Posts Tagged ‘fuħħar’
-
IL-KULURI TAĊ-ĊINA (4 Parti) L-Istorja taċ-Ċina
L-Istorja taċ-Ċina hija ikkumplikata mmens, l-aktar minħabba l-kobor tal-pajjiż. Infatti, bosta Ċiniżi jistqarru li lanqas huma ma jafuha kollha. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, għalina l-Ewropej hija naqra aktar diffiċli biex nassimilawha peress li tvarja ħafna mill-ġrajjiet storiċi li tgħallimna dwarhom. Kien proprju għalhekk li sibt ruħi kompletament affaxxinata meta żort il-Mużew Nazzjonali ta-Ċina f’Pekin.
Il-Mużew Nazzjonali taċ-Ċina f’Pekin
Il-binja ta’ dan il-mużew hija imponenti ferm u l-faċċata tiegħu tħares direttament fuq il-Pjazza Tiananmen. Twaqqaf fit-28 ta’ Frar 2003 wara li ngħaqdu dak li qabel kien il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Ċiniża flimkien mal-Mużew Nazzjonali tar-Rivoluzzjoni Ċiniża.
Il-Mużew Nazzjonali taċ-Ċina f’Pekin huwa mibni fuq medda ta’ art li tkopri 192,000 metru kwadru u huwa meqjus bħala l-akbar u l-aqwa mużew fid-dinja. Iħaddan fih 40 gallerija flimkien ma’ 10 swali ta’ esebizzjonijiet artistiċi li fihom jiġu esebiti wkoll xogħolijiet internazzjonali li jiġu mislufa lil dan il-mużew.
L-artifatti li huma esebiti fih ivarjaw ħafna u b’hekk huma jagħtu l-opportunità lill-viżitaturi biex josservaw firxa wiesgħa tal-arkeoloġija, tal-istorja, tal-arti u tal-kalligrafija ta’ dan il-pajjiż. Permezz ta’ dawn, wieħed ikun jista’ jixtarr ukoll is-soċjetà u l-kultura Ċiniża matul perjodi differenti.
Is-sezzjoni tal-bronż
Is-sezzjoni tal-bronż hija waħda sinifikattiva f’dan il-mużew, partikolarment dawk ix-xogħolijiet li saru fil-Perjodi Shang u Zhou li jirriflettu r-ritwali u s-sistemi mużikali wżati fiċ-Ċina ta’ dak iż-żmien u li llum huma apprezzati madwar id-dinja kollha. Madanakollu, hemm bosta oġġetti oħra li juru kif iċ-Ċiniżi kienu diġà trawwmu sewwa fit-teknoloġija tal-bronż sa minn 4000 sena ilu.
Intlift inħares lejn oġġett wara l-ieħor li kien hemm esposti f’din is-sezzjoni, nistagħġeb kif fihom ftit li xejn stajt nilmaħ xebħ ma’ dak li jiena mdorrija nara f’mużewijiet oħrajn Ewropej, fosthom dawk lokali.
Il-kollezzjoni tal-bronż f’dan il-mużew tinkludi oġġetti ta’ kuljum, ornamenti, reċipjenti, għodod u armi b’disinji distinti u sbieħ. Uħud minnhom kienu saħansitra mżejjna b’karattri kalligrafiċi antiki indurati bid-deheb jew bi ħlejqiet fantastiċi bħad-draguni.
Is-sezzjoni tal-fuħħar
L-invenzjoni tal-fuħħar li seħħet eluf ta’ snin ilu tatu spinta kbira lill-bniedem fl-iżvilupp tiegħu lejn iċ-ċiviltà. Fil-fatt minn hemm, il-bniedem kompla jistħarreġ kif seta’ juża l-materjali tan-natura sabiex jgħinuh jgħix ħajja aħjar.
L-aktar fuħħar antik li wieħed isib f’dan il-mużew imur lura għall-Perjodu Neolitiku fejn għall-ewwel il-fuħħar kien jinħadem bl-idejn imbagħad anki fuq ir-rota. Maż-żmien, il-bniedem għaraf ukoll kif isebbaħ dak li joħloq billi jivvinta disinji b’subgħajh u b’difrejh, inkella b’xi għodda oħra. Wara, huwa sab mezz kif jiżbogħ dawn l-oġġetti permezz ta’ pigmenti naturali.
