Posts Tagged ‘għajnuna’

  • IMĦABBA BLA KUNDIZZJONI

    Is-solitudni fit-tfalNgħiduha kif inhi, sikwit dil-ħajja mhiex faċli tgħixha. Bosta drabi teħodlok ħafna aktar milli tagħtik u lil uħud minna għandha ħabta tkabarhom saħansitra xi ftit aktar mill-oħrajn. Jiġu mumenti meta jagħtik li tfendi għal rasek u li tħalli l-mewġ iħabbat mal-bqija… min jiflaħ jikkumbatti jgħix u min ma jiflaħx jintilef. Iżda xi ħaġa ġewwa fik ma tħallikx tirraġuna hekk għal tul ta’ żmien. “Ma nistax nibdel id-dinja waħdi, imma nista’ nitfa’ ġebla matul l-ilmijiet sabiex noħloq ħafna rimi,” inkoraġġiet darba Madre Tereża bi sfida quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja. L-eżempju ta’ nies bħalha huwa kruċjali biex nagħrfu ngħixu l-umanità tagħna. Il-ħlewwa ta’ dawn ir-rimi messew miegħi din il-ġimgħa meta waqt intervista ma’ John Rolè u Pat Bonello mill-Appoġġ dwar il-fostering u dwar servizz ġdid ta’ Trobbija Speċjalizzata li għadu kemm ġie mniedi dan l-aħħar, dawn qaluli li dawk li jidħlu biex jagħtu l-għajnuna tagħhom jagħmlu dan bil-ħsieb sħiħ li jwettqu xi ħaġa tajba f’ħajjithom.

    INTERVISTA: JOHN ROLÈ – Leader, Fostering Services

    FOSTERING

    L-idea tal-fostering minn dejjem kienet tintrigani għax nista’ nobsor li jesiġi ħafna kuraġġ. Kont kurjuża biex nifhem min kien kapaċi jħobb daqstant, kemm kien hemm nies minn dawn, u x’riżultati qed ikollu dan il-qasam?

    “Aħna konxji li l-fostering mhiex xi biċċa xogħol faċli biex tidħol għaliha għax fiha diversi sfidi, titlob impenn serju u tirrikjedi ħafna mħabba,” beda jispjegali John Rolè. “Huwa każ fejn l-individwi letteralment jiftħu l-familja tagħhom sabiex jilqgħu fiha lil dawn it-tfal ħalli jgħinuhom jgħixu ħajja aħjar. Fortunatament jeżistu numru ta’ familji Maltin u Għawdxin li bil-ġenerożità enormi tagħhom lesti li jagħtu daqqa t’id biex jingħata ċans ieħor lil dawn it-tfal li jgawdu d-dritt ta’ tfulija xierqa. Infatti bħalissa għandna 250 tifel u tifla fostered, filwaqt li hemm 201 familja li qed jagħtu l-għajnuna fil-qasam tal-fostering.

    Is-sistema formali bħala tim tal-fostering fl-Appoġġ ilha għaddejja biss mis-sena 2000. Madanakollu diġà qed naraw il-frott tax-xogħol li sar u huwa dan li jżommok għaddej. Bħala eżempju, nista’ nsemmilek il-każ ta’ tifel li kien fostered u li llum huwa żagħżugħ iggradwat bħala avukat, fejn fil-preżent jifforma wkoll parti mill-board tal-fostering. Għad irridu naraw x’ser ikun ir-riżultat tal-għadd ta’ tfal li qed igawdu mill-għajnuna tal-fostering. Biss biss illum qegħdin indaħħlu anki trabi direttament ma’ foster carers, minflok li jgħaddu l-ewwel fl-istituzzjonijiet, kif kien isir qabel. Is-sena l-oħra kellna 12-il tarbija li ġew fostered, filwaqt li b’kollox kien hemm 50 tifel u tifla li ġew milqugħa f’familji oħra. Dis-sena kien hemm 14-il tarbija li ġew fostered u għad baqa’ 115-il tifel u tifla li qed jistennew lil xi ħadd biex jilqagħhom għandu.”

    Is-sejħa għal familji ġodda li lesti biex jgħinu hija dejjem miftuħa. John spjega dwar il-proċess li jgħaddu minnu dawk li juru l-ħajra li jiffosterjaw.

