Posts Tagged ‘Ghawdex’

  • Il-presepju tax-xemgħa fir-Rabat, Għawdex

    Toni Vassallo mal-presepju tax-xemgha (Ritratt- Fiona Vella)Kull meta nitla’ Għawdex u ninzerta għaddejjha minn Triq Vajringa, r-Rabat, ma nonqosx li nagħti titwila lil Toni Vassallo u lill-presepju kbir li hu ħadem mix-xemgħa.

     “Meta ħriġt bil-pensjoni fl-1991, xtaqt nivvinta xi ħaġa ġdida biex ngħaddi l-ħin magħha,” stqarr Toni li llum jgħodd is-76 sena.

    “Minn dejjem kont inħobb nagħmel il-presepji. Imma għodwa minnhom, ġieni f’rasi li nibda naħdem fuq presepju għal kollox differenti minn ta’ qablu. Kellu jkun presepju kbir qatiegħ u kont ser naħdmu mix-xemgħa.”

     Il-kwantità kbira tax-xemgħa li kellu bżonn, Toni akkwistaha mingħand diversi ħbieb tiegħu li kienu jaħdmu fiċ-ċimiterji.

    Gallerija tax-xemgha fil-presepju (Ritratt- Fiona Vella)“Kienu jġibuli l-fdalijiet tax-xemgħat u jien kont inħollhom biex ikolli l-materjal ħalli naħdem il-presepju bihom. Meta rajt li kelli ammont biżżejjed biex nibda, bdejt narma l-forma tal-presepju bil-wajer u mbagħad nimla’ bix-xemgħa fuq il-post filwaqt li nagħti l-kulur skont dak li nkun qed nibni.”

    Fix-xenarju tal-presepju, huwa ma naqasx li jinkludi diversi aspetti konnessi m’Għawdex, fosthom għar jixbaħ lill-Għar ta’ Ninu bl-istalaktiti niżlin mis-saqaf, u galleriji, irziezet u mtieħen bi stil Għawdxi. Imbagħad huwa fassal ukoll xi figuri bħall-Madonna, San Ġużepp u l-Bambin Ġesù flimkien mar-rgħajja u persunaġġi oħra.

    “Kemm ilu għandi dan il-presepju biddiltlu l-faċċata darbtejn ħalli nvarja ftit ix-xeni. Għaldaqstant ħallejt ix-xenarju li kelli fuq quddiem u ħdimt ieħor bl-istess xemgħa.”

    Wiehed mill-irziezet tax-xemgha (Ritratt- Fiona Vella)Minn ħin għall-ieħor, il-presepju jkollu xi viżitaturi u Toni ma jonqosx li jagħtihom nagħġa bajda tax-xemgħa bħala tifkira. Intant, meta erġajna sibna ruħna weħidna, hu wrieni l-apparat li bih jaħdem dawn in-nagħaġ, inkluż ukoll il-forom li jagħmel huwa stess.

    “Issa li kbirt, dan il-presepju joffrili mezz biex nheda kemmxejn. Fl-istess ħin, fil-ftit siegħat li nkun hawn kuljum, niltaqa’ ma’ nies differenti u ngħid kelma ma’ dak u ma’ l-ieħor.”

    (Dan l-artiklu deher fis-sit www.littlerock.com.mt f’Diċembru tal-2014)

    Nota: Sfortunatament, illum 6 ta’ Frar 2015, ġejt mgħarrfa li Toni Vassallo żarma dan il-presepju.

    2016.02.06 / no responses / Category: Littlerock

  • Pawsa ta’ serenità

    Dun Gerard Buhagiar fil-Muzew Dar Karmni Grima.JPG

    Presepju tal-Bolivia.JPG

    Presepju tal-Awstralja.JPG

    Presepju tal-Guatemala.JPG

    Dan iż-żmien hu sabiħ wisq hekk kif bosta nies ikunu għatxana biex igawdu l-ferħ li jġibu magħhom il-Milied u l-istennija għal sena ġdida. Il-ġmiel ta’ dawn il-jiem huwa li din l-atmosfera tkun imferrxa madwar diversi pajjiżi fid-dinja fejn kull nisel ikun qiegħed jiċċelebra dawn il-ġranet bil-mod distint tiegħu. Madanakollu, fl-istess ħin, il-ħlewwa ta’ dawn il-mumenti hija li għalkemm ikun hemm ċertu diversità, dawn l-attivitajiet joħolqu eku universali ta’ kuntentizza u ta’ gost. Mhux li kien xi darba d-dinja titgħallem kif twessa’ din il-pawsa ta’ serenità għat-tul tas-sena kollha….

    Presepji barranin f’Dar Karmni Grima

    Bħalissa, l-għaxqa ta’ dawn id-differenzi ħelwin li jiġu ċċelebrati f’pajjiżi differenti tista’ titgawda ġewwa l-Mużew Dar Karmni Grima fl-Għarb, Għawdex fejn wieħed isib esebizzjoni vasta ta’ presepji li nħadmu f’pajjiżi oħra. Din l-esebizzjoni bl-isem ‘Dawk li jemmnu f’Ismu’ se ddum miftuħa sal-4 ta’ Jannar 2015.

    “Dawn il-presepji maħduma bl-idejn intbagħtu minn numru ta’ missjunarji Maltin u Għawdxin li qed jaħdmu f’kommunitajiet ġewwa artijiet oħra,” fissirli Dun Gerard Buhagiar, ir-Rettur tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.

    “Għal dawn il-ġranet iddeċidejna li noħolqu din il-wirja sabiex permezz tagħha nuru l-universalità u l-unità li jeżistu madwar id-dinja tagħna. Għalkemm il-festa tat-twelid ta’ Ġesù hija waħda universali, kull poplu għandu l-mod tipiku tiegħu ta’ kif jiċċelebra din it-tifkira għażiża. U dawn il-presepji sempliċi imma distinti jesprimu din id-diversità kulturali fil-karatteristiċi varji tagħhom.”

    Infatti, ħarsa lejn dawn il-presepji turi illi għalkemm il-figuri tal-Madonna, San Ġużepp u l-Bambin f’maxtura huma dejjem fundamentali, xorta waħda jibqa’ dejjem lok għal kreattività msensla minn tradizzjonijiet u kulturi differenti.

    Ngħidu aħna fil-presepju tal-aboriġini tal-Awstralja maħdum mill-injam, naraw lill-Bambin Ġesù b’ġilda skura u b’wiċċu mżejjen b’marki taż-żebgħa tipiċi ta’ din il-kultura. Barra minn hekk, minflok il-baqra u l-ħmara, insibu annimali partikolari ta’ dan il-kontinent, fosthom il-kangaru.

    Min-naħa l-oħra, il-presepju tal-Guatemala huma maħdum b’figuri mdaqqsa taċ-ċaqquf. Fih jolqtuk ħafna l-ilwien sbieħ tad-drapp li jżejjen qiegħ il-presepju u kif ukoll id-diżinji kkuluriti li jsebbħu l-kostumi tal-pasturi.

    Daqstant ieħor jiġbdek il-presepju tal-Brażil fejn il-pasturi huma mfassla mid-drapp u l-kostumi tagħhom jirriflettu l-użanzi tal-pajjiż.

    Il-presepju tal-Bambin Ġesù narawh ukoll jistkenn għad-dell tat-tinda mwaqqfa mill-Indjani tal-Amerika ta’ Fuq. Hawnhekk it-tarbija hija mgeżwra sewwa bejn il-gvieret hija u tilqa’ r-rigali li ġabulha n-nies tal-inħawi.

    Il-mużiċisti lebsin kappell kbir abjad huma l-ewwel ħaġa li tara hekk kif tersaq lejn il-presepju tal-Messiku. Mill-ġdid, il-figuri tal-Madonna u ta’ San Ġużepp huma rrappreżentati b’mod divers minn dak li aħna mdorrijin naraw is-soltu.

    “Din il-wirja turi s-sbuħija ta’ kull nazzjon hekk kif b’daqsxejn ta’ presepju, il-viżitaturi jistgħu josservaw il-karatteristiċi varji ta’ kulturi differenti u anki ta’ snajja’ partikolari. Kif tista’ tara, uħud mill-pasturi huma maħduma mill-fuħħar kif ġeneralment ikunu tagħna, għalkemm bi stili differenti. Imma mbagħad hemm ukoll pasturi maħduma miz-zokk taż-żebbuġa, mill-weraq tal-qamħirrun u minn ġebel uniku tal-post.”

    Naturalment, ma setax jonqos li din l-esebizzjoni tinkludi wkoll il-Bambin tax-xemgħa ta’ Karmni Grima li ormaj jgħodd snin mhux ħażin.

    Il-Milied ta’ Karmni Grima

    “Karmni Grima kellha devozzjoni kbira lejn il-misteru tal-Milied. Infatti, apparti dan il-Bambin, f’din id-dar sibna wkoll xi forom li permezz tagħhom hi kienet tagħmel il-bambini ċkejknin tax-xemgħa biex tqassamhom lit-tfal,” spjegali Dun Gerard.

    Forma minn dawn hija esebita f’waħda mill-vetrini li juru xi oġġetti li kienu jappartjenu lil Karmni. Presepju ieħor ħelu tagħha kien juri lill-Madonna u lil San Ġużepp ibennu lill-Bambin f’benniena li ħolqot hija stess.

    “Dan il-Bambin l-ieħor kien ta’ Mons. Ġużeppi Portelli, ir-Rettur li bena s-Santwarju ta’ Pinu,” kompla jfissirli.

    Dar spiritwali

    Kif kont hemm, ħadt l-opportunità biex nara wkoll il-bqija tal-Mużew li oriġinarjament kien id-dar li fiha kienet toqgħod Karmni Grima.

    “Għalkemm din il-proprjetà sservi bħala eżempju ta’ dar rurali antika fejn wieħed jista’ japprezza l-arkitettura ta’ dari u diversi għodod tal-agrikoltura, wieħed ma jridx jinsa li hawnhekk kienet toqgħod mara qaddisa. B’hekk, apparti minn kollox, din id-dar twassal messaġġ spiritwali,” fakkarni Dun Gerard.

    Infatti, fil-bitħa ta’ dan il-post, fuq il-ħwat mimlija ilma li minnhom kienu jixorbu l-annimali li trabbew f’din id-dar, il-viżitatur jilmaħ xbieha tal-Madonna ta’ Pinu akkumpanjata mill-kliem li Karmni Grima semgħet lil Madonna tgħidilha.

    Kif beda kollox

    “Fis-seklu 19, l-epoka li twieldet fiha Karmni Grima, kien hemm qima kbira lejn il-Verġni Mbierka, l-aktar minħabba li saru diversi dehriet tagħha. Kif isemmi Mons. Nikol G Cauchi fil-ktejjeb dwar ħajjet Karmni, f’dik l-epoka kienet sinifikanti ħafna id-Domma tal-Kunċizzjoni Immakulata ta’ Sidtna Marija li ġiet ipproklamata b’mod l-iktar solennii fil-Vatikan mill-Papa Piju IX, fit-8 ta’ Diċembru 1854, meta Karmni kellha tnejn u għoxrin sena.”

    “Din l-imħabba lejn il-Madonna kienet qawwija ferm fl-Għarb fejn kien hemm numru ta’ knejjes u kappelli ddedikati għaliha. Fost dawn kien hemm il-knisja tal-Madonna ta’ Pinu li kienet tinsab f’nofs triq bejn id-dar tal-familja ta’ Karmni u l-għelieqi tagħhom fl-inħawi tal-Ġordan. Infatti, Karmni ħadet id-drawwa li tieqaf issellem lill-Madonna kull darba li tgħaddi minn hemm.”

    “Kien jum fix-xahar ta’ Ġunju 1883, meta Karmni kellha 45 sena, li waqt li kienet sejra lura lejn darha mill-għalqa tagħhom, semgħet leħen isejjħilha mill-knisja ta’ Pinu. Il-mara daħlet fil-knisja u hemm semgħet lil Madonna tlissen ‘Għid tliet Ave b’tifkira tat-tliet ijiem li ġismi dam fil-qabar’.”

    Għall-ewwel, Karmni ma tkellmet ma’ ħadd dwar dak li seħħ sakemm eventwalment fetħet qalbha mal-ħabib tagħha Franġisk Portelli li wkoll kellu qima kbira lejn il-Madonna. Infatti, Franġisk stqarr li anki hu kien sema’ l-leħen tal-Madonna u lilu rrakkomandatlu d-devozzjoni lejn il-pjaga tal-ispalla tal-Iben Divin tagħha, li kienet saritlu bit-toqol tas-salib fil-ħin li kien qiegħed iġorru għall-Kalvarju. Għalkemm inizzjalment dawn it-tnejn żammew dawn il-ġrajjiet mistura bejniethom, meta ġurnata waħda sar miraklu ma’ omm Franġisk, in-nies saret taf b’kollox u minn hemm kibret id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Pinu li finalment waslet biex inbena s-santwarju li naraw illum.

    Presepju b’pasturi Maltin

    “Ġewwa dan il-mużew għandna wkoll xi tifkiriet ta’ Franġisk Portelli fosthom dan il-presepju kbir li għalih hu ħadem dawn il-pasturi li qed tara bi stil Malti. Għalhekk dan il-presepju jirrifletti wkoll is-soċjetà rurali lokali ta’ dak iż-żmien,” urieni Dun Gerard.

    Tassew, il-pasturi kienu lebsin kostumi partikolari ferm, inkluż il-kabozz u l-għonnella.

    Mużew relatat mas-Sejħa ta’ Pinu

    Hemm ħafna aktar x’wieħed jara f’din id-dar fosthom il-kmajra fejn Karmni kienet tinġabar titlob u l-kwadru tal-Madonna li kienet tintasab quddiemu. Barra minn hekk, wieħed isib ukoll diversi aċċessorji li kienu jużaw hi u n-neputija tagħha Marinton li wkoll għexet f’din id-dar u li fl-aħħar snin ta’ ħajjitha għaddiet din il-proprjetà bħala legat lill-Knisja biex isservi bħala mużew sabiex fih jiġu kkonservati l-oġġetti li kienu jappartjenu lil Karmni jew li b’xi mod għandhom x’jaqsmu mas-Sejħa ta’ Pinu.

    Iżda ċertament waħda mill-isbaħ tifkiriet li viżitatur ta’ din id-dar jieħu lura miegħu, hija s-sens ta’ serenità u paċi li jinsab f’dan il-lwog. Minn fuq is-setaħ wieħed igawdi l-hena li ġġib magħha veduta mill-isbaħ tal-inħawi tal-madwar. Filwaqt li minn twejqa miżbugħa bl-ikħal, wieħed jista’ jsegwi dak li kienet tara Karmni kull fil-għodu meta tittawwal minn hemm: il-knisja tal-Madonna ta’ Pinu bil-fanal tal-Ġordan fl-isfond.

    L-aħħar artiklu

    Hekk kif ħallejt dan il-mużew u rħejtilha nsuq lejn l-Imġarr biex nirkeb il-vapur li kellu jeħodni lura Malta, ħassejt sodisfazzjon kbir li din is-sensiela ‘Kobor il-Malti’ kellha tagħlaq b’dan l-artiklu. Dan minħabba li permezz ta’ dan l-artiklu partikolari, apparti li trattajt l-aspett reliġjuż li jifforma parti mis-sinsla tas-soċjetà tagħna, kelli ċ-ċans nuri wkoll kif kobor il-Malti jista’ wkoll jiġi espress fil-wisa’ ta’ kulturi oħrajn.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (30 Parti) fit-Torċa tat-28 ta’ Diċembru 2014)

    2014.12.28 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Missieri kien enigma

    Paul George Pisani biswit il-mafkar ta' missieru Gorg Pisani.JPGGorg Pisani.jpeg

    Xandir minn Ghawdex ghal Ghawdex.jpeg

    Din il-ġimgħa ddeċidejt li nlaqqgħakhom man-Nutar Paul George Pisani li huwa iben il-mibki poeta magħruf Għawdxi, Ġorġ Pisani. Iltqajna fl-uffiċċju tiegħu li jinsab fil-proprjetà fejn hu kien jgħix flimkien mal-ġenituri tiegħu fi Triq Putirjal, ir-Rabat, Għawdex. Faċċata, donnu biex iżomm għajnejh fuq il-post li għex fih għal bosta snin, stajt nilmaħ il-mafkar tal-bronż ta’ Ġorġ Pisani li tpoġġa hemmhekk fit-23 ta’ Ġunju 2001.

    Bħas-soltu, apparti li segwejt il-kitbiet tal-poeta, għażilt ukoll li niltaqa’ mal-uniku iben tiegħu sabiex permezz tad-diskussjoni tagħna, nifhem aħjar min kien dan il-persunaġġ. Huwa tassew illi x-xogħolijiet ta’ artist jistgħu jirriflettu wħud mill-emozzjonijiet u l-perspettivi tiegħu. Madanakollu, jiena nemmen li ħadd ma jista’ jiftaħlek tieqa intima fuq individwu, aktar minn dawk li jkunu għexu miegħu.

    Għal bosta drabi, Paul stqarr illi għalih missieru kien enigma peress li kien bniedem riservat ħafna. Iżda xorta waħda, mal-mogħdija tad-diskursata tagħna, feġġu rivelazzjonijiet interessanti li komplew għanew il-ġrajja ta’ min kien il-poeta Ġorġ Pisani; punti li nittama li xi student tal-Malti għad jitħajjar jistudja aktar fil-fond dwarhom.

    Ħass is-sejħa reliġjuża

    Twieled ir-Rabat, Għawdex fis-6 ta’ Mejju 1909. Tgħallem fl-iskola primarja tal-Gvern u fil-Liċeo t’Għawdex.

    Jidher li f’żogħżitu huwa kellu xi delużjoni ta’ mħabba li kidditu ħafna tant li rari tkellem dwarha ħlief permezz tal-iżvog f’xi poeżiji, fosthom ‘Għanja Moħbija’ u ‘Kelma Nassiesa’.

    Kien f’dan il-perjodu wkoll li huwa beda jieħu t-taħriġ biex isir patri.

    “Fl-adoloxxenza tiegħu missieri ħass is-sejħa reliġjuża u beda n-novizzjat mal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini fejn kellu l-isem ta’ Fra Alipju,” qalli Paul. “Hemmhekk huwa għamel studji avvanzati fil-letteratura klassika u fit-teoloġija, filwaqt li beda jikteb poeżiji bil-Malti fir-rivista tal-Franġiskani Kapuċċini ‘L-Immakulata’.”

    Iżda kif qal Carm C. Cachia f’kitba tiegħu dwar dan il-poeta, “Donnu lanqas fil-protezzjoni ta’ dan il-post qaddis, ma sab il-paċi interna li kien qed ifittex.”

    U infatti, wara xi żmien, Pisani ħalla l-kunvent.

    Sar għalliem

    “Wara li ħalla l-kunvent, missieri beda l-karriera tiegħu bħala għalliem. Fl-1935 huwa nħatar bħala l-ewwel surmast tal-Malti fil-Liċeo t’Għawdex. Kien f’dan iż-żmien li huwa ntroduċa l-istudju tal-Malti fis-Seminarju t’Għawdex.”

    Waqt il-gwerra

    “Fl-1940, fl-eqqel żmien tal-gwerra, huwa ġie msejjaħ Malta biex jaħdem fid-Dipartiment tal-Informazzjoni fejn ħadem bħala traduttur u ko-editur tal-ħarġa Maltija tal-’Information Service Bullettin’. Barra minn hekk, huwa kien jgħallem it-Taljan u l-Malti fl-iskola sekondarja tal-bniet fil-Belt Valletta, filwaqt li ntroduċa l-istudju tal-Malti lill-istudenti tal-Kunvent Sacred Heart f’San Ġiljan,” kompla jirrakkuntali Paul.

    Sehem kbir fil-ġabra tal-qamħ f’Għawdex

    “Meta fl-1942 missieri ġie maħtur Assistant Information Officer għal Għawdex, huwa fetaħ Information Bureau kważi fl-irħula kollha t’Għawdex. Kien f’dan iż-żmien li huwa kellu sehem kbir fil-ġabra tal-qamħ mingħand il-bdiewa Għawdxin.”

    Minn kliem Paul intbaħt li dan kien perjodu sinifikanti ħafna fil-ħajja ta’ missieru.

    “Ma kienx faċli li tikkonvinċi lill-Għawdxin biex joħorġu l-qamħ li kienu kabbru, ħażnu u ħbew. Meta bajda ta’ tiġieġa kienet tiswa prezz għali mmens, tista’ timmaġina kemm kien il-valur tal-qamħ! L-Għawdxin huma nies li tgħallmu jfendu għal rashom għax fuq dil-gżira, matul is-snin, spiss intelqu għal rieħhom. Kulħadd kien jara kif jiżra’ xi ħaġa u jrabbi xi annimal biex ikollu l-provvisti meħtieġa. Għalhekk meta l-awtoritajiet bdew jipprentendu l-qamħ mingħandhom, kien bħallikieku riedu jeħdulhom it-teżori tal-familja,” spjegali Paul.

    Jidher li mhux darba u tnejn li l-qiegħa saħnet għax il-pressjoni minn Malta kienet kull ma tmur tiżdied minħabba li l-ikel fil-gżira prinċipali kien għoddu spiċċa għal kollox u kien hemm bosta li kienu qed jgħoddu ruħhom b’mitlufa.

