Posts Tagged ‘edukazzjoni’

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (2 Parti) Vetrini tal-għerf

    Sigar antiki jsebbhu t-Tempju ta' Konfucju.JPGWahda mid-dahliet tal-Kullegg Imperjali.JPG

    Klassi fl-iSkola Sperimentali.JPGSezzjonijiet attrezzati biex familja tara filmati fil-Librerija Kapitali.JPG

    Għal din il-ġimgħa għażilt li nitratta numru ta’ siti li żort f’Pekin li huma relatati mat-tagħlim u mal-edukazzjoni. L-ewwel post huwa tempju li ġie ddedikat lil Konfuċju li kien wieħed mill-aqwa filosofi li qatt kellha ċ-Ċina. It-tieni lwog huwa magħruf bħala l-Kulleġġ Imperjali u dan kien iservi bħala l-kwartieri ġenerali tal-amministrazzjoni tal-edukazzjoni u anki bħala post għat-tagħlim tal-għola livell. It-tielet sit jikkonsisti minn Skola Sperimentali għal studenti ta’ livell primarju u sekondarju li bħalissa qiegħda sservi bħala vetrina tas-sistema edukattiva kontemporanja fiċ-Ċina. Finalment, ir-raba lokalità magħżula hija l-Librerija Kapitali li f’dawn l-aħħar snin ġiet estiża b’mod tassew modernizzat u li jilqgħek.

    It-Tempju ta’ Konfuċju

    Konfuċju kien ħassieb, filosofu u għalliem li għex bejn il-perjodu 551 u l-479 Q.K. Il-filosofija tiegħu kienet temfasizza l-moralità personali u kif ukoll dik governattiva, il-korrettezza fir-relazzjonijiet soċjali, il-ġustizzja u s-sinċerità. Iżda fuq kollox, Konfuċju introduċa l-edukazzjoni għall-poplu in ġenerali u mhux għall-magħżulin biss.

    Taħt l-influwenza tiegħu, il-filosofi Ċiniżi ta’ ġenerazzjonijiet li għexu warajh għarfu illi l-istudenti m’għandhomx biss jimmiraw li jiksbu aktar informazzjoni imma wkoll li jiftħu iżjed moħħhom sabiex jesploraw kunċetti aktar wiesgħa ħalli b’hekk huma jtejjbu wkoll l-abitudni spiritwali tagħhom. Mexxejja tad-dinastiji fewdali li ġew wara Konfuċju ħaddnu t-tagħlim tiegħu u ħeġġu lill-poplu Ċiniż biex jimxi mal-ideoloġija tiegħu.

    Bħala turija ta’ rispett lejn Konfuċju, inbnew diversi strutturi li ġew iddedikati għalih. Fost dawn insibu t-Tempju ta’ Konfuċju f’Pekin li nbena mid-Dinastija Yuan fl-1306. Dan huwa t-tieni l-akbar tempju ddedikat għal dan il-filosofu Ċiniż fejn l-akbar wieħed huwa dak li hemm f’Qufu fil-Provinċja Shantong. Infatti dan it-tempju f’Pekin jokkupa arja ta’ 22,000 metru kwadru u l-ambjent tiegħu ġie ddiżinjat biex joffri trankwillità u serenità lil kull min iżuru.

    Bħal f’kull sit ieħor ta’ din l-importanza fiċ-Ċina, is-sengħa użata fl-arkitettura u fid-dekorazzjoni ta’ dan it-tempju hija mill-ifjen. Daqstant ieħor jolqtuk is-siġar antiki li tħawwlu f’dan il-lwog snin ilu u li llum iz-zkuk tagħhom ħadu forom leġġendarji daqs il-post li jinsabu fih. Bla ma trid, inti u tħares lejhom issib ruħek timmedita fuq il-medda taż-żmien u fuq dak kollu li seta’ qatt seħħ ġewwa dan is-sit.

    Ġewwa dan it-tempju wieħed isib erbgħa btieħi wiesgħa li jħarsu fuq arkati u binjiet disinjati biex ipaxxu l-għajn. Barra minn hekk, dan il-post iħaddan fih 198 ħaġra li fuqhom hemm minquxa l-ismijiet tal-51,624 student li attendew fih waqt id-Dinastiji Yuan, Ming u Qing.

    Il-Kulleġġ Imperjali

    Dan il-kulleġġ jinsab biswit it-Tempju ta’ Konfuċju. Ġie stabbilit fl-1306 waqt id-Dinastija Yuan. Ikopri medda ta’ 37,000 metru kwadru u huwa mżejjen b’arkitettura mill-iprem u b’kuluri mill-isbaħ. Fih hemm miġbura madwar 100 binja flimkien ma’ daħliet u arkati massiċċi u mill-isbaħ.

