Posts Tagged ‘Għaqda Banda Żejtun’

  • Mara li għexet seklu

    Frances Grima biswit ritratt ta' zewgha Carmelo Grima.JPGFrances Grima waqt ic-cerimonja meta nghatat il-gieh ta' Dama.JPG

    Minn dejjem kont inħossni affaxxinata bil-bniedem, fosthom kif dan irnexxielu jgħix għal dawn l-eluf kbar ta’ snin, akkost li d-dinja nbidlet qatiegħ mal-milja taż-żmien. Mhux il-ħlejqiet kollha irnexxielhom jagħmlu dan. Infatti nafu sewwa li wħud minnhom għosfru kompletament, daqs li kieku qatt ma kienu. Għal perjodu twil, l-istudjużi kienu jemmnu illi kienu l-ħlejqiet l-aktar b’saħħithom li kienu l-iżjed kapaċi li jsalvaw…. imma ħarsu ftit kif spiċċaw id-dinożawri! Intant illum, wara aktar riċerka u iżjed skoperti, l-esperti f’dawn l-oqsma ntebħu illi fir-realtà kienu dawk il-ħlejqiet li kienu kapaċi li jadattaw ruħhom għaċ-ċirkustanzi differenti li rebħu l-isfidi taż-żmien. U fost dawn il-kreaturi l-aktar adattabbli, naraw il-bniedem, li bl-intelliġenza tiegħu għaraf mhux biss kif jinbidel hu imma saħansitra kif jittrasforma l-ambjent ta’ madwaru biex jaġevola lilu nnifsu.

    Dawn il-ħsibijiet għaddewli b’ħeffa minn moħħi hekk kif kont fi triqti biex immur niltaqa’ ma’ Frances Grima, mara, li dis-sena tkun għexet seklu. Kont kurjuża biex nara u nifhem minn xhiex għaddiet matul id-99 sena tagħha u kif issawwret ħajjitha madwar il-bidliet li d-dinja ppreżentatilha, fosthom ir-realtà qarsa ta’ żewġ gwerer dinjija.

    Nistqarr li b’kunsiderazzjoni għall-età tagħha, ippretendejt li ser nara mara li tidher ħafna aktar anzjana u li forsi ma kinetx ser tkun tista’ tiftakar wisq ġrajjiet tfulitha. Imma minflok, hekk kif iltqajna u bdejna nitkellmu, intbaħt illi Frances kienet persuna pjuttost indipendenti u b’memorja brillanti. Ħafna nies miż-Żejtun jafuha bħala l-mara ta’ Carmelo Grima li għal diversi snin kien Segretarju u fundatur ta’ l-Għaqda Banda Żejtun, u għal żmien qasir ħafna inħatar ukoll bħala President ta’ din is-Soċjetà, sakemm ħalla din id-dinja fid-19 ta’ Novembru 1977, ħamest ijiem wara li huwa għalaq 63 sena. Min-naħa tiegħi, xtaqt insir naf aktar minn għandha dwar min kien dan ir-raġel imma wkoll dwar min kienet din il-mara li akkumpanjatu matul ħajtu.

    Memorji ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija

    Twieldet fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija, fit-23 ta’ Novembru 1914. Naturalment, peress li kienet għadha żgħira, ma tantx tiftakar minn din il-gwerra li ntemmet fl-1918, forsi anki minħabba li f’din it-taqtiegħa, Malta ma tantx iġġarbet wisq. Iżda Frances xorta għandha memorja ta’ żmien ta’ skaresezza, fosthom dik li wieħed raġel kien imur b’qoffa kbira jqassam il-ħobż lin-nisa tal-impjegati tal-gvern u li hi kienet takkompanja lil ommha fi Sqaq il-Mitħna ż-Żejtun, sabiex jistennew fi kju ħalli jixtru flixkun pitrolju biex ikollhom biex isajjru.