    “Kulħadd kien jaf li l-Għawdxin kellhom il-qamħ mistur. Imma x’setgħu jagħmlu? Jidħlu għalihom bl-armi biex jeħduhulhom? Fi żmien ta’ gwerra? Meta għandek bżonn in-nies miegħek u mhux kontrik? Kienet sitwazzjoni iebsa u infatti darba minnhom, kienu għoddhom ħaġġruh lil missieri meta mar jipprova jkellem lil xi bdiewa biex jagħtuh il-qamħ għall-Maltin!” kompla Paul.

    Imma sa fl-aħħar, Pisani rnexxielu jsib mezz tajjeb kif jieħu li jrid…

    “Beda jiftiehem mal-arċipriet ta’ kull knisja sabiex jgħid lin-nies li wara l-barka tal-quddiesa, se jkun hemm xi ħadd barra biex ikellimhom. Hu kien joqgħod jistenna n-nies barra fuq iz-zuntier u bil-kalma kollha kien jispjegalhom illi jekk ma kienux se jgħinu permezz tal-qamħ tagħhom, Malta kien se jkollha ċċedi u tiftaħ il-bibien għall-għadu. Apparti minn hekk, huwa beda jistaqsihom jekk kellhomx bżonn xi razzjon għalihom minn Malta ħalli meta jitla’ bit-trakk għall-qamħ, itella’ miegħu dak li jkunu talbuh. B’hekk l-irjus irtabu u l-affarijiet irranġaw ruħhom. Dawn l-esperjenzi kienu eventwalment nebbħuh biex fl-1945 jikteb id-dramm ‘Il-Ġabra tal-Qamħ’.”

    Wara l-gwerra

    “Meta ntemmet il-gwerra, missieri reġa’ daħal għalliem u beda jgħallem il-Malti, ir-Reliġjon, l-iStorja u l-Latin fil-Liċeo t’Għawdex. Sadanittant, huwa baqa’ jaħdem ukoll fid-Dipartiment tal-Informazzjoni u ħafna għadhom jiftakru l-filmshows li kien jorganizza wara nżul ix-xemx fil-pjazez t’Għawdex sabiex jeduka l-poplu u jżommu aġġornat dwar il-ġrajjiet kurrenti. Barra minn hekk, fil-Banca Giuratale fir-Rabat, Għawdex, huwa fetaħ uffiċċju ċentrali b’kamra għall-qari attrezzata ħafna fejn wieħed kien isib jaqra ġurnali, rivisti u kotba dwar suġġetti varji. Fuq inizzjattiva tiegħu wkoll, kienu nstallati loudspeakers tar-Rediffusion fil-pjazez t’Għawdex mnejn il-poplu kien jisma’ l-aħbarijiet u l-avviżi tal-Gvern,” qalli Paul bi kburija lejn ix-xogħol siewi li wettaq missieru.

    Wieħed mill-pijunieri tax-xandir f’Għawdex

    Għalkemm personalment seta’ kien riservat, ċertament Pisani kellu ħeġġa liema bħalha biex itejjeb il-qagħda tal-Għawdxin u tal-gżira t’Għawdex. Infatti hu kien ukoll wieħed mill-pijunieri tax-xandir f’Għawdex.

    “Kien hemm refuġjat Malti f’Għawdex, ċertu Vella, li meta missieri wrieh bix-xewqa li kellu li jsib mezz kif ixandar xi programmi minn Għawdex għal Għawdex, dan ħareġ b’sistema rudimentali li kienet taħdem bil-linji tat-telefon u permezz tiegħu, missieri beda jxandar il-programmi u jinstema’ fil-pjazez.”

    Id-dramm li daħlu fl-inkwiet

    Fl-1945 Pisani ppubblika l-ktieb ‘L-Għid taż-Żgħożija’ li fih hemm uħud mill-aqwa xogħolijiet tiegħu. Infatti, poeżija minnhom li ġġib l-istess isem, akkwistatlu t-titlu tal-Poeta taż-Żgħożija. Fil-prefazju tal-ktieb il- Prof. Ġużè Aquilina kiteb hekk: “Tneħħi… l-waqtiet suwed ta’ qtigħ il-qalb jew disperazzjoni, l-akbar motiv tal-poeżija ta’ Pisani tibqa’ ż-żgħożija qalbiena li tħares ‘il quddiem mimlija ħeġġa u mgħaġġla fit-tiġrija tal-ħajja.”

    Iżda apparti xogħol ieħor li kiteb fl-istess żmien, żgur li xejn ma ħalla mpatt fuq Pisani daqs id-dramm ‘Is-Sengħa tal-Imħabba’….

    “Missieri kien isiefer ħafna u spiss kien jieħu l-opportunità biex imur jara xi dramm barrani. B’hekk, huwa ġie espost għat-teatru tal-kontinent. Ġara li darba ġietu f’rasu li jikteb id-dramm ‘Is-Sengħa tal-Imħabba’ li kien jitratta t-tema ta’ familja li titfarrak meta tidħol bejniethom it-tielet persuna. Id-dramm kien jispiċċa bi tmiem negattiv li jqanqal bosta mistoqsijiet. Inzerta li dan ix-xogħol għoġob lil xi studenti universitarji u dawn iddeċidew li jaħdmuh fir-Radio City l-Ħamrun,” beda jgħidli Paul.

    “Il-busillis beda meta dan id-dramm ġie rrekordjat għar-Rediffusion u allura daħal fid-djar kollha. U hemm qam pandemonju sħiħ għax kien hemm min tkaża bis-suġġett tad-dramm. Ngħiduha kif inhi, illum tidħak jekk tarah. Imma f’dak iż-żmien, għalkemm kulħadd kien jaf li kien hemm il-problemi fil-familji, in-nies kienet taħbihom taħt it-tapit bla ma ħadd kien jipprova jara kif se jsolvihom. Mhux talli! Imma għamluha tabù li titkellem dwarhom!”

    Iżda agħar minn hekk, skont Paul kien editorjal pjuttost kiefer li ġie ppubblikat f’Leħen is-Sewwa li nkorla lil missieru u affettwalu wkoll saħħtu, anki jekk is-soltu ma kien iħalli xejn ikiddu.

    “Min kiteb l-editorjal, b’malizzja semma’ li ma kienx sewwa li għax ikollok esperjenza ħażina f’ħajtek, tmur iċċappasha fuq il-palk. Naturalment kien qed jirreferi għall-istorja ta’ mħabba li kellu missieri f’żgħożitu. U din tant tagħtu ġewwa, li għamel libell lill-ġurnal, għalkemm xorta tilfu għax l-imħallef qal f’sentenza klassika li ma kienx sewwa li fuq il-palk tipproġetta sitwazzjonijiet mhux feliċi tal-ħajja!”

    Jidher li maż-żmien dan l-inċident twarrab mal-ġenb, tant li Pisani kompla jikteb fl-istess ġurnal għal diversi snin wara. Madanakollu, Paul ma jistax jifhem kif mument sinifikanti bħal dan li juri l-ewwel ċaqliqa lejn ir-realiżmu fid-dramm Malti mhux qed jiġi kkunsidrat fil-kotba ta’ llum li jitrattaw l-Istorja tad-dramm f’Malta.

    “Jiddispjaċini meta jiġri dan. Mhux għax qed nitkellem dwar missieri. Imma għax mhux qed niktbu b’mod onest u mhux qed nagħtu kreditu lil min ħaqqu. Uħud donnhom għandhom l-għan li jsemmu biss lil dawk il-kittieba u l-poeti li ġew wara l-gwerra filwaqt li qed iwarrbu lill-oħrajn li ġew qabilhom daqslikieku dawn ma jgħoddu xejn biex wasalna fejn wasalna llum. Ħażin nagħmlu jekk ninsew li mingħajr il-passat m’hemmx preżent,” sostna iben Pisani.

    Iżżewweġ ta’ 54 sena

    Fl-1963 Ġorġ Pisani jiżżewweġ lil Rose nee’ Formosa minn Kerċem, li kienet 32 sena iżgħar minnu. Sena wara kellhom lil Paul u t-tnejn rabbewh f’għożża liema bħalha.

    Kont kurjuża jekk bħala iben, hu qattx ħass il-piż ta’ missier li kien daqstant popolari f’Għawdex?

    “Jiena tlajt b’ċertu reverenza u sottomissjoni edukata lejn il-ġenituri tiegħi u qatt ma ħabbatthom. Nistqarr li kont inħoss xi ftit responsabbiltà għall-fatt li l-missieri kienu jafuh ħafna nies u ma ridtx li nħammarlu wiċċu b’xi mod,” ftakar Paul.

    Staqsejtu wkoll jekk qattx xtaq li laħaq lil missieru f’età iżgħar?

    “Ħa nghidlek, l-aktar li nixtieq hu li għadu ħaj,” irrispondini kemmxejn imqanqal. “Qattgħajt tfulija sabiħa ferm miegħu. Veru li lħaqtu ta’ età kbira imma mbagħad gawdejt mill-fatt li ma damx ma ħareġ bil-pensjoni u allura kellu ħafna ħin għalija. Infatti spiss kont noqgħod niġri ma’ djulu u min jaf kemm laqqgħani ma’ nies li llum huma miti bħal Mary Meylak, Erin Serracino Inglott, Frenċ tal-Għarb eċċ.”

    “Konna mmorru wkoll għall-passiġġati twal fil-kampanja Għawdxija li tant kienet għal qalbu. Kien miġbud ħafna wkoll lejn l-Istorja u infatti kiteb diversi poeżiji relatati fosthom ‘Il-Ġgantija t’Għawdex’, tant li hemm min isibu wkoll bħala l-Poeta tal-Istorja. Madanakollu jien aktar naħseb li kien jixtieq jibqa’ magħruf bħala l-Poeta t’Għawdex. Kellu mħabba kbira għal dil-gżira kif jixhdu bosta mix-xogħolijiet tiegħu, fosthom l-’Innu Għal Għawdex’ li hawnhekk għadu jindaqq meta jispiċċa xi programm tal-banda u warajh jindaqq l-Innu Nazzjonali.”

    Kien kuġin ta’ Carmelo Borg Pisani

    Skoprejt fatt ieħor dwaru li probabbilment ftit jafuh.

    “Missieri baqa’ reliġjuż ħafna, anki wara li ħareġ mill-kunvent. Fil-fatt naħseb li l-għeżeż ħaġa li ħalla fija kien ir-rispett lejn ir-reliġjon, apparti li derrieni wkoll b’ċertu awto-dixxiplina u valuri sodi. Intant, kull fil-għaxija konna ninxteħtu ngħidu r-rużarju flimkien u hekk kif inlestu konna ngħidu wkoll Ave Maria għall-mejtin tagħna. Niftakar li missieri kien isemmihom kollha wieħed wieħed kuljum: il-ġenituri, in-nanniet, iz-zijiet, il-kuġini eċċ. Fosthom dejjem kien isemmi lil ċertu Karmenu li kont naf li kien kuġin tiegħu imma xejn aktar,” irrakkuntali Paul.

    “Però jidhirli li darba minnhom ikkuntattjah il-kittieb Lawrence Mizzi peress li kien qed jagħmel xi riċerka dwar Carmelo Borg Pisani u kien sar jaf li missieri kien prim kuġin tiegħu. Huwa talbu għal xi informazzjoni dwaru imma akkost li s-soltu missieri dejjem jgħin lil kulħadd, lil dan talbu biex lil Borg Pisani jħallih jistrieħ. Għandek tkun taf li missieri kien espert tal-arti diplomatika ta’ kif ma jweġibx mistoqsija jekk jiddeċiedi hekk. Ħadd ma kien jaf li dan l-individwu kien jiġi minna għax missieri qatt ma kien isemmieh ma’ ħadd. Lanqas magħna ma kien jitkellem dwaru. Qatt ma kkummenta dwar jekk kienx jikkunsidrah bħala traditur jew xi ħaġ’oħra. Donnu għalih kien biss membru tal-familja – il-kuġin.”

    Kien gwida ta’ personalitajiet importanti

    “Dari d-Dipartiment tal-Informazzjoni kellu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu wkoll it-turiżmu. Għaldaqstant, parti minn xogħol missieri kien li jdawwar personalment m’Għawdex lil bosta personalitajiet importanti u anki lill-aġenti tal-ivjaġġar li kienu qegħdin jiskopru lill-gżira. Fatt interessanti huwa li baqa’ jagħmel dan ix-xogħol sa meta kellu 80 sena, anki jekk bla ħlas. ‘U dak il-pajjiż għandu bżonnu!’ kien jgħidli meta ġieli lmentajt miegħu.”

    Awtur Prolifiku

    Ġorġ Pisani ppubblika tmien kotba ta’ poeżiji, sitt drammi, ġabra ta’ novelli, ġabra ta’ essejs, żewġ rumanzi u żewġ ġabriet ta’ leġġendi Għawdxin. Barra minn hekk, wara mewtu, fis-sena 2000 il-Prof. Oliver Friggieri stampa antoloġija mill-kotba kollha ta’ Pisani bl-isem ‘Ġorġ Pisani – Poeżiji’ filwaqt li ibnu Paul ippubblikalu l-ktieb ‘Id-Duwa tal-Maddalena’ li kien jikkonsisti f’ġabra ta’ tagħrif folkloristiku. Iżda fir-realtà ibnu stqarr miegħi li hemm ħafna aktar x’jiġi ippubblikat.

    Rispett

    Matul ħajtu, Pisani rebaħ bosta konkorsi u premijiet letterarji. Ngħata l-premju governattiv ‘Malta Literary Award’ u l-premju internazzjonali ‘Città di Valletta’. Fl-1986 inħatar membru għal ħajtu tal-Għaqda Poeti u fl-1992 il-Gvern Malti onorah bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika. Fl-1997 il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria onorah b”Ġieh il-Belt Victoria’.

    Ġorġ Pisani miet fl-24 ta’ Frar 1999. Skont ibnu, il-funeral tiegħu kien xhieda tar-rispett li n-nies kellha lejh hekk kif kienu bosta dawk li attendew għall-quddiesa li ġiet ikkonċelebrata minn 61 saċerdot.

    Fl-2006 segwitu martu Rose iżda għal Paul, il-memorja tal-ġenituri tiegħu hija ħajja daqs qatt qabel.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (23 parti) fit-Torċa tad-19 t’Ottubru 2014)

    2014.10.19 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Dinja għaliha

    Il-kartolina li harget b'tifkira ta' Mary Meylak fil-100 sena minn twelida.jpgIl-lapida ta' kommemorazzjoni f'gheluq il-100 sena minn twelidha.jpgId-dar ta' Mary Meylak.JPG

    Mary Meylak.jpgJosmar James Vella.JPG

    Qrajt l-ewwel poeżija ta’ Mary Meylak meta kont studenta fl-iskola primarja. Ma domtx ma rbatt qalbi magħha meta skoprejt li kienet l-ewwel poetessa Maltija, u ta’ tifla li kont, ixxenaqt li meta nikber insir bħalha. Niftakar li kont akkwistajt il-ktieb tagħha Dawra Misterjuża (1947) u hemmhekk intbaħt li kellna l-istess ġibda lejn il-fantasija u li bħali, donnha kienet tgħix f’dinja għaliha.

    Meylak – l-inqas waħda li ġiet rikonoxxuta

    Għalkemm studjajt il-lingwa u l-letteratura Maltija għal diversi snin wara, fejn stħarriġt diversi awturi u poeti, ix-xogħolijiet ta’ din il-poetessa qatt ma reġgħu tfattxaw. B’hekk Meylak sfumat fix-xejn u f’moħħi baqa’ minnha biss is-sura ta’ memorja nostalġika.

    Kien għalhekk li dan l-aħħar iddeċidejt li nimla’ dan il-vojt li trabba’ bejnietna billi staqsejt dwarha, fittixt il-kotba tagħha u ddiskutejt xogħolijietha flimkien ma’ Josmar James Vella, Tarcisio Zarb, u l-Prof. Oliver Friggieri.

    Vella li huwa Għawdxi, gradwat B.A Malti (Unuri), għamel it-teżi tiegħu dwar Mary Meylak u permezz ta’ dan ix-xogħol, huwa xtaq jgħolli kemm jista’ jkun isem din il-poetessa li fil-fehma tiegħu, jistħoqqilha kull tifħir daqs kull poeta ieħor li kiteb ismu b’ittri tad-deheb fil-letteratura Maltija.

    “Matul iż-żmien, Għawdex irnexxielu jrawwem nies li fil-kamp tal-letteratura Maltija għamlu isem għalihom. Fost dawn insibu lil Ninu Cremona, Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani u Mary Meylak. Iżda minn dawn kollha, Meylak hi l-inqas waħda li ġiet rikonoxxuta. Infatti, meta bdejt nagħmel ir-riċerka tiegħi dwarha, spiss iltqajt ma’ kitbiet u kritika dwar il-persunaġġi l-oħra imma ftit li xejn kien hemm min tratta lil din il-poetessa,” qalli Vella.

    Fil-fehma tiegħu hemm żewġ raġunijiet partikolari għala ġara dan. Wieħed minnhom kien il-fatt li bħala mara, Meylak azzardat tidħol f’dinja li kienet meqjusa ‘tal-irġiel’. Barra minn hekk, hija għażlet li taqbad rotta oriġinali u differenti għal kollox mill-linja tax-xogħol letterarju li kien moda dak iż-żmien u b’hekk jista’ jkun li ma ttieħdetx daqstant bis-serjetà.

    L-unika vuċi femminili

    “Mary Meylak kienet l-unika vuċi femminili fost il-poeti Romantiċi Maltin tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. F’perjodu meta l-poeti l-oħra kienu qed iħaddnu t-tema tal-kriżi eżistenzjali, li kienet qed issir il-moda ta’ dak iż-żmien, hi għażlet li tinqata’ għal kollox minn dan l-istil, mhux biss għaliex ma tagħti ebda ħjiel tal-ansjetà eżistenzjali u storika ta’ żmienha, iżda wkoll għaliex issib il-milja tal-espressjoni tagħha nnifisha fl-għoti ta’ sura fantastika lid-dinja ta’ madwarha,” kompla jispjegali Friggieri.

    Is-sempliċità fix-xogħolijiet ta’ Meylak

    Sadanittant, meta nxtħett naqra l-poeżiji ta’ Meylak, issa li jiena persuna adulta, deherli li kitbietha u t-temi li kienet titratta, kienu xi ftit sempliċi żżejjed. Għaldaqstant, tlabt lil dawn l-istudjużi biex ifehmuni aħjar dwar kif għandi ninterpreta lil din il-poetessa…

    “F’termini ġeneriċi, wieħed jista’ jgħid li l-poeżija ta’ Mary Meilak, hija poeżija sempliċi, li ftit li xejn tbiegħdet mill-poeżija, hekk imsejħa popolari, jiġifieri, il-poeżija tal-kwartina bir-rima mqabbża tal-għana Malti – poeżija li bħala regola tibni fuq il-vers tat-tmienja. Poeżija ta’ dan it-tip, għaldaqstant għandha mnejn tinħass li ma tagħmilx parti mill-poeżija tal-’literai’, imma pjuttost, għandha mill-poeżija ‘bidwija’, dik it-tip ta’ lehma poetika, li tagħmel parti mill-mod ta’ għajxien il-bniedem, li huwa midħla aktar tan-’narratoloġija tan-natura’ milli tan-narratoloġija li hija konxja tal-istess narratoloġija tagħha,” għarraffni Zarb.

    “Mary Meylak għandha l-valur tagħha fix-xejra ċentrali, kontinwa tagħha; is-sempliċita’ ta’ ruħ li ma hix kapaċi tagħraf problemi, u meta tagħrafhom tħollhom b’mod immaġinativ,” kompla Friggieri.

    It-temi prinċipali ta’ Meylak

    Fost it-temi prinċipali li Meylak tiġi assoċċjata magħhom hemm il-fantasija, in-natura u r-reliġjon.

    “Fil-poeżiji tagħha, Meylak spiss tinqeda bit-teknika tal-personifikazzjoni fejn b’mod l-aktar ħelu u sempliċi, hi tagħti l-kwalitajiet tal-bniedem lil dak kollu li mhux uman u b’hekk, il-ħlejjaq isiru mogħnija bis-sensi u l-emozzjonijiet. Dawn il-figuri tat-taħdit joħorġu b’mod naturali minn moħħ il-poetessa, ħafna drabi bi tbissima u b’ħajta umoristika. Mix-xejn toħroġ il-kbir, mis-sempliċi tiftaħ l-orizzonti tal-kreattività. F’dawn l-aspetti toħroġ il-fantasija impekkabbli tal-poetessa u ċertament il-poeżija tagħha ‘Dawra Misterjuża’ hija eżempju mill-iprem ta’ dan,” qalli Vella.

    “Xogħolijietha juru biċ-ċar ir-rispett ġenwin li hi kellha lejn in-natura u l-imħabba kbira lejn l-annimali li jiġu trattati bħala persuni, ugwali għall-bniedem fit-tbatija. Huma umanizzati proprju għaliex għandhom integrita’ morali li l-bniedem għandu ħafna x’jitgħallem minnha,” fissirli Friggieri. “Min-naħa l-oħra, meta Meylak tikteb dwar in-natura, wieħed jista’ jħoss ukoll element reliġjuż f’xogħolijietha hekk kif hi tnebbaħ illi rispett lejn Alla Ħallieq jesiġi bilfors rispett lejn il-ħlejjaq Tiegħu.”

