Posts Tagged ‘Dr Alexander Welsh’

  • MEMORJI STORIĊI F’TA’ BRAXIA

    Mix-xellug - Dr Alexander Welsh u Charles Gatt biswit monument li għandu l-ħsara tal-gwerraIl-ħajja tal-bniedem hija kumplimentari mal-bqija tan-natura u għaldaqstant għandha wkoll il-fażijiet tagħha: tibda mit-twelid, tkompli bit-tfulija, tiżvolġi fil-ħajja adulta, timxi għall-anzjanità u tintemm bil-mewt. Iżda l-mewt mhiex finali għax finalment hemm ir-reġenerazzjoni. U hekk kif l-ewwel xtieli żgħar ħadranin ifiġġu mill-ħamrija skura mxarrba wara li jkunu spiċċaw il-pjanti ta’ qabel, dawk li jemmnu, jifhmu li r-ruħ tal-individwu tkun imxiet għall-ħajja aħjar, dik eterna, filwaqt li  l-ħajja ta’ dawk li jkun ħalla warajh tkompli għaddejja fid-diżinn maħluq għaliha. Madanakollu hemm ħaġa li tifridna mill-bqija tal-ħolqien: aħna l-bnedmin nibqgħu niftakru fl-antenati tagħha, tant li għal ħafna dawn jibqgħu bħallikieku ħajjin f’qalbhom. Finalment waħda mill-funzjonijiet taċ-ċimiterji hija proprju dik li jibqgħu jħaddnu l-memorja ta’ dawk li jkunu tbennu fil-qalbha t’arthom. Għaldaqstant, dawk li jieħdu ħsieb dawn il-lwogi jkunu qed jaċċertaw li dawk li għexu qabilna ma jintesewx. Dawn il-ħsibijiet tfasslu f’moħħi hekk kif dil-ġimgħa, biex nagħlaq l-aħħar artiklu ta’ Novembru, iltqajt ma’ Charles Gatt u ma’ Dr Alexander Welsh sabiex inżur għall-ewwel darba ċ-ċimiterji li jinsabu f’Ta’ Braxia fejn fosthom ġew anki midfuna prinċpijiet u prinċipessi magħrufa.

    Dr Alexander Welsh, li huwa l-Viċi President tal-Assoċjazzjoni ‘The Friends of Ta’ Braxia’ huwa storiku li qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu jaħdem fuq diversi proġetti ta’ restawr f’pajjiżi differenti. Iżda hekk kif f’dawn l-aħħar snin huwa beda jgħix f’pajjiżna fehem illi: “F’Malta jeżisti wirt kulturali f’kull metru kwadru aktar minn imkien ieħor fid-dinja u biex ikompli jagħnih, dan il-wirt tħalla minn bosta kulturi differenti. Ngħidu aħna nisimgħu ħafna bl-arkeoloġija u bl-iskoperti mmensi tal-Eġittu imma dawn huma mxerrda ma’ firxa kbira ta’ art. Il-meravilja ta’ Malta hija li f’kull pass li tagħti fuq din l-art tiltaqa’ ma’ xi ħaġa ta’ valur storiku. Hija ħasra li forsi wħud mill-Maltin stess ma jintebħux u ma japprezzawx dan.”

    Charles Gatt li huwa d-Direttur Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni u għamel snin jaħdem bħala arkitett navali, fissirli l-preġju taċ-ċimiterju prinċipali Ta’ Braxia: “Dan iċ-ċimiterju jmorru lura għas-seklu dsatax u fih ġew midfuna għadd ta’ individwi magħrufa li ffurmaw parti mill-istorja ta’ Malta. Għalhekk dal-post minbarra li jitlob rispett minħabba l-funzjoni tiegħu, jesiġi l-apprezzament peress li huwa ġawhra arkitettonika  u  monument storiku nazzjonali.”

    Inġbarna bilqiegħda ġo kmajra li tintuża bħala l-uffiċċju tal-Assoċjazzjoni. Anki din il-kmajra kellha l-istorja interessanti tagħha.

    “Snin ilu, din il-kamra kienet tifforma parti mid-dar ta’ John Mizzi li kellu arranġament biex jgħix proprju hawn fit-tarf taċ-ċimiterju ħalli jkun jista’ jieħu ħsieb dan il-post. Sfortunatament meta John ġie nieqes, iċ-ċimiterju f’Ta’ Braxia ntelaq għal rieħu, tant li finalment in-natura nnifisha ħabtet tipprova tidfnu taħt il-ħaxix, il-pjanti u s-siġar li bdew telgħin ma’ kullimkien.”

