Posts Tagged ‘Dr Etienne Grech’

  • L-età ġusta biex isir is-sess

    Jafu li qed jiksru l-liġi?

    Ritratt - zghazagh (2)Probabbilment uħud minnkhom jiggustaw jaraw ritratti bħal dawn ta’ żgħażagħ jiskopru l-ewwel imħabba tagħhom. Kuntrarjament, ċerti ġenituri, speċjalment dawk ta’ tfajliet żgħar, jafu jitmeżmżu b’immaġni bħal dawn għax ma jridux jaraw lil uliedhom f’età daqstant żagħżugħa, diġà f’relazzjoni intima. Min-naħa l-oħra, iż-żgħażagħ infushom, fosthom dawk ta’ taħt it-18 il-sena, aktarx se jqisu esperjenzi bħal dawn bħala affaxxinanti u mixtieqa. Iżda minn dawn kollha li semmejt hawn fuq, kemm minnhom huma konxji li dawn iż-żgħażagħ li qed ikunu intimi bejniethom f’età ta’ inqas minn 18 il-sena, qegħdin fil-fatt jiksru l-liġi ta’ Malta?

    Propost tibdil fil-liġi relatat mal-attività sesswali taż-żgħażagħ

    Dan l-aħħar Dr Etienne Grech li huwa Membru Parlamentari, Ċermen tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa u tabib tal-familja, ħareġ bil-proposta li għandha tiġi kkunsidrata d-dekriminilizazzjoni tal-attività sesswali bejn il-minuri fl-età bejn it-13 u l-15 il-sena. Dan meta bħalissa għaddejjha wkoll diskussjoni jekk l-Età tal-Kunsens Sesswali għandiex titnaqqas minn 18 għal 16 il-sena.

    “Nistqarr li għall-ewwel, suġġeriment bħal dan, jaf jaħsad lil ħafna minħabba li se jkun hemm min jaħseb li se niftħu l-bieb għall-libertinaġġ sesswali,” spjegali Dr Grech. “Imma ninsab ċert li meta wieħed jixtarr ir-raġunijiet wara proposta bħal din, ikun jista’ jifhem u japprezza aktar il-bażi wara dan l-argument.”

    Dr Etienne Grech“Minn studji li qegħdin isiru, qegħdin naraw biċ-ċar illi mill-età ta’ 14 il-sena, numru konsiderevoli ta’ żgħażagħ qegħdin ikollhom relazzjonijiet sesswali kemm bejniethom u kif ukoll ma’ individwi ta’ età akbar. Fl-istess ħin qegħdin nirrealizzaw ukoll, illi ħafna minn dawn lanqas biss għandhom l-iċken idea li b’dan l-aġir tagħhom huma jkunu qed jiksru l-liġi; hekk kif il-liġi tagħna ma tagħtix kunsens lil dawk ta’ anqas minn 18 il-sena li jkollhom atti sesswali. Jintebħu b’dan biss jekk xi ħadd mill-ġenituri jippreżenta xi kwerela u minn hemm jibda l-inkwiet.”

    Hija kontra l-liġi li tabib jeżamina individwu taħt it-18 il-sena mingħajr il-preżenza ta’ adult

    Iżda b’tagħrif bħal dan u minħabba li hu tabib tal-familja, Dr Grech huwa konxju li din il-kwistjoni għandha riperkussjonijiet oħra.

    “Hija wkoll kontra l-liġi li tabib jeżamina jew jagħti trattament lil individwi li għadhom m’għalqux it-18 il-sena, jekk ma jkunux akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom jew minn xi adult responsabbli minnhom,” fehemni Dr Grech.

    “Għaldaqstant, jekk tiġi tfajla ta’ taħt it-18 il-sena weħidha għandi u tistaqsini biex ninfurmaha dwar il-kontraċettivi jew biex nagħtiha r-riċetta ħalli tixtri kontraċettiv, jiena mistenni li nirrifjuta li ngħinha. Jekk le, inkun qed nikser il-liġi. Issa immaġina din is-sitwazzjoni fejn tfajla qed tgħidlek biċ-ċar li għandha l-intenzjoni li jkollha att sesswali u qed titlob biex tieħu prekawzjoni u inti trid tgħalqilha l-bieb f’wiċċha. Taħseb li billi inti ma tipprovdihiex b’kontraċettiv, lil din se twaqqafha milli tmur tagħmel li għandha tagħmel, jekk hemm bżonn anki mingħajr il-protezzjoni li xtaqet?”

    Żgħażagħ li jiddarsu mill-preżenza tal-ġenituri

    “Għalkemm individwi ta’ din l-età jkunu lesti li jersqu għand tabib tal-fiduċja tagħhom biex jistaqsu għal pariri bħal dawn, uħud mill-istess żgħażagħ mhu se jitkellmu qatt dwar dan is-suġġett fil-preżenza ta’ xi ħadd mill-ġenituri tagħhom. U b’hekk is-sitwazzjoni kif inhi, qed titfagħhom f’riskju ta’ mard sesswali, tqala mhux mixtieqa u problemi oħra.”

    Fil-fatt, waqt punti relatati li tqajjmu mill-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ intqal illi jekk titnaqqas l-età tal-kunsens sesswali u b’hekk dawn it-tip ta’ relazzjonijiet ma jibqgħux jitqiesu bħala illeċiti, probabbilment aktar żgħażagħ ser ikunu lesti li jfittxu informazzjoni adegwata mingħand nies professjonali. Madanakollu, huma saħqu wkoll illi tibdil bħal dan jista’ jpoġġi f’riskju akbar lil nies vulnerabbli, u li għalhekk il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tat-tfal għandha tkompli tiġi nfurzata. Barra minn hekk, huma għafsu fuq il-bżonn ta’ aktar edukazzjoni dwar dawn it-temi sabiex iż-żgħażagħ ikunu kapaċi jsiru aktar assertivi ħalli jirriffjutaw azzjonijiet mhux mixtieqa.

