Posts Tagged ‘Guido Bonett’

  • ĠMIEL IN-NATURA MALTIJA

    Guido BonettNista’ ngħid li l-artikli ta’ Perspettivi bdewli l-vjaġġ tiegħi fid-dinja tal-kitba. Permezz tagħhom kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ diversi individwi li qasmu miegħi l-fehmiet u l-ġrajjiet tagħhom sabiex jiena nwassalhom lilkhom. Tawni wkoll iċ-ċans biex nifhem il-potenzjal tal-midja u kemm hu għaqli li wieħed ikun responsabbli fil-messaġġ li jibgħat f’kitbietu. Finalment dawn l-artikli dewwquni wkoll il-ħlewwa tas-sodisfazzjon meta tirċievi l-apprezzament tal-qarrejja. Iżda bħal f’kull ħaġa oħra, Perspettivi illum ser jaslu fi tmiemhom u bix-xieraq xtaqt nagħlaq l-aħħar artiklu b’dedikazzjoni għal dawk kollha li għoġobhom isegwuni matul dawn l-aħħar snin, permezz tal-ġmiel tar-ritratti li l-fotografu tan-natura Guido Bonett għoġbu jaqsam magħna.

    “In-natura minn dejjem kienet għal qalbi ħafna tant li ommi kienet tħobb tgħidli li l-ewwel kelma li jiena lissint kienet “allimal”,” beda jirrakkuntali Guido bi tbissima. “Aktar il-quddiem inġbidt ukoll lejn il-qasam tal-fotografija sakemm eventwalment irnexxieli nżewweġ liż-żewġ imħabbiet tiegħi flimkien.”

    Ma kellix wisq diffikultà biex nifhem x’ried jgħid hekk kif bdejt inqalleb il-paġni tal-ktieb riċenti tiegħu ‘The Natural History of The Maltese Islands’.

    “Minn daqshekk inħossni xxurtjat għaliex minħabba li jiena midħla sewwa tan-natura, għandi aktar għarfien dwar fejn u meta nista’ nsib ċerti speċi u ħlejqiet. Biex nagħtik Id-debba tax-xitan (dragonflies)eżempju nista’ nurik dar-ritratt ta’ koppja tal-ispeċi tad-debba tax-xitan (dragonflies) li hu għall-qalbi ħafna kemm għad-dawl, il-kuluri, il-kompożizzjoni u l-azzjoni li rnexxieli nislet fih. Veru li jkun hemm element ta’ kumbinazzjoni imma hawnhekk ngħidu aħna, kont ilni nara lil din il-koppja ddur ‘l hemm u ‘l hawn u kont naf li dawn l-insetti għandhom it-tendenza li jerġgħu lura fl-istess post minn ħin għall-ieħor. Bsart ukoll li ser naqbad din l-azzjoni u allura stennejt f’post adegwat sakemm ilmaħthom fil-pożizzjoni li xtaqt u ħadt ir-ritratt.”

    Il-valur ta’ ritratt jitqies proprju f’dik il-kapaċità li taqbad mument qasir u rrepetibbli fil-ħajja u tagħnih bl-eternità hekk kif imbagħad wieħed jista’ jibqa’ jara u jifli dik l-azzjoni għal kemm il-darba jrid.

    “Kont ilni erbgħa snin naħdem fuq dan il-ktieb. Dort il-gżejjer kollha f’Malta u Għawdex sabiex niġbor rikordju fotografiku tal-ispeċi lokali tal-fawna u l-Qanfud (hedgehog)flora. Ħadt madwar 8000 ritratt li 524 minnhom ġew inklużi f’dan il-ktieb. Qattajt siegħat sħaħ speċjalment fil-ġranet ta’ tmiem il-ġimgħa nistenna bosta drabi f’pożizzjonijiet skomdi, kultant mixħut mal-art għal tuli fit-tajn, fil-kesħa u fis-sħana, għall-gdim tal-insetti u dak kollu li tiltaqa’ miegħu f’dawn is-sitwazzjonijiet. Għaldaqstant meta mbagħad jirnexxielek tmur lura d-dar b’erbgħa ritratti sbieħ tħoss sodisfazzjon kbir, bħal ngħidu aħna meta nzertajt żewġt isriep qed jiġġieldu u rnexxieli naqbad dak il-mument taħt il-lenti tiegħi.”