    “Meta aħna nirċievu talba jew applikazzjoni mingħand xi familja li tixtieq tidħol għall-fostering, aħna mmorru nżuruhom sabiex niddiskutu aktar fil-fond dwar din il-possibilità. Naturalment l-għan ta’ din il-laqgħa tkun kemm biex infiehmu aħjar fhiex jikkonsisti dan ix-xogħol, kemm biex naraw x’wassal lil din il-familja biex tieħu din id-deċiżjoni, u anki biex nevalwaw l-ambjent li fih dawn il-foster carers prospettivi ser ikunu qed jilqgħu lit-tfal. Huwa importanti ħafna li f’dawn il-każi, fejn hemm diġà t-tfal fil-familji, dawn ukoll jiġu kkonsultati u nklużi fid-deċiżjoni sabiex finalment jitwettaq pass għaqli.

    Dawk il-familji li jidhrilna li jistgħu jgħinu jgħaddu imbagħad għall-pass li jmiss: fejn huma jiġu mitluba li jattendu għal 6 laqgħat ta’ 3 siegħat il-waħda. F’dawn il-laqgħat huma jingħataw taħriġ f’diversi John Rolèaspetti tal-fostering bħal: il-fostering x’jinvolvi b’mod ġenerali, it-tfal min huma, it-trawmiet li jgħaddu minnhom u l-pakkett li jġorru magħhom,  min huma l-ġenituri ta’ dawn it-tfal u l-problemi li dawn ikunu sabu ruħhom fihom li finalment wassluhom biex uliedhom ikollhom bżonn il-fostering, l-abilitajiet neċessarji fil-foster carers: x’inkunu qed infittxu aħna bħala aġenzija – f’din is-sessjoni jattendu anki xi foster carers stess biex jgħaddu l-esperjenzi tagħhom, nitellmu wkoll fuq l-effett tal-fostering fuq il-koppja u fuq uliedhom u kif dawn għandhom jieħdu ħsieb lil xulxin. Finalment niddiskutu l-possibilità li dawn it-tfal imorru lura għand il-ġenituri tagħhom u allura x’għandhom jagħmlu l-foster carers matul is-snin sabiex ikun hemm tranżizzjoni tajba jekk jasal dan il-mument. U allura hawn jidħol ukoll l-aspett ta’ kif il-foster carers ser jgħixu u jaċċettaw din it-tranżizzjoni? U x’tip ta’ kuntatt jista’ jibqa’ jkun hemm ma’ dawn it-tfal, jekk dawn ikunu marru lura għand il-ġenituri tagħhom.”

    Xtaqt nifhem kif it-tfal jiġu magħżula biex imorru għand xi familja partikolari għal fostering?

    “Ġeneralment in-nies għandhom it-tendenza li jmorru direttament fl-istituzzjonijiet fejn jinżammu t-tfal meta jkunu jixtiequ jagħmlu l-ġid lil xi tifel jew tifla. U allura jkun hemm każi fejn koppja torbot qalbha ma’ xi tifel jew tifla partikolari li jgħixu f’dawn il-postijiet u eventwalment jitħajjru biex ikunu l-foster carers tagħhom. Għalkemm aħna napprezzaw il-ġest ta’ dawn l-individwi, nippreferu ħafna aktar illi l-kuntatt ma jsirx b’dan il-mod għax jaf ikun hemm sitwazzjonijiet li jikkumplikaw jew li jagħmlu impossibli dan l-arranġament. Biex nagħtuk eżempju, immaġina li t-tifel li xi ħadd ikun jixtieq li jrabbi, bla ma jafu, jinzerta t-tifel ta’ xi ġar u jkun hemm ċirkustanza fejn l-identità tal-foster carer ma tkunx tista’ tiġi mikxufa.

    Fil-fatt qabel ma aħna niddeċiedu min minn dawn it-tfal ser imur għand xi familja partikolari, inkunu evalwajna sewwa kull aspett sabiex din l-esperjenza tibda u tkompli possibilment bl-iktar mod stabbli. Għalhekk inqisu l-ħtiġijiet tat-tfal u naraw li l-kwalitajiet li għandhom il-foster carers u l-ambjent u s-sitwazzjoni li qegħdin jgħixu fihom, huma adattati għal dan il-każ. Biex nagħtuk eżempju ieħor, jekk ikun hemm xi tfal oħra fil-familja, ġeneralment naraw li t-tfal li jiġu fostered ikunu iżgħar, kemm biex it-tfal tal-koppja jkunu ta’ eżempju għalihom u anki biex dawn ma jqisuhomx bħala kompetizzjoni għalihom imma idealment jieħdu ħsiebhom huma wkoll.

    Illum qed issir ħafna enfażi li għandha tinħoloq stabbiltà fil-ħajja tat-tfal u allura ma nistgħux nippermettu li jsiru ċerti żbalji li bihom terġa’ tinħoloq l-instabbiltà. Tgħallimna ħafna mis-sitwazzjonijiet u l-konsegwenzi tal-passat. U għalkemm ma nistgħu qatt nagħtu garanzija li kollox ser jirnexxi kif nixtiequ aħna, min-naħa tagħha aħna nippruvaw nagħmlu mill-aħjar biex kull esperjenza ta’ fostering tagħti l-frott meħtieġ.”