    Malta fost il-ftit pajjiżi bl-ogħla età tal-kunsens sesswali fl-Ewropa

    Dwar dan is-suġġett, Dr Joanne Cassar, lekċerer fil-qasam tal-Istudji taż-Żgħażagħ u l-Kommunità, ippreżentat xi punti sinifikanti minn servej nazzjonali li sar fl-2012 mill-Ministeru tas-Saħħa bl-isem ‘Tagħrif Sesswali, Attitudnijiet u Kondotti’. Fost ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ ġie indikat illi 41% taż-żgħażagħ Maltin ta’ età bejn 16 u 18 il-sena diġà kellhom relazzjoni sesswali. Fost ir-raġunijiet prinċipali l-għala sar l-ewwel att sesswali, iż-żgħażagħ irrispondew hekk: 47.5% għax kienu jħobbu s-sieħeb/sieħba tagħhom; 44.7% għax dak kien il-pass naturali li kien imiss fir-relazzjoni tagħhom; u 25.4% għax ħassew li kellhom l-età ġusta biex ikollhom din l-esperjenza. Minn dawn 41.6% użaw il-kondom waqt l-ewwel relazzjoni sesswali tagħhom, mentri l-oħrajn ma ħadu l-ebda prekawzjoni. Fost dawn iż-żgħażagħ li kellhom relazzjoni sesswali, 82.5% qablu li jeħtieġ li tkun tħobb lis-sieħeb/sieħba tiegħek biex tagħmel dan l-att. Intant, din ir-riċerka uriet ukoll illi fost il-pajjiżi Ewropej, Malta, it-Turkija u l-Vatikan kellhom l-ogħla età, dik ta’ 18 il-sena, f’dak li hu kunsens sesswali. Biex insemmi xi pajjiżi oħra: fi Spanja, din l-età tinżel għal 13; fil-Ġermanja, 14; fl-Iżvezja 15; fl-Iżvizzera, 16; u fl-Irlanda, 17.

    Ma tistax titfa’ liż-żgħażagħ kollha f’keffa waħda

    Ritratt - zghazagh (3)Cassar qalet illi meta l-attività sesswali titqies bħala xi ħaġa tajba miż-żgħażagħ ta’ 16 il-sena, dan l-aġir jista’ jiġi kkunsidrat bħala parti mill-iżvilupp tagħhom bħala individwi. L-esplorazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sesswalità tgħinhom jistabilixxu sens akbar ta’ identità hekk kif huma jkunu qed jesperjenzaw is-sodisfazzjon tal-intimità sesswali u ta’ relazzjonijiet interpersonali. Skont din il-perspettiva, stqarret Cassar, mhux addattat li wieħed jikkriminalizza lil dawn iż-żgħażagħ minħabba l-atteġġjament sesswali tagħhom. Iżda min-naħa l-oħra, hija semmiet li wieħed ma jistax jitfa’ ż-żgħażagħ kollha f’keffa waħda peress li mbagħad issib ukoll individwi tal-istess età li għalihom esperjenza ta’ relazzjoni sesswali lanqas biss joħolmu li jgħixuha għalissa, għax mhumiex lesti għaliha u għax pjuttost hi xi ħaġa li tbeżżagħhom.

    Jeħtieġ tissaħħaħ l-edukazzjoni dwar is-sesswalità u s-saħħa riproduttiva

    Anki l-psikoterapista Amanda Grech taqbel li għandu jinħoloq bilanċ bejn li nsegwu lil dawn iż-żgħażagħ imma li fl-istess ħin, inħallulhom l-ispazju fejn jikbru. Hija spjegat kif skont ċerti studji li saru jidher illi jeżistu numru ta’ fatturi li jistgħu jbassru l-possibilità li xi żgħażagħ jistgħu jidħlu għal relazzjoni sesswali kmieni ħafna fil-ħajja. Fost dawn hemm dawk li jgħixu ma’ ġenitur wieħed, dawk li għandhom ġenituri b’attitudni sesswali permessiva, u dawk li kienu vittmi ta’ esperjenzi trawmatiċi waqt it-tfulija tagħhom, partikolarment f’każ ta’ abbuż sesswali. Għaldaqstant, hija tirrakkommanda illi għandha tissaħħaħ aktar l-edukazzjoni dwar is-sesswalità u s-saħħa riproduttiva, u li din għandha tiffoka partikolarment fuq it-tip ta’ familji li semmiet fuq. Barra minn hekk, jgħin ukoll jekk tingħata iżjed għajnuna relatata mat-tagħlim tal-kapaċitajiet ġenitorjali ħalli b’hekk ikun hemm aktar ġenituri mgħarrfa dwar dan il-qasam.

    Tista’ tiżżewweġ ta’ 16 imma twettaq is-sess ta’ 18

    Dun Joseph Mizzi, id-Direttur ta’ Kana, irrimarka wkoll dwar id-diskrepanza li teżisti bħalissa fejn wieħed jista’ jiżżewweġ fl-età ta’ 16 il-sena, jekk ikollu l-permess tal-ġenituri tiegħu, imma fl-istess ħin imbagħad teżisti liġi oħra li tgħid li l-età tal-kunsens sesswali hija dik ta’ 18 il-sena. U din ir-realtà toħloq inkonsistenza u konfużjoni.

    Min-naħa l-oħra, huwa tkellem ukoll dwar il-preokkupazzjoni li jekk titbaxxa l-età tal-kunsens sesswali, dan jista’ jinċentiva u jħajjar aktar attività sesswali barra miż-żwieġ. Għaldaqstant huwa saħaq illi f’każ li titbaxxa din l-età, l-istat, il-Knisja, l-NGOs, u l-korpi kollha konċernati m’għandhom qatt jieqfu mill-kampanja soda u intensiva ta’ edukazzjoni u formazzjoni tal-karattru tat-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tagħna. Fl-opinjoni ta’ Mizzi, is-suġġett tal-Personal, Social and Careers Development (PSCD) li qed jiġi mgħallem fl-iskejjel tagħna, qed imiss wisq ħafif ħafif mat-tema tas-sesswalità u b’hekk jiddubita kemm huwa effettiv.

