Posts Tagged ‘fratellanzi’
-
IL-MERA TAD-DEFFIEN
“Twelidna mhu xejn ħlief il-bidu tal-mewt tagħna” kiteb il-poeta Edward Young (1681 – 1765). Ħsieb pjuttost negattiv u anki kemmxejn makabru…. imma reali. “Xi nies tant jibżgħu li għad imutu li qatt ma jibdew jgħixu” innota l-awtur u saċerdot Henry Van Dyke (1852 – 1933). “Kulħadd jgħid, ‘Kemm hi diffiċli din li rridu mmutu’ – ilment pjuttost stramb meta ħiereġ minn ħalq nies li kellhom jgħixu” irrimarka l-kittieb Mark Twain (1835 – 1910). Min-naħa l-oħra l-ġurnalist Norman Cousins (1915 – 1990) sostna illi “Il-mewt mhiex l-agħar telfa fil-ħajja. L-agħar telfa tikkonsisti f’dak li jmut ġewwa fina meta nkunu għadna ħajjin.” B’mod aktar pożittiv l-intraprenditur u filosofu William Penn (1644 – 1718) ikkummenta li “Il-mewt mhi xejn ħlief il-bidla tagħna miż-żmien, għall-eternità.” Fehmiet differenti ta’ nies li għexu f’ċirkustanzi diversi. Daqstant ieħor huwa ta’ min jixtarr dawn iż-żewġ kummenti ħerġin minn fomm nies li kienu jafu sewwa li l-mewt kienet wara biebhom: “Il-mewt taf tkun waħda mill-aqwa barkiet tal-bniedem” Socrates, filosofu (c. 469–399 QK) u “Dak li ma jibżax mill-mewt, imut darba biss” Giovanni Falcone, maġistrat (1939 – 1992). Madanakollu, jingħad x’jingħad, ħafna jibqgħu tal-opinjoni li l-mewt m’hawnx agħar minnha u jekk jistgħu, lanqas isemmugħa biss ma jridu. U allura, staqsejt, x’jgħaddi minnu deffien li biex jaqla’ l-għixien tiegħu jeħtieġlu jmiss mal-mewt kuljum?
“Hu xogħol li tidrah bħal kull xogħol ieħor,” qalli Alfred Mifsud li sa ftit taż-żmien ilu kien jaħdem bħala deffien. “Il-familja tagħna ilha ‘l fuq minn mitt sena tagħmel dan ix-xogħol. Beda din il-linja z-ziju ta’ missieri Lukardu Pace li kien iġorr il-mejtin bil-karrijiet taż-żwiemel. Huwa miet meta ġie mtajjar waqt inċident tat-traffiku fil-Wied ta’ Birkirkara u warajh kompla missieri Fidiel li llum jgħodd it-93 sena. Missieri rawwem lili u lil ħuti f’dan ix-xogħol, għalkemm jien biss ħriġt bħala sewwieq tal-karrijiet taż-żwiemel. Ħuti qabdu linja oħra però żammu xorta waħda f’dan il-qasam fejn fosthom għandhom negozju tat-twiebet.”
Sibt li Alfred kien bniedem ġentili u li jaf jilqgħek ħafna. Ix-xogħol tiegħu għamlu dejjem bil-qalb u qatt ma tmeżmeż minnu. Imrobbi sa minn ċkunitu jaċċetta l-mewt bħala parti mill-ħajja, għalih kienet l-aktar ħaġa naturali li ta’ tnax-il sena jaqbad ir-rota u jmur mill-Ħamrun saċ-ċimiterju ta’ Ħal-Qormi biex jgħin lid-deffien Pawlu ta’ Setti. Ta’ età hekk żgħira, kien diġà jmur jagħti daqqa t’id ukoll lil missieru meta kien imur ikeffen il-mejtin.
