Posts Tagged ‘Dun Karm Psaila’

  • Jien nikteb il-poeżija

    Achille Mizzi.jpgThe Essential Achille Mizzi.jpg

    Vetrati Milwiena.jpgEklissi Perpetwi.jpg

    Meta kont għadni studenta fl-iskola sekondarja ġieli ppruvajt inħarbex xi poeżija ‘l hemm u ‘l hawn sabiex nirrifletti t-turbulenzi tal-ħsibijiet u tal-emozzjonijiet li kont qed inħoss hekk kif kont dieħla fiż-żgħożija. Iżda maż-żmien intbaħt illi t-tnebbiħ tiegħi kien aktar maqtugħ għall-proża u b’hekk it-tqanqila għall-kitba tal-poeżija dabet fix-xejn. Ftit ftit, hekk kif kitbieti kienet kull ma tmur tespandi u tistagħna bid-deskrizzjonijiet u bil-metafori sabiex tifforma ħsibijieti, bdejt insibha aktar u aktar diffiċli biex nifhem x’iwassal lill-poeti biex jiddedikaw ħinhom ħalli minflok, jikkompressaw it-tirqim ta’ kliemhom f’poeżiji ta’ ftit versi. Għaddew bosta snin iżda qatt ma kelli ċ-ċans li npoġġi bil-qiegħda u niddiskuti dan ma’ poeta, sakemm din il-ġimgħa ltqajt ma’ Achille Mizzi…

    Għażilt proprju lil Achille Mizzi għax kif tfajt għajnejja fuq l-ewwel poeżiji tiegħu, l-ewwel ħsieb li għaddieli minn rasi kien “Ommi ma! Dan poeta, poeta!” bħal kif kien irrefera għalih ukoll Tarcisio Zarb meta kien qed jikteb dwar il-ktieb tiegħu Poeżiji – Achille Mizzi (1993). Iżda b’kuntrast ma’ Zarb, jiena ridt infisser li Mizzi kien poeta ‘tqil’ hekk kif kien ikkummenta dwaru wkoll Charles Flores fil-ktieb Mas-Sejħa tat-Tnabar (1971).

    Intant, meta għedt b’dan lil Mizzi, hekk kif poġġejna bil-qiegħda b’xarba friska quddiemna, hu tbissem u stqarr miegħi illi “Mill-esperjenza personali, il-qarrejja tal-poeżiji tiegħi jinqasmu fi tnejn: dawk li togħġobhom il-poeżija tiegħi u allura taffaxxinahom u jfaħħruha, u mbagħad hemm dawk li kitbieti ma togħġobhom xejn!”

    Nikteb biex nesprimi ruħi

    Hekk jew hekk diffiċli biex togħġob lil kulħadd fid-dinja. Imma min-naħa tiegħu Mizzi sostna illi meta hu jikteb il-poeżiji tiegħu, qatt ma jkollu f’moħħu lil min se jaqrahom. “Jiena nikteb biex nesprimi ruħi. Jiġu mumenti meta jgħaddili ħsieb minn rasi u nħoss ċertu tqanqil biex nesprimih, u f’dawn il-waqtiet dejjem sibt li l-poeżija kienet l-aħjar mezz biex nagħmel dan.”

    Kelli kurżità kemm idum biex jikteb poeżija…. “Poeżija ma ndumx aktar minn nofs siegħa, tliet kwarti biex inlestiha. Ormaj, għandi ħażna lessikali kbira u għalhekk, bl-istess stimolu, joħroġ il-kliem b’mod naturali u jitqiegħed kollox f’postu. Mhux qed ngħidlek li mbagħad ma jkunx hemm każi fejn nerġa’ ndur il-poeżija u norqomha ftit. Infatti dejjem nikteb il-poeżiji tiegħi fuq karta ħalli nara fejn nista’ ntejjeb, jiġifieri li nirranġaha b’xi tibdil ta’ kliem, u mbagħad, kif inkun kuntent biha, nittajpjaha.”

    Staqsejtu jekk qattx kiteb poeżiji li m’għoġbuhx… “Rari nikteb poeżija li ma togħġobnix imma jkun hemm każi fejn xi xogħol ma jiġix għal qalbi. Ir-raġunijiet kultant ikunu li nkun missejt xi suġġett wisq kontroversjali jew inkella l-poeżija nkun ktibtha bi stil konvenzjonali li ma jolqotnix. Hemm ukoll dawk il-poeżiji li fil-fehma tiegħi jitwieldu mejta jew mitruħa u dawn isibu ruħhom minn fuq l-iskrivanija dritt għall-landa tal-iskart. Ġieli nħoss ukoll illi xi poeżiji jkunu repetittivi u nirrealizza li qed nidwi l-ideat ta’ xogħlijiet li nkun ktibt qabel. Imbagħad hemm ukoll il-mumenti fejn dak li nkun qed nipprova ngħid jisfuma fix-xejn u għalhekk il-poeżija toħroġ imqanżħa. Dawn it-tip ta’ poeżiji wkoll jiġu skartati minħabba li l-poeżiji tiegħi kollha huma msensla bi fjoritura jew b’rabta li twassal għall-qofol tal-ħsieb.”

    Poeżija vs proża

    Naturalment ma stajtx ma nesplorax miegħu d-dilemma tiegħi dwar x’iwassal biex wieħed jagħżel li juża l-arti tal-poeżija, minflok dik tal-proża biex jesprimi dak li jrid jgħid… “Jiena qajla nikteb proża għax ħsiebi, meta jkun mixgħul, jittrasforma ruħu f’metafori u f’simboli poetiċi. Probabbli s-sengħa tal-poeżija tirrifletti l-forma ta’ moħħi u ta’ ħsibijieti minħabba li jiena dejjem infittex dak li hu essenzjali. U allura, b’mod naturali, nissintetizza, inqassar u norqom kliem apposta sabiex permezz tagħhom noħloq ukoll spazju għall-misteru, fejn il-qarrej jitħalla jimraħ fl-immaġinazzjoni tiegħu u b’hekk ix-xogħlijiet tiegħi jservu wkoll bħala stimolu għal ħaddieħor.”

    Katarsi – il-mewt ta’ ħuh Ċali

    Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ Mizzi huwa illi permezz ta’ din l-arti tiegħu, kemm hu u kif ukoll il-qarrejja tal-poeżiji tiegħu, jgħaddu minn katarsi… “Jekk ix-xogħol ikun effettiv, kwalunkwe poeżija tipproduċi l-katarsi. Katarsi hija kelma Griega li ġiet oriġinata minn Aristotle sabiex tispjega l-effetti tat-traġedja fuq l-ispettatur. Maż-żmien kien hemm ukoll min fisser il-katarsi bħala l-purifikazzjoni jew it-transizzjoni li twassal għat-terminu ta’ xi emozzjoni partikolari.”

    Meta tlabtu jagħtini eżempju ta’ din il-metafora, Mizzi qabad iqalleb il-paġni tal-kotba tal-poeżiji tiegħu sakemm sab poeżija partikolari Lil Ċali Mizzi li kienet eleġija li hu kiteb lil ħuh wara li dan miet b’mod traġiku. Skitt sabiex nisimgħu jaqra din il-poeżija li għalkemm għaddew diversi snin minnha, kien ċar li l-kliem magħżul fiha kien għadu jqanqlu mhux ftit…

    “Nixpakka bl-uġigħ
    biex ħaj inreġġgħek
    mill-ġdid quddiemi
    ja ħija!
    Bħal min imut fgat fl-għerien
    jilgħaq in-nida mill-blat
    daqshekk bil-għatx
    jitgħaxxex għalik l-ispirtu tiegħi
    jixtieqek mill-ġdid.” ………

    “Kull meta naqra din il-poeżija, naqla’ balla kbira minn fuq l-istonku tiegħi minħabba li jiena bil-mewt ta’ ħija, tħallejt b’dispjaċir kbir peress li hu miet ħabta u sabta, mingħajr ma kelli ċ-ċans li ngħidlu xejn. Għalhekk din il-poeżija servietni sabiex jiena ngħidlu dak li xtaqt. U kull darba li naqraha, nerġa’ nisserva mill-opportunità li nsejjaħlu… Ċali! B’hekk din il-poeżija sservi biex tipprovdi l-katarsi għas-serħan, għas-sanament, għall-għeluq ta’ emozzjonijiet bla tarf li jeħtieġ li wieħed jagħraf joħnoq.”

