fuq l-oqbra. F’din il-ġurnata, xi nies għandhom ħabta jġorru magħhom zokk taż-żavżava sabiex iżommu lura l-ispirti ħżiena li jkunu qegħdin iduru matul iċ-Qingming.

    Peress li ċ-Qingming jibda mal-istaġun tar-Rebbiegħa, in-nies tiċċelebra wkoll dan il-jum billi tmur għal ħarġiet fil-kampanja u ttajjar il-manuċċi. Xi bdiewa jaħartu l-art proprju f’din il-ġurnata.

    Il-Festival tal-Erwieħ

    Waqt dan il-festival li jsir f’Awwissu jintwera rispett lejn il-mejtin kollha ta’ kull età. Bejn wieħed u ieħor isiru l-istess attivitajiet li jiġu ċċelebrati waqt iċ-Qingming.

    Madanakollu, hemm ukoll drawwiet oħra: bħat-tluq ta’ dgħajjes żgħar tal-karti u lanterni fuq l-ilma. Dan ir-ritwal hu maħsub biex jagħti d-direzzjoni lill-erwieħ li jiġu jżuru lill-ħajjin waqt din il-ġurnata, sabiex isibu mill-ġdid il-mistrieħ ta’ dejjem.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (25 parti) fit-Torċa tad-9 ta’ Novembru 2014)

    2014.11.09 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Is-siwi ta’ dak li ma jiswiex

    Joe Cachia.JPGIl-forom strambi li jiehdu s-sigar fin-natura.jpg

    Guzeppi Busuttil - l-ewwel bonsajist f'Malta.JPGFiku - bonsaj.jpg

    Ma tistax ma taffaxxinax ruħek meta tara s-siġar tal-bonsaj! Is-sengħa wara din l-arti ħajja li kapaċi ċċekken siġra daqshiex f’waħda ċkejkna, hija xi ħaġa tal-meravilja. L-idea ta’ dawn l-istil ta’ siġar inħolqot fiċ-Ċina u aktar tard żviluppat ukoll fil-Ġappun, sakemm f’dawn l-aħħar snin xterdet ukoll mal-bqija tad-dinja. Jidher li hawn Malta, l-ewwel esebizzjoni tal-bonsaj saret fl-1991 mill-Bonsai Culture Group (Malta) u minn dakinhar ‘l hawn din l-Għaqda ħadmet qatiegħ biex iżżewweġ din il-kultura barranija flimkien ma’ dik Maltija, fosthom billi tittanta tkabbar siġar tal-bonsaj li jiffurmaw parti mill-pajsaġġ tipiku Malti.

    “Hemm min hu tal-idea li din id-drawwa taħqar jew tkasbar is-siġar billi ma tħallihomx jikbru b’mod naturali,” beda jispjegali Joe Cachia, il-PRO tal-Bonsai Culture Group (Malta). “Imma jekk inħarsu ftit lejn in-natura nnifisha ninnutaw illi s-siġar jgħaddu minn ħafna trasformazzjonijiet minħabba l-elementi naturali, fosthom bir-riħ, bin-nixfa u bis-sajjetti li spiss jirriżultaw f’forom strambi.”

    L-għan prinċipali wara s-siġar tal-bonsaj

    “Fir-realtà l-għan prinċipali wara s-siġar tal-bonsaj huwa li tinħoloq xena ta’ armonija u ġmiel li tfakkar is-sbuħija tal-ħolqien u tal-ambjent. Iz-zkuk mgħaqqdin u mgħawwġin jirriflettu l-passaġġ taż-żmien u jnissel ir-rispett lejn dawn is-siġar ċkejknin. Hemm filosofija sħiħa wara din is-sengħa li primarjament tiffoka fuq il-bilanċ bejn id-Divinità (Alla, Buddha eċċ), il-bniedem u n-natura,” kompla jgħidli Joe.

    “Is-siġra tal-bonsaj u l-kontenitur tagħha huma żwieġ armonjuż bejn it-tnejn fejn wieħed jikkumplimenta lill-ieħor. Infatti ħafna mill-kontenituri jinħolqu sabiex joħorġu l-ġmiel tas-siġra speċjalment f’dak li hu kulur, forma u qies tagħha. Anki l-arti tal-manifattura ta’ dawn il-kontenituri taċ-ċeramika huma parti mit-tradizzjoni antika taċ-Ċina u tal-Ġappun.”

    “Il-bonsaj juru s-siwi ta’ dak li ma jiswiex. Is-sengħa tal-bonsaj hija forma ta’ arti ħajja li ġġib is-sliem u t-trankwillità u tgħin bħala terapija għall-qalb imnikkta. Hija wkoll dixxiplina li tgħin fl-iżvilupp mentali u filosifiku tal-bniedem.”

    L-oriġini kienet fiċ-Ċina

    Għalkemm ħafna jaħsbu illi l-idea tal-bonsaj ħarġet mill-Ġappun, fir-realtà din is-sengħa bdiet fiċ-Ċina żmien twil ilu. Fil-qabar tal-Prinċep Zhang Huai li jmur lura għal madwar 706 W.K, instabu tpinġijiet varji li juru xi nisa li kienu qed joffru minjaturi ta’ xeni b’pajsaġġ imżejjen bil-blat u l-pjanti żgħar impoġġijin ġewwa dixxijiet baxxi.

    Jingħad li l-ewwel speċi ta’ siġar li ntużaw f’dan il-qasam inġabru mill-pajsaġġ naturali u ntagħżlu minħabba li kellhom zkuk b’għamliet mhux tas-soltu. Ftit ftit dawn is-siġar bdew jitqiesu bħala sagri u biż-żmien il-bniedem għaraf kif hu stess seta’ jimmanipula s-siġar sabiex dawn jieħdu forom uniċi.

    “Fiċ-Ċina din is-sengħa ngħatat l-isem ta’ penjing li tfisser xena ġewwa dixx. L-iskop ta’ dawn ix-xeni kien li joħolqu impressjoni sabiħa tan-natura fil-minjatura u għalhekk kienu jintużaw elementi naturali biex jibnuha bħal pjanti u ġebel. Madanakollu, biex ix-xogħol jidher isbaħ, dawn kienu jiġu rranġati wkoll b’xi figuri ta’ bnedmin jew annimali,” qalli Joe.

    “L-ewwel li ħolquhom kienu aristokratiċi Ċiniżi tal-qedem li kienu jemmnu li s-siġar żgħar xjuħ u ta’ surijiet strambi kellhom setgħat imsaħħra. Tant hu hekk li l-ewwel qsari kienu għotjien ta’ ġarar reliġjużi li jkunu jfakkruhom fil-muntanja Penglai, li kienet muntanja msaħħra fejn kollox kien sewwa u tajjeb. Fl-istess ħin, il-passatemp li tkabbar siġra stramba kienet tagħti lok għall-konversazzjoni interessanti meta kienu jistiednu lil xi ħbieb. Madanakollu, lejn l-aħħar tas-snin sittin xi studenti fiċ-Ċina ħolqu moviment sabiex jeqirdu dak kollu li kien ifakkar il-passat fewdali u s-sistema aristokratika, u sfortunatament bosta kollezzjonijiet tal-penjing ġew distrutti jew mitluqa.”

    “Fil-mużew ta’ Penjing fil-Ġonna Botaniċi ta’ Shangai wieħed jista’ jsegwi l-evoluzzjoni ta’ dawn is-siġar permezz ta’ diversi disinji u pitturi li jmorru lura għall-perjodu tas-6 u d-9 seklu W.K. Maż-żmien il-penjing li kienet ‘xena ġewwa dixx’ inbidlet f’penzai li kienet tfisser ‘siġar qawwijin u sħaħ ġewwa dixx’.

    Il-Ġappuniżi sejjħulha bonsaj

    Jingħad li madwar 1,200 sena ilu, l-ewwel pensai miċ-Ċina ddaħħlu fil-Ġappun bħala xbiehat reliġjużi u minn hemm żviluppa l-isem ta’ bonsai (li hija traduzzjoni tal-kelma Ċiniża penzai). Ta’ min jgħid illi l-kultura Ċiniża kienet taffaxxina ferm lil Ġappuniżi u infatti huma adottaw bosta drawwiet minn dan il-pajjiż.

    Għall-kuntrarju ta’ min jaħseb li dawn is-siġar jinħaqru meta jinbidlu f’minjaturi, elf sena ilu, xi ħadd fil-Ġappun kiteb illi “is-siġar li jitħallew jikbru fin-natural, jikbru bl-addoċċ u bla ebda sura. Huwa biss meta l-bniedem jikkurahom b’imħabba li dawn jingħataw forma u stil li kapaċi jqanqlu lil min iħares lejhom.”

    Intant Joe spjegali illi “filwaqt li fiċ-Ċina sar attentat biex dawn it-tip ta’ siġar minjatura jinqerdu, il-Ġappun kien qed jagħmel minn kollox biex ixerred il-kultura tiegħu mal-pajjiżi tal-Punent, fejn fosthom kienet qed tiġi ntrodotta wkoll l-idea tal-bonsaj bħal ngħidu aħna permezz ta’ films popolari bħal Karate Kid (1984).”

    In-namra mal-bonsaj f’Malta

    L-ewwel darba li Joe sar jaf b’din is-sengħa antika kien fl-1968 meta qara artiklu dwarha fuq rivista barranija. “Mill-ewwel għoġobni dan il-passatemp għax fih rajt xaqq dawl li tani ħjiel kif nista’ nimla l-vojt li d-deru u s-sagħtar nexfin kienu qed iħallu fil-presepji li kont inħobb nagħmel. Meta kont żgħir, kienet tkun l-hena tiegħi li ngħin lil missieri jagħmel il-presepju mill-kartapesta fejn wara li kienet tinxef iż-żebgħa, konna npoġġu ġewwa fih il-pasturi u xi zkuk biex jirrappreżentaw siġar żgħar. Niftakar li minn Għajn Żejtuna kont naqta’ d-deru u s-sagħtar biex iħaddru lill-presepju. Imma bil-kemm kien jasal San Stiefnu, li dawn ma kienux jidbielu, iwaqqgħu l-weraq, u l-frott ħamrani tad-deru jinxef! Kont nixtieq ferm li jkolli xi ħaġa li ma tmutx, xi siġar żgħar li jgħixu mqar minn San Stiefnu sat-Tre Re! Iżda għalkemm dan l-artiklu nebbaħni dwar din il-possibilità, ma kien hemm xejn fih li tispjega kif tkabbar jew tieħu ħsieb il-bonsaj,” tarraffli Joe.