“Qabel in-nies ma kienux imutu l-isptar imma ħafna drabi kienu jieħdu l-aħħar nifs tagħhom ġo djarhom stess. Għalhekk, meta kien imut xi ħadd, il-kummisjonant kien jaqla’ lil dak tal-karru biex imur jiġbor lill-mejjet. Dak iż-żmien il-mejjet kien jinġarr sal-kappella tar-raħal fuq l-ispalla u kien jiġi akkumpanjat minn purċissjoni ta’ familjari, ħbieb u fratelli ta’ fratellanzi bħal dawk Tas-Sagrament jew Tar-Rużarju. Magħhom ġieli kien ikun hemm ukoll is-sorijiet tal-kunventi tal-karitajiet li kienu jinġiebu fid-dar tal-mejjet biex jitolbu għalih qabel jittieħed għad-difna. Spiss dawn is-sorijiet kienu jieħdu magħhom ukoll lil xi tfal tal-abbatija. F’ċerti każi jien kont niġi mqabbad inkun wieħed mir-reffiegħa tat-tebut. Fil-kappella kienet issir l-uffizzjatura fejn titkanta l-libera u ssir funzjoni qasira għall-mejjet mis-saċerdot. Wara, it-tebut kien jinġarr sal-karru tal-mejtin u jien kont inwasslu saċ-ċimiterju fejn bosta drabi dfint il-mejjet ukoll. F’każi fejn il-mejjet kien jindifen f’ċimiterju tal-gvern, bħal dak tal-Addolorata, id-dfin kien isir mid-deffiena tal-post. ”
Kollox kien isir fl-ewwel siegħat tal-jum peress li dawn in-nies kollha kienu jridu jmorru jkomplu jlaħħqu max-xogħol tagħhom tal-ġurnata. Għalhekk dak li kien jarma l-karrijiet, kien ikollu jibda jipprepara kollox mal-lejl… Kien hawn li beda jifforma d-destin ta’ Alfred u Mary, li l-quddiem kellha tkun il-mara tiegħu.
“Inzerta li l-ġar tagħna fejn konna noqogħdu f’Santa Venera, kien jarma l-karrijiet tal-mejtin u ta’ xi 14-il sena, Alfred kien imur jgħinu. Imma niftakar li dak iż-żmien jien kelli xi 7 snin u kont nitwaħħax meta kont noħroġ kmieni għall-quddies u nsib dawk il-karrijiet qed jintramaw fit-triq wieħed wara l-ieħor biex jintrabtu maż-żwiemel suwed u kbar, b’rixa twila fuq rashom! Għal xi raġuni, mhux mill-karrijiet kont nibża’ imma miż-żwiemel. Għadni sa llum nitwerwer miż-żwiemel u b’xejn mhu ser tressaqni lejn xi wieħed minnhom.
Nistqarr li fl-istess ħin il-karrijiet kienu jiġbdu ħafna aktar ir-rispett tan-nies għax kulħadd kien jintebaħ li għaddejjin b’xi ħadd mejjet u kienu jieqfu għal mument minn dak li jkunu qed jagħmlu. Niftakar darba minnhom rajt karru abjad qed iġorr tebut abjad ta’ tfajla ta’ 14-il sena li kienet fil-klassi tiegħi u qgħadna narawh għaddej u għedna talba għal ruħha.”
Nassumi li apparti r-rispett kien hemm ukoll doża ta’ kurżità. Imma kontra dak li jiġri llum, fejn id-dinja tibqa’ ddur akkost kemm imutu nies, dak iż-żmien il-Maltin kienu jhedew jirrakkuntaw u jwasslu l-aħbarijiet ta’ min naqas minn wiċċ id-dinja f’dawk l-aħħar siegħat, u kien rari li xi ħadd jibqa’ minsi…
“In-nannu kien l-ikbar raġel tal-Mellieħa: kemm mill-persuna u minn kollox,” kompliet tiftakar Mary. “Il-funeral tiegħu sar fis-17 ta’ Diċembru, f’ġurnata kiesħa b’bard ixoqq il-għadam. Kien joqgħod in-naħa tal-Belleview ħdejn il-bandli u minn hemm ir-reffiegħa kellhom iġorruh fuq l-ispalla sal-knisja tal-Mellieħa! Kollox mar sew sakemm wasalna fil-knisja u kollha ngħatajna xemgħa tixgħel f’idejna. Imma f’daqqa waħda, wieħed minn dawk li kienu refgħu lil nannuwi t-triq kollha, għadda x-xemgħa lil ta’ ħdejh, tah attakk ta’ qalb u miet hemm sobtu! Naturalment kellna nkomplu bil-funeral tan-nannu fejn ħadnih ftit metri bogħod għad-difna fiċ-ċimiterju tal-post. U sakemm wasalna sad-dar ftit tal-ħin wara, kulħadd kien diġà jaf li miet wieħed mir-reffiegħa tal-Pirrex, kif kienu jsejjħu lil nannuwi.”