    “Il-poetessa għandha l-kredu tagħha – kredu li jsostni dak li hija wirtet f’termini ambjentalistiċi u lingwistiċi, kif ukoll f’termini ta’ lehma u spiritwalità. Dan huwa dak it-tip ta’ kredu li sawwar il-’forma mentis’ tagħha. Il-perċezzjonijiet tagħha, u kif hija tiffiltrahom poetikament huma konsonanti mal-istess ambjentazzjoni li tgħix u tgħammar fiha,” kompla Zarb.

    “Bħal qisu, din hija dik it-tip ta’ poeżija, li trid tiċċelebra lill-ħajja mingħajr ambizzjonijiet tal-gżira Għawdxija. U dan tagħmlu bid-dehwa ta’ min inħakem minn xi tip ta’ eliżir, li huwa intimament marbut mal-mitoloġija siekta tal-ħajja ta’ kuljum. Hija dik it-tip ta’ mitopoeja li hija ssawret minnha u dawritha magħha biex tkompli ssaħħilha lill-istess għajxien intimu tagħha – għajxien mogħni b’serenità, armonija u bilanċ fl-istess esuberanza imaġistika tiegħu.”

    It-tema tal-gwerra – poeżiji inediti

    Waqt li kien qiegħed jagħmel ir-riċerka għat-teżi tiegħu, Vella sema’ li kien hemm diversi poeżiji inediti ta’ Meylak u fosthom kien hemm ammont li kienu jitrattaw it-tema tal-gwerra. Fost id-diversi kuntatti li għamel, huwa ltaqa’ ma’ Joe Camilleri, li kien għalliem tal-Malti u midħla sewwa ta’ Meylak u tan-neputi tagħha, il-Kanonku Joe Meylak, u dan tah indikazzjoni li probabbilment seta’ jsib xi ħaġa tagħha fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ San Ġorġ ir-Rabat Għawdex.

    “F’dan iċ-Ċentru tkellimt ma’ Francesco Pio Attard li għeni ħafna fit-tiftix tiegħi u saħansitra urini kaxxa tal-kartun li kienet miżgħuda bid-drammi, bil-kitbiet u bil-poeżiji ta’ Meylak, li wħud minnhom qatt ma ġew ippubblikati. Bqajt ngħarrex u nittama li nsib il-poeżiji relatati mal-gwerra sakemm finalment tfaċċaw quddiemi f’forma ta’ skritti u pitazzi suwed,” irrakkuntali Vella hekk kif beda jurini xi kopji tagħhom.

    Apprezzajt ferm hekk kif ilmaħt kitbietha u n-noti li hi ħalliet miktuba ħdejhom u nistqarr li f’dak il-mument ħelu, bħal ħassejtha qiegħda qribna, tarana niflu xogħolijietha u napprezzawhom. Fost it-titli tal-poeżiji kien hemm: ‘Il-Black-Out’, ‘Il-Black Market’, ‘l-Flus tar-Relief’ u diversi oħrajn.

    Il-poeżija ‘Waqt Air-Raid’ kienet waħda minnhom:

    Weee weee weee
    Reġgħu ġew ja uċuh bla żejt
    Ġejja x-xelter? Ħaffef isa!
    Jien tiela fuq il-bejt.

    Qabel xejn roddu salib
    Żomm sinjur idek felħana
    Fuq gżiritna u kemm il-bdoti,
    Lis-suldati u lin-nies tagħna.

    Oħra, bl-isem ta’ ‘Ma’ min iżżomm?” kienet turi s-sentimenti favorevoli li hija kellha lejn l-Ingilterra:

    Jekk l-għadu għad bid-deheb jibni ħitanek
    u jdawwrek bid-djamanti wara l-gwerra,
    ma’ min iżżomm?
    Tridx tgħidli Malta tiegħi?
    Mal-Ingilterra!

    Silta minn poeżija oħra bl-isem ‘Malta bil-George Cross’ tesprimi mill-ġdid is-simpatija tagħha lejn il-kolonizzaturi ta’ Malta, filwaqt li titkellem b’ġieħ ukoll lejn niesha u lejn pajjiżha:

    Kien waħdu sidru jħammar
    Ġod-dinja l-pitirross,
    Illum ħmar sider Malta
    Bid-dehen mistħoqq George Cross.

    Int qabar tal-għedewwa
    M’hemmx biża, m’hemmx irdoss,
    Int l-għaxqa tar-Re tiegħek
    Li xeddlek il-George Cross.

    Fost il-ġrajjiet ta’ żmien il-gwerra, irrakkuntati permezz tal-poeżiji ta’ Meylak, kien hemm ukoll il-poeżija ‘Il-Vitorja tal-1943′ li silta minnha kienet tgħid hekk:

    X’ħin ħriġna l-Bambina miżmuma fl-idejn,
    Ġiet xita ta’ grazzi mill-beraħ tax-xejn,
    O x’ferħ f’dil-Vitorja tat-tlieta u erbgħin!

    “Punt bijografiku li affettwa l-poetika tagħha u li s’issa ħadd qatt ma rabtu ma’ Meylak kien li hi għexet iż-żminijiet koroh tal-gwerra u fil-fatt dawn iż-żminijiet qanqluha biex tikteb poeżiji li juru l-kwadru tal-ħajja lokali f’dawn l-esperjenzi qarsa li għaddiet minnhom. Kif qed tara, l-ammont kbir ta’ poeżiji li hi ħalliet warajha, jistgħu jitqiesu bħal speċi ta’ djarju, li apparti li jirrakkonta dak li għaddiet minnhu hi, jiddeskrivi wkoll dak li għadda minnu l-poplu u l-pajjiż tagħna. Nixtieq ħafna li fil-futur qarib jirnexxieli nippubblika dawn il-poeżiji sinifikanti ta’ Meylak” qalli Vella.

    Intant, Vella jispera wkoll li jkollu l-opportunità li jkompli jfittex aktar kitbiet ta’ din il-poetessa li kellha ħabta tibgħat il-poeżiji oriġinali biex tipparteċipa f’xi kompetizzjoni jew biex jiġu ppubblikati f’xi ġurnal, u allura min jaf kemm aktar xogħolijiet tagħha għad fadal x’jinstabu.

    Min kienet Mary Meylak

    Ngħid għalija, ma tistax tistudja x-xogħolijiet ta’ persuna mingħajr ma tipprova tifhem ukoll xi ftit min kienet u x’personalità kellha. Madanakollu, kull min kellimni dwar Meylak qalli li hi kienet persuna riservata ħafna u kienet tkellem biss lil dawk li kienet taf sewwa.

    Twieldet fid-9 t’Awissu 1905 fir-Rabat, Għawdex u attendiet fl-Iskola Ċentrali t’Għawdex. Skont Vella, “L-imħabba għall-kitba bdiet minn meta kienet żgħira. Fl-iskola, sħabha tal-klassi kienu jagħtuha l-flus biex tagħmlilhom il-komponimenti. F’intervista li darba għamlu lil Meylak hija stqarret li kienet ommha li tatha l-ispirazzjoni biex tibda tikteb peress li kienet tuża ħafna figuri tad-diskors meta kienet tkun qed titkellem. Hija qalet ukoll li kollox kien jispiraha, mis-sħab tas-sema sal-ġebel tal-ħajt. Dan kien ikun biżżejjed biex iqanqal fiha ħsieb fertili li mħallat mas-sengħa ta’ kif kienet tħaddem il-kelma, kien jirriżulta f’kitbiet imlewna u msaħħra.”

    Kienet sensittiva ħafna

    “Meylak kienet tħobb tikteb fil-ġeneri letterarji kollha, imma kienet tħossha kburija li kellha l-ħila tikteb il-poeżija. Kienet sensittiva ħafna dwar din il-ħaġa. Infatti kienet tagħmel nervi kbar meta kienet tkun ikkritikata jew meta ma kinitx tissemma’ daqs kemm kienet tistenna li tkun imsemmija. Fil-bidu tas-seklu 20, l-ilsien Malti kien għadu qed iħabbat wiċċu ma’ bosta intoppi. Kien imkasbar u mlaqqam bħala ‘ilsien tal-kċina’ – l-ilsien tal-baxxi. Kotba bil-Malti ftit li xejn kont issib u li mara tikteb bil-Malti kienet ħaġa tassew kbira, aktar u aktar jekk titħajjar tikteb il-versi. Iżda minkejja dan l-ambjent ostili l-poetessa rnexxielha taqsam dak li tħoss mal-oħrajn u xxerred kitbietha.”

    “Fl-1930 kitbet l-ewwel poeżija tagħha ‘Faxx Nemel’ u ħadet sehem biha fil-Pronostku Malti ta’ dik is-sena taħt in-nom-de-plume ‘Qamar Ġdid’. B’dil-poeżija hi rnexxielha tieħu s-sitt post fil-konkors u wara dan is-suċċess, il-poetessa kompliet tikteb u bdiet tieħu l-fama tal-unika poetessa Maltija.”

    Kienet eċċentrika u introverta

    Komplejt nistaqsi lil Vella dwarha u hu kompla jgħidli:

    “Kienet bniedma eċċentrika u introverta li ma tkellem lil ħadd u li ħadd ma jkellimha. Tiżjin u ritratti mill-inqas biex kemm jista’ jkun ma tidhirx wisq. Imma għal dawk qrib tagħha Mary Meylak kienet għal kollox differenti. In-nies li kienu viċin tagħha, jafuha eżatt kif hi pinġiet lilha nnifisha fil-poeżija ‘Monument Mary Meylak’; jiġifieri mara b’qalb tad-deheb li ħsiebha kien biss biex tgħin lill-batut.”

    Kienet ġeneruża

    Sirt naf ukoll dawn ir-rakkont interessanti dwar il-ġenerożità ta’ Meylak:

    “Minħabba l-faqar u l-għaks ta’ wara l-gwerra, fejn f’Għawdex kien hemm problema bin-nuqqas ta’ djar, hija xtaqet li tagħmel xi ħaġa biex mill-ftit tagħha ttaffi t-tbatija. Għalhekk bniet żewġ blokki ta’ appartamenti fi Triq Pompei u fi Triq il-Kappillan Hili fir-Rabat Għawdex u kriethom lill-koppji b’kera baxxa.”

    “Darb’oħra waqt il-ħruġ tal-istatwa ta’ San Ġorġ min-niċċa, waqt li kienet fil-korsija flimkien man-nies l-oħra ċċapċap u tifraħ bħal tarbija, wasal il-qassis bil-kopp quddiemha, u hi fetħet iż-żipp tal-portmoni u tefgħetlu kollox. Kien biss wara li ndunat li tefgħet iċ-ċwievet tad-dar ukoll!”

    Il-lat romantiku tagħha

    Meylak għamlet sbatax-il sena taħdem fl-uffiċini tal-Gvern. Fl-1942 hi saret għalliema u kompliet f’din il-karriera għal għoxrin sena oħra sakemm irtirat. Baqgħet qatt ma żżewġet għalkemm hemm min jgħid li darba kienet tara raġel. Ta’ mara romantika li jien, ippruvajt nislet xi ħjiel mill-poeżiji tagħha u tassew, f’ċertu kitbiet minnhom bħal ‘Let us never meet again!’, ‘Goodbye’, ‘And are you sure?’ li qrajt fil-ktieb ‘Songs you will like’ (1971), jidher li Meylak xi darba kellha xi delużjoni ta’ mħabbha li għalkemm hi qatt ma tkellmet dwarha man-nies, xorta waħda rrakkuntatha bejn il-linji tal-kitbiet tagħha:

    Let us never meet again!

    No, I do not care how you adore her
    And love her very fondly all your days
    So long as I can’t see you loving her
    So close, day after day, before my face.

    I can’t live up to it remember this:
    The story is too sad, painful indeed,
    No one can free me from the spell of love,
    And cut the strings that tug my heart and bleed.

    So better leave me, and please try and obey,
    Oh let us never meet on earth again
    All my delusions have been spoiled and shattered
    My hopes were grains of sugar in the rain.

    Għalkemm Meylak għexet f’dinja għaliha, jekk wieħed jinteressa ruħu u jsegwi l-poeżiji u x-xogħolijiet l-oħra tagħha, almenu jkun jista’ jsegwi dak li l-poetessa riedet taqsam mal-pubbliku. U dan ma kienx ftit għax hi kienet pjuttost prolifika.

    Fil-poeżija l-aktar magħrufa tagħha ‘Dawra Misterjuża’ hi tikteb:

    Jien se ngħidilkhom ħaġa u se tistagħġbu,
    Emmnuni li mhix qlajja’
    Jekk jien ngħidilkhom illi b’moħħi nimxi
    Wisq aktar minn b’saqajja.

    U fejn immur?… Min jaf fejn immur b’moħħi!
    Fejn ngħid li ser jesgħani?
    X’inhuma l-ħames kontinenti f’daqqa?
    X’ċajt huma l-Oċijani?

    Is-sena 2015 – 40 sena anniversarju minn mewtha

    Mary Meylak mietet fl-1 ta’ Jannar 1975 fl-isptar t’Għawdex, fi Pjazza San Franġisk. Indifnet fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija li hemm fil-limiti Tal-Barmil fil-qabar tal-familja Meylak, numru 79. Fl-2005, f’għeluq il-100 sena minn twelidha, twaħħlet lapida fi Pjazza San Ġorġ, biswit id-dar li kienet toqgħod fiha ħajjitha kollha: numru 6 Triq San Ġużepp, ir-Rabat, Għawdex. Dakinhar, ħarġet ukoll edizzjoni limitata ta’ kartolini f’ġieħha u saru xi attivitajiet kulturali biex ifakkru lil din l-ewwel poetessa tal-gżejjer tagħna. Is-sena d-dieħla nfakkru l-40 sena mill-mewt tagħha u nittama li b’xi mod, isimha u xogħolijietha, jiġu mfakkra mill-ġdid.

    Id-dar abbandunata ta’ Meylak

    Biex nagħlaq dan il-vjaġġ, mort infittex id-dar ta’ Meylak u kont iddiżappuntata mhux ftit meta ma kien hemm xejn x’jindika liema waħda kienet. Daqstant ieħor skantajt li wħud mill-Għawdxin li waqqaft fi Pjazza San Ġorġ, lanqas biss kienu jafu għal min qed nirreferi meta semmejt lil Mary Meylak! Eventwalment xi anzjani urewni l-proprjetà tagħha u qaluli li spiss kienet tħobb tintasab bil-qiegħda barra fuq siġġu u tikteb il-poeżiji. Sfortunatament, illum id-dar tidher abbandunata għal kollox u kien hemm min qalli li mhux darba u tnejn li xi nies daħlu fiha u ħadu xi affarijiet. Tnikkitt u hekk kif ħarist lejn it-twieqi tal-gallarija ta’ din id-dar, immaġinajtha tittawwal u tgħidli, “Għidilhom!”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (22 parti) fit-Torċa tat-12 t’Ottubru 2014)

    2014.10.12 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IR-RAKKONT TAL-AKBAR ĠRAJJA

    Anton Galea Skont W J Cameron “Kien hemm biss Milied wieħed…. il-bqija huma kollha anniversarji.”  U ħadd ma jista’ jlumu għax hekk hu. Forsi għalhekk li aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-sinifikat oriġinali tiegħu qiegħed dejjem kull ma jmur jintilef u jinbidel fit-tema ta’ festini u xalar. Madanakollu b’xorti tajba mhux kollox mitluf għax fil-qalba ta’ ċertu djar, wieħed għadu kapaċi jiltaqa’ mat-tifsira ġenwina tal-Milied. Infatti dil-ġimgħa hekk kif mort inżur il-kollezzjoni grandjuża tal-Milied ta’ Anton Galea fir-Rabat Għawdex skoprejt illi għalih il-Milied qatt ma jgħaddi peress li hu sab mezz kif jibqa’ jgħixu f’kull jum matul is-sena.

    “Il-Milied minn dejjem kont inħobbu imma nistqarr li qatt ma bsart li għad ikolli dil-kollezzjoni tant kbira! Però donni li b’xi mod antiċipajt li dawk il-pasturi sempliċi li kont nilgħab bihom meta kont żgħir, kellhom xi darba jfissru ħafna aktar għax dejjem bżajt għalihom u qatt ma kissirthom. Illum li għandi 76 sena, dawn il-pasturi huma prezzjużi ħafna għalija, anki jekk wiċċhom u surithom mhumiex daqshekk sbieħ. Imma huma jirrappreżentaw tfuliti u jqanqluli nostalġija kbira kull darba li nħares lejhom.”

    Ħafna minn dawn il-pasturi antiki huma miġbura ġewwa vetrini apposta fejn ġurnata wara l-oħra dawn ifakkru dil-ġrajja qaddisa. Fl-istess ħinIl-pasturi l-antiki huma wkoll rikordju tas-snajja’ Maltin.

    “L-ewwel pasturi tiegħi kienu tat-tafal. Kont xtrajthom mingħand Majsi Zahra li kien pasturar Għawdxi. Wara bosta snin magħluqin fil-kaxxi, darba minnhom iddeċidejt li nqabbad lil Toni Buhagiar minn Birżebbuġa biex jaħdimli presepju b’ambjent Għawdxi ħalli nkun nista’ npoġġiehom fih u b’hekk inkun nista’ ngawdihom matul is-sena kollha.”

    Iżda n-namra tant qawwija mal-ġrajja tal-Milied seħħet meta ħuħ Joseph Galea waqqaf il-grupp Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin.

    “Probabbilment ħija jħobbu ħafna aktar minni l-Milied għax kieku ma kienx jidħol għal biċċa xogħol bħal din. Stinka ħafna biex rawwem din l-għaqda u llum huwa kburi li hemm bosta membri mseħbinIl-presepju l-ġdid ta' dis-sena fiha li huma dilettanti kbar tal-Milied. Naturalment jiena kont wieħed minn tal-ewwel li sirt membru u hekk kif bdejt niġi espost għat-tagħlim ta’ ċerti nies tas-sengħa li ta’ kull sena jiġu juruna kif isir dax-xogħol konness mal-presepji u l-pasturi, bdejt nitħajjar immidd idejja jien ukoll f’dal-qasam. Barra minn hekk, bħala membru ta’ din l-għaqda, darba f’sena jkolli l-okkażjoni li nattendi għall-kungress li jsir l-Italja, filwaqt li kull erbgħa snin isir kungress internazzjonali f’Innsbruck fejn jinġabru għad ta’ dilettanti bħali tal-presepju. Waqt dawn il-mawriet nieħu ħafna ideat ġodda u nistħarreġ il-possibilità tal-użu ta’ materjali differenti minn dawk li aħna mdorrijin naħdmu bihom hawnhekk. Dawn l-esperjenzi jibqgħu stampati f’moħħi u nirritorna lura lejn pajjiżi kollni mħeġġeġ u mħajjar biex noħloq presepju ġdid. Finalment bl-iskop li jkolli biċċa xogħol ġdida x’nesebixxi kull sena fil-wirja li torganizza l-għaqda, sibt ruħi qed nibni presepju wara l-ieħor sakemm illum spiċċajt biex għandi kollezzjoni sħiħa.”

    Ta’ min jgħid li dawn il-mawriet f’pajjiżi oħra jservu wkoll sabiex Anton jaħtaf l-opportunità biex jgħarrex għal xi sett ta’ pasturi jew xi presepju interessanti ieħor x’iniżżel miegħu lejn Malta.

    “Ormaj għandi mijiet ta’ pasturi u presepji ta’ kull daqs, xorta u materjal. Ara, dan presepju tal-kartun li jmur lura għaż-żmien ta’ qabel it-tieni gwerra dinjija u kont Wieħed mill-presepji tal-kollezzjonixtrajtu mill-Amerika, filwaqt li dal-presepju ċkejken ġie maħdum mill-injam taż-żebbuġ u xtrajtu mill-Iżrael. Dan is-sett ta’ pasturi huwa tal-porċellana u ġibtu minn Lourdes, mentri dan il-presepju li hu maħdum mill-lava u hu mżejjen bil-pasturi tat-terracotta xtrajtu minn Catania. Dan is-sett imżejjen biż-żrar akkwistajtu minn Taranto u dan bil-pasturi mlibbsin huwa minn Napli.”

    Baqa’ għaddej ifehemni d-dettalji dwar din il-kollezzjoni fejn fosthom urini wkoll presepju tax-xemgħa, presepju maħdum f’bajda u tnejn oħra f’ġewża u f’lewża. Presepju ċkejken ieħor kien imqiegħed f’kaxxa tas-sulfarini, filwaqt li ieħor iċken kien imsawwar fir-resin u saħansitra kien hemm bżonn lenti biex tara s-sett ta’ tmien pasturi rqaq li kien mogħni bihom! Ovvjament kellu wkoll xogħolijiet lokali li kollha kellhom xi ġrajja interessanti marbuta magħhom.

    “Dal-presepju ċkejken tahuli Victor Darmanin mill-Kalkara u hu l-minjatura ta’ presepju akbar li ħadem lil xi klijent tiegħu. Dan sett ta’ pasturi li għaddhieli l-ħabib tiegħi Għawdxi Toni Portelli li Parti mill-kollezzjoni ta' Anton Galeasfortunatament m’għadux magħna. Kif qed tara, ma kienx laħaq żebagħhom kollha imma għalija dak hu l-preġju tagħhom għax hekk ifakkruni kif kien tahomli hu. Dan il-presepju huwa ta’ Mary Haber minn Raħal Ġdid u dan ta’ Jesmond Micallef minn Ħal-Qormi. Dawn t’hawn huma sett pasturi għal qalbi ħafna għax kien għamilhom pazjent li kien jinsab fi sptar mentali. Niftakar darba kont mort inżur lil xi ħadd hemmhekk u nara lil dan l-individwu jħokk xi ġebel mal-ħajt. Intbaħt li peress li ma setax ikollu strumenti, kien qed jagħmel hekk biex jagħtihom il-forma u mbagħad permezz ta’ musmar kien ikompli jigref il-fattizzi tal-pasturi.”