    “Kellhom jaslu s-snin tmenin sabiex nara l-ewwel bonsaj, f’Malta. Kienet ta’ Ġużeppi Busuttil (ara ritratt fuq), mis-Siġġiewi, li kien ilu jkabbarhom għal iktar minn tletin sena u għalhekk nemmen li hu kien l-ewwel bonsajist f’pajjiżna. Ftit wara sirna ħbieb kbar u beda jgħallimni milli kien jaf. Xtieli ta’ siġar kelli kemm trid, peress li kont nieħu sehem fil-Kampanja ‘Kabbar Siġra’ iżda qsari tagħhom ma kontx insib. Ix-xorti laqqatni maċ-ċeramista Maltija, Sina Farrugia, li b’paċenzja kbira wrietni kif naħdimhom mit-tafal li kont nixtri, u konna naħmuhom ġol-forn tal-iskola, fejn konna ngħallmu t-tnejn.”

    “Intant, fin-naħa l-oħra ta’ Malta, fil-Liċeo tas-Subien f’Tal-Ħandaq, żewġ għalliema oħra, Carmelo Busuttil u Joe Casha, wkoll kienu bdew jesperimentaw bil-Bonsaj. Sirt naf bihom wara li fl-1992 huma tellgħu wirja ta’ bonsaj fl-Imdina, flimkien mal-Friends of Japan Society u studenta tiegħi qaltli dwarha. Meta ltqajt magħhom skoprejt li dawn kienu għadhom kif waqqfu il-Bonsai Culture Group (Malta) u dlonk dħalt membru. Minn hemm bdiet tittella’ wirja kull sena u din id-drawwa għadha għaddejja sa llum.”

    Is-siġar li jistgħu jsiru bonsaj

    L-esperti jsostnu illi prattikament kull siġra tista’ tinbidel f’bonsaj. Però wieħed irid iżomm f’moħħu s-sens ta’ proporzjon li huwa fundamentali f’dan il-qasam u għalhekk, dawk is-siġar li għandhom weraq kbar m’humiex ikkunsidrati bħala adattati ħafna.

    “L-iktar siġar lokali li huma ideali għall-bonsaj huma ż-żebbuġa selvaġġa, il-ħarruba, id-deru, l-għargħar, il-ġniepru, il-prinjoli, l-ulmu u t-tina.”

    Il-ħarruba

    “Il-ħarruba hija waħda mis-siġar li wħud iqisuha difettuża għall-prattika tal-bonsaj minħabba li għandha l-weraq kbar. Dan il-fatt jagħmilha diffiċli li wieħed ikollu siġra folta għax il-weraq jikbru fuq zkuk iżgħar li jkunu kemmxejn twal bejn werqa u oħra u għalhekk il-ħarrub jidher isbaħ meta jitkabbar daqsxejn. Min-naħa l-oħra, il-ħarrub ftit li xejn jimrad, ħlief li jbati mill-istagħdir tal-ilma,” infurmani Joe.

    “Iżda nzerta li l-ħarruba hija waħda mis-siġar l-aktar għal qalbi, anki għax ir-riħa tagħha tqabbadni nostalġija kbira ta’ meta kont għadni tifel niġri fl-inħawi tal-Mellieħa u ta’ Selmun qalb dawn is-siġar antiki u sbieħ. Mill-esperimenti li għamilna fl-Għaqda s’issa sibna illi l-aħjar u l-eħfef mezz kif tnissel il-ħarrub huwa billi tiżra’ ż-żerriegħa tagħhom għax mit-tirqid fl-art għadna qatt ma rnexxielna nieħdu siġar.”

    “Xi wħud li jkabbru l-ħarruba bħala bonsaj, anki f’pajjiżi oħra, jsostnu illi din hija siġra mill-aqwa għall-bonsaj. Hija siġra li tikber bil-mod. Għandha ħafna għeruq li huma l-punt dgħajjef tagħha minħabba li huma delikati hafna. Meta tkun żgħira tkun sensittiva ħafna imma la darba tikber, issir b’saħħitha u tiflaħ kwazi kollox.”

    Il-ġingko – siġra li sfidat il-bomba atomika

    “Siġra oħra li għandi rispett kbir lejha hija l-gingko. Man-nies li jipprattikaw l-arti tal-bonsaj, din hija magħrufa bħala waħda mill-aqwa siġar li tista’ tkabbar f’minjatura. F’Malta ftit li xejn hawn gingkos imħawwla f’ġonna pubbliċi, probabbilment għax hi tippreferi art niedja.”

    “Sadanittant ħafna oħrajn japprezzaw il-gingko minħabba li din hi tassew siġra unika. Jaħsbu illi l-ispeċi tagħha ilha teżisti ‘il fuq minn 270 miljun sena, jiġifieri ferm qabel l-eżistenza tad-dinosawri. Fatt interessanti huwa illi din is-siġra kienet maħsuba li nqerdet għal kollox minn wiċċ id-dinja miljuni ta’ snin ilu, sakemm darba minnhom instab li din kienet għadha teżisti fil-ġonna tat-tempji Buddisti. Minn dawn il-postijiet fil-Ġappun, ittieħdet xi żerriegħa tagħha lejn l-Ewropa u din bdiet titkabbar fl-Olanda, fil-Ġermanja, fid-Danimarka u fl-Irlanda fejn tawha l-isem “Siġra tat-Tempji”, mentri fi Franza u fi Spanja bdew isejjħulha s-”Siġra tal-Pagoda”.”

    “Intant, il-potenzjal ta’ din is-siġra deher biċ-ċar meta fis-6 t’Awissu 1945, l-Amerikani tefgħu l-bomba atomika fuq Hiroshima l-Ġappun li qerdet dan il-post kważi għal kollox. Imma mhux lil gingko li kienet tinsab inqas minn 1000 metru ‘il bogħod mill-epiċentru! Infatti, it-tempju li kienet tinsab fih inqered, filwaqt li s-siġra bil-blast ġiet mitfugħa la ġenbha, imma din bdiet tarmi l-weraq ġdid f’inqas minn xahar wara, u sa llum għadha ħajja. L-istess ġralhom mill-inqas ħames siġar tal-gingko oħra. Mhux ta’ b’xejn li l-gingko hija meqjusa bħala s-siġra tat-tama!”

    Kif tinħoloq siġra fil-minjatura?

    “M’hemm l-ebda seħer involut! Is-sigriet għas-suċċess fil-bonsaj huwa l-imħabba u d-dedikazzjoni, flimkien ma tisqija bil-għaqal! Bażikament dawn is-siġar jinżammu ċkejknin billi wieħed inaqqi l-weraq ġdid u jnaqqas mill-għeruq b’kura, b’paċenzja u b’rispett.”

    “Mhux ħafif li ssib kliem tajba biżżejjed li jfissru l-emozzjonijiet kollha li jħoss wieħed meta joqrob lejn siġra bonsaj. Però ħarsà iktar mill-qrib lejha tagħti tifsira iktar valida. Kull min għandu xi siġra tal-bonsaj jista’ jispjegalek kemm dan il-passatemp jagħtik ferħ u serħan il-qalb. Kif tkellimna, kien hemm żmien meta dawn kienu meqjusa bħala ħwejjeġ sagri, imma llum hemm min jikkunsidrahom bħala pets, filwaqt li oħrajn ixebbħuhom ma’ poeżiji 3D.”

    “Jekk wieħed jagħraf jieħu ħsieb dawn is-siġar, iċ-ċokon tagħhom joffri l-opportunità li wieħed ikabbar foresta sħiħa ġo bitħa żgħira! U speċjalment f’dawn l-aħħar snin, meta sfortunatament qed naraw l-ambjent jittiekel ftit ftit u jogħsfor minn quddiem għajnejna, li jkollok siġra ċkejkna taż-żebbuġ jew tat-tin f’darek, protetta minnek, żgur li toffrilek sodisfazzjon li xejn aktar ma jista’ jagħtik.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (15 parti) fit-Torċa tas-17 t’Awissu 2014)

    2014.08.17 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • PONT MAĊ-ĊINA – IL-ĦAMES PARTI – B’tislima

     

    Xu Huizhong Gu Yanzhao

     

    Fil-5 t’April 2014, rappreżentanti mill-Ambaxxata taċ-Ċina f’Malta u numru oħra ta’ persuni Ċiniżi, ngħaqdu ma’ xi individwi Maltin, fosthom mal-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, mas-Sindku ta’ Santa Luċija, Frederick Cutajar u ma’ membri tal-Malta-China Friendship Society, sabiex jattendu għal ċerimonja ta’ tifkira taż-żewġ ħaddiema Ċiniżi li tilfu ħajjithom f’pajjiżna fl-1979. Dawn iż-żewġ ħaddiema kienu jiffurmaw parti minn mijiet ta’ Ċiniżi li ntbagħtu mill-gvern tagħhom f’pajjiżna, sabiex jgħinu fil-kostruzzjoni tad-Dry Dock numru 6, jew kif inhu magħruf illum, ir-Red China Dock. Dan sar wara ftehim fis-sebgħinijiet bejn iċ-Ċina u Malta, fejn iċ-Ċina qablet li tagħti daqqa t’id lill-gżejjer tagħna li kienu għadhom qed jirkupraw biex ikabbru l-ekonomija tagħhom.