    Ir-rakkont ta’ dan iċ-ċimiterju jeħodna lura lejn iż-żmien meta pajjiżna għadda taħt il-kuruna Ingliża fil-bidu tas-seklu 19.

    “F’dak iż-żmien il-Kattoliċi Maltin kienu jindifnu taħt l-art tal-knejjes tagħhom u għalhekk dawn il-barranin li kienu jħaddnu reliġjon ieħor, ma setgħux jindifnu fl-istess postijiet. Mal-miġja tal-IngliżiIċ-ċimiterju prinċipali f'Ta' Braxia f’Malta bdew jiżdiedu r-residenti, l-vjaġġaturi, is-suldati, il-baħrin u n-negozjanti barranin li wħud minnhom mietu f’pajjiżna u għalhekk kellu jinstabilhom post fejn jindifnu. Għall-ewwel bdew jintużaw xi inħawi li kienu jinsabu ġewwa s-swar tal-Furjana sakemm matul is-snin dan id-dfin infirex u laħaq is-swar tal-Imsida. Eventwalment dan tal-aħħar ġie kkonsagrat bħala ċimiterju u huwa l-uniku wieħed li għad fadal mis-siti l-oħra. Infatti minflok iċ-ċimiterju kbir li kien jinsab fis-Sur tal-Kwarantina u dak aktar żgħir tal-Ortodossi Griegi, illum insibu l-art tal-lukanda l-ġdida Excelsior.

    Meta ċ-ċimiterju li kien jinsab fuq is-swar tal-Imsida ntela’ kien hemm bżonn ta’ ċimiterju ġdid u fl-1857 intagħżlet biċċa art magħrufa bħala Ta’ Braxia li kienet viċin l-inħawi tal-Bieb tal-Bombi. Iċ-ċimiterju ġie diżinjat minn Emanuele Luigi Galizia (1830 – 1906) li kellu biss 25 sena dak iż-żmien (aktar tard hu kien responsabbli wkoll mid-diżinn taċ-ċimiterju tal-Addolorata). B’differenza taċ-ċimiterji ta’ qablu li kienu ssawru skont il-ħtieġa, dan kien ippjanat b’mod mirqum u li jilqgħek. Infetaħ uffiċċjalment fid-9 t’Ottubru 1857 bil-għan li jilqa’ fih nies minn kull reliġjon. Madanakollu inizzjalment dal-post ħa l-fama fost il-Maltin bħala ‘Tal-Protestanti’ u ħadd mill-Kattoliċi Maltin ma ried jindifen fih.”

    Issa konna ħriġna nduru madwar iċ-ċimiterju prinċipali. Inzertat ġurnata sabiħa minn dawk li jaf jagħti biss pajjiżna u nistqarr illi li kieku ma kienx għal-lapidi, l-post aktar kien qisu xi ġnien kbir antik u sabiħ. L-għana ħlejju tal-għasafar kien qed jikser is-sikta solenni tal-post filwaqt li kien ukoll qed jostor taħtu l-ħoss tat-traffiku għaddej fil-qrib. Min jaf kemm il-darba għaddejt biswit dan il-post u qatt ma ntbaħt li hemm kien hemm lwog tant interessanti! Infatti minħabba s-siġar kbar tal-post, qatt m’għaraft li f’naħa minnhom kien hemm kappella mdaqqsa li apparti li kienet qed iżżejjen l-inħawi, kellha wkoll nisġa ħelwa ta’ storja ta’ mħabba msawwra fiha.