    Aktar ma bdejt nisma’ dwar dan id-delizzju, stajt nagħraf li fir-realtà dan kellu bosta saffi ta’ sinifikati: fosthom biex iservi ħalli jgħaqqad il-kulturi u d-drawwiet ta’ pajjiżi differenti.

    “Mhux darba u tnejn li nistiednu lil xi dilettanti barranin f’pajjiżna sabiex anki huma jintroduċu ruħhom max-xogħol tagħna. Il-presepju Malti għandu numru ta’ karatteristiċi tiegħu bħall-użu tal-imtieħen tar-riħ u anki ċertu forom ta’ djar bħal per eżempju fl-istil Għawdxi ġieli ninkludu l-galleriji antiki li Għawdex hu magħruf ħafna għalihom. Imbagħad hemm ukoll pasturi partikolari li ma ssibhomx fi presepji barranin bħal ngħidu aħna x-xabbatur, l-imgħaġġeb, l-adoratur, id-daqqaqa u l-bejjiegħa lokali u x-xrik (li jkunu żewġ pasturi mgħannqin flimkien). Uħud minn dawn il-pasturi jinbiegħu wkoll bl-ilbies tradizzjonali tagħhom u dawn huma mfittxija ħafna mill-barranin.”

    Intant min-naħa tiegħu Anton irnexxielu jadotta s-sengħa tad-dijorama; fejn presepju jkun mibni bħallikieku kien sett fuq palk u allura jkollu l-perspettiva ta’ dak li hu viċin u dak li hu bogħod.

    “Meta waqaft mix-xogħol li kelli bħala għalliem tal-arti għax ħriġt bil-pensjoni, stajt niddedika aktar ħin għal dan id-delizzju. Ftit ftit bnejt sett ta’ sebgħa episodji li juru l-fażijiet differenti li wasslu għat-Id-dijorama tat-twelidtwelid tal-Bambin. L-ewwel dijorama li għamilt kienet turi t-twelid innifsu u personalment nemmen li hija waħda mill-aqwa xogħolijiet li qatt għamilt. L-għan prinċipali tad-dijorama huwa li jagħti sfond lix-xena u allura n-naħa ta’ wara tagħha ma tkunx kwadra imma fit-tundjatura, kemm biex ma toħloqx dellijiet u anki biex tagħti l-impressjoni tal-wisgħa. Apparti x-xogħol dettaljat li fihom biex toħloq ix-xena nnifisha, dawn id-dijorami jkunu qed jaħbu fis-saqaf tagħhom il-bozoz, il-wires u l-extractor biex jagħtu dehra sabiħa u raffinata. Barra minn hekk il-kuluri nfushom ikunu qed inisslu l-karattru tal-istorja bħal ngħidu aħna għat-tħabbira tal-Madonna għażilt il-kulur bajdani, filwaqt li ż-żjara għand Eliżabetta hija aktar ħamranija biex tagħti l-aspett ta’ nżul ix-xemx. Meta l-koppja marret tinkiteb għaċ-ċensiment il-kulur huwa aktar naturali imma mbagħad meta l-koppja kienet qed tfittex lukanda l-kulur huwa ikħal skur għax kien dieħel il-lejl.”

    Sibt li l-kollezzjoni ta’ Anton kienet ħafna akbar milli tani x’nifhem għax ma riedet tispiċċa qatt! Infatti biex idaħħal il-kollezzjoni kollha huwa qiegħed ftit ftit jimla l-kmamar tad-dar kollha u s’issa rnexxielu anki jinżel mal-ħajt tat-taraġ bil-vetrini tiegħu, kollha magħluqin wara l-ħġieġ u mgħottija b’purtieri tad-drapp biex ix-xogħolijiet jitħarsu mill-ħsara tad-dawl.

    “Dis-sena ma kellix aktar post fejn inpoġġi l-oġġetti li kont xtrajt. Għalhekk ordnajt dawn il-vetrini li hawn fit-taraġ u sakemm il-mara marret qadja ta’ nofs ta’ nhar, waħħalthom malajr u sabithom lesti hawn. Ma tantx ħadet gost bija u kelli nwegħedha li mhux se nkompli ninżel aktar ‘l isfel!”

    Imma x’inhi dil-passjoni li ġġiegħel lill-kollezzjonist jibqa’ jixtri presepju wara l-ieħor li wara kollox qed jirrakkuntaw l-istess ġrajja?

    “Għadilli tassew kollha juru l-istess xeni, fil-kumplessità u fit-totalità tagħhom ta’ tqassim, materjal, pasturi u kuluri, kollha jkollhom dak il-karattru partikolari li jiddistingwihom minn xulxin. Għalija dinIl-kollezzjoni tal-pasturi il-kollezzjoni hija ħajti u sserraħħni ħafna bħala delizzju. Meta nkun qiegħed fil-kamra tax-xogħol qed noħloq xi ħaġa ġdida biex inżid magħha, inħoss serenità kbira f’qalbi. Nittama li meta jiġi ż-żmien li din il-kollezzjoni tgħaddi f’idejn oħra, din tibqa’ apprezzata u maħbuba bħal kif dejjem żammejtha jien. Nixtieq ħafna li ma tispiċċax miegħi u li għand min issib ruħha jagħraf l-imħabba u d-dedikazzjoni li ssawret bihom.”

    Tiskanta l-ideat li jiġu f’moħħ l-artist kultant! F’naħa minnhom, Anton urieni presepju li hu fforma ġewwa nkwatru li hu u martu kienu qalgħu fit-tieġ. Imma xejn ma mpressjonani daqs il-presepju li hu rnexxielu jarma ġewwa l-ewwel sett tat-TV li kellu!

    “Moħħi l-ħin kollu għaddej fuq dawn l-affarijiet, tant li anki jekk inkun inkwetat fuq xi ħaġa, ngħid ħa naħseb fuq xi oġġett li nista’ nagħmel dal-Milied u b’hekk ninsa l-Presepju fis-silġproblemi kollha. Darba minnhom wara li ġejna mill-Ġermanja, iddeċidejt li noħloq presepju mhux tas-soltu fejn ix-xena tat-twelid ambjentajta ġo dar tal-injam imdawwra bis-silġ. Darb’oħra waqt li kont għaddej f’park fi Vjenna, sibt biċċa zokk interessanti u ġibtu miegħi sakemm finalment akkwistajt pasturi żgħar minn Napli li stajt nirranġah bihom. Għall-kuntrarju, ġurnata oħra xtrajt sett ta’ pasturi tal-ħġieġ minn Venezja biex imbagħad bnejtilhom sfond bil-ħġieġ ikkulurit li ġbart minn fuq ir-ramel tax-xtajtiet tagħna.”

    Emmnuni, kelli bżonn is-siegħat biex nara l-kollezzjoni kollha. Fosthom Anton kellu bambin iswed maħdum bix-xemgħa li probabbilment jgħodd il-250 sena. L-aktar presepju għal qalbu huwa dak li għamlitlu n-neputija tiegħu Hilda meta kellha sitt snin. U bħalissa jinsab kuntent ferm bl-aħħar presepju li ħadem fuqu biex jesponih għal-wirja ta’ din is-sena.

    “Fir-realtà jiena ngħix il-Milied is-sena kollha għax il-ħin kollu għaddej nara x’ser nivvinta biex naħdem għal din il-festa li hija tant għal qalbi. Meta nħares lura lejn ix-xogħol, l-impenn u l-investiment li Id-dijorama tat-tħabbiraddedikajt għal din il-kollezzjoni ma jiddispaċini xejn għax naf sewwa li min-naħa tagħha hi tatni u għadha tagħtini ħafna ferħ lura. Fosthom tgħini nġedded il-memorji ta’ meta bħala tfajjel ċkejken kont nistenna b’tant ħerqa l-ġranet tal-Milied sabiex noqgħod nilgħab bil-presepju u bil-pasturi. Għalija dak hu l-Milied: is-serenità li kapaċi jwassal presepju fis-sempliċità tiegħu hekk kif jirrakkonta l-akbar ġrajja li qatt rat id-dinja!”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 ta’ Diċembru 2011)

    2011.12.11 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IS-SEĦER TA’ FILFLA

    Ilni niftakarha minn dejjem… tgħid hi kemm ilha tiftakru lil pajjiżna? Remota, solitarja, f’nofs ta’ baħar, f’distanza biżżejjed kemm ma nilħquhiex, imma fl-istess ħin, Filflatefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod, kemm naqbdu dgħajsa u nsibu ruħna fuqha. Uħud isostnu li mhiex ħlief ġebla insinifikanti u aċċettawha bħala parti mix-xenarju Malti, bħal kif draw wiċċ is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom wara tletin sena żwieġ. Iżda oħrajn bħali jsibuha affaxxinanti u akkost li jafu li fir-realtà mhiex ħlief gżira ċkejkna ferm, konxji li fuqha hemm il-ħajja, saħansitra endemika, u infatti l-gżira hija riserva naturali. Filfla!

    Kemm il-darba xtaqt inżurha imma mhux la kemm issib min jieħdok  ħdejha għax biex tersaq qribha teħtieġ il-permess u neħħieha minn rasek jekk taħseb li qatt tista’ tinżel fuqha illum ħlief jekk tkun qed tagħmel xi riċerka jew għal raġunijiet edukattivi. Għalhekk il-kilba li mqar għal darba naraha wiċċ’imbwiċċ aktar żdiedet u naturalment ħtaft l-opportunità hekk kif dan l-aħħar, Heritage Malta organizzat mawra sa ħdejha. Fuq kollox, kien ser jakkompanjana wkoll il-Kuratur Prinċipali tal-Mużew tal-Istorja Naturali, John Joseph Borg, li għal dawn l-aħħar tletin sena wettaq riċerka siewja dwar din il-gżira u l-ekoloġija tagħha. Ċertament individwu hekk ma kontx ser inħallih jaħrabli kif ġieb u laħaq, għallinqas mhux qabel itarraffli dak kollu li jaf dwar Filfla. U bdejna….

    “Meta kont żgħir, sikwit kont immur nistad ma’ missieri u allura n-natura minn dejjem kont inħobbha. Maż-żmien niftakarni niffoka aktar fuq l-għasafar fejn għamilt tliet snin nistudja l-barbaġann,John Joseph Borg sakemm darba inqerdu kollha minn pajjiżna! Minn hemm bdejt ninteressa ruħi aktar fl-għasafar tal-baħar hekk kif kont narahom jittajjru madwarna waqt li nkunu għaddejjin bid-dgħajsa. Bdejt nitħarreġ biex insir bird-ringer u fl-1980 ingħaqadt ma’ grupp li kellu l-għan li jagħmel bird-ringing fuq l-għasafar li kienu jinsabu fuq Filfla. Ħassejtni eċċitat ħafna għax qatt ma kont irfist fuq dil-gżira qabel u hekk kif dħalt fid-dgħajsa li kellha twassalna sa ħdejha, kelli kurżità kbira x’kont ser insib. L-esperjenza kienet inkredibbli speċjalment hekk kif bdejna nersqu lejha u ntbaħt li fil-fatt il-gżira kienet ħafna akbar minn kemm kont immaġinajtha oriġinarjament. Il-ġebel tagħha kien imponenti ferm, qisek għandek ħajt quddiemek. Madwarha kien hemm qabda blat imfarrak. Imma l-aktar li laqgħatni kien l-għajjat tal-gawwi li qatt ma smajt imkien bħalu f’inħawi oħra fil-gżejjer tagħna. Nistqarr li Filfla serqitli qalbi mill-ewwel darba li rajtha u ma’ l-ewwel passi li meddejt fuqha. Dakinhar sibna madwar 400 kanġu ta’ Filfla u minn dik il-ġurnata bqajt niġbor kemm niflaħ materjal dwar din il-gżira u waħħaltha f’rasi li nidħol aktar fil-fond fl-istudju tal-għasafar tal-baħar li jinsabu fuqha.”

    Skoprejt li aktarx l-isem Filfla ġej mill-kelma filfel li hija l-kelma Għarbija għaż-żerriegħa tal-bżar. Probabbilment ingħatat dan l-isem peress li l-forma tal-gżira kienet tixbaħ lil diż-żerriegħa, jew inkella dari kienu jikbru l-pjanti tal-bżar fuqha. Bħalha hemm il-gżira ta’ Kemmuna li hija msemmija għaż-żerriegħa tal-kemmun (cumin-seed). Filfla tinsab 5km ‘l bogħod mill-kosta tan-nofsinhar ta’ Malta. Il-wiċċ tagħha għandu l-wesgħa ta’ 2.5 ettaru u ċ-ċirkomferenza tagħha hija madwar 800 metru. Il-ġnub tagħha huma irdumijiet għoljin 60 metru li jiffurmaw medda ta’ art watja fuq nett.

    “Dokument antik li ltqajt miegħu dwar Filfla huwa datat għall-1575 u jikkonsisti f’manuskritt relatat maż-żjara pastorali tal-Isqof Pietro Dusina f’Malta. Il-kitbaIl-kwadru tal-Assunzjoni li kien jintuża fuq Filfla tikkonċerna t-talba tal-kappillan biex jitneħħa l-benefiċju li kien hemm fuq il-kappella li kienet tinsab fuq dil-gżira. Skont ir-rapport jingħad li l-qassis responsabbli sikwit kien qiegħed jiltaqa’ ma’ diffikultà kbira biex jinżel fuq il-gżira ta’ Filfla minħabba l-baħar imqalleb. Imma jiena aktar nemmen illi s-sajjieda kienu tilfu l-interess li jaqdfu lejn il-gżira kull nhar ta’ Ħadd biex jisimgħu l-quddies biex imbagħad ikollhom jaqdfu mill-ġdid lura ‘l barra fejn kienu qed jistadu. Hi x’inhi r-raġuni, it-talba tal-kappillan ġiet milqugħa u l-kappella ma baqgħetx ikkonsagrata. Ta’ min jgħid illi akkost illi fuq xi mapep antiki naraw lil din il-kappella mpinġija b’ħafna kobor u dettalji, fir-realtà ma kinetx ħlief għar, b’ħajt imtella’ quddiemha. Aktarx li l-qassis ma kien iħalli xejn hemm, lanqas il-kwadru tal-Assunzjoni li għaliha kienet iddedikata il-kappella. Kien jieħu kollox miegħu biex jiċċelebra l-quddiesa u mbagħad iniżżilhom lura miegħu mill-ġdid. Illum ma fadal xejn ħlief dan il-kwadru triptiku li wieħed jista’ jara fis-sagristija tal-parroċċa taż-Żurrieq. Aktarx li din il-kappella kienet inbniet bħala wegħda minn xi individwu li kien salva minn tempesta qalila li ħakmet lill-gżejjer fl-1343. Eventwalment il-kappella ġġarrfet waqt terremot li seħħ fl-1856 u llum ma fadal xejn minnha.”

    Fuq Filfla kienu jinżammu xi provvisti tal-ikel ħalli f’każ ta’ emerġenza, s-sajjieda jkunu jistgħu jinżlu hemm. Imma mhux huma biss kienu jagħmlu użu minn dil-gżira. Kienu jużawha anki l-pirati!

    “Il-pirati kellhom ħabta jinżlu fuq Filfla u jużawha bħala moħba biex minn fuqha jattakkaw ix-xwieni li jersqu qrib. Fuq kollox dak iż-żmien il-gżira kienet mogħnija b’nixxiegħa naturali li kienet tfeġġ Filfla 1930sminn bejn saff tafli u għalhekk kienet anki mfittxija għall-ilma. Is-sitwazzjoni tant gravat li fl-1761 il-Kavallieri ta’ San Ġwann iddeċidew li jeqirdu l-fonti billi jisploduwha bil-porvli u hekk sar. Imma l-ilma baqa’ ħiereġ xorta waħda.”

    Il-kavallieri ma rnexxielhomx jeqirduha imma ħaddieħor warajhom irnexxielu – illum għadu jnixxi daqsxejn ilma mit-tafal li fadal! Sfortunatament minn informazzjoni li ġbart sibt illi matul is-snin, Filfla kienet sfat letteralment il-mira ta’ diversi ġnus barranin fosthom dawk Franċiżi, Ingliżi, Taljani, Torok u anki Amerikani li kollha, b’xi skuża jew oħra ħassew li setgħu jifqgħu l-armi tagħhom f’din il-‘blata’ tagħna. Infatti l-akbar ħsara fuqha seħħet matul l-aħħar gwerra dinjija meta minħabba li l-Ingliżi dehrilhom li l-gżira tixbaħ lil aircraft carrier, huma użawha biex jeżerċitaw il-forzi militari tagħhom.

    “Għal 200 sena sħaħ, Filfla kienet tigi bbumbardjata mill-Ingliżi u aktar tard mill-forzi tan-NATO kemm mill-art, mill-baħar u kif ukoll mill-ajru. Mill-art l-eżerċizzji kienu jsiru permezz tal-batterija tal-Bombi fuq l-art ta' FilflaQrendi u mbaghad kienu anki ppruvaw kanun ġdid minn Bengħajsa. Sa ċertu punt jiena nifhem dak il-perjodu u n-neċessitajiet fi żmien il-gwerra li wieħed jipprattika għal kull eventwalità li tista’ tinqala’. Iżda min-naħa l-oħra nirrabja meta akkost li nġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar l-importanza tal-għasafar li kienu qed ibejtu fuq Filfla, dawn xorta baqgħu jibbumbardjawha għal snin wara. It-tkissir li hemm madwarha huwa riżultat ta’ dan. Barra minn hekk, meta fis-sebgħinijiet kien twaqqaf il-ħbit fuqha u xi għaxar snin wara ġew iżuruna xi uffiċċjali tan-Navy, l-FAM kienu marru fuq Filfla u splodew xi bombi li kienu sabu. Riżultat t’hekk il-ġebel li kien laħaq straħ reġa’ ċċaqlaq u mill-ġdid beda l-proċess ta’ deterjorament. Sal-ġurnata ta’ llum il-ġebel għadu nstabbli ħafna u din hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għala ħadd ma jista’ jinżel fuq din il-gżira mingħajr permess. Dan biex ma nsemmux il-bombi mhux sploduti li wieħed għadu jiltaqa’ magħhom, kemm fuq l-art u kif ukoll taħt il-baħar.”

    Jingħad x’jingħad l-insensittività tal-ħakkiema lejn il-Maltin tixgħel bil-qawwi u dar-rakkont li ġej huwa wieħed mill-eżempji, meta bi żball, bombi li ġew sparati minn fuq il-baħar, flok laqtu l-Filfla, baqgħu deħlin l-art!

    “L-eżerċizzji ta’ bumbardamenti li saru fuq Filfla kollha ġew reġistrati b’dettall kbir mill-awtoritajiet barranin fejn saħansitra ġie mniżżel kemm ġew sploduti bombi kuljum u liema tip ta’ azzjoni twettqet. Bombi fuq l-art ta' Filfla - 2Fost korrispondenza u dokumenti li kont sibt, iltqajt ma’ każ interessanti li kien jiddeskrivi kif frejgata li kienet qed tipprattika fl-inħawi, meta sparat il-kanuni tagħha minn wara Filfla, flok laqtet il-gżira ċkejkna kif kien pjanat, il-bombi tagħha baqgħu sejrin il-ġewwa u laqtu razzett fil-Baħrija fejn qatlu xi bhejjem u għasafar. B’xorti tajba ma weġġa’ ħadd min-nies tal-post. Madanakollu s-sidien xtaqu xi forma ta’ kumpens u marru jieħdu parir mingħand membru parlamentari tal-fiduċja tagħhom. Min-naħa tiegħu dan il-membru parlamentari kiteb lill-ammiraljat fejn talab l-ewwelnett li dawn il-prattiċi militari kellhom jitwettqu b’aktar responsabbiltà u t-tieni li almenu s-sidien kellhom jingħataw xi forma ta’ kumpens għall-ħsara li ġarrbu. Il-korrispondenza tkompli bil-kaptan jistaqsi lill-ammirall “Who does this young upstart think he is, ordering his majesty’s navy around?” Sfortunatament ma sibtx aktar dokumenti biex nara kif spiċċat dil-biċċa. Iżda dak l-MP ma kien ħadd ħlief il-Perit Duminku Mintoff u l-istorja kulħadd jaf kif tkompli.”

    Ma stajtx nirreżisti milli taħrabli tbissima mqarba u ta’ sodisfazzjon… John kompla jirrakkuntali kif fiż-żminijiet antiki, Filfla kienet għadha tagħmel parti mill-gżira prinċipali.

    “Il-qasma ġeografika magħrufa bħala l-Magħlaq probabbilment kienet il-kaġun li Filfla sfat gżira. F’dak il-perjodu kienu qed iseħħu katakliżmi kbar. Jista’ jkun li dan seħħ meta diġà kien hawn il-bniedem għax nafu sewwa illi f’ċertu nħawi f’Malta, fit-tarf tal-irdumijiet, insibu cart-ruts li jaqtgħu direttament għal fuq il-baħar. Teżisti medda ta’ mijiet ta’ snin fi Żmien il-Bronż f’Malta fejn m’hemm l-ebda sinjali tal-bniedem ta’ dak iż-żmien. Immaġinak qed tara madwar 500 kilometru art lejn in-naħa tax-Xlokk ta’ Malta nieżla kollha taħt il-baħar! X’tagħmel kieku? Mhux iddabbar rasek? Jekk dak kien il-każ, meta l-bniedem irritorna lejn Malta sab illi f’dawk l-inħawi, il-baħar kien mela d-differenza bejn iċ-ċaqliq tal-art u l-partijiet għoljin tal-inħawi ta’ Filfla li issa kienet saret gżira.”