    Guido spjegali kif l-idea wara dan il-ktieb żvolġiet maż-żmien.

    “Peress li jiena membru tal-Malta Photographic Society, sħabi spiss kienu jistaqsuni kif kien jirnexxieliPepprin (poppies) nieħu ċerti ritratti, liema lenti wżajt, x’apparat kelli bżonn, fejn insib ċerti insetti, f’liema żmien jikbru ċerti pjanti u fejn hu l-abitat ta’ ċerti annimali? Għaldaqstant darba minnhom iddeċidejt li nibda nieħu xi ritratti ħalli niġborhom f’fuljetti li kellhom iservu ta’ gwida f’dan il-qasam. Imma hekk kif beda għaddej iż-żmien u bdew jakkumulaw ir-ritratti, għaraft li kien hemm materjal biżżejjed biex isir dan il-ktieb.”

    Fil-fatt taħt kull ritratt li jinkludi dan il-ktieb, wieħed isib ukoll indikat diversi dettalji dwar it-teknika u l-apparat li ġew utilizzati biex ittieħdet dik ix-xbieha. Barra minn hekk, sezzjoni minnu hija wkoll immirata lejn dawk li huma interessati li jitħajjru jiġbdu ritratti tajbin tan-natura.

    “Permezz ta’ dan il-ktieb xtaqt inħajjar aktar individwi biex jinteressawInsetti Maltin ruħhom fin-natura għanja tal-gżejjer tagħna: kemm biex nuri l-potenzjal tal-varjetà tal-ispeċi li jeżistu, kemm biex nistieden lil dawk li qatt ma qabdu kamera b’idejhom ħalli jittantaw jiġbdu l-ewwel ritratti tagħhom u anki biex nispira lil fotografi oħrajn li forsi ma tawx ħafna importanza lil dan il-qasam sabiex jiftħu għajnejhom għall-possibilitajiet li toffri n-natura.

    Nixtieq niċċara illi f’dan il-ktieb wieħed ser isib ideat bażiċi tat-teknika li tista’ tintuża fir-rigward tal-fotografija tan-natura peress li f’dan il-qasam wieħed jeħtieġ apparat apposta u azzjoni partikolari ta’ kif għandu jersaq lejn insett, annimal jew pjanta. Iżda naturalment għalkemm jeżistu ċerti regoli, xorta waħda nemmen li wieħed għandu jesperimenta sabiex jakkwista riżultati interessanti u oriġinali.”

    Għal aktar minn darba Guido saħaq illi l-għan prinċipali tiegħu huwa li jkisser il-mentalità li fil-gżejjer Maltin m’hawnx ħafna natura x’tara.

    “Teżisti l-idea żbaljata li pajjiżna huwa fqir f’dan il-qasam imma jaħasra ħafna ma jafux kemm huma żbaljati! Infatti mhux darba u tnejn li nara wħud jistagħġbu meta jaraw ċerti ritratti tiegħi għax ma Serp (snake)jkunux iridu jemmnu li dawk il-ħlejqiet jgħixu f’pajjiżna: bħal ngħidu aħna numru ta’ rettili li jiena nħobb niġbed ħafna kemm għax diffiċli ferm biex tieħu ritratt ta’ wieħed minnhom u anki għax ġeneralment mhumiex il-favoriti ta’ fotografi oħra. Bosta mill-ispeċi tan-natura trid tmur tfittixhom għax dawn iżommu ‘l bogħod min-nies u mhux la kemm tarahom kif ġieb u laħaq. Oħrajn jgħixu fl-abitat partikolari tagħhom il-barra mill-bini, kultant saħansitra fuq xi gżira iżolata bħal Filfla. Dawk kollha li qallbu l-paġni numerużi ta’ dan il-ktieb kienu mpressjonati bil-varjetà tal-ħolqien lokali li jinkludi. Nittama li permezz tiegħu finalment il-Maltin u l-Għawdxin jifhmu r-rikkezza tal-wirt naturali li pajjiżna hu mogħni bihom.”

