Posts Tagged ‘Ġużeppi l-Qass’

  • Maċ-ċaqċiq taċ-ċombini

    Margaret Farrugia (Photo - Fiona Vella).JPGA baby dress made from Maltese lace (Photo - Fiona Vella).JPG

    An original piece of Maltese lace (Photo - Fiona Vella).JPGA fan in Maltese lace (Photo - Fiona Vella).JPG

    Jingħad li s-sengħa tal-bizzilla ġiet introdotta f’Malta fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. F’dak il-perjodu, il-bizzilla kienet meqjusa bħala xi ħaġa prestiġġjuża ferm peress li kienet għalja ħafna. Kienu jilbsuha kemm l-irġiel u kif ukoll in-nisa nobbli, kollha b’kompetizzjoni bejniethom dwar kemm se jperrċu bizzilla fuq ħwejjiġhom sabiex juru kemm jesgħu bwiethom. Uħud minn dawn l-individwi għadna nistgħu narawhom jiddandnu bil-bizzilla tagħhom sal-ġurnata ta’ llum permezz tal-kwadri tagħhom li tpittru f’dawk is-snin.

    Illum is-sinifikat tal-bizzilla nbidel ħafna u daqstant ieħor il-moda tagħha. M’għadikx tara rġiel jilbsu l-bizzilla u n-nisa li jżejjnu biha l-ħwejjeġ tagħhom, naqsu ferm. Nazzarda biex ngħid illi ħafna minna, ngħoddu l-bizzilla bħala xi ħaġa ta’ dari, filwaqt li nqisu lin-nisa li jaħdmu l-bizzilla fuq it-trajbu bħala rappreżentazzjoni ta’ sengħa tradizzjonali.

    Esebizzjoni u kompetizzjoni tal-bizzilla fil-Każin Malti

    Madanakollu, hekk kif il-ġimgħa li għaddiet mort inżur l-esebizzjoni tal-bizzilla li kien hemm fil-Każin Malti, l-Belt Valletta, fejn iltqajt mal-organizzatriċi tagħha, Margaret Farrugia, intbaħt li kelli idea pjuttost żbaljata dwar il-valur kontemporanju tal-bizzilla u s-sengħa tagħha.

    Nibda biex insemmi illi l-faxxinu tal-arkitettura u tal-ambjent tal-Każin Malti xeraq ferm ma’ din l-esebizzjoni rikka li kienet tikkonsisti minn madwar 150 biċċa xogħol tal-bizzilla. Infatti waqt din l-intervista, smajt kummenti favorevoli ħafna mill-pubbliku li attenda.

    Kien hemm kemm Maltin u kif ukoll barranin li daħlu jiflu l-bizzilla esebita. Fost dawn, sirt naf li kien hemm ukoll uħud mill-parteċipanti ta’ din l-esebizzjoni, li kienet ukoll kompetizzjoni, li kienu qegħdin jixtarru aktar mill-qrib liema kienu l-isbaħ biċċiet fil-fehma tagħhom.

    “L-għan prinċipali ta’ din il-kompetizzjoni huwa li naraw lin-nies jikkompetu bejniethom dwar min se joħroġ bl-iktar bizzilla oriġinali u sabiħa,” stqarret Margaret. “Kien hemm żmien meta l-bizzilla kienet ser tmut mewta naturali minħabba li beda jonqos l-interess fiha. Iżda llum hawn numru ta’ individwi li qed jipprowovuha mill-ġdid u b’hekk l-involviment fis-sengħa tal-bizzilla qiegħed jerġa’ jitrawwem.”

    Din il-kompetizzjoni tal-bizzilla bl-isem ta’ The Malta Lace Competition ġiet imnhedija għall-ewwel darba tmien snin ilu mill-Markiż Nicholas De Piro.