    Minn rapport li kien kiteb il-Kuratur tal-Arkeoloġija F.S. Mallia skoprejt illi kienu nstabu tliet fdalijiet arkeoloġiċi fuq Filfla li kienu jikkonsistu f’xi fuħħar u għadma ta’ Il-bebbuxu ta' Filflaannimal. Waqt riċerka oħra sirt naf illi waqt il-pesta ħarxa tal-1813 ċertu Ġanni Attard kien sab rifuġju fuq Filfla flimkien mal-familja tiegħu, fejn minn żmien għal żmien, qarib tiegħu kien jibgħatlu xi provvisti u b’hekk dawn  irnexxielhom isalvaw minn din l-epidemija. Lil dil-biċċa blata jafulha ħajjithom ukoll bosta sajjieda li waqt xi maltempata qasmu jew għamu lejha, hekk kif jixhdu xi ex-voto li hemm fil-knisja tal-Qrendi. Minn għadd ta’ materjal miġbur dwar Filfla, John urieni wkoll intervista fuq gazzetta li kienet saret lill-pilota Ġermaniż li kien twaqqa’ bl-ajruplan tiegħu viċin Filfla waqt it-tieni gwerra dinjija u dan għam sa fuqha sakemm ajruplan ieħor salvah u ħadu miegħu. Fl-1818 Filfla kienet tappartjeni lill-familja De Noto, filwaqt li llum hija proprjetà tal-gvern Malti.

    “Sad-19-il seklu kien għad hemm il-fniek slavaġ jiġru fuq il-gżira li kienu tħallew fuqha fis-snin l-imgħoddija bl-iskop tal-kaċċa. Uħud mill-ħlejqiet li hemm illum fuq Filfla saru endemiċi fosthom: il-Il-gremxula ta' Filflagremxula magħrufa bħala Podarcis filfolensis filfolensis li għall-kuntrarju ta’ x’jaħsbu bosta, għandha denb wieħed biss. Għandha qies aktar kabbari minn dak li naraw fuq il-gżejjer l-oħra (madwar 30 ċentimetru) u hija ta’ kulur sewdieni bi tbajja ħodor jew koħol. Tip ta’ bebbuxu magħruf bħala Helicella spratti var. despotti huwa wkoll endemiku għal dil-gżira. Fuq Filfla wieħed isib ukoll numru ta’ għasafar ibejjtu bħaċ-ċiefa u l-gawwija. Imma ċertament l-aktar għal qalbi huwa l-Kanġu ta’ Filfla magħruf ukoll bħala Storm Petrel jew Hydrobates pelagicus melitensis.

    Dokumenti antiki dwar Filfla ftit li xejn insibu u ħafna minnhom huma miktuba minn ornitoloġisti li marru jistudjaw l-ekoloġija tal-post. Fl-1954 l-ornitoloġista E.L Roberts, fil-ktieb tiegħu The Birds of Malta iddikkjara illi fuq Filfla kien għad fadal biss żewġ pari kanġi. Għaldaqstant tista’ timmaġina l-ferħ ta’ sħabi tal-Malta Ornithological Society (illum BirdLife Malta) meta marru jinvestigaw fl-1968 u sabu li kien għad hemm kolonja ta’ elf kanġu fuqha akkost li l-gżira kienet għadha qed tiġi bbumbardjata! Kien minn daż-żmien li din is-Soċjetà flimkien mal-Kunsill Ċiviku taż-Żurrieq għamlet talba biex jieqfu l-bumbardamenti fuq il-gżira. Imma dawn waqfu biss fl-1971.”

    John urieni xi ritratti tal-kanġu ta’ Filfla. Kemm kien jixbaħ lill-ħamiema! Imma saqajh kienu qishom ta’ papra ċkejkna.

    “Fit-18-il seklu Giovanni Pietro Agius de Soldanis, storiku magħruf Għawdxi, kien kiteb li sab tmien għasafar ġo għar ġewwa Għawdex li jixbħu lill-beċċun imma ma għarafhomx bħala kanġi. Matul is-sninIl-kanġu ta' Filfla kienu saru diversi riċerki minn bosta studjużi biex isibu din il-kolonja imma ħadd ma kien irnexxielu. Fl-1987 dan l-għasfur li minn rixu jarmi riħa qawwija ta’ żejt tal-ħuta, tani waħda mill-isbaħ ġranet ta’ ħajti meta jien irnexxieli nsib kolonja ta’ kanġi f’għar ġewwa Ta’ Ċenċ f’Għawdex li wisq probabbli kienet l-istess waħda li tkellem dwarha De Soldanis!”

    Minn fuq il-ktieb Bird Studies on Filfla ta’ Joe Sultana u Charles Gauci (li t-tnejn kienu hemm waqt l-ewwel żjara li saret fuq Filfla fis-snin sittin), John beda l-bażi tar-riċerka tiegħu u maż-żmien kompla jibni fuqha. Eventwalment huwa beda jaħdem flimkien ma’ Joe Sultana fejn qed jirriċerkaw il-gżira ta’ Filfla u l-ekoloġija tagħha.

    “Darba fis-sena ninżlu fuq il-quċċata ta’ Filfla permezz ta’ helicopter biex nispezzjonaw il-popolazzjoni tal-gawwi. Imbagħad darbtejn jew tlieta fis-sena immorru nqattgħu lejl fuq Filfla biex insegwu l-popolazzjoni taċ-ċief u tal-kanġu. Illum hemm madwar 200 par ċief, 150 par gawwi u bejn 5000 u 8000 par kanġi jbejtu fuq Filfla.”

    John stqarr miegħi li huwa jħossu tassew ixxurtjat illi xogħolu u l-passatempi tiegħu huma l-istess ħaġa.

    “Anki meta nsiefer, suppost għal vaganza, tista’ tgħid li nkun xogħol. Infatti nippreferi nżur il-gżejjer sabiex inkun nista’ nikkompara t-tajr tal-baħar ta’ pajjiżi barranin ma’ dawk ta’ Malta. B’mod speċifikuFriegħ tal-gawwi fuq Filfla fir-rigward tal-kanġu, f’dawn l-aħħar snin qiegħed nikkompara il-popolazzjoni ta’ kanġi li hemm f’Filfla ma’ dawk li hemm f’Ta’ Ċenċ u anki ma’ kolonji barranin bħal ngħidu aħna l-kolonja ta’ kanġi li hemm fuq il-gżira ċkejkna Marittimo li tinsab fil-punent ta’ Sqallija, fejn hemm jgħixu 2000 par, jew il-kolonja li tgħix f’għar faċċata tal-belt ta’ Benidorm fi Spanja. Interessanti nsemmi li f’kull każ l-esperjenza hija totalment differenti hekk kif l-ambjent jaffetwa ħafna l-aġir ta’ dawn l-għasafar, b’mod speċjali kif ibejtu.”

    Għalkemm Filfla kienet tiġbidni ħafna, qatt ma kont bsart li kien hemm daqshekk tagħrif x’tiġbor dwarha! Fil-fatt John qiegħedXiutu l-Kbir (Filfla) jipprepara biex jippublika ktieb dwar dil-gżira li dwarha ilu jirriċerka tant. Hekk kif kont qed nisma’ dar-rakkonti, minn taħt il-għajn kont qed insegwi d-dgħajsa tagħna toqrob dejjem aktar lejha. U hemm intbaħt li ħdejn Filfla kien hemm żewġ blatiet kbar li kienu magħrufa bħala Xiutu l-Kbir u Xiutu ż-Żgħir. Sfortunatament hekk kif ersaqna qrib Filfla, il-baħar tqawwa f’daqqa, tant li kien impossibli li nduru magħha kif kien maħsub. Għaldaqstant inxtħett nieħu r-ritratti ta’ Filfla bla heda hekk kif sibt ruħi daqstant viċin tagħha.

    “Għall-ornitoloġisti Filfla hija ġawhra u infatti meta nattendi għal xi konferenza u nuri r-ritratti ta’ dak li hemm fuqha, nogħxa nara l-barranin jgħiru għalina. Infatti jkollna diversi talbiet minn għandFriegħ tal-gawwi qed ifaqqas fuq Filfla bosta studjużi li jkunu jixtiequ jakkumpanjawna meta ninżlu fuqha. Ormaj żort ħafna gżejjer oħra imma Filfla hija unika għalija. Meta nkun fuqha, l-atmosfera ta’ x’ħin ikun qed jidlam u tkun qed tistenna l-ewwel kanġu jew l-ewwel ċiefa dieħla, ma nibdilha ma’ xejn!”

    Għajnejja ma stajtx naqlagħhom minn fuqha daqs kemm kont ilni nixxennaq għaliha. U ta’ belha li jien, akkost li bdew iwiddbuna biex inpoġġu bil-qiegħda, saqajja bħal weħlu mal-art u bqajt hemm b’għajnejja nixrob sa l-inqas dettall tagħha. Kont irrabbjata għal dak il-baħar li ma ħallinix ingawdiha ftit aktar iżda fl-istess ħin iggustajtu hekk kif stħajjiltu l-protettur tagħha, jżommna ‘l bogħod mill-maħbuba tiegħu Filfla. Forsi bħali, kien xeba’ jara ‘l min jagħmlilha l-ħsara!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.17 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • QRARA SSOLVI SERQA STORIKA

    Kultant inqabbel lil dawn il-gżejjer ċkejknin tagħna ma’ dak it-tip ta’ bniedem li aktar ma titkellem miegħu u iżjed ma ssir taf dwaru, aktar tgħożżu u torbtu ma’ qalbek u kważi kważi tixxennaq li tibqa’Illustrazzjoni tal-Ġgantija tal-1830s miegħu l-ħin kollu bit-tama li xi darba tasal biex tisma’ dak kollu li għandu x’jirrakkuntalek. Imma naħseb li diġà qtajt qalbi li għad insir naf kollox dwar pajjiżi. L-aktar meta kull darba joħroġ b’xi waħda ġdida! Infatti l-ewwel intervista titratta settijiet ta’ illustrazzjonijiet antiki tat-tempji tal-Ġgantija li qed jiġu esposti għall-ewwel darba fil-pubbliku. It-tieni intervista hija dwar graffit qadim li snin ilu kien insteraq minn santwarju Puniku u ġie rritornat dan l-aħħar permezz ta’ qrara…

    L-ewwel intervista ta’ llum laqqgħatni ma’ Nicoline Sagona, il-manager tas-siti ta’ Heritage Malta ġewwa Għawdex. Iltqajna fl-uffiċini ta’ Heritage Malta li jinsabu ġewwa ċ-Ċittadella, faċċata tal-Mużew tax-Xjenza Naturali. Kelli l-iskop li nsir naf aktar dwar wirja temporanja li kienet qed tittella’ fil-post rigward illustrazzjonijiet tad-19 il-seklu tat-tempji tal-Ġgantija.

    “Din il-wirja tikkonsisti f’kollezzjoni ta’ diżinji li ħafna minnhom saru fis-snin tletinijiet tad-19 il-seklu. Huma parti mill-kollezzjoni riservata tal-Mużew tal-Arkeoloġija li jinsab ġewwa l-belt Valletta u kollha juru veduti tat-tempji tal-Ġgantija. Ġew esposti għall-ewwel darba għall-pubbliku fin-Notte Gozitana li saret fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju li għadda. L-attendenza tal-pubbliku kemm ilha miftuħa l-wirja kienet tajba ħafna. Partikolarment it-turisti li jkunu għadhom kif żaru t-tempji tal-Ġgantija, japprezzawhom ħafna dawn l-illustrazzjonijiet.”

    X’inhi l-Istorja ta’ dawn l-illustrazzjonijiet?

    “Nibda billi niċċara illi l-Ġgantija qatt ma kienet mirduma għal kollox. Ngħidu aħna in-naħa ta’ wara, fejn għandek ħajt b’megaliti kbar immens, dejjem19th century souvenirs of Ġgantija kienet esposta għan-nies, kif jixhdu xi inċiżżjonijiet antiki. Dawn il-binjiet kienu jqajjmu interess kbir, l-aktar għax kienu jiġu abbinati mal-ġganti minħabba l-qies enormi tal-ġebel użat. F’dak il-perjodu, in-nies kienet għadha ma tafx bi Żmien il-Preistorja u infatti kienu jaħsbu li dawn it-tempji nbnew fi Żmien il-Feniċi.

    Fl-1820 il-Kulunell John Ottobayer, li kien il-Gvernatur t’Għawdex u kellu r-responsabbiltà mill-amministrazzjoni tal-gżira t’Għawdex, ħa l-inizzjattiva biex inaddaf l-intern ta’ dawn it-tempji mill-ħamrija u l-ġebel li kienu waqgħu għal fuq ġewwa, mill-partijiet ta’ fuq. U hekk kif inkixfu aħjar u wieħed seta’ anki jidħol fihom, it-tempji bdew jiġbdu ħafna aktar nies u t-turiżmu spara ‘l fuq, tant li llum nemmnu li dan il-perjodu huwa marbut mal-Istorja tat-turiżmu f’Għawdex.

    F’dawk is-snin kien hemm għatx kbir għall-antikitajiet u għall-informazzjoni dwar kulturi li għebu. Infatti n-nobbli u l-aristokratiċi kienu jitilqulha fuq speċi ta’ Grand Tour madwar siti antiki fl-Ewropa. Maż-żmien dan il-vjaġġ esplorattiv beda jwassal sal-Mediterran u eventwalment anki sa Malta. Ma ninsewx illi f’Malta kien hawn bosta palazzi sbieħ, filwaqt li l-port il-kbir kien ukoll jiġbed ħafna interess. B’hekk, meta l-Ġgantija tnaddfet u ġriet il-kelma dwar it-tempji, dawn it-turisti bdew anki jżuru l-gżira t’Għawdex biex jiġu jaraw b’għajnejhom ‘il-binjiet tal-ġganti’.

    Issa jidher illi madwar l-1830, xi artist ġie kkummissjonat biex iwettaq sett ta’ diżinji ta’ dawn it-tempji, aktarx biex iservu bħala souvenirs għal dawn il-viżitaturi. Il-kartolini kienu għadhom ma jeżistux 19th cent Ġgantija illustrations in colouru l-fotografija kienet għadha ma daħlitx u allura jekk xtaqt rikordju ma kienx hemm għażla oħra ħlief ta’ illustrazzjonijiet bħal dawn. Sfortunatament ma nafux min kien l-artist iżda mill-familjarità li kellu mal-pajsaġġ Għawdxi, jidher li hu kellu ħafna ċans sabiex idur u jesplora l-inħawi ħalli jkun preċiż kemm jista’ fix-xogħol tiegħu. Għandna l-ħsieb li jista’ jkun li l-artist kien Malti, xi ħadd mill-familja Busuttil li kienu familja ta’ artisti miż-Żejtun li mbagħad kienu ġew anki joqogħdu Għawdex. Imma s’issa għadna ma sibnix dokumentazzjoni li tipprovdina b’din iċ-ċertezza.

    Jidher li dan is-sett kellu ċirkolazzjoni kbira fejn per eżempju fl-1840, dawn l-illustrazzjonijiet dehru f’pubblikazzjoni dwar l-ivvjaġġar li ħarġet f’Pariġi fl-1840 bl-isem ta’ Malte et Gozo. Kopji eżatt bħalhom instabu wkoll miġbura f’manuskritt fil-Biblijoteka Nazzjonali, il-belt Valletta.

    Li hu interessanti f’din il-wirja hu li wara li sar dan is-sett ta’ tmien veduti tat-tempji tal-Ġgantija, li kienu ġew diżinjati bil-lapes, saru wkoll xi kopji tiegħu bil-kulur minn artisti oħra u hawnhekk għandna żewġ settijiet minnhom. Dawn is-souvenirs għandhom sinifikat importanti peress li nistgħu nqisuhom bħala dokumenti arkeoloġiċi importanti li ġew prodotti fid-19 il-seklu.”

    Dort nifli l-ewwel diżinji li kienu dettaljati ferm. Kienu maħduma b’artistrija mill-aqwa u minn perspettiva li tiġbdek u tħajjrek biex tmur tara fejn qiegħed dak il-post Illustrazzjoni tal-Ġgantija - 1830s bil-kulurpartikolari. Ma ridtx ħafna biex nifhem għala n-nies ta’ dak iż-żmien ħassitha fuq ix-xwiek sabiex tmur u żżur l-inħawi. Ħasra li llum jeżistu numru sewwa ta’ Maltin u Għawdxin li qatt ma rifsu f’dawn is-siti!

    It-tempji tal-Ġgantija jinsabu x-Xagħra Għawdex. Jikkonsistu f’żewġ tempji mibnija ħdejn xulxin u huma mdawwra b’ħajt. L-akbar tempju huwa l-eqdem u jmur lura 3600 Q.K. It-tempju l-ieħor inbena xi ftit tas-sekli wara. Fl-1980 it-tempji tal-Ġgantija ngħataw l-unur prestiġġjuż mill-UNESCO bħala patrimonju dinji. Aktar informazzjoni dwar dan is-sit megalitiku u dwar dawn l-illustrazzjonijiet ġiet ippubblikata fi ktejjeb maħruġ apposta minn Heritage Malta bl-isem The Ġgantija Temples: a history of its visitors and views.

    Din il-wirja ser iddum miftuħa sat-23 ta’ Lulju 2011. Ħinijiet matul il-ġimgħa mid-9:00am sal-5:00pm u s-Sibt mid-9:00am sa nofsinhar. Dħul b’xejn. Għal aktar dettalji ċemplu 21564188 jew idħlu fil-website www.heritagemalta.org

    L-intervista l-oħra wkoll saret fiċ-Ċittadella iżda did-darba kienet fiċ-Ċentru għall-Kultura u Arti fejn iltqajt ma’ John Cremona li huwa responsabbli mill-wirjiet tal-Il-parti minn fejn insteraq il-graffit ta' Ras il-WardijaMinisteru t’Għawdex.  Ħassejt ċertu emozzjoni stramba hekk kif dħalna f’dak li kien parti mill-ħabs l-antik għax hemm ġew, ġo kmajra minnhom, kien jinsab il-graffit li xi snin ilu kien insteraq minn ġo santwarju Puniku.

    F’rapport riċenti li ħareġ mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali dwar dan il-każ ġie rrappurtat illi fit-30 ta’ Marzu 1988 kienet ixxandret l-aħbar li kien insteraq graffit antik li kien hemm minqux ma’ ħajt fis-santwarju Puniku ta’ Ras il-Wardija. Din kienet telfa mhux biss għal Għawdex iżda għad-dinja kollha, speċjalment għal dawk l-ispeċjalisti tal-arkeoloġija Feniċja-Punika. B’xorti tajba, wara aktar minn għoxrin sena, il-graffit ġie rritornat lill-awtoritajiet Maltin filwaqt li sid l-art minn fejn kien insteraq il-graffit, irrinunzja favur il-Gvern kull dritt fuq l-iskultura.

    “Dan il-graffit ġie espost għall-pubbliku għall-okkażżjoni tan-Notte Gozitana imma tant tqanqal interess dwaru li qed naħsbu li nħallu din il-wirja miftuħa sa Awwissu. Wara li tagħlaq din il-wirja, il-graffit ser ikun espost għall-pubbliku b’mod permanenti fil-Mużew tal-Arkeoloġija f’Għawdex.”

    Il-ġebla li tħaddan il-graffit ġo fiha kienet magħluqa ġewwa kaxxa tal-ħġieġ, maestuża u siekta, imma bħal donnha tixtieq tirrakkonta l-istorja tagħha u ma tistax … Minflok Il-graffit ta' Ras il-Wardijanumru ta’ posters kbar u dettaljati kemm bl-informazzjoni u bir-ritratti kienu qed jimlew il-kuntest dwarha:

    Dan is-sit huwa magħruf bħala s-santwarju ta’ Ras il-Wardija u jinsab fit-tarf ta’ preċipizju bejn ix-Xlendi u d-Dwejra. Xi raded li hemm minquxin fil-blat li jinsabu fil-qrib jissuġġerixxu li l-inħawi kienu użati fi Żmien il-Bronż, wara l-1500Q.K., jekk mhux qabel. Jidher li dan is-sit reliġjuż imur lura għaż-Żmien Puniku u għall-perjodu bikri Ruman.

    “Dan is-sit arkeoloġiku ġie skavat mill-Missione Archeologica Italiana a Malta bejn l-1964 u l-1967 u r-ritratti li qed jidhru hawnhekk ġew ippubblikati wara li saru dawn ix-xogħolijiet. Bla dubju, in-nies tal-madwar kienet taf bl-eżistenza ta’ dan il-post, akkost li probabbilment ma kinetx taf eżatt x’inhu. Infatti, parti mill-faċċata tal-kamra tas-santwarju kienet magħluqa b’ħajt tas-sejjieħ u mid-dehra kien proprju bis-saħħa ta’ dan il-ħajt li s-sit baqa’ f’tant kundizzjoni tajba. Tant hu hekk illi minn meta l-ħajt twaqqa’ biex saru l-iskavi arkeoloġiċi fil-post, is-sit beda jiddeterjora minħabba li ġie espost għall-elementi.