    Iżda l-ktieb ma jurikx dan biss! Għalkemm ormaj Guido huwa sinonimu mal-fotografija tan-natura fejn anki rebaħ bosta unuriThe Natural History of The Maltese Islands kemm lokali u anki internazzjonali, intbaħt li dan il-fotografu għandu kwalità prezzjuża u rari – l-umiltà. U għaldaqstant hu jħalli f’idejk biex tiddeċiedi dwar il-livell tat-talent impressjonanti li dawn ir-ritratti nġibdu bih. Min-naħa tiegħi m’għandix dubju li hekk kif jiġi f’idejkhom dan il-ktieb, intom ukoll ser tagħrfu dan ma’ l-ewwel daqqa t’għajn li ser tagħtu lejn ir-ritratti tiegħu.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Diċembru 2011)

    2011.12.18 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-FOTOGRAFU TAN-NATURA

    Kienet kbira l-agħa li qamet meta l-ewwel esploraturi tal-kontinent Afrikan ħadu lura magħhom l-oġġetti, l-ħlejjaq u sfortunatament anki xi individwi Afrikani. Minn dakinhar in-nies intilfet wara din Botswana-San bushmenl-art misterjuża u sal-ġurnata ta’ llum is-seħer tagħha għadu tant qawwi li bosta jisħqu li xi darba għad iżuruha, imqar darba! Mhux diffiċli tifhem x’joħloq dil-ġibda: l-ambjent distint, l-annimali eżotiċi, in-nies b’kulur ta’ ġilda skura u b’kulturi għal kollox differenti, għal mument iġiegħluk taħseb li dħalt f’xi dinja oħra. U kienu proprju dawn l-elementi ta’ skoperta u kurżità li ħajjruni nżur wirja fotografika li saret riċentement taħt it-titlu ‘Walking in Africa’. Akkost li kont biss f’kamra mdaqqsa bi sfond baxx ta’ mużika Afrikana, fil-preżenza tad-diversi ritratti ta’ xenarji, annimali u individwi tribali, bħal ħassejt l-istess emozzjonijiet li qanqlu l-ewwel pijunieri bis-sejbiet tagħhom u ma qgħadtx bi kwieti qabel irnexxieli niltaqa’ mal-fotografu nnifsu.Namibia - Ethosa - Zebra

    Guido Bonett huwa fotografu rinomat ħafna għar-ritratti tiegħu dwar in-natura. Din id-darba, permezz ta’ sett ta’ ritratti mill-aktar interessanti, huwa rnexxielu jaqsam mal-Guido Bonett pubbliku l-esperjenzi indimentikabbli li għadda minnhom matul il-vjaġġ ta’ madwar 5000 kilometru fin-nofsinhar tal-Afrika.

    “Minn dejjem kelli xewqa kbira li xi darba mmur l-Afrika u kont ilni naqra ħafna kotba u nara diversi dokumentarji dwarha. Jekk inti dilettant tal-annimali u tal-fotografija bilforsExib Fauna trid tmur l-Afrika xi darba jew oħra, ma tistax taħrab minnha! Madanakollu kellhom jgħaddu 53 sena qabel kelli ċ-ċans nagħmilha.”

    Meta Guido flimkien mal-mara, mat-tifla u ma’ xi ħbieb tiegħu iddeċidew li jagħmlu dan il-pass, huma għażlu li jgħixu din l-avventura kemm jista’ jkun viċin il-polz tan-natura…

    “Żorna n-Namibia, l-Botswana u z-Zambia fejn apparti għal erbat ijiem li qattajna f’lukanda żgħira biex inkunu nistgħu ninħaslu sew, il-biċċa l-kbira tal-vjaġġ għamilnih bil-mixi, bit-trakk u fil-għaxija konna nikkampjaw f’postijiet differenti.