    John  sostna li ma jrid bl-ebda mod jitfa’ xi dell ikraħ fuq l-istituzzjonijiet varji li jieħdu ħsieb it-tfal għax dawn ċertament jagħmlu ħafna ġid fost it-tfal li jieħdu ħsieb. Iżda fl-istess ħin ir-riċerka turi li l-kuntatt one-to-one mat-tfal joffri aktar opportunità sabiex dawn jakkwistaw il-ħiliet tant neċessarji fi tfulithom.

    “Forsi wieħed ma jirrealizzax li wħud minn dawn it-tfal ikunu saħansitra nieqsa mill-aktar affarijiet bażiċi li aħna neħduhom bħala ovvji. Ngħidu aħna, jekk tarbija tibki, normalment il-ġenitur jew il-kustodju, ser jerfagħha, jħaddanha miegħu u jara x’għandha bżonn. Iżda sfortunatament, mhux it-trabi kollha jgawdu minn din il-kura. F’ċerti każi, it-trabi jibdew jiġu mċaħħda mill-possibilità li jikkomunikaw sewwa u anki milli jifhmu u jitgħallmu ċerti emozzjonijiet. Per eżempju jekk tarbija għandha l-ġuħ, dak il-ħin għaliha jkun l-aħħar tad-dinja jekk ħadd ma jitmagħha. Għalhekk meta ommha taqbadha f’idejha u tħaddanha magħha biex tisqiha, it-tarbija tagħraf li hemm min jieħu ħsiebha u titgħallem tisma’ t-taħbiet kalm tal-qalb tal-omm u tirregola t-taħbiet ta’ qalbha ma’ tagħha. B’mod awtomatiku, f’dawn il-mumenti kruċjali, it-tarbija tkun qed titħarreġ kif aktar il-quddiem għandha tirreaġixxi għad-diffikultajiet tal-ħajja. Min-naħa l-oħra, tarbija li tiġi injorata u titħalla tibki għal ħin twil ġo cot, jew tarbija li titwaqqa’ jew anki tiġi msawwta, titla’ konfuża, beżgħana u anzjuża kontinwament. Aktar il-quddiem, meta din ser tikber u ssib ruħha taħt stress, mhux ser tkun kapaċi tilqagħlu daqshekk u tippanikja mingħajr ma tkun taf sewwa x’għandha tagħmel biex tikkalma.

    Dawn l-esperjenzi jikkonfermaw għala t-tfal igawdu aktar meta jkunu ġewwa familja fejn jistgħu jingħataw attenzjoni individwali. Permezz tal-foster carers li jiġu mħarrġa apposta, biż-żmien dawn it-tfal jingħataw il-ħiliet biex inaqqsu l-biża’ u jitgħallmu li hemm nies li jħobbuhom u li tixirqilhom il-fiduċja tagħhom. Mhux darba u tnejn li jiġu foster carers li jgħidulna b’dawn il-mumenti mqanqla fejn akkost li juru ħafna mħabba lit-tfal li jkunu fostered, dawn isibu diffikultà biex jirrispondu lura. “Imma jiena nħobbok tant!” jgħidulhom. U t-tfal iwieġbu, “Ma nafx kif inħobb. Għini!”

    Speċjalment fil-bidu l-foster carers iridu jkunu konxji li huma ser jagħtu ħafna mingħajr ma jieħdu daqstant lura. Iċ-ċavetta hija hekk kif jirnexxielhom jibnu relazzjoni sabiħa ma’ dawn it-tfal li f’ħajjithom ikunu diġà għaddew minn tbatija kbira. Infatti għal kull sena trawmatika tagħhom, huma jkollhom bżonn sentejn biex ifiequ: sena biex ineħħu dak li kellhom ġewwa fihom u oħra biex jassorbu dak li kellhom jitgħallmu f’dik is-sena ta’ qabel. Meta t-tfal jibdew jesperjenzaw il-veru mħabba bla kundizzjoni li suppost ħadu fil-bidu nett, hemm normalment tibda tara t-trasformazzjoni hekk kif it-tfal bil-mod jibdew jidraw jafdaw u finalment jikkomunikaw tajjeb u jħobbu lil dawk ta’ madwarhom.”