    Iż-żewġ ħaddiema Ċiniżi li tilfu ħajjithom f’Malta

    Sfortunatament, Xu Huizhong, inġinier Ċiniż ta’ 47 sena, tilef ħajtu traġikament fis-16 ta’ Marzu 1979 waqt li kien qed jaqdi dmiru fil-bini tal-baċir. Huwa ġie onorat bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika fit-23 t’April 1979. Min-naħa l-oħra, l-inġinier Gu Yanzhao, miet b’kawża naturali fl-età ta’ 46 sena, waqt li hu wkoll kien qed jaħdem fl-istess baċir. Kienu l-familjari tagħhom stess li għażlu li dawn iż-żewġ ħaddiema jindifnu f’Malta sabiex b’hekk huma jsibu l-mistrieħ u l-paċi fil-pajjiż li ħadmu għalih. Il-familjari xtaqu wkoll li permezz ta’ din id-deċiżjoni, dawn l-għeżież tagħhom ikunu ‘preżenti’ meta l-proġett jitlesta u li l-quddiem, in-nies tal-lokal jibqgħu jiftakruhom b’rispett.

    Fi kliem il-Ministru Scicluna, “M’hemmx sinjal akbar ta’ ħbiberija minn dik li tagħti ħajtek biex tgħin lil pajjiż ieħor.” U hekk kif bħalissa, permezz ta’ dawn l-artikli, qiegħda kull ma mmur nersaq u ninġibed aktar lejn iċ-Ċina u lejn niesha, ma stajtx inħalli dan il-mument jgħaddi mingħajr ma nistħarreġ aktar din l-istorja u dak kollu li bsart li se ġġib magħha….

    It-tradizzjoni antika taċ-Qingming Festival

    Bdejt billi żort il-qabar ta’ dawn iż-żewġ ħaddiema Ċiniżi li jinsab fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Miegħi ħadt bukkett fjuri sabiħ ikkulurit biex nuri sinjal ta’ rispett u mħabba. Iżda hekk kif wasalt quddiem il-qabar, mill-ewwel intbaħt li kont erġajt missejt ma’ xi aspett ieħor tal-kultura Ċiniża, hekk kif il-fjuri kollha li kienu tħallew qabel waqt iċ-ċerimonja msemmija, kienu ta’ lewn abjad u isfar. Mort mill-ewwel lura d-dar sabiex nifhem aħjar x’kien qed jiġri u sibt li din il-funzjoni annwali kienet tagħmel parti minn tradizzjoni antika Ċiniża magħrufa bħala Qingming Festival.

    Sabiex jgħinuni nifhem aktar dan il-kunċett, din il-ġimgħa ltqajt ma’ Qiu Guangling u ma’ l-assistent tagħha, Shi Qidong, ġewwa l-Ambaxxata taċ-Ċina f’Malta. Huma infurmawni li dan il-festival jifforma parti mill-24 aspett tal-kalendarju lunari Ċiniż fejn fosthom matulu jiġu ċċelebrati l-bidu tar-Rebbiegħa, u t-tifkira tal-antenati u tal-mejtin. Hemm min jirreferi għal dan il-Festival bħala ‘Pure Brightness Day’ jew inkella ‘Tomb-Sweeping Festival’ u dan dejjem jaħbat madwar il-5 t’April.

    Il-leġġenda ta’ Jie Zitui

    Iċ-Qingming Festival sikwit jiġi assoċċjat ma’ Jie Zitui li fis-7 seklu Q.K. kien jgħix fil-provinċja ta’ Shanxi. Jingħad li hu kien wieħed mill-ftit uffiċċjali li segwa lill-Chong Er, it-tifel tad-Duka ta’ Jin, meta dan kellu jħalli l-pajjiż minħabba nkwiet kbir li nqala’. Chong Er għex għal 19 il-sena fl-eżilju u s-sitwazzjoni li kien jgħix fiha tant kienet miżerabbli, li finalment abbandunah kulħadd, apparti ħames individwi, fosthom Jie Zitui. Dan l-uffiċċjal tant kien jirrispetta lill-kap tiegħu li meta darba minnhom Chong Er kien qed imut bil-ġuħ, huwa qata’ parti minn kuxxtejh u sajjarhielu ħalli dan ikun jista’ jistejqer b’laħmu.

    Intant, ġie żmien meta Chong Er irnexxielu jerġa’ jirbaħ it-tron li kien jistħoqqlu u huwa reġa’ lura lejn Jin bħala mexxej. Miegħu huwa ħa lill-uffiċċjali li kienu baqgħu leali lejh fi żmien tant imwiegħer u lil dawn tahom it-titlu ta’ nobbli. Imma għal xi raġuni, huwa nesa lil Jie Zitui li ormaj kien invalidu minħabba s-sagrifiċċju li kien għamel għall-kap tiegħu. Madanakollu, Chong Er ma damx ma ntebaħ bl-iżball li għamel u għalhekk huwa erħilha lejn il-muntanja Mian biex ifittex lil Jie Zitui, fejn dan kien mar joqgħod m’ommu. Iżda Jie Zitui kien sab l-hena fir-rifuġju tan-natura tal-ambjent tal-muntanja u b’xejn ma ried imur lura lejn il-belt. Għaldaqstant huwa baqa’ mistoħbi bit-tama li Chong Er jaqta’ qalbu u jħallih fil-paċi. Imma dan ma kellux ikun għax meta l-mexxej baqa’ ma sabx lil ħabibu, huwa tant webbes rasu li ried isibu, li ordna li l-foresta tal-muntanja tingħata n-nar ħalli Jie Zitui jiġi sfurzat joħroġ mill-moħba tiegħu. In-nar dam jaqbad tliet ijiem sakemm inħarqet il-muntanja kollha u meta n-nies ta’ Chong Er marru jfittxu lil Jie Zitui, huma sabuh maħruq flimkien m’ommu. Chong Er iddispjaċih ferm għalli ġara u b’rispett lejn dawn iż-żewġ individwi, huwa difinhom ħdejn il-muntanja Mian li bidlilha isimha għal Jie, u fuqha huwa bena tempju għall-memorja tagħhom.

    Bħala tifkira ta’ din it-traġedja, huwa ordna wkoll li kull sena, proprju f’dawk it-tliet ijiem, ħadd ma seta’ jqabbad nar fid-dar, u l-ikel kellu jittiekel kiesaħ biss. Kien hawnhekk li ngħata l-bidu għal ‘Hanshi’ jew ‘Cold Food Festival’. Aktar tard, madwar 300 sena ilu, fi żmien id-Dinastija Qing, dan il-Festival twaħħad maċ-Qingming Festival u l-okkażjoni nbidlet f’waħda ta’ tikira u sagrifiċċju għall-antenati. Illum, il-‘Cold Food Festival’ jiġi ċċelebrat ġurnata qabel iċ-Qingming u l-attivitajiet jibqgħu sejrin għal tliet ijiem sħaħ.

    Hekk kif aħna nagħmlu fil-bidu ta’ Novembru, meta nżuru ċ-ċimiterji u nuru r-rispett tagħna lejn qrabatna mejtin, fiċ-Ċina dan isir fil-bidu t’April. Għadd kbir ta’ nies jinġabru fiċ-ċimiterji biex inaddfu l-oqbra, jiżbgħu mill-ġdid il-kalligrafija li jkollhom miktuba fuqhom, jixgħelu l-inċens, u jħallu kriżantemi bojod u sofor, liema fjuri fil-kultura Ċiniża jesprimu s-swied il-qalb u n-niket. Barra minn hekk, huma joffru wkoll xi ikel u xorb lill-mejtin tagħhom u wara l-familjari jinġabru fuq il-qabar stess jew fil-ġonna tal-madwar sabiex jieklu dan l-ikel flimkien.

    Yin House Feng Shui

    Ta’ min isemmi illi meta jiġi biex jintagħżel sit għad-dfin, fiċ-Ċina jitqabbdu esperti tal-Feng Shui, liema użanza tikkonsisti minn forom ta’ arti u xjenza antiki li nħolqu f’dan il-pajjiż madwar 3000 sena ilu. L-għan prinċipali tal-Yin House Feng Shui huwa illi permezz ta’ għażla għaqlija tal-art fejn jindifnu l-mejtin, l-enerġija tagħhom tiġi mibdula f’enerġija pożittiva sabiex din tiġi riflessa f’riżq għall-familjari. Infatti ċ-Ċiniżi jemmnu illi jekk il-mejtin ma jitħallewx jistrieħu fil-paċi f’post li jassiguralhom serenità, il-familjari l-ħajjin isofru l-konsegwenzi.

    L-oqbra imperjali taċ-Ċina

    Dan il-prinċipju dwar l-oqbra ra l-bidu tiegħu meta l-bniedem ħoloq il-kunċett tar-ruħ u b’hekk daħħal ukoll l-idea ta’ ħajja oħra wara din. Għalhekk matul is-snin insegwu diversi tibdiliet fl-oqbra u dawn iservu bħala mera tal-ideat tas-soċjetà li tkun sawwrithom. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-oqbra bdew kull ma jmur jirraffinaw ruħhom sakemm fil-perjodu ta’ wħud mill-aktar dinastiji qawwija, l-oqbra imperjali ħadu s-sura ta’ tempji sħaħ bil-ħsieb li l-mexxej seta’ jgawdi l-istess ambjent li kien imdorri fih f’ħajtu, anki wara mewtu.

    Il-Musulew tal-imperatur Qin Shi Huang

    Dan il-musulew inbena mill-imperatur Qin Shi Huang fit-3 seklu Q.K. sabiex iservi bħala l-qabar tiegħu. Din il-binja enormi kienet waħda minn ta’ l-ewwel ta’ din ix-xorta, fejn l-ambjent tal-madwar intagħżel apposta sabiex joffri l-atmosfera ġusta għall-imperatur wara li jmut. Skont kittieba antiki, oriġinarjament, dan il-musulew kien madwar 120 metru għoli u l-bażi tiegħu kellha qies ta’ 2167 metru. Diversi siġar u pjanti ġew imħawwla fl-inħawi sabiex isebbħu l-post, filwaqt li nbena lqugħ għall-ilma b’għoli ta’ 10 metri u tul ta’ 1400 metru ħalli jiġi evitat li l-ilma tax-xmajjar li kienu fil-qrib jgħerrqu l-inħawi. Barra minn hekk, inbidel il-kors tax-xmara li kienet tagħti lejn in-nofsinhar ta’ dan il-musulew u minflok il-passaġġ tagħha ddawwar fix-xmara Weihe ħalli b’hekk ilmijietha ma jkunux ta’ ostaklu.