Il-kollezzjoni tal-fuħħar tinkludi kontenituri, madum, figurini u kif ukoll oġġetti li ġew użati waqt ir-riti tad-dfin. L-irfinar fil-materjal maħdum u anki fid-dekorazzjoni tal-oġġett huma xhieda tal-iżvilupp tal-bniedem matul is-snin.
Is-sezzjoni tal-porċellana
Tip ta’ porċellana li kienet tinħadem bil-lewn abjad u ikħal, partikolarment fi żmien id-Dinastiji Ming u Qing, hija l-aktar famuża madwar id-dinja għall-kwalità u l-ġmiel tagħha. Infatti fost l-eluf ta’ artifatti maħduma mill-porċellana, l-akbar kwantità ta’ oġġetti fil-kollezzjoni ta’ dan il-mużew huma ta’ dan it-tip.
Xorta waħda, għal dawk li japprezzaw xogħolijiet bħal dawn, l-esebiti l-oħra huma interessanti mmens u mill-ġdid pjuttost differenti minn dawk li aħna mdorrija naraw.
Is-sezzjoni tal-jade
Il-jade huwa ħaġra prezzjuża ta’ lewn ħadrani li hija popolari ferm fiċ-Ċina. Ta’ min isemmi illi l-ġibda ta’ dan il-poplu lejn din il-ħaġra ilha teżisti saħansitra sa mill-Perjodu Neolitiku, hekk kif jixhdu xi esebiti li jinsabu f’dan il-mużew.
Fil-fatt skont materjal arkeoloġiku li nstab jidher li ċ-Ċiniżi kienu qed jipproduċu xogħolijiet mill-jade sa minn 8000 sena ilu, għalkemm xi studjużi jisħqu li probabbilment din l-użanza tmur lura sa 10,000 sena ilu.
Matul iż-żmien, il-funzjoni ta’ din il-ħaġra nbidlet qatiegħ fiċ-Ċina. Fil-Perjodu Neolitiku l-jade kellha tifsira spiritwali u kienet tintuża l-aktar fir-riti tad-dfin peress li kien hemm it-twemmin li permezz ta’ din il-ħaġra, il-bniedem seta’ jikkomunika mal-allat.
Min-naħa l-oħra, fil-Perjodu Shang din il-ħaġra kienet marbuta mar-ritwali tal-poter militari u allura mal-armi ċerimonjali li kienu jinħadmu minn dan il-materjal.
Aktar tard waqt id-Dinastija Qin, jiġifieri mis-seklu 3 Q.K sas-seklu 6 W.K. din il-ħaġra bdiet tintuża anqas fir-ritwali u bdiet minflok tieħu aspett aktar popolari. L-ikbar żvilupp fil-produzzjoni ta’ oġġetti popolari li tfasslu minn dil-ħaġra saru fi żmien id-Dinastiji Ming u Qing fejn wieħed jista’ josserva kapolavuri mill-ifjen.
Fatt interessanti huwa li fiċ-Ċina din il-ħaġra għadha apprezzata ferm, aktar u aktar illum meta dan il-materjal m’għadux jinstab daqstant fi kwantitajiet kbar. Il-valur ta’ din il-ħaġra huwa fit-twemmin illi din kapaċi tgħin lill-bniedem jgħix ħajja itwal u kif ukoll li ġġiblu x-xorti t-tajba.
Is-sezzjoni tal-fidda u d-deheb
Il-kollezzjoni kbira ta’ dawn l-oġġetti li għandu l-mużew tkopri xogħolijiet li twettqu matul l-aktar perjodi importanti fiċ-Ċina; jiġifieri mill-Perjodu Shang sa dak Qing.
Permezz ta’ dawn l-esebiti, wieħed jista’ japprezza s-sengħa mill-aqwa ta’ provinċji differenti u kif din żviluppat matul is-snin. Apparti mid-disinji sbieħ, uħud ġew dekorati wkoll b’ħaġar prezzjuż u għalhekk il-valur ta’ ċerti oġġetti huwa imprezzabbli.