    Iebsa biex tifhem kif xi ħadd daqstant żgħir ikun diġà għadda minn tant inkwiet f’ħajtu u hija inkwetanti jekk toqgħod taħseb x’jista’ jiġri minn dawn it-tfal jekk xi ħadd ma jieħux ħsiebhom kif jixraq. Iżda John u Pat sikwit semmew ukoll it-tbatija li jgħaddu minnha l-ġenituri nfushom ta’ dawn it-tfal li xi drabi minħabba d-diffikultajiet tagħhom, isibu ruħhom fis-sitwazzjoni ħarxa li jagħtu t-tfal tagħhom għal foster caring bit-tama li almenu wliedhom jgħixu ħajja aħjar minn tagħhom.

    “Fil-fatt ħafna minn dawn it-tfal li jiġu fostered, akkost li jkunu batew fil-familja tagħhom, xorta waħda jkollhom lealtà kbira lejn il-familjari tagħhom. Għalkemm mhux kollha jkunu jridu jew jistgħu jmorru lura fid-dar tal-ġenituri tagħhom, xorta waħda huma jkunu ħerqana li jkunu jafu li “xi ħadd qiegħed jieħu ħsieb il-mummy” u li “xi ħadd qiegħed jagħti każ tal-problemi li kien hemm fil-familja tagħna”. Naturalment mhux it-tfal kollha jkollhom din il-lealtà.

    Għandna każi fejn ir-rabta bejn it-tfal u l-foster carers tant kibret, li anki meta laħqu l-età tagħhom, dawn għażlu li jibqgħu jgħixu ma’ din il-familja li ħadet ħsiebhom fl-agħar mumenti ta’ ħajjithom.

    Bħala eżempju ta’ x’iġġib din il-bidla fit-tfal nista’ nsemmilek każ li seħħ dan l-aħħar fejn tifel ta’ 9 snin li ġie fostered ra tarbija tat-twelid li qed tiġi iffosterjata u lil dawk li qed jieħdu ħsieb lilu qalilhom “Kemm hu tajjeb li ser tmur għall-fostering dik it-tifla! Għax għallinqas hi ser tiffranka dak kollu li għaddejt minnu jien u mhux ser ikollha d-diffikultajiet li jien qed inġib hawn lilkhom!”

    Ma tistax ma tħossx għal kliem bħal dan u għalhekk ma kontx sorpriża daqstant meta ntbaħt li sitwazzjonijiet bħal dawn iqanqlu anki lil dawk li kienu qed ikellmuni u li min jaf kemm jaraw aktar b’għajnejhom!

    INTERVISTA: PAT BONELLO – Manager, Out of Home Care Programme

    TROBBIJA SPEĊJALIZZATA

    F’dawn l-aħħar ġranet l-Appoġġ fetħet tip ta’ servizz ieħor  magħruf bħala Trobbija Speċjalizzata. Dan huwa maħsub biex jagħti għajnuna lil tfal li għandhom aktar diffikultajiet fil-ħajja minn tfal oħrajn u għalhekk anki l-pakkett finanzjarju li jingħata lil min ikun qed jieħu ħsiebhom huwa kemmxejn akbar u jista’ jilħaq  l-€10,000 – li fih ikun inkluż ic-Child in Care Benefit, għal kull tifel jew tifla li jkollhom bżonn din it-tip ta’ trobbija.  Il-familji jew individwi li se jilqgħu din l-isfida, li biha jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ dawn it-tfal jew żgħażagħ, iridu jkunu lesti li jilqgħuhom fi ħdan il-familja tagħhom u jagħtuhom żmien ta’ trobbija li tilħaq il-bżonnijiet partikolari tagħhom.

    “In-nies li ser jitħajjru għal dan it-tip ta’ servizz ser ikollhom sfida akbar minħabba ċ-ċirkustanzi tat-tfal. Fost dawn l-isfidi nistgħu nsemmu tfal li jkunu aktar kbar fl-età, tfal b’xi diżabilità, tfal b’xi mardPat Bonello kroniku, żewġt aħwa flimkien, tfal jew żgħażagħ li missew mad-droga, tfajla tqila b’tarbija li ma tistax tgħix mal-familja tagħha minħabba li tinsab f’periklu eċċ. Aħna nafu li mhux ser ikun hemm mijiet li jidħlu għal dan ix-xogħol imma anki jekk jirnexxielna nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ ftit minn dawn it-tfal inkunu qed nagħmlu ħafna. Naturalment aħna ser inkunu qed noffru taħriġ adegwat għal dawk li jiddeċiedu li joffru l-għajnuna tagħhom, filwaqt li dawn ser ikunu wkoll segwiti b’mod regolari minn ħaddiema soċjali inkarigati apposta. Ċertament ir-riżultati, għalkemm sikwit jiġu bil-mod ħafna, jagħtu bosta sodisfazzjon lil kull min ikun involut.