    Huwa stmat illi ntużaw madwar 12.8 miljun metru kubu ta’ art biex biha tissawwar l-art tal-qabar tal-imperatur u ta’ xi oqbra oħra fl-istess sit, flimkien mal-kostruzzjoni tal-ilqugħ tal-ilma u tal-istatwi li kellhom jitpoġġew fil-post. Barra minn hekk, kien hemm bżonn ukoll 1.2 miljun metru kubu ieħor ta’ art sabiex biha jinbena l-qabar tal-imperatur. Ta’ min isemmi illi dan il-ġebel kollu ġie maqtugħ minn barrieri fil-muntanja Ganquan li kienet tinsab 200 kilometru bogħod mis-sit tal-musulew!

    Għal ġewwa dan il-qabar, l-imperatur Qin Shi Huang, ordna li jitpoġġew ukoll xogħolijiet imprezzabbli artistiċi u ta’ sengħa mill-aqwa, fosthom ġojjelli maħduma mid-deheb u l-fidda, tpinġijiet, kitbiet, ħwejjeġ u drappijiet u għadd ta’ dekorazzjonijiet oħra. Finalment, tant kien hemm ġid ġewwa dan il-musulew li huwa diffiċli biex wieħed jikkalkula kemm dawn setgħu swew ħin, xogħol, ħajjiet, materjal u flejjes. Imma ċertament, hekk kif l-imperatur miet u difen kollox miegħu, huwa refa wirt kulturali mill-ifjen għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara.

    Iżda l-imperatur ried aktar minn hekk bħala akkompanjament għall-vjaġġ tiegħu wara mewtu. Infatti biex inbena dan il-qabar, apparti li kienu ntagħżlu l-aqwa nies tas-sengħa, il-kostruzzjoni tiegħu li ħadet snin sħaħ, saret minn bosta kriminali, bdiewa li ma ħallsux it-taxxi, u skjavi. U flimkien mat-tiswir ta’ qabar l-imperatur, dawn kellhom jibnu wkoll qabar ieħor fuq art li kienet tinsab 1400 metru bogħod, li finalment laqgħet fiha lill-kriminali li ndifnu flimkien mal-imperatur mejjet. Infatti, waqt skavi arkeoloġiċi, instab li dan il-qabar kellu medda ta’ madwar 1,200 metru kwadru u li kien miżgħud bl-għadam uman.

    Ironikament, għalkemm kien qed ilesti post tant fantastiku għal wara mewtu, dan l-imperatur kien beżgħan ferm mill-mewt u għamel snin sħaħ ifittex il-famuż eliżir tal-ħajja sabiex jakkwista l-font tal-eternità. Minħabba li hu kien tirann krudili, saru diversi attentati fuq ħajtu imma dejjem irnexxielu jiskappaha. Sakemm darba xortih ħallietu u huwa miet waqt vjaġġ wara li bela’ xi pilloli tal-merkurju li suppost kellhom itawwlulu ħajtu!

    L-imperatur Qin Shi Huang tant kien mibgħud li wara mewtu, id-dinastija tiegħu ntemmet fi ftit taż-żmien u l-qabar tiegħu ġie misruq u maħruq aktar minn darba. Madanakollu, dan il-musulew tant kien massiċċ illi fis-sena 1974, waqt li xi bdiewa Ċiniżi kienu qed iħaffru bir, huma sfrundaw f’parti oħra li kienet għadha ma ġġarfitx u dak li nstab ħalla lil kulħadd mistagħġeb. Grupp ta’ arkeoloġisti ntbagħtu minnufih biex jiskavaw u jieħdu ħsieb is-sit fejn fost is-sejba enormi u unika, kien hemm armata kbira ta’ suldati tat-terrakotta akkumpanjati minn numru ta’ karrijiet biż-żwiemel, kollha b’daqs reali. Għalkemm instabu mijiet minn dawn is-suldati li kull wieħed ġie maħdum b’mod individwali u b’fattizzi u pożizzjonijiet differenti, huwa maħsub li b’kollox hemm madwar 8,000. Barra minn hekk, jidher li hemm ukoll 130 karru b’520 żiemel, u 150 żiemel tal-kavallerija midfuna f’dan il-musulew.

    Kull sena din is-sejba tiġbed eluf ta’ turisti lejn dan il-post. U kull meta tittella’ xi esebizzjoni f’pajjiżi oħra b’xi wħud minn dawn l-oġġetti li nstabu, din dejjem ikollha ħafna konkorrenza. Dan stqarritu wkoll il-Kuratriċi Anzjana tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija f’Malta, Sharon Sultana, meta fl-2007 f’pajjiżna ttelgħet esebizzjoni b’81 artifatt minn dan il-musulew tal-imperatur Qin Shi Huang, li fosthom kienu jinkludu 10 suldati tat-terrakotta u żewġt iżwiemel.

    Tradizzjonijiet oħra li jsiru waqt iċ-Qingming Festival

    Peress li dan il-festival jaħbat ukoll mal-bidu tar-Rebbiegħa, dan hu ż-żmien meta l-bdiewa jibdew jaħartu u jiżirgħu l-art tagħhom. Hu wkoll perjodu fejn diversi fjuri sbieħ jibdew isebbħu l-inħawi u għaldaqstant, parti miċ-ċelebrazzjoni tinkludi wkoll mixjiet fil-kampanja. Dan huwa wkoll mument fejn bosta żgħażagħ jiltaqgħu flimkien u bosta stejjer ġodda ta’ mħabba jibdew proprju f’dawn il-ġranet. Bħala tislima ferriħija għall-bidu ta’ dan l-istaġun ġdid, is-sema tintela’ b’għadd kbir ta’ manuċċi (jew tajr) maħdumin b’sengħa mill-aqwa u f’forom diversi u b’hekk dawn il-ġranet jiżżewqu anki b’memorji sbieħ u pożittivi.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa ta’ l-20 t’April 2014)

    2014.04.20 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • KURA ANTIKA 5000 SENA

    Dr Xu Jin HuaHuwa aktar importanti illi wiehed ikun jaf x’tip ta’ persuna tinsab marida milli jkun jaf x’tip ta’ marda ghandha l-persuna… Hippocrates (460 – 377 Q.K.)

    Din il-ġimgħa għażilt li nkompli nimraħ dwar x’opportunitajiet jeżistu biex intejjbu l-livell ta’ saħħitna. Fostom laqagħtni s-suġġett tal-agupuntura u l-fatt li din ilha tiġi applikata sa minn 5000 sena ilu. Bħala konferma ta’ dan għandna l-famuż ġisem immummifikat magħruf bħala Ötzi – il-bniedem tas-silġ.  Ötzi  għex madwar 3300 Q.K. u meta nstab fil-glaċier bejn l-Awstrija u l-Italja lura fl-1991, ġie nnutat illi fuqu kienu għadhom jidhru sinjali ċari ta’ agupuntura.

    Xtaqt insir naf aktar dwar din il-kura antika u għalhekk ħabiba tiegħi laqqagħtni mat-tabib Xu Jin Hua li matul dawn l-aħħar sentejn kien qiegħed joffri s-servizz tiegħu f’pajjiżna proprju f’dan il-qasam. Iltqajt miegħu fi klinika ġewwa Kordin magħrufa bħala – The Mediterranean Regional Centre For Traditional Chinese Medicine…

    “Jeżisti arranġament bejn Malta u ċ-Ċina sabiex pajjiżi joffri s-servizz professjonali ta’ tobba mħarrġa fl-agupuntura. L-iskop prinċipali huwa illi minbarra li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, fl-istess ħin tingħata kura u fejqan lill-poplu Malti permezz ta’ metodi tradizzjonali u effikaċi Ċiniżi. Apparti minni li qed naħdem ġewwa dil-klinika hawn ukoll tabib ieħor miċ-Ċina li jaħdem fl-isptar Mater Dei. Hemmhekk is-servizz huwa b’xejn imma l-lista hija twila ħafna biex tinqeda.”

    Kelli kurżità kemm l-użu tal-agupuntura huwa popolari f’Malta?

    “Fil-bidu kienet teżisti daqsxejn diffikultà peress illi l-metodi li nużaw aħna huma għal kollox differenti minn dak li l-Maltin huma mdorrijin għalih. Fiċ-Ċina l-agupuntura ilha tiġi applikata għal dawn l-aħħar 5000 sena u għalhekk hija kura popolari ħafna. F’Malta din il-klinika fetħet fl-1993 imma ftit ftit, permezz tan-nies stess li jattendu hawn u li jissuġġerixxu dil-kura lil ħaddieħor, il-klijenti bdew jiżdiedu aktar. Biss biss ngħidlek li f’din il-klinika jattendu kuljum madwar 15 sa 20 persuna sabiex jużaw is-servizzi tagħna.”

    It-terapija tal-agupuntura hija bbażata fuq it-teorija illi teżisti enerġija għaddejja fil-ġisem tal-bniedem magħrufa bħala ‘chi’ jew ‘qi’. Din iċ-‘chi’ hija maħsuba illi timxi matul kanali ta’ enerġija ġewwa l-ġisem tal-bniedem rikonoxxuti bħala ‘meridjani’. Jekk iċ-‘chi’ tiġi bblukkata permezz ta’ xi żbilanċ f’din l-enerġija, dan jista’ jikkawża mard fil-ġisem. Permezz tal-agupuntura, huwa possibbli li dan l-iżbilanċ jerġa’ jiġi rregolat u b’hekk il-ġisem jirkupra saħħtu lura.

    “Iva hekk hu,” ikkonfermali t-tabib. “Jeżistu 365 punti ta’ agupuntura fil-ġisem tal-bniedem li kollha jitqassmu f’14 il-kanal (‘meridjani’) differenti u kull wieħed minn dawn il-kanali jirrelataw ma’ organi speċifiċi tal-ġisem. Dawn il-kanali huma viċin ħafna tas-sistema nervuża tal-bniedem. Għaldaqstant huwa importanti ħafna illi min japplika l-agupuntura fuq l-individwi jkun professjonali u mħarreġ sewwa. Nuqqas ta’ esperjenza tista’ tikkawża danni serjissimi.