    Il-mara ta’ Carmelo Grima (Għaqda Banda Żejtun)

    Iltaqgħet ma’ Carmelo meta kien għad kellha biss 12 il-sena u hu kien għaxar snin akbar minnha. Inizzjalment kien jolqotha minħabba li kien wieħed mill-ftit li ma kienux jitrattawha ta’ tifla żgħira. Hu kien iħobb jitkellem magħha u aktar ma bdew għaddejjin is-snin, hi bdiet tinġibed lejh peress li kien ġuvni attraenti, dħuli, bieżel u moħħu jilħaqlu. Carmelo kien jaħdem id-Dockyard u kien involut ukoll f’xi għaqdiet fiż-Żejtun fejn fosthom kien il-fundatur ta’ l-Għaqda Banda Żejtun u anki tal-Għaqda ta’ Għajnuna ta’ Bejnietna – Żejtun li kienet tagħmel parti mill-Workers’ Benefit Society, u permezz tagħha il-bandisti u s-soċi tal-Banda Żejtun setgħu jingħataw għajnuna finanzjarja f’każ ta’ mard jew problemi oħra fuq ix-xogħol.

    Iżżewġu fl-1934 fil-Parroċċa taż-Żejtun u kellhom erbat itfal: Irene, Rosemarie, Joseph u Godfrey. Id-dar tagħhom kienet tinsab fil-pjazza taż-Żejtun u b’hekk huma setgħu faċilment isegwu dak kollu li kien jinqala’. Il-koppja Grima kienu jimxu id f’id flimkien: hi qatt ma ndaħlitlu dwar dak kollu li xtaq jinvolvi ruħu fih u hu dejjem sostniha f’dak li xtaqet tagħmel, anki meta dan ma kienx jitqies man-norma tal-bqija tas-soċjetà. Skont hu, l-importanti kien li minn dak li tagħmel, titgħallem xi ħaġa minnu u jekk dan kien jinvolvi l-istudju, tant l-aħjar.

    It-Tieni Gwerra Dinjija – bomba fil-pjazza taż-Żejtun

    L-aħħar tarbija tagħhom, Godfrey, twieled fl-1942, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Dwar dan iż-żmien Frances għandha bosta rikordji, fosthom uħud tassew diffiċli biex tinsa. Infatti hija esperjenzat it-traġedja li ġrat fit-2 ta’ Mejju 1942, meta ajruplan tal-gwerra xeħet bomba li ġiet fil-pjazza taż-Żejtun u għadd ta’ nies spiċċaw feruti u oħrajn mejta. Dakinhar hi tiftakar ċar li kienet għadha kif ħaslet lil Godfrey u ħallietu fi pram biswit it-tieqa għall-arja. Iżda hekk kif bdiet tlibbes lil Joseph, mill-bogħod għarfet il-ħoss joqrob ta’ ajruplan tal-gwerra Taljan.

    Ħin bla waqt, mit-tieqa tad-dar, tibda dieħla foga tqila sewda u għalhekk hi ħatfet liż-żewġt itfal tagħha u niżlet tiġri bihom biex toħroġ barra. Imma dlonk waqfet sobtu meta minn taħt il-bieb ta’ barra rat daħna sewda dieħla fid-dar. Bħal kif kienu sikwit wissewhom jagħmlu, hi marret tistkenn ma’ wliedha taħt l-arkata tal-bieb. Imma meta l-ħin beda għaddej, il-kurżità għelbitha u ħarġet barra. Hemmhekk hi lemħet lill-ispettur flimkien ma’ numru ta’ pulizija u suldati u basret li kienet inqalgħet xi waħda kbira. Iddeċidiet li titlaq tħaffef għand ommha li kienet toqgħod fil-qrib u kellha xelter. Imma hekk kif kienet miexja, semgħet lil bint il-ġara tagħha, Maria Hyzler, issejjħilha mill-isprall tax-xelter li kien fil-kantina tagħhom, fejn talbitha biex tiċċekkja jekk Frances setgħetx tara lil missierha, imma hi ma lemħitux. Ironikament, Dr Hyzler kien jippreferi jmur jistkenn fil-knisja waqt dawn l-attakki għax hu kien jemmen li din kienet aktar soda u sikura mix-xelter tagħhom. Pero’ dakinhar ma laħaqx daħal għar-rifuġju tal-knisja fil-ħin u b’hekk huwa spiċċa wieħed mill-vittmi ta’ din it-traġedja.