    “M’hemmx dubju! L-aħjar post għat-tfal huwa mal-familji tagħhom u aħna nippruvaw nagħmlu minn kollox biex it-tfal ma jinħarġux mid-dar tagħhom. Imma sfortunatament ikun hemm każi fejn għall-protezzjoni u għall-ġid tat-tfal stess, dan ikollu jsir. Xi wħud minn dawn it-tfal jibdew jgħixu ġewwa l-istituzzjonijiet u hemmhekk huma jingħataw l-opportunità li jkunu maħbuba u li jibdew mill-ġdid jgħixu tfulithom. Ta’ min isemmi li ħafna minn dawn it-tfal irnexxew fil-ħajja bil-ħiliet differenti tagħhom u llum huma adulti eżemplari. F’dawn l-aħħar snin, numru minnhom qed jimxu wkoll għand familji ġodda li b’imħabba u b’ġenerożità kbira qed jieħdu ħsiebhom u jrabbuhom daqs li kieku kienu wliedhom.

    Kien ikun ħafna aħjar li kieku dawn it-tfal qatt m’għaddew minn dawn l-esperjenzi trawmatiċi. Imma issa hekk ġara u ma nistgħux immorru lura! Għalhekk issa jiddependi kemm aħna ser inkunu lesti li ngħinuhom jirkupraw dak li tilfu fis-snin bikrin ta’ ħajjithom. Studji varji flimkien mal-esperjenzi tagħna ta’ kuljum jikkonfermaw li l-bidla u l-fejqan huma possibbli. Iżda kollox jistrieħ fuq kemm nies ser ikunu lesti li joffru spalla ta’ kuraġġ u l-kenn ta’ djarhom biex dawn it-tfal iduqu l-ħlewwa ta’ xi jfisser li tkun maħbub tassew.”

    Għal aktar tagħrif jew biex tapplika biex toffri l-għajnuna tiegħek bħala foster carer tista’ ċċempel fuq Supportline 179 jew lill-Aġenzija Appoġġ fuq 22959000 jew permezz tal-website www.appogg.gov.mt Jekk tixtieq tipprovdi servizz ta’ Trobbija Speċjalizzata, jew tixtieq aktar informazzjoni, tista’ wkoll iċċempel fuq in-numri ta’ hawn fuq jew inkella tibgħat email fuq outofhome.appogg@gov.mt

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Novembru 2011)

    2011.11.20 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • INT, SA FEJN KAPAĊI TASAL?

    Jiġu mumenti f’ħajtek meta tħossok waħdek wisq. Qalbek titqal u bħal taqa’ dalma quddiem għajnejk. Ġewwa fik tibda tħoss bħal vojt profond li m’għandu l-ebda qiegħ. Il-Woman answering phonekwistjonijiet ta’ madwarek  jibdew jidhru bla tarf u mingħajr ebda soluzzjoni. Nies f’dinjietek kemm trid imma ħadd minnhom li tista’ tafda b’dak li tant qed jifnik. Huma waqtiet fejn donnok tisma’ lil ruħek tixher għall-għajnuna, għall-attenzjoni, għall-imħabba. Tixxennaq imqar għal stranġier, li akkost li ma jafekx, xorta waħda lest li jagħtik ftit widen. Imqar leħen ħabib li jtaffilek kemmxejn mis-sikta u mis-solitudni tal-lejl. Imqar xi ħadd li jgħinek tara d-dawl mill-ġdid…

    “Is-solitudni hija l-akbar povertà” qalet darba Mother Theresa. “Waħda mill-agħar mardiet hija li ma tkun ħadd għal ħadd,” sostniet darb’oħra. Ma kienet tieqaf qatt tinkoraġġixxi lil dak li jkun biex jgħin “Jekk ma tistax titma’ mitt persuna, almenu itma’ waħda.” U finalment ammettiet illi “Il-miraklu mhux li aħna nwettqu dan ix-xogħol imma li aħna kuntenti li nagħmluh.”

    Dawn il-kwotazzjonijiet dwew f’moħħi hekk kif kont qed nisma’ dak li kellhom x’jgħiduli l-intervistati ta’ din il-ġimgħa. Svetlana Camilleri, il-Leader tas-Supportline 179 tal-Aġenzija Appoġġ, flimkien ma’ voluntier ta’ dan is-servizz, spjegawli dak li jiltaqgħu miegħu ta’ kuljum waqt il-ħabtiet meta jċempel it-telefon.