    Ma jemminx li s-soluzzjoni tinsab fit-tnaqqis tal-età tal-kunsens

    Min-naħa tiegħu, George Buttigieg, Konsulent fl-Ostretiċija u Ġinekologu, jelenka dawn l-erbgħa argumenti favur li l-età tal-kunsens sesswali titniżżel għal 16 il-sena:

    1. li Malta tiġi uniformi mal-parti l-kbira tal-Ewropa;
    2. li din il-bidla tirrifletti l-aġir sesswali taż-żgħażagħ Maltin fil-preżent;
    3. l-eliminazzjoni jew tnaqqis ta’ każijiet li jitressqu quddiem il-qrati taħt l-Att 203 (sitwazzjonijiet li umanament ma jagħmlux sens iżda li jistgħu jitressqu la l-liġi hi kif inhi); u
    4. il-faċilità tal-kura medika assoċċjata ma’ problemi sesswali fiż-żgħażagħ taħt it-18 il-sena li ma jersqux liberament għal din il-kura.Madanakollu, Buttigieg ma jemminx li s-soluzzjoni tinsab fit-tnaqqis tal-età tal-kunsens imma li jingħata għarfien u saħħa lill-prinċipju tal-age banding li jgħaqqad ir-rispett tan-natura umana fis-seklu 21 flimkien mal-ħarsien tal-vulnerabbilità sesswali taż-żgħażagħ tagħna.

    L-ebda liġi mhu se twaqqaf liż-żgħażagħ milli jwettqu s-sess

    Ritratt - zghazagh (1)Fil-fehma tiegħu, bosta żgħażagħ m’humiex konxji minn dak li tgħid il-liġi. Iżda anki jekk ikunu jafu, ma jaħsibx li dawn se jagħtu każ jew li se jibżgħu mill-liġi. Lanqas ma jaħseb li jekk tinżel l-età tal-kunsens sesswali għal 16 il-sena, se tiżdied aktar it-tqala fost iż-żgħażagħ għax fir-realtà, jidhirlu li qegħdin f’dinja fejn kulħadd jagħmel dak li jfettillu bla ma joqgħod jagħti każ x’jgħidu t-tobba jew il-politikanti.Personalment, fir-realtà li qed ngħixu fiha, l-aktar ħaġa neċessarja b’mod immedjat hija li niffaċilitaw l-aċċess għall-għajnuna medika għaż-żagħżagħ ta’ 16 il-sena billi nħalluhom fil-libertà li jmorru għand tabib għall-kontraċezzjoni, pariri relatati u kura ta’ mard li jista’ jirriżulta mill-attività sesswali.

    Il-professjoni medika qiegħda tiġi mxekkla mill-liġi

    Ċertament, dan l-aħħar argument tqajjem ukoll mill-Kunsill Mediku ta’ Malta minħabba li bħalissa, il-professjoni medika qiegħda tiġi mxekkla mill-liġi milli tgħin lil dawn iż-żgħażagħ f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa sesswali, peress li kif diġà semmejt qabel, mhux permess li tabib jara żagħżagħ taħt it-18 il-sena mingħajr il-preżenza ta’ adult. B’hekk, kemm is-saħħa sesswali taż-żgħażagħ u kif ukoll il-kommunità nnifisha qegħdin ikunu f’riskju, anki għax individwi li jkollhom xi problemi ta’ mard jew infezzjonijiet relatati mas-sess, ma jistgħux jersqu għand tabib u b’hekk tinħoloq ħafna tbatija inutli u tixrid ta’ dan il-mard mhux ikkurat.Wasal iż-żmien li naffaċċjaw ir-realtàBħala ġenituri taż-żgħażagħ tagħna, huwa ideali li nibqgħu noħolmu li wliedna se jistennew l-età ġusta sabiex ikollhom l-ewwel esperjenza ta’ relazzjoni sesswali. Madanakollu, ir-riċerka li qed issir qiegħda turi realtà differenti fejn numru konsiderevoli taż-żgħażagħ ta’ llum qegħdin jiddeċiedu li jwettqu dan l-att, akkost il-konsegwenzi kollha li jista’ jkun hemm, bħall-mard u tqala mhux mixtieqa. B’hekk, naħseb li ta’ min li wieħed jirrifletti kemmxejn dwar l-argumenti li saru hawn fuq mill-esperti konċernati. 

    2015.06.28 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • XENI ĦAJJIN TAL-PESTA TAL-1813 FIŻ-ŻEJTUN

    Għal żmien twil fl-istorja tal-bniedem ma kienu jinġabru l-ebda dettalji dwar il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi. In-nies kienu jitwieldu, jiżżewġu, imutu u jindifnu mingħajr qatt Daqs li kieku qatt ma eżistewma titniżżel nota waħda dwarhom, daqs li kieku qatt m’eżistew! Din is-sitwazzjoni nbidlet meta l-Knisja bdiet iżżomm l-ewwel tagħrif dwar il-parruċċani tagħha. F’pajjiżna nistgħu niftaħru li għandna wħud minn dawn il-ġabriet ta’ informazzjoni l-aktar bikrija, ħafna minnhom relatati mal-magħmudijiet, fejn l-eqdem fosthom huma r-reġistri tal-Magħmudija tal-Imdina li jibdew mis-sena 1539. Dan l-aħħar kelli bżonn nagħmel ftit riċerka dwar id-demografija u għaldaqstant iddeċidejt li nagħti titwila lill-Arkivji Ekkleżjastiċi Parrokkjali tal-Parroċċa taż-Żejtun. Ma kontx naf x’ser insib ma’ wiċċi u infatti dak li sibt, impressjonani ferm. Qatt ma bsart kif erbgħa numri u kemmxejn dettalji kienu kapaċi jsemmgħawlek mill-ġdid it-taħbita ta’ qalb ta’ poplu li għex u għeb tant snin ilu. Daqstant ieħor, qatt ma ħsibt li għad intiegħem il-biża’ li ħassu l-abitanti ta’ dan il-villaġġ, partikolarment waqt il-pesta li ħakmet il-pajjiż fl-1813…

    Bil-għajnuna tal-Arċipriet taż-Żejtun Rev. Fr. Eric Overend u tal-Kanonku Fr. Joe Abela, sibt ruħi qed inqalleb paġni li nkitbu mijiet ta’ snin ilu. B’paċenzja kbira Dun Joe, kif inhu magħruf iż-Żejtun, introduċini mal-post u mar-reġistri antiki u fi ftit siegħat ħarriġni kif nagħraf il-kitbiet imħarbxa jew impittra nokkli nokkli, b’linka sewda faħma. Bosta mill-kitbiet kienu bil-Latin imma hekk kif dawn jibdew jirrepetu ruħhom u jekk tkun midħla tal-lingwa Taljana, ma ddumx wisq biex issib irkaptu sabiex tifhem x’hemm imniżżel.