    “Il-bizzilla minn dejjem kienet għal qalbi iżda kien meta ltqajt ma’ żewġi li bdejt nersaq lejha aktar mill-qrib. Maż-żmien tgħallimt is-sengħa tal-bizzilla u mbagħad għent lil ħaddieħor jitħarreġ fiha. Kont ukoll nifforma parti mill-bord li rregolarizza l-kriterji li jiddefinixxu l-bizzilla Maltija u li waqqaf il-Malta Lace Standard. Għal xi żmien kont ukoll responsabbli mill-assessjar tar-rapporti tal-istudenti tas-City & Guild Creative Skills Certification – Regional Bobbin Lace. Fis-sena 2000 twaqqfet il-Malta Lace Guild u għal disgħa snin konsekuttivi organizzajt l-esebizzjoni bl-isem Malta Lace Day,” spjegatli Margaret.

    “Ormaj kelli esperjenza ta’ aktar minn 40 sena fil-qasam tal-bizzilla u għalhekk, darba minnhom, il-Markiż Nicholas De Piro stedinni biex nibda nieħu ħsieb proġett li hu ħareġ bih. Il-Markiż għandu għal qalbu ħafna s-sengħa tal-bizzilla u bħali kien kuntent li din kienet reġgħet bdiet tqum fuq saqajha. Madanakollu hu xtaq joħloq xi tip ta’ inċentiv sabiex jitħajjru aktar nies lejn il-bizzilla u b’hekk nibtet l-idea ta’ din il-kompetizzjoni. Kien b’hekk li jiena sibt ruħi norganizza l-esebizzjoni/kompetizzjoni The Malta Lace Competition.”

    “Għal dawn l-aħħar snin, il-kompetituri kienu jġibu x-xogħolijiet tagħhom f’Casa Rocca Piccola u mbagħad dawn kienu jiġu esebiti f’żewġt ikmamar ta’ din id-dar ħalli l-parteċipanti jkunu jistgħu jaraw ix-xogħolijiet li jkunu ttellgħu. Pero’ meta bdejna naraw l-interess dejjem jiżdied, tant li dawn il-kmamar ma baqgħux jesgħuna, xtaqna nsibu post akbar sabiex idealment anki l-pubbliku jkun jista’ jżur dawn ix-xogħolijiet. B’hekk, għall-ewwel darba dis-sena, ftaħna l-esebizzjoni fil-Każin Malti u ninsabu kuntenti ferm bl-ammont ta’ nies li qed iżuruha.”

    Il-Ħadd li għadda aktar minn 30 rebbieħ ta’ diversi kategoriji qasmu bejniethom bi €3000 premijiet li sponsorja HSBC Bank (Malta) għal din il-kompetizzjoni.

    In-negozju tal-bizzilla fis-snin ta’ qabel

    Intant, waqt din id-diskussjoni Margaret qaltli li minn ċkunitha kienet tħossha affaxxinata meta kienet tara n-nisa Għawdxin jaħdmu l-bizzilla quddiem il-bieb tad-dar tagħhom.

    “Kont nintilef inħares lejhom u kont nistagħġeb kif jirnexxielhom ilaħħqu ma’ dawk il-mijiet ta’ ċombini li jkollhom imdendlin. Darba minnhom iltqajt ma’ anzjan Għawdxi u staqsejtu jekk kienx hemm xi ħadd li jgħallem il-bizzilla. Hu laqqgħani ma’ waħda u għalkemm għall-ewwel bżajt li ma kienx ser jirnexxieli nitgħallem, ma domtx ma sibt irkaptu,” ftakret Margaret.

    “Fis-snin 30, il-familja ta’ żewġi kellhom casa bottega quddiem il-knisja tal-Karmnu fi Strada Teatru, l-Belt. Huma kienu jimpurtaw id-drappijiet u l-ħajt tal-bizzilla u anki jbiegħu l-bizzilla. Dak iż-żmien, kienet xi ħaġa komuni li wieħed ikun joqgħod fis-sular ta’ fuq, filwaqt li s-sular t’isfel tad-dar ikun ħanut.”

    Ftit ftit Margaret ġiet introdotta wkoll f’dax-xogħol hekk kif f’xi Sibtijiet, bdiet titla’ Għawdex ma’ xi ħadd minn ħutha ħalli twassal l-ordnijiet tal-ħajt tal-bizzilla lin-nisa Għawdxin. U minn hemm bdiet tifhem aħjar kemm kienet tinħadem il-bizzilla f’Għawdex u kif kienet qed tiġi kkumerċjalizzata.