    Ġewwa l-kamra tas-santwarju instabu bosta niċeċ u graffiti mal-ħitan. Wieħed minnhom kien dan il-graffit li għall-ewwel kien maħsub li huwa tal-figura Punika ta’ Tanit. Madanakollu wara xi studji li saruIs-santwarju wara li saru l-iskavi - bil-qiegħ tiegħu għadu mikxuf nstab li ma tantx hemm xebħ ma’ din il-figura u li l-graffit aktar kien iqarreb lejn figura umana bi driegħa miftuħin fil-pożizzjoni tas-salib. Jidher li min qala’ l-ġebla tal-graffit minn mal-ħajt, kien jaf sewwa x’qiegħed jagħmel għax din inqalgħet b’sengħa kbira. Iżda l-graffit xorta waħda ġarrab il-ħsara hekk kif parti mid-disinn vertikali tħassar. Ta’ min isemmi li jingħad li dal-post intuża wkoll bħala ermitaġġ fil-Medju Evu u għalhekk jista’ jkun li dan il-graffit jirrappreżenta salib Nisrani. Imma s’issa m’hemm xejn konkluż.”

    Mill-posters esebiti fil-post jidher illi waqt l-iskavi kienu nstabu: kamra rettangolari, kuridur, ġibjun u bir f’forma ta’ qanpiena u struttura esterna jew artal. Partijiet minn dawn is-sejbiet reġgħu ġew mirduma taħt it-trab sabiex jibqgħu ppreservati.

    Qatt ma kont smajt bih qabel dan is-santwarju ħlief riċentement waqt lekċer dwar il-Feniċi. Ħassejt li kont nonqos lili nnifsi u anki lilkhom jekk ma mmurx inżur dan il-post.  Għaldaqstant John Cremona infurmani dwar kif nasal għalih u b’qalbi tħabbat sitta sitta soqt lejn l-inħawi ta’ Kerċem.

    Skont l-istruzzjonijiet li tani, waqaft ħdejn l-Għadira ta’ Sarrafflu u pparkjajt fil-viċin. Faċċata tal-għadira ilmaħt irħama li tfakkar individwu li ħalla ħajtu fl-inħawi u minn hemm għaraft li kont wasalt qrib. Is-santwarju ta' Ras il-Wardija, GħawdexInżilt l-isfel minn trejqa ċkejkna u bqajt miexja matulha. Ma kienx esaġera John meta qalli illi x-xeni li kienu jidhru minn hemm fuq kienu meraviljużi! Sa mn’Alla li kont stennejt ix-xemx tbatti ftit għax b’hekk stajt nimxi bil-galbu biex ingawdi l-ġmiel tal-post. Iżda kien hemm ħaġa li kienet qed tinkwetani – l-artijiet li kont għaddejja minnhom kienu kollha privati u kont skomda mhux ftit li bqajt dieħla mingħajr il-permess ta’ ħadd. Qgħadt b’sebgħa għajnejn biex ma nirfes xejn u infatti tant kont aljenata insegwi s-sinjali li bla ma ntbaħt, għaddejt minn fuq is-sit u bqajt sejra ‘l quddiem sakemm finalment, wara li għaddiet aktar minn nofs siegħa u bqajt ma sibtx il-post, indunajt li kont intlift! B’irdumijiet għoljin fil-viċin ma tantx kien post li tiċċajta miegħu u għalhekk ċempilt lil John biex jerġa’ jfehemni aħjar. Erġajt lura lejn l-għolja kbira kollha ġebel li tindika s-sit tas-santwarju u mbagħad qbiżt ħajt tas-sejjieħ li kien hemm taħtha. U dlonk tfaċċa s-santwarju quddiem għajnejja.

    Nistqarr li ħallieni bla kliem bi sbuħietu u ħassejt għajnejja jitfawwru bl-emozzjoni…. Għadruni! Tgħidli qalbi qed nikber u qalbi qed issir żgħira wisq. Madanakollu naħseb li parti kbira mill-ferħ li ħassejt Dehra mill-bokka tas-santwarju ta' Ras il-Wardijakien imqanqal mill-ammont ta’ żmien li għaddejt nistudja dwar dawn l-imberkin Feniċi u issa hemm quddiemi kelli struttura li tiftakar proprju lil dan il-poplu antik li tant spiċċajt nammira. Is-silenzju tal-post bil-baħar fl-isfond ħassejtu jispirani u mill-bokka tal-kamra ħarist il-barra u ppruvajt nara b’għajnejn in-nies oriġinali tal-post. Fin-niċeċ madwari immaġinajt l-istatwi tal-allat u minn taħt il-għajn deherli li rajt lil xi ħadd inaqqax graffit wara l-ieħor….

    Dort daqsxejn mal-post u nkwetajt mhux ftit meta ndunajt illi s-sit kien qiegħed jiddeterjora b’rata allarmanti. Xhieda ta’ dan kienet id-differenza ovvja bejn ir-ritratti esposti fil-wirja u l-kundizzjoni li jinsab fiha illum. Jidher li hemm xi pjanijiet biex il-post jiġi ikkonservat imma ma kelli l-ebda konferma min-naħa tas-Sovrintendenza meta staqsejt. Hija dilemma kbira kif taqbad tipproteġi post bħal dan. Indubbjament is-sit huwa wisq espost għal kull element tan-natura imma ġmielu hu proprju dan. Hija ħasra kbira meta tara t-tinqix antik u ta’ valur tant kbir jisfuma fix-xejn fil-blat li oriġinarjament issawwar minnu. Nittama li issa li s-sit qed jiġbed tant attenzjoni fuqu, jiġbed ukoll l-interess ta’ min hu responsabbli biex jiġi protett mill-aktar fis possibbli. Nixtieq ħafna li l-ġenerazzjoni ta’ warajja jkollhom l-opportunità bħali li jħossu dik il-fjamma ta’ kburija li post bħal dan jinstab proprju f’pajjiżna!

    Ma kontx ċerta jekk għandix nagħti dawn id-dettalji preċiżi tal-post iżda l-arkeologu Dr Nicholas C Vella li jispeċjalizza fil-qasam tal-Feniċi, spjegali illi l-pubbliku għandu Is-santwarju fl-isfond tal-ambjent sabiħkull dritt li jkun jaf fejn hu post bħal dan għax huma n-nies stess li għandhom ikunu l-aqwa gwardjani tal-patrimonju kulturali tagħna. Inkwetah biss il-fatt li l-post fejn qiegħed is-santwarju huwa privat u li għalhekk ħadd ma jista’ jaqbad u jidħol mingħajr il-permess tas-sid.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Ġunju 2011)

    2011.06.26 / 2 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • WAQT ĦARBA S’GĦAWDEX

    Ix-xogħol qatt ma bżajt minnu imma daqstant ieħor dejjem fittixt il-bilanċ fejn imqar għal ftit mumenti nkun nista’ nieqaf u nistrieħ u ngawdi l-frott ta’ dak li nkun qed Vincent Apapnaħdem għalih. Għaldaqstant hekk kif għal dawn l-aħħar ġimgħat tħabatt u stinkajt biex ippreparajt ruħi għall-eżamijiet, bl-istess ħeġġa dil-ġimgħa tlaqt daqsxejn ir-riedni u ħrabt lejn il-gżira qariba tagħna Għawdxija. Bakkart biex nilħaq il-vapur kmieni u hekk kif waqt il-vjaġġ qasir iżżerżaqna fuq wiċċ l-ilma kaħlani u sabiħ minn quddiem il-gżejjer ta’ Kemmuna, bħal iddubitajt jekk wara kollox nixtieqx li qatt jinbena dak il-famuż pont li għandu jgħaqqad liż-żewġ gżejjer prinċipali. Tgħid kieku dan is-sens ħelu ta’ avventura jogħsfor? Il-bieba kbira tal-vapur tniżżlet u soqt ħafif il-barra bħal għasfur ħiereġ mill-gaġġa. Fost l-attivitajiet l-oħra li kont ippreparajt, kelli ppjanati wkoll xi intervisti interessanti. Għeżież qarrejja, peress li dan l-aħħar ħassejt in-nuqqas tagħkom, iddeċidejt li waqt din il-vaganza neħodkhom miegħi…

    L-ewwel intervista kienet ma’ John Cremona fil-Ministeru t’Għawdex fejn bħalissa b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, għaddejja wirja ta’ xogħolijiet artistiċi tal-iskultur Vincent Apap. Uħud minn dawn ix-xogħolijiet kienu jinsabu fil-kollezzjoni riservata tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, filwaqt li xi oħrajn reċentement ġew mogħtija b’donazzjoni lil Heritage Malta mill-familjari tal-artist stess u allura din hija okkażżjoni unika biex wieħed jarahom kollha flimkien.

    “Kull sena fin-Notte Gozitana, ġewwa s-swali tal-Ministeru t’Għawdex, tittella’ wirja ta’ xogħolijiet ta’ kalibru sabiex il-poplu jkun jista’ jgawdi u japprezza t-talenti artistiċiIż-żewġt'aħwa tal-iskultur Vincent Apap ta’ numru ta’ individwi li għamlu isem f’pajjiżna. Din id-darba l-għażla tagħna waqgħet fuq l-iskultur rinomat Malti Vincent Apap. Nixtieq insemmi li din hija l-ewwel wirja tax-xogħolijiet ta’ dan l-artist li qed issir wara li huwa ġie nieqes fl-2003. Fuq uħud minn dawn ix-xogħolijiet artistiċi kien hemm il-bżonn li jsir xi xogħol ta’ konservazzjoni mid-Diviżjoni tal-Konservazzjoni ta’ Heritage Malta, kemm biex dawn jinżammu fi stat tajjeb u kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiġu esposti għall-pubbliku f’din il-wirja.

    Din il-wirja ġiet maqsuma f’ħames taqsimiet: xbiehat, busti ta’ monumenti pubbliċi, xogħolijiet konnessi mal-familja rjali, xogħolijiet sagri u skulturi assoċċjati mat-tfal.”

    Bdejna nduru ma’ dawn ix-xogħolijiet li kollha għandhom l-istorja partikolari tagħhom. Fosthom laqgħatni ħafna bust li kien juri x-xbieha ta’ żewġt itfal; proprjament iż-żewġt aħwa tal-artist, li huwa wettaq meta kellu biss 14 il-sena!

    “Fis-sezzjoni tat-tfal naturalment tara l-ispontanjetà u l-immedjatezza tal-karattri. Huwa xogħol frisk u forsi ftit anqas tradizzjonali mill-oħrajn. Ta’ min isemmi illi Apap kien magħruf ħafna għall-ħeffa li Sir Winston Churchill (Vincent Apap)kien jaħdem biha, fejn fi ftit minuti kien kapaċi jifforma xbieha tajba ħafna ta’ dak li jkun poġġut quddiemu. Infatti waqt intervista li darba ta l-artist stess kien semma li ċerti individwi impenjatissimi ħafna, bħal ngħidu aħna Winston Churchill, kien allokalu għaxar minuti biss biex jippużalu. Il-kapaċità li jaħdem malajr xbieha fil-materjal li jkollu taħt idejh għenitu biex joħloq xogħolijiet li artisti oħra forsi jsibu aktar imprekattivi – bħal ngħidu aħna meta l-mudelli jkunu tfal u ma tantx ser joqogħdulek fl-istess poża għal ħin twil. Kien favorih ukoll il-fatt li kien jippreferi jaħdem ‘live’, bil-persuna preżenti quddiemu. B’hekk ix-xebħ kien joħroġ ħafna aktar.”

    Infatti inklużi fil-wirja kien hemm ukoll busti ta’ diversi personaġġi barranin magħrufa bħall-Prinċep Charles, id-Duka ta’ Kent u l-Prinċep Filippu, Duka ta’ Edinburgh.

    “Flimkien ma’ ħuħ Willie Apap li kien pittur, Vincent Apap kellu l-opportunità li jitla’ jaħdem f’Buckingham Palace fejn hemmhekk dawn iż-żewġ artisti Maltin wettquBust tal-Prinċep Charles (Vincent Apap) xogħolijiet mill-ifjen li llum jinsabu f’bosta kollezzjonijiet privati. Permezz ta’ din il-wirja għandna l-possibilità li napprezzaw l-id tal-iskultur li tidher ċara ħafna fuq dawn il-buzzetti tal-ġibs.”

    Imxejna aktar il-ġewwa fejn did-darba kien hemm xi buzzetti ta’ xogħolijiet sagri.

    “Vincent Apap ħadem bosta xogħolijiet għall-knejjes tal-gżejjer tagħna. Ma setax jonqos li peress li huwa kien minn Tas-Sliema, wieħed isib preżenza sabiħa u numeruża tax-xogħolijiet tiegħu fil-Knisja tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema. F’din is-sezzjoni fosthom għandna dan is-sett ta’ buzzetti konnessi ma’ personaġġi tal-Bibbja li minnhom finalment inħadmu statwi kbar li jinsabu fil-knisja li semmejna.”

    Inzerta illi l-biċċa xogħol l-aktar għal qalb John kienet proprju f’din is-sezzjoni…

    “Hija din l-istatwetta tal-ġibs mogħtija kulur sewdieni biex tixbaħ lill-materjal tal-bronż. Turi rappreżentazzjoni tat-tentazzjonijiet ta’ It-tentazzjoni ta' Sant'Antnin (Vincent Apap)Sant’Antnin. Jogħġobni ħafna l-istil li nħadmet bih: taħlita ta’ stil tradizzjonali klassiku flimkien ma’ dak modern. In-nisġa ta’ figuri li bħal donnhom qed jissieltu biex joħorġu mill-forma tax-xbieha tal-qaddis huma qawwija ħafna u jwasslu l-messaġġ b’mod b’saħħtu u ċar.”

    L-isfond tas-sala jagħlaq bil-kapolavuri monumentali ta’ dan l-iskultur li ċertament huma l-aktar magħrufa mal-pubbliku. Sett ta’ busti kbar, did-darba ta’ diversi personaġġi Grupp ta' busti ta' Vincent ApapMaltin kienu xempju tax-xogħol dettaljat li kien magħruf għalihom dan l-artist. Fl-istess ħin, il-qies imdaqqas tal-busti jagħti indikazzjoni ċara tal-kobor tax-xogħol finali meta komplut bil-bqija tax-xbieha tal-personaġġ. Ħasra li ma kienx hemm xi bust tal-ġganti li minnhom Vincent Apap sawwar il-funtana tat-Tritoni, liema xogħol probabbilment ser ikun dak l-aktar miftakar għalih.

    Sabiex wieħed ikollu aktar dettalji dwar il-ħajja ta’ dan l-iskultur u kif ukoll informazzjoni dwar ix-xogħolijiet preżenti f’din il-wirja, wieħed jista’ jakkwista l-pubblikazzjoni bit-titlu Vincent Apap (1909-2003) fejn wieħed isib kitbiet ta’ Sandro Debono, Bernadine Scicluna, Kenneth Cassar, Gabriel Pellegrini u t-tim li wettaq xogħol ta’ konservazzjoni fuq din il-kollezzjoni.

    Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (esklużi il-festi pubbliċi). Dħul bla ħlas. Ħinijiet: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30am sas-12.45pm. Is-Sibt u l-Ħadd mid-9:00am sa 12:00pm. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq 22100225.

    John Cremona li huwa responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ dawn il-wirjiet fis-swali tal-Ministeru t’Għawdex, ma naqasx milli jdawwarni wkoll mal-bqija tal-bini li ċertament għandu storja Faċċata tal-katalgu tal-wirja ta' Vincent Apapinteressanti ferm. Infatti dan il-bini kien jifforma parti minn sptar antik li nbena fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann għall-ħabta tat-18 il-seklu. Numru ta’ kwadri artistiċi li bosta minnhom kienu jżejjnu s-swali ta’ dawk iż-żminijiet, illum ġew restawrati u tpoġġew lura mill-ġdid mal-ħitan ta’ dan il-post ħalli jkunu jistgħu jitgawdew aktar mill-pubbliku. Marbuta ma’ dan il-post hemm ukoll ġrajja mqanqla dwar il-Kanonku tal-Kattidral t’Għawdex, Giovanni Maria Camilleri, li kien ħalla ġidu kollu biex inbena dan l-isptar, liema deċiżjoni probabbilment swietlu ħajtu meta huwa flimkien mas-seftura tiegħu sfaw maqtula f’daru fiċ-Ċittadella.

    U kumbinazzjoni, t-tieni lwog kien proprju fiċ-Ċittadella fejn did-darba John Cremona ħadni nżur wirja arkeoloġika li tinsab fiċ-Ċentru għall-Kultura u Arti (l-informazzjoni dwarha ser tidher il-Ħadd li ġej). Dan il-post li llum jilqa’ fih diversi wirjiet u attivitajiet kulturali, fi żmien il-ħakma Ingliża kien intuża bħala ħabs. Is-swali medjevali, illum imdawwla u rinovati, jilqgħuk ħafna. Imma ngħid għalija l-aktar impressjonanti kien it-tinqix antik fuq il-ħitan tagħhom, fosthom ta’ forom ta’ jdejn u xwieni, li l-priġunieri ta’ dak iż-żmien ħallew mal-ħitan bħala evidenza tal-preżenza tagħhom hemmhekk.

    “Hija proprju din l-atmosfera medjevali ta’ dawn il-galleriji li jiġbduni kull sena lejn Malta,” stqarret Colette Marchant, artista Franċiża li bħalissa qed tesponi x-xogħolijiet ta’ pittura tagħha f’dan il-post.

    Infatti din hija t-tielet wirja li din l-artista qiegħda ttella’ f’dan iċ-Ċentru. Magħrufa sewwa bħala pittriċi astratta, il-karatteristika ta’ Colette hija li tpinġi mingħajr l-użu tal-Pitturi ta' Colette Marchantpniezel u tiddiżinja biss b’idejha. Tispira ruħha ħafna mid-dawl u min-natura. Ix-xogħolijiet tagħha għandhom l-iskop li jwasslu messaġġ ta’ trankwillità u ta’ skoperta, b’mod sempliċi imma profond u kkulurit li jserraħ l-għajnejn, il-qalb u r-ruħ. Tgħix fi Franza imma waqt dawn il-wirjiet tagħżel dejjem li tmur toqgħod ix-Xlendi, post li hu għal qalbha ħafna, fejn speċjalment tapprezza l-kuluri ta’ nżul ix-xemx li jżejjnu l-inħawi tal-madwar.

    Din il-wirja ser iddum sas-26 ta’ Ġunju 2011. Ħinijiet mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-10.00am u l-4:00pm. Is-Sibt u l-Ħadd bejn il-11:00am u t-3:00pm. Aktar dettalji fuq 99855103.

    Deċiża li ngawdi dak kollu li seta’ joffrili l-post, did-darba paxxejt il-lat antropoloġiku tiegħi fejn fis-swali ta’ fuq taċ-Ċentru għall-Kultura u Arti skoprejt wirja oħra dwar il-Festi ta’ Dari f’Għawdex.

    Din il-wirja etnografika tinkludi fiha bosta oġġetti relatati mas-suġġett tal-festi fi żminijiet antiki. Fosthom wieħed isib dekorazzjonijiet antiki ta’ dari bħal skudetti tal-injam li jmorru lura għad-19-il sekluIl-Banda tad-Dudi li wħud minnhom huma fil-forma ta’ Kavallieri ta’ San Ġwann u li magħhom kienu jiddendlu l-bnadar. Personalment għoġbuni ħafna r-ritratti li kienu juru xeni differenti mill-ħajja ta’ snin imbiegħda. In-nies jippużaw ferħanin u kburin għar-ritratt kienu lebsin il-ħwejjeġ ta’ dak iż-żmien, uħud fi sfond ta’ nħawi li llum inbiddlu ħafna. Min jaf x’sar minnhom dawn l-individwi? Min jaf għadx hemm min kapaċi jagħrafhom illum bħala xi ħadd mill-antenati tiegħu? Ritratt minnhom kien juri l-Banda tad-Dudi, li kienet l-ewwel orkestrina li ffurmat f’Santa Luċija, Għawdex u li kienet tikkonsisti minn grupp żgħir ta’ mużiċisti  li kienu jduru fit-toroq Għawdxin sabiex iferrħu l-udjenzi li jinġabru madwarhom. Fost ritratti oħra li juru purċissjonijiet bl-istatwa tal-qaddis patrun, dak iż-żmien statwi ġodda fjamanti, kien hemm ukoll xi ritratti li juru tradizzjonijiet magħrufa bħall-Benedizzjoni Ewkaristika minn fuq il-baħar f’Marsalforn jew il-ġostra waqt il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi, b’qatta’ żagħżagħ jistennew ħerqana biex jipparteċipaw.

    Ktejjeb żgħir miġbur mill-antropologu Dr Ray Debono Roberts ikompli jagħti aktar dettalji dwar dawn l-egħruq tal-festi Maltin. Sadanittant waqt din il-wirja wieħed isib ukoll formoli fejn qed tintalab informazzjoni u ritratti dwar il-festi t’Għawdex li kienu jsiru qabel l-1955 sabiex dawn jiġu nklużi f’pubblikazzjoni li qed tiġi ppreparata dwar dan il-qasam. Din il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Ġunju 2011.