    Ħakma tad-deheb fuq l-ilsien Malti

    Fi kliem Alfred Sant meta esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-ktieb Vetrati Milwiena (1998), “Achille Mizzi jippossedi kmand tad-deheb fuq l-ilsien Malti u jużah b’maestrija. Dan jagħmlu mhux biss fil-vokabularju ‘milwien’ li jħaddem, imma wkoll fiċ-ċaqliq u r-ritmi tal-kelma.”

    “Waħda mill-karatteristiċi prominenti li l-iktar jagħżluni bħala poeta ta’ ċerta ħila hija l-qawwa tal-poeżija tiegħi, is-saħħa tal-espressjoni illi dak illi għandi ngħid, ngħidu b’ċerta qilla,” fehemni Mizzi. “Barra minn hekk, il-poeżija tiegħi hija magħrufa għat-taħlita għaqlija ta’ kliem Malti Semitiku u arkajku, ma’ dak Romanz u modern li jiġu minsuġa b’reqqa tant kbira li l-qarrej ma jintebaħx fejn hemm il-’ħjata’ u jibqa’ għaddej jaqra.”

    Waqt din l-intervista sirt naf li Mizzi kien wieħed mill-ko-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju li twaqqaf fl-1967. “Waqqafna dan il-Moviment sabiex inqajmu kuxjenza nazzjonali favur il-Malti u favur il-letteratura Maltija,” spjegali Mizzi. “Ridna wkoll nippromwovu tiġdid sħiħ fuq kif għandha tinkiteb il-letteratura. Ħriġna b’saħħa biex indawru t-tmun u niktbu poeżija b’mod differenti minn dik li kienet tinkiteb qabel is-sittinijiet, fejn prinċiparjament kienu jiġu trattati temi romantiċi, patrijottiċi u reliġjużi. Tnebbaħna minn dak li kienu qed jagħmlu poeti barranin f’pajjiżi oħra fejn il-poeżija saret differenti f’kollox: fil-lingwaġġ, fis-simboliżmu, fil-metafora, fil-forma, fit-temi eċċ. Naturalment dak iż-żmien mhux kulħadd kien konvint minn din il-bidla. Imma jiena u xi poeti oħra fosthom Mario Azzopardi, Victor Fenech, u Daniel Massa, konna minn tal-ewwel li bdejna nġibu fis-seħħ din il-bidla.”

    Seta’ ma kienx Malti

    Flimkien ma’ xi kritiċi oħra, Prof. Oliver Friggieri identifika lil Mizzi bħala “il-werriet denn ta’ Dun Karm Psaila minħabba li l-versi tiegħu huma sottilment, sikwit, żviluppi maturi u kisbiet tipiċi tal-poeta nazzjonali.” Però fl-istess ħin imbagħad kien hemm min qal, fosthom Norbert Ellul-Vincenti, li Mizzi “lanqas biss jipprova jkun Malti” minħabba li l-lingwaġġ li juża huwa internazzjonali. “Jgħidu hekk dwari,” fehemni Mizzi, “minħabba li l-kliem li nagħżel jien seta’ ma kienx Malti peress li jiena nikteb dwar suġġetti umani u universali li mhumiex strettament Maltin.”

    Maqlubin għall-Ingliż

    Intant, fis-sena 2009, il-Prof. Fr Peter Serracino Inglott ħadem bis-sħiħ sabiex jittraduċi għall-Ingliż għażla ta’ poeżiji ta’ Mizzi li finalment inġabru fil-ktieb The Essential Achille Mizzi (2009). Skont il-poeta, ktieb bħal dan huwa importanti għal dawk li forsi għandhom xi diffikultà biex jifhmu ċerti espressjonijiet Maltin u għalhekk, permezz tal-lingwa Ingliża probabbilment, huma jagħrfu l-essenza ta’ dak li nkiteb fil-poeżiji l-oriġinali.

    X’jagħmlek poeta

    Meta poġġejt quddiem Mizzi l-mistoqsija retorika imma sinifikanti dwar jekk wieħed jitwelidx jew isirx poeta, dan kien kliemu… “Bil-Latin jgħidu ‘poeta nascitur, non fit’ jiġifieri ‘poeta jitwieled, ma jsirx’. Però fil-fehma tiegħi dan ma jitwelidx b’xi predestinazzjoni speċjali biex isir poeta, imma jkollu kwalitajiet partikolari li eventwalment jistgħu jsawruh f’poeta.”

    “Ngħidu aħna, fosthom, wieħed irid ikollu s-sensibbilità għall-kelma, jiġifieri illi jkun jaf isarraf il-valur ta’ kull kelma.. Hekk kif il-pittur jaffaxxina ruħu mill-ispektrum tal-kuluri, il-poeta jsib sens kbir fl-ilwien tal-kliem, tant li spiss tisimgħu jgħid li ‘l-kliem idoqqlu’. B’xorti tajba, il-lingwa Maltija hija mogħnija bi kliem onomatopejku li letteralment jgħinek tisma’ l-ħoss tal-kliem bħal ‘il-ħaxix iħaxwex’ u b’hekk spiss il-poeta għandu fejn jixxala meta jeżisti diġà dan il-potenzjal enormi merfugħ fil-lingwa nnifisha.”

    “Imbagħad, biex isir poeta, wieħed jeħtieġ il-fantasija ħajja ħalli jistħajjel, u meta jara xi ħaġa, jinżel fil-profond tagħha u jipprova jinterpretaha.” Hawnhekk, Mizzi rreferini għall-poeżija tiegħu Kamaleonte u fissirli kif anki minn kreaturi sempliċi, huwa sikwit joħroġ implikazzjonijiet li japplikaw għad-destin tal-umanità u tal-kreazzjoni:

    “Ilsienu spirall jispara:
    ilsienu fildiferru jlebleb
    it-tertira
    ta’ min jiddistilla fis-saliva
    l-essenzi mill-arja
    biex ġismu jibdel kuluru u jinħeba
    f’realtajiet trasparenti
    skont il-ħtieġa tal-ambjent,
    skont il-ħtieġa tal-mument.
    U b’hekk għalih ebda dilluvju ma jista’.”

    “Kwalità oħra neċessarja għall-poeta hija s-sensittività emozzjonali li permezz tagħha hu jitqanqal malajr.” Did-darba kien imiss li Mizzi jindirizzani lejn il-ktieb Il-Kantiku tad-Demm fejn insibu din il-poeżija li ġġib l-istess titlu:

    “Ma fiehx loġika d-demm,
    id-demm bħal kokka
    li ssib triqitha fid-dlam.”

    Waqt li kont qed indur diversi poeżiji tiegħu, intbaħt li Mizzi għandu ħabta juża l-metafora tad-demm…. “Għax id-demm huwa simbolu tal-ħajja u hu jifforma parti kbira minn ħajjitna. Anki l-espressjonijiet li nużaw fil-Malti jikkonfermaw kemm nagħtu importanza lid-demm: Dak mhux demmi! Dak demm ieħor! Dak demm ħażin! Barra minn hekk id-demm ifakkarna wkoll fl-għeruq tal-eżistenza u fl-oriġini mbiegħda ta’ ħolqien il-bniedem.”

    Ix-xjenza u t-teknoloġija

    Intant, anki f’poeżiji oħra fejn ma jissemmiex id-demm, Mizzi jitkellem dwar il-ħolqien tal-bniedem, imma did-darba permezz tax-xjenza. F’Inġiniera Ġenetiċi jikteb:

    “Hemm veru tkun abdikajt
    Mulejja
    meta titlaq minn idejk
    l-għodod tat-tnissil
    ta’ dal-ġisem tat-tafal
    li fuqu nfaħt nifsek
    fil-ġnien ta’ l-Eden….”