    “Il-kappella taċ-ċimiterju Ta’ Braxia hija partikolarment interessanti minħabba li hija l-uniku eżempju arkitettoniku tal-istil ‘High-Gothic’ f’Malta. Inbniet minn Sir Arthur Hamilton Gordon K.C.M.G li kienIl-kappella f'Ta' Braxia magħruf ukoll bħala Lord Stanmore u kien għamel żmien bħala gvernatur ta’ New Brunswick, Trinidad, Mauritius, Fiji, New Zealand u Ceylon. Il-kappella kellha tkun bħala tifkira ta’ martu Rachel Emily Hamilton Gordon li waqt li kienet fuq vjaġġ minn Ceylon lura lejn id-dar tagħha fl-Ingilterra, inħakmet minn marda qalila u kellha titniżżel hawn Malta fejn mietet fis-26 ta’ Jannar 1889 fl-età ta’ 60 sena. John Loughborough Pearson, perit magħruf ħafna f’Londra u li kien jispeċjalizza fil-bini tal-knejjes, ġie mqabbad jiddiżinja din il-kappella li fuq in-naħa ta’ wara tagħha kellha tinkorpora l-qabar tal-mara.”

    Għalkemm din il-kappella hija xempju ta’ kif mill-mewt ma jiskappa ħadd, fl-istess ħin hija tikkonferma mill-ġdid li dawn il-postijiet għandhom ħabta jfakkruk aktar fl-imħabba milli fil-mewt, jekk tiftaħ biżżejjed qalbek għalihom. L-istess kif jagħmel il-monument maestuż ta’ Olof Fredrik Gollcher, li l-bust tal-bronż tiegħu jserraħ fuq kolonna twila tal-irħam, bi xbieha mnikkta femminili tal-bronż taħtu. Daqstant ieħor l-oqbra tal-prinċpijiet u l-prinċipessi Poutiatine li għal xi żmien kienu gawdew mir-rifuġju ta’ pajjiżna; il-prinċipessa Nathalie Poutiatine li mietet fil-21 ta Jannar 1984 kienet iżżewġet lill-Malti Edgar Tabone u min jaf kemm ferrħet nies biż-żfin tagħha fit-teatri tagħna, filwaqt li finalment kienet ukoll hi li rawwmet oħrajn f’dan il-qasam meta fetħet l-ewwel skola tal-ballet klassiku f’pajjiżna.

    “Hawn minn kull xorta ta’ nies midfuna hawnhekk: maġġuri, ġenerali, suldati, isqfijiet, reverendi, negozjanti, vjaġġaturi, eċċ. Preżentement hawn madwar 5000 persuna midfuna f’dan il-post li ħafna minnhom għandhom storja interessanti bħal Grabiel Vassalli li kien it-tifel il-kbir ta’ Mikiel Anton Vassalli, Lord Moynihan li kien missier it-tabib ta’ Churchill u Mary Olga Katherine Mills li kienet waħda mill-pijunieri tal-fidi Bahá’í. Nistgħu ngħidu li żewġ terzi minn dan iċ-ċimiterju huwa storiku filwaqt li l-bqija għadu jintuża sal-llum.”

    Infatti huma għarrfuni li hemm lista twila ta’ nies, saħansitra Maltin, li llum jixtiequ jindifnu f’dan il-lwog. Madanakollu bħalissa m’hemmx aktar oqbra ġodda għalkemm qedPassaġġi wiesgħa li jistgħu jilqgħu aktar oqbra isiru xi diskussjonijiet mal-gvern dwar dan il-qasam. Huma wrewni l-passaġġi wiesgħa li huwa mogħni bihom iċ-ċimiterju li għalkemm fil-preżent qed isebbħu l-post, parti minnhom tista’ sservi bħala spazju għal oqbra ġodda. L-art taċ-ċimiterju hija tal-gvern għalkemm l-oqbra huma privati u s-sidien għandhom id-dritt li jidfnu l-familjari tagħhom hemm. Matul it-triq Charles u Alexander bdew juruni s-sinjali tal-ħsara li ħalliet warajha t-tieni gwerra dinjija.

    “Dal-post intlaqat diversi drabi mill-bombi li twaqqgħu fuq il-pajjiż. Ħafna mil-lapidi nkinsu mal-art bil-blast tagħhom filwaqt li oħrajn tqattgħu bis-shrapnel tal-bombi. Ammont konsiderevoli minn din il-ħsara ġiet irrestawrata lura imma kif qed tara, għad hemm ħafna aktar x’isir.”