    Il-binja prinċipali hija magħrufa bħala s-Sala Biyong. Hija binja imponenti tal-injam maħduma fuq bażi kwadra li tħares fuq vaska ċirkulari mżejjna bi skulturi ta’ rħam abjad. Dan l-istil arkitettoniku jirrifletti t-twemmin tradizzjonali Ċiniż li d-dinja hija kwadra filwaqt li l-ġenna hija tonda. Fiċ-ċentru ta’ din is-sala wieħed isib tron u għamara oħra imperjali li kien juża l-imperatur biex jgħallem lill-istudenti ta’ livell għoli li kienu jattendu f’dak il-kulleġġ.

    Fuq in-naħa tal-Lvant u l-Punent tal-istruttura prinċipali ta’ dan il-kulleġġ inbnew sitt palazzi u erbgħa swali sabiex tinħoloq simmetrija perfetta ta’ unità.

    M’hemmx dubju li dawk li kienu jintagħżlu biex jitħarrġu f’dan il-post kienu jħossuhom pjuttost ixxurtjati u kburin.

    Skola Sperimentali tal-Università Kapitali Normali

    Kienet tassew sorpriża ħelwa meta tteħidna nżuru din l-iskola fejn ġejna milqugħa bħala mistednin importanti minn Malta. Grupp ta’ għalliema flimkien ma’ erbgħa studenti introduċewna mal-post u flimkien magħhom iddiskutejna s-sistema edukattiva li tintuża f’dik l-iskola u kif ukoll f’pajjiżna.

    Din l-iskola ġiet imwaqqfa fl-1999 u hija mmexxija mill-gvern. Fiha jattendu studenti tal-livell primarju u sekondarju u kif ukoll xi studenti minn pajjiżi oħra peress li l-iskola toffri kurrikulu internazzjonali. Hemm 60 klassi b’madwar 260 għalliema għal 2000 student. Bqajna impressjonati meta rajna li f’kull klassi kien hemm mal-50 student ma’ għalliema waħda u kollha kienu ubbidjenti ferm!

    L-istudenti jitgħallmu bosta suġġetti fosthom il-lingwa Ingliża li hija obbligatorja. Din l-iskola tħarreġ ukoll lill-istudenti fil-logħob tal-basketball fuq livell għoli. Iżda fuq kollox, it-tip ta’ tagħlim li jirċievu dawn l-istudenti huwa bbażat fuq ir-rispett reċiproku flimkien mal-imħabba lejn in-natura u l-ħajja.

    Il-prinċipal ta’ din l-iskola stqarret illi dan il-post jiffoka ħafna fuq l-eċċellenza fl-edukazzjoni u għalhekk huwa jservi bħala vetrina għall-viżitaturi barranin li jkunu jixtiequ jsiru jafu aktar dwar l-edukazzjoni li qed tingħata fiċ-Ċina bħalissa.

    Il-Librerija Kapitali

    Naturalment, kont qed nistenna li l-Librerija Kapitali ta’ Pekin se tkun imdaqqsa mhux ħażin imma qatt ma bsart kemm! Fil-fatt hija mibnija fuq art b’daqs ta’ 37,000 metru kwadru u fiha bosta taqsimiet għal etajiet u funzjonijiet varji.

    Il-librerija hija maqsuma f’żewġ partijiet fejn l-eqdem sezzjoni hija dik tat-tfal filwaqt li dik l-aktar moderna hija ddedikata għall-adulti. Xorta waħda, m’hemmx kantuniera li ma tilqgħekx. Anzi! Kollox jidher li ġie maħdum biex jiġbed kemm jiflaħ qarrejja lejn dan il-post. Dan kollu jikkuntrasta mas-snin passati meta l-libreriji ma kienux meqjusa bħala importanti mal-poplu in ġenerali.

    Ċertament iċ-Ċina nbidlet ħafna f’dawn l-aħħar snin u dan huwa rifless fis-servizzi ta’ din il-librerija imponenti li tħaddan fiha miljuni ta’ kotba ta’ kull xorta. Impjegat amministrattiv tal-post għarraffna illi kull sena jinxtraw mal-400,000 kotba, rivisti u materjali diġitali ġodda biex jiżdiedu mal-kontenut li diġà għandha din il-librerija.