    Min-naħa l-oħra, hemm ukoll poeżiji li juru lil Mizzi bħala poeta taż-żmien modern, jaffaxxina ruħu mill-meravilji tax-xjenza u mill-iżvilupp tat-teknoloġija li seħħu lejn l-aħħar tal-20 seklu. Eżempju minnhom hija l-poeżija ‘Vjaġġi Spazjali’:

    “… għad forsi bla ma taf
    tasal fl-imkien fejn għad irid jisbaħ
    l-ewwel jum primordjali tal-Ġenesi,
    għad titgerbeb għal warranijiet
    fiż-żugraga taż-żmien,
    tnażża’ ‘l Alla mis-seba’ veli
    u hemmhekk issibu jitqatel għarwien
    biex jifdi lid-Dawl mid-Dlam.”

    Ir-reliġjon – xtaq isir qassis

    Innutajt illi f’numru sewwa ta’ poeżiji, Mizzi jdaħħal l-aspett tar-reliġjon… “Meta kont żgħir xtaqt insir qassis, tant li dħalt intern fis-seminarju biex nibda nipprepara ruħi għal din is-sejħa. Imma għamilt hemm mill-bidu tas-sena skolastika sal-Għid. U meta Kristu rxoxta, jien parpart mis-seminarju għax intbaħt li dik ma kinetx triqti. Xorta waħda, f’ħafna mill-kontenut tal-poeżiji tiegħi hemm riflessa l-kultura li ħadt meta kont is-seminarju. Dan ma jfissirx li jiena xi bniedem ultra-reliġjuż. Pjuttost tista’ tgħid li jinteressani l-kunċett t’Alla, l-univers u l-bniedem.”

    “Nistqarr li jiġu mumenti iebsin fejn naħsel niddubita saħansitra l-eżistenza ta’ Alla, l-aktar meta tara n-nies ibatu għalxejn u kultant jinħaqru f’Ismu stess! U nistaqsi l-għala l-ebda forza soprannaturali ma tidher li taqbeż għal dawn il-vittmi? Infatti ġieli jiġini d-dubju li mhux Alla ħalaq lill-bnedmin fl-immaġni tiegħu, imma li kienu l-bnedmin ta’ kull epoka li ħolqu lill-allat tagħhom skont il-bżonnijiet li kellhom. U infatti, meta jiena nħoss il-bżonn qalil għall-preżenza t’Alla, inħossni ċert illi li kieku Alla ma jeżistix, ikun jeħtieġ li noħolquh!”

    L-aspett tad-duwaliżmu

    Dawn il-ħsibijiet ta’ Mizzi jiffurmaw parti mill-aspett tad-duwaliżmu fejn skont il-Prof. Oliver Friggieri: “Kollox idur madwar il-kunċett tat-tnissil u tat-twelid. Spiritwalità u senswalità, ħajja u mewt, dawl u dlam, lemin u xellug, kuxjenza u sensi, eternità u żmien, Alla u bniedem: dawn u oħrajn huma n-naħiet imbiegħda, il-polaritajiet ta’ essri wieħed.”

    L-aspett tas-senswalità

    Skont diversi kritiċi, Mizzi ma jiddejjaqx jistħarreġ lilu nnifsu fid-deher, tant li Prof. Friggieri kiteb dwaru: “Mizzi jikteb il-lirika erotika l-aktar senswali u suġġestiva mingħajr ma jmiss ix-xifer tal-vulgaritá jew tal-erotiżmu rħis.” B’danakollu, dwar dan is-suġġett partikolari, il-poeta stqarr, “Kultant ma nafdax lili nnifsi b’poeżiji dwar l-imħabba u l-passjoni. Dan għaliex inkun nixtieq inżomm lili nnifsi lura ħalli ma ninkixifx iżżejjed, imma fl-istess ħin, ċerti espressjonijiet tant ikunu f’posthom li ma nkunx nista’ ma nużahomx.”

    Epitaffju tiegħu stess

    Aspett ieħor li Mizzi spiss jikteb dwaru huwa dak tal-mewt, inkluż tiegħu stess fejn fosthom jikteb saħansitra ‘Epitaffju’ għalih innifsu li jispiċċa b’dawn il-versi:
    “…. kelma waħda biss irrid
    li tingħad biex tfakkarni
    POETA
    KIEN.”

    Hekk kif wasalna lejn tmiem intervista twila, għaraft li wara kollox, kitbet Achille Mizzi ma kinetx tqila daqs kemm ħsibtha, tant li hekk kif waqqajt il-barrieri estranji li kultant taf toħloq il-poeżija f’min mhux poeta, irnexxieli napprezza sbuħitha u s-sinifikat tagħha.

    “Ħafna jaħsbuni inaċċessibbli, meta kif qed tara, mhux il-każ. M’hemm xejn aħjar biex tkun taf min hu Achille Mizzi l-poeta, iktar milli meta taqra l-poeżiji tiegħu.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (17 il-parti) fit-Torċa tal-31 t’Awissu 2014)

    2014.08.31 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-MERA TAD-DEFFIEN

    Alfred Mifsud“Twelidna mhu xejn ħlief il-bidu tal-mewt tagħna” kiteb il-poeta Edward Young (1681 – 1765). Ħsieb pjuttost negattiv u anki kemmxejn makabru…. imma reali. “Xi nies tant jibżgħu li għad imutu li qatt ma jibdew jgħixu” innota l-awtur u saċerdot Henry Van Dyke (1852 – 1933). “Kulħadd jgħid, ‘Kemm hi diffiċli din li rridu mmutu’ – ilment pjuttost stramb meta ħiereġ minn ħalq nies li kellhom jgħixu” irrimarka l-kittieb Mark Twain (1835 – 1910). Min-naħa l-oħra l-ġurnalist Norman Cousins (1915 – 1990) sostna illi “Il-mewt mhiex l-agħar telfa fil-ħajja. L-agħar telfa tikkonsisti f’dak li jmut ġewwa fina meta nkunu għadna ħajjin.” B’mod aktar pożittiv l-intraprenditur u filosofu William Penn (1644 – 1718) ikkummenta li “Il-mewt mhi xejn ħlief il-bidla tagħna miż-żmien, għall-eternità.” Fehmiet differenti ta’ nies li għexu f’ċirkustanzi diversi. Daqstant ieħor huwa ta’ min jixtarr dawn iż-żewġ kummenti ħerġin minn fomm nies li kienu jafu sewwa li l-mewt kienet wara biebhom: “Il-mewt taf tkun waħda mill-aqwa barkiet tal-bniedem” Socrates, filosofu (c. 469–399 QK) u “Dak li ma jibżax mill-mewt, imut darba biss” Giovanni Falcone, maġistrat (1939 – 1992). Madanakollu, jingħad x’jingħad, ħafna jibqgħu tal-opinjoni li l-mewt m’hawnx agħar minnha u jekk jistgħu, lanqas isemmugħa biss ma jridu. U allura, staqsejt, x’jgħaddi minnu deffien li biex jaqla’ l-għixien tiegħu jeħtieġlu jmiss mal-mewt kuljum?

    “Hu xogħol li tidrah bħal kull xogħol ieħor,” qalli Alfred Mifsud li sa ftit taż-żmien ilu kien jaħdem bħala deffien. “Il-familja tagħna ilha ‘l fuq minn mitt sena tagħmel dan ix-xogħol. Beda din il-linja z-ziju ta’ missieri Lukardu Pace li kien iġorr il-mejtin bil-karrijiet taż-żwiemel. Huwa miet meta ġie mtajjar waqt inċident tat-traffiku fil-Wied ta’ Birkirkara u warajh kompla missieri Fidiel li llum jgħodd it-93 sena. Missieri rawwem lili u lil ħuti f’dan ix-xogħol, għalkemm jien biss ħriġt bħala sewwieq tal-karrijiet taż-żwiemel. Ħuti qabdu linja oħra però żammu xorta waħda f’dan il-qasam fejn fosthom għandhom negozju tat-twiebet.”

