Posts Tagged ‘Forti Sant’Iermu’

  • Djarju ta’ poeta, suldat fl-Assedju l-Kbir

    450 sena ilu, Malta kienet għaddejjha minn wieħed mill-agħar perjodi fl-istorja tagħha, hekk kif din ġiet attakkata minn armata kbira Torka li kienet ħalfet li se teqred lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn wiċċ id-dinja. It-Torok ma kellhom l-ebda dubju li dil-gżira ċkejkna kienet ser tiġi f’idejhom f’qasir żmien u waqt bosta mumenti, anki l-kavallieri għaddielhom minn moħħhom l-istess ħsieb. Imma wara assedju kbir li ħalla warajh mijiet ta’ mejtin u midruba, fosthom lill-magħruf Dragut, Malta, il-Maltin u l-kavallieri, irnexxielhom joħorġu rebbieħa u t-Torok ġew f’sitwazzjoni fejn kellhom jirtiraw b’mod immedjat.

    Affreski li juru xeni mill-assedju tal-1565

    Fatt interessanti huwa illi l-aktar episodji sinifikanti li seħħu waqt dan l-assedju ġew impinġija mill-artist Taljan, Matteo Perez d’Aleccio. Huwa ġie kkummissjonat jagħmel dax-xogħol minn Fra Jean l’Evesque de La Cassiere, li kien il-Gran Mastru ta’ Malta bejn is-snin 1572 u l-1581. Is-sett ta’ affreski tal-Assedju l-Kbir tal-1565 kellu l-għan li jikkommemora dawn il-ġrajjiet tremendi imma erojċi li kienu ġraw xi ftit tas-snin qabel. M’hemmx xi ngħidu, rebħa monumentali bħal dik li kisbu l-kavallieri f’pajjiżna, kienet ġibdet ir-rispett u l-ammirazzjoni ta’ bosta pajjiżi, tant li l-Ordni mhux talli reġgħet ġiet fuq saqajha imma saret akbar milli qatt kienet qabel. Illum dawn l-affreski jinsabu ġewwa waħda mis-swali tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta u huma xhieda ta’ dak li għadda minnu pajjiżna fis-sena 1565.

    It-taqtiegħa bejn l-Ordni u t-Torok

    LimissoGħal mijiet ta’ snin, il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Ottomani kienu mqabbdin f’xulxin kemm fuq kwistjoni ta’ reliġjon u anki minħabba l-għatx li kellhom għall-poter sabiex jakkwistaw l-artijiet.

    Għalkemm oriġinarjament, l-Ordni kellha l-funzjoni li tilqa’ u tieħu ħsieb il-pellegrini li kienu jaslu f’Ġerusalemm, maż-żmien din evolviet natura militari sabiex tiddefendi b’mod attiv il-pellegrini u r-reliġjon Kristjana. Naturalment, dan l-aġir tal-kavallieri, ma damx ma daħħalhom f’taqtiegħat mal-Musulmani, u aktar ma għaddew is-snin, dan il-ġlied beda jiżdied fil-feroċità tiegħu.

    Hekk kif l-Ordni bdiet tikseb is-simpatija tan-nobbli, tar-rejiet u tal-Papiet, din bdiet tiġbed lejha wkoll bosta donazzjonijiet ta’ flus, rikkezzi, artijiet u privileġġi. B’hekk beda jikber ukoll il-poter tal-membri tagħha u dan wassal biex attira diversi tfal tan-nobbli li bdew jieħdu l-voti sabiex isiru kavallieri.

    L-Ordni ta’ San Ġwann f’Rodi

    L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann damet f’Ġerusalemm sal-1187, sakemm finalment, din il-belt waqgħet taħt il-kmand tas-Sultan Saladin. B’hekk il-kavallieri kellhom jibdlu l-kwartieri tagħhom u jimxu lejn Margat fis-Sirja, imbagħad f’Acre fi Tripli u eventwalment f’Limassol f’Ċipru. Madanakollu, x-xewqa tal-kavallieri kienet li jirnexxielhom jakkwistaw il-gżira ta’ Rodi, u fl-1309, huma rebħuha mingħand il-Biżantini.