    Bħala medja, madwar 10,000 persuna jżuru din il-librerija kuljum, għalkemm s’issa l-akbar rekord li kellhom ta’ viżitaturi f’ġurnata waħda jgħodd it-23,000 persuna! Xorta waħda, din il-librerija taħdem bis-sħiħ sabiex tiġbed numru akbar ta’ qarrejja lejha. Biex ilaħħqu ma’ dawn il-klijenti kollha hemm madwar 400 impjegat f’din il-librerija u dawn huma mgħejjuna minn sistemi awtomatiċi u effiċjenti mmens.

    Fost is-servizzi li toffri din il-librerija hemm is-self ta’ kotba u materjal diġitali dwar għadd kbir ta’ suġġetti bil-lingwa Ċiniża u b’lingwi oħra, fosthom bl-Ingliż. Il-materjal diġitali jista’ jintwera wkoll fuq numru ta’ kompjuters li hija mogħnija bihom din il-librerija u li waqt iż-żjara tagħna kienu miżgħuda bit-tfal. Sadanittant, sa mill-età tal-kindergarden it-tfal jiġu mħajjra biex joħolqu l-ktieb diġitali tagħhom billi jtellgħu xi ritratti u kitba ġewwa sistema apposta li tinsab fil-librerija. Eventwalment, dawn il-kotba jistgħu anki jiġu ppubblikati.

    Sabiex tkompli tressaq aktar nies lejha, din il-librerija għandha wkoll sezzjonijiet tagħha tassew moderni u attraenti li huma attrezzati biex jinkrew mill-familji ħalli flimkien jaraw xi film li jissellfu mill-librerija stess.

    Intant, fuq in-naħa esterna tal-librerija, ġewwa entratura kbira ferm, wieħed isib ukoll sistema diġitali li tinforma lill-pubbliku b’mod regolari dwar il-materjal ġdid li jkun daħal fil-librerija. Barra minn hekk, din tinkludi wkoll rakkommandazzjonijiet li jsiru kemm mill-amministrazzjoni tal-librerija u kif ukoll mill-qarrejja nfushom dwar l-aqwa kotba tal-mument. Sadanittant, għażla oħra ta’ kotba tista’ titniżżel fuq il-mowbajl u mezzi oħra diġitali sabiex tinqara fi lwogi oħra.

    Apparti minn hekk din il-librerija tinkorpora wkoll ħanut tal-kotba, ċinema, teatru, swali tal-esebizzjonijiet u kafetterija. F’kelma waħda, dan il-post jista’ jiġi mqabbel ma’ ġenna tal-art għal dawk li jħobbu l-kotba.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela IL-KULURI TAĊ-ĊINA (It-2 Parti) fit-Torċa tal-11 ta’ Jannar 2015)

    2015.01.11 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • MIN SER IGAWDI MILL-BIDLA?

    Dan l-aħħar ġew proposti xi bidliet fis-sistema tal-edukazzjoni u dwarhom saru diversi diskussjonijiet mal-għalliema u mal-ġenituri. Imma illum kulħadd jaqbel ma’ dawn il-proposti? It-tneħħija tal-istreaming tagħmel sens? X’inhu l-iskop tal-kulleġġi? U finalment, uliedna kemm ser igawdu minn dawn il-bidliet?

    INTERVISTA: SANDRO SPITERI – Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Margerita

    Kemm ilek taħdem fil-qasam tal-edukazzjoni?

    Għallimt għal 13-il sena fi skejjel statali u privati qabel ma sseħibt fil-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) bħala Senior Executive fl-2001. Hemmhekk mexxejt programmi nazzjonali ta’ litteriżmu u ta’ sħubija bejn il-ġenituri u l-iskola. Fi Frar tal-2008 nħtart bħala l-ewwel Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Margerita. Dan bħalissa jinkludi l-Kottonera, il-Kalkara, Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra, u fih madwar 3000 student u studenta.

    Għaliex inħass il-bżonn li ssir bidla fis-sistema tal-edukazzjoni preżenti?