    Sibt li Alfred kien bniedem ġentili u li jaf jilqgħek ħafna. Ix-xogħol tiegħu għamlu dejjem bil-qalb u qatt ma tmeżmeż minnu. Imrobbi sa minn ċkunitu jaċċetta l-mewt bħala parti mill-ħajja, għalih kienet l-aktar ħaġa naturali li ta’ tnax-il sena jaqbad ir-rota u jmur mill-Ħamrun saċ-ċimiterju ta’ Ħal-Qormi biex jgħin lid-deffien Pawlu ta’ Setti. Ta’ età hekk żgħira, kien diġà jmur jagħti daqqa t’id ukoll lil missieru meta kien imur ikeffen il-mejtin.

    “Qabel in-nies ma kienux imutu l-isptar imma ħafna drabi kienu jieħdu l-aħħar nifs tagħhom ġo djarhom stess. Għalhekk, meta kien imut xi ħadd, il-kummisjonant kien jaqla’ lil dak tal-karru biex imurAlfred qed iġorr tebut - huwa l-ewwel wieħed fuq ix-xellug jiġbor lill-mejjet. Dak iż-żmien il-mejjet kien jinġarr sal-kappella tar-raħal fuq l-ispalla u kien jiġi akkumpanjat minn purċissjoni ta’ familjari, ħbieb u fratelli ta’ fratellanzi bħal dawk Tas-Sagrament jew Tar-Rużarju. Magħhom ġieli kien ikun hemm ukoll is-sorijiet tal-kunventi tal-karitajiet li kienu jinġiebu fid-dar tal-mejjet biex jitolbu għalih qabel jittieħed għad-difna. Spiss dawn is-sorijiet kienu jieħdu magħhom ukoll lil xi tfal tal-abbatija. F’ċerti każi jien kont niġi mqabbad inkun wieħed mir-reffiegħa tat-tebut. Fil-kappella kienet issir l-uffizzjatura fejn titkanta l-libera u ssir funzjoni qasira għall-mejjet mis-saċerdot. Wara, it-tebut kien jinġarr sal-karru tal-mejtin u jien kont inwasslu saċ-ċimiterju fejn bosta drabi dfint il-mejjet ukoll. F’każi fejn il-mejjet kien jindifen f’ċimiterju tal-gvern, bħal dak tal-Addolorata, id-dfin kien isir mid-deffiena tal-post. ”

    Kollox kien isir fl-ewwel siegħat tal-jum peress li dawn in-nies kollha kienu jridu jmorru jkomplu jlaħħqu max-xogħol tagħhom tal-ġurnata. Għalhekk dak li kien jarma l-karrijiet, kien ikollu jibda jipprepara kollox mal-lejl… Kien hawn li beda jifforma d-destin ta’ Alfred u Mary, li l-quddiem kellha tkun il-mara tiegħu.

    “Inzerta li l-ġar tagħna fejn konna noqogħdu f’Santa Venera, kien jarma l-karrijiet tal-mejtin u ta’ xi 14-il sena, Alfred kien imur jgħinu. Imma niftakar li dak iż-żmien jien kelli xi 7 snin u kont nitwaħħax meta kont noħroġ kmieni għall-quddies u nsib dawk il-karrijiet qed jintramaw fit-triq wieħed wara l-ieħor biex jintrabtu maż-żwiemel suwed u kbar, b’rixa twila fuq rashom! Għal xi raġuni, mhux mill-karrijiet kont nibża’ imma miż-żwiemel. Għadni sa llum nitwerwer miż-żwiemel u b’xejn mhu ser tressaqni lejn xi wieħed minnhom.

    Nistqarr li fl-istess ħin il-karrijiet kienu jiġbdu ħafna aktar ir-rispett tan-nies għax kulħadd kien jintebaħ li għaddejjin b’xi ħadd mejjet u kienu jieqfu għal mument minn dak li jkunu qed jagħmlu. Niftakar darba minnhom rajt karru abjad qed iġorr tebut abjad ta’ tfajla ta’ 14-il sena li kienet fil-klassi tiegħi u qgħadna narawh għaddej u għedna talba għal ruħha.”

    Nassumi li apparti r-rispett kien hemm ukoll doża ta’ kurżità. Imma kontra dak li jiġri llum, fejn id-dinja tibqa’ ddur akkost kemm imutu nies, dak iż-żmien il-Maltin kienu jhedew jirrakkuntaw u jwasslu l-aħbarijiet ta’ min naqas minn wiċċ id-dinja f’dawk l-aħħar siegħat, u kien rari li xi ħadd jibqa’ minsi…

    “In-nannu kien l-ikbar raġel tal-Mellieħa: kemm mill-persuna u minn kollox,” kompliet tiftakar Mary. “Il-funeral tiegħu sar fis-17 ta’ Diċembru, f’ġurnata kiesħa b’bard ixoqq il-għadam. Kien joqgħod in-Funeral kbir fl-antiknaħa tal-Belleview ħdejn il-bandli u minn hemm ir-reffiegħa kellhom iġorruh fuq l-ispalla sal-knisja tal-Mellieħa! Kollox mar sew sakemm wasalna fil-knisja u kollha ngħatajna xemgħa tixgħel f’idejna. Imma f’daqqa waħda, wieħed minn dawk li kienu refgħu lil nannuwi t-triq kollha, għadda x-xemgħa lil ta’ ħdejh, tah attakk ta’ qalb u miet hemm sobtu! Naturalment kellna nkomplu bil-funeral tan-nannu fejn ħadnih ftit metri bogħod għad-difna fiċ-ċimiterju tal-post. U sakemm wasalna sad-dar ftit tal-ħin wara, kulħadd kien diġà jaf li miet wieħed mir-reffiegħa tal-Pirrex, kif kienu jsejjħu lil nannuwi.”

    Infurmawni li l-funzjoni tal-quddies għall-mejjet bdiet biss mas-snin sebgħinijiet.

    “Meta l-funeral kien jikkonsisti biss f’funzjoni qasira, ġieli laħħaqt madwar tlieta, erbgħa difniet. Imma mbagħad meta bdiet issir il-quddiesa, ma stajtx naħdem aktar minn tnejn. Kont naħdem f’diversi ċimiterji fosthom tnejn f’Ħal-Qormi; dawk ta’ San Bastjan u ta’ San Ġorġ, tnejn f’Ħaż-Żebbuġ; f’dak magħruf bħala tar-raħal u f’ta’ San Blas, u fiċ-ċimiterji ta’ Ħaż-Żabbar, tal-Gudja, tal-Birgu u tal-Imġarr.”

    Alfred ġabli xi ritratti fejn hu kien qed jidher waqt xogħolu. Iżda magħhom kellu wkoll xi ritratti li juru karrijiet oħra interessanti.

    “Ara dan hu l-karru li kont insuq jien. Innota ftit, għalkemm jingħad li l-mewt ma taħfirha lil ħadd u żżomm lil kulħadd ugwali, xorta waħda l-bniedem irnexxielu joħloq il-livelli anki f’dan il-qasam. Għax meta l-mejjet kien ikun sinjur, il-karru tiegħu kien ikun tal-prima, b’ħafna skultura kulur id-deheb u kien jinġarr minn erbat iżwiemel. Imma meta l-mejjet ma kienx daqshekk tat-tajjeb, kien jintuża l-karru tas-sekonda li kien ikun sempliċiment miżbugħ biss u kien jinġarr minn żewġt iżwiemel. Osserva wkoll il-karozzi li hemm fuq wara peress li f’dik il-ħabta kienu qed jintużaw iż-żewġ mezzi f’daqqa.