    Minbarra li dan hu mod irħas kif tivvjaġġa, x’hemm isbaħ milli tistenbaħ fil-għodu u hekk kif tiftaħ it-tinda u toħroġ barra, issib ruħekNamibia - Ethosa-Springbok imdawwar b’dak il-ġmiel tan-natura u b’dawk l-annimali?”

    Imma kemm hu għaqli li tivvjaġġa hekk f’inħawi bħal dawn fejn ma tafx ma’ xhiex jew ma’ min ser tiltaqa’?

    “Flimkien magħna kien hemm żewġ gwidi tal-lokal li letteralment kienu enċiklopedija sħiħa tal-Namibia-Himbaannimali u n-nies tal-post. Kien hemm diversi mumenti eċċitanti imma dejjem ħassejna ruħna f’idejn tajbin magħhom. L-aktar ħaġa importanti hija li titgħallem tirrispetta lill-ambjent tal-madwar u tagħraf il-limiti imposti minnu.

    Fil-għodu konna nimxu fis-savana jew fil-gunġla u ġieliNamibia - Ethosa - Lion anki vvjaġġajna fuq ix-xmajjar. Għadni ma nistax nimmaġina mumenti isbaħ minn dawk fejn inti tkun miexi u madwarek hemm dawk l-annimali li qabel tkun rajthom biss fil-kotba jew fil-filmati filwaqt li din id-darba m’hemm xejn bejnek u bejnhom! B’ġiraffi, żebri, iljunfanti u b’kull xorta ta’ annimal jaqsmu minn quddiemek taħseb li qiegħed fil-ġenna tal-art.

    Xorta waħda trid toqgħod b’sebgħa għajnejn għall-predaturi bħall-iljuni u t-tigri. B’kapaċità mill-aqwa, l-gwidi tagħna kienu jiflu r-riħ biex ma jippermettux li dan jiġi minn warajna u b’hekk dawn l-Namibia - Ethosa - Lionsannimali ma jxommunix. Għalkemm ġieli ġew drabi fejn smajna l-għajta tagħhom u ma stajnix nidentifikaw mill-ewwel fejn kienu qegħdin … hemmhekk tħoss daqsxejn l-għaraq ixoqq għalik – u mhux bis-sħana biss!

    Ġurnata oħra waqt li konna għaddejjin fuq kenura baxxa ħafna, quddiemna minn taħt l-ilma, jitfaċċa ippoppotamu kbir daqs xarabank. Jiena tbellaħt bil-preżenza tiegħu u ppruvajt neħodlu erbgħa ritratti. Imma x’tieħu? Daqs kemm beżgħu l-mara u t-tifla, tant bdew jiċċaqalqu li ma ġienix wieħed tajjeb!

    Min-naħa l-oħra hekk kif jaqa’ d-dlam l-istorja tinbidel ħafna u trid iżżomm ruħek protett u ġewwa taħt it-tinda. Konna rakkommandati biex jekk jista’ jkun nevitaw li noħorġu barra wara ċertu ħinijiet. Okavango Delta -Water LillyJekk veru jkun hemm tali bżonn li trid toħroġ bilfors, kellna noħorġu speċi ta’ torċa kbira mill-bieb tat-tinda u ndawwru d-dawl fuq il-madwar qabel nixirfu barra. Jekk naraw għajnejn ħodor ileqqu lura aktarx tkun xi gazella jew xi zebra u allura mhux daqshekk problema. Imma jekk minflok jidhru għajnejn ħomor, kellna nerġgħu nidħlu lura l-ġewwa fil-kamp għax dak hu sinjal ta’ predatur.”

    Matul dan il-vjaġġ Guido u l-grupp tiegħu ltaqgħu ukoll ma’ żewġ tribujiet partikolari. Kont kurjuża kif irnexxielu jieħu ritratti tagħhom daqshekk mill-qrib.

