Posts Tagged ‘collage’

  • Kienu għoddhom intesew

    Il-qoxra tal-ktieb.jpgLewis Wirth u Helen Cavarra ma' binthom Mariz.JPG

    Il-kollezzjoni ta' fjuri u pjanti ta' Helen Cavarra.JPGe.090.(37x38).8783.jpg

    F’dawn l-aħħar xhur, smajt diversi drabi bl-ismijiet tal-artisti Lewis Wirth u Helen Cavarra, l-aktar minħabba li kienet qiegħda tittella’ esebizzjoni b’xi xogħolijiet tagħhom. Madanakollu, peress li jiena m’inix xi dilettanta kbira tal-arti u anki peress li ħsibt li dawn iż-żewġ individwi kienu barranin, nistqarr li ftit li xejn tajt każ….. sakemm ġie f’idejja l-ktieb ‘The Life and Work of Lewis Wirth (1923 – 2010) and Helen Cavarra (1926 – 1978): Their Creative Partnership’ (2014) tal-awtur Joseph Paul Cassar.

    Il-ktieb minnu nnifsu huwa imponenti u l-preżenza tiegħu tagħtik l-impressjoni li ġewwa fih se ssib xi kapolavur. Imma fir-realtà, hekk kif tibda tqalleb il-paġni tiegħu u għajnejk jinxteħtu jaqraw l-istorja u jimirħu x-xogħolijiet artistiċi varji li huwa jħaddan, issib ferm aktar minn hekk. Essenzjalment dan il-volum jista’ jitqies bħala vjaġġ virtwali li permezz tiegħu l-qarrej jiskopri l-ġrajja ta’ żewġ artisti Maltin li għal diversi raġunijiet, kienu għoddhom intesew għal kollox.

    Permezz tal-pubblikaturi tiegħu, Book Distributors Ltd, irnexxieli niltaqa’ mal-moħħ wara dan il-ktieb sinifikanti – Mariz Cassar, bint dawn iż-żewġ artisti Maltin, li wara l-mewt tal-ġenituri tagħha, hi stess għadha qed tagħraf t-talent kbir li huma kellhom.

    Għala mhumiex magħrufa?

    “Hemm żewġ raġunijiet prinċipali għala dawn l-artisti ma kienux magħrufa,” beda d-diskors E.V. Borg, kritiku tal-arti li akkompanja lil Mariz waqt il-laqgħa tagħna. “L-ewwel nett, it-tnejn li huma nzertaw persuni pjuttost umli li donnhom kienu jippreferu jżommu xogħolijiethom il-bogħod mill-għajn tal-pubbliku. Imbagħad hemm ukoll il-fatt illi Wirth u Cavarra għamlu 18 il-sena jgħixu ġewwa l-Libja.”

    Min kienu Wirth u Cavarra?

    “Missieri, Lewis Wirth twieled fl-4 ta’ Settembru 1923. Il-familja tiegħu kienet mill-Belt Valletta fejn huma kellhom ħanut tal-ġojjellerija. Sa minn meta kien żgħir, il-ġenituri tiegħu ntebħu li binhom kellu talent artistiku qawwi u missieru pprova jħajjru biex jitħarreġ fil-linja tal-inċiżżjoni ħalli meta jikber ikun jista’ jaqla’ l-għixien tiegħu. Imma missieri ma kienx interessat f’dan għax qalbu kienet diġà mitlufa wara l-pittura,” bdiet tirrakkuntali Mariz.

    “Il-ħolma tiegħu kienet li xi darba jmur l-Italja sabiex hemm ikompli l-istudju f’dan il-qasam. Iżda din ix-xewqa sfaxxat kompletament meta waqt il-gwerra, il-ħanut tagħhom ġie bbumbardjat u l-familja tiegħu tilfet kollox. Waqt il-gwerra, huma marru joqogħdu r-Rabat u aktar tard, issetiljaw f’San Ġiljan.”

    Fl-1946 Wirth beda jattendi l-Iskola tal-Arti fejn studja taħt Chev. Vincent Apap, Chev. Edward Caruana Dingli u Chev. Emvin Cremona.