    Il-kavallieri ma damux ma għarfu u sarrfu l-kwalitajiet ta’ Rodi li kienet gżira b’pożizzjoni tassew strateġika hekk kif din kienet tgħaqqad id-dinja tal-Lvant ma’ dik tal-Punent. Huma bidlu lil din il-lokalità f’belt iffortifikata u maż-żmien, bnew flotta liema bħalha li bdiet tattakka b’mod regolari x-xwieni tal-Ottomani. Iżda dan ma kienx biżżejjed għall-kilba tal-poter u l-flus għax apparti x-xwieni, l-Ordni bdiet taħbat ukoll għal xi bliet u kastelli Ottomani, sakemm finalment, it-Torok ġew urtati mhux ħażin.

    Il-kavallieri kienu saru xewka tweġġa’ ħafna qalb l-imperu Ottoman u t-Torok ma tħallew bl-ebda għażla ħlief li jaraw kif se jsibulhom tarfhom. Huma attakkaw lil Rodi għal diversi drabi imma qatt ma rnexxielhom iġibuha żewġ. Sakemm finalment, fl-1522, Sultan Suleiman ħa r-riedni f’idejh u ma qgħadx bi kwietu qabel niżżel il-kavallieri għarkubbtejhom wara sitt xhur ta’ kumbattimenti. Fuq deċiżjoni tal-istess sultan, l-Ordni tħalliet titlaq minn Rodi b’mod ċivili u dakinhar anki numru ta’ nies minn Rodi ngħataw il-libertà li jsegwuhom. Ftit kien jaf Suleiman, kemm xi snin wara, huwa kien ser jiddispjaċih bil-kbir talli wera tant irġulija mal-kavallieri.

    Il-Kavallieri jsibu ruħhom Malta

    Infatti, wara li l-kavallieri għamlu sebgħa snin iterrqu u jsalpaw minn art għall-oħra, mingħajr l-ebda post li setgħu isejjħulha darhom, huma ġew mogħtija l-gżejjer tagħna mill-Imperatur Charles V. Kien l-14 t’Ottubru 1530 meta huma middew l-ewwel passi tagħhom fuq l-art li eventwalment kellha tifforma parti tant importanti mill-istorja tal-Ordni.

    Anki Malta nzertat li kellha pożizzjoni ġeografika sinifikattiva ħafna bħal dik ta’ Rodi, hekk kif din kienet tinsab f’nofs il-Mediterran bejn l-Ewropa u l-Afrika. Naturalment, il-kavallieri ma damux ma bnew fuq dan il-potenzjal sabiex jibdlu lil Malta f’fortizza. Filwaqt li n-nobbli ta’ Malta kienu jgħixu fl-Imdina, il-kavallieri ppreferew jistabilixxu ruħhom il-Birgu, l-aktar minħabba l-viċinanza tal-baħar. Dak iż-żmien, il-Birgu kien jikkonsisti biss f’raħal ċkejken tas-sajjieda li kellu kastell antik. Imma l-paġna ta’ dan il-post ma damitx ma nqalbet ta’ taħt fuq meta l-kavallieri bdew jibnu l-palazzi tagħhom u l-parroċċa tal-Birgu nbidlet fil-Knisja Konventwali tal-Ordni.

    It-Torok jaħilfu li jeqirdu l-Ordni darba għal dejjem

    (c) National Maritime Museum; Supplied by The Public Catalogue FoundationFi ftit tas-snin, l-Ordni reġgħet issaħħet u l-qawwa tal-flotta tagħha bdiet tintuża biex mill-ġdid tattakka x-xwieni tal-Ottomani li kienu jsalpaw fl-ibħra tal-qrib. Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser u l-istorja rrepetiet ruħha, hekk kif mill-ġdid, it-Torok daħħluha f’rashom li jrażżnu lill-Ordni – issa, darba għal dejjem.

    Il-kavallieri kienu ilhom jisimgħu mingħand l-ispiji tagħhom li l-Ottomani kienu qed jippjanaw attakk kbir għal fuq Malta u min-naħa tagħhom, huma bdew jippruvaw jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jippreparaw il-gżira sabiex tilqa’ għal dan l-assedju. Madanakollu, hekk kif il-kavallieri sabu l-flotta massiċċa tat-Torok ma’ wiċċhom fl-għodwa tat-18 ta’ Mejju tal-1565, huma baqgħu bla kliem.