    L-eqdem reġistru jmur lura għas-sena 1580 u jinkludi d-dettalji tal-magħmudijiet, żwiġijiet u mwiet li seħħew matul is-snin 1580 sa l-1606. Sfortunatament il-kundizzjoni tiegħu mhiex tajba ħafna. Il-L-eqdem manuskritt - 1580qoxra hija magħmula minn kartun iebes u hi meħjuta ma’ mazz karti li jiffurmaw ir-reġistru. Laqtuni l-qfieli tal-għażel li kienu qed jintużaw bħala ċoff biex jagħlqu sewwa l-ktejjeb. Huma proprju dawn l-irqaqat żgħar li jqarrbuk bil-ħsieb lejn min seta’ għamilhom. Mur għid lil min ħadmu illi wara dawn is-snin kollha, xi ħadd ser ikun qed jgħożż u jifli x-xogħol tiegħu!

    “Tieħux qatgħa!” serraħli rasi Dun Joe. “Dan l-agħar wieħed fosthom bħala kundizzjoni. L-oħrajn ma jinsabux daqshekk ħażin. Madanakollu trid tapprezza wkoll kemm għadda żmien minn fuq dar-reġistru, kemm ilu jinġarr minn hemm għal hawn u f’liema kundizzjonijiet seta’ sab ruħu. Fuq kollox, ċertu linka li ġiet użata fuqu, maż-żmien ħareġ li kienet tqatta’ l-karti u b’xorti ħażina, qed tintilef xi informazzjoni minnu minħabba dan.”

    Poġġejt bil-qiegħda ħdejn skrivanija u fis-skiet apprezzajt l-opportunità li nżomm reġistru bħal dak f’idi. Hekk kif Dun Joe beda jurini l-listi miktubin fuqu, f’mument minnhom moħħi ġera lura s-snin u bħal triegħext meta rrealizzajt li l-kappillan li kien kiteb dak ir-reġistru kien għex waqt l-Assedju l-Kbir… mill-1565, ħmistax il-sena biss kienu għaddew! L-ewwel listi kienu tal-magħmudijiet u hawnhekk stajt ninnota t-tendenza li t-tfal kienu jissemmew primarjament għall-qaddisin. Rajt ukoll kif ċertu ismijiet u kunjomijiet imniżżlin hemm, illum ma nsibuhomx aktar f’pajjiżna, filwaqt li numru ta’ kunjomijiet minnhom ġew evoluti f’oħrajn magħrufa sewwa fil-preżent. L-ewwel żwieġ irrekordjat sar fis-6 ta’ Jannar 1580, filwaqt li f’Jannar tal-1583 bdew jitniżżlu wkoll id-dettalji tal-imwiet. Minn wara dar-reġistru, il-manuskritti l-oħra (kif jippreferi jsejjħilhom Dun Joe) huma kollha fl-istil skont il-Konċilju ta’ Trent.

    Il-Konċilju ta’ Trent (1545 – 1563) ġie mniedi waqt il-Kontro-Riforma tal-Knisja fit-taqtigħa tagħha kontra l-Protestantiżmu. Il-Konċilju kellu l-iskop li jikkundanna t-tagħlim u l-prinċipji tal-Il-Kanonku Dun Joe Abela bl-eqdem manuskritt f'iduProtestantiżmu, li jistabilixxi t-tagħlim tal-Knisja Kattolika u li jwettaq riforma fid-dixxiplina u t-twemmin, kemm tal-Kleru nnifsu u kif ukoll ta’ dawk li kienu jħaddnu l-Kristjaneżmu. Waqt żjara pastorali li saret minn Mons. Pietro Dusina fil-1575 bil-għan li jara li kulħadd kien qed isegwi d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trent, dan ordna illi kull kappillan kellu jżomm ħames reġistri b’konnessjoni ma’ ċertu sagramenti, ħalli jkun jista’ jiġi kkonfermat illi l-parruċċani kienu qegħdin jgħixu skont ir-regoli tat-tagħlim Kristjan. Dawn ir-reġistri kellhom joħorġu taħt dawn it-titli: Baptizatorum (magħmudija), Confirmatorum (ġriżma), Matrimoniorum (żwieġ), Mortuorum (mewt) u Liber Status Animarum (qrar u tqarbin).

    “Waqt din il-vista pastorali ta’ Mons. Dusina fl-1575, il-kappillan taż-Żejtun kien Dun Ġwann Mamo li kien mis-Siġġiewi u kellu 70 sena. Meta l-Monsinjur staqsa lill-kappillan jekk kienx qed iżomm ir-reġistri tal-parruċċani, dan wieġbu fl-affermattiv imma kif qed tara, hawnhekk ir-reġistri jibdew mill-1580. Jiena qed nassumi li Dusina ma kienx qagħad biss fuq il-kelma tal-kappillan imma li kien ra r-reġistri b’għajnejh u għalhekk probabbilment aktarx l-ewwel reġistri ntilfu. Ma rridux ninsew illi f’dak iż-żmien ir-reġistri kienu jinżammu fil-parroċċa ta’ Santa Katarina (illum magħrufa bħala Ta’ San Girgor) illi mhux darba u tnejn ħabtu għaliha l-furbani u ħallew ħerba sħiħa warajhom.”