Infurmawni li l-funzjoni tal-quddies għall-mejjet bdiet biss mas-snin sebgħinijiet.
“Meta l-funeral kien jikkonsisti biss f’funzjoni qasira, ġieli laħħaqt madwar tlieta, erbgħa difniet. Imma mbagħad meta bdiet issir il-quddiesa, ma stajtx naħdem aktar minn tnejn. Kont naħdem f’diversi ċimiterji fosthom tnejn f’Ħal-Qormi; dawk ta’ San Bastjan u ta’ San Ġorġ, tnejn f’Ħaż-Żebbuġ; f’dak magħruf bħala tar-raħal u f’ta’ San Blas, u fiċ-ċimiterji ta’ Ħaż-Żabbar, tal-Gudja, tal-Birgu u tal-Imġarr.”
Alfred ġabli xi ritratti fejn hu kien qed jidher waqt xogħolu. Iżda magħhom kellu wkoll xi ritratti li juru karrijiet oħra interessanti.
“Ara dan hu l-karru li kont insuq jien. Innota ftit, għalkemm jingħad li l-mewt ma taħfirha lil ħadd u żżomm lil kulħadd ugwali, xorta waħda l-bniedem irnexxielu joħloq il-livelli anki f’dan il-qasam. Għax meta l-mejjet kien ikun sinjur, il-karru tiegħu kien ikun tal-prima, b’ħafna skultura kulur id-deheb u kien jinġarr minn erbat iżwiemel. Imma meta l-mejjet ma kienx daqshekk tat-tajjeb, kien jintuża l-karru tas-sekonda li kien ikun sempliċiment miżbugħ biss u kien jinġarr minn żewġt iżwiemel. Osserva wkoll il-karozzi li hemm fuq wara peress li f’dik il-ħabta kienu qed jintużaw iż-żewġ mezzi f’daqqa.
Min-naħa l-oħra dar-ritratt b’serbut ta’ karozzelli għaddejjin mill-Ħamrun qed juri kif kienu jsiru l-funerali kbar ta’ dari. Issa dan ir-ritratt l-ieħor huwa eżempju tal-ewwel karru li kien jintuża għad-dfin fl-Addolorata; interessanti kemm kien differenti minn dak li kien jintuża fi żmieni. Ara, dan hu karru ieħor li kien ta’ wieħed Żejtuni li kienu jafuh bħala tad-Dmura u fih kienu nġarru Nerik Mizzi, Dun Karm Psaila u Dun Ġorġ Preca. Issa agħti ħarsa lejn dan ir-ritratt li qed juri karru barrani… id-differenza hija kbira ħafna għax sempliċi għal kollox. M’hemm l-ebda maestrija evidenti fl-iskultura u t-tiżjin tiegħu bħal kif kienu l-użanzi tagħna lokalment.”
Komplejna nqallbu r-ritratti u fosthom rajt lil Alfred isuq wiginet; li kien bħal karozzin bla tinda u l-passiġġiera kienu jidħlu minn wara u joqogħdu bil-qiegħda fil-ġnub tiegħu (kif nagħmlu llum f’jeep). Imma din id-darba mhux mejjet kien qed iġorr imma lil waħda mill-parteċipanti ta’ Miss Malta ta’ madwar 50 sena ilu waqt festival tal-inbid. F’ritratt ieħor kien hemm il-parteċipanti ta’ Miss Malta qed jippużaw mal-wiginet u ma’ wieħed miż-żwiemel li soltu kien ikun involut f’xogħol ieħor għal kollox differenti. Tgħid kienu jafuh dan? Alfred urieni wkoll inkwadru kbir imwaħħal fis-salott fejn hu kien il-kuċċier ta’ karru.