    Min-naħa l-oħra dar-ritratt b’serbut ta’ karozzelli għaddejjin mill-Ħamrun qed juri kif kienu jsiru l-funerali kbar ta’ dari. Issa dan ir-ritratt l-ieħor huwa eżempju tal-ewwel karru li kien jintuża għad-dfin fl-Il-karru li ġarr lil Nerik Mizzi, lil Dun Karm Psaila u lil Dun Ġorġ PrecaAddolorata; interessanti kemm kien differenti minn dak li kien jintuża fi żmieni. Ara, dan hu karru ieħor li kien ta’ wieħed Żejtuni li kienu jafuh bħala tad-Dmura u fih kienu nġarru Nerik Mizzi, Dun Karm Psaila u Dun Ġorġ Preca. Issa agħti ħarsa lejn dan ir-ritratt li qed juri karru barrani… id-differenza hija kbira ħafna għax sempliċi għal kollox. M’hemm l-ebda maestrija evidenti fl-iskultura u t-tiżjin tiegħu bħal kif kienu l-użanzi tagħna lokalment.”

    Komplejna nqallbu r-ritratti u fosthom rajt lil Alfred isuq wiginet; li kien bħal karozzin bla tinda u l-passiġġiera kienu jidħlu minn wara u joqogħdu bil-qiegħda fil-ġnub tiegħu (kif nagħmlu llum f’jeep). Imma din id-darba mhux mejjet kien qed iġorr imma lil waħda mill-parteċipanti ta’ Miss Malta ta’ madwar 50 sena ilu waqt festival tal-inbid. F’ritratt ieħor kien hemm il-parteċipanti ta’ Miss Malta qed jippużaw mal-wiginet u ma’ wieħed miż-żwiemel li soltu kien ikun involut f’xogħol ieħor għal kollox differenti. Tgħid kienu jafuh dan? Alfred urieni wkoll inkwadru kbir imwaħħal fis-salott fejn hu kien il-kuċċier ta’ karru.

    “Ġie żmien meta riedu jaqtgħu lil dawn il-karrijiet imma kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-ħlas tan-nofs venda. Ġara li min kellu jaqsam l-ħlas ma’ missieri ma riedx iħallas is-sehem tiegħu u allura missieri sostna li ried jibqa’ jarma. Għaldaqstant meta miet wieħed mill-Ħamrun magħruf bħala Pisani tad-dawl u qabbad lilna, aħna morna għalih bil-karru imma magħna ġew ukoll il-pulizija. B’hekk konna aħna li wassalna l-aħħar mejjet bil-karru ġewwa l-Addolorata għax imbagħad missieri tħallas u l-karrijiet waqfu.”

    Ormaj intervistajt lil bosta individwi u kważi dejjem nispiċċaw imdawwrin madwar mejda naraw ir-ritratti għax il-viżwal jogħġobni wisq! Imma jkolli nistqarr li did-darbaAlfred isuq il-wiginet akkumpanjat mill-parteċipanti ta' Miss Malta kont qed inħossni kemmxejn stramba nqalleb ritratti ta’ xeni bħal dawn. Wieħed minnhom kien qed juri lil Alfred qed jerfa’ tebut. Impressjonajt ruħi kif hu kien kapaċi jiftakar il-mejjet li kien qed iġorr f’kull wieħed mir-ritratti. Imma nħsadt wisq aktar meta Alfred beda jirrakkuntali kif kien jiġi trattat minn ċerti nies fil-passat, sempliċiment minħabba t-tip ta’ xogħol li kien jagħmel…

    “F’ċerti rħula meta kienu jarawna ġejjin biż-żwiemel, xi ħwienet kienu jagħlqu l-bibien tagħhom sabiex ma nidħlux nieħdu xi belgħa tè minn għandhom. F’Ħal-Kirkop, f’Ħal-Safi u fin-naħat ta’ fuq ta’ Malta kienu jagħmluha spiss din. Mhux għax jibżgħu mill-mewt biss imma għax kienu jitqażżuna. Batejna. Immaġina tkun xi ġurnata kiesħa fil-għodu kmieni u tkun ilek ġej tul triq twila bilqiegħda fuq dak is-saldatur kiesaħ fir-riħ u fil-bard. Tkun tixtieq tixrob xi ħaġa sħuna u ħadd ma jrid idaħħlek. Ġieli kellhom jagħtuna mill-knisja biex nixorbu xi ħaġa.”

    Prosit kemm konna nsara! Martu kompliet tgħidli…

    “F’xi ħwienet tal-Mellieħa, il-parruċċani kienu jisħqu li n-nies bħal Alfred kellhom jużaw skutella jew makk għalihom għax ħadd ma ried jixrob minn warajhom. U darba l-kappillan kien widdeb lin-nies li jekk jibqgħu jagħmlu hekk, ma kien ser jifdal ħadd mir-raħal biex jidfen lin-nies t’hemm u jitilgħu l-barranin minflok.  U llum il-ġurnata hekk qed jiġri.”

    Anki meta ġie biex isib tfajla kellu l-problemi Alfred.

    “Ġieli ppruvajt inkellem lil xi tfajla u m’aċċettatnix minħabba x-xogħol li kont nagħmel. Kien jiddispjaċini imma kont nifhem għax kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Nifhimha li hawn minIt-tfajliet ta' Miss Malta jippużaw mal-wiginet ta' Alfred jimpressjona ruħu b’xogħol bħal dan.”

    Ara Mary ma kellha l-ebda problema dwar dan. Mhux talli, imma biex żgur tkompli mal-andament tad-destin, il-laqgħa tagħhom li kellha finalment twassal għaż-żwieġ tagħhom seħħet waqt li hi kienet waqt funeral u Alfred kien qed jagħmel xogħolu!

    “Lil Alfred kont ilni nafu u dejjem wera li kien ġuvni bieżel u bil-għaqal. Ix-xogħol tiegħu qatt ma dejjaqni u bih għejjixna familja ta’ erbat itfal. Kont niddejjaq żgur li kieku kien xi wieħed għażżien jew bla xogħol!”

    Min ser ilumha? Fortunatament illum dawn l-affarijiet inqatgħu ħafna. Uliedhom is-subien ħadu x-xogħol ta’ missierhom u ma sabux problemi minn dawn. Barra minn hekk, bint minnhom iżżewġet f’familja miż-Żejtun li hi magħrufa ħafna għall-istess xogħol ta’ missierha. Issa Alfred fadallu biss il-memorji ta’ dax-xogħol li hu saħaq li qatt ma ried jibdlu ma’ xejn.

    “Ma konniex nitħallsu wisq imma l-ħobża ta’ kuljum dejjem qlajtha. Hemm mumenti li jdejjquk bħal f’kollox. Ngħidu aħna meta tinżel f’qabar biex tnaddfu mill-għadam u jitla’ l-wirdien għalik, tiddejjaqAlfred u Mary Mifsud le? Imma jien ma nibżax minnu, infarfru minn fuqi malajr u nkompli fuq xogħoli. Barra hekk, min jaf kemm ġieli rqadt iljieli  ħdejn il-mejtin li kienu jitħallew 24 siegħa f’kamra apposta fiċ-ċimiterju qabel jindifnu. Qatt ma bżajt u nassigurak li qatt ma qam ħadd.”

    Staqsejtu jekk qatt difinx lil xi ħadd jiġi minnu.

    “Iva. Lil ħija li miet ta’ 22 sena għax kien marid bil-kliewi. Miet madwar 29 sena ilu u għalkemm indifen fl-Addolorata, dakinhar kienu ħallewna nniżżluh aħna. Tħoss naturalment tarah nieżel taħt l-art. Imma meta tiftakar kemm kien qed ibati, għax dak iż-żmien ma kienx hemm kura għall-mard bħal dan, tagħraf li fir-realtà straħ u b’hekk tistabar.”

    Mary ftakret f’mument partikolari meta Alfred ġie lura mix-xogħol b’qalbu maqsuma…

    “Darba ġie u qalli ‘Mer, taf li qatt ma bkejt fil-funerali imma llum tifel żgħir ta’ erbgħa snin qasamli qalbi. Tilef lil ommu u ma setax jifhem meta raha nieżla fil-qabar għaliex qed tħallih u beda jgħajjat u jibki “Ma ejja, ma ejja!”

