Posts Tagged ‘Ħaż-Żebbuġ’

  • Min tgħidu li hu Vassalli?

    Prof. Frans Ciappara.jpg

    Ix-xbieha immaginarja ta' Mikiel Anton Vassalli.JPGIl-monument ta' Mikiel Anton Vassalli f'Haz-Zebbug, Malta.JPG

    Il-ktieb ta' Prof. Frans Ciappara dwar Mikiel Anton Vassalli.jpgIl-monument kommemorattiv ta' Vassalli bil-qabar ta' Hookham Frere fl-isfond.JPG

    Mikiel Anton Vassalli minn dejjem kien personaġġ kontroversjali, kemm f’ħajtu u kif ukoll wara mewtu. Infatti anki llum, meta qed niċċelebraw il-250 anniversarju mit-twelid tiegħu, għadek issib lil min jistaqsi ‘Imma dan ir-raġel x’kien eżatt? Eroj jew traditur ta’ Malta?’

    Min hu Vassalli?

    Kif spjega tajjeb Prof. Frans Ciappara fil-ktieb tiegħu An Enlightened Maltese Reformer: M. A. Vassalli 1764-1829, hemm min iqis lil Vassalli bħala ‘missier l-ilsien Malti’ u oħrajn saħansitra bħala ‘missier in-nazzjon’, iżda mbagħad issib oħrajn, bħal ngħidu aħna Ġużè Muscat Azzopardi, illi għalkemm għandhom rispett kbir lejh bħala lingwista, ma jgħodduhx bħala patrijott. “Kienet proprju din il-kontroversja li qanqlitni biex naħdem fuq ir-riċerka neċessarja sabiex niskopri l-verità dwar min kien il-veru Mikiel Anton Vassalli,” spjegali Ciappara.

    Wiċċ immaġinat

    Tagħmel wisq sens din l-idea tal-kommemorazzjonijiet tal-anniversarji tal-personaġġi u tal-ġrajjiet storiċi għax permezz tagħhom nerġgħu nġeddu l-memorji u l-interess. Infatti jkolli nistqarr li jiena ftit li xejn kont naf dwar dan Vassalli u hekk kif din is-sena bdejt niltaqa’ ma’ diversi opportunitajiet sabiex nifhem aħjar min kien dan il-personaġġ, ħtaft l-okkażżjoni.

    F’Marzu li għadda, ġejt mistiedna biex inżur il-fdalijiet tal-ġonna ta’ Villa Frere fil-Gwardamangia illi fihom Vassalli kien isib ftit serħan u trankwillità flimkien ma’ wieħed mill-uniċi ħbieb li kellu, l-aristokratiku Ingliż, John Hookham Frere. Aktar tard, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt, fl-esebizzjoni li hemm din is-sena li tikkonsisti minn mitt oġġett relatati mal-istorja ta’ Malta, ilmaħt il-Lexicon ta’ Vassalli. Naturalment ma setax jonqos li nagħti daqqa t’għajn ukoll lill-monument imponenti li hemm iddedikat għalih f’Ħaż-Żebbuġ, u hemmhekk ħassejtni sodisfatta li dan il-personaġġ kien ingħata ġieħ. Madanakollu, meta dil-ġimgħa ltqajt mal-Prof. Ciappara sirt naf illi sa llum, għadna qatt ma sibna xi rikordju tax-xbieha tiegħu u allura s’issa, wiċċ Vassalli huwa biss immaġinat.

    Kull ma kien imiss kien isir landa

    Sabiex nipprepara ruħi aħjar għal din l-intervista, qrajt il-ktieb ta’ Ciappara fejn finalment stajt insegwi l-ġrajja ta’ ħajjet Vassalli. Sibt illi l-istorja ta’ dan l-individwu kienet imħawwra mhux ħażin peress li hu għex fil-perjodu mqanqal tal-aħħar snin tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, fl-era tal-ħakma tal-Franċiżi f’Malta u anki fl-ewwel snin tat-tmexxija kolonjali Ingliża. Għall-ewwel, ma stajtx ma nosservax illi Vassalli donnu għex dejjem taħt id-dell ta’ sħaba sewda, tant li fi kliem Ciappara stess “kull ma kien imiss dan l-individwu kien isir landa flok deheb!”. Madanakollu, meta bqajt nixtarr id-destin ta’ dan il-bniedem, staqsejt lili nnifsi jekk wara kollox kienx hu stess li fassal din it-triq għalih meta dejjem għażel li jgħix kontra s-sistema tal-perjodu li għex fih.

    Għaldaqstant, waqt din id-diskussjoni ma’ Ciappara staqsejtu jekk fl-opinjoni tiegħu, dan il-bniedem kienx sempliċiment sfortunat, inkella twelidx fiż-żmien żbaljat, jew jekk wara kollox dak li esperjenza kienx ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet żbaljati li dan il-personaġġ ħa matul ħajtu peress li sikwit għażel li jimxi kontra l-kurrent?

    “Kien bniedem sfortunat tassew għax kważi kull ħaġa li pprova jagħmel ġietu trab. Barra minn hekk twieled fi żminijiet koroh u xi ftit jew wisq, naħseb li twieled qabel żmienu wkoll. Min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa jekk hu ħax deċiżjonijiet żbaljati jew le, trid dejjem tikkunsidra l-perjodu li hu għex fih. Infatti, kien għalhekk li jiena ppreżentajtu fil-kuntest li hu kien qiegħed iġarrab fuq ġildu, kemm f’dak li hu ambjent lokali u anki f’dak ewropew,” fissirli Ciappara.

    Il-ġrajja ta’ Vassalli

    Mikiel Anton Vassalli twieled fil-5 ta’ Marzu 1764 f’Ħaż-Żebbuġ. Dan kien il-perjodu tal-Illuminiżmu, meta l-bniedem kien qed jazzarda jisfida kull fatt u kull twemmin li hu kien wiret mill-ġenerazzjonijiet ta’ qablu.

    Meta kellu biss sentejn, missieru Gabriel marad u miet u ħalla warajh mara bi tliet itfal. Fl-1770, ommu Catarina reġgħet iżżewwġet bidwi ieħor, Gaetano Mifsud, li kompla jieħu ħsieb il-familja. Iżda ġara illi fl-1779, meta Vassalli kellu 16 il-sena, missieru tar-rispett ġie mitfugħ il-ħabs minħabba li ma ħallasx il-kera tal-art lill-istituzzjoni tal-Knisja.

    “Probabbli dan il-fatt ħalla l-marka tiegħu fuq Vassalli u t-tbatija psikoloġika li għadda minnha f’dawk il-mumenti, anki minħabba l-istigma li din ir-