    “Ommi, Helen Cavarra, twieldet fit-2 t’April 1926. Hija wkoll kienet appassjonata kbira tal-arti u bħal missieri, mill-ewwel uriet li kienet ser tipprometti f’dan il-qasam. Infatti, anki hi attendiet l-Iskola tal-Arti u kien hemmhekk li hija ltaqgħet miegħu.”

    “Għal ħames snin konsekuttivi, ommi u missieri dejjem kienu jiġu minn tal-ewwel f’din l-iskola. Bejn Ottubru u Diċembru tal-1948, ommi rħetilha lejn Heatherley School f’Londra sabiex titħarreġ fl-istudju tad-diżinn tal-figura fuq mudelli veri. Dan peress li hawn Malta ma kienx permess li l-mudelli jippużaw għall-artisti,” kompliet Mariz.

    “F’dak iż-żmien, f’pajjiżna, l-artisti setgħu jistudjaw il-figura umana permezz ta’ xi statwi tal-ġibs biss. U dawn lanqas ma kienu jinkludu l-partijiet intimi umani. Għaldaqstant, l-għażla ta’ Cavarra kienet pjuttost insolita u avant-garde,” spjegali Borg.

    Cavarra rritornat lura Malta fejn interessat ruħha titħarreġ ukoll fl-anatomija umana.

    “Id-dedikazzjoni u l-kapaċità tagħha f’dan is-suġġett jidher ċar ħafna f’numru ta’ xogħolijiet fejn hi tesprimi b’dettall u b’delikatezza kbira l-figura umana,” qalli Borg.

    Anki Wirth għandu xogħolijiet interessanti fejn tidħol il-figura umana. Personalment, laqgħatni ħafna kwadru tiegħu li juri mara Afrikana b’sidirha barra u b’poża tassew intriganti. Meta għedt b’dan lil Borg intbaħt li għalkemm ma nifhimx fl-arti, kien irnexxieli nimmarka wieħed mill-aqwa xogħolijiet ta’ dan l-artist. Iżda għalkemm mhux jien biss urejt l-ammirazzjoni tiegħi lejn dan il-kwadru, u akkost li qegħdin fis-sena 2014, Borg stqarr miegħi illi ltaqa’ ma’ bosta diffikultajiet meta huwa ddeċieda li jinkludih fl-esebizzjoni, peress li għal diversi drabi minħabba n-nudità tal-figura, huwa ġie mitlub biex iressqu aktar il-ġewwa fejn ma jagħtix wisq fil-għajn!

    Tmintax il-sena l-Libja

    Skont l-awtur tal-ktieb, fl-1951, f’pajjiżna kienu qed jiġu diskussi l-ewwel żviluppi fl-arti moderna u numru ta’ artisti bdew juru d-diżappunt tagħhom bl-atteġġjament li kienu qed jirċievu mill-kritiċi u mill-pubbliku in ġenerali. Infatti uħud minnhom saħansitra ppreferew li jimirħu l-barra minn xtutna fejn l-opportunitajiet ta’ xogħol kienu akbar u fejn forsi l-atteġġjament lejn l-arti moderna kien aktar miftuħ.

    Skont Mariz, il-ġenituri tagħha qatt ma kienu ġew ikkritikati proprju minħabba li huma ma kienux jesponu xogħolijiethom. Madanakollu naraw illi fl-1951, Wirth ħalla lil Malta wara li hu rnexxielu jidħol jaħdem ma’ Barclays Bank D.C.O u ntbagħat jaħdem fil-fergħa ta’ Tripli fil-Libja.

    “Qabel irħielha lejn il-Libja, missieri tgħarras m’ommi. Kienu jinħabbu ferm u infatti sibt aktar minn 100 ittra datati f’dak iż-żmien fejn huma kienu jiktbu lil xulxin kważi kuljum, xi kultant anki iktar minn darba fl-istess ġurnata! Bosta mill-kitbiet kienu relatati max-xogħolijiet tal-arti li kienu qed jagħmlu,” qaltli Mariz.