    Jiena ilni nipprattika l-agupuntura għal dawn l-aħħar ħmistax il-sena wara li ggradwajt bħala tabib u speċjalizzajt f’dan il-qasam.”

    L-agupuntura minn dejjem kienet timpressjonani proprju minħabba l-inserzjoni tal-labar fil-ġisem. Ikolli nammetti li l-idea tkexkixni. Imma fir-realtà għaliex jintużaw il-labar?

    “Fil-mediċina tradizzjonali Ċiniża s-saħħa tal-individwu hija kkunsidrata bħala dak il-bilanċ li jeżisti bejn il-yin u l-yang ġewwa l-ġisem. L-enerġija tal-ġisem (iċ-chi) hija immaterjali u allura nafuha bħala yang. Il-parti l-oħra hija l-element materjali li huwa d-demm li nsejjħulu ying. L-inserzjoni tal-labar fil-punti ġusti jirregolaw il-bilanċ bejn dawn it-tnejn u b’hekk jitfejjaq l-uġiegħ jew dak li jkun qed ixekkel is-saħħa tal-individwu.”

    L-inserzjoni tal-labar tweġġa’?

    “Jista’ jkun illi min qatt ma jkun esperjenza l-agupuntura, għall-ewwel jinħasad bid-dehra tal-labar. Imma kif jistgħu jgħidulek l-individwi stess li pruvawha, l-labar lanqas biss jinħassu. Aħna nużaw metodu veloċi ħafna ta’ inserzjoni fil-ġilda. Barra minn hekk tintuża’ profondità u direzzjoni speċifika skont l-għan li għalih tkun qed tiġi applikata l-agupuntura.

    Punt essenzjali huwa illi min jiddeċiedi li jieħu trattament tal-agupuntura jiġi b’mod preparat u mhux b’xi biża’ mil-labar. Meta wieħed ikun rilassat, kif għedtlek, ma jħoss assolutament l-ebda uġiegħ. Imma jekk wieħed iżomm ruħu iebes għax ma jkunx komdu, jagħmel lilu nnifsu aktar sensittiv u għaldaqstant din l-esperjenza ma tkunx daqshekk pjaċevoli.”

    Biex nikkonferma dan, it-tabib Xu ħadni nara t-tneħħija tal-labar minn ġisem ta’ klijent fejn stajt nara biċ-ċar illi ma kien hemm l-ebda reazzjoni ta’ uġiegħ. Fl-istess waqt, it-Il-metodu tal-fentusitabib ħa l-okkażżjoni biex jurini wkoll xi metodi oħra differenti li jiġu applikati f’din il-klinika. Fostom rajtu jaħraq l-arja minn tazza tal-bambù u jpoġġiha fuq saqajn il-klijent bl-istess reazzjoni rilassata u bla uġiegħ ta’ xejn min-naħa ta’ dan ir-raġel …

    “Dan il-metodu jissejjaħ fentusi jew ‘cupping treatment’. Permezz tiegħu tista’ tiġi rregolata ċ-ċirkolazzjoni billi bis-sħana li tiġi applikata fuq parti partikolari tal-ġisem, jinġibdu ‘l barra xi tossiċi u impuritajiet oħra li jkunu nġabru f’dawk in-naħat. Mill-oskurita tal-kulur tal-marka li jħalli dal-metodu fuq il-ġisem, wieħed ikollu ndikazzjoni aħjar ta’ kemm hemm bżonn kura. Aktar ma din il-parti tiġi trattata, l-marka aktar tiċċara u tmur malajr minn fuq il-ġisem.”

    Fost informazzjoni oħra li ġbart waqt ir-riċerka tiegħi sibt illi anki l-widna tal-bniedem fiha diversi punti ta’ agupuntura differenti…

    “Fil-qasam tal-agupuntura nikkomparaw il-widna tal-bniedem mal-pożizzjoni maqluba ta’ fetu (inverted fetus concept) u jekk tinnota kif qed nurik f’din l-istampa, l-punti tal-agupuntura jaqblu eżatt mal-forma tat-tarbija rasha ‘l isfel. Fil-fatt permezz ta’ diversi punti fil-widna, l-agupuntura tista’ tirregolarizza l-organi interni, l-istrutturi u l-funzjonijiet tal-ġisem. Ġeneralment l-agupuntura tal-widna tintuża flimkien ma’ xi trattament ieħor ta’ agupuntura. Jistgħu jintużaw labar apposta għal din il-parti tal-ġisem imma teżisti wkoll tip ta’ żerriegħa ċkejkna u iebsa li taqdi l-istess funzjoni. Din iż-żerriegħa tiġi mwaħħla bi stikka żgħira fuq il-widna u l-individwu jkun mitlub jagħfasha regolarment matul numru ta’ ġranet sabiex ikompli jistimola l-parti involuta.”

    X’jista’ wieħed jitratta bl-agupuntura?

    “Hemm diversi affarijiet fostom uġiegħ ta’ ras, emikranja, uġiegħ fis-snien, fid-dahar u fl-għonq, xjatka, uġiegħ fl-istonku u ż-żaqq, konstipazzjoni, diarrhea, ażżma, sogħla u sintomi tal-influwenza, nuqqas ta’ abilità sesswali, paraliżi fil-wiċċ, insomnja, problemi ta’ fertilità, menstruazzjoni irregolari, eczema, acne, astensjoni mit-tipjip u tnaqqis ta’ aptit biex jonqos il-piż. Fuq kollox l-agupuntura tintuża wkoll bħala metodu ta’ rilassament biex tneħħi l-istress u xi sintomi oħra simili.”

    Lista twila mhux ħażin! Imma l-agupuntura kulħadd jista’ jużaha?

    “Iva. Saħansitra t-tfal, għalkemm minn dawn ftit li xejn ikollna. In-nisa li qed jistennew tarbija ukoll jistgħu jużaw din it-terapija iżda f’dawn il-każi hemm punti partikolari li ma jistgħux jintmissu.”

    Kemm iddum biex tara r-riżultati mixtieqa?

    “Jiddependi għal xiex wieħed ikun ġie. Madanakollu sa mill-ewwel sessjoni wieħed jibda jħoss l-effetti pożittivi. Naturalment individwu jrid jibqa’ jiġi regolari għas-sessjonijiet neċessarji biex jieħu l-benefiċċju totali tal-agupuntura. Biex nagħtik eżempju, xi ħaġa sempliċi bħal emikranja tibda tittaffa mal-ewwel imma tgħaddi għal kollox wara madwar 5 sessonijiet. Ovvjament l-agupuntura ma tagħmilx mirakli. Aħna nuru lill-klijenti tagħna kif iżommu ruħhom rilassati billi ma jħallux emozzjonijiet qawwija bħar-rabja u l-inkwiet jinvadulhom il-bilanċ ta’ ħajjithom għax dan jerġa’ jikkawża l-problemi mill-ġdid.”

    L-agupuntura hija trattament primarju jew kumplimentari; jiġifieri jista’ jintuża waħdu jew flimkien ma’ xi trattament mediċinali ieħor?

    “Le. L-agupuntura huwa trattament primarju. Fuq kollox huwa metodu naturali u allura għall-kuntrarju ta’ meta wieħed jieħu l-mediċina, ma jitħallew l-ebda effetti ulterjuri.

    Sfortunatament hawn Malta bosta mit-tobba lokali ma tantx għandhom esperjenza jew interess fil-qasam tal-agupuntura u għalhekk ftit li xejn jirreferu klijenti għandna. Li kieku l-agupuntura kellha tiġi ntrodotta aktar f’dan il-pajjiż, bla dubju ħafna aktar nies jifhmu l-benefiċċji ta’ din it-terapija u jkunu jistgħu jgawdu minnha.

    Biex nagħtik eżempju ċar, fost il-klijenti tiegħi għandi tlett tobba Maltin li jiġu jieħdu kura regolari f’din il-klinika. U hemm nara d-differenza hekk kif dawn jissuġġerixxu din it-terapija lill-klijenti tagħhom meta jaraw illi dawn ser imorru ferm aħjar permezz tal-agupuntura milli bl-amministrazzjoni tal-pilloli.

    Irrid nagħmilha ċara li m’inix qiegħed immaqdar il-mediċina tal-punent għax jiena ġejt imħarreġ anki f’din u nagħraf sewwa l-vantaġġi tagħha. Però nemmen illi l-agupuntura għandha ħafna x’toffri u mhux kulħadd huwa konxju minn dan.”

    Din il-laqgħa mat-tabib Xu kienet tassew informattiva u rivelanti fl-istess ħin. It-terapija tal-agupuntura tant hija differenti mill-kura li nafu aħna illi donnok jekk ma tarahiex b’għajnejk jew tħossha fuqek issibha daqsxejn diffiċli biex tifhem il-kunċetti tagħha.

    Matul l-intervista li għamiltlu, numru ta’ klijenti kienu qed jirċievu trattamenti differenti fil-klinika. Innutajt li kollha kellhom rispett kbir lejn dan it-tabib imma li kollha kienu qed isellmulu u jagħtuh il-vjaġġ it-tajjeb…

    “Hawnhekk ġejt naħdem fuq kuntratt ta’ sentejn u dil-ġimgħa ser jiskadi. Ikun hemm għażla intensiva għat-tobba li jintbagħtu hawnhekk. Jiġu nnominati biss l-aqwa professjonisti f’dan il-qasam, li fostom irid ikollhom esperjenza tajba u karattru kariżmatiku flimkien mal-personalità u l-abbiltà adegwata biex jagħtu l-aħjar servizz lill-klijenti Maltin. Hekk kif jgħaddu s-sentejn it-tabib jiġi mibdul ma’ ieħor.”

    Imma dan sewwa meta l-klijenti jkunu drawk u int drajt lilhom?

    “Għalkemm jiena hawnhekk ġejt minn qalbi u għamilt bosta ħbieb, in-nuqqas tal-familja nħossu ħafna. Għaldaqstant ninsab sodisfatt li għamilt sagrifiċċju fejn għext il-bogħod mill-familja tiegħi għal sentejn sħaħ imma fl-istess ħin stajt nagħmel tant ġid lill-familja ħafna akbar – lill-poplu Malti. Iżda issa nixtieq ħafna nerġa’ nħaddan lill-familja tiegħi miegħi.”