    Rakkont ġibed lil ieħor…

    “Snin ilu kienu jmutu ħafna trabi. Min jaf kemm ġarrejt trabi fil-karru l-abjad minn Lazzaret fejn kienu jeħduhom meta kienu jimirdu! Imma darba nqalgħat waħda li ma tinsihiex kif ġieb u laħaq. Inzerta liAlfred għaddej bil-karru tiegħu fl-istess ġurnata mietu żewġt itrabi bl-istess kunjom. Aħna morna għal waħda minnhom u tlaqna bil-korteo magħna. Iżda kif konna kważi wasalna biha fiċ-ċimiterju, tant li konna ħdejn is-shipbuilding, ġie jilħaqna l-kummissjonant biex jgħarraffna li kienu tawna t-tarbija żbaljata! U kulħadd kellu jmur lura għall-katavru tat-tarbija proprja.”

    Smajt bosta rakkonti oħra għax Alfred għamel snin twal jaħdem f’dan il-qasam. Biex nagħlaq xtaqt inkun naf jekk dan ix-xogħol biddlilhomx il-perspettiva tagħhom dwar il-mewt u jekk kienux jibżgħu mill-mewt wara kollox?

    Bdiet Mary, “Ma tistax ma tibżax mill-mewt għax anki Kristu beża’ minnha meta waslet is-siegħa Tiegħu. Imma ommi dejjem għallmitni li bħalma ħadna l-ħajja hekk irridu nieħdu l-mewt. Hekk jew hekk inutli tibża’ għax xorta trid tiġi.”

    Min-naħa tiegħu Alfred għalaq hekk “Jiena nirraġuna li l-mewt hija parti mill-ħajja tal-bniedem: hekk kif tgħix taf ukoll li trid tmut. Ma nħossx li nibża’ wisq mill-mewt. Inqis ix-xogħol li kelli bħala mera jew ritratt ta’ dak li rrid ngħaddi minnu. Imma nemmen li l-aqwa li tgħix sewwa u l-bqija tħallih f’idejn Alla.”

    Forsi ta’ min jixtarr dak li qal il-poeta William Ross Wallace (1819 – 1881) “Kull bniedem imut. Mhux kull bniedem jgħix tassew.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Novembru 2011)

    2011.11.06 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • ID-DESTIN: JEŻISTI JEW LE?

    Kien film li rajna dil-ġimgħa li beda l-istorja kollha…. il-ġrajja kienet qed tesplora l-potenzjal ta’ teknoloġija li tieħdok fil-futur sabiex tevita inċidenti li jistgħu jseħħu. U Paul P Borgf’ħin minnhom, hekk kif l-attur prinċipali rnexxielu jibdel id-destin ta’ waħda li kellha tmut, staqsejna – imma allura, jekk destinha kien li tmut hekk, issa x’inbidel? Jekk dak kien destinha, il-loġika tgħidlek li suppost dik il-mara xorta waħda kellha tmut b’xi ħaġ’oħra dakinhar stess. Jew? Din id-dilemma tal-eżistenza tad-destin minn dejjem qanqlet bosta diskussjonijiet u fehmiet. L-awtur Amerikan Henry Miller sostna illi “Kull bniedem għandu d-destin tiegħu u l-unika għażla li għandu hija li jsegwih u li jaċċettaħ, jieħdu fejn jieħdu”. Min-naħa l-oħra Anthony Robbins, konsulent Amerikan,  jemmen illi “Huwa fil-mumenti meta nieħdu ċerti deċiżjonijiet li d-destin tagħna jitfassal”. Fuq nota aktar skjetta xi ħaddieħor darba ikkummenta illi “Id-destin hu xi ħaġa li vvintajna aħna għax ma nifilħux naċċettaw il-fatt li kull ma jiġri huwa aċċidentali”. Imbagħad allura x’taqbad taħseb meta kumbinazzjoni aktar tard dil-ġimgħa ltqajt mal-awtur Paul P Borg u fost l-oħrajn skoprejt illi x-xogħolijiet l-aktar għal qalbu kienu jduru proprju ma’ dawn it-tip ta’ mistoqsijiet?

    “Waħda mill-ewwel kitbiet tiegħi kienet tnisslet sewwasew minn dawn il-mistoqsijiet li jitturmentaw lill-bniedem f’xi mument jew ieħor f’ħajtu. Jiena għext tfuliti f’Birkirkara imma kelli n-nanniet tiegħi joqogħdu Selmun. Fid-dar tagħna, fl-ambjent urban ta’ Birkirkara, la kellna bitħa u lanqas ġnien u meta toħroġ, kont tidħol dritt ġol-karozza u tmur għal triqtek. Għalhekk, meta ommi kienet tibgħatni nqatta’ xi ftit tal-ġranet man-nanniet, fl-ambjent agrikolu ta’ Selmun, kont inħossni qed ngħix f’dinja oħra u kont nimmaġinani xi re tal-irdumijiet, tal-baħar u tax-xagħri, hekk kif kont nintefa’ man-nannu naħrat jew indur bin-ngħaġ. Meta kbirt, ħassejtni ixxurtjat li esperjenzajt daż-żewġ realtajiet differenti u kull tant żmien kont nistaqsi, x’kien jinbidel minni li kieku jiena twelidt f’ambjent divers? Kont bdejt nirrifletti u nhewden dwar Alla u l-eżistenza tiegħu u dwar kemm il-bniedem kien jgħix tassew fil-libertà? Sikwit kont nitħasseb jekk it-triqat li kont qed nagħżel u d-deċiżjonijiet li kont qed nieħu, kontx qed nagħmilhom jien jew jekk kienx diġà fassalhom Alla għalija? U jekk kien tal-aħħar, allura jien x’saħħa kelli fuq l-għażliet tiegħi f’ħajti?

    Kelli xi tmintax-il sena meta ddeċidejt li nistħarreġ dawn it-taħbiliet permezz tal-kitba, li għall-ewwel żviluppaw f’novella qasira bl-isem ‘Dal-Lejl Ġie Alla’. Dan kien perjodu wkoll meta kont qed ngħix it-taqbida politika-reliġjuża. Mhux darba u tnejn li kont ikkunsidrajt li nsir qassis imma l-ġrajjiet li seħħew f’dawk is-snin affettwawni ħafna. Missieri kien Laburist kbir. Xogħolu kien bħala xufier mas-servizzi u mad-dockyard u dejjem bis-sensja mdendla fuq rasu. Kont inħoss wisq meta kont nisimgħu jgħid li tawh 3 soldi biss żieda. Ommi kellha tagħmel pont ħjata biex iġġannat u tara kif tagħmel ħalli tgħaddi l-familja. Kont konxju li kien jeħtieġ li jsir xi ħaġa biex il-qagħda ta’ ħajjitna titjieb.

    Meta mort il-Ġermanja biex nistudja d-diżinn fl-inġinerija, dawn il-ħsibijiet baqgħu jduru f’moħħi. U meta kont insib ftit ħin ħieles mill-istudju, kont nintasab f’xi lwog kwiet u hemm sibt ruħi nħarbex mill-ġdid in-novella ‘Dal-Lejl Ġie Alla’ f’aktar tul sakemm finalment saret ktieb.”