    L-ewwel nett il-bidla fil-ħajja hija minn ewl id-dinja… aħseb u ara fl-edukazzjoni. Trid dejjem taġġorna s-sistemi tiegħek skont il-ħtiġijiet li dejjem jinbidlu. Apparti minn hekk, kellna ħafna indikazzjonijiet Sandro Spiteri li s-sistema kif kienet kellha fiha strutturi li kienu qed jagħmlu inġustizzji kbar ma’ għad sew ta’ tfal. Meta tqabbel is-sistema edukattiva Maltija ma’ oħrajn madwar id-dinja, ssib li minkejja li l-għalliema u l-ġenituri jistinkaw kemm jifilħu, mhux qed nieħdu riżultat biżżejjed għall-investiment kbir li qed isir kull sena. Hemm wisq tfal li qed tfallihom is-sistema. Sistema li qabel ir-riformi tal-2007 tant kienet riġida li l-iskejjel ma kellhomx il-flessibiltà biex ibiddlu li hemm bżonn biex jgħallmu b’mod iktar effettiv. Dwar dan kont nidejt riċerka fl-FES li mbagħad issarrfet fi ktieb li jien editjajt ‘Transition from Primary to Secondary in Malta: Time to Break the Mould?’, miktub minn Dr Grace Grima, illum waħda mid-Diretturi Ġenerali u minn Dr Josette Farrugia. Jiena nemmen illi dan il-ktieb għandu jkun fuq l-iskrivanija ta’ kull edukatur Malti. Ma nistgħux nitkellmu b’impressjonijiet meta llum hemm ir-riċerka.

    L-għalliema ġew ikkonsultati rigward dawn il-bidliet? X’kienet l-opinjoni tagħhom fil-maġġoranza?

    L-għalliema li bħali jemmnu fl-inklużjoni kienu ilhom isemmgħu leħinhom biex isiru l-bidliet neċessarji. Biżżejjed insemmi l-Moviment Edukazzjoni Umana li fl-aqwa tiegħu fid-disgħinijiet kellu mijiet ta’ għalliema membri. Fl-1993 dan ħareġ iċ-‘Charter tal-Jeddijiet tal-Istudenti’, jiġifieri sentejn qabel ir-Rapport ta’ Wain ‘Tomorrow’s Schools’ li mbagħad wassal għal kurrikulu ġdid.

    Il-konsultazzjoni kienet fil-qalba tal-proċess propost dwar il-bidla. Waqt li kien qed jinkiteb ir-rapport fl-2007, li stħarreġ il-bidla mill-primarja ghas-sekondarja, kienet saret konsultazzjoni estenziva inkluż mal-għalliema. Aktar tard meta ħarġu l-proposti għall-bidla fl-2008, saru għadd ta’ laqgħat mal-ġenituri kif ukoll diskussjonijiet permezz tal-mezzi tax-xandir. Il-Prinċipali ddiskutew ukoll il-proposti fit-tul mal-għalliema kollha. Fil-Kulleġġ tagħna ppreparajna ittra lil Dr Grima b’serje ta’ mistoqsijiet ibbażati fuq dak li kienu qaluli l-għalliema.

    Minn dan kollu ħareġ li l-maġġoranza assoluta tal-ġenituri jridu l-bidla, basta t-tfal ma jtellfux lil xulxin. Irridu nammettu illi l-maġġoranza tal-għalliema kienu u għadhom xettiċi. Jidher li din il-maġġoranza taqbel li hemm bżonn bidla imma fl-istess ħin għadhom mhux konvinti bl-alternattiva li qed tiġi proposta. Kien għalhekk li d-Direttorat organizza taħriġ intensiv fit-tagħlim differenzjat għall-għalliema kollha tal-primarja fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.

    F’hiex jikkonsistu l-bidliet fis-sistema tal-edukazzjoni?

    Fil-qosor, it-tfal kollha se jkollhom sistema simili għal dik li taħdem tant tajjeb għall-skejjel primarji tal-privat u f’xi wħud tal-Knisja. It-tfal kollha se jkunu mħalltin fil-klassijiet kollha tal-primarja. Ser ikun hemm programmi u riżorsi li jieħdu ħsieb jirreintegraw tfal b’imġieba diffiċli. L-eżamijiet ser jibqgħu. Madanakollu  mhux ser jintużaw biex jippremjaw lil wieħed u jikkastigaw lil ieħor. Minflok, l-għan tal-eżamijiet ser ikun biex minn sena għal sena l-għalliema jkunu jafu x’tgħallmu t-tfal u x’għajnuna ġdida għandhom bżonn. Fis-sekondarja t-tfal jitpoġġew fi klassijiet skont kemm għandhom bżonn għajnuna fis-suġġett partikolari. B’hekk it-tfal kollha ser ikunu flimkien fi skola sekondarja waħda skont jekk humiex bniet jew subien u jkollhom il-programm edukattiv li ghandhom bżonn. Hekk it-tfal kollha jkollhom iċ-­ċans li jirnexxu skont kemm jifilħu.

    Għaliex inħolqu l-kulleġġi?