    “Iltqajna mat-tribù tal-Himba u ma’ dak tas-San Bushmen. Dawn jgħixu f’parks nazzjonali kbar ferm u huma mdorrijinBotswana-San bushmen sewwa bit-turisti li jżuruhom. Sa ftit tas-snin ilu dawn iż-żewġ tribujiet kienu jiġu maqtula bla ħniena biex tittieħed l-art li jgħixu fuqha. Iżda matul is-snin dawn għarrfu jużaw it-turiżmu bħala attrazzjoni lejhom u b’hekk dan iggarantilhom protezzjoni.

    Il-Himba jgħixu fid-deżert Namib u huma tribu pastorali peress li jrabbu ngħaġ,Himba - Elegance baqar u mogħoż biex permezz tagħhom ikollhom il-ħalib u l-laħam. Huma jimxu minn post għall-ieħor bil-merħliet tagħhom. L-aktar ħaġa li laqtitni dwar dawn in-nies kienet is-sbuħija u l-eleganza tagħhom. Huma nies twal ħafna, kollha madwar 6 piedi. Il-Himba, inkluż in-nisa, jqaxxru xagħrhom iżda mbagħad jilbsu parrokka li jaħdmu huma stess. Ma’ ġisimhom jidilku taħlita magħrufa bħala ‘otjize’ magħmula mix-xaħam tal-annimali u mill-kulur okra. Flimkien ma’ taħlita oħra tfuħ, din il-prattika tagħtihom kulur ħamrani filwaqt li tipproteġihom mix-xemx u mill-insetti.

    Min-naħa l-oħra s-San Bushmen huma nomadi.Botswana-San bushmen Jinsabu fil-Botswana u jgħixu permezz tal-kaċċa u billi jiġbru l-ħxejjex. Dawn in-nies huma pjuttost qosra u ma jrabbux annimali. Apparti li lagħqtitni d-diversità mit-tribù l-ieħor kemm f’dehrithom u fl-istil ta’ ħajja li jgħixu, fihom apprezzajt ir-rispett u l-għerf kbir li huma għandhom lejn in-natura. Permezz ta’ sempliċi qaws u vleġġa jaqbdu biss dak li għandhom bżonn għall-għixien tagħhom. Barra minn hekk għandhom ħila fenomenali li jużaw kull pjanta li hemm tikber fil-madwar fostom għall-ikel, ilma, mediċina jew sapun.

    Finalment impressjonatni ferm is-sempliċità li jgħixu fiha ż-żewġ tribujiet li madanakollu ma jgħixux ħajja fqira u huma nies kuntenti ferm bl-istil tal-ħajja tagħhom.”

    Imma esperjenza bħal din, xi tħalli fik?

    “Tħallilek virus jismu afrikanajtis u tkun trid terġa’ tmur,” qalli Guido waqt li beda jitbissem. “Is-sena d-dieħla beħsiebna nżuru t-Tanzania, il-Kenya u forsi Mozambique.

    Daqs kemm affaxxinatni din l-art,  fl-Afrika nħoss li ħallejt parti minn qalbi, minn moħħi u minn ruħi. Permezz tar-ritratti tiegħi xtaqt naqbad l-ispirtu globali tad-dinja meraviljuża tagħna u mhux tal-Afrika biss. Imma fuq kollox ridt nuri kemm l-Afrika hi kontinent sabiħ, kemm għandha natura mponenti u kemm huma attraenti niesha.

    L-aktar ritratt għal qalbi huwa dak tal-iljunfant bl-isfond tax-xemx nieżla li jiena ħadt ftit minuti biss qabel kellna niskappaw bil-ġiri taħt it-tined! Iqanqalni għax b’mod ċar jirnexxielu jispjega l-purezza u Exib L.Scapel-ħlewwa ta’ natura mhux mittiefsa li bħala bniedem iġġiegħlek tħossok umiljat ħdejn dak il-kobor kollu.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Ġunju 2010)

    2010.06.13 / no responses / Category: Torca - Perspettivi