    Iżda għalkemm għaddew is-snin Paul ħass li ċerti mistoqsijiet minn dawn kien għadu ma analizzahomx sal-aħħar…

    “Issa li xjaħt u għaddejt minn ċerti esperjenzi fil-ħajja, xtaqt nifli mill-ġdid dawn id-dilemmi.  Fosthom staqsejt jekk dak li ngħixu kienx jiddependi minħabba ċ-ċirkustanzi li nitwieldu fihom, jew dal-lejl-gie-alla---rajt--l-alla-jibkiminħabba l-ambjent li nitilgħu fih, inkella sforz l-għażliet li nkunu għamilna, jew għax Alla hekk ried, jew f’kelma waħda, għax hekk kellu jkun? Minn dawn il-mistoqsijiet wellidt storja li tkompli ma’ dik ta’ qabilha, did-darba bl-isem ta’ ‘Rajt ‘l Alla Jibki’ fejn fiha nsibu l-protagonist ta’ l-ewwel ktieb jgħix dawn it-taħbiliet. Ngħidu aħna, f’mument minnhom dan ir-raġel li hu miżżewweġ u għandu t-tfal, narawh fil-bitħa tad-dar tiegħu u min-naħa l-oħra qed tħares lejh il-mara ta’ xi ħaddieħor. Titqanqal dilemma fir-raġel hekk kif jibda jixtarr xi jkunu l-konsegwenzi li kieku hu kellu jiltaqa’ ma’ dik il-mara? Imbagħad ir-raġel jibda jistaqsi dwar li kieku din l-għażla kellha tkun predestinata u allura hu setax qatt jaħrabha?

    Użajt dan il-ktieb biex nistaqsi diversi mistoqsijiet kruċjali. Weġibthom jew ma weġibthomx? Assolutament lanqas jien stess ma naf. Imma nħossni sodisfatt ħafna b’dan il-ktieb għax nista’ ngħid li għalija kien bħal terapija tremenda.”

    Infatti hekk kif it-taħdita tagħna żvolġiet aktar, Paul stqarr illi akkost li għarbel fuq li għarbel dwarhom, ċertu mistoqsijiet partikolari baqa’ ma weġibhomx.

    “U qatt mhu ser jirnexxieli nweġibhom! Iżda almenu permezz ta’ din l-analiżi wasalt fil-kundizzjoni li niddeċiedi li ma nibqax naħseb aktar għax kollu għalxejn. Għalhekk għażilt li ma nistaqsix aktar bħal kif finalment għaraf li għandu jagħmel il-poeta Dun Karm Psaila fil-poeżija twila tiegħu ‘Il-Jien u Lil’Hinn Minnu’, li personalment nemmen li hi l-isbaħ kitba li qatt inkitbet f’kull lingwa li qatt qrajt. Il-konklużjoni ta’ dan il-poeta għenitni ħafna u fakkritni li meta kont żgħir, kont niġri għand ommi meta jkolli bżonn l-għajnuna. Madanakollu meta kbirt, kelli bżonn lil xi ħadd oħla minn hekk għax id-diffikultajiet kienu akbar. U f’dawn il-każi għand min trid tirrivolġi? Sejjaħlu Alla, sejjaħlu li trid, imma tistaqsix aktar u aċċetta l-imħabba li tirċievi u li tagħti.”

    Ma tridx wisq biex tifhem li dan l-awtur huwa profond ħafna fi ħsibijietu. Imma għal aktar minn darba huwa stqarr li jiġu mumenti fejn jixxennaq li kien kapaċi jaħseb anqas.

    “Ma nafx ma nagħtix każ u nibqa’ għaddej minn fuq ċerti sitwazzjonijiet bħal kif jagħmlu individwi oħra. B’hekk inħoss ħafna u nbati kultant, apparti li ħafna affarijiet ikidduni. Imma m’għandix għażlaDemgħat għax hekk jien magħmul u dawn l-esperjenzi nara kif nibdilhom f’kitba. Fil-ġimgħat li ġejjin, uħud minn dawn in-novelli ser ikunu qed jiġu ppubblikati fit-Torċa. Ġeneralment ser inkun qed nikteb dwar affarijiet li jseħħu fis-soċjetà. Se niddeskrivi diversi sitwazzjonijiet fejn ngħidu aħna, dak li jkun xtaq jagħmel xi ħaġa u m’għamilix għax beża’. Se nitratta anki suġġetti li jnikktuna u li forsi soltu nippreferu nikinsuhom taħt it-tapit, bit-tama li xi darba ninsewhom. Imma huma realtajiet li s-soċjetà hija għaddejja minnhom. Fid-dinja jiġu mumenti meta niltaqgħu ma’ ċertu stejjer li xtaqna li ma smajna qatt. Imma x’nagħmlu? Ma niktbux fuqhom? Nagħmlu tajjeb li ninjorawhom bħallikieku mhux qed jiġru tassew?”

    L-awtur kompla jirrakkuntali kif kien hemm mumenti fejn akkost li xogħolu ġie apprezzat ħafna b’mod letterarju, min-naħa l-oħra, l-istess xogħol ġie iċċensurat.

    “Darba ħadt sehem f’konkors bid-dramm għat-TV ‘Il-Madonna x’ġenn!’ u dan ġie ġġudikat l-ewwel premju. Imma dal-premju qatt ma ħadtu għax ftit wara ħarġet deċiżjoni li l-premju ma jingħatax u d-dramm tiegħi ġie skwalifikat. Ir-raġuni kienet li peress li d-dramm kien jitratta l-mard mentali, ġie konkluż li dan seta’ jweġġa’ lil xi wħud u allura ma kellux jidher fil-pubbliku!

    Storja simili seħħet bid-dramm għall-palk ‘Dubbiena Kukkużejt’ fejn did-darba akkost li ngħatajt l-ewwel premju, min kien qed imexxi l-ġurija, iddeċieda li jiddistakka ruħu minn din id-deċiżjoni.  Dan qal li kellu ċerti riservi dwar kemm id-dramm tiegħi seta’ jidher fuq il-palk minħabba li kien jitratta l-pedofilja. U infatti la dan id-dramm u lanqas ta’ qablu qatt ma ntwerew lill-pubbliku.”

    Mit-titli tal-kotba tiegħu ‘Rajt ‘l Alla Jibki’, ‘Beżgħat’, ‘Demgħat’ u issa l-ktieb li ħiereġ dalwaqt ‘Weġgħat’, ħadt l-impressjoni li Paul hu bniedem kemmxejn pessimist. Iżda hu Beżgħatirribatta aktar minn darba li l-flixkun jarah nofsu mimli u li bl-ebda mod ma jiddeskrivi ruħu b’dan il-mod.

    “Ikun aktar korrett li kieku ssejjaħħli realistiku. Jiena nemmen li l-kittieb juża l-kelma mhux għan-nom tiegħu biss imma biex jirrapreżenta anki l-ħsibijiet, id-dwejjaq, il-ferħ u l-protesti tal-bqija tas-soċjetà. Il-letteratura hija riflessjoni soċjali li qed turi l-kuxjenza ta’ kulħadd. Ċertament jien kittieb li nikteb fuq sitwazzjonijiet fejn, kif jgħid il-Malti, l-ilsien imur fuq id-darsa li tuġgħu. Ma nkunx qed nikteb xi terapija għall-qarrejja għax jien ma jien l-ebda psikologu. Imma nkun nixtieq li min jaqra l-kitba tiegħi, sempliċiment jaqsam u jirrifletti aktar dwar dak li qed iseħħ madwaru.”

    Paul qabel miegħi illi huma l-emozzjonijiet qawwija ħafna, dawk li jġiegħluk tmiss mal-laħam il-ħaj tal-ħajja, li jħeġġuk biex tikteb.