“Ġie żmien meta riedu jaqtgħu lil dawn il-karrijiet imma kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-ħlas tan-nofs venda. Ġara li min kellu jaqsam l-ħlas ma’ missieri ma riedx iħallas is-sehem tiegħu u allura missieri sostna li ried jibqa’ jarma. Għaldaqstant meta miet wieħed mill-Ħamrun magħruf bħala Pisani tad-dawl u qabbad lilna, aħna morna għalih bil-karru imma magħna ġew ukoll il-pulizija. B’hekk konna aħna li wassalna l-aħħar mejjet bil-karru ġewwa l-Addolorata għax imbagħad missieri tħallas u l-karrijiet waqfu.”
Ormaj intervistajt lil bosta individwi u kważi dejjem nispiċċaw imdawwrin madwar mejda naraw ir-ritratti għax il-viżwal jogħġobni wisq! Imma jkolli nistqarr li did-darba kont qed inħossni kemmxejn stramba nqalleb ritratti ta’ xeni bħal dawn. Wieħed minnhom kien qed juri lil Alfred qed jerfa’ tebut. Impressjonajt ruħi kif hu kien kapaċi jiftakar il-mejjet li kien qed iġorr f’kull wieħed mir-ritratti. Imma nħsadt wisq aktar meta Alfred beda jirrakkuntali kif kien jiġi trattat minn ċerti nies fil-passat, sempliċiment minħabba t-tip ta’ xogħol li kien jagħmel…
“F’ċerti rħula meta kienu jarawna ġejjin biż-żwiemel, xi ħwienet kienu jagħlqu l-bibien tagħhom sabiex ma nidħlux nieħdu xi belgħa tè minn għandhom. F’Ħal-Kirkop, f’Ħal-Safi u fin-naħat ta’ fuq ta’ Malta kienu jagħmluha spiss din. Mhux għax jibżgħu mill-mewt biss imma għax kienu jitqażżuna. Batejna. Immaġina tkun xi ġurnata kiesħa fil-għodu kmieni u tkun ilek ġej tul triq twila bilqiegħda fuq dak is-saldatur kiesaħ fir-riħ u fil-bard. Tkun tixtieq tixrob xi ħaġa sħuna u ħadd ma jrid idaħħlek. Ġieli kellhom jagħtuna mill-knisja biex nixorbu xi ħaġa.”
Prosit kemm konna nsara! Martu kompliet tgħidli…
“F’xi ħwienet tal-Mellieħa, il-parruċċani kienu jisħqu li n-nies bħal Alfred kellhom jużaw skutella jew makk għalihom għax ħadd ma ried jixrob minn warajhom. U darba l-kappillan kien widdeb lin-nies li jekk jibqgħu jagħmlu hekk, ma kien ser jifdal ħadd mir-raħal biex jidfen lin-nies t’hemm u jitilgħu l-barranin minflok. U llum il-ġurnata hekk qed jiġri.”
Anki meta ġie biex isib tfajla kellu l-problemi Alfred.
“Ġieli ppruvajt inkellem lil xi tfajla u m’aċċettatnix minħabba x-xogħol li kont nagħmel. Kien jiddispjaċini imma kont nifhem għax kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Nifhimha li hawn min jimpressjona ruħu b’xogħol bħal dan.”
Ara Mary ma kellha l-ebda problema dwar dan. Mhux talli, imma biex żgur tkompli mal-andament tad-destin, il-laqgħa tagħhom li kellha finalment twassal għaż-żwieġ tagħhom seħħet waqt li hi kienet waqt funeral u Alfred kien qed jagħmel xogħolu!
“Lil Alfred kont ilni nafu u dejjem wera li kien ġuvni bieżel u bil-għaqal. Ix-xogħol tiegħu qatt ma dejjaqni u bih għejjixna familja ta’ erbat itfal. Kont niddejjaq żgur li kieku kien xi wieħed għażżien jew bla xogħol!”
Min ser ilumha? Fortunatament illum dawn l-affarijiet inqatgħu ħafna. Uliedhom is-subien ħadu x-xogħol ta’ missierhom u ma sabux problemi minn dawn. Barra minn hekk, bint minnhom iżżewġet f’familja miż-Żejtun li hi magħrufa ħafna għall-istess xogħol ta’ missierha. Issa Alfred fadallu biss il-memorji ta’ dax-xogħol li hu saħaq li qatt ma ried jibdlu ma’ xejn.