    L-arkivji huma ħafna għal qalb Dun Joe imma nistqarr magħkom li għandi l-impressjoni li dan il-Kanonku stess hu arkivju ieħor ukoll! Hekk kif bi kburija beda jurini xkaffa wara l-oħra ta’ reġistri, huwa spjegali kif flimkien ma’ Walter Zahra, għal bosta snin, huwa ħadem biex ikklassifika dawn l-arkivji sabiex finalment inħoloq indiċi tar-reġistri kollha.

    “Għamilna anki werrej tal-indiċi nnifsu,” kompla jfehemni. “B’hekk ir-reġistri issa jistgħu jinżammu f’ordni aħjar u fl-istess ħin għamilna l-ħajja aktar faċli għar-riċerkaturi.”

    Il-kwantità tar-reġistri huma bla heda, hekk kif dawn jibqgħu sejrin sal-ġranet ta’ llum. Fost id-dettalji li wieħed isib fihom hemm dawk tal-magħmudija, preċett, griżma, żwieġ, tnhedijiet taż-żwieġ, L-ewwel manuskritt 1580 -1606imwiet, quddies u funerali, atti notarili dwar l-oqbra, konfraternitajiet, Liber Status Animarum, amministrazzjoni finanzjarja u inventarji. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn kitbiethom tidher li mhiex ħlief listi. Imma fir-realtà, dawn iħaddnu fihom informazzjoni mitqla deheb dwar il-popolazzjoni tal-villaġġ. Minnhom wieħed jista’ jikkalkula bidliet fil-qies, id-distribuzzjoni u l-kompożizzjoni tal-popolazzjoni matul is-snin. Bidliet drastiċi il-fuq jew ‘l isfel fil-popolazzjoni huma indikazzjonijiet ċari li jkunu seħħu xi ċirkustanzi partikolari li jkunu laqtu sewwa lin-nies tal-post. Ngħidu aħna lejn l-aħħar tas-16-il seklu u l-bidu tas-17-il seklu naraw żieda fil-popolazzjoni taż-Żejtun li kienet ikkawżata minn livell ta’ ħajja aħjar, miżuri aħjar relatati mas-saħħa u l-ħolqien ta’ aktar xogħol permezz tal-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta. Min-naħa l-oħra naraw tnaqqis fil-popolazzjoni wara l-epidemija tal-kolera li ħakmet liż-Żejtun fl-1887 u li kkaġunat il-mewt ta’ 4.5% tal-popolazzjoni tal-villaġġ.

    Il-listi tat-twelid jagħtuk idea dwar ir-rata ta’ għajxien tat-trabi, filwaqt li juru wkoll id-daqs medju tal-familji. Madanakollu, fis-snin imbiegħda, it-trabi li kienu jitwieldu mejtin mhux dejjem kienu jiġu rreġistrati u għalhekk wieħed irid joqgħod attent għax mhux neċessarjament li jkun qed jaħdem b’dettalji preċiżi. Mid-dati taż-żwieġ u tat-twelid tal-ewwel tarbija, tista’ tifhem ukoll kemm trabi kienu jitwieldu illeġittimi u anki kemm kienet iddum koppja sakemm tasal biex ikollha l-ewwel tarbija. Mir-reġistri taż-żwieġ, wieħed jista’ jsegwi minn liema nħawi kienu l-għarajjes, ngħidu aħna jekk kienux jiżżewġu sieħeb jew sieħba mill-villaġġ stess jew minn irħula jew bliet oħra. U naturalment, ir-reġistri tal-mewt jagħtu stampa ċara tal-età medja li n-nies ta’ kull era kienu mistennija li jgħixu.

    Fir-realtà, din il-lista tibqa’ sejra mhux ħażin u f’idejn espert tad-demografija, permezz ta’ dawn ir-reġistri, wieħed jista’ jikteb kotba sħaħ. Min-naħa tiegħi għażilt li nifli xi żmien partikolari li kien affetwa lin-nies tal-post. Għall-ewwel tħajjart nirriċerka dwar l-imwiet li kienu seħħu fis-sena 1614, meta t-Torok kienu attakkaw bi ħruxija kbira l-inħawi taż-Żejtun, hekk kif tindika xi kitba li hemm fil-knisja ta’ San Girgor. Iżda sfortunatament Dun Joe għarraffni illi r-reġistri tal-mewt mis-sena 1610 sas-sena 1660 huma neqsin ukoll. Għaldaqstant iddeċidejt li nistħarreġ iż-żmien tal-1813, meta Malta ġiet maħkuma minn epidemija serja tal-pesta. Biex jgħini f’din ir-riċerka rreferejt mas-sors primarju l-Liber Status Animarum li jkopri s-snin 1803 – 1822.

    “Il-kitbiet kollha huma tal-kappillan Rev. Fr. D Bartholomeo Sant li kien ordnat qassis fl-24 ta’ Mejju 1769 u eventwalment kien wieħed mill-vittmi tal-kolera fl-1837,” kompla jurini Dun Joe. “Innota l-Tqarbin fi żmien il-pestakitba. Hemm partijiet miktubin tassew puliti u mbagħad hemm oħrajn kemmxejn imħarbxa meta l-kappillan kien għamel xi żmien ma jiflaħx.” Dal-kliem laqgħatni u għajnejja ġrew biex jiflu l-kitba. Tassew! Hekk kien. Quddiem għajnejja lmaħt il-kappillan iniżżel id-dettalji tal-parruċċani tiegħu fid-dawl kiebi ta’ xemgħa tnemnem u ppruvajt nimmaġina x’kien jgħaddi minn quddiem għajnejh u x’kien iħoss f’qalbu, hekk kif f’dik il-għodwa hu jkun difen xi tarbija li ġranet qabel ikun għammed jew xi xwejjaħ li kien ilu ħabib tiegħu s-snin. U xi ngħidu għall-biża’ tal-pesta, hekk kif il-kappillan ried jikkalma lin-nies, jgħinhom jittamaw f’Alla, iqarbinhom bil-periklu li jista’ jittieħed hu wkoll filwaqt li jordna d-dfin malajr malajr ta’ oħrajn li tkun ħafnithom il-mewt qerrieda. Biex imbagħad hu stess miet f’epidemija tal-kolera. Tgħid qatt basar li għad jispiċċa hekk?