    Mhux ta’ b’xejn li f’dak iż-żmien kien jingħad li fuq il-bombi kien ikun hemm imniżżel isem il-ħajjiet li din kellha taħsad. Kien ikun destin u jkollha tkun għalik. B’leħinha miksur Frances ftakret ukoll fil-mewt taż-żewġt itfal li kienu joqogħdu ħdejhom, Grace u Maryrose, li kienu ħbieb ta’ wliedha. Sa ftit tal-minuti qabel Maryrose kienet qiegħda ħdejha tiggosta lil Godfrey iżda mbagħad waqt dan l-attakk, hija nqatlet flimkien ma’ oħtha bl-isplużjoni tal-bomba, proprju fil-bieb tad-dar tagħhom.

    Voluntiera mas-St John Ambulance

    Probabbilment dawn il-memorji ta’ niket kellhom sehem mill-fatt li wara l-gwerra, Frances bdiet tattendi l-korsijiet tas-St John Ambulance fejn eventwalment hi għamlet 50 sena tgħin bħala voluntiera. Kienet ħabibitha Carmen Ellul li ħajjritha tipparteċipa l-ewwel darba u għalkemm inizzjalment hi żammet naqra lura anki peress li kellha familja ta’ erbat itfal x’tieħu ħsieb, meta żewġha Carmelo ħeġġiġha biex tmur, Frances għamlet il-kuraġġ u bdiet tattendi l-lezzjonijiet tal-First Aid. Għalkemm Carmelo kellu l-impenji tiegħu, huwa sab mezz kif joqgħod mat-tfal sakemm hi lestiet il-kors u għaddiet mill-eżami. U meta ftit wara, hi ġiet mistiedna biex tmur għal taħriġ ieħor fil-Home Nursing li kien ser isir il-Belt u minnufih wara anki għal kors fiċ-Child Welfare, kien mill-ġdid bil-kooperazzjoni tiegħu li hi setgħet tiffinalizza dawn l-istudji.

    Sadanittant, il-Commander tas-St John Ambulance, il-Kulunell Abela, beda jħeġġeġ lil dawk li kienu tħarrġu magħhom sabiex jingħaqdu mat-tim. U akkost li f’dak iż-żmien, in-nisa miżżewġa li jmorru jaħdmu barra, in-nies ma kinetx tħares wisq sewwa lejhom, speċjalment fir-raħal, żewġha xorta rrakkomandalha biex tissieħeb magħhom. Għalkemm Frances kien mingħaliha li se tidħol bħala volontarja mad-Diviżjoni tal-Belt, meta ra l-impenn tagħha, il-Kulunell Abela talabha biex tiftaħ u tieħu ħsieb id-Diviżjoni taż-Żejtun peress li hemmhekk kien għad ma kienx hemm waħda, u hi aċċettat. Il-membri u l-istudenti bdew jiltaqgħu fl-Iskola Primarja taż-Żejtun minħabba li fi żmien il-gwerra din kienet bdiet tintuża bħala sptar tal-armata Ingliża.

    Għall-ewwel l-affarijiet bdew mexjin ħarir anki għax fiż-Żejtun ma tantx kien hemm għaqdiet minn fejn tagħżel. Iżda wara ftit bdew l-intoppi, partikolarment minn xi membri tal-Azzjoni Kattolika, li bdew iwissu lit-tfajliet li mas-St John Ambulance kienu qegħdin jitgħallmu l-pastażati. U dan għaliex biex jitħarrġu fis-salvataġġ tal-persuni, huma kellhom jitgħallmu fuq il-funzjonijiet tal-organi u tal-partijiet differenti tal-ġisem! Aktar tard infetħet ukoll l-għaqda tal-Girl Guides u peress li din kienet ibbażata fuq ambjent aktar avventuruż, xi tfajliet bdew jippreferu jingħaqdu magħhom milli joqogħdu jisimgħu u jitħarrġu dwar il-mard. Iżda d-daqqa tal-mewt għad-Diviżjoni taż-Żejtun seħħet meta tnisslet il-Brigata Laburista għax hemmhekk l-interess kien wisq kbir u b’hekk is-sezzjoni tas-St John Ambulance ta’ din il-lokalità sfaxxat. Xorta waħda Frances baqgħet tagħti sehemha minn diviżjonijiet oħra fejn hi kompliet titħarreġ u tgħallem lill-oħrajn għal diversi snin wara.