    Poeta jikteb djarju waqt li qed jieħu sehem fl-assedju

    Minn hemm bdew il-battalji ħorox bejn il-kavallieri u l-Ottomani li damu għaddejjin sa erbgħa xhur wara. Fatt kurjuż huwa illi fost is-suldati li kienu qed jipparteċipaw f’dan l-assedju flimkien mal-Ordni, kien hemm ukoll min niżżel xi noti dwar dak li kien qed iseħħ.

    Fost dawn, kien hemm Francesco Balbi di Correggio, poeta li kien jikteb bit-Taljan u bl-Ispanjol. Waqt l-assedju, huwa kellu 60 sena, u kien għażel li jservi bħala suldat minħabba li kien qed jgħix f’povertà kbira. Ta’ kittieb li kien, waqt dawn it-taqtiegħat storiċi, huwa żamm djarju fejn kważi ġurnata b’ġurnata jirrakkonta d-dettalji ta’ dak li għaddew minnu hu, sħabu u l-bqija tal-kavallieri, l-Maltin u t-Torok. Meta l-assedju spiċċa, huwa ra kif għamel biex ippubblika d-djarju tiegħu u llum xogħolu huwa meqjus bħala wirt storiku importanti ferm.

    Bis-saħħa ta’ Balbi, illum, wara 450 sena, aħna nistgħu nsegwu pass pass kif żvolġa dan l-avveniment, kif ittieħdu d-deċiżjonijiet, l-iżbalji u l-istrateġiji effettivi li seħħu u diversi esperjenzi oħra.

    Blog ta’ Heritage Malta dwar l-Assedju l-Kbir

    450 Great Siege logo MLT-05Sabiex taqsam dawn il-ġrajjiet interessanti mal-pubbliku, hekk kif dis-sena qed jiġi kkommemorat l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir, Heritage Malta organizzat blog elettroniku fejn wieħed jista’ jaqra silta kuljum tal-aħbarijiet li jkunu ġraw f’dik il-ġurnata partikolari. F’dan il-blog, ma jonqsux ukoll xi fatti mhux tas-soltu u oħrajn kemmxejn kurjużi. Fl-istess blog, il-pubbliku se jkun jista’ jiskopri wkoll informazzjoni dwar numru ta’ oġġetti relatati mal-Assedju l-Kbir li bejn l-4 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru 2015, se jkunu qed jiffurmaw parti minn esebizzjoni internazzjonali li se tittella’ minn Heritage Malta fil-Kmamar Statali tal-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt. Barra minn hekk, il-qarrejja ta’ dan il-blog se jkunu wkoll infurmati dwar id-diversi attivitajiet oħra relatati ma’ dan il-perjodu storiku li ser ikun qed jittellgħu minn żmien għall-ieħor.

    Waħda min dawn l-attivitajiet li ġġib l-isem 1565:First and Last Hope se tiġi organizzata fil-Forti Sant’Iermu bejn is-26 u t-28 ta’ Ġunju 2015. Hawnhekk, diversi atturi popolari Maltin ser ikunu qed jagħtu l-ħajja mill-ġdid lil uħud mill-avvenimenti li seħħu waqt l-assedju, filwaqt li jinvolvu anki lill-pubbliku preżenti.

    Il-blog tal-assedju qiegħed jinkludi wkoll xi filmati relatati ma’ dan iż-żmien. Intant, bħalissa, wieħed jista’ jsegwi filmat qasir li jirrakkonta d-destin kiefer tal-Kappella ta’ Sant’Anna li tinsab fil-Forti Sant’Iermu.

    Il-poplu Malti qed jiġi mħeġġeġ isegwi dan il-blog sabiex jagħraf dak li għaddew minnu missirijietna u b’hekk japprezza aktar il-ħila ta’ niesna, il-kapaċità militari tal-Ordni, l-istorja tal-fortifikazzjonijiet u mitt ħaġa oħra. Fl-istess ħin, huwa qed jiġi mistieden jaqsam ħsibijietu dwar dak li jkun qed iseħħ billi jħalli l-kummenti tiegħu fil-blog stess.