    Peress li dan iċ-ċimiterju kien għamel żmien mitluq, il-kundizzjoni tiegħu kienet tbikkik u mhux darba u tnejn li ġew xi barranin biex iżuru l-antenati tagħhom u tkażaw bis-sitwazzjoni li kien jinsab fih. Finalment fl-2001 ġiet imwaqqfa l-Assoċjazzjoni ‘The Friends of Ta’ Braxia’ li tifforma parti mill-NGO Din L-Art Ħelwa. Il-President ta’ din l-Assoċjazzjoni huwa l-imħallef Maurice Caruana Curran li huwa wkoll il-president fundatur ta’ Din L-Art Ħelwa.

    “B’kollaborazzjoni ma’ Din L-Art Ħelwa u mad-Dipartiment tas-Saħħa sar ftehim biex jinħarġu fondi sabiex jiġi restawrat dan il-post. Permezz ta’ xi voluntiera minn Din L-Art Ħelwa u anki ta’ xi individwi oħra u bl-għajnuna ta’ xi benefatturi bħall-familja Gollcher, inbeda x-xogħol biex jitnaddaf il-post u biex tiġi rranġata ċertu ħsara strutturali u arkitettonika, kemm minħabba t-tkissir li ħalliet warajha l-gwerra u li kienet baqgħet ma ġiet irranġata qatt u anki d-danni kkaġunati mill-mogħdija taż-żmien. Illum, għaxar snin wara, daċ-ċimiterju jinsab f’qagħda ħafna aħjar milli sibnih fejn fosthom installajna wkoll is-sistemi tal-ilma u d-dawl u xi servizzi oħra li jistgħu jinqdew bihom dawk li jiġu jżuru l-post. Imma l-kobor tal-post jirrikjedi ħafna fondi għaż-żamma tiegħu u għall-bqija tax-xogħol li għad fadal isir fih. Il-membri tal-Assoċjazzjoni jħallsu miżata ċkejkna biex jgħinu f’dan u uħud minnhom jinġabru magħna kull nhar t’Erbgħa biex naraw x’għandu bżonn isir u nagħmlu xi manutenzjoni fiċ-ċimiterju. Nixtiequ ħafna li kellna aktar fondi u voluntiera biex inwettqu dak kollu li hemm bżonn!

    Ma rridux ninsew insemmu lil individwi bħal-Maġġur Anthony Camilleri li huwa d-direttur u t-teżorier tal-Assoċjazzjoni, għall-għajnuna u l-pariri tiegħu rigward l-aspett militari, u lil numru ta’ persuniMonumenti sbieħ f'Ta' Braxia li qed jittieklu biż-żmien oħra li għenuna biex nidentifikaw lil kull min jinsab midfun f’dan iċ-ċimiterju, tant li llum jiġu numru konsiderevoli ta’ nies biex ifittxu jekk l-antenati tagħhom jinsabux midfuna hawn. Ta’ min jgħid ukoll illi dan iċ-ċimiterju jaqa’ taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa, filwaqt li d-dokumentazzjoni uffiċċjali tad-dfin jinżammu fl-uffiċċju taċ-ċimiterju tal-Addolorata.”

    Iżda kien għad fadal aktar x’niskopri f’dan il-post, hekk kif wara entratura ċkejkna maqtugħa f’ħajt apparti, Dr Welsh urieni ċimiterju żgħir ieħor fejn fih dari kienu jindifnu l-Lhud. Huwa għaddieli rivista bl-informazzjoni dwaru miġbura minn Alan Keighley.

    “Għal dawn l-aħħar 3000 sena kien hawn għadd ta’ Lhud joqogħdu fil-gżejjer Maltin, għalkemm teżisti ftit li xejn informazzjoni dwarhom f’dawn is-snin bikrin. Huwa mill-14-il seklu ‘l fuq li nibdew insibu xi dettalji dwar il-komunità Lhudija f’Malta. Fiż-Żmien Nofsani kien hawn numru sostanzjali ta’ Lhud f’Malta, tant li f’perjodu minnhom, madwar terz tal-popolazzjoni tal-Imdina kienet Lhudija. Fl-1492, il-Lhud sfaw imkeċċija minn Malta minħabba l-Inkwiżizzjoni Spanjola. Aktard tard, fl-era tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-Lhud spiss kienu jittieħdu lsiera minħabba li kienu jitħallsu flus tajba għal-ħelsien tagħhom. Kien hawn numru ta’ ċimiterji f’Malta għal dawk il-Lhud li kienu jmutu fil-pajjiż u fl-1784 infetaħ wieħed fil-Kalkara. Meta l-Franċiżi daħlu Malta fl-1789, Napuljun ordna li l-Lhud, li ħafna minnhom sa dak iż-żmien kienu meqjusa bħala skjavi, kellhom jibdew jitqiesu bħala ugwali mal-bqija tas-soċjetà. Meta f’Settembru tal-1800 waslu l-forzi Ingliżi f’Malta, il-Lhud setgħu wkoll jipprattikaw it-twemmin tagħhom fil-beraħ.