    Il-kulleġġi għandhom skop ewlieni: biex jagħtu iktar flessibiltà u riżorsi lill-iskejjel biex dawn ikunu jistgħu jgħallmu bl-iktar mod effettiv possibbli. Fl-aħħar mill-aħħar dan hu l-kejl aħħari li bih irid jitqies is-suċċess tar-riforma tal-kulleġġi. U fil-fatt qed naraw li l-kulleġġi qegħdin joħorġu b’soluzzjonijiet imfassla skond ir-realtajiet tagħhom. Ħa nagħti xi eżempji: il-Kulleġġ t’Għawdex diġà neħħa l-istreaming bil-kunsens tal-għalliema u l-ġenituri u daħħal it-tagħlim bi sħab. Fil-Kulleġġ tiegħi, ta’ Santa Margerita, investejna fi programmi b’risq it-titjib tal-imġieba fil-primarja u s-sekondarja. Fil-Kulleġġ ta’ San Benedittu l-għalliema tal-Guidance jaqdu l-bżonnijiet tat-tfal tal-primarja u s-sekondarja fi programm integrat. Il-flessiblità tal-kulleġġi żgur li se tiffaċilita r-riforma tat-tranżizzjoni mill-primarja għas-sekondarja.

    X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar l-istreaming?

    Fl-ambjenti edukattivi madwar id-dinja, l-‘istreaming’ huwa dak li kien l-‘apartheid’ fir-relazzjonijiet bejn ir-razez – lanqas għandek biss tibda tiddiskutih. M’hemm l-ebda ġustifikazzjoni etika, soċjali, edukattiva jew pedagoġika għall-istreaming. Anke fejn tifel jew tifla partikolari għandhom bżonn programmi soċjo-edukattivi individwali fi klassi jew fi skola għaliha għal xi żmien, dawn il-programmi għandhom dejjem ikollhom il-mira ta’ xi tip ta’ reintegrazzjoni fil-klassi ‘normali’. L-aqwa sistemi edukattivi fid-dinja għandhom l-inqas differenzi bejn kategoriji ta’ studenti.

    Uħud isostnu illi t-tneħħija tal-istreaming ser ixxekkel lil dawk l-istudenti li kapaċi jaslu aktar minn oħrajn. X’tikkummenta?

    Min isostni hekk irid jiftakar li kantuniera ‘l bogħod minnu hemm skejjel li ilhom jaħdmu hekk b’suċċess għal snin twal. Dan ma jfissirx li l-bidla minn streaming għal tagħlim differenzjat huwa sempliċi. Fih iktar xogħol imma fih ħafna iktar riżultat effettiv għal ħafna iktar tfal.

    Kemm temmen illi dawn il-bidliet ser jiggarantixxu forma ta’ edukazzjoni aħjar għat-tfal tagħna?

    Irridu nibdew billi nammettu li s-sistema li għandna bħalissa diġà qed tfalli numru kbir wisq ta’ tfal. Nemmen li l-bidliet, jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, għandhom iwasslu biex kulħadd ikollu edukazzjoni li tassew twassal biex ħadd ma jibqa’ lura.

    ————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: EVARIST BARTOLO – Kelliem ewlieni tal-PL dwar l-edukazzjoni

    Kemm ilek involut fil-qasam tal-edukazzjoni?

    Mill-inqas 34 sena –  minn meta kont imdaħħal f’ċentru edukattiv fi Sqallija mmexxi minn Danilo Dolci. Hemmhekk konna ħloqna għamla ġdida ta’ esperjenza edukattiva maħsuba biex tiżviluppa l-ħeġġa fit-tfal biex jifhmu u jiskopru d-dinja ta’ madwarhom bla sillabi, eżamijiet u kotba tradizzjonali. Imbaghad ġejt Malta u bdejt ngħallem fil-Kulleġġ De La Salle. Issa ilni 25 sena ngħallem fil-qasam tal-komunikazzjoni fl-Universita` ta’ Malta. Fl-1992 ġejt elett fil-parlament u ngħatajt ir-responsabbilta` ta’ kelliemi fil-qasam edukattiv. Ilni f’din il-kariga minn dak iż-żmien ħlief għal ħames snin bejn l-2003 u l-2008 meta kont kelliemi għall-Affarijiet Ewropej u mbagħad għat-Turizmu. Bejn l-1996 u l-1998 servejt lill-pajjiż bħala Ministru ta’ l-Edukazzjoni u l-Kultura Nazzjonali.

    X’inhi l-fehma tiegħek dwar it-tibdil fis-sistema tal-edukazzjoni preżenti?