    Stagħġibt kemm kien hemm x’tara u dan meta kont qed indur biss fl-akkwati tar-Rabat Għawdex! Iżda issa kien imiss li nistrieħ ftit u għaldaqstant erħejtilha lejn il-villaġġ tax-Xlendi, fejn qrib it-taħbita nebbiexa tal-baħar ċar kristall, poġġejt f’restorant li dewwaqni naqra benna tal-kċina Għawdxija. Fl-istess ħin kont qed nistenna x-xemx tbatti ftit għax f’moħħi kelli avventura ċkejkna. Imma għalissa ser nieqaf hawn sabiex ingawdi daqsxejn dawn il-memorji sereni. Ngħidilkhom aktar il-ġimgħa d-dieħla…

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 ta’ Ġunju 2011)

    2011.06.19 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • SERENDIPITY

    me with the archaeologistsDil-ġimgħa tgħallimt kelma ġdida bl-Ingliż – serendipity. Kelma pjuttost twila u b’sinifikat daqstant ieħor profond. Infatti talludi għall-kapaċità li tiskopri affarijiet ta’ valur b’mod aċċidentali, meta lanqas biss tkun qed tfittixhom. Iżda t-tifsira ta’ dil-kelma tkompli tinsinwa illi skoperti bħal dawn iseħħu meta l-bniedem in kwistjoni jkollu t-tendenza naturali li jgħarrex jew ifittex proprju għal dawk l-aspetti jew oġġetti. Ftakart f’dil-kelma mill-ġdid hekk kif ġbart in-noti tal-intervista ta’ dil-ġimgħa u ntbaħt kemm il-darba dal-kunċett ħareġ fid-diskussjoni tagħna…

    L-ewwel allużjoni bdiet hekk kif kont nieżla t-taraġ tal-Ipoġew li jinsab f’Raħal Ġdid. Kont ilni snin twal nixxennaq biex nara dal-post tant magħruf iżda jkolli nistqarr li meta sirt naf li ridt nibbukkja minn xi tliet xhur qabel, bħal qtajt ftit qalbi. Iżda ġara li bħalissa qed isir il-Festival Mediterranea 2010 li fost l-attivitajiet tant interessanti tiegħu kien hemm żjara fl-Ipoġew bi gwida li ma kien ħadd ħlief l-arkeoloġista tant imsemmi Dr David H Trump! Ma stajtx nitlifha okkażjoni bħal din – għall-ebda raġuni.

    “Żjara fl-Ipoġew hija mod tassew oriġinali kif niċċelebraw dawn il-Jiem tal-Mejtin,” beda d-diskors Dr Trump. Kos tassew! Lanqas kont intbaħt għall-ewwel bil-konnessjoni. Hekk jew hekk moħħi kien mitluf jixrob dak kollu li kont qed nara madwari. Xi ġmiel ta’ post! Xi storja sabiħa għandu pajjiżi! Imma min setgħu kienu dawk in-nies li ħaffru u żejjnu dawn l-inħawi? U għaliex għażlu dil-forma ta’ arkitettura u arti biex jidfnu fihom lill-għeżież tagħhom?

    F’mument minnhom Dr Trump għaddiena minn quddiem fetħa li kienet tagħti fuq waħda mill-ifjen partijiet tal-Ipoġew. “Ittawwlu ġewwa u immaġinaw x’seta’ ġie f’moħħ dawk li aċċidentalment kienu qed iħaffru f’dawn l-inħawi u sabu ruħhom f’dan il-post,” issuġġerilna l-arkeoloġist. Hekk għamilna u hekk kif miss lili ma stajtx ma nimpressjonax ruħi. Ħassejt emozzjoni stramba, bħal ċertu żvolġiment ta’ għerf antik u b’ċarezza fhimt x’setgħu ħassew dawk l-ewwel Maltin li skoprew dal-lok filwaqt li b’xi mod qabbilt l-istess esperjenza ma’ dik ta’ Howard Carter hu u jixgħel is-sulfarina u mid-dlam tfeġġ quddiemu l-ewwel immaġni tal-qabar tal-farawni Eġizzjan, Tutankhemun.

    Dan hu l-ġmiel u s-seħer tal-arkeoloġija. Fuq kollox meta tagħraf li bini meraviljuż bħal dan jinsab f’pajjiżek, trid jew ma tridx tħossok kburi li int Malti. Fl-istess waqt tant apprezzajt nisma’ t-tifħir u nara l-imħabba li Dr Trump għandu lejn l-arkeoloġija ta’ pajjiżna li ma flaħtx ma nisraqlux erba’ kelmiet sabiex inkun nista’ nwassalhom lilkhom.

    Dr David H Trump huwa popolari sewwa f’pajjiżna, probabbilment l-aktar minħabba x-xogħol siewi li huwa għamel fis-sit arkeoloġiku ta’ Skorba. Kiteb ukoll numru ta’ kotba Cart-Ruts and Their Impact on the Maltese Landscapedwar l-arkeoloġija ta’ pajjiżna fostom Malta: Prehistory and Temples u Cart-Ruts and Their Impact on the Maltese Landscape. Kont kurjuża biex insir naf x’kien li ħajjru għall-arkeoloġija?

    “Kelli sbatax il-sena u kienu jinteressawni diversi suġġetti, fostom l-arkeoloġija. Imma mbagħad seħħew żewġ affarijiet li kaġun tagħhom sibt ruħi nistudja biex insir arkeoloġist.

    L-ewwel esperjenza kienet  f’Essex, l-Ingilterra fejn kont noqgħod jien. Hemmhekk kien hemm soċjetà ta’ xi dilettanti li kienu qed jiskavaw il-fdalijiet ta’ sit Ruman. Jien u missieri ngħaqadna magħhom biex ngħinu fit-tħaffir u mill-ewwel ħassejt dik iċ-ċertu ġibda għal dax-xogħol.

    Imma aktarx, l-aktar fattur importanti kien meta William A Foyle li kien kollezzjonista tal-kotba, ġentilment offrieli li noqgħod nara l-kollezzjoni privata tiegħu. Kienet opportunità inkredibbli fejn kelli ċ-ċans naqra kotba ta’ valur kbir. L-aktar xkaffa li laqtitni kienet dik ta’ sensiela ta’ kotba ta’ Sir Arthur Evans li kienu jitrattaw il-palazz ta’ Minos fi Knossos, il-Greċja. Bdejt naqra ktieb ktieb u meta wasalt fl-aħħar wieħed, kont diġà sirt arkeoloġista.”

    Allura kif eventwalment sab ruħu jaħdem f’Malta?

    “Meta kont student, fl-Università kienu jħajjruna ħafna biex nipparteċipaw kemm nistgħu f’diversi skavi, possibilment madwar id-dinja. Għall-ewwel mort l-Irlanda u Denmark imma minħabba l-kotba ta’ Evans kont nixtieq ħafna nara x’kellha x’toffri l-arkeoloġija tal-Mediterran. Għaldaqstant meta sirt naf li ħabib tiegħi kien qed jorganizza xi skavi f’Malta ħtaft iċ-ċans li ningħaqad miegħu. Prinċiparjament t-tħaffir li għamilna kien fil-Ġgantija. Kumbinazzjoni ftit tal-ġranet ilu ġiet f’idi l-ittra li kont bgħatt lil ommi mir-Rabat, Għawdex fl-Għid tal-1954 fejn irrakkuntajtilha kif kont issaħħart wara l-ġmiel ta’ Malta u Għawdex. Imħabba li baqgħet f’qalbi sa llum tant li ma nixba qatt inżur dawn il-gżejjer.”

    Bejn l-1958 u l-1963 Dr Trump reġa’ sab ruħu f’pajjiżna, did-darba fir-rwol ta’ Kuratur tal-Arkeoloġija fil-Mużew Nazzjonali ta’ Malta.

    “Il-Kaptan Charles George Zammit  kien għadu kif laħaq Direttur tad-Dipartiment tal-Mużewijiet Nazzjonali u allura kien marbut b’ħafna xogħol amministrattiv. Konsegwentement ma setax jieħu ħsieb il-materjal arkeoloġiku Malti u għalhekk kellu jfittex arkeologu għal dak ix-xogħol. Dak iż-żmien ma kienx hawn Maltin li kellhom il-kwalifiki neċessarji biex japplikaw u b’hekk dħalt jien fix-xena.

    Kelli ħafna dmirijiet bħala Kuratur fostom waħda minnhom li kienet tgħid li f’dawk il-ħames snin, kelli nħarreġ professjonist Malti biex jieħu l-pożizzjoni tiegħi meta jagħlaq il-kuntratt u dan kien Francis Mallia.

    Sadanittant għamilt ħafna xogħol fir-rigward tal-esebizzjonijiet u fl-imħażen tal-Mużew. Kont responsabbli wkoll mill-fdalijiet arkeoloġiċi li kienu qed jinstabu waqt xi xogħolijiet ta’ tħaffir għall-bini tad-djar jew toroq. Infatti mort diversi drabi fuq dawn il-postijiet sabiex nieħu d-dettalji tagħhom u tal-fdalijiet li nsib u kont anki niġbed xi ritratti sabiex dawn ikunu jistgħu jinżammu fir-reġistri tal-Mużew.”

    Kien anki f’dan iż-żmien li Dr Trump għamel is-sejba tat-tempji ta’ Skorba li llum jiffurmaw parti mill-lista tal-UNESCO World Heritage Sites.

    “Bħala Kuratur, għalkemm ma kienx jifforma parti minn xogħoli, ġietni l-idea li nwettqu xi skavi. Konna diġà għamilna xi skavi fit-Torri Ta’ Ġawhar f’Ħal-Safi imma f’Malta kien ilu ma jinstab xi tempju mis-sena 1927; meta Sir Temi Zammit kien ħadem fuq Ta’ Ħaġrat.

    Issa li t-teknika tal-arkeoloġija kienet tjiebet ħafna u kien anki qed jiġi żviluppat il-metodu tar-radiocarbon dating dehrilna li kellna mmiddu jdejna għal xi biċċa xogħol.

    Għal żmien twil kien magħruf illi fl-inħawi ta’ Skorba kien hemm ġebla kbira wieqfa. Fl-1938 il-Kaptan Charles George Zammit, li dak iż-żmien kien Kuratur, mar iżur is-sit u nnota diversi bċejjeċ tal-fuħħar It-tempji ta' Skorbafil-wiċċ tal-art. Ma riedx wisq aktar evidenza biex jobsor li hemmhekk seta’ kien hemm xi ħaġa ta’ valur. Għaldaqstant huwa ħaffer gandott viċin il-ġebla l-kbira u mmedjatament sab ġebla kwadra b’wiċċ minnhom iddekorat b’diversi ħofor żgħar. Naturalment dak kien sinjal ċarissimu li hemmhekk kien hemm tempju! Iżda sfortunatament ftit taż-żmien wara nqalgħet il-gwerra u ma sar xejn aktar fuq dan is-sit.

    Dan kien sit li kien qed jitlob bil-ħniena biex jiġi skavat u b’hekk l-għażla tiegħi waqgħet fuqu. Almenu xtaqt nikkonferma jekk dan kienx tempju jew le. Ħsibna li r-risposta kienet ser tasal f’madwar tlett ġimgħat xogħol u mbagħad wara konna ser immorru kollha ferħana lura d-dar. Imma ġara li sena wara sena, bqajna niskavaw għax baqgħu jfeġġu iżjed fdalijiet sakemm finalment b’sorpriża kbira kkonfermajna li mhux talli kellna tempju wieħed  imma kellna tnejn!

    Iżda l-aħbarijiet tajbin ma waqfux, b’waħda mill-aqwa tkun meta morna nħaffru gandott fuq in-naħa ta’ wara tas-sit u hemm jitfaċċaw għaxar metri ta’ ħamrija mhux disturbata u mogħnija bi fdalijiet preistoriċi ta’ żminijiet differenti fejn finalment irnexxielna nsibu l-iktar fdalijiet antiki lokali li jmorru lura għas-sena 5000Q.K.

    Sejba oħra importanti saret meta morna nħaffru f’għalqa oħra fl-inħawi u hemm skoprejna żewġ lwogi li mill-ammont ta’ statwetti li sibna fihom, jindikaw li kienu post ta’ adorazzjoni lil xi allat. Issa din Statwetta li nstabet fi Skorbakienet evidenza ta’ valur kbir għax permezz tagħha stajna nifhmu li quddiemna kellna l-prototipi tat-tempji megalitiċi li nbnew aktar tard. Dan kien ifisser li l-ideat għall-kostruzzjoni ta’ dawn it-tempji kienu ġew min-nies tal-lokal u ma kienux ikkuppjati minn postijiet oħra. U allura dak il-post kien qed jurina l-bidu ta’ din l-istorja.

    Investejt ħidma kbira fi Skorba imma dan ma jagħmilx minni xi arkeoloġist brillanti! M’għandi l-ebda problema biex nammetti li fir-realtà kont arkeoloġist kompetenti li l-fortuna daħkitli ħafna. Nemmen li kont sempliċiment fil-post ġust u fil-mument opportun.”

    B’kumbinazzjoni nsir naf ukoll li fi Skorba Dr Trump ma għamilx biss din l-iskoperta’ għax hemmhekk huwa sab ukoll lil dik li finalment saret martu! Però did-darba l-Dr David H Trump & Bridget Trumparkeoloġist iddeċieda li jħalli lil martu Bridget li hija arkeoloġista wkoll biex tgħidli l-istorja…

    “Iltqajna l-ewwel darba fil-gżejjer ta’ Lipari fi Sqallija meta jiena kont għadni studenta. Flimkien ma’ sħabi konna morna hemm biex nistudjaw l-iskavi tal-post u hemm kien hemm ukoll David flimkien ma’ Francis Mallia. Imma dak iż-żmien, s’hemm waqfet l-istorja.

    Imbagħad meta gradwajt xtaqt nipparteċipa f’xi skavi u għalhekk bgħatt diversi ittri lil ħafna arkeologi sabiex nara fejn stajt immur. David irrispondini mal-ewwel u għalhekk ġejt hawn. Minn hemmhekk l-affarijiet għaġġlu ħafna.”

    Issa Dr Trump ma felaħx jirreżisti milli jkomplili r-rakkont hu…

    “Ġiet taħdem miegħi bħala voluntiera fuq is-sit ta’ Skorba. Bdejna l-ewwel kampanja bħala Dr Trump u Ms Wilson u ħmistax il-xahar warażżewwiġna. L-aħħar kampanja spiċċajniha bħala Dr Trump u Mrs Trump u b’Roger żgħir rieqed fil-benniena taħt id-dell ta’ wieħed mill-megaliti.”

    It-tnejn qablu li ż-żwieġ bejn żewġ arkeologi huwa ideali.

    “Peress li dax-xogħol jitlob ħafna sagrifiċċji u jeħodlok ħafna mill-interess tiegħek u minn ħinek, ikun diffiċli mmens għall-arkeoloġist biex jaħdem sewwa jekk is-sieħba tiegħu ma tkunx tista’ taqsam dan miegħu.

    Fil-każ tiegħi marti kienet tiġi taħdem miegħi fuq is-siti u kull fil-għaxija konna noqogħdu nitkellmu fuq is-sitwazzjonijiet u l-problemi li nkunu ltqajna magħhom matul il-ġurnata. Bridget kienet taqra wkoll ir-rapporti tiegħi u tagħtini s-suġġerimenti tagħha. Niggarantilek li mara arkeologa hija ideali meta tkun taħdem f’dal-qasam.”

    Bridget ikkonfermat…

    “Veru! Hi sitwazzjoni li tagħtik ħafna sodisfazzjon. Qatt ma stajt nimmaġina lili nnifsi nwettaq xi skavi waħdi u għalkemm ħdimt bosta drabi ma’ xi arkeologi oħrajn. Però jiena u David niffurmaw tim tajjeb wisq!”

    U t-tfal tagħhom? Hemm xi ħadd li qabad dil-linja?

    “Ħadd minnhom u naħseb li jiena għandi parti mir-responsabbiltà għala ġara dan,” qalli Dr Trump bi tbissima mqarrba. “Peress li jiena xogħoli kien jinkludi li nieħu n-nies għal diversi mawriet mas-siti arkeoloġiċi, meta żżewwiġna u kellna t-tfal, spiss kellna neħduhom magħna għax ma kellnix għażla oħra. Niftakarhom ċari jgħiduli “Le! Tgħidilnix li ser immorru nżuru xi mużew ieħor!”

    Films bħal Indiana Jones tawna impressjoni partikolari dwar x’inhu arkeologu. Imma kemm minn dan huwa verità?

    “Għall-kuntrarju ta’ kif jaħsbu ħafna, aħna ma nkunux qed infittxu t-teżori imma l-informazzjoni. Għalkemm ngħiduha kif inhi, jekk insibu xi teżor, mhux ser narmuh tafx?

    Mela ħa ngħidlek x’ġara darba… Konna qed inħaffru fit-torri Ta’ Ġawhra f’Ħal Safi meta f’ħin minnhom insib misluta tad-deheb fl-irmied li kont qed infittex fih. Dik kienet l-unika darba li sibt id-deheb f’idi u nassigurak li ma warrabtux. Ftit qabel fuq it-tarġa tal-bieb sibna żewġ bramel żgħar tal-bronż maqluba fuq naħa waħda u mgħattna għax waqa’ fuqhom is-saqaf.

    Minn dawn is-sejbiet stajt nipprova nibni storja ta’ x’seta’ seħħ dakinhar: mela, ingħata l-allarm li l-bini kien qed jaqbad. Il-mara li kien hemm fid-dar ħatfet malajr il-kaxxa tal-ġojjelli u ġriet biha l-barra. Dr David H TrumpImma fil-bieb waqgħet fil-bramel, il-kaxxa nfetħet beraħ u l-ġojjelli waqgħu fl-art. Il-mara ppruvat tiġborhom kollha imma fin-nugrufun u l-ħruq, f’ċertu punt beżgħet għal ħajjitha u telqet il-misluta hemm. Ftit mumenti wara waqa’ s-saqaf u għaffeġ il-bramel taħtu.”

    Akkost li għalaq id-79 sena, il-passjoni ta’ David lejn l-arkeoloġija għadha ħajja mmens. Huwa saħaq li sakemm jibqa’ b’saħħtu ma kienx beħsiebu jieqaf jaħdem f’dal-qasam.

    “Tant hemm affarijiet x’tiskopri li das-suġġett ma jispiċċa qatt. Infatti kif issolvi mistoqsija, jinqalgħu tlieta oħra u jkollok terġa’ tirrifletti mill-ġdid fuq il-konklużjonijiet li kellek qabel. Imma dak hu l-ġmiel tas-suġġett għax jekk ikollok risposta għal kollox u jispiċċa dak is-sens ta’ misteru, indubbjament l-interess jintilef.”

    Staqsejtu fl-opinjoni tiegħu x’potenzjal jaħseb li għandu pajjiżna fil-qasam arkeoloġiku u kemm jidhirlu li qed ingawdu minnu?

    Hawn Malta intom għandkom l-eqdem tempji fid-dinja magħmula minn ġebel wieqaf waħdu. Għandkhom siti li ġġib għajnejk wara widnejk għall-uniċità u l-ġmiel tagħhom. Fil-fatt fl-opinjoni tiegħi Malta għandha tkun kontinwament mifqugħa bl-ammont kbir ta’ turisti li jżuruha, jekk xejn minħabba dawn is-siti. Iżda mhux il-każ! Għala?”

    Hawnhekk David urieni xi supplimenti minn gazzetti barranin li kienu qed jirriklamaw lil Malta bħala post ta’ btala. F’daqqa t-ton tiegħu nbidel u saħansitra beda jitmasħan.

    “Temmini jekk ngħidlek li f’dawn il-paġni kollha mimlija b’materjal ta’ riklamar għal Malta, ma ssibx tagħrif dwar is-siti arkeoloġiċi tagħkom, jew jekk issib, jingħad kollox f’sentenza waħda biss? Dawn huma teżori nazzjonali! Għala ma tiftaħrux bihom?

    Minn stħarriġ li sar fl-2009 fl-Ingilterra nstab illi r-raġuni prinċipali li tiġbed għadd ta’ turisti lejn il-pajjiż kienu l-mużewijiet, il-galleriji tal-arti u s-siti storiċi. Infatti f’dik is-sena 6.4 miljun turist żaru monumenti u bini reliġjużi fl-Ingilterra, 5.8 miljun żaru l-kastelli u 5 miljuni oħra żaru djar storiċi.  Kemm minn dawn setgħu ġew f’pajjiżkhom ukoll?

    Inħoss li dawk li huma responsabbli mir-riklamar relatat mat-turiżmu f’dan il-pajjiż jonqsu ħafna meta jħallu barra informazzjoni bħal din. Dawn huma kollha opportunitajiet mitlufin li jafu jqallgħu flejjes kbar lil pajjiżkhom. Huma wkoll okkażjonijiet misruqa lil dawk li jinteressaw ruħhom f’dal-qasam imma ma jafux x’hawn f’dawn il-gżejjer għax kieku jiġu sparati hawn.

    Il-wirt arkeoloġiku tagħkom huwa xi ħaġa li messkhom issemgħuh mal-erbat irjieħ tad-dinja. Għaliex mhux qed isir dan? L-arkeologi għamlu l-parti tagħhom: skavaw is-siti, ippreżentaw is-sejbiet Malta - Prehistory & Templestagħhom fil-mużewijiet u ppreparaw rapporti dettaljati fuq ix-xogħol li sar. Issa jmiss lill-Awtorità tat-Turiżmu biex tagħmel il-parti tagħha ħalli dan it-teżor nazzjonali Malti jsir magħruf ma’ kulħadd.

    Hemm ħafna x’jista’ jsir biex jinġibdu t-turisti lejn Malta. Il-fdalijiet tagħkom tant huma uniċi li tassew m’għandux ikun hemm l-iċken diffikultà biex tiġbdu l-barranin lejhom.