    X’jidhirlu minn Malta u l-Maltin?

    “Meta sirt naf li ser niġi nagħti s-servizzi tiegħi f’Malta, mort infittixha fuq il-mappa biex nara fejn hi. Imma ma stajt insibha mkien u minflok fil-post li ndikawli bdejt naqra Valletta. Meta stħarriġt aktar irrealizzajt li dik kienet il-belt kapitali ta’ Malta!

    Għalkemm Malta hi pajjiż ċkejken meta kkomparata ma’ fejn ngħix jien, stajt napprezza li hi pajjiż sabiħ ħafna. Partikolarment togħġobni l-mixja bejn tas-Sliema u San Ġiljan. Nixtieq kieku nerġa’ niġi nżur dan il-pajjiż darb’oħra. Il-klima togħġobni ħafna. Imma l-aktar għal qalbi huma n-nies li ltqajt magħhom; nies ġentili mmens li laqgħuni b’qalb kbira ħafna fostom. Nittama fuq kollox illi rnexxieli nilħaq l-għan prinċipali tiegħi – dik li nressaqhom aktar lejn il-kura tal-agupuntura sabiex saħħithom u ħajjithom tkun ferm aħjar.”

    Ħadt l-opportunità biex nieħu wkoll il-kummenti ta’ żewġ klijenti li kienu qed jużaw it-terapija tal-agupuntura f’din il-klinika….

    Dawn huma l-kummenti ta’ EMILIO BUTTIGIEG:

    “Ilni nipprova diversi metodi bit-tama li nnaqqas il-piż tiegħi imma qatt ma rnexxa xejn. Darba minnhom tħajjart nara x’toffri t-terapija tal-agupuntura. Fittixt ftit fuq l-internet u mbagħad xtaqt insibEmilio Buttigieg professjonista tajjeb li stajt nattendi għandu. Ippreferejt dil-klinika peress illi hawnhekk issib speċjalisti Ċiniżi illi ilhom għal diversi snin jaħdmu f’dan il-qasam.

    Xi ħaġa interessanti li għandek tkun taf dwari hija li jiena nibża’ biża’ tal-mewt mill-labar! Tant hu hekk illi ftit ilu mort nieħu t-tilqima tal-influwenza u tani ħass ħażin. Imma mbagħad b’xi mod għamilt il-kuraġġ u ġejt hawn u tant mort tajjeb mill-ewwel għax ma ħassejt l-ebda uġiegħ li issa qed niġi b’mod regolari għas-sessjonijiet tal-agupuntura. Permezz tal-użu tal-labar it-tabib Xu spjegali li kien ser jonqosli l-aptit sabiex b’hekk inkun nista’ nnaqqas mill-piż. Fil-fatt diġà nnutajt illi ċertu ġuħ esaġerat li kien jaqbadni l-ħin kollu ġie eliminat u issa qed niekol b’aktar qies u ovvjament inqast ftit ukoll.

    Idealment nagħmel ukoll ftit tal-eżerċizzju imma minħabba l-piż tiegħi għalissa ma nistax. L-istess piż ħoloqli uġiegħ kbir partikolarment f’irkubbtejja. Għaldaqstant kif inti stess stajt tara, t-tabib qiegħed japplikali l-metodu tal-fentusi – xi ħaġa li kienet issir xi snin ilu anki fid-djar Maltin. Anki hawn, kull ma tħoss ġibda żgħira u daqshekk.

    Inizzjalment id-dehra tal-labar jafu jnaffru lil dak li jkun. Imma fir-realtà bis-saħħa ta’ din it-terapija nħossni rrilassat ħafna u li ftit ftit ser nasal biex nilħaq l-għan li nixtieq.”

    Dawn huma l-kummenti ta’ JANE SULTANA:

    “Jiena bdejt niġi hawnhekk peress li nbati minn uġiegħ qawwi f’dahri tant li f’xi ġranet bilkemm inkun nista’ nistaportih. Introduċitni hawnhekk il-mara tat-tifel li semgħet mingħand xi wħud kemm dan il-Jane Sultanametodu tal-agupuntura kapaċi verament itaffi l-uġiegħ. Nista’ nikkonfermalek li sa mill-ewwel darba li ġiet applikata l-agupuntura fuqi, ħassejtni ħafna aħjar. Issa ilni niġi hawn għal dawn l-aħħar xahrejn, darba kull ġimgħa u l-uġiegħ ittaffa’ ħafna.  Anki jiena nuża t-trattament tal-fentusi u nsibu siewi ħafna. Kull ma tħoss ġibda żgħira u l-marka li tibqa’ fuq il-ġilda, sal-ġurnata ta’ wara tkun diġà marret.  Lil dawk li jibżgħu mill-labar, nixtieq inserrħilhom rashom illi l-inserzjoni tal-labra lanqas biss tħossha. Tħoss biss il-benefiċċji li kapaċi tagħti din it-terapija.”

    Barra minn hekk, fuq il-link: http://www.youtube.com/watch?v=gsvkbsF2FhY wieħed jista’ jara filmat qasir dwar il-metodi tal-agupuntura u l-cupping. (Kortesija ta’ Alfred u Jasmine Grech)

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Jannar 2010)


    2010.01.10 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • QEGĦDIN NAGĦRFU BIŻŻEJJED IL-POTENZJAL TAĊ-ĊINA?

    INTERVISTA: RENO CALLEJA - President tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina

    Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina?

    Reno CallejaStorja twila iżda ta’ min jirrakuntaha għax qatt ma ħriġtha fil-beraħ. Fis-sittinijiet jien kont attiv ħafna fl-Għaqda Żgħażagħ Laburisti. Il-Partit Laburista kien qed jagħmel ġlieda bis-serjetà biex Malta tikseb il-Ħelsien. Dak iż-żmien twaqqfet l-AAPSO (The Afro Asian People’s Solidarity Organisation) biex tagħmel pressjoni fuq il-kolonjalisti biex jagħtu l-ħelsien lil pajjiżi maħkuma minnhom.   Jien kelli qilla kbira kontra l-Punent għax kont inħoss li qed iżomm mal-Ingliżi. Għalhekk kien naturali għalija li fl-Unjoni Sovjetika nara ħabib ta’ Malta.  Għalkemm kont nemmen fis-sistema pluralistika  u demokratika tal-Punent, is-sistema xellugija bdiet tiġbidni lejha. Castro, Krechev u ħafna ġellieda kontra l-Punent kienu l-idoli tiegħi. Niftakar li darba minnhom, waqt li kont fuq xogħol bħala reporter mal-Orizzont, sejjaħli Mintoff. Staqsini jekk kienx minnu li kont “qed ninnamra mar-Russi”. Jien weġibtu “Ma’ min trid tinnamra, mal-Amerikani?”. U hu dar lejja kwazi nkurlat u qalli  “Isma’ xbin, dawk   pu——ijiet daqs l-Amerikani.  Iċ-Ċina. Ħares lejn iċ-Ċina.  Dawk veru ħbieb ta’ nies bħalna.” Dal-kliem erġajt ftakart fih meta f’Ġunju tal-1971 iltqajt mal-kittieb u ġurnalista Afro-Amerikan Richard Gibson. Dan spjegali kif ra mat 30,000 ħaddiema Ċiniżi jaħdmu bil-lejl u bi nhar biex jibnu l-linji tal-ferroviji li tgħaqqad lit-Tanganijika u ż-Żanżibar. Biex għamlu dan, għaddew minn ġo muntanji, ġungli, telgħat, niżliet … insomma biċċa inġinerija meraviljuża. Għamlu dan mingħajr ma stennew xi favuri mingħand Nyerere li kien qed jiġġieled għal ħelsien ta’ pajjiżu. Richard ħeġġiġni biex inwaqqaf Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. Fija nibtet xrara ta’ ammirazzjoni għaċ-Ċina u fl-istess ħin ikkonfermajt x’viżjoni kellu Mintoff. Kellimt lil Charles Mizzi, Joe Conigolio tal-GWU, Richard Matrenza, Gigi Gauci u Charles Farrugia u flimkien waqqafna l-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. Kellna l-ewwel uffiċju tagħna f’kamra waħda fi Triq Zekka. Minn hemm ma ħaristx lura. Bqajt dejjem ħabib ta’ dan il-poplu. Mument li ma ninsa qatt huwa meta kelli l-unur li Mintoff, bħala Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, qabbad lili biex nagħti l-Midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika, li hija l-għola unur li tista’ tagħti Malta, lill-armla ta’ ħaddiem  Ċiniz, Xu Hwej Xung, li miet f’Malta waqt li kien qed jaħdem fuq ir-Red China Dock.

    Taħseb li hemm rieda biżżejjed biex il-Gvern Malti jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu maċ-Ċina?

    Ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina huwa qasam fejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’Malta jaqblu li għandhom jitkattru u jissaħħu. Il-Partit Nazzjonalista  fil-bidu tas-sebgħinijiet għamel gwerra lil gvern Laburista dwar ir-relazzjonijiet li kien waqqaf maċ-Ċina.  Kelliema tal-Partit Nazzjonalista u l-aktar il-gazzetti li kienu jappoġġjawhom, inkluż it-Times u s-Sunday Times, kienu jwerwru lill-Maltin li ċ-Ċiniżi kienu se jiekluhom. Kienu jgħidu li ċ-Ċiniżi qegħdin Malta għax tilfu l-Albanija u għalhekk riedu jagħmlu bażi f’Malta. Qalu li ċ-Ċiniżi riedu jdaħħlu l-Kommuniżmu f’Malta u ħafna ħmerijiet oħrajn. Kienu jattakkaw bl-aħrax il-ftehim finanzjarju li Mintoff iffirma ma’ Chou En Lai u qalu li ċ-Ċina kienet se teħdilna ħafna aktar milli tagħtna.  Attakkaw il-fabbriki li fetħu ċ-Ċiniżi u l-proġetti li kienu qed jgħinuna biex nibnu. Uħud min-Nazzjonalisti kienu jgħoxew jiddieħqu biċ-Ċiniżi għax kienu jgħidu li huma wiċċ wieħed u li kollha jilbsu l-istess; qmis mal-għonq u qalziet griż. Minkejja dan kollu, huwa mertu ta’ nies bħal Guido Demarco u Ċensu Tabone, li malli ndunaw li l-Punent kien qed iħares lejn iċ-Ċina bħala qawwa  ekonomika li kienet qed tikber kuljum, in-Nazzjonalisti dawwru r-rotta u saru ħbieb taċ-Ċiniżi wkoll. Madankollu wara li għidt dan, nistqarr li fil-fehma tiegħi mhux qed isiru sforzi bizzejjed biex Malta tgawdi biżżejjed mill-progress enormi li għamlet iċ-Ċina. Għal snin twal il-gvern Nazzjonalista kien ossessjonat li jgħaqqad lil Malta mal-Ewropa. Kważi r-riżorsi kollha tal-Uffiċju tal-Affarijiet Barranin Malti huma ngranati biex jitkattru u jikbru r-relazzjonijiet tagħna mal-Ewropa. Jiena naqbel ma’ dan. Iżda jidhirli illi fil-ħerqa tagħna biex nagħmlu dan, qed ninjoraw il-potenzjal enormi li hemm fil-qasam ta’ ko-operazzjoni ekonomika li Malta jista’ jkollha maċ-Ċina.