“Ma konniex nitħallsu wisq imma l-ħobża ta’ kuljum dejjem qlajtha. Hemm mumenti li jdejjquk bħal f’kollox. Ngħidu aħna meta tinżel f’qabar biex tnaddfu mill-għadam u jitla’ l-wirdien għalik, tiddejjaq le? Imma jien ma nibżax minnu, infarfru minn fuqi malajr u nkompli fuq xogħoli. Barra hekk, min jaf kemm ġieli rqadt iljieli ħdejn il-mejtin li kienu jitħallew 24 siegħa f’kamra apposta fiċ-ċimiterju qabel jindifnu. Qatt ma bżajt u nassigurak li qatt ma qam ħadd.”
Staqsejtu jekk qatt difinx lil xi ħadd jiġi minnu.
“Iva. Lil ħija li miet ta’ 22 sena għax kien marid bil-kliewi. Miet madwar 29 sena ilu u għalkemm indifen fl-Addolorata, dakinhar kienu ħallewna nniżżluh aħna. Tħoss naturalment tarah nieżel taħt l-art. Imma meta tiftakar kemm kien qed ibati, għax dak iż-żmien ma kienx hemm kura għall-mard bħal dan, tagħraf li fir-realtà straħ u b’hekk tistabar.”
Mary ftakret f’mument partikolari meta Alfred ġie lura mix-xogħol b’qalbu maqsuma…
“Darba ġie u qalli ‘Mer, taf li qatt ma bkejt fil-funerali imma llum tifel żgħir ta’ erbgħa snin qasamli qalbi. Tilef lil ommu u ma setax jifhem meta raha nieżla fil-qabar għaliex qed tħallih u beda jgħajjat u jibki “Ma ejja, ma ejja!”
Rakkont ġibed lil ieħor…
“Snin ilu kienu jmutu ħafna trabi. Min jaf kemm ġarrejt trabi fil-karru l-abjad minn Lazzaret fejn kienu jeħduhom meta kienu jimirdu! Imma darba nqalgħat waħda li ma tinsihiex kif ġieb u laħaq. Inzerta li fl-istess ġurnata mietu żewġt itrabi bl-istess kunjom. Aħna morna għal waħda minnhom u tlaqna bil-korteo magħna. Iżda kif konna kważi wasalna biha fiċ-ċimiterju, tant li konna ħdejn is-shipbuilding, ġie jilħaqna l-kummissjonant biex jgħarraffna li kienu tawna t-tarbija żbaljata! U kulħadd kellu jmur lura għall-katavru tat-tarbija proprja.”
Smajt bosta rakkonti oħra għax Alfred għamel snin twal jaħdem f’dan il-qasam. Biex nagħlaq xtaqt inkun naf jekk dan ix-xogħol biddlilhomx il-perspettiva tagħhom dwar il-mewt u jekk kienux jibżgħu mill-mewt wara kollox?
Bdiet Mary, “Ma tistax ma tibżax mill-mewt għax anki Kristu beża’ minnha meta waslet is-siegħa Tiegħu. Imma ommi dejjem għallmitni li bħalma ħadna l-ħajja hekk irridu nieħdu l-mewt. Hekk jew hekk inutli tibża’ għax xorta trid tiġi.”
Min-naħa tiegħu Alfred għalaq hekk “Jiena nirraġuna li l-mewt hija parti mill-ħajja tal-bniedem: hekk kif tgħix taf ukoll li trid tmut. Ma nħossx li nibża’ wisq mill-mewt. Inqis ix-xogħol li kelli bħala mera jew ritratt ta’ dak li rrid ngħaddi minnu. Imma nemmen li l-aqwa li tgħix sewwa u l-bqija tħallih f’idejn Alla.”
Forsi ta’ min jixtarr dak li qal il-poeta William Ross Wallace (1819 – 1881) “Kull bniedem imut. Mhux kull bniedem jgħix tassew.”
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Novembru 2011)
-
INTI TAFHA L-ISTORJA TIEGĦEK?