    Għandna bżonn inbiddluha biex nagħtu lit-tfal kollha l-ħiliet meħtieġa biex jimxu `l quddiem. Bħalissa għandna sistema fejn nofs it-tfal tal-primarja ma jġibux il-ħiliet meħtieġa biex jiżviluppaw il-personalita` tagħhom u dak kollu li għandhom bżonn biex ikomplu jistudjaw b’suċċess ħalli jsibu sodisfazzjon fil-ħajja tax-xogħol tagħhom u bħala ċittadini fis-soċjeta`. Huma 40 fil-mija biss li meta jtemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom jgħaddu mill-eżamijiet tas-SEC fi gradi minn 1 sa 5.

    Għandna bżonn indaħħlu l-iskejjel tagħna fis-seklu 21 u naġġornaw dak li ngħallmu lill-istudenti u nġeddu l-metodi tat-tagħlim u l-metodu ta’ kif nittestjaw kif sejrin l-istudenti. Ninsabu f’dinja fejn kullEvarist Bartolo pajjiż jikkompeti ma’ l-oħrajn biex jirnexxi, joħloq ix-xogħol u l-ġid u jtejjeb il-kwalita` tal-ħajja. Għalhekk ninkwieta meta nara li għadna lura ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fl-edukazzjoni tax-xjenza u tal-matematika, f’kemm tfajliet u ġuvintur jibqgħu jistudjaw, fir-rata għolja li għandna ta’ tfal li ma jiġux l-iskola jew li jiġu u jħarbtu l-klassi, fir-rata għolja ta’ dawk li joħorġu mill-iskola bil-kemm jafu jiktbu u jaqraw, f’kemm hemm bżonn intejbu l-livell tal-Ingliż ghax mingħajru naqgħu lura. Hemm bżonn indaħħlu suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji biex dawk l-eluf ta’ tfal li qed nitilfu, nibdew narawhom jirnexxu fl-oqsma tal-catering, tal-inġinerija, tal-injam, tas-saħħa … Mindu l-gvern għalaq l-iskejjel tas-snajja u ma ħoloqx alternattiva aħjar, qatel il-futur ta’ eluf ta’ żgħażagħ.

    L-għalliema ġew ikkonsultati rigward dawn il-bidliet? X’kienet l-opinjoni tagħhom fil-maġġoranza?

    Ħafna għalliema lmentaw miegħi li l-konsultazzjoni li saret magħhom kienet taparsi. Li d-deċiżjonijiet kienu diġa` ttieħdu u li kienu qed jiġu nfurmati biss x’għandhom jagħmlu. Għall-ewwel, meta l-gvern ħabbar il-bidliet li ried jagħmel, lanqas biss ma kien se jkun hemm laqgħat mal-għalliema… aħseb u ara kemm riedu jikkonsultawhom bis-serjeta`.

    Issa għandna l-wegħda li l-awtoritajiet edukattivi ġabru l-kummenti kollha li saru, inkluż dak tal-Malta Union of Teachers u għamlu dokument għall-gvern. Saħqu li suppost se jagħtu każ ta’ dak li ntqal bħala suġġerimenti u kritika. Issa naraw x’se jiġri! Dak li jiġri fl-edukazzjoni jiddependi mill-għalliema u għalhekk huwa importanti li jekk irridu ntejbu l-edukazzjoni bis-serjeta` rridu naħdmu id f’id magħhom. Irridu nibnu fiduċja f’xulxin, nagħtuhom biex jaħdmu, npoġġuhom fil-kundizzjoni li jistgħu jaħdmu u nagħmlu minn kollox biex insolvulhom dak kolli li qed jinkwetahom. Ħafna għalliema llum qed jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli għax it-tfal inbidlu u m’għadx għandhom ir-rispett li kien hemm qabel. Bosta drabi l-għalliema qed iħossuhom maqbudin bejn it-tfal, il-ġenituri u l-awtoritajiet mingħajr l-appoġġ neċessarju. Għalhekk kien ta’ ħafna ħsara li l-gvern ipprova jpinġi lill-għalliema bħala xi ħallelin li jridu jisirqu 15 il-miljun ewro għax qed jitolbu titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom biex jagħmlu tajjeb għad-dmirijiet ġodda li se jkollhom jagħmlu.

    F’hiex jikkonsistu dawn il-bidliet?

    Tneħħija tal-istreaming – jiġifieri ma tibqax tagħżel lit-tfal fi klassijiet ta’ bravi, inqas bravi u mhux bravi. Ma jibqax isir l-eżami tal-Junior Lyceum u minfloku jsir eżami fl-aħħar tal-primarja fil-Malti, fl-Ingliż u fil-Matematika. Dħul ta’ sistema li ssegwi t-tfal biex fejn tara li għandhom bżonn l-għajnuna tagħtihielhom.