    Illum id-dinja kollha qed ’tilgħaq’ liċ-Ċina. Aħna le. Nistennew il-bajtra taqa f’ħalqna. Hemm ħafna oqsma fuqhiex nistgħu naħdmu bħal qasam ta’ proġetti bi sħab, il-qasam tat-trasport, il-qasam tal-loġistika u l-qasam finanzjarju.  Fil-qasam tat-turiżmu, fejn Malta tista’ tkun aktar aggressiva u pro-attiva biex tgawdi mill-progress enormi li ċ-Ċina għamlet u għadha qed tagħmel, m’hemm l-ebda rieda politika biex dan isir. Meta Malta ser ikollha sena ħażina għax l-Ewropa għaddejja min riċessjoni kbira, inħoss li reqdin raqda fonda aktar minn ta’ qanfud fix-xitwa. Kilt ilsieni ngħid lil min hu fil-poter biex nimbarkaw fuq kampanja serja u aggressiva fiċ-Ċina u biex nagħmlu alleanzi ma’ operaturi turistiċi Ċiniżi li jibgħatu miljuni ta’ turisti f’diversi pajjiżi. Iżda sal-lum, kliemi waqa’ fuq widnejn torox.  Dan l-aħħar aġent tal-ivjaġġar Ċiniż, infaqa’ f’ittra li kiteb fit-Times fejn ikkrittika bl-aħrax lil Malta għax raqdet fejn jidħol is-suq Ċiniż. Qal ċar u tond li pajjiżi li bdew ir-relazzjoni tagħhom maċ-Ċina wara Malta, qed jiġdbu mijiet ta’ eluf ta’ Ċiniżi lejn pajjiżhom. Hawn Malta, in-numru ta’ turisti Ċiniżi li jiġu, tgħoddhom fuq ponot subgħajk!

    X’kontribut tħoss li tista’ tagħti inti biex dan iseħħ, anki mil-lat tal-Għaqda li inti President tagħha – L-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina?

    L-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina ilha tagħmel xogħol il-gvern għal snin twal. Per eżempju sentejn ilu jien organizzajt festival tal-ikel Malti fi Guangdong, l-akbar provinċja fiċ-Ċina fejn hemm 81 miljun ruħ. Miegħi ħadt furnar Malti minn Ħal-Qormi, wieħed mis-sidien tal-Maypole Bakery. Kellha tkun il-lukanda Westin u kellu jkun sid il-Maypole li ħallsu minn buthom biex jgħinuna sabiex dan il-festival tal-ikel Malti sar fiċ-Ċina. Il-Ministeru tat-Turiżmu lanqas ewro wieħed ma tana. Eżempju ieħor huwa illi kull sentejn, l-Għaqda tibgħat grupp ta’ żeffiena biex jieħu sehem f’festivals tal-folklor fiċ-Ċina. L-Għaqda tieħu sehem ukoll f’diversi kompetizzjonijiet ta’ fotografija, pittura u oqsma oħra tal-arti. Iġġib f’Malta diversi delegazzjonijiet mill-Għaqdiet ta’ Ħbiberija fiċ-Ċina. Kontinwament tgħin, fejn tista’ u fejn tiġi mitluba,  lil negozjanti Maltin biex jinfdu fis-suq Ċiniż. Dak li nagħmlu aħna b’mod volontarju ma jagħmlux il-gvern. Għax kif diġà għidt, ma hemmx ir-rieda politika biex dan isir. Ħafna kliem sabiħ, iżda meta niġu għas-sustanza, ftit li xejn. Il-Malta Tourism Authority qed tonfoq il-miljuni fi swieq diġà stabbiliti. Iżda sal-lum qatt ma ħadet bis-serjetà s-suq Ċiniż. Jiena qed nistenna li meta f’Lulju li ġej l-Għaqda tieħu sehem fil-festival ta’ Tianjin, l-MTA tgħinna biex intellgħu grupp ta’ żeffiena Maltin. Naf li aktarx qed noħlom. Iżda se nippruvaw.

    Minn rapporti fuq gazzetta lokali jidher li biex nies Ċiniżi jiġu Malta qegħdin isibu diffikulta’ biex jakkwistaw viża. Għaliex taħseb li qed iseħħ dan?

    Dan għalija misteru akbar mis-sigriet ta’ Fatima. Hu minnu li wara dak li ġara xi snin ilu, meta f’Malta nkixfet konfoffa fejn ħafna Ċiniżi kienu qed jiġu Malta biex jaħarbu lejn l-Italja, illum l-Ambaxxata tagħna fiċ-Ċina, bir-raġun, toqgħod attenta ħafna qabel toħroġ il-viża għaċ-ċittadini Ċiniżi. Iżda jekk pajjiżi oħra li   bħalna huma fis-Shengen Area, qed joħorġu eluf ta’ viżi, aħna għaliex le? Tgħid qed inkunu kattoliċi aktar mill-Papa? Akkost tar-riċessjoni dinjija, ċ-Ċina xorta waħda se jkollha tkabbir ta’ 8 jew 9 fil-mija fl-ekonomija tagħha. Jekk Malta trid bis-serjetà tgawdi minn dan, ma tistax tibqa’ tikkontrolla kollox b’sitta min-nies fl-Ambaxxata ta’ Bejing.  Pajjiżi oħra fetħu ambaxxati kbar fiċ-Ċina biex ikunu attivi u biex pajjiżhom jibbenefika mill-ġid kbir li hemm f’dan il-pajjiż. Hekk kif ninvestu fl-Ewropa, għandna wkoll ninvestu fiċ-Ċina billi niftħu kounsulati tal-anqas f’żewġ provinċji oħra bħal Shanghai u Guangdong. Huwa minnu li konsulat iqum lil pajjiż daqs li kieku jkollu ambaxxata. Però bin-nuqqas ta’ għaqal li qed nuru, qed nitilfu l-qaleb u l-ġbejna. Moħħna biss fl-Ewropa meta fiċ-Ċina, fl-Indja u fil-Brażil qed isir progress kbir. Dawk li bdew warajna, għaddewna. Diġà qegħdin tard, iżda jekk isir dak li qed nissuġġerixxi jien, għad hemm iċ-ċans. Inkomplu ma nagħmlu xejn u lanqas il-frak ta’ fuq il-mejda ma ser jibqa’ għalina.

    Kif taħseb li Malta tista’ tibbenefika mill-ħbiberija maċ-Ċina?

    Naħseb li fir-risposti li tajtek ippruvajt nuri x’jista’ jsir biex Malta tgawdi mill-progress enormi li qed isir fl-ekonomija Ċiniża. Jien nemmen li hekk kif iċ-Ċina salvat lil Asja meta fl-l996/97 kien hemm kollass ekonomiku kbir f’dan il-kontinent, hekk ukoll din id-darba ser tkun iċ-Ċina li ser tghin ħafna biex ir-riċessjoni dinjija tingħeleb. Madanakollu ċ-Ċina ser titlob prezz. M’għandix dubju li ser titlob aktar sehem fit-tmexxija tal-Bank Dinji u fil-Fond Monetarju Internazzjonali. Iċ-Ċina se żżid fl-importanza tagħha bħala forza ekonomika u politika. Jekk aħna se nibqgħu qiesna l-għoġġieba, nistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqna, se jisgħobina. Inħeġġeġ ukoll lill-kommunita’ tan-negozju f’Malta biex ixomm x’qed jiġri fiċ-Ċina. Persważ li din is-sena u sena d-dieħla ċ-Ċina se tinvesti l-biljuni f’pajjiżi barrani fi proġetti bi sħab, f’xiri ta’ negozji li qed imutu,  fit-twaqqif ta’ negozji ġodda u fil-qasam tat-turiżmu. Fl-2010 l-Expo se ssir f’Shanghai. Malta se tieħu sehem? Jekk iva, x’qed tagħmel il-Malta Enterprise biex tieħu magħha grupp ta’ negozjanti Maltin?  L-Awtorità tat-Turiżmu qegħdha tippjana u tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex ikollha stand Malti sabiex fiha tippreżenta l-lukandiera u l-operaturi tal-vjaġġi Maltin?   Aħna bħala Għaqda, għandna l-unur kbir li l-artist Malti, Joseph Barbara, li hu membru tal-Eżekuttiv tal-Għaqda, kellu diżinn tiegħu li ntgħażel għal-logo tal-Expo 2010. Ma rebaħx il-kompetizzjoni imma d-diżinn tiegħu kisiblu isem. Aħna nistgħu ngħinu jekk il-Malta Enterprise u l-MTA jitolbuna l-għajnuna. Għandna l-kuntatti meħtieġa. Nafu ċ-Ċina fuq ponot subgħajna. Nistgħu ngħinu.

    ————————————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: CLIFFORD BORG-MARKS - Sinologu u film-maker

    Kif bdiet ir-relazzjoni tiegħek maċ-Ċina?