    Tista’ tibda tinvolvi ruħek mill-llum stess billi tidħol www.heritagemalta.org/1565

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (13 il-Parti) fit-Torċa tal-14 ta’ Ġunju 2015)

    2015.06.14 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • ĦOLMA TA’ QABEL KULL KARNIVAL

    Il-villaġġ tal-Karnival ilu jiġi mwiegħed is-snin lill-Għaqda tal-Parteċipanti tal-Karnival. Din is-sena l-polemika dwar il-Karnival inqalgħet ftit qabel is-soltu minħabba il-Forti Sant'Iermukwistjoni tal-iżgumbrar tal-Forti ta’ Sant Iermu. Issa li qed jiġi ippjanat ir-ristrutturar tal-Forti, dawn il-Parteċipanti qed jistaqsu x’ser isir minnhom? Jekk ser jitneħħew minn hemm biex jibda dan ix-xogħol, huma fejn ser imorru? Minn fejn ser jaħdmu? Il-gvern qiegħed iwiegħed li qiegħed jikkunsidra post alternattiv għalihom. Imma din il-wegħda tant indrat tirrepeti ruħha kull sena illi ftit jemmnu li qiegħed isir xi ħaġa bis-serjetà. Tgħid la jgħaddi dan il-Karnival ser jintesa kollox bħas-soltu? Jew finalment wasalna tassew biex il-ħolma ta’ qabel kull Karnival narawha issir realta?

    INTERVISTA: JASON BUSUTTIL – President tal-Għaqda Parteċipanti tal-Karnival

    Kemm ilek involut fil-Karnival?

    Sa minn meta kelli erbgħa snin. Niftakar illi dak iż-żmien, fejn kienet toqgħod in-nanna tiegħi, kienu jarmaw il-karozzini u l-karettuni għall-Karnival. Minn hemm nibtet l-imħabba tiegħi għall-Karnival. Issa ilni għal dawn l-aħħar tletin sena involut f’dan il-qasam.

    Qatt ikkunsidrajtu li tmexxu l-Karnival għal xi żmien ieħor meta tafu li fi Frar ix-xita hija problema?

    Kważi mad-dinja kollha l-Karnival jiġi f’daż-żminijiet. Frar mhux il-kwistjoni. Il-kostumi li nużaw aħna, kollha drappijiet u foam, ikunu skomdi ħafna biex tistaportihom fuqek jekk tkun sħana kbira. Il-Jason Busuttilproblema hawn Malta hija illi nibbażaw il-Karnival fuq weekend wieħed biss u jekk tinzerta x-xita ma mmexxuhx għall-weekend ta’ wara. F’postijiet oħra, bħal ngħidu aħna fi Viareggio, il-Karnival idum għaddej xahar u l-karrijiet joħorġu kull weekend. Jekk tinzerta x-xita, il-karru jibqa’ għall-kenn fil-maħżen u joħroġ fil-weekend ta’ wara. Mhux qed ngħid illi l-Karnival messu jdum xahar taf, għax la t-tradizzjoni f’Malta hija ta’ ġimgħa, nemmen li hekk għandha tibqa’. Imma din li tkun ilek għaddej fuq karru tmien xhur biex lanqas ġimgħa ma tgawdih hija ħasra. Agħar minn hekk, f’Malta l-karrijiet jintramaw barra għax m’għandnix postijiet adegwati biex nagħmlu dax-xogħol ġewwa. Għaldaqstant il-karrijiet jiżżarmaw biċċiet u nagħmlu ġimgħatejn telgħin u neżlin fl-imħażen biex narmawhom.  Biex imbagħad tinzertalek ix-xita u peress li m’għandnix kenn għalihom ikollna nħalluhom jaqalgħu l-elementi kollha ġo fihom. Xi ħaġa tal-mistħija meta tiftakar kemm ikunu swewna flus, ħin, xogħol u tbatija.

    Hawn min isostni li l-Karnival jirrendi l-flus. Minnu jew le?