    Għadu mhux qed jintqal uffiċċjalment x’se jiġri fl-iskejjel tas-subien tal-Knisja li m’għandhomx primarja, kif se jkun id-dħul fihom u jekk hux veru li l-gvern se jtiehom il-flus biex jibnu skejjel primarji ġodda.

    Meta l-Ministru wrietni x’bidliet trid tagħmel, għedtilha li hemm bżonn ukoll pjan ta’ x’nies u xi flus għandek bżonn biex twettaq dawk il-bidliet. Għandna xkafef sħaħ ta’ rapporti dwar x’għandu jsir biex intejjbu l-livell tal-Ingliż, tax-xjenza u tal-matematika, dwar kif iżjed tfal jitgħallmu jaqraw u jitkbu, dwar kif innaqqsu l-għadd ta’ dawk li ma jiġux skola, dwar kif indaħħlu iżjed dixxiplina fl-iskejjel u dwar kif hemm bżonn jinbidlu l-eżamijiet tal-Matsec.  Jgħaddi ż-żmien u ma jsir kważi xejn minn x’jgħidu li għandu jsir dawn ir-rapporti.

    Taqbel mal-idea tal-kulleġġi?

    Jien naqbel li jkollna rabta ħafna aħjar bejn iċ-ċentri tal-kindergarten, l-iskejjel tal-primarja u l-iskejjel sekondarji. Din tista’ tieħu bosta forom differenti. Huwa tajjeb li nagħmlu minn kollox biex it-tfal jgħaddu minn qasam għall-ieħor mingħajr ma naħsduhom. Imma jiddependi minn kif se titħaddem is-sistema tal-kulleġġi. Ma naqbilx mal-iskejjel ġganteski u anonimi li qed jinħolqu b’eluf ta’ tfal fejn il-kapijiet lanqas biss jafu min huma t-tfal fdati f’idejhom.

    Importanti wkoll li jkun hemm fiduċja fl-għalliema u fil-kapijiet tal-iskejjel u l-assistenti tagħhom biex mhux issa jkollna prinċipali tal-kulleġġi li jagħmlu lilhom infushom allat żgħar. Is-suċċess tal-edukazzjoni jiddependi minn x’jgħallmu l-għalliema fil-klassi u mill-atmosfera tajba li joħolqu l-kapijiet fl-iskejjel. L-aqwa flus u riżorsi fl-edukazzjoni għandhom imorru fil-klassijiet u fl-iskejjel. Il-bqija: prinċipali, uffiċċjali edukattivi, Ministru …kollha ghandhom ikunu hemm biex jgħinu lill-għalliema u lill-kapijiet jedukaw lit-tfal.

    Iżda dal-gvern qed jimxi bil-maqlub. Qiegħed jagħti ħafna importanza x’jiġri barra l-iskejjel: direttorati, kulleġġi, strutturi  u dak li jifdal iqattar għal ġol-klassijiet. B’hekk mill-miljuni li jintefqu fl-edukazzjoni, tassew ftit imur fuq x’hemm bżonn fil-klassi u fl-iskejjel biex noħolqu edukazzjoni interessanti għat-tfal ħalli dawn jieħdu gost jiġu l-iskola u jitgħallmu.

    X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar l-istreaming?

    Fis-snin 70 kienet toħroġ gazzetta ta’ kull xahar jisimha ‘Illum’. L-ewwel artiklu li ktibt fiha kien appell tiegħi biex inneħħu l-istreaming mill-iskejjel. Ir-raġunijiet kienu biex ma nkissrux lil dawk li għax ġejjin minn dar fejn m’għandhomx kotba jew ambjent favur l-istudju u lil dawk li m’għandhomx għajnuna mill-ġenituri, nagħtuhom it-tikketta ta’ “injoranti” u ma nistennewx li jmorru tajjeb fl-iskola. L-edukazzjoni għal kulħadd iddaħħlet mill-Partit Laburista propju biex tagħti l-aqwa opportunitajiet lil kulħadd, inkluż lil dawk it-tfal li jibdew il-ħajja tagħhom bi żvantaġġ. Għalhekk għandna bżonn edukazzjoni li tilħaq lid-diversita` tat-tfal.

    Imma dan ifisser li trid toħloq klassijiet u skejjel b’dak kollu meħtieġ biex l-għalliema jkollhom il-metodi meħtieġa u r-riżorsi edukattivi, inkluż materjal edukattiv, sillabi addattati, mezzi ġodda tal-komunikazzjoni u l-informatika, kif ukoll psikologi, social workers u professjonisti oħrajn biex jgħinu lill-għalliema fil-ħidma tagħhom ma’ tfal li jiġu b’ħafna diffikultajiet mid-dar u li ma jħalluhomx ikunu kalmi biex jieħdu gost bl-iskola.

    Uħud isostnu illi t-tneħħija tal-istreaming ser ixxekkel lil dawk l-istudenti li kapaċi jaslu aktar minn oħrajn. X’tikkummenta?

    Ħażin jekk jiġri hekk. Dawk li qed jirnexxu rriduhom jirnexxu aktar u dawk li mhumiex qed jirnexxu, rriduhom jibdew jirnexxu ħafna huma wkoll. Irridu lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna jirnexxielhom jiksbu l-ħiliet li għandhom bżonn għas-seklu 21. Jekk hemm min kapaċi jtir m’għandikx taqtagħlu ġwinħajh biex twaħħalha ma’ dawk li bħalissa ma jistgħux itiru. Għax inkella nispiċċaw li ma jtir ħadd. Meta f’Ottubru li għadda l-gvern ħabbar il-bidliet li jrid jagħmel, kont għedt li qed jagħmel żball ikraħ li qed jingħalaq biss fuq l-istreaming u l-eżamijiet tal-Junior Lyceum. Fl-aħħar eżami għad-dħul fil-Junior Lyceum setgħu joqogħdu għalih 3,029 student. Għaddew minnu 1,531 student (50.5%) biss f’Malta. F’Għawdex setgħu joqogħdu għalih 265 student fl-iskejjel tal-istat u minnhom għaddew 154 (58%) biss.

    Fl-iskejjel primarji tal-istat f’Malta u f’Għawdex hawn b’kollox 752 klassi, li minnhom 505 (67%) diġa’ mhumiex streamed waqt li 247 (33%) huma streamed. Il-gvern qed jiżbalja ħafna li jrid jiddiskuti biss xi ħaġa li tolqot terz tas-sistema primarja edukattiva. Ħafna tfal qed jitħallew jaqgħu lura fl-ewwel erba’ snin tal-primarja fejn diġa’ m’hemmx streaming. Jekk il-gvern tal-PN irid ikun serju u jsaħħaħ l-edukazzjoni primarja tat-tfal, għandu jiftaħ diskussjoni sinċiera u wiesgħa dwar kif se jtejjeb iċ-ċentri tal-kindergarten u l-iskejjel primarji u x’għandhom bżonn l-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel biex jedukaw iżjed tfal ħalli jirnexxu. Mingħajr bażi soda fil-kindergarten u fil-primarji l-istudenti jaqgħu lura fis-sekondarja u qatt ma jirkupraw.

    Jekk il-gvern irid isaħħah l-edukazzjoni primarja hemm bżonn ta’ passi serji f’ħafna oqsma li bħalissa qed jittraskura, fosthom it-taħriġ u l-edukazzjoni kontinwa tal-għalliema fejn suppost impjega ir-relief teachers biex ikunu jistgħu jieħdu post l-għalliema waqt li joħorġu mill-klassi biex jagħmlu sessjonijiet għall-iżvilupp tal-kurrikulu. Hemm bżonn ta’ rispett sħiħ lejn il-professjonalita` tal-għalliema. Għandhom ikunu nvoluti fit-tibdil kollu fis-sistema edukattiva għax is-suċċess tat-tibdil jiddependi mis-sehem sħiħ tagħhom.

    Kemm temmen illi dawn il-bidliet ser jiggarantixxu forma ta’ edukazzjoni aħjar lit-tfal tagħna?

    Matul l-aħħar 20 sena tħabbru ħafna intenzjonijiet biex l-edukazzjoni tinbidel għall-aħjar. Iżda ħafna minn dawn l-intenzjonijiet baqgħu biss fuq il-karta jew intużaw biss għall-propaganda elettorali. Issa naraw jekk hux se jiġri l-istess din id-darba. Nittama li le għax ma nistgħux nibqgħu nċaħħdu tant eluf ta’ tfal u żgħażagħ minn edukazzjoni tajba. F’pajjiż fejn jaqgħu lura tant tfal u żgħażagħ fl-edukazzjoni, ma jistax ikollok tassew ġustizzja soċjali, demokrazija u żvilupp ekonomiku li hemm bżonn biex niesna jgħixu aħjar.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-3 ta’ Mejju 2009)

    2009.05.03 / no responses / Category: Torca - Perspettivi