“Dawk li ma jistghux jitghallmu mill-istorja huma destinati li jirrepetuha.” George Santayana 1863 – 1952 (filosofu u kittieb)
Sa minn meta l-ġenituri tiegħi ħaduni nara l-ewwel postijiet storiċi Maltin, qalbi ntilfet wara l-istorja. Kelli xewqa kbira li meta nikber insir arkeologa sabiex b’hekk inkun nista’ ngħix ma’ din l-imħabba tiegħi. Kont ukoll noħlom li xi darba bir-riċerka u t-tiftix tiegħi, anki jiena nkun nista’ nħalli kontribut f’pajjiżi bħal kif għamlu dawk ta’ qabli u li lejhom kelli ammirazzjoni kbira. Sfortunatament meta wasal iż-żmien biex nagħżel triqti u mort nieħu parir professjonali, tawni x’nifhem illi aħjar nagħżel triq oħra għax f’Malta ma kienx hawn futur għal dak ix-xogħol. Ta’ żagħżugħa li kont aċċettajt dan ir-raġunar. Kien żball kbir! Kultant trid titgħallem taħseb b’moħħok u tagħti anki lok lill-ħsus ta’ qalbek. Fil-fatt ħdimt f’diversi oqsma oħra għal kollox differenti imma fil-fond ta’ qalbi kont naf fejn xtaqet tgħix ruħi. Meta nħobb xi ħaġa jien, diffiċli toħroġieli minn qalbi….
Dawn il-ħsibijiet ġrew minn quddiem għajnejja hekk kif poġġejt biex nikteb l-artiklu ta’ din il-ġimgħa. Bħali, Kenneth Mizzi għandu ħafna għal qalbu l-istorja ta’ Malta. Xhieda ta’ dan huma x-xogħlijiet numerużi li huwa ħadem kollha relatati ma’ das-suġġett.
Fil-fatt dik kienet l-ewwel mistoqsija li għamiltlu, għaliex ġeneralment xogħlijietu huma ffukati fuq l-istorja ta’ Malta?
“Għax dawn id-daqsxejn ta’ gżejjer tagħna jaffaxxinawni. Fihom daqs naqra imbagħad għandhom dak il-ġid kollu storiku li ftit issib bħalu madwar id-dinja. Tmur fejn tmur, tara l-istorja madwarek. Tidħol fil-knejjes tara dawk ir-rikkezzi kollha: l-arkitettura, l-arti, il-kultura. Li jiddispjaċini hu illi fl-opinjoni tiegħi illum iż-żagħżagħ Maltin ma tantx huma daqshekk kolti dwar is-suġġett tal-istorja ta’ pajjiżhom. Ma tantx jagħtu każ. Forsi jien żbaljat, imma hekk naħseb.
Għalhekk l-iskop ta’ dan ix-xogħol hu li nressqu aktar l-istorja lejn in-nies, speċjalment lejn il-popolin li forsi ma tantx ikollu l-opportunità li jżur u jara dawn il-postijiet jew jisma’ dwarhom. Jiena trabbejt f’Bormla man-nies tal-baċir. Kont iffortunat biżżejjed illi fil-ħajja stinkajt u rnexxejt filwaqt li uħud minn sħabi tal-iskola għadhom jitħabtu biex isibu x-xogħol. Allura nħossni obbligat li nagħti lura ftit milli naf jien.”
Kienu Ulied Maltin li ntroduċewni max-xogħol ta’ Horizons – dokumentarji ta’ ftit minuti ta’ informazzjoni storika li kienu qed jixxandru fuq stazzjon televiżiv lokali…
“Ulied Maltin kien suċċess kbir u permezz tiegħu kkonfermajna illi għal xogħol bħal dan hawn għatx kbir. L-idea tiegħu bdiet b’kumbinazzjoni. Niftakar li kien ikkuntattjani Albert Marshall u talabni nagħmillu xi fillers qosra ta’ xi tlett minuti għat-televiżjoni biex ixandarhom bejn programm u ieħor. Xi ġranet wara ġie ibni jistaqsini biex nagħtih daqqa t’id għax kellu proġett tal-iskola dwar l-istorja. Ma domtx ma ntbaħt li kienet teżisti problema kbira biex issib din l-informazzjoni. Nassumi li ħafna jiftakru ż-żmien meta kellek tmur il-librerija, tfittex qalb qabda kotba u taħli ħafna ħin biex forsi ssib xi ħaġa. Imbagħad tmur b’dawn il-mazz kotba biex tagħmel il-kopji u waħda tiġik mgħawwġa u oħra tiġik bis-sinjal iswed fin-nofs. Għedt le, m’inix ser nerġa’ ngħaddi minn dak kollu! U hekk nibtet l-idea ta’ Ulied Maltin. B’ġebla waħda lqatt żewġ għasafar.