    Stinkajt biex immur lura għal preżent hekk kif Dun Joe kien għadu għaddej jispjegali, “Fil-ġranet tal-Għid f’ċerti snin, hekk kif kien mistenni minnu, il-kappillan kien idur bieb bieb id-djar kollha li kienu jiffurmaw parti mill-parroċċa tiegħu. Kif qed tara hawnhekk, Dun Sant kien qasam iż-Żejtun f’erbgħa distretti: Casal Pasqualino, Casal Bisbut, Casal Gwiedi u Casal Ħerba u kien jinnumera kull dar li kien iżur fuq dan ir-reġistru peress li f’dawk iż-żminijiet id-djar ma kellhomx numri u t-triqat ma kellhomx isem. Infatti l-kappillan kien ‘isemmi’ t-triqat jew għal xi individwu magħruf li kien joqgħod fl-inħawi, inkella għal xi binja importanti bħal xi kappella. Tista’ tgħid li kien qisu speċi ta’ ċensiment fejn jitniżżlu d-dettalji ta’ dawk kollha li kienu joqogħdu f’kull dar, iżda b’żieda partikolari. Qed tinnota l-ittri c.c ħdejn l-ismijiet ta’ ħafna mill-adulti? Dawk l-ittri jfissru confessato e communicato, jiġifieri ‘ġie mqarar u mqarben’. Minn dawn in-noti, il-Kurja kien ikollha idea ta’ kemm in-nies kienu qed jobdu r-regoli tagħha.”

    Permezz ta’ dan ir-reġistru stajt nara illi bejn is-snin 1810 sal-1813, il-popolazzjoni taż-Żejtun kienet qed tiżdied b’rata regolari, sakemm fl-1813 din ir-rata medja ta’ żieda waqfet ħesrem u l-effetti jidhru li baqgħu jinħassu saħansitra sas-sena 1818.

    B’dawn id-dati imxejt fuq reġistru ieħor li kien juri l-magħmudijiet li saru bejn l-1807 u l-1818. Hawnhekk innutajt żewġ noti partikolari: waħda minnhom datata 20 ta’ Mejju 1813 kellha ddiżinjata pala ta’ id tipponta lejn kitba qasira li kienet tgħid li t-tarbija ta’ Antonij Seychell kienet mietet, filwaqt li n-nota l-oħra datata 23 t’Awwissu 1813 kienet tindika li dakinhar mietet tarbija infettata bil-pesta. L-istess reġistru wera illi bejn is-snin 1810 sa 1812 ir-rata medja tat-twelid kienet qed tiżdied iżda din waqfet bejn l-1813 u l-1814 fejn anzi naraw ir-rata tat-twelid tonqos speċjalment fit-trabi bniet. Madanakollu, kif sikwit jiġri wara epidemiji bħal dawn, hekk kif il-pajjiż ġie dikjarat ħieles mill-marda tal-pesta, sena wara, fl-1815 ir-rata tat-twelid splodiet il-fuq sakemm reġgħet lura għan-normal fl-1816.

    Naturalment idejja ġrew dritt għar-reġistru taż-żwiġijiet li saru bejn l-1806 u l-1822. Sibt li fl-1812 kien hemm imniżżel li saru 39 żwieġ, liema total niżel għal 13 fl-1813, biż-żwiġijiet jieqfu ħesrem f’Ġunju 1813 hekk kif il-pesta serqet l-ewwel vittma tagħha miż-Żejtun. Għalhekk kont sorpriża meta sibt nota ta’ żewġ żwiġijiet li seħħu f’Awwissu 1813 u ieħor f’Diċembru. Dan kollu jaqbel mad-direttiva li kien ħareġ l-Isqof ta’ dak iż-żmien fid-29 ta’ Mejju 1813 sabiex jingħalqu l-knejjes kollha bit-tama li jiġi evitat aktar tixrid ta’ mard. Bħal kif semmejt qabel, hekk kif il-periklu tal-epidemija għadda, fis-sena 1814 iż-żwiġijiet laħqu l-ammont ta’ 72.

    Ma stajtx nonqos li nifli r-reġistru tal-imwiet li kien ikopri s-snin 1802 sa l-1827. Bejn l-1810 u l-1812 innutajt rata medja ta’ mwiet, b’dik tat-tfal dejjem aktar għolja minn dik tal-adulti. Rata għola ta’ Il-knisja-ta-San-Girgor[1]mwiet, kemm fl-adulti u kemm fit-tfal kienet evidenti fis-sena 1813, li mbagħad bdiet tonqos gradwalment fis-snin ta’ wara sakemm irritornat għan-normal fl-1816. L-ewwel vittma adulta suspettata li mietet bil-pesta fiż-Żejtun seħħet fil-31 ta’ Mejju 1813 u kienet Gratia Bonavia fl-età ta’ 85 sena. Tlett ijiem wara, did-darba b’mewt kawżata ċertament mill-pesta kien Joseph Vella fl-età ta’ 40 sena. Jidher li dan l-individwu miet fil-Forti Manoel hekk kif dan beda jilqa’ ġewwa fih il-vittmi tal-pesta meta l-Lazzaretto imtela’. Kien żmien tal-waħx hekk kif meta l-marda ħraxet, il-morda kellhom jintefgħu kollha flimkien indipendentement mill-età jew is-sess tagħhom. Kif ikomplu jispjegaw in-notamenti antiki, il-vittmi bdew jindifnu f’ċimiterju apposta ‘għall-infetti’, probabbilment dak ta’ San Rokku li llum qiegħed biswit il-knisja ta’ San Girgor. Irnexxieli nsib madwar 20 individwi li jidhru li mietu kawża tal-pesta. Mid-dati tal-mewt tagħhom tifhem mill-ewwel kemm il-marda kienet tittieħed u kemm kienet fatali. B’għafsa ta’ qalb sibt koppja miżżewġa li mietu f’temp ta’ ftit jiem il-bogħod minn xulxin u anki żewġ familji partikolari fejn bosta mill-membri tagħhom, fosthom ġenituri u tfal inħasdu qatta’ bla ħabel minn wiċċ did-dinja. Ksaħt meta ftakart li kien hemm ordni ċivili li kienet tirrikkjedi li wieħed jirrapporta immedjatament dawn il-każi ta’ mard. Għiduli intom x’sofrew dawn in-nies hekk kif kellhom jinfurmaw lill-awtoritajiet biex jiġu jieħdu lill-uliedhom infettati sabiex dawn jittieħdu f’dak l-infern ta’ morda oħra jmutu kuljum madwarhom? U fl-istess ħin kif qatt tista’ tifhem dak it-terrur li ġġarrab hekk kif tiġi konxja li la kont qrib dawn il-familjari, anki inti jista’ jiġrilek l-istess? Min-naħa l-oħra kif tista’ qatt tagħżel li tabbanduna lil dawk li tħobb f’mumenti bħal dawn? Ċertament huma esperjenzi li jekk ma jeħdulekx ħajtek, almenu żgur li jqattgħuk minn ġewwa. Min jaf kemm kien hemm min siket u pprova jfejjaq lil xi membru tal-familja tiegħu biex imbagħad spiċċaw mejtin it-tnejn!