    “Fl-ewwel ġranet tiegħi bħala voluntier, nistqarr li kont nibża’ daqsxejn, għax meta terfa’ t-telefon, ma tkunx taf x’każ ser jippreżentalek dak li qiegħed iċempel. Imma mbagħad, ftit ftit, tibda tagħmel il-kuraġġ u t-taħriġ li tieħu flimkien mal-għajnuna kontinwa li jagħtuk l-istaff tal-Aġenzija Appoġġ, jgħinuk tidħol dejjem aktar fl-ambjent ħalli tkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor,” beda jispjegali l-voluntier.

    Bl-għajnuna ta’ numru ta’ voluntiera, is-servizz tas-Supportline 179 ilu għaddej għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, u preżentament l-Appoġġ għandha madwar 78 voluntiera f’dan il-qasam.

    “Għandna voluntiera li ilhom magħna mill-bidu,” infurmatni Svetlana. “Madanakollu kull sena ssir sejħa għall-voluntiera oħra sabiex inkunu nistgħu noffru servizz aħjar lil dawk li huma fil-bżonn. Is-sena li għaddiet irċevejna 16,446 telefonata u 10,868 minnhom kienu każijiet ġenwini.”

    X’tip ta’ telefonati jwieġbu dawn il-voluntiera?

    “Tista’ tgħid li jkun hemm telefonati ta’ kull xorta għax is-Supportline huwa vast ħafna. Ikun hemm min iċempel għax ikun qed ibati mis-solitudni u jkun jixtieq lil xi ħadd jisimgħu. Ikollu l-bżonn li jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd li lest li jiddedikalu ftit ħin sakemm itarrafflu l-problemi tiegħu u dak li jkun għaddej minnu. Kultant tasal xi telefonata mingħand xi ġenituri li jkollhom id-dubju li wliedhom huma involuti fid-droga u allura dawn ikunu jeħtieġu parir dwar kif ser jaffrontaw din is-sitwazzjoni. Imbagħad nirċievu wkoll telefonati li jkollhom bżonn intervent immedjat bħal per eżempju meta qed iċċempillek mara li sabet ruħha barra t-triq flimkien mat-tfal tagħha, wara li kellha titlaq malajr mid-dar minħabba sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika. F’sitwazzjonijiet bħal dawn il-voluntier jiggwida lil mara biex tmur għand il-pulizija sabiex tagħmel rapport, filwaqt li jibda wkoll iċempel lix-xelters adegwati li forsi jkunu jistgħu joffru rifuġju temporanju lil din il-familja. Ikun hemm każijiet oħra fejn il-voluntier jeħtieġlu jsegwi b’attenzjoni lil xi ħadd li qed iċempel minħabba li għandu f’moħħu li jwettaq xi suwiċidju. Infatti, waqt dawn it-telefonati jkun hemm individwi li diġà jkollhom il-pjan lest ta’ kif ser ineħħu ruħhom b’idejhom. Oħrajn ikollhom il-ħsieb li xi darba jaslu għal din id-deċiżjoni u allura hawn tidħol l-abbiltà tal-voluntier li jkellem u jiggwida lill-persuna biex tersaq għall-għajnuna.

    Huwa importanti li niċċaraw illi l-voluntiera fl-ebda mument ma jkunu weħidhom waqt dawn it-telefonati. Fil-ħinijiet tal-uffiċċju ser isibu l-ħaddiema tal-Appoġġ bħala referenza, u wara dan il-ħin dejjem ikun hemm supervisors on call li ġeneralment dejjem ikunu social workers. Dan ifisser li matul l-24 siegħa li jkun għaddej is-servizz, il-voluntiera dejjem ikunu jistgħu jirreferu ma’ xi ħadd li huwa professjonali f’dan il-qasam.”

    Staqsejt min jista’ japplika biex isir voluntier u x’qiegħed ikun mistenni minnhom?

    “Fir-realtà kull min għandu ‘l fuq minn 21 sena jista’ jkun voluntier. L-importanti huwa li dawn l-individwi jkunu lesti li jieħdu dan l-impenn bis-serjetà u b’responsabbiltà. Aħna nistennew minnhom li jkunu jistgħu jattendu għal tliet xiftijiet fix-xahar, kull xift ta’ 4 siegħat. Hekk kif il-voluntiera jintagħżlu biex jagħtu dan is-servizz, huma jingħataw taħriġ bażiku sabiex jakkwistaw il-ħiliet neċessarji. Barra minn hekk, kull xahrejn, aħna norganizzaw support groups għall-voluntiera sabiex inkunu nistgħu niddiskutu dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom waqt dan ix-xogħol. B’dan il-mod, apparti li l-voluntiera jkunu qed jingħataw is-sosteniment regolari min-naħa tal-aġenzija, huma jkunu qed jitħarrġu dejjem iżjed f’ċirkustanzi varji li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

    Bħala Supportline, bħalissa l-aktar li għandna bżonn ta’ voluntiera huma fil-weekends, fil-ġranet pubbliċi u fix-xift ta’ fil-għaxija, jiġifieri bejn it-8.00pm u nofs-il-lejl. Peress li dan is-servizz jibqa’ għaddej 24 siegħa kuljum, huwa jagħti lok lil dawk l-individwi li jaħdmu imma li jixtiequ jagħtu daqqa t’id, sabiex isibu l-ħin adegwat li jistgħu jgħinu fih.