    Min jgħid hekk, veru ma jaf xejn dwar ix-xogħol li jinvolvi l-Karnival. Fil-Karnival jieħdu sehem eluf ta’ nies, biss biss ikun hemm 1400 żeffiena kull sena. Numru kbir ieħor ta’ individwi jkunu qed jaħdmu biex jinbnew il-karrijiet.  Allaħares ikollok tagħti prezz lil dak ix-xogħol kollu għax ma tasal qatt.  Kieku tikkalkula l-ħin li tagħmel biex taħdem karru u biex torganizza ż-żfin – dawk l-iljieli kollha, in-nies u l-petrol, id-drappijiet u l-ħjata, tinduna li mhux talli dan id-delizzju ma jirrendix flus, imma fil-fatt huwa telf ta’ flejjes kbar. Il-gvern jagħtik sussidju bejn wieħed u ieħor ta’ xi disgħa mitt ewro biex tagħmel dak ix-xogħol kollu. Imma fir-realtà il-karrijiet jiġu jiswew eluf kbar! Illum m’għadikx tiġbed ħabel biex iċċaqlaq karru imma hemm sistemi kumplessi jaħdmu bil-hydraulic. Iż-żebgħa li nużaw togħla kull sena. Bħalissa l-flus jiġu mill-isponsors li jsostnuna biex inkunu nistgħu nagħmlu l-karrijiet. Trid tkun iblah biex tarma għall-Karnival ngħid jien. Hija l-passjoni li jkollhok lejh li żżommok għaddej. Il-Karnival dak li għandu… darba tiċċappas miegħu u tibqa’ sejjer. Hi wkoll xi ħaġa li tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.  Il-biċċa l-kbira tas-sodisfazzjon tieħdu meta tara l-pjan oriġinali tiegħek ħiereġ quddiem in-nies u jiġi apprezzat. Hawn min ma japprezzax ukoll. Per eżempju xi ħaġa li tweġġagħna ħafna hija meta n-nies jaqbdu u jtellgħu t-tfal bl-addoċċ fuq il-karrijiet u jagħmlu l-ħsara. Napprezzaw kieku kulħadd iġib ruħu b’iktar galbu.

    X’sar minnha l-wegħda li għamlikom il-gvern fir-rigward tal-villaġġ tal-Karnival?

    Din l-ikbar ċajta tas-sena. Toħroġ kull sena, ġimgħa qabel il-Karnival, imbagħad jerġa’ jintesa kollox, qisu qatt ma kien. Immaġina… il-wegħda tal-villaġġ tal-Karnival ilha tissemma’ għal dawn l-aħħar tletin sena! Kull sena jiġu juruna l-pjanti imma qatt ma jsir xejn. F’sena minnhom, storja stramba imma vera… urewna xi pjanti ta’ villaġġ tal-Karnival. Magħna kien hemm xi mistednin Taljani minn Viareggio li wara din il-laqgħa, ħadu l-ideat magħhom u minflok il-villaġġ sar Malta, sar Viareggio. Jiġifieri bażikament il-villaġġ tal-Karnival li hemm Viareggio, bejn wieħed u ieħor huwa dak li kien maħsub li ser isir f’Malta. Għandhom villaġġ veru sabiħ. Fih hemm imħażen tal-karrijiet, mużew tal-istorja tal-Karnival, kafetterija… insomma hu kollu kemm hu attrazzjoni turistika. Ikun miftuħ matul is-sena kollha u jiġbed ħafna nies lejh. U aħna hawnhekk bqajna b’xejn! Meta dan l-aħħar sar l-iżgumbrar tal-Forti ta’ Sant Iermu u beda jsir id-diskors dwar ir-ristrutturar tiegħu, aħna xtaqna nkunu nafu x’ser isir minna. Meta ikkuntattjajna lil Dr Jason Azzopardi, huwa iggarantilna illi aħna ser nibqgħu naħdmu mill-Forti ta’ Sant Iermu sakemm jinstab post ieħor għalina. Dan ifisser illi x-xogħol għal-2010 minn hemm irid jibda. Saret ukoll mistoqsija parlamentari fejn ir-risposta kienet li qegħdin jaħdmu fuq dan il-post alternattiv.

    Liema kienu s-siti li ipproponejtu lill-gvern bħala post alternattiv fejn tistgħu taħdmu?