    Kelli nagħlaq il-kotba f’salt għax ma flaħtx naħseb u nħoss aktar. L-aħħar vittma tal-pesta fiż-Żejtun mietet fil-25 ta’ Settembru 1813. B’xorti tajba fis-7 ta’ Marzu 1814, Malta ġiet meħlusa minn dil-pjaga, għalkemm imbagħad inħakmet il-gżira t’Għawdex. Minn popolazzjoni ta’ madwar 100,000 ruħ, din l-epidemija ħadet magħha madwar 4500 persuna. Kien fit-8 ta’ Settembru 1814 li ż-żewġ gżejjer ġew dikjarati salvi minn din l-epidemija qerrieda. Issa stajt nisma’ l-briju tan-nies f’widnejja hekk kif b’din l-aħbar, f’qalbhom reġgħet bdiet tħabbat it-tama għall-ħajja aħjar.

    Dik ma kientx l-aħħar darba li Malta ġiet maħkuma minn din l-epidemija. B’xorti tajba illum il-mikrobu tal-pesta  jista’ jiġi megħlub għal kollox permezz tal-penicillin. Meta tkellimt ma’ Dr Etienne Grech Karatteristiċi tal-bubonic plaguehuwa spjegali kif il-mikrobu Yersinia Pestis jikkawza il-bubonic plague. Dan il-mikrobu jinġarr mill-ġrieden u jsib ambjent adegwat biex jixtered meta jsib livell baxx ta’ sanità. Għalkemm forsi hemm min jaħseb li l-pesta spiċċat għal kollox, sfortunatament għad hemm popli li għadhom qed jgħixu f’faqar kbir u f’kundizzjonijiet mill-agħar ta’ saħħa. Ħafna minnhom jgħixu f’pajjiżi tropikali b’nuqqas ta’ ilma biex tinżamm l-indafa, mingħajr sistemi ta’ refriġerazzjoni biex iżommu l-ikel f’kundizzjoni tajba u eternità l-bogħod mill-mediċini adegwati. Bqajt issummata meta Dr Grech infurmani li dawn in-nies għadhom jgħaddu mit-tbatijiet u l-kefrija tal-pesta meta ironikament din tista’ titfejjaq b’sempliċi kaxxa penicillin li aħna nistgħu nixtru mingħand l-ispiżjar ta’ ħdejna!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.10 / 4 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • L-ISKARLATINA F’MALTA

    Din il-ġimgħa reġa’ nstab każ ieħor ta’ Skarlatina fi skola primarja tal-Gvern.

    Isem din il-marda partikolari għandu tendenza li joħloq il-paniku fost il-ġenituri. Madanakollu, għalkemm din il-marda fil-passat kienet waħda fatali, illum titfejjaq sempliċiment permezz ta’ antibijotiċi li jagħtik it-tabib tal-familja.

    Fir-realtà hija n-nuqqas ta’ informazzjoni li tinkwieta lil min jiġi milqut minn din il-marda. Għaldaqstant, tkellimna mat-tabib Etienne Grech sabiex jispjegalna aħjar dwar il-kawża tagħha, is-sintomi, il-fejqan u l-miżuri li għandhom jittieħdu f’dawn il-każijiet.

    L-Iskarlatina tiġi kkawżata mill-batterja streptococcus li solitament toħloq uġiegħ u infezzjoni fil-griżmejn. Biss meta din il-batterja jkollha ‘strain’ aktar qawwi, tikkaġuna wkoll raxx ħamrani fuq il-ġilda u l-persuna milquta jkollha anki deni qawwi.

    Huwa tajjeb li wieħed ikun jaf is-sintomi ta’ din il-marda sabiex f’każ ta’ dubju, wieħed jirreferi mill-ewwel għand it-tabib tiegħu.

    Is-sinjali komuni tal-Iskarlatina huma:

    -         Raxx ħamrani mal-ġilda

    -         Ilsien minfuħ b’kisja bajdanija fuqu (illi wara ftit ġranet titqaxxar u ssir ħamra)

    -         Deni ta’ madwar 101F (38.3 C)

    -         Uġiegħ qawwi u ħmura fil-griżmejn

    -         Diffikultà biex wieħed jibla’

    -         Glandoli minfuħa

    -         Uġiegħ ta’ ras

    -         Sturdament jew remettar.

    Meta l-batterja tal-Iskarlatina tiġi trattata bl-antibijotiċi, din tinqered fi żmien 24 siegħa. Għaldaqstant huwa importanti ferm li wieħed jieħu azzjoni immedjata sabiex b’hekk tiġi evitata t-tbatija fuq il-marid u kif ukoll sabiex nevitaw it-tixrid tal-marda. Kura mmedjata tevita wkoll il-kumplikazzjonijiet aktar serji li kapaċi toħloq din il-marda jekk tiġi injorata għal tul ta’ żmien.

    Ġeneralment din il-marda tolqot lit-tfal mill-età ta’ 5 sa 15-il sena peress li dawn ma jkollhomx biżżejjed reżistenza għaliha. F’każijiet rari ġieli toħroġ anki fl-adulti.