    Bħalissa għandna l-applikazzjonijiet miftuħa għal dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom bħala voluntiera u b’hekk min jixtieq isir jaf aktar dwar dan is-servizz, jista’ japplika sas-7 ta’ Settembru 2011. Wara din id-data, aħna nibagħtu għal dawk li jkunu applikaw sabiex jattendu għal interview. L-applikanti jiġu mistiedna wkoll bħala grupp ħalli b’hekk inkunu nistgħu nosservaw kif huma jirrelataw ma’ persuni oħra. Minn hawn ukoll, aħna nkunu nistgħu nindividwaw x’tip ta’ persuni qed japplikaw u fejn naħsbu li jistgħu jkunu l-aktar ta’ servizz, peress li l-voluntiera jistgħu anki jgħinu fis-servizz Programm Ulied Darna.”

    Tlabt lil Svetlana tgħidli aktar dwar dan is-servizz …

    “Il-voluntiera ta’ Programm Ulied Darna jmorru fid-djar ta’ familji li diġà qed jirċievu xi servizz ieħor li toffri l-Aġenzija Appoġġ, jew Aġenzija oħra fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.Svetlana Camilleri L-għan tal-voluntiera jkun li jgħinu lill-familji biex jakkwistaw ċerti abilitajiet sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw bl-aħjar mod possibbli bħal ngħidu aħna, jorganizzaw attivitajiet għat-tfal, jgħinu fl-interazzjoni u fil-komunikazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied billi per eżempju juruwhom kif jgħinu lit-tfal jagħmlu l-homework jew kif iżommu d-dixxiplina b’mod kostruttiv. Dawn il-voluntiera jistgħu wkoll jiddirezzjonaw aħjar lill-ġenituri f’kif jużaw il-flus tagħhom b’mod aktar effiċjenti, kif iqassmu x-xogħol tad-dar jew kif isajru ikel aktar bnin u tajjeb għas-saħħa.

    Fir-realtà dawn huma affarijiet prattiċi tal-ħajja ta’ kuljum, iżda li jagħmlu differenza kbira jekk ikunu nieqsa f’familja. Għaldaqstant meta nirrealizzaw li ċerti familji partikolari, b’dik id-daqsxejn għajnuna tal-voluntier, jistgħu jiġu lura fuq saqajhom, aħna noffrulhom dan is-servizz. Huwa importanti li nsemmu illi l-voluntier mhux ser imur fid-djar u jagħti xi lecture lill-membri tal-familja jew li min-naħa l-oħra ser ixammar il-kmiem u jagħmel ix-xogħol kollu hu. Infatti aħna nitolbu lil dawn il-familji biex meta l-voluntier ikun id-dar tagħhom, huma jibqgħu għaddejjin bir-rutina ta’ kuljum sabiex il-voluntier ikun jista’ josserva fejn hemm il-bżonn li l-familja tingħata l-għajnuna ħalli tissaħħaħ.”

    Waqt ir-riċerka tiegħi għal din l-intervista, iltqajt ukoll mal- Emotional Support Helpline 116 123.

    “Biex inżommu mal-linja tal-Unjoni Ewropeja dan in-numru joffri s-servizz tas-Supportline lil dawk l-individwi li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom, ħalli b’hekk ikun hemm numru ġenerali magħruf fejn wieħed jista’ jersaq għall-għajnuna. Dan ifisser li min forsi kien imdorri jċempel fuq il-helpline tal-pajjiż tiegħu, jista’ juża l-istess numru, u fil-każ ta’ Malta, it-telefonata tkun iddirezzjonata għall-voluntieri tas-Supportline 179.”