    Darba konna issuġġerejna n-naħa ta’ fejn illum hemm il-Park and Ride tal-Blata l-Bajda. Sal-pjanti kien hemm ippreparati biex isir hemm biex imbagħad minfloku għamlu l-proġett li hemm issa. Issuġġerejna wkoll is-sit ta’ wara l-garaxx tal-pulizija fil-Furjana imma la qalulna iva u lanqas le. Bħala siti ma nistgħux noħorġu aktar il-barra mill-Marsa għax imbagħad ser tinħoloq problema kbira ta’ kif inkunu nistgħu inġorru l-karrijiet biex indaħħluhom il-Belt. Minħabba li l-karrijiet huma kbar u tqal hemm ħafna problemi: it-triqat li mhux kollha jistgħu jgħaddu minnhom, il-wires tad-dawl, it-tabelli tal-gvern u mitt ħaġ’oħra. Hemm wieħed minna li jaħdem minn Ħal-Luqa ġieli jitlaq mal-lejl biex jasal sa fil-għodu l-Belt bil-karru tiegħu.

    X’kundizzjonijiet qed tippretendu mingħand il-gvern?

    Kieku aħna naqblu mal-idea tal-villaġġ tal-Karnival. Imma fir-realtà ma nafx kemm f’Malta għandna fondi biżżejjed biex nagħmlu villaġġ tal-Karnival, jekk ma tkunx xi entità privata li forsi tidħol għalKarnival ta' Malta biċċa xogħol bħal din. Fil-fatt meta tkellimna ma’ Dr Jason Azzopardi aħna għednilu li aħna nikkuntentaw anki b’imħażen komdi minn fejn nistgħu naħdmu. Minħabba l-elementi tat-temp, l-imħażen jew il-garaxxijiet iridu jkunu kbar biżżejjed biex il-karrijiet jidħlu u joħorġu bil-kumdità fihom. B’hekk inkunu nistgħu narmaw il-karrijiet ġo fihom u mhux barra t-triq kif nagħmlu issa. Aħna nemmnu li huwa importanti ħafna li niġu kkonsultati fuq il-post li qed jiġi ikkunsidrat għalina… dejjem jekk hu minnu li qed jikkunsidraw x’imkien! Aħna nafu dak li għandna bżonn għax-xogħol tagħna u għaldaqstant nippretendu li jkollna l-opportunità li nikkonfermaw jekk is-sit magħżul hux addattat għalina. Bħala Għaqda tal-Parteċipanti tal-Karnival, aħna lesti li nidħlu fin-negozjati ma’ kull min hu responsabbli għal din l-għażla, biex flimkien miegħu insibu l-aħjar soluzzjoni għal kulħadd.

    Minn mindu ġie żgumbrat Sant Iermu, x’inhuma r-realtajiet li qegħdin tgħixu fihom?

    Aħna favur dak li sar f’Sant Iermu. Hemmhekk huwa wirt nazzjonali li qiegħed fi stat ta’ sfreġju sħiħ, tort tal-gvern li ħallih jitmermer. F’ħajja t’Alla li ser jieħdu ħsiebu wara li ħallewh jaqa’ biċċiet. Issa s-sitwazzjoni hija aħjar għax m’għadux jista’ jidħol kulħadd u jdaħħal dak kollu li jrid. Is-suldati għamlu d-differenza żgur għax issa jrid ikollok identifikazzjoni apposta biex tidħol. In-nies tal-Karnival qatt m’għamlu ħsara lil Sant Iermu. Inti ma tistax tagħmel ħsara f’darek stess. Imma hemmhekk naħdmu fi tbatija kbira u kulħadd jixtieq jiċċaqlaq minn hemm. Dak il-post mhux adegwat għax-xogħol li nagħmlu aħna. Iżda wara l-azzjoni li ttieħdet f’Sant Iermu kull ma nbidel hu biss dan il-fatt ta’ sigurtà. Il-ġid lill-Forti sar. Il-bqija kollox għadu l-istess għalina. Kif għedtlek it-tbatija hemm għadha.

    Dan l-aħħar reġgħet feġġet l-idea tar-ristrutturar taż-żona ta’ bieb il-Belt. Il-Kumitat tal-Għaqda Parteċipanti tal-Karnival qed jiġi ikkonsultat dwar dan?

    Xejn! Ħadd qatt ma ddiskuta xejn magħna. Dwar it-tibdil ippjanat għall-Belt lanqas mal-poplu ma tkellem, taħseb li ser jiddiskuti magħna?