    Sena wara, Wirth reġa’ lura Malta sabiex jiżżewweġ lill-maħbuba tiegħu u wara huma rritornaw lejn il-Libja fejn Helen bdiet taħdem mal-ambaxxata Amerikana. Sentejn wara twieldet binthom Mariz u ma setax jonqos li b’ġenituri b’talent ta’ dak it-tip, anki t-tifla kellha l-arti tiġri fil-vini tagħha.

    Tifkiriet u xogħolijiet relatati mal-Libja

    “Għalkemm missieri oriġinarjament kien iddiżappuntat li ma rnexxilux imur l-Italja, eventwalment huwa nduna li l-Libja kellha ħafna x’toffrilu wkoll. Hemmhekk huwa sab ambjent u kulturi għal kollox differenti minn dak li kien jaf hu u dawn issarfu f’ideat, f’ispirazzjoni u fi kreattività. Infatti fil-Libja kien prolifiku mmens u ħadem diversi xogħolijiet li juru n-nies tal-post, il-kultura tagħhom u l-arkitettura tal-inħawi,” spjegatli Mariz filwaqt li bdiet tqalleb il-ktieb u turini għal xiex kienet qed tirreferi.

    F’dawn ix-xogħolijiet intużaw diversi metodi fosthom: bil-lapes, bil-pinna u l-linka, bil-watercolours, bil-pastelli tal-ġibs, bil-kuluri taż-żejt, bit-tinqix fuq l-iscratchboard u saħansitra b’collages il-ġmiel tagħhom.

    “Il-Bank kien bniedem diliġenti ħafna imma kuħadd kien konxju li qalbu fl-arti kienet. Fil-fatt huwa kien jagħmel bosta xogħolijiet artistiċi li kienu jintużaw mill-Bank stess bħal ngħidu aħna faċċati għar-rivisti u diżinji għall-bolol. Ġieli tella’ wkoll xi esebizzjonijiet u darba minnhom l-uffiċċju ċentrali tal-Barclays Bank f’Londra kien xtara pittura li saret minn missieri,” ftakret Mariz.

    “Għandi memorji mill-isbaħ tal-perjodu li qattgħajna ngħixu l-Libja. Dak iż-żmien dan il-pajjiż kien kolonja tat-Taljani u kien immexxi mir-Re Idris. Konna ngħixu flimkien ma’ għadd ta’ nazzjonalitajiet oħra, bil-kultura u r-reliġjon tagħhom, f’paċi assoluta u kollha nitkellmu bit-Taljan. Kulħadd kien juri rispett lejn l-oħrajn u saħansitra konna niċċelebraw il-festi ta’ xulxin, kultant anki nħalltu ħaġa m’oħra imma xejn ma kien jimporta. Per eżempju l-għada tal-Għid konna nipparteċipaw fil-Pasquetta tat-Taljani li kienet tinvolvi ħarġa fil-kampanja, u fil-Milied, Father Christmas kien iġib ir-rigali riekeb fuq ġemel!” tbissmet Mariz.

    “Ħaġa interessanti hija illi missieri spiss kien jadatta l-kulturi u r-reliġjonijiet flimkien fix-xogħolijiet tiegħu. Ngħidu aħna ġieli kien ipinġi s-swar ta’ Tripli b’nostalġija lejn dawk ta’ Malta jew inkella jiddiżinja xi ragħaj Musulman għaddej bin-nagħġa fuq spalltu u mbagħad isemmi t-tpinġija għar-Ragħaj it-Tajjeb.”

    In-namra mal-pjanti u l-fjuri

    “Għalkemm il-koppja Wirth u Cavarra kienu t-tnejn artisti, huma kellhom l-istili partikolari tagħhom,” fehemni Borg hekk kif erġajna dorna nqallbu l-ktieb. “Kif qed tara Wirth kellu stil mirqum imma fl-istess ħin liberu, filwaqt li Cavarra kienet aktar akkademika u preċiża.”

    Il-preċiżjoni ta’ Cavarra tidher sewwa fid-diżinji tagħha tal-pjanti u l-fjuri.