Fil-fatt Ulied Maltin huwa l-ewwel enċiklopedija bil-Malti tan-natura tiegħu. L-ewwel pakkett fih ħames volumi u jikkonsisti fi ktejjeb u f’DVD li jwasslu informazzjoni qasira imma konċiża dwar personalitajiet Maltin, monumenti Maltin, politiċi Maltin u dwar l-arkeoloġija tal-gżejjer tagħna. Peress illi d-DVD huwa maħdum b’reżoluzzjoni għolja, ir-ritratti li fih jistgħu jiġu pprintjati faċilment. Biex nagħtik eżempju, jekk qed tfittex dwar Dun Karm Psaila ser issib ir-ritratt tiegħu, tal-ġenituri tiegħu, tal-bieb fejn kien joqgħod u nformazzjoni bażika oħra importanti. Minn hemm imbagħad, jekk wieħed irid, jista’ jkompli jfittex u jistħarreġ f’postijiet oħra.
Għalkemm nemmen illi hemm bżonn ta’ dokumentarji ta’ dan it-tip biex jixxandru fuq l-istazzjonijiet tagħna, jkolli nammetti illi ma tantx issib interess min-naħa tal-istazzjonijiet. Fil-fatt kemm naraw programmi dwar dawn is-suġġetti? Ftit li xejn. Meta tmur tippreżentahom għand xi stazzjon, jgħidulek biex tixtri l-airtime u ddur għar-riklami. Imma d-dokumentarji mhux popolisti bħal xi drama. Jolqtu biss ċertu settur ta’ nies.”
Kenneth dawwarni mal-uffiċċju tiegħu u beda jurini aktar xogħlijiet b’tema storika. Kont kurjuża għala l-maġġoranza tagħhom għandhom l-istess preżentazzjoni: dik ta’ ktejjeb u CD jew DVD?
“Il-pubblikazzjonijiet tagħna huma mmirati biex jolqtu lil kulħadd… ibda mit-tfal tal-iskola, ibqa’ tiela’ sa dak l-anzjan li forsi qatt ma tgħallem jaqra u asal anki sat-turist li jixtieq jiskopri aktar dwar pajjiżna. Fl-istess ħin inżommu dejjem f’moħħna illi ġeneralment il-paċenzja tal-maġġoranza tan-nies li joqogħdu bil-qiegħda u jisimgħu jew jaqraw xi ħaġa hija pjuttost qasira. Għaldaqstant naraw illi l-informazzjoni li tingħata dejjem tkun preżentata b’mod dirett u nformattiv imma fil-qosor. Nafu wkoll illi l-viżwal huwa ħafna aktar effettiv fuq il-memorja tan-nies. Għalhekk il-kotba kollha jkunu akkompanjati minn DVD li jieħdok fuq il-post u jurik sal-inqas dettalji li tkun qed tisma’ dwarhom.
Ngħidu aħna bħalissa għaddej id-dokumentarju tagħna Katakombi fuq wieħed mill-istazzjonijiet lokali. Fih għandna filmati li ħadd qatt ma rahom bħal ngħidu aħna ċertu graffiti li kien skopra Temi Zammit waqt l-iskavi tiegħu u li issa permezz tad-dawl u t-teknika moderna stajna nwasslu lill-pubbliku. Hemm ukoll filmati ta’ kollezzjonijiet privati li nstabu waqt xi skavar li sar taħt id-djar tan-nies.
Fuq din l-istess linja għandna wkoll Raħal Twelidi li huwa sett ta’ kotba u DVDs li jipprovdu tagħrif siewi dwar lokalitajiet differenti bħal Qrendi, r-Rabat u Marsaskala. Ikolli ngħid illi permezz ta’ dan ix-xogħol aħna stess nitgħallmu ħafna wkoll. Biex nagħtik eżempju, bosta jaħsbu illi Marsaskala huwa post pjuttost modern li għadu qed jinbena. Fir-realtà iġġib għajnejk wara widnejk meta tagħraf kemm iħaddan storja fih.”
Uħud minn dawn id-dokumentarji huma preżentati b’żewġ lingwi: Malti u Ingliż. Xtaqt inkun naf kemm huwa mfittex prodott simili barra minn pajjiżna?