    Il-marda tal-Iskarlatina tittieħed u t-taħlit tat-tfal fl-iskejjel jagħmilha aktar faċli biex din tiġi trażmessa minn wieħed għall-ieħor. Madanakollu xieraq jiġi ċċarat illi għalkemm meta xi ħadd mit-tfal fil-klassi jimrad bl-Iskarlatina, mhux neċessarjament li t-tfal l-oħra jittieħdu wkoll. Hawnhekk tidħol ir-responsabbiltà tal-ġenituri nfushom illi meta jintebħu li uliedhom ma jifilħux, ma jibgħatuhomx l-iskola qabel ma jiċċertifikaw uliedhom x’għandhom u mhux qabel jagħtuhom il-kura meħtieġa.

    L-Iskarlatina tittieħed minn wieħed għall-ieħor permezz tal-likwidi li joħorġu mill-imnieħer u mill-ħalq bħal: għatis, sogħla u jekk wieħed imiss xi affarijiet mingħajr ma jkun ħasel idejh u jmisshom xi Skarlatina ħadd warajh. Għalhekk huwa neċessarju illi min jimrad bl-Iskarlatina jagħmel ammont ta’ żmien iżolat fid-dar tiegħu biex jiġi evitat it-tixrid tal-marda. Iżda hemm każijiet fejn din il-marda tista’ tinġarr minn persuna bla ma tkun marida biha. Dan jagħmilha impossibbli illi inti tassigura ruħek illi m’intix ħdejn xi ħadd li għandu dawn il-batterji fuqu.

    Għaldaqstant huwa utli illi wieħed jieħu l-prekawzjonijiet tiegħu billi jgħallem lil uliedu:

    -         Jaħslu jdejhom sewwa bis-sapun;

    -         Ma jużawx tazzi, frieket, skieken, kuċċarini, srievet eċċ ta’ tfal oħra;

    -         Jgħattu mneħirhom u ħalqhom meta jagħtsu jew jisogħlu;

    -         Ma joqogħdux viċin iżżejjed tal-wiċċ ta’ tfal oħra.

    Minn kif qed naraw, il-marda tal-Iskarlatina għandha biss isem impressjonanti imma mhiex marda daqshekk allarmanti. It-tabib Etienne Grech qalilna illi fi żmien il-gwerra, ma kienx hawn peniċillina u Dr Etienne Grechgħalhekk l-Iskarkaltina kienet tkun fatali. L-isem biss tagħha kien iqanqal it-terrur dak iż-żmien. Mhux l-ewwel darba illi t-tabib Grech iltaqa’ ma anzjani illi f’dawk iż-żminijiet mitulhom xi tfal b’din il-marda. U forsi għalhekk instintivament aħna l-Maltin għadna nitkexkxu minn dan l-isem.

    Għamilna żmien ma nisimgħux b’din il-marda imma donnha li dan l-aħħar reġgħet qed terfa’ rasha. Jista’ jkun li r-raġuni hi illi nħoloq ‘strain’ differenti ta’ batterja. Jista’ jkun ukoll illi illum kemm il-ġenituri u kemm it-tobba kapaċi jagħrfu aktar malajr din il-marda u b’hekk qed jiġu irrappurtati aktar każi. It-tabib Grech qalilna illi bħala tabib huwa obbligat li jirrapporta liċ-Ċentru tas-Sanità kull meta jiltaqa’ ma’ din il-marda sabiex huma jkunu jistgħu jżommu rekord tagħha.

    Finalment nerġa’ niġi għall-punt prinċipali: l-informazzjoni dwar kull sitwazzjoni fil-ħajja tneħħilek ħafna biża’ u nkwiet inutli u tgħinek tieħu l-prekawzjonijiet neċessarji.

    Huwa għalhekk illi xi ġenituri ta’ din l-iskola primarja nkwetaw mhux ftit meta din l-informazzjoni waslitlilhom permezz ta’ aħbar fuq it-TV u mhux mill-iskola innifisha. Fuq kollox matul l-aħbarijiet Ilsien b'kisja bajdanijaingħad illi l-ġenituri kollha kienu ġew infurmati u kienu ltaqgħu ma’ tabib illi serrħilhom rashom li ma kienx hemm għalfejn li wieħed jallarma ruħu. Il-problema kienet illi ssejħet biss il-klassi milquta u mhux il-klassijiet kollha ta’ dik is-sena partikolari. Dan ħoloq mumenti stressanti fuq bosta ġenituri li ma kienux jafu sewwa x’kien qed jiġri. Wieħed jifhem illi t-tfal milquta mill-marda jridu jiġu protetti minn ħafna għidut żejjed tan-nies. Imma dan m’għandux jagħti lok għal nuqqas ta’ informazzjoni. Kien ikun ħafna aħjar li kieku il-ġenituri tal-klassijiet kollha ġew miġbura flimkien u b’mod responsabbli ġew imfiehma biċ-ċar kif kienu l-affarijiet.

    In-nuqqas ta’ informazzjoni u biża fuq dan is-suġġett ħolqu sitwazzjoni fejn il-ġenituri ma kienux ċerti għandhomx jibgħatu lil uliedhom l-iskola jew le. U għalhekk numru ta’ ġenituri għażlu li ma jibgħatux lil uliedhom l-iskola filwaqt li oħrajn iddeċidew eżatt bil-kontra.

    Id-dubji u t-tħassib kompla aktar kiber meta tfal mill-klassi affetwata mill-marda tal-Iskarlatina ġew imqassma mal-bqija tal-klassijiet li sa dik il-ġurnata ma kienux ġew esposti għal marda.

    Għalkemm huwa importanti li wieħed ma jallarmax ruħu għalxejn, wieħed jistenna illi f’każijiet bħal dawn, jittieħdu deċiżjonijiet b’mod aktar responsabbli!

    (Dan l-artiklu ġie ppublikat fit-Torċa tad-29 ta’ Marzu 2009)

    2009.03.29 / no responses / Category: Torca - Features & Articles