    Clifford Borg-MarksMa nafx eżatt għaliex, imma meta kont tifel kont diġà ninteressa ruħi ħafna dwar iċ-Ċina. Niftakar kemm kont nieħu gost meta nsib xi ktieb jew artiklu dwar xi vjaġġ ta’ xi avventurier fiċ-Ċina. Kont noħlom li għad xi darba mmur hemm u nitgħallem dwar dan il-pajjiż. Meta kont żagħżugħ żgħir fil-Liċeo bdiet tinteressani wkoll l-istorja politika tal-pajjiż u kont anke nordna xi kotba minn Beijing. Ħafna drabi, dak iż-żmien, il-kotba kienu jeħlu fiċ-ċensura u mhux darba jew tnejn li rċevejt envelopp vojt! Kelli 15-il sena meta l-Prim Ministru Duminku Mintoff żar iċ-Ċina l-ewwel darba. Niftakar li l-film uffiċċjali taż-żjara kien intwera fiċ-ċinema u kien ħalla impressjoni qawwija fuqi.

    Fl-istess sena,  kien ġie Malta t-tim nazzjonali Ċiniż tat-table tennis u missieri kien ħadni narahom jilgħabu f’wirja speċjali li għamlu għall-ħaddiema tat-Tarzna. Naħseb li kienu l-ewwel Ċinizi li qatt rajt b’għajnejja. Meta ta’ 16-il sena mort nistudja ġewwa Wales, f’Atlantic College, hemm sibt l-ewwel grupp ta’ studenti Ċiniżi li studjaw barra minn pajjiżhom waqt ir-Rivoluzzjoni Kulturali ta’ dak iż-żmien u kien magħhom li bdejt nistudja ċ-Ċiniż. Bla dubju kont għadni żgħir u fidil u kont influwenzat mill-propaganda ta’ dak iż-żmien u ħassejt ħeġġa biex immur nistudja hemm. Wara ħafna taħbit u ostakoli, irnexxieli nakkwista borża ta’ studju oħra mill-Gvern Ċiniż wara li letteralment mort inħabbat il-bieb tal-ambaxxata Ċiniża f’San Ġiljan. L-ewwel intfajt għal sena intensiva fuq il-lingwa biss u mbagħad komplejt fl-Universita’ ta’ Peking fejn il-ħajja kienet sempliċi u bażika ħafna imma kont għal qalbi. Naturalment, malajr fhimt li ħafna mill-propaganda li kont blajt kienet qarrieqa u li l-istampa fil-pajjiż ma kienetx feliċi daqs dik impittra fil-pubblikazzjonijiet li kont qrajt qabel wasalt. Biss il-kurżita’ tiegħi kompliet kibret u l-esperjenzi li kelli komplew aktar affaxxinawni.

    Inti gradwat fil-Letteratura u fil-Liġi Ċiniża. X’wasslek biex tibdel il-karriera tiegħek għal dik ta’ direttur tal-films?

    Iva, studjajt dawn is-suġġetti. Imma kultant ċertu tibdiliet tagħmilhom int u drabi oħra jagħmluhomlok. L-ewwel xogħol tiegħi wara li ggradwajt kien mal-gvern. Ta’ 25 sena ingħaqadt mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taħt il-Ministru Alex Sciberras Trigona, li dak iż-żmien ftit kien akbar minni fl-età.  Bgħatuni niftaħ l-ambaxxata Maltija f’Beijing. Aktarx ma kienu sabu ‘l ħadd aktar li ried imur jgħix hemm dak iż-żmien! Domt naħdem mal-gvern sa ftit wara l-elezzjoni tal-1987 u mbagħad kont emigrajt lejn l-Amerka mal-familja. Hemm ħdimt bħala konsulent fuq il-kummerċ maċ-Ċina sakemm ġietni l-opportunita’ li ningħaqad ma’ ditta internazzjonali ta’ avukati fl-uffiċċju tagħha f’Hong Kong. Għamilt 13-il sena ma’ din id-ditta u speċjalizzajt fil-liġi Ċiniza tal-proprjeta’ intellettwali. Dak kien żmien interessanti ħafna għax hemmhekk kelli ċ-ċans nagħmel xogħol pijunier fuq sistema legali li kienet qed tiżviluppa b’pass mgħaġġel. Ix-xogħol qatt ma naqas imma kelli bzonn bidla. Il-ħajra li naħdem fil-qasam ċinematografiku bdiet meta fl-1980 ħdimt bħala attur ġo film Ċiniz li kien intwera madwar iċ-Ċina kollha. Kellu bżonn kull min ra il-film tani ċentezmu! Ma kienx xi film tajjeb imma kien għoġobni x-xogħol. Wara ħafna snin naħdem fil-kamp legali iddeċidejt li nipprova nerġa’ nibdel. Għamilt xi korsijiet qosra u bdejt inħawwad xi ħaġa. Illum nipproduċi dokumentarji tiegħi stess u ngħin ditti barranin meta jkunu qed jiffilmjaw f’lokazzjonijiet Ċiniżi.

    Fost ix-xogħlijiet tiegħek, id-dokumentarji sportivi “The Hobby” u “Sinews” kienu dawk li rċevew l-akbar unuri. X’taħseb li kien is-suċċess warajhom u għaliex iffukajt fuq suġġetti sportivi?

    Iffukajt fuq suġġetti sportivi għax ninteressa ruħi fl-isports. Biss dawn iż-żewġ dokumentarji għandhom fihom element ta’ nostalġija. Fl-ewwel wieħed ħarist lejn il-logħba tas-Subbuteo, logħba li kważi 40 sena ilu kien hemm miljuni jilgħabuha u llum, bl-effett tal-logħob elettroniku, fadal biss xi eluf madwar id-dinja kollha. Fit-tieni, użajt siltiet minn films sportivi Ċiniżi li saru matul iż-żminijiet biex nirrakkonta l-istorja tal-isports fiċ-Ċina moderna. Ridt ukoll nikkummenta dwar l-effett dewwiemi tal-enfażi Ċiniż fuq l-isport li ma jikkonsistix biss fuq in-numru kbir ta’ medalji li jirbħu atleti Ċiniżi f’ħafna sport imma wkoll fuq is-saħħa u fuq l-ispirtu tal-poplu kollu.

    Bħalissa għaddej bix-xogħol fuq “Art-Break In”, dokumentarju ieħor dwar  l-esperjenza tal-istudenti Ċiniżi waqt il-preparazzjoni tagħhom għall-eżami tad-dħul fl-Akkademja Ċentrali tal-Arti. Fil-fehma tiegħek kemm hu differenti l-metodu tat-tagħlim f’Malta għal dak fiċ-Ċina?

    Miniex kwalifikat biex nikkummenta dwar is-sistema tal-edukazzjoni f’Malta għax ili wisq ma jkolli kuntatt magħha. Biss fiċ-Ċina hemm għatx kbir għat-tagħlim u minkejja l-kompetizzjoni kbira li hemm minħabba l-popolazzjoni, iż-żgħażagħ huma ambizzjużi u jħarsu ‘l quddiem. Meta studjajt hemm jien, il-faċilitajiet kienu bażiċi immens għax il-pajjiż kien materjalment fqir. Kelli ħbieb jistudjaw il-kompjuter meta lanqas biss kien hemm kompjuter wieħed fl-universita’. Kienu jpinġu l-keyboard fuq pjanċa tal-injam u jitgħallmu “jittajpjaw” fuqha! Fortunatament illum l-istampa hija differenti u teżisti enfażi kbira fuq l-edukazzjoni. Ikolli nistqarr li għad hemm tendenza li jitgħallmu bl-amment, anke fl-universitajiet u kultant inħoss li huma nieqsa mill-kreattivita’. Iżda minkejja dan kollu daż-żmien studenti Ċiniżi huma teknikament fost l-aqwa fid-dinja u l-livelli fil-matematika u x-xjenzi huma ġeneralment aktar għoljin minn dawk fil-Punent. Post ta’ kuntrasti – kultant anke minn postijiet foqra immens joħorġu studenti mill-aqwa li jirnexxilhom jidħlu fl-aqwa universitajiet.

    Qatt ikkunsidrajt li taħdem xi dokumentarju dwar Malta? U jekk iva, kieku x’suġġett tagħżel?

    Nispera li xi darba nagħmel xi dokumentarju dwar suġġett Malti. Hemm ħafna stejjer tajba Maltin ukoll. Biss għalissa l-mira tiegħi hija fuq iċ-Ċina għax hemm intfajt u hemm naf.

    X’taħseb dwar il-livell tal-industrija tal-films f’Malta?

    F’Malta hawn ħafna talent imma sfortunatament jidher li ma tantx hawn żvog sodisfaċenti għal dan it-talent. F’pajjiż żgħir diffiċli li wieħed isib riżorsi għal industrija lokali u għal suq tant żgħir. Kif taf, jiġu bosta produzzjonijiet barranin jiġbdu xeni f’Malta u jużaw il-faċilitajiet u n-nies tajba li hawn. Imma esperjenza f’dan il-qasam mhux neċessarjament twassal għal industrija lokali. Jidher li f’Malta jeżisti ħafna interess fl-industrija tal-films fost iż-żgħażagħ imma wħud li tkellimt magħhom qaluli kemm hu diffiċli li ssib xogħol f’suq fejn kulħadd jaf lil kulħadd u ċ-ċirku ta’ nies attivi jibqa’ żgħir. Biss daż-żmien it-teknoloġija diġitali qegħdha dejjem titjieb u tonqos fl-ispejjeż. Jiena nemmen illi s-software huwa importanti immens,  speċjalment il-kitba tajba. Żgħażagħ Maltin għallinqas illum għandhom l-opportunita’ li jmorru jitgħallmu u jaħdmu fl-industrija Ewropeja u anke jfittxu fondi mill-UE għall-proġetti tagħhom. Jien naħseb li hemm potenzjal għal films oriġinali bil-Malti. Imma l-qofol biex dan jiżviluppa huwa l-kwalita’ tal-prodott.

    Għaldaqstant barra kapaċita’ minima teknika, l-aktar ħaġa importanti hija l-kitba, l-istorja.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Jannar 2009)

    2009.01.18 / no responses / Category: Torca - Perspettivi