    Jingħad li għall-ħabta tas-sena 1827, waqt li Sir Moses Montefiore, li kien sinjur kbir u filantropiku Lhudi, kien qiegħed għal btala f’Malta, il-komunità Lhudija talbitu jgħinhom biex ikollhom post ieħor fejn setgħu jindifnu peress li ċ-ċimiterji ta’ qabilhom kienu qed jintlew. Huwa tkellem mal-Gvernatur Ponsonby u dil-biċċa art żgħira f’Ta’ Braxia ġiet akkwistata u llum hija proprjetà tal-komunità Lhudija.”

    Dr Welsh qalli li meta hu u martu raw dan il-post għall-ewwel darba, lanqas biss kellhom idea x’kien. Dak iż-żmien Dr Welsh kien responsabbli mit-tim li kien qiegħed jieħuIċ-ċimiterju tal-Lhud imiss mal-ħitan ta' bini aktar riċenti ħsieb ir-restawr f’Ta’ Braxia u din il-biċċa art kienet miżgħuda bis-siġar u l-pjanti slavaġ li kienu għattew l-oqbra u l-monumenti kollha taħthom.

    “Meta l-post beda jitnaddaf għarafna li kien ċimiterju Lhudi. Għall-ewwel konna xi ftit konfużi peress li ċerti iskrizzjonijiet li kienu baqgħu leġġibbli kienu miktuba bil-lingwa Taljana filwaqt li oħrajn kienu bil-lingwa antika Ebrajka. Iżda permezz tal-għajnuna tal-istoriku militari Alan Keighley irnexxielna nidentifikaw 120 qabar u permezz tal-lapidi stajna nagħtu isem lil 56 persuna li jinsabu midfuna f’dan il-post. Madanakollu l-iskrizzjonijiet bil-lingwa antika Ebrajka għadhom qatt ma ġew tradotti għax jidher li dil-kitba tmur lura ferm.

    Sal-1880 dan iċ-ċimiterju ntela’ wkoll u għalhekk infetaħ ċimiterju ieħor għal-Lhud fil-Marsa. Jidher li biż-żmien dan il-post intesa, tant li llum ftit li xejn jiġu jżuruh filwaqt li eżatt miegħu ttella’ bini kbir li kompla jisraq mill-karattru tas-sit.

    Xorta waħda, kif qed tara, kemm dan iċ-ċimiterju tal-Lhud u anki ċ-ċimiterju prinċipali f’Ta’ Braxia, qed jinżammu fl-aħjar stat possibbli permezz tal-għajnuna imprezzabbli tal-voluntiera, li mingħajrha bla dubju, dawn il-postijiet ma jkunux daqstant miżmuma.”

    Bqajt indur għal ftit ħin ieħor waħdi fiċ-ċimiterju prinċipali sabiex nosserva, niġbed ir-ritratti u nifhem aktar dik l-informazzjoni li kont għadni kif ġbart. Fosthom, biswit xiĦajt imwaqqgħa f'Ta' Braxia lapidi tal-oqbra fuq in-naħa ta’ wara taċ-ċimiterju, innutajt parti minn ħajt imwaqqgħa li ċertament ikerraħ dal-post li jixraqlu ħafna aktar dinjità. Tgħaġġibni dil-ħelwa Malta tiegħi kemm kapaċi tissorprendini kull darba. U kważi nitnikket meta nintebaħ li tant hawn postijiet u ġrajjiet li ma nafx bihom, li ħajja waħda mhux ser isservini biżżejjed biex niskoprihom kollha! Almenu qalbi tistrieħ meta nifhem li permezz ta’ dawn l-artikli nista’ naqsam dan it-tagħrif magħkom bit-tama li nqanqal l-imħabba u l-kilba għal aktar għarfien fostkhom, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ tagħna li għad xi darba jkomplu warajna.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-27 ta’ Novembru 2011)

    2011.11.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi