Posts Tagged ‘firda’

  • BLA ULIED IMMA OMM TA’ ĦAFNA

    Ommna żżommilna jdejna sakemm nikbru iżda mbagħad qalbna hija tagħha ghal dejjem… Imma dan is-sentiment japplika għal kulħadd? Anki jekk ommok tkun Omm u ibenħaqritek, warrbitek jew abbużatek? Għal mara, l-possibilitá li tkun omm hija waħda mill-akbar opportunitajiet f’ħajjitha. Allura x’iwassal biex mara tagħżel li tiċċaħħad milli tkun omm? Tkellimt ma’ Sister Josephine, Madre Superjura ta’ Dar Fra Diegu u flimkien magħha ddiskutejt dawn il-mistoqsijiet u ħafna oħrajn. Ta’ kuljum, Sister Josephine tgħix il-passjoni li t-tfal jgħaddu minnha minħabba l-firda minn ommhom. Għalkemm hi għażlet li qatt ma tkun omm uliedha, illum hija l-’omm’ ta’ bosta u bosta tfal li jfittxu l-imħabba u l-protezzjoni tagħha…

    Kif bdiet il-vokazzjoni tiegħek biex issir soru?

    Jiena kont ilni nħoss il-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża minn meta kelli tlettax-il sena. Però jkolli nammetti li għall-ewwel, kif ġeneralment jiġri f’dawn il-każi, ippruvajt ninjora din is-sejħa. Illum jiena persuna konvinta li din hija s-sejħa tiegħi. Imma speċjalment fil-bidu, kelli ċertu biża’ jekk inix nagħmel għażla tajba. Għaldaqstant f’żogħżiti jiena ħriġt ma’ ġuvni biex nikkonferma jekk dak li kont qed inħoss kienx minnu. Maż-żmien intbaħt illi meta kont noħroġ mal-boyfriend kont inħossni qisni qed nitraddixxi lil Alla għax f’qalbi kont inħoss x’jgħidli li Hu riedni għalih. Nistqarr li kont inħoss li qed nibdlu ma’ ħaddieħor. F’okkażjoni partikolari, niftakar li waqt li kont qegħdha mal-boyfriend, għaddew żewġ sorijiet minn quddiemna. Dak il-ħin qalbi riedet ittir bil-ferħ u addijo l-ġuvni li kelli miegħi. Kien proprju dak inhar fil-għaxija meta kkonfermajt il-vokazzjoni reliġjuża tiegħi  u li Alla riedni għalih.

    Iebsa biex teħodha din id-deċiżjoni?

    Kull sejħa hija sejħa minn Alla, kemm għal dawk li jagħżlu li jibqgħu xebbiet u ġuvintur, kemm għal dawk li jagħżlu li jiżżewġu u kif ukoll għal dawk li jagħżlu l-ħajja reliġjuża. Aħna bħala nsara nemmnu illi lkoll kemm aħna, Alla jsejħilna għal xi missjoni. Il-vokazzjoni reliġjuża hija esperjenza li inti tħoss internament, speċjalment fil-mumenti ta’ talb, fejn inti tiskopri li tixtieq tagħmel xi ħaġa aktar għal Alla, li tkun kollok kemm int tiegħu. Naturalment hu ħafna importanti illi meta tħoss din ix-xewqa, titkellem mad-direttur spiritwali tiegħek sabiex tkun tista’ tiddixxerni jekk din hix il-vokazzjoni tiegħek jew le. It-tendenza normalment hija lejn il-ħajja miżżewwġa. Bosta drabi meta tisma’ n-nies jitkellmu, saħansitra anki fl-iskejjel, jippreżentawlek il-ħajja miżżewġa.

    Mhiex faċli deċiżjoni bħal din. Jekk tagħżel li tkun soru, inti tagħżel ukoll li tinqata’ minn ċertu għażliet oħra li hemm għal kulħadd per eżempju: li inti ma jkollokx il-familja u l-ulied tiegħek. Kulħadd ikun jixtieq li jiżżewweġ u li jkollu il-familja tiegħu. Dik hi waħda mill-offerta li inti trid tagħmel lil Alla – il-kapaċità li jkollok l-ulied, li hija waħda mill-egħżeż possibilitajiet li għandha kull mara. Iżda l-aktar parti diffiċli għalija kienet li ninqata’ minn mal-familja tiegħi. Kelli 19-il sena meta ħadt din id-deċiżjoni. Kienet sitwazzjoni iebsa peress li xahar qabel kien miet missieri ħabta u sabta. Kelli nħalli lil ommi armla u weħidha għax ħuti l-oħra kollha kienu miżżewġin.  Niftakar li malli għalaq għajnejh missieri, mort f’post għall-kwiet fid-dar tagħna u tlabt “Mulej jekk hi r-rieda tiegħek, ilni tant nistenna biex nidħol, ħa sseħħ ir-rieda tiegħek fija.” Dakinhar jiena tgħallimt xi jfisser l-abbandun totali f’idejn Alla: li inti tħalli lilek innifsek tiġi mmexxija minnu. Il-firda minn ommi kienet iebsa speċjalment fil-każ tiegħi meta letteralment kelli mmur Għawdex. Imma jkun hemm żmien fejn il-kuntatt mal-familja jkun limitat.

    Sibt appoġġ għall-għażla tiegħek?

    Iva. Ommi dejjem kellmitni ċar fuq din il-vokazzjoni tiegħi. Qatt ma ħassritli imma dejjem uritni l-verità. Niftakar illi wara l-funeral ta’ missieri, l-għada ġiet il-Madre Ġenerali id-dar sabiex issellem lil ommi u biex toffrilna l-possibilità li jiena nidħol soru sena wara. Imma b’mod l-aktar kuraġġjuż ommi weġbitha illi jekk Alla iddestina dik il-ġurnata għall-bintha, hi ma kinetx ser tħassarielu. Dan kien mument li jiena ma nsejt qatt u li żammni soda fl-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajti. Il-kuraġġ ta’ ommi baqa’ dejjem l-akbar gwida tiegħi.

    Għaliex għażilt li ssir soru Franġiskana?

    Meta ġejt biex nagħżel ikkunsidrajt diversi kongregazzjonijiet. Jiena persuna dinamika ħafna. Nippreferi li fix-xogħol tiegħi jkolli kuntatt man-nies. Għażilt il-ħajja Franġiskana tal-Qalb ta’ Ġesù għax meta ħarist lejn it-tip t’appostolat li jwettqu, għaraft li teżisti varjetà t’appostolat bħall-edukazzjoni fl-iskejjel, ħidma mat-tfal u mal-anzjani, ix-xogħol tal-ostji u x-xogħol fl-orfanatrofji u fl-infermeriji kemm f’Malta u kemm f’pajjiżi oħra fejn aħna mxerdin. Fil-fatt meta dħalt soru jiena studjajt l-Università  ta’ Malta u aktar tard ikkwalifikajt bħala social worker b’viżjoni għal dan l-appostolat li qed inwettaq issa.

    X’inhu l-iskop ta’ Dar Fra Diegu?

    Inizzjalment id-dar ta’ Fra Diegu ġiet imwaqqfa’ minn Fra Diegu Bonanno bl-għajnuna tal-Markiż Scicluna. L-istorja tgħid illi darba minnhom waqt li Fra Diegu kien qiegħed idur biċ-ċirka biex jiġbor xi ftit ħobż għall-komunita’ tiegħu, huwa ġie msejjaħ biex jgħin tfajla. Sabha tibki ġo kamra żgħira. Kienet tfajla li kienet taħdem fil-prostituzzjoni. Kienet inqabdet tqila u ma kinetx taf kif ser tagħmel f’dik is-sitwazzjoni. Fra Diegu ħadha għand oħtu u għenha. Minn hemm hu ġietu x-xewqa li jgħin lil aktar tfajliet biex jitbiegħdu mill-prostituzzjoni u fetaħ dar għalihom. Wara xi żmien induna li dik id-dar ma kinetx biżżejjed għalih u l-Markiż Scicluna għenu biex bena hawnhekk. U hekk bdiet din id-dar. Maż-żmien minflok it-tfajliet bdew jiddaħħlu l-orfni. Illum l-iskop inbidel kompletament. Hawnhekk aħna nilqgħu tfal li jkunu ġejjin minn familji bi problemi soċjali. Uħud mit-tfal ikunu soffrew minn xi tip t’abbuż bħall-abbandun, abbuż sesswali jew fiżiku li tkun ħarġet care-order fuqhom.

    Minn fejn jinġiebu l-fondi biex titmexxa din id-Dar?

    Għandna nuqqas kbir ta’ riżorsi. Aħna ngħixu prattikament bil-karità. L-uniku dħul li għandna huwa c-childrens’ allowance tat-tfal residenti hawn. Immaġina biss l-ispejjeż kbar li tinvolvi biex titmexxa din id-dar hekk kbira kemm f’dak li hu ‘daily running’ kif ukoll fil-manutenzjoni tagħha biex tinżamm bl-aktar mod dinjituż biex igħixu t-tfal fiha.  Għalhekk id-dħul tac-childrens’ allowance l-anqas biss tibda bih. Imma Alla hu kbir u aħna nemmnu ħafna fil-providenza tiegħu. Nemmnu li Huwa dejjem jipprovdi. Ovvjament jiena nagħmel ħafna ħidma biex insib benefatturi li jistgħu jgħinuna. Fil-fatt nagħmel ħafna kuntatti biex inkunu nistgħu nwettqu proġetti kbar bil-għan li ntejjbu l-għixien tat-tfal sabiex u ngħinuhom permezz tat-terapija psikoloġika ħalli l-kura li jirċievu tkun kemm jista’ jkun professjonali. Tajjeb wieħed isemmi li kull sessjoni ta’ grupp therapy tiswilna 50 ewro kull darba. Nixtieq insemmi wkoll l-għajnuna kbira li jagħtina l-HSBC permezz tal-Care For Childrens Funds fejn joffrilna ħafna sapport u jisponsorjana regolarment fit-terapija.

    Fiex jikkonsisti x-xogħol tiegħek u tas-sorijiet l-oħra ġewwa Dar Fra Diegu?

    Aħna noffru lit-tfal li jgħixu magħna ġewwa Dar Fra Diegu l-imħabba, il-protezzjoni u l-gwida li għandhom bżonn biex kemm jista’ jkun huma jitgħallmu joħorġu mit-tbatijiet li jkunu għaddew minnhom.

    Dan l-aħħar fil-midja nqalgħu ħafna polemiċi illi t-tfal mhux posthom fid-djar tas-sorijiet imma fil-foster homes. Jiena wkoll nemmen illi aħjar jgħixu f’familja. Imma dan ma japplikax għat-tfal kollha. Tfal li jkunu għaddew minn abbużi kbar, ikollhom bżonn ‘ifiequ’ qabel jiġu mibgħuta f’familja ġdida. Bosta drabi l-fejqan huwa iebes u ta’ tbatija, jieħu ħafna żmien u jirrikjedi nies professjonali f’dan il-qasam. Aħna hawnhekk ħdimna ħafna bħala tim biex intejjbu s-sistema u nkunu nistgħu noffru ambjent terawpetiku. M’għadux biżżejjed li titma’, tlibbes u toffri saqaf lit-tfal. Huwa wkoll meħtieġ is-servizz ta’ psikologi u psikjatri biex tkun tista’ isseħħ it-terapija fit-tfal bil-għan li dawn ifiequ mill-passat tagħhom. F’Dar Fra Diegu għandna anki gym biex waqt li t-tfal ikunu qed jieħdu t-terapija, jkunu jistgħu jiżvugaw ir-rabja, t-tensjoni u l-uġiegħ tagħhom hemm ġew. Iweġġgħuni ċertu kummenti ta’ wħud li jistagħġbu li għandna  “il-lussu tal-gym”. L-affarijiet trid tifhem għaliex qegħdin hemm. Dan mhuwiex lussu imma bżonn biex jikkomplimenta t-terapija kif ukoll biex t-tfal jitgħallmu dwar il-ħtieġa ta’ l-eżerċizzju.

    Kif tiddeskrivi r-relazzjoni tiegħek mat-tfal li tieħu ħsieb?

    Nixtieqek tkun hawn xi darba fil-għodu ħalli tara kif inhi r-relazzjoni tiegħi mat-tfal. Minkejja li irrid inżomm r-rwol ta’ dixxiplina, jiena għandi relazzjoni sabiħa ħafna magħhom u minn qalbhom isejjħuli Josephine Xuereb madre. B’ħarsa waħda lejhom inkun naf kull wieħed u waħda minnhom kif qamu kull fil-għodu. Jiena naħdem ma’ tfal imweġġgħa ħafna. Tfal li jkunu jridu ħafna attenzjoni u mħabba. Ikollhom għatx kbir li jħossuhom maħbuba u apprezzati. Xi ħaġa li tkun tonqos ħafna fihom. Isiru jħobbuk u ssir tħobbhom. Isiru parti minnek. Bi professjonalità iżżomm ċertu distanza…. Ħa nkun sinċiera. Dan l-aħħar il-midja nefħet ħafna l-kwistjoni ta’ Lourdes Home u ġibdet attenzjoni negattiva dwar id-djar tas-sorijiet u s-sorijiet infushom u ntefa’ dell ikrah fuqna lkoll. Jekk sar l-abbuż qatt mhu ser napprovah.  Imma wieħed irid jiftakar illi s-sorijiet huma persuni umani. Billi nkunu lebsin it-tonka, ma jinbidel xejn mill-umanita’ tagħna.  Ma jfissirx li għax aħna sorijiet qatt mhu ser niżbaljaw. Hija tassew inġusta illi f’soċjetà fejn kollox sar xejn mhu xejn, jekk jiżbalja reliġjuż/a qisha waqgħet id-dinja. Bil-qawwa t’Alla nissuperaw ċertu diffikultajiet imma mbagħad hemm limitu għal kollox. Minħabba din il-kwistjoni, kien hemm carers (sorijiet minn diversi kongregazzjonijiet) li riedu jirtiraw minn xogħolhom. Ma riedux jibqgħu jieħdu ħsieb it-tfal. U dan għaliex wieħed ikun qed jaħdem b’intenzjoni tajba u mbagħad tfaqqa’ waħda bħal din u kollox jibda jiġi meqjus bħala abbuż. Illum kważi tibża’ tersaq lejn it-tfal.  Tiġi bejn ħalltejn x’għandek tagħmel. Tibda tistaqsi bejnek u bejn ruħek “Jekk tifla għandha bżonn tgħanniqa, nagħtihiela jew le? Jew ser jaħsbu li qed nabbużaha?”. Saħansitra t-tfal tagħna għaddew minn martirju minħabba din il-polemika li nqalgħet għax meta bdew imorru l-iskola, sħabhom bdew jistaqsuhom jekk is-soru lilhom tagħmlilhomx l-istess. Min-naħa l-oħra fejn ċertu tfal ma kellhomx ħażen jew ideat f’moħħhom, issa għandhom mezz biex ikunu jistgħu jimmanipulawk. Kumbinazzjoni ftit ilu kont qed nitkellem ma’ surġent tal-pulizija u għedtlu “Ħa nkellmek b’mod sincier. Nitkellmu ħafna fuq l-abbużi tat-tfal però sfortunatament qed inkunu aħna stess li qed niġu abbużati.” Illum xi tfal lanqas tista’ biss tħares lejhom għax jaraw x’ser jivvintaw. Waħda mill-affarijiet li niffaċċjaw hi li xi wħud mit-tfal ma japprezzawx dak li tkun qed tagħmel magħhom. Tagħmel ħin taħbat ser taqta’ qalbek, imma mbagħad taħseb ftit u tiftakar minn xhiex ikunu għaddew u tgħadirhom. Din hi l-missjoni tagħna, li ningħataw għal dawn it-tfal u nippruvaw nagħtuhom ħajja dinjituża.

    Kemm temmen li inti u s-sorijiet l-oħra kapaċi tissostiwixxu l-imħabba ta’ omm?

    Ir-realtà hija waħda: għat-tfal, ommhom tibqa’ ommhom akkost ta’ xi tkun għamlitilhom. Ikun hemm mumenti ta’ rabja għaliha meta jaraw li qed tonqoshom. Imma mbagħad ara ma ssemihielhomx! Ir-rwol tagħna  huwa li kemm jista jkun noffrulhom il-bżonnijiet bażiċi  illi jħossuhom maħbuba, aċċettati u apprezzati. Aħna nispiċċaw qisna ommijiet tagħhom. Jekk qalu ajma, jekk qamu bil-lejl…  jiġu għandna. Aħna ngħixu magħhom 24 siegħa kuljum. It-tfal qegħdin fi gruppi ta’ għaxra f’kull appartament fid-Dar stess u nippruvaw noħolqulhom ambjent kemm jista’ jkun ta’ familja. Nippruvaw ngħallmuhom iqisu lil xulxin bħal aħwa. Nammetti li din diffiċli kultant. Imma dan anki bejn l-aħwa ta’ veru, aħseb u ara.

    Liema hu l-akbar nuqqas li ġeneralment iħossu dawn it-tfal?

    Għaddew minn liema trawma għaddew, ftit huma dawk it-tfal li ma jfittxux il-familja. Jiġifieri huma jibqgħu jħossu dik ix-xewqa li jirritornaw id-dar. Ir-raġunijiet huma diversi: hemm min għax tassew iħoss in-nuqqas tal-ġenituri u hemm min għax iqis hawnhekk bħala post ristrett peress li hemm ċertu limiti li jrid iżomm. Aħna nitkellmu ħafna mat-tfal u nkunu ċari magħhom. Ngħidulhom li aħna nifhmu li din mhiex l-għażla tagħhom u li mhux qegħdin magħna għax iridu imma kaġun taċ-ċirkustanzi. Min-naħa l-oħra jeżistu każijiet fejn it-tfal ikunu għaddew minn abbużi kbar u ma jkunux iridu jkellmu lill-ġenituri tagħhom. It-terapija tipprova tgħin imma kultant il-ħsara li ssir tkun irreparabbli.

    Xi tfisser għalik l-omm?

    Għalija l-omm hija kollox. Hija dik li tagħtni l-ħajja. Hija dik li tħobbni b’imħabba tal-ġenn. Hija dik il-persuna li tintuwixxi il-bżonnijiet ta’ wliedha qabel biss dawn jiġu kkomunikati lilha. Jiena dan kollu nagħmlu mat-“tfal tagħna” hawn ġew.

    Xi tfisser is-soru għat-tfal ta’ Dar Fra Diegu?

    Għalihom is-soru tiġi t-tieni omm li tissostitwixxi, sa ċertu punt, dak li t-tfal għandhom bżonn. Biex nagħtik eżempju ċar tal-imħabba tat-tfal lejn is-sorijiet, ser nirrakkuntalek ġrajja li seħħet ftit taż-żmien ilu. Sister Onorina, soru li kienet għamlet żmien twil tieħu ħsieb it-tfal, kellha kanċer u l-mewta tagħha ħadet fit-tul.  Ma stajtx ma nitqanqalx bix-xena tat-tfal li rabbiet hi, fosthom Joseph Cuschieri flimkien m’oħrajn (li bħala tfal din is-soru kienet rabbithom fl-akbar għożża) mnikktin u mdawwrin magħha bl-akbar imħabba. Qalulna li għalihom dik kienet it-tieni omm tagħhom. Huma baqgħu ħdejn Sister Onorina tul l-agunija kollha tagħha u flimkien magħha għaddew mill-passjoni daqs li kieku kienet qed tmut ommhom. Lejl u nhar ma ċċaqalqux minn ħdejn is-sodda tal-mewt tagħha. Uħud minnhom kienu aktar jafu lilha milli lil ommhom għax Sister Onorina kienet soru li vera kienet omm għalihom għax baqgħet issegwihom anki wara li dawn iżżewġu.

    Kemm taħseb li jagħmel differenza fil-ħajja tat-tfal il-fatt li jkunu mifruda mill-omm jew li jitrabbew mingħajrha? X’konsegwenzi hemm ta’ dan għall-futur tagħhom?

    Tagħmel differenza kbira. Speċjalment meta t-tfal ikunu ttieħdu b’care order mill-familja mingħajr ma jkunu ngħataw ir-raġuni għaliex. Bosta drabi huma ma jifhmux għala ttieħdu mid-dar. Ċertu tfal ma jirrealizzawx illi jkunu qegħdin fil-periklu fid-dar tagħhom. Uħud mit-tfal ikunu għaddew minn tbatija li kultant wieħed lanqas biss jimmaġina li ssir tassew. Il-firda mill-omm għat-tfal hija weġgħa kbira. Ibatu ħafna mingħajr il-preżenza tagħha. Jibqgħu jfittxuha, iriduha u jixtiquha.

    Meta fiċ-ċokon tagħhom it-tfal jitrabbew mingħajr l-omm, dan il-fattur jagħmel differenza kbira. Huwa fatt magħruf illi fl-ewwel tlett snin ta’ ħajjithom, it-tfal ikollhom bżonn ta’ ħafna affett ħalli jrabbu sens ta’ sigurtà u sens t’appartinenza. Ikollhom bżonn li wieħed jgħannaqhom u jbushom. Aħna nippruvaw nissostitwixxu dan għax inkella din tibqa’ defiċjenza f’ħajjithom. Barra minn hekk, dan in-nuqqas bla dubju jħalli l-konsegwenzi tiegħu fil-futur ta’ dawn it-tfal. Huwa bżonn li dawn ifiequ minn dan l-abbuż għax inkella huma stess il-quddiem jispiċċaw jirrepetu l-istess żbalji tal-ġenituri tagħhom għax ma jkunux jafu mod ieħor.

    Illum li bħala soru għaddejt minn dawn l-esperjenzi, inbidlet l-opinjoni tiegħek ta’ xi tfisser omm?

    Jiena ngħid kemm kelli trobbija sabiħa. Kemm kont ixxurtjata ta’ kemm kelli esperjenza sabiħa fit-trobbija tiegħi mill-ġenituri tiegħi. L-opinjoni tiegħi ta’ xi tfisser omm, għalija qatt ma tinbidel. Għalija omm li tidħol għall-impenn li trabbi l-ulied, għandha tonorah għal ħajjitha kollha. Il-figura tal-omm prinċiparjament hija dik li tagħti l-ħajja lil bniedem. Imma l-omm mhiex hekk biss… hi hija dik il-persuna li tibqa’ tagħti l-ħajja lill-uliedha sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha.

    X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek għal Jum L-Omm?

    L-ewwel nett nixtieq ngħaddi messaġġ lill-ġenituri kollha sabiex dawn  japprezzaw li t-tfal huma don minn Alla. Sfortunatament meta uħud mill-koppji jġibu t-tfal għal mument tal-pjaċir biss u ma jidħlux Omm u tarbijab’impenn biex irabbu lil uliedhom bis-serjetà, dawn jispiċċaw jiġru mingħand persuna għal oħra. Jiena m’għandi xejn kontra l-mara li taħdem. L-importanti hu illi n-nisa ma jabdikawx mir-responsabbiltà tagħhom bħala ommijiet – li jkunu hemm meta t-tfal jiġu lura mill-iskola u li jagħtu ħin ta’ kwalità lit-tfal. Ovvjament illum li l-idea tal-familja qegħdha tisfuma fix-xejn huwa ħafna aktar importanti li nfakkru illi familja tikkonsisti mill-missier, l-omm u t-tfal. Bħalissa hawn ħafna separazzjonijet u t-tfal iridu jitrabbew minn ġenitur wieħed. L-isfortuna sseħħ meta dawn it-tfal jidħlu fil-ġlieda għall-poter bejn il-ġenituri. It-tfal huma lejali lejn iż-żewġ ġenituri u jbatu ħafna meta jiġu bejn ħalltejn. Huwa neċessarju illi meta tinġieb tarbija fid-dinja, il-ġenituri iridu jassumu r-responsabbilta li jagħtu d-dinjita lil dik it-tarbija. Min-naħa l-oħra, l-ulied iridu japprezzaw dak kollu li l-omm b’tant sagrifiċċju tagħmel għalihom. Illum hawn ħafna ommijiet li jinsabu mweġġgħa għax jinsabu weħidhom. Jgħidulek tefgħuni hawn ġo home u ħallewni waħdi. Oħrajn jinsabu midfunin ġo djarhom, weħidhom u rari jżuruhom uliedhom. Tajjeb li napprezzaw lil dik il-persuna li dejjem kienet maġenbna fit-trobbija tagħna u matul ħajjitna kollha.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Mejju 2009)

    2009.05.10 / no responses / Category: Torca - Perspettivi