    “Fil-weekends konna mmorru f’postijiet sbieħ: daqqa nżuru xi mużew jew xi sit arkeoloġiku, drabi oħra mmorru ngħumu f’xi bajja jew nilgħabu bir-ramel fis-semi deżert, inkella konna mmorru ngawdu l-panorama fuq il-muntanja. Kien fil-Libja li ommi bdiet tinġibed lejn il-pjanti u l-fjuri, tiġborhom u tpinġihom f’dettall kbir biex iżżomm rikordju tagħhom,” qaltli Mariz.

    Lura Malta

    L-ewwel skola ta’ Mariz kienet għand is-Sorijiet Franġiskani fi Tripli imma mbagħad, meta kibret, hi ntbagħtet tistudja f’boarding school tas-Sacred Heart f’Malta.
    Iżda s-sena 1969 ġabet bosta tibdiliet f’ħajjithom. Inzerta li f’dik is-sena, f’Malta twaqqfu l-boarding schools u nbidlu f’day schools. Kien ukoll f’din is-sena li bdiet ir-rivoluzzjoni fil-Libja fejn finalment il-Kulunell Gaddafi ħa l-poter tal-Libja. Iżda l-agħar ħaġa kienet li omm Mariz mardet bil-kanċer u għalhekk ġie deċiż li l-familja tiġi lura Malta.

    “Jiena ma kellix idea li l-mamà kienet marida daqstant għax qatt ma wriet. Naf li hi u missieri kienu telgħu l-Ingilterra għal xi żmien peress li kien jeħtieġ li ssirilha operazzjoni. Damet għaxar snin għaddejjha titħabat mal-marda tal-kanċer u lili qatt ma qaluli xejn. Minflok kont nara lill-ġenituri tiegħi jaħdmu flimkien biex irawwmu ġnien sabiħ fid-dar tagħna, jingħaqdu man-Natural History Society ta’ Malta u jmorru magħhom għal mixjiet twal fil-kampanja, ipittru u jgawdu l-ħajja. Probabbilment kienu qegħdin jimxu ġurnata b’ġurnata daqs li kieku l-għada ma kienx jeżisti u b’hekk irnexxielhom jgħixu ferħanin u jżommu lili wkoll kuntenta u l-bogħod mir-realtà kiefra li kienu qed jgħixu f’qalbhom,” qaltli Mariz.

    Intant, fl-aħħar ħames snin ta’ ħajjitha, Cavarra ntefgħet tagħmel biċċa xogħol enormi u ta’ siewi kbir peress li sabet, ġabret u pinġiet 367 fjuri u pjanti Maltin, apparti 15 oħra li baqgħu ma tlestewx.

    “Akkwistaw il-ktieb ‘Field Guide to the Wild Flowers of Malta’ (1969) ta’ Guido Lanfranco u mbagħad ngħaqdu wkoll fis-Soċjetà tan-Natura u permezz t’hekk, kienu jirnexxielhom isibu dawn il-pjanti,” irrimarkat Mariz.

    Helen Cavarra mietet fl-1978. Għal bintha, mewtha kienet xokk kbir. Sadanittant hi lanqas idea ma kellha ta’ din il-kollezzjoni li ħalliet ommha u meta wara l-mewt ta’ missierha, sabitha merfugħa, baqgħet impressjonata bir-reazzjoni għaliha tal-esperti.

    “Meta l-botanisti Arnold u Jeffrey Sciberras raw dan ix-xogħol li għamlet il-mamà huma mill-ewwel urew apprezzament kbir lejh, tant li qaluli li dak kien meqjus bħala Melitensia minħabba li hi kienet pinġiet dawn il-fjuri u l-pjanti b’mod komplet, bl-istess qies u magħhom inkludiet ukoll ħafna dettalji importanti bħal meta ġabret il-kampjuni u minn fejn, x’kien l-isem xjentifiku tagħhom u dak Malti eċċ.”

    Uħud minn dawn ix-xogħolijiet ġew inklużi fil-ktieb li konna qed naraw iżda ġejt mgħarrfa li ktieb ieħor, iddedikat partikolarment għal din il-kollezzjoni, kien ser jiġi ppubblikat f’qasir żmien.