    “Ejja ngħiduha kif inhi, meta nkun ferħan u għaddej nidħak, ma nħossx dik l-imbutattura għall-kitba. U jiena jekk ma nħossx dik ix-xi ħaġa li tqanqalni, ma niktibx. Però mbagħad naf inkun fi kwalunkwe post u f’kull xorta ta’ sitwazzjoni, u hekk kif nisma’ xi ħaġa li tolqotni, bħal qisha tfaqqa’ xi ħaġa ġo fija u minn hemm jibdew sensiela ta’ ħsibijiet, kultant kapitli sħaħ ta’ kotba u f’xi daqqiet saħansitra xi soluzzjoni għal xi dilemma li kelli qabel! ”

    Fost il-kotba tiegħu, Paul għandu wkoll kitbiet etnografiċi u ambjentalisti bħal ‘Stejjer minn Wied Għarbiel’, ‘Minn Fuq għal Isfel’, ‘Snajja’ u Xogħol il-Maltin Vol. I u II’, u In-nannu Pawlu u n-nanna Ġużeppa‘Nismagħhem Jgħidu Vol. I’. Uħud minn dawn il-kotba ġew f’idejja ħafna drabi għax huma ideali għar-riċerka tal-proġetti tal-iskola. Iżda żgur li qatt ma kont bsart xi ġrajjiet ħelwin inizzjaw il-ħolqien tagħhom. Infatti n-nannu Pawlu, li għalih hu msemmi l-awtur, u n-nanna Ġużeppa, kellhom influwenza kbira fuq it-triq li qabad dal-kittieb. Paul urini ritratt tagħhom u hekk kif ilmaħt it-tbissima ħelwa tan-nanna Ġużeppa, mill-ewwel fhimt x’kien li jiġbed il-kittieb kull darba lejn Selmun…

    “Bqajt immur inżurhom anki meta kbirt u tgħarrast. Kienet tiġbidni dik it-trankwillità u l-paċi li kont inħoss meta kont inkun fil-kumpannija tagħhom. Kien nannuwi, li għalkemm ta’ ftit kliem, ħabbibni man-natura u urieni kif sa l-inqas ħaxixa u ġebla għandhom l-użu tagħhom. Huwa introduċieni mas-sengħa tal-bidwi u flimkien mal-bdiewa l-oħra tal-madwar fehemni tassew xi tfisser li tkun bidwi. Min-naħa l-oħra n-nanna żrat fija l-imħabba għall-kitba u għall-qari. Permezz tagħha, f’età żgħira, kont diġà qrajt il-kotba klassiċi kollha Maltin hekk kif akkost li hi ma kinetx taf taqra u tikteb, xorta waħda xtrat dawn il-kotba u kull darba kienet titlobni biex naqralha xi silta minnhom. F’kotba bħal ‘Il-Ħuġġieġa’ kien ikun hemm ukoll xi novella qasira, li kont naqra diversi drabi, sakemm darba minnhom tħajjart jien ukoll inħarbex xi ħaġa. In-nanna Ġużeppa kienet tħobb tirrakkuntali ħafna ġrajjiet u għajdut u sikwit kont naħseb dwar dik il-ġurnata meta xi darba nannti kienet ser tħallina u magħha kien ser jindifen u jmut dak kollu li kienet taf. Hekk kien qed jiġri diġà mill-anzjani l-oħra tal-madwar, li min jaf kemm kont ħadt gost nismagħhom jirrakkuntawli l-esperjenzi tagħhom! Darba minnhom ħadt deċiżjoni u mill-informazzjoni li kont ġbart mingħand in-nanniet tiegħi u minn xi dettalji oħra li kont ksibt jien, ippubblikajt il-ktieb bl-isem ‘Selmun u l-Inħawi’ u ftit tas-snin wara ‘Selmun – A story of Love’.

    U ħaġa twassal għall-oħra… biż-żmien indunajt ukoll li anki s-snajja’ ta’ dawn l-anzjani kienu qed jispiċċaw u jmutu. U għalhekk meddejt għonqi biex did-Snajja u Xogħol il-Maltin Vol. 1darba niġbor dawn id-dettalji. Bdejt minn anzjan mill-Mellieħa, ċertu Pietru Gauci il-Pirrex u minn hemm imxejt minn individwu għall-ieħor sakemm ifforma l-ewwel ktieb ta’ ‘Snajja’ u Xogħol il-Maltin’. Bdejt nara lil dawn l-anzjani bħala sors ta’ informazzjoni kbir u ma ridt nitlef l-ebda parti minnha. Għadni sal-llum niġbor dan it-tagħrif, bil-kliem preċiż kif jingħad u bid-diżinji ta’ dak li nkun qed nara. Kien Ġorġ Mifsud Chircop, espert tal-folklor, li għeni ħafna f’dal-qasam u tani pariri sbieħ fejn fosthom irrakkomandali biex nipprova ma nofthomx lill-bniedem mis-sengħa tiegħu.”

    L-ambjent huwa wisq għal qalb dan l-awtur, tant li spiss, tkellmu fuq xhiex tkellmu, d-diskors idur mill-ewwel dwar das-suġġett.

    “Inizzjalment meta bdejt nikteb il-ktieb ‘Selmun – A story of Love’ kelli ftehim mal-amministraturi Ġermaniżi li kienu jmexxu l-lukanda tal-palazz ta’ Selmun, sabiex jiffinanzjawli dan ix-xogħol. Imma meta darba minnhom intbaħt li dawn kienu qed jagħmlu ħsara permanenti lill-arkitettura antika ta’ Selmun u kxifthom, dak li wegħduni ma tawhuliex, iżda l-ktieb ħriġtu xorta waħda u ħallastu jien minn buti. Il-ħsara li saret kienet nikktitni u rrabjatni ħafna. Ix-xogħol sar bla ħniena u bla rispett lejn dan il-bini ta’ valur fejn fosthom graffiti ta’ xwieni antiki li lanqas ritratt ma lħaqt ħadtilhom, ġew sandblasted u meqrudin darba għal dejjem! Bit-tama li nevita li ssir aktar ħsara,  wasalt biex anki dħalt mal-lejl flimkien ma’ ibni, b’mod klandestin, bi ftehim ma’ wieħed mill-gwardjani tal-post, sabiex inħaffer u nikkonferma li fis-sit tal-palazz, kien hemm il-pedamenti ta’ kappella li nbniet fis-seklu 15. Infatti apparti li sibna dawn il-pedamenti, skoprejna wkoll għadd ta’ fuħħar u għadam ta’ skeletri li ndifnu fiz-zuntier tal-kappella. Mort malajr nirraporta għand stazzjon televiżiv lokali u għalkemm ġew mill-ewwel u ħarġu feature waqt l-aħbarijiet, din l-istorja mietet hemm. L-għada stess, il-ħaddiema ġarrfu kollox u ma lħaqt żammejt xejn minn dak kollu ħlief widna ta’ ġarra tal-fuħħar! L-istess xtaqt inkun naf x’sar mill-għamara li kien hemm f’dan il-palazz. Ċertu Diego Spiteri, anzjan ta’ 101 sena, illum mejjet, darba stqarr miegħi li meta hu mar iqatta’ xi ġimgħat għall-qamar il-għasel f’dan il-palazz, l-għamara li kien hemm hemm ġew tant kienet sabiħa li ridt sebgħa għajnejn biex tħares lejha! ”

    Fil-ktieb ‘Quest for Identity – the Mellieħa experience’ li għalih huwa ngħata l-unur prestiġġjuż Premio Gianfranco Merli per l’Ambiente, l-awtur ħareġ b’teorija partikolari dwar il-bdiewa.

    “Minn riċerka li wettaqt ma’ diversi bdiewa ta’ pajjiżi differenti, inklużi dawk Maltin u dawk li qrajt dwarhom fil-kotba klassiċi ta’ Tolstoy u Dostoyevsky, intbaħt illi teżisti linja li tgħaqqadhom kollha Quest for identityflimkien. Akkost li jgħixu f’ambjenti differenti, minn kliemhom tara li r-relazzjoni li dawn il-bdiewa għandhom mal-art hija l-istess kullimkien. Ir-rispett, il-kura u l-imħabba li jieħdu ħsieb l-għelieqi tagħhom biha dejjem għandhom għan speċifiku; dik li xi darba dawn ser jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajhom bħalma huma qed igawdu l-art li twasslet lilhom minn dawk ta’ qabilhom. ”

    Meta staqsejt lil Paul P Borg x’jixtieq fil-ħajja, hu qalli li bħalissa jħossu għaddej minn żmien kreattiv ħafna u jispera li daż-żmien ma jmurx. Bla dubju, ser inkunu nafu aktar dwar dan l-awtur permezz tal-għażla ta’ novelli li ser ikun qiegħed jippreżentalna fil-ġimgħat li ġejjin fit-Torċa.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-14 t’Awwissu 2011)

    2011.08.14 / no responses / Category: Torca - Perspettivi