    Tlabt lill-voluntier li kien magħna waqt din l-intervista biex jgħaddili ftit l-esperjenza tiegħu f’dan ix-xogħol li qed jagħmel…

    “Issa ilni voluntier mas-Supportline għal dawn l-aħħar sitt snin u nista’ ngħid li sa llum għadni nħoss ħafna sodisfazzjon li qed inkun ta’ għajnuna għal dawk li jċemplu. Niftakar li għall-bidu ma kontx naf eżattament x’inhu r-rwol ta’ voluntier fuq Supportline imma meta mbagħad ingħatajt it-taħriġ, mill-ewwel għoġbitni n-natura tax-xogħol għalkemm irrealizzajt li kienet ġenerika ħafna.

    Waħda mill-aktar affarijiet li jolqtuni f’dan ix-xogħol hija l-opportunità li tmiss tassew mal-polz tas-soċjetà. Permezz tas-Supportline tesperjenza ġrajjiet li bosta nies qed jgħixu fil-magħluq. Dawn ma jkunux affarijiet li tista’ titkellem dwarhom ma’ kulħadd u allura f’ċirkustanzi regolari tal-ħajja, rari niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Huma realtajiet ta’ tbatija u żminijiet diffiċli li jgħaddu minnhom ċerti individwi li forsi nies oħra lanqas joħolmu biss li jeżistu. Fil-fatt jiġu mumenti fejn li kieku ma nkunx konxju li qed naħdem fuq sitwazzjoni vera, nasal biex nemmen li dak li qed nisma’ mhux tassew minnu!

    Minħabba dax-xogħol tibda tara l-ħajja minn lenti differenti. Tibda tapprezza ħafna iżjed l-affarijiet iż-żgħar f’ħajtek, bħal ngħidu aħna s-saħħa fiżika u mentali u l-affarijiet materjali li tgawdi minnhom. Man answering phoneTitgħallem tgħożż aktar lin-nies ta’ madwarek: lill-familjari, lill-ħbieb u lil bosta individwi oħra li tgħix magħhom ta’ kuljum, l-aktar meta tara x’iġarrbu n-nies li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom u l-proċess diffiċli li jgħaddu minnu sakemm jirkupraw. L-istess meta ttiegħem is-solitudni ta’ dawk li jċemplulek. Kif tista’ ma titqanqalx meta tara li ċerti nies iċemplu sempliċiment biex jitkellmu ftit għax m’għandhomx mod ieħor ma’ min jitkellmu? Tibda tifhem li inti tgawdi bosta affarijiet li ħaddieħor m’għandux u għalhekk apparti li tibda tapprezza aktar dak li għandek, tħoss aktar il-ħtieġa li tgħin.

    Meta jgħaddu s-siegħat li nqatta’ fuq is-Supportline nipprova ma nibqax naħseb dwar dak li nkun smajt għalkemm ikolli nammetti li mhux dejjem jirnexxieli għax ċerti sitwazzjonijiet li jgħixu wħud, imissulek qalbek wisq. Imma grazzi għat-taħriġ li ningħata regolarment mill-Aġenzija, jiena nitgħallem kif naqta’ ċertu linja bejn kemm ninvolvi ruħi ħalli hekk inkun fi stat tajjeb li ngħin lil ħaddieħor. Trid iżżomm ċar f’moħħok li mhux dejjem ser taqdi għal kollox lil dak li jkun għax jiġu waqtiet fejn dan ma jkunx possibbli. Fuq kollox trid iżomm lura milli tiġġudika, akkost liema sitwazzjoni tisma’ dwarha.

    Min-naħa tiegħi, nixtieq nagħmel kuraġġ lil dawk li huma mħajjra biex jingħaqdu bħala voluntiera mal-Appoġġ. Hemm ħafna x’tagħti f’dan ix-xogħol imma żgur li tieħu wisq aktar lura. Jiena għandi fiduċja kbira fit-taħriġ li jingħata u għalhekk jekk forsi hemm xi ħadd li jaħseb li din hija biċċa xogħol kbira wisq għalih, inħajjru jipprova xorta waħda, japplika, jattendi għat-taħriġ u mbagħad jieħu deċiżjoni wara. Ċertament irid ikollok xeħta u ħajra għal xogħol bħal dan. Nagħlaq billi nfakkar illi jekk ma tippruvax, żgur li ma tkunx taf sa fejn inti kapaċi tasal!”

    L-applikazzjonijiet jagħlqu fis-7 ta’ Settembru 2011. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq is-Supportline 179 jew 22959000. Inkella tistgħu tapplikaw permezz tal-websites: www.appogg.gov.mt jew www.fsws.gov.mt, jew tniżżlu applikazzjoni u tibgħatuha bil-posta, indirizzata lil: Christine Zammit, Aġenzija Appoġġ, 36 St Luke’s Road, G’Mangia, PTA 1318.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 t’Awwissu 2011)

    2011.08.28 / no responses / Category: Torca - Perspettivi