    Mingħajr Helen

    “Mingħajr ommi, missieri tilef parti sinifikanti minn ħajtu. Almenu l-arti offrietlu rifuġju u serħan mis-swied il-qalb u mlietlu l-vojt li ħalliet din it-telfa. Intant, missieri kellu jieħu r-rwol taż-żewġ ġenituri f’daqqa biex isostnini. B’xorti tajba, sena wara mewtha, jien iltqajt ma’ dak li kellu jkun żewġi u ftit wara żżewwiġna. Ma domnix ma għamilnih nannu u wliedi saru l-mimmi t’għajnejh.”

    Hawn Malta, ħafna mix-xogħolijiet ta’ Wirth kienu jirrelataw mal-pajsaġġ sabiħ Malti fejn hu ħalla memorja mill-isbaħ ta’ diversi nħawi. Fl-1992 huwa ngħata l-Midalja tal-George Cross mill-President Ċensu Tabone. Fl-2002, fil-kappella l-antika ta’ Santa Margerita, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann organizza esebizzjoni b’xi xogħolijiet tiegħu.

    Fl-2010, fl-età ta’ 87 sena, Lewis Wirth ħalla din id-dinja u bintu sabet ruħha fid-dar tal-ġenituri tagħha sabiex tiżbarazzaha. Ftit ftit, hi u tqalleb, tiftaħ u tirranġa, intebħet li l-ġenituri tagħha kienu ħallew warajhom teżor uniku ta’ xogħolijiet artistiċi mill-isbaħ…..

    Illum: ktieb u esebizzjonijiet

    “Għalkemm minn dejjem affaxxinajt ruħi bl-arti, qatt ma ridt nagħmel il-pittura għax kont inħoss li ma kont ser nilħaq qatt il-kalibru ta’ ommi u ta’ missieri. Minflok, jiena naħdem iċ-ċeramika,” stqarret Mariz.

    “Madanakollu, naħseb li għaraft tassew it-talent li kellhom il-ġenituri tiegħi meta bdejt niftaħ il-kaxxi, l-armarji u l-kmamar u bdejt nara l-ġmiel tax-xogħolijiet. Qalbi ngħafset meta rrealizzajt li l-ġenituri tiegħi mietu mingħajr qatt ma ġew rikonoxxuti bħala artisti kbar.”

    Mariz tiftakar lil missierha jixxennaq għal dan ir-rikonoxximent imma fl-istess ħin bħal donnu kien iħossu jibża’ li jiġi kkritikat u għalhekk huwa baqa’ lura.

    “Min jaf kemm il-darba ħajjartu biex jagħmel esebizzjoni f’ismu biss biex jagħti spazju lilu nnifsu u juri l-ħila tiegħu. Imma hu dejjem irriffjuta,” sostniet Mariz. “Imma issa li għandi rajja f’idejja u wara li ħadt il-konferma mingħand esperti oħra li kkonfermawli li x-xogħolijiet tal-ġenituri tiegħi huma tassew ta’ livell għoli, bdejt bil-ħidma tiegħi biex noħloq għarfien dwarhom sabiex finalment huma jingħataw il-ġieħ li jistħoqqilhom.”

    “L-istorja tal-arti ta’ Malta għadha ma nkitbitx ħlief għal xi partijiet minnha. Għaldaqstant, il-ġrajja ta’ storja soċjali u x-xogħolijiet li ħallewlna Wirth u Cavarra għandhom sinifikat kbir għax permezz tagħhom nistgħu nimlew biċċa oħra mill-istorja tal-arti,” temm jgħid Borg.

    Filwaqt li nħajjarkhom tkomplu ssegwu l-istorja ta’ dawn l-artisti permezz ta’ dan il-ktieb ġdid, bħalissa wieħed jista’ jara għażla tax- xogħolijiet tagħhom fil-La Vallette VIP Club Lounge li tinsab fl-ajruport ta’ Malta. Is-sena d-dieħla se jkun hemm wirja oħra fil-Cavalieri Art Hotel u fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina fil-Belt Valletta.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (20 parti) fit-Torċa tal-5 t’Ottubru 2014)

    2014.10.05 / no responses / Category: Torca - Features & Articles