    It-tpartit tal-bizzilla mal-merċa

    “Niftakar li fis-snin sittin, fost il-klijenti tagħna kien hemm Għawdxi, ċertu Ġużeppi l-Qass, li kellu ħanut tal-merċa fi Pjazza Savina r-Rabat, Għawdex. Dan kellu ftehim man-nisa Għawdxin sabiex huma jkunu jistgħu jpartu l-bizzilla li kienu jaħdmu ġewwa d-djar tagħhom mal-prodotti tal-merċa fil-ħanut tiegħu. Imbagħad hu kien jinżel Malta darba fil-ġimgħa b’din il-bizzilla sabiex ibiegħha fil-ħanut ta’ Fedele, li kien in-nannu ta’ żewġi,” bdiet tirrakkuntali Margaret.

    “Imbagħad aħna konna ngħaddu din il-bizzilla lill-kunventi tas-sorijiet sabiex dawn jimmuntawha fuq id-drapp bl-idejn ħalli b’hekk inżommu l-prestiġju tal-prodott li jibqa’ kollu kemm hu maħdum bl-idejn. Wara, konna nbiegħu dawn il-prodotti lill-Maltin jew lit-turisti.”

    Meta miet Fedele, dan il-ħanut għalaq u minflok, Margaret baqgħet tieħu ħsieb ix-xogħol tal-bizzilla mid-dar tagħha.

    Il-bizzilla bħala parti mill-wirt kulturali tagħna

    “Jiena għadni għaddejjha b’dax-xogħol għax nemmen bis-sħiħ li m’għandniex inħallu dan il-wirt kulturali tagħna jintilef. M’għandix ħanut imma n-nies jafu bija u naħdem skont l-ordnijiet li jkolli. Meta jkolli ordnijiet kbar, għandi wkoll lista ta’ nisa li jaħdmu bizzilla sabiħa u nqassam ix-xogħol bejnietna kif ikun jeħtieġ biex inlaħħqu mat-talba ta’ dak li jkun.”

    Infatti l-fama ta’ Margaret waslet ukoll s’għand l-ogħla awtoritajiet lokali hekk kif mhux darba u tnejn li xogħolijietha jiġu ordnati mill-Gvern Malti sabiex dawn jiġu rregalati lid-dinjitarji li jżuru pajjiżna.

    “Għandi l-unur ngħid ukoll illi diversi palazzi hawn Malta, fosthom dak ta’ San Anton u Verdala, huma armati bil-bizzilla tiegħi. Barra minn hekk, kelli l-privileġġ illi naħdem il-bizzilla għall-ilbies formali tal-ewwel imħallef mara, Anna Felice, fejn ix-xogħol sar b’disinn tiegħi li kien jinkorpora fih fjuri, is-salib ta’ Malta u għamla ta’ miżien tal-ġustizzja bi stil barokk.”

    “Intant, is-sena li għaddiet ħdimt ukoll il-bizzilla għal velu tat-tieġ fejn ikkuppjajt fjura mill-libsa u mbagħad ħdimt fjura wara fjura matul il-bordura kollha. Domt madwar ħames xhur għaddejjha fuqu fejn b’kollox ħadt mat-800 siegħa!”

    Meta wieħed jagħraf l-ammont ta’ siegħat li jirrikjedi dan ix-xogħol jifhem aħjar il-għala l-bizzilla hija meqjusa bħala xi ħaġa rikka u ta’ valur.

    “Il-bizzilla trid ħafna passjoni u mħabba biex taħdimha għax tirrikjedi ħafna attenzjoni u ħin. Imma mbagħad, meta tara l-oġġett lest, jagħtik sodisfazzjon kbir, mhux biss għax jiġi sabiħ iżda wkoll għax taf li permezz tiegħu, inti qed iżżomm ħajja tradizzjoni antika Maltija,” saħqet Margaret.