“Ħafna! L-emigranti Maltin ikunu qegħdin bil-ħerqa jistennew xi ħaġa ġdida minn għandna. Għat-turist dawn il-pubblikazzjonijiet huma tifkira tal-kultura Maltija. Ngħidu aħna l-kotba bid-DVD tal-Vari u ta’ L-Assunzjoni ta’ Marija joffru spettaklu mill-isbaħ tal-vari Maltin, tal-fided tal-knejjes u tal-arti li fihom. Issib ukoll informazzjoni dettaljata dwar il-fratellanzi Maltin, il-bidu tal-knejjes infushom u l-artisti li ħadmu fihom.”
Lil Kenneth sibtu mħabbat qed jipprepara ktieb ġdid L-Istejjer tal-Istorja b’kitba ta’ Ġorġ Peresso li proprju l-Ħadd 15 ta’ Novembru 2009 fil-5:30pm ser issir il-preżentazzjoni tiegħu waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran. Tlabtu jagħtini aktar informazzjoni dwaru…
“L-Istejjer tal-Istorja ser ikun sett ta’ erbgħa kotba li jirrakkuntaw l-istorja ta’ Malta minn Żmien il-Ħaġar sa meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Huwa proġett edukattiv u divertenti mhux biss għat-tfal imma anki għal dawk li jħobbu jisimgħu l-istejjer. Dan għaliex il-ktieb għandu miegħu wkoll CD b’mużika komposta apposta sabiex wieħed ikun jista’ jimmaġina aħjar x’inhu jinqara. Ngħidu aħna tisma’ t-tinqix fuq il-ġebel, iż-żiemel jiżgħer u l-mewġ iħabbat. L-istejjer huma ppreżentati b’mod sempliċi, fil-fatt minn għajnejn it-tfal, li fl-istorja jkunu qed jgħixu f’dawk iż-żminijiet. Huma stejjer fittizji iżda li jirrakkuntaw fatti veri u allura min jismagħhom awtomatikament ikun qed jitgħallem ukoll dwar l-istorja ta’ pajjiżna.”
Fl-isfond ta’ din il-kamra, jiena u nikteb, qed nisma’ s-CD ta’ dan il-ktieb tant interessanti. Proprju kif qalli Kenneth stajt insegwi t-tinqix tat-tempju hekk kif it-tfal kienu qed jirrakkuntaw dwar ix-xogħol ta’ nannuwhom li kien naqqax tat-tempji. L-istorja l-oħra ħaditni nisma’ l-ġrajja tan-nawfraġju ta’ San Pawl u kif it-tfal ta’ ċenturjun li kien jgħix f’Malta ta’ dawk iż-żminijiet, għen lil San Pawl jgħix f’pajjiżna. Ikolli nammetti illi l-maltemp li għaddej bħalissa qed ikompli jgħin biex idaħħalni fl-atmosfera tal-ħsejjes tas-CD bir-riħ ivenven, ix-xita tfaqqa’ u l-baħar isabbat bla ħniena…
Qabel tlaqt xtaqt nisma’ minn fomm Kenneth għala jemmen illi wieħed għandu jagħti importanza lill-istorja ta’ pajjiżu?
“Għax l-għarfien ta’ l-istorja ta’ pajjiżek tagħmlek persuna sħiħa. X’jagħżel poplu minn ieħor? Mhux il-lingwa, l-istorja u l-kultura tiegħu? Il-poplu Malti, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu huwa riżultat ta’ dak kollu li għadda minnu matul iż-żminijiet. Huwa wkoll riżultat tal-ħakmiet ta’ ċiviltajiet differenti li wħud mix-xogħlijiet li ħadmu dawn f’pajjiżna għadna nistgħu ngawduhom sa llum. M’għandix dubju illi kieku aħna ma ġejnix influwenzati minn dawn in-nies b’kulturi oħra, il-poplu Malti kien ikun ferm differenti minn kif nafuh illum. Għalhekk tajjeb li tkun taf dwar l-istorja ta’ pajjiżek… għax turik għaliex int dak li int illum.”
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Novembru 2009)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 |
8 | 9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 |
15 | 16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 |
22 | 23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 |
29 | 30 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23