    Taħseb li l-Karnival f’Malta jiġbed biżżejjed turisti lejn pajjiżna?

    Lanqas xejn! Lanqas biss jiġi riklamat. Inti qatt rajt xi billboards fit-toroq jew xi riklam tal-Karnival fir-rivista tal-Air Malta per eżempju? Anzi jiġu xi erbgħa turisti jarawna li jkunu ġew minn xi lukanda fejn iħajjruhom għall-Karnival. Mill-bqija diżastru sħiħ.

    Ser naraw xi ħaġa ġdida fil-Karnival ta’ din is-sena?

    Bħala President tal-Għaqda għandi grupp ta’ nies miegħi li kollha huma ta’ esperjenza kbira f’dan il-qasam u kollha naħdmu flimkien bil-qalb. Bi pjaċir kbir ngħid illi din is-sena sibna ko-operazzjoni kbira min-naħa tad-Dipartiment tal-Kultura u l-Arti. Għall-ewwel darba ġejna ikkonsultati dwar xi tibdiliet li saru fl-organizzazjoni tal-programm tal-attivitajiet tal-Karnival. Fil-fatt din is-sena għall-ewwel darba ser isir il-Karnival ta’ bil-lejl fil-ġurnata tas-Sibt. Għall-ewwel darba wkoll, il-karrijiet ser jidħlu bil-kontra, jiġifieri ser jidħlu minn bieb il-Belt, ser iduru mal-pjazza u mbagħad ser jitferrxu mal-pjazez differenti tal-post. Xi ħaġa oħra differenti ser tkun illi l-pubbliku ser jitħalla jidħol fil-pjazza bla ħlas sabiex ikun jista’ jara l-isfilata tal-karrijiet. Ser ikun hemm ukoll postijiet oħra bħas-soltu fejn wieħed jista’ jħallas biex jidħol fil-pjazza u jpoġġi bil-qiegħda. Qed inħeġġu lin-nies jattendu għal dan l-ispettaklu kbir fejn ser ikun hemm allegrija liema bħala u kulħadd huwa mistieden biex igawdi mill-ferħ tal-Karnival.

    ——————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: DAVINIA GALEA – CEO tal-Kunsill Malti Għall-Kultura u l-Arti

    X’taħseb dwar il-kundizzjonijiet li qed jaħdmu fihom il-membri tal-Għaqda Parteċipanti tal-Karnival ġol-Forti ta’ Sant Iermu?

    Fil-fehma tiegħi, il-parteċipanti tal-Karnival qed jaħdmu f’kundizzjonijiet terribbli hemmhekk.

    Minnu li dawn għandhom biss sa Frar joperaw minn dan il-Forti?

    Le, mhux il-każ. Fil-fatt huma ser jibqgħu joperaw minn hemm sakemm il-gvern jiddeċiedi meta u f’liema post alternattiv jistgħu jmorru.

    Wara l-izgumbrar li sar dan l-aħħar fil-Forti ta’ Sant Iermu, qegħdin issibu ko-operazzjoni min-naħa tal-parteċipanti tal-Karnival?

    Il-parteċipanti tal-Karnival issa qed jirrealizzaw illi l-miżura li ttieħdet fil-Forti ta’ Sant Iermu f’Diċembru li għadda kienet għall-ġid u għas-sigurtà tagħhom. Dak iż-żmien kienu pprotestaw minħabba n-Davinia Galeanumru kbir ta’ pulizija li kienu marru fuq il-post u peress li ħasbu li kienu ser joħorġuhom minn hemm. Madanakollu wara ftit indunaw illi l-pulizija kienu qegħdin hemm biex jassiguraw il-protezzjoni ta’ dawk li kienu qed imexxu din l-operazzjoni li l-għan tagħha kien li jitneħħew in-nies u l-affarijiet li kienu qegħdin fil-forti bla permess. Sibna ko-operazjoni sħiħa mill-Għaqda tal-parteċipanti tal-Karnival u nħossni kburija ngħid illi illum nikkunsidra lili nnifsi bħala kollega u ħabiba ta’ ħafna minnhom, jekk mhux ta’ kollha! Nissuġġerilek tieħu l-kummenti tagħhom biex tikkonferma dan. Illum il-ġurnata, il-post fejn qegħdin jaħdmu huwa aktar protett u m’għandhomx għalfejn jinkwetaw li xi ħadd jista’ jidħol fil-proprjetà bla permess. Jiena stess inżilt fl-inħawi, anki bil-lejl waħdi, sabiex inkellimhom u nara ftit kif inhuma għaddejjin l-affarijiet issa.