    It-tagħlim tal-bizzilla

    Skoprejt li Margaret għadha tgħallem il-bizzilla privatament u għalhekk staqsejtha x’età u x’karatteristiċi jrid ikollu persuna biex jitħajjar għal din is-sengħa.

    “M’hemm l-ebda limitu ta’ età. Infatti, mhux darba u tnejn li jipparteċipaw it-tfal f’din il-kompetizzjoni u naturalment, biex nagħmlulhom il-qalb, aħna naġevolawhom daqsxejn,” qaltli. “Anki xi rġiel hemm li jaħdmu l-bizzilla u infatti dis-sena għandna xi xogħol li nħadem mill-irġiel. Però l-maġġoranza huma nisa ta’ bejn il-35 u l-65 sena.”

    Għalkemm forsi hemm min minnkhom li huwa xi ftit nervuż u allura jaħseb li dax-xogħol ma jgħoddx għalih, Margaret żguratni illi fir-realtà l-ħidma tal-bizzilla tikkalmak peress li jkollok bżonn tikkonċentra ħafna fuq li qed tagħmel. U b’hekk għal ftit tal-ħin, tkun tista’ tinsa l-problemi l-oħra kollha.

    Bejn bizzilla u oħra

    Aħna u nduru mal-bizzilla esebita, Margaret bdiet tfehemni aktar fid-dettall dwar id-differenza li kien hemm bejn xogħol u ieħor. F’ħin minnhom, waqafna quddiem libsa tal-magħmudija maħduma b’ħajt ta’ kulur abjad silġ li kienet tidher fina mmens.

    “Tidher daqstant fina għax hija maħduma b’ħajt irqiq ħafna. Dan it-tip ta’ ħajt jagħti lill-oġġett aktar preġju minħabba li huwa aktar metikoluż biex taħdmu u għalhekk ix-xogħol jieħu aktar żmien. Apparti minn hekk, min ħadem din il-libsa, għaqqad b’galbu kbir l-istrixxi tal-bizzilla flimkien sabiex ipproduċa din il-meravilja,” urietni kburija Margaret.

    Biex inkun nista’ nifhem aktar xi trid tgħid, hija ħaditni nara xogħol li kien maħdum b’ħajt eħxen u hemmhekk stajt nikkonferma illi għalkemm il-bizzilla xorta waħda kienet sabiħa, id-dettall ma kienx qed joħroġ ċar daqs kemm kien f’xogħolijiet oħra fejn intuża ħajt irqaq.

    “Dawn huma l-karatteristiċi li jkunu qed iħarsu lejhom dawk li jiġġudikaw ix-xogħolijiet rebbieħa. Il-materjal li jintuża għal bizzilla jaffetwa ħafna x-xogħol finali. Ngħidu aħna l-ħajt tal-għażel iżomm il-bizzilla wieqfa u sabiħa, mentri l-qoton iħalli xogħol mitluq.”

    Innutajt li kien hemm bizzilla ta’ kuluri diversi u kelli kurżità jekk dan jaffetwax il-valur tal-oġġett.

    “Il-kuluri li jintużaw ma jagħmlu l-ebda differenza fil-valur. Però, jista’ jkun li l-bizzilla s-sewda hija xi ftit aktar apprezzata minħabba li mhux kulħadd kapaċi jaħdimha. L-iswed hu kulur imprekattiv biex taħdem bih u trid tkun tassew professjonali biex taħdmu. Infatti, ftit huma li jużaw dak il-kulur u għalhekk il-bizzilla ta’ dak il-lewn hija mfittxija ferm minn uħud.”

    Xtaqt naf jekk hemmx differenza bejn il-bizzilla Maltija, dik Għawdxija u dik barranija.

    “M’hemmx differenza bejn il-bizzilla Maltija u dik Għawdxija, ħlief li l-Għawdxin tgħallmu jikkummerċjalizzawha aktar minna l-Maltin. Madanakollu hemm varjanza bejn il-bizzilla Maltija u dik barranija minħabba li nużaw tip ta’ trajbu differenti,” fehmitni Margaret.