    Però barra minn hekk, hemm xi ħaġa oħra li nixtieq nara sseħħ f’dan il-pajjiż – li tressqu lil Maltin stess lejn dawn is-siti. Nemmen li għallinqas kull Malti għandu jżur almenu s-siti arkeoloġiċi maġġuri kollha u l-Mużewijiet Arkeoloġiċi ta’ Malta u Għawdex imqar darba f’ħajtu.

    Dan hu l-patrimonju tagħkom u intom tridu tkunu kburin bih prinċiparjament. Għax huwa dan li jagħmilkhom Maltin u huwa dan li jagħmilkhom tant kburin b’pajjiżkhom!”

    L-attivitajiet ta’ Festival Mediterranea 2010 ser ikomplu sas-Sibt 27 ta’ Novembru 2010. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq 21550985 jew 99883007.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 ta’ Novembru 2010)

    2010.11.07 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • ŻMIEN IL-GWERRA F’GĦAWDEX

    Bħal bir fond li dejjem jixxennaq għall-ilma, aktar ma niltaqa’ ma’ nies li jirrakkuntawli dwar l-esperjenzi tagħhom, iżjed inħossni li rrid inkun naf. Permezz ta’ dawn l-individwi qegħdha niskopri l-għeruq ta’ niesi u ta’ pajjiżi u l-għożża tiegħi lejn dat-tnejn qegħdha tissaħħaħ aktar ma jgħaddi ż-żmien. Sakemm għandi din l-opportunità li naqsam magħkom dawn il-ġrajjiet li nisma’, nixtieq ngħaddi din l-imħabba tiegħi lilkhom għax personalment nemmen li m’hemm xejn isbaħ milli tkun kburi tassew b’dak li jagħmlek dak li int.

    Dan l-aħħar kont qegħdha naqra dwar il-gwerra f’Malta u tqanqlitli kurżità. Intbaħt li dwar l-esperjenza tal-gwerra fil-gżira t’Għawdex, qatt ma kont kellimt lil ħadd. Għaldaqstant dil-ġimgħa, permezz ta’ l-għajnuna siewja tal-Kunsill Lokali tal-Qala, irnexxieli niltaqa’ ma’ anzjan ta’ 90 sena li stedinni f’daru biex nitkellmu ftit dwar dan.

    Lil Saviour Vella sibtu qed jistennieni bi tbissima ħdejn il-bieb tiegħu. Ix-xemx kienet diġà bdiet taħraq sew u dlonk dħalna ġo kamra mdaqqsa biex nibdew din l-intervista. Minn fuq is-salott fejn poġġejna, mara sbejħa kienet qed tħares lejna minn ritratt. “Dik Kelina tiegħi,” qalli Saviour. “Ħallietni disgħa snin ilu wara 60 sena u ġimgħa miżżewġin.” Ir-rakkonti tiegħu bdew u fil-kumpanija ta’ din il-koppja ħassejtni niżżerżaq ħelu ħelu lura fis-snin…

    “Kont rajtha ħamsin darba imma qatt ma tajt kasha qabel! Darba minnhom qed naqta’ xagħar wieħed u hekk kif għaddiet minn quddiem il-bieb tal-ħanut tbellaħt warajha. Għedt dik min hi, qisha anġlu? Saviour u Kelina VellaĦaffift lejn il-bieb biex naraha aħjar imma kienet diġà għosfrot. Dak li kien qed jistennieni fil-ħanut qabad jinkini imma jien lestejtu malajr u mort sa ħdejn missieri bit-tama li forsi marret hemm. Dak iż-żmien, peress li missieri kien tal-iskola, in-nies kienet tmur għandu biex jiktbilhom xi ittra jew biex jimlilhom xi formola. Hemm sibtha! Kienet qegħdha m’ommha u hekk kif erġajt rajtha ħlift li dik it-tfajla għad tkun tiegħi.

    Dakinhar fil-għaxija, qabel dħalna norqdu, għedt lil missieri li xtaqt niżżewweġ. Hu qabel miegħi u qalli li għandu żewġ tfajliet bil-għaqal f’moħħu. Ħasadni! Għedt hawn aħna, ħa jipprova jwebbilni b’ħaddieħor. Imma ġietni tajba għax it-tfajliet li kellu f’moħħu kienu wlied Bubetta li waħda minnhom kienet Kelina tiegħi. Naturalment qbilt miegħu mill-ewwel u l-għada ommi bagħtet lill-ħuttab għand ommha.”

    Is-soltu l-ħuttab kien imur ikellem lil missier it-tfajla l-ewwel imma missier Kelina, Salvu, kien miet waqt l-Ewwel Gwerra.

    “Salvu kien inkwetat għax safa bla xogħol u b’xi mod ried jitma’ l-familja. Tħabat ħafna biex forsi jidħol jaħdem id-Dockyard imma ma batux għalih. Għalhekk meta qata’ qalbu, tela’ l-Ingilterra biex jaħdem bħala baħri. Hekk kif ingaġġawh, wara tmint ijiem, bagħtu għalih mid-Dockyard f’Malta imma Salvu ddeċieda li jibqa’ fejn kien.

    Darba minnhom ġew tliet aħwa ġuvintur li kienu jiġu minnu u stednuh biex imur magħhom ħalli jieħdu xi tagħbija fuq vapur. Issa waqt gwerra ma kienux iħallu żewġt aħwa jitilgħu fuq l-istess vapur għax jekk jegħreq kienu jintilfu t-tnejn. Imma dawn l-aħwa kienu diġa’ rranġaw kollox biex jitilgħu bil-moħbi. Peress li kienu fi gwerra, Salvu ma tantx xtaq joqgħod isalpa fuq il-baħar għal xejn b’xejn imma b’xi mod ikkonvinċewh u ħaduh magħhom. Id-destin ried li wara li kienu ilhom madwar ġimgħa fuq il-baħar, il-vapur ġie attakkat b’torpedo li għerrqitu bin-nies ta’ fuqu b’kollox.”

    Iżda lil Saviour ix-xorti daħkitlu għax anki Kelina kellha grazzja miegħu u aċċettat minnufih li tiżżewġu. Madanakollu n-namur ma kienx dak li nafu aħna.

    “Dak iż-żmien ma stajtx taqbad u tkellem tfajla għax jekk kienet tmur tgħid l-ommha, kont issib il-pulizija wara l-bieb! Meta tgħarrasna kont immur inqatta’ ftit ħin ħdejha d-dar taħt għajnejn il-familjari kollha tagħha u hekk kif iddoqq l-Ave Marija kien ikolli ndabbar rasi. Domna tliet xhur namrati sakemm iżżewwiġna.

    Il-gwerra kienet waslet lejn it-tmiem tagħha imma l-effetti tagħha kienu għadhom jinħassu sew. Biex xtrajt id-drapp għall-libsa tat-tieġ tiegħi kelli nieħu żewġ kupuni oħra mingħand ommi. Kelina libset libsa sewda u l-għonnella kif kienet drawwa dak iż-żmien.”

    Nistqarr magħkom li nsibha diffiċli biex nifhem kif waqt snin ta’ gwerra wieħed ikollu moħħ dawn l-affarijiet ta’ namrar u żwieġ. Imma napprezza wkoll li b’xi mod il-ħajja trid tkompli u akkost it-theddida kontinwa fuq ħajtek, jeħtieġ li tara li tibqa’ għaddej. Biex ifehemni aħjar Saviour rama jirrakkuntali mill-bidu.

    “Il-gwerra ġiet fuqna ħabta u sabta. Kienu ilhom jgħidu li ser taqbad il-gwerra imma darba minnhom, waqt li kont qed ngħin lill-qassis iqaddes quddiesa, nisimgħu qabda sparar tal-kanuni. Għedna x’ġara? Lestejna malajr il-quddies u dħalna fis-sagristija. Dak il-ħin ġie wieħed u qalilna li kienet bdiet il-gwerra u li kienu qed jisparaw fuq Malta!

    Wara jumejn, tlieta konna reqdin bil-lejl meta daqqet is-sirena mill-għassa. F’daqqa waħda nisimgħu l-ajruplani ġejjin u mbagħad sparatura kbira u daqshekk. L-għada fil-għodu morna naraw x’ġara u sibna li fuq Ras il-Qala kienu tefgħu bomba li ħalliet ħofra daqsiex mimlija bi shrapnels jaqtgħu daqs sikkina.

    It-Taljani kellhom ħabta jagħmluha din. Bħal donnhom kienu jibżgħu jidħlu l-ġewwa fuq l-art u allura kif kienu jaslu qrib, kienu jitilqu xi żewġ bombi u jtiru ‘l hemm. Imma din l-istorja nbidlet meta l-Ġermaniżi ndunaw x’kienu qed jagħmlu u fil-fatt bdew jibgħatu ajruplan Ġermaniż wara kull ajruplan Taljan. U xi ngħidlek? Bdew jidħlu mbagħad u tefgħu bombi fuqna bil-gzuz.

    Fortunatament hawn il-Qala ħafna mill-bombi ġew fil-baħar u fl-għelieqi u allura ma tantx għamlu xi ħsara kbira. Imma f’postijiet oħra bħal fis-Sannat, il-bombi laqtu tlett idjar u mietu n-nies. Mill-Qala niftakar li kien miet suldat meta rifes fuq mina. Kien hawn ieħor li kien sajjied u hekk kif kien fuq id-dgħajsa tiegħu, niżel ajruplan fil-baxx u spara fuq is-sajjieda kollha u qatilhom.”

    Saviour kompla jirrakkuntali kif xi drabi l-folja kienet tinqaleb u l-attakkant kien jispiċċa l-vittma.

    “Niftakar darba minnhom kien il-Ħadd għal xis-7:00am u daħlu jittajru tliet ajruplani kbar fil-baxx. Ma kinetx l-ewwel darba li meta jtiru ‘l isfel ħafna, r-radar ta’ Malta ma jaqbadhomx. Bdew resqinAttakki mill-ajru resqin u f’ħin minnhom tant kienu fil-baxx li wieħed mill-ajruplani ħabat mal-art in-Nadur u waqa’. Hekk kif il-piloti rnexxielhom joħorġu, xi nies marru fuqhom u lil wieħed minnhom qatgħulu subgħajh biex ħadulu ċ-ċurkett li kien liebes! Allaħares qabbduhom il-pulizija dakinhar għax kienu jiġu fl-għali. Konna nafu sewwa li lil dawn is-suldati ħadd ma seta’ jmisshom. Imma n-nies kienet wisq irrabbjata u magħkusa minħabba fihom u l-Bambin biss kien jaf x’kien isir minn dawn is-suldati li kieku bosta mid-drabi ma rawhomx il-pulizija u marru bil-ġiri jiġbruhom.

    Qalbna kienet tingħafas meta konna nitilgħu l-Belvedere u narawhom jisparaw fuq ħutna l-Maltin. L-attakki fuq Malta kienu jkunu qawwijin ħafna imma l-ajruplani tal-għadu kienu jaqalgħu lura wkoll. Għadni qed narahom ċar kristall l-ajruplani jtiru ‘l barra wara xi attakk qalil: min qed jaqbad, min b’xi ġewnaħ wieħed u wara ftit tarahom neżlin f’qiegħ il-baħar.”

    Għalkemm bosta jsostnu li l-Għawdxin ma sofrewx ġuħ waqt il-gwerra, Saviour jiftakar xort’oħra.

    “Fil-gwerra batejna minn bosta affarijiet: ponot fuq ġisimna, biża’ u nuqqas ta’ rqad. Imma l-agħar kien il-ġuħ.

    Kif bdiet il-gwerra kienet ħarġet liġi li kull min kellu l-qamħ, ried jagħtih lill-gvern ħalli kulħadd jiekol. Lin-nies tqassmilhom ktieb ċkejken bil-kupuni fih u bihom biss stajt tixtri skont il-kwantità li kien hemm imqassma għalik.

    Ngħidu aħna kull wieħed kien intitolat għal kwart u nofs ħobż kuljum. Imma lili kwart u nofs bilkemm kienet idurli ma’ żokorti! L-aħjar li kienu jmorru f’dal-każ kienu l-ġenituri li kellhom it-tfal żgħar għax dawk kienu jixorbu farka ħalib u  l-bqija tal-ħobż kienu jaqsmuh bejn il-kbar.

    Waqt il-gwerra jien kont intfajt nagħmel diversi xogħolijiet fostom dak tal-landier. Kont insewwi l-ispiritieri, il-borom u kull ma jġibuli. Xi nies kellhom ħabta joqogħdu ħdejja u konna noqogħdu ngħiduSaviour Vella kelma flimkien sakemm isir il-ħin tal-ikel u kulħadd jerħilha lejn id-dar. Ġurnata minnhom kelli buri kbir għax ma stajtx nistaporti bil-ġuħ li kelli fuqi. Kont ilħaqt kilt ir-razzjon kollu tal-ħobż u ma kien fadalli xejn iktar għall-bqija tal-ġurnata. Bħas-soltu, hekk kif sar ħin l-ikel kulħadd telaq ‘l hemm barra wieħed li staqsini għala kont ser nibqa’ miftuħ u ma mmurx id-dar? Għedtlu ħallini sieħbi għax għandi ġuħ inkaljat u m’għandix x’niekol. L-ieħor weġibni ‘imma ħabib, mhux kulħadd bil-ġuħ daż-żminijiet?’. Madanakollu jien tiegħi kont qed nara u ma kontx niflaħ aktar dakinhar. Dar-raġel telaq minn ħdejja imma wara ħames minuti narah ġej lura b’kisra kbira ħobż f’idu. Qalli ‘ħa ħabib, dan kull ma nista’ nagħtik’. Rajtu ġenna dak il-ħin u dlonk irringrazzjajtu u kilt nofsha. Erfajt in-nofs l-ieħor f’kexxun u sakkartu għax bżajt li jsibuhuli ħuti u jiekluħ. Fil-għaxija mort għal li kien fadal imma l-ħobż insibu iebes ġebla. Kien dnub kbir li narmih u hekk jew hekk ma kellix x’niekol aktar u għalhekk  xarrabtu ftit u malajr niżel!”

    Għadd ta’ vapuri kienu jippruvaw idaħħlu provvisti ta’ ikel u munizzjon fil-gżejjer Maltin iżda ħafna minnhom kienu jispiċċaw ħażin.

    “Darba minnhom bdejna nisimgħu ħafna damdim li baqa’ għaddej għal ħin twil. Tlajna malajr sal-Belvedere u minn hemm naraw attakk kbir tal-ajru fuq il-frejgata Illustrious li kienet qed tipprova ddaħħal magħha konvoj ta’ 25 vapur. Il-frejgata bdiet tispara fuq l-ajruplani bla ħniena imma huma daqstant ieħor bdew jaqalgħu balal fuqha u fuq il-vapuri l-oħrajn.

    Niftakar li kien hemm pilota partikolari b’ajruplan Ġermaniż Stuka li għax ma seta’ jaħkem b’xejn lill-Illustrious, niżel dritt għal fuqha u sploda ruħu b’kollox ġo fiha. Kif nista’ qatt ninsa narah jitla’ fl-ogħli L-attakk fuq l-Illustriousu jagħti s-salt għal isfel? L-għada smajna li kien għamlilha bosta ħsara u li dak il-ħin stess il-frejgata kienet iddaħħlet malajr id-Dockyard fejn irranġawha fuq fuq u reġgħet ħarġet mill-ewwel tkompli fit-taqbida. B’xorti tajba l-Illustrious irnexxielha ssalva erbgħa vapuri dakinhar. Imma ll-bqija ħadhom il-baħar.”

    Saviour ma jiftakarx li kien hemm xelters qabel il-gwerra iżda hekk kif bdiet, bdew jitħaffru għadd minnhom madwar il-gżira kollha.

    “Ridt tkun miġnun biex tibqa’ barra waqt attakk. Veru li l-esperjenza ġox-xelters ma kinetx xi waħda tilqgħek imma aħjar mill-balal ta’ fuq l-art.

    Hekk kif kienet iddoqq is-sirena konna nerħulha niġru lejn l-eqreb xelter. Kien hemm rwejjaħ jaqsmuk flimkien mar-riħa tal-umdità. Sa mn’Alla li kien hemm żewġ bokkiet ħalli tgħaddi l-arja għax kieku ma kontx tistaporti.

    Fil-fatt, min kien jiflaħ iħallas, seta’ jordna li titħaffirlu kamra għalih fix-xelter, la kemm toqgħod sodda u mejda u ħadd ma seta’ jidħollu fiha.

    Niftakar li darba minnhom ġew madwar 500 ajruplan f’daqqa. Intbaħna bihom meta bdejna nisimgħu qabda damdim tal-biża’ fuq Malta u hawnhekk il-Qala kulħadd ġera lejn ix-xelters. L-ajruplani kinsu kull m’hawn bombi dakinhar u fix-xelters kulħadd jitlob.

    Peress li żżewwiġt sitt xhur qabel spiċċat il-gwerra dawn l-attakki mill-ajru kienu għadhom għaddejjin għalkemm mhux daqshekk frekwenti. Imma fil-fatt l-ewwel lejl wara t-tieġ tagħna kellna nqattgħuh Ix-xelters tat-tieni gwerraġo xelter. Konna diġà dħalna norqdu meta smajna s-sirena ddoqq. Lil Kelina għedtilha ‘u ħalliha ddoqq, issa jgħaddi kollox’. Imma hi ma riditx taf u ħeqq kelli mmur warajha u noqgħod hemm għall-irwejjaħ!”

    Fil-gwerra ridt tħaddem moħħok u tara kif ser tagħmel biex tkampa kif tista’.

    “Għall-ewwel ftit xhur taż-żwieġ tagħna konna bqajna noqgħodu m’ommi. Darba minnhom spiċċawlna l-kupuni tal-pitrolju u ommi kien fadlilha biss l-aħħar ftit pitrolju biex issajjar.

    Jiena l-pitrolju kont nużah ukoll biex insewwi bih u għalhekk ma stajtx naħdem aktar. Tħawwadt x’ser naqbad nagħmel imma wara xi ftit tal-ħin ġiet bidwija għandi biex insewwilha l-ispiritiera. Issa aħna konna nafu li l-bdiewa ma tantx kienu jużaw il-pitrolju peress li kienu jsajjru fuq il-ħatab u allura l-kupuni tal-pitrolju kienu jibqgħu għandhom. Għaldaqstant malli sirt naf x’riedet, għedtilha li ma stajtx naqdiha għax ma kellix pitrolju. Imma hi l-ispiritiera kellha bżonnha malajr u għalhekk tatni sitt kupuni minn tagħha biex immur nixtri. Wara ftit waslet oħra mill-inħawi tal-Kunċizzjoni u għedtilha l-istess u anki hi bagħtitli erbgħa kupuni oħra.

    L-għada mort nixtri l-pitrolju. Mosè tal-pitrolju kien ikollu pulizija miegħu biex jara li ma jqassam lil ħadd mingħajr kupuni. Jien tlabtu żewġ galluni u l-pulizija ried ikun jaf minn fejn ġibt dawk iż-żewġ kupuni. Għedtlu mhux ser ngħidlek, la għandi l-kupuni trid tagħtini. U tiegħi għaddiet. Gallun minnhom żammejtu biex naħdem bih u l-ieħor tajtu l-ommi. Ovvjament il-kupuni l-oħra ħbejthom u użajthom ftit ftit.”

    L-aħbar li spiċċat il-gwerra waslet bl-istess mod bħal meta bdiet.

    “Ġurnata waħda għadda l-arċipriet minn ħdejna u għarrafna li l-gwerra spiċċat. Tgħidx x’għors kien hemm u kemm daqqew il-qniepen tal-knejjes!”

    Il-ħajja bdiet terġa’ lura għan-normal ftit ftit.

    “Ma rranġax kollox mill-lum għall-għada tafx? Kollox beda ġej bil-mod u għall-ewwel konna bqajna għaddejjin bis-sistema tal-kupuni.

    Wara xi sitt xhur li spiċċat il-gwerra reġgħu bdew jiftħu l-ħwienet. Il-ħaxix kien għali ħafna. Ħarrubu jew fula inkaljata kienu jinbiegħu sold il-wieħed, qisek qed tixtri t-toffee! Imma b’xi mod jew ieħor konna ngħaddu.”

    Bla dubju ħadd qatt mhu ser jixxennaq biex ireġġa’ lura ż-żminijiet tal-gwerra. Imma Saviour għalaq b’dal-kliem…

    “F’dawk iż-żminijiet u aktar il-quddiem konna naqalugħa u niekluha. Illum veru hawn ħafna kumditajiet imma l-prezzijiet għolew m’ogħla s-smewwiet u l-ħajja xorta waħda diffiċli.Il-koppja Vella

    Fuq kollox nħoss ħafna n-nuqqas tal-maħbuba tiegħi Kelina li akkost ta’ dak kollu li għaddejna minnu, bqajna ninħabbu kuljum sal-aħħar.”

    Il-ħames ulied ta’ Saviour jinsabu kollha l-Awstralja għalkemm dan l-aħħar qed jinżlu wieħed wieħed Għawdex biex jagħtuh daqqa t’id.

    “Kerha s-solitudni imma almenu għad fadalli lil ħbiebi li kull fil-għaxija jinġabru ħdejja biex ngħidu kelmtejn bejnietna sakemm jasal il-lejl u b’hekk tgħaddi ġurnata oħra.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-1 t’Awwissu 2010)

    2010.08.01 / no responses / Category: Torca - Perspettivi