Fost l-oġġetti wieħed jista’ jara ġojjelli, ornamenti tax-xahar, reċipjenti tal-inċens, u kontenituri tax-xorb u l-ikel.
Is-sezzjoni tal-muniti
L-Istorja tal-flus fiċ-Ċina tmur lura għall-Perjodu Shang u tibqa’ miexja b’kontinwazzjoni sal-ġranet ta’ llum. Għaldaqstant, din il-kollezzjoni hija siewja ħafna sabiex wieħed jistudja l-iżvilupp ekonomiku ta’ din il-kultura tal-Lvant.
Fiċ-Ċina, l-ewwel flus kienu jikkonsistu minn arzell. Kien biss fid-9 seklu Q.K. li bdew jidhru l-ewwel muniti tal-metall. Aktar tard, id-digriet imperjali li twaqqaf mill-Ewwel Imperatur taċ-Ċina li kien jesiġi l-istandardizzazzjoni tal-kitba, tal-qisien u tal-piżijiet, għen ferm sabiex jiġi żviluppat dan il-qasam u kien hawn meta bdew jidhru l-muniti distinti tondi b’kaxxa maqtugħa fiċ-ċentru tagħhom. Flus tal-karti oriġinaw fil-Perjodu Song fl-10 seklu W.K.
Il-kollezzjoni ta’ dan il-mużew relatata ma’ din is-sezzjoni tlaħħaq il-200,000 oġġett. Apparti mill-flus infushom, il-kollezzjoni tkopri wkoll forom li minnhom kienu jinħadmu l-muniti u blokok li permezz tagħhom kienu jiġu stampati l-flus.
Is-sezzjoni tal-arti u l-kalligrafija
Din hija kollezzjoni oħra ta’ sinifikat kbir għal dan il-pajjiż. Tħaddan fiha esebiti li jmorru lura għall-Perjodu Tang u tibqa’ ġejja saż-żminijiet moderni.
B’mod ġenerali x-xogħolijiet f’din is-sezzjoni jinqasmu bejn dawk li saru minn artisti famużi matul diversi perjodi u dawk li jirrappreżentaw xbiehat storiċi importanti.
Għal dawk li japprezzaw l-arti, din is-sezzjoni hija meraviljuża kemm minħabba l-istili, is-suġġetti u l-materjali differenti li tesebixxi.
Is-sezzjoni tal-madum impinġi
Id-dekorazzjonijiet fuq dan il-madum kienu jsiru bil-forom jew billi jiġu stampati. Permezz tagħhom, il-pajjiż għandu ġabra ta’ 10 sekli ta’ storja hekk kif dawn juru xeni tal-ħajja ta’ kuljum, politiċi, storiċi, artistiċi u idejoloġistiċi.
Kollezzjonijiet oħra
Ċertament ma nixtieqx inħalli barra l-kollezzjoni tal-għadam tal-oraklu li kienu iskrizzjonijiet antiki li tnaqqxu fuq l-għadam tal-annimali u ta’ ħlejqiet oħra, fosthom tal-fkieren. Dawn huma importanti għax jitfgħu dawl fuq l-ewwel kitba fiċ-Ċina.
Imbagħad hemm ukoll is-sezzjoni ta’ strumenti uniċi tal-mużika, uħud maħduma minn ġebel li kien kapaċi jagħmel ħsejjes individwali.
Kollezzjoni oħra sinifikattiva hija dik tat-timbri fejn uħud nħadmu mill-ħaġar prezzjuż. Dawn ukoll jgħaddu informazzjoni valida rigward il-mexxejja u r-regolamenti tagħhom matul is-snin.
Ma tispiċċa qatt jekk tipprova ssemmi fid-dettall il-kollezzjonijiet kollha li jħaddan fih dan il-mużew. Daqstant ieħor huwa impossibli li tara l-mużew kollu fi żjara waħda u għalhekk trid tkun selettiv, inkella jekk tassew tkun interessat, trid tipprepara ruħek biex iżżuru aktar minn darba.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-25 ta’ Jannar 2015)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 |
8 | 9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 |
15 | 16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 |
22 | 23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 |
29 | 30 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23