    “It-trajbu tagħna huwa magħmul miz-zkuk tal-iżbul imnixxef. Għandu forma pjuttost dejqa u huwa twil madwar 22 pulzier. Għaldaqstant, il-bizzilla li nipproduċu aħna hija magħrufa bħala ‘continuous lace’ għax tinħadem għad-dritt u tibqa’ nieżla fit-tul. Dan ifisser li aħna ma nistgħux indawwru t-trajbu u nkabbru l-bizzilla kemm irridu, kif jagħmlu f’pajjiżi oħra bi trajbi differenti.”

    Margaret spjegatli kif l-għodda prinċipali fis-sengħa tal-bizzilla huma t-trajbu, iċ-ċombini, il-labar, il-ħajt u x-xempju (id-disinn).

    “Il-bizzilla hija maħduma b’żewġ tipi ta’ punti li huma: il-punt u n-nofs punt. Dan tal-aħħar joħloq toqba. U mbagħad skont kif iddawwar iċ-ċombini joħroġ id-disinn.”

    Il-valur tal-bizzilla llum

    Fl-esebizzjoni kien hemm kull xorta ta’ xogħol. Lili laqtitni ferm umbrella kbira tal-bizzilla li ridt sebgħa għajnejn biex tħares lejha, aħseb u ara biex taħdimha! Pero’ kien ghad fadalli mistoqsija ttambar f’moħħi: il-bizzilla għadha valida llum?

    “Jien għandi kollezzjoni kbira ta’ bizzilla u jekk tiġi d-dar, qisha mużew. Għaldaqstant, kull fejn insib opportunità nħobb nilbes il-bizzilla. Għandi kappa tal-bizzilla li tiġbed tassew l-għajn u ħafna jistaqsuni dwarha meta noħroġ biha,” qaltli Margaret. “Hija ħasra meta wieħed ikollu xi bizzilla antika u jħalliha magħluqa ġo xi kexxun għax hekk tittebba’ biss tista’ u mbagħad ikun tassew diffiċli li wieħed inaddafha. Irridu niftakru li dawn l-affarijiet ħadu siegħat twal biex inħadmu u għalhekk imqar b’rispett lejn min ħadimhom, għandna ngħożżuhom u ngawduhom. Il-bizzilla hija xi ħaġa femminili għall-aħħar u personalment naħseb li hija xi ħaġa ta’ faxxinu kbir.”

    “Bħala validità tal-bizzilla, nistgħu ngħidu li fil-qasam ekkleżjastiku, il-bizzilla baqgħet dejjem iżżomm postha, kemm minħabba li baqgħet tintuża fil-paramenti tal-qassis u anki fl-aċċessorji li jintużaw fuq l-artali. Imbagħad hemm ukoll l-ilbiesi tal-magħmudija u tat-tieġ, ix-xallijiet u l-veli. Barra minn hekk, issa qed taqbad ukoll id-drawwa illi jingħata kwadru bl-arma tar-razza maħduma bil-bizzilla.”
    Domna ħafna aktar nimirħu dwar is-suġġett tal-bizzilla, sakemm finalment wasalt biex nitlaq.

    “Dawn is-snajja u t-tradizzjonijiet antiki għandhom jibqgħu jinteressawna għax huma parti essenzjali minn dak li jagħmilna Maltin,” saħqet Margaret. “Għalija m’hemmx kuntentizza isbaħ minn dik li jkollok il-ħin biex tpoġġi fuq siġġu komdu ġewwa bitħa għad-dell ta’ xi siġra sabiħa u toqgħod taħdem il-bizzilla għall-kwiet, bis-silenzju miksur biss miċ-ċaqċiq ħelu taċ-ċombini.”

    Għal aktar informazzjoni dwar il-bizzilla jew dwar din il-kompetizzjoni annwali, tistgħu ċċemplu lil Margaret Farrugia fuq 99206273.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (24 parti) fit-Torċa tas-26 t’Ottubru 2014)

    2014.10.26 / no responses / Category: Torca - Features & Articles