    X’inhuma l-alternattivi li qed jiġu proposti lil dawk li jarmaw il-karrijiet?

    Qed jissemmew bosta possibilitajiet iżda bħalissa ma nistax nikkummenta.

    Uħud isostnu li l-Karnival għandu jitqassam fl-irħula u ma jibqax iffukat kollu fil-belt Valletta. X’taħseb?

    Ma jidhirlix li qatt smajt dawn il-kummenti. Iżda jekk dan hu l-każ, napprezza ħafna jekk il-pubbliku jgħaddili l-opinjonijiet u l-ideat tiegħu. Il-Karnival diġà jsir f’numru ta’ villaġġi f’Malta u f’Għawdex u għalhekk m’inix ċerta għal xiex dawn qed jalludu. Fil-belt Valletta jiġi organizzat il-Karnival nazzjonali. Dak li jseħħ fil-villaġġi huwa aktar spontanju u nemmen li din għandha tibqa’ t-tradizzjoni. Ma naqbilx li għandna ninterferixxu.

    Kemm taħseb li għandu jingħata importanza l-Karnival f’Malta?

    400 sena ilu l-Kavallieri introduċew it-tradizzjoni tal-Karnival f’Malta u għaldaqstant illum huwa parti integrali mill-wirt kulturali tagħna l-Maltin. Iżda l-Karnival għandu wkoll parti intanġibbli mill-Kostumipatrimonju Malti u huwa neċessarju li nifhmu l-importanza tiegħu anki minn dan il-lat. Il-Karnival mhux xi bini kbir li tista’ toqgħod tapprezza l-arkitettura tiegħu meta tgħaddi minn quddiemu jew xi biċċa xogħol tal-arti mwaħħla mal-ħajt u toqgħod tħares lejha u tgawdiha. Il-Karnival jiġi u jmur kull sena. Jinvolvi xogħol artistiku kbir. Imma aħna ngawduh għal ftit ġranet u mbagħad jgħaddi kollox u nistgħu ngħidu li x-xogħol li jkun sar jintesa sakemm terġa’ tiġi s-sena ta’ wara. Bħala persuna li nemmen u napprezza ħafna l-arti, jidhirli li l-Karnival jistħoqqlu ħafna aktar prestiġju minn hekk. Jidhirli illi t-tfal tagħna għandhom jiġu esposti aktar għall-kultura u għall-arti u għandna nħajjruhom biex jipparteċipaw f’affarijiet kreattivi. B’hekk bla dubju huma jkunu aktar konxji tal-wirt uniku kulturali Malti u jkunu wkoll kburin li jiffurmaw parti minnu. Dan kollu huwa possibbli billi noħolqu aktar kuxjenza dwar il-kultura tagħna u ovvjament il-Karnival huwa parti essenzjali minn dan kollu.

    X’inhuma l-pjanijiet li qed jiġu ikkunsidrati fir-rigward tar-ristrutturar u l-użu tal-Forti ta’ Sant Iermu?

    Bħalissa qed naħdem fuq rapport dwar l-użu futur tal-Forti ta’ Sant Iermu iżda peress illi għadni ma kkonkludejtx il-proposti tiegħi, ma nixtieqx nitkellem fuqhom f’dan il-mument. B’danakollu nista’ ngħidlek illi l-ideat tiegħi huma dwar il-possibilitajiet ta’ proġett ta’ reġenerazzjoni kulturali illi jħares lejn il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi kif ukoll lejn dawk fiżiċi u ambjentali li l-Forti jista’ joffri. Dan kollu joħloq opportunità unika ta’ kunċett magħruf bħala ‘creative-cluster’, li jista’ jirriżulta f’sit kulturali li huwa finanzjarjament sostenibbli u li joffri prodott awtentiku Malti mill-aqwa!

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-25 ta’ Jannar 2009)

    2009.01.25 / no responses / Category: Torca - Perspettivi