    Dama tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Ġerusalemm

    Intant, fl-1997, fl-età ta’ 80 sena, Frances Grima rċeviet rikonoxximent sinifikanti għal din il-ħidma volontarja tagħha, meta wara li ġiet irrakkommandata mis-St John Ambulance għas-servizz u l-għajnuna tagħha tul 50 sena sħaħ, hi ngħatat il-ġieħ bħala Dama tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Ġerusalemm mid-Duka ta’ Gloucester fl-Ingilterra.

    Kif tgħix seklu?

    Matul is-seklu sħiħ li għexet, Frances esperjenzat żewġ gwerer u bosta tibdiliet kemm fir-raħal u kif ukoll fil-pajjiż. Meta staqsejtha kif wieħed jirnexxielu jkampa ma’ dawn il-kambjamenti kollha, hi fil-pront weġbitni li dan iseħħ billi wieħed jitgħallem jimxi mal-kurrent u jieħu d-dinja kif tiġi. Bħala persuna b’moħħ miftuħ li taf issegwi anki l-ħajja moderna ta’ llum, Frances stqarret li fil-passat, is-soċjetà tagħna kienet għadha kemmxejn lura, kellha ftit li xejn edukazzjoni, u kollox kienet tqis bħala dnub. Però min-naħa l-oħra, għalkemm hi kienet kburija ferm bil-livell għoli tal-edukazzjoni li laħqu bosta individwi fiż-Żejtun f’dawn l-aħħar snin, hija kienet pjuttost xettika dwar il-laxkezza fil-moralità tas-soċjetà preżenti fejn issa donnu xejn mhu xejn.

    Naturalment hi tapprezza ħafna wkoll il-progress teknoloġiku li ġab miegħu bosta kumditajiet. Infatti Frances tiftakar żmien għal kollox differenti fosthom il-kundizzjonijiet ta’ faqar ta’ bosta Żwieten meta dari xi nies kienu għadhom jimxu ħafjin fit-triqat, sajf u xitwa. Dwar dan il-perjodu, Frances stqarret miegħi li bħalha żagħżugħa, hi kienet taħseb li dawn il-persuni kienu jimxu ħafjin għax hekk kienu mdorrijin. Imma Carmelo mhux darba u tnejn li fetħilha għajnejha li dawn l-individwi fir-realtà kienu qed jgħixu f’dak l-istat minħabba li ma kellhomx flus biżżejjed biex jixtru żarbun. Però dwar din il-kwistjoni, hu ma tantx irnexxielu jikkonvinċiha għax hi baqgħet tal-fehma li dawn in-nies kienu jippreferu jgħixu f’dak l-istil liberu. Imma l-konferma u t-tagħlima ħaditha meta darba minnhom waslu f’Malta xi żraben mill-Ġappun, maħduma mill-lakstu, li kienu jiswew tliet xelini l-wieħed u minn dakinhar ‘l hemm, ħadd ma baqa’ aktar ħafi.

    Tkellimna dwar bosta affarijiet oħra sakemm finalment wasalna biex nagħlqu. Għalkemm Frances ma jonqosha xejn fid-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun fejn tgħix illum, ma stajtx ma nintebaħx bis-sens kbir ta’ nostalġija li hija għadha tħoss lejn ir-residenza tagħha fil-pjazza minn fejn dari setgħet tesperjenza dak kollu li jsir fil-qalba tal-lokalità tagħha. Id-diskors dar mill-ġdid fuq żewġha Carmelo li għalkemm il-mewt firditu minnha, l-imħabba, l-apprezzament u t-tagħlim li hi ħadet mingħandu matul il-ħajja miżżewġa tagħhom, għadu magħha sal-ġurnata ta’ llum. Barra minn hekk, hija tgħożż ħafna l-kuntatt regolari li għadhom iżommu magħha wliedha u wħud mill-ħbieb tagħha.

    Qabel ħallejtha, dort mill-ġdid lejn Frances Grima sabiex insellmilha u nirringrazzjaha talli laqgħatni għandha u talli qasmet miegħi dawn il-memorji tagħha. U hemm, biswit it-tieqa, fejn issa kien waqa’ d-dlam tal-lejl, nilmaħ mara li għexet seklu, li b’kuraġġ u b’integrità, qiegħda diġà tipprepara ruħha għall-ġurnata ta’ wara.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (Parti 13) fit-Torċa tat-3 t’Awissu 2014)

    2014.08.03 / no responses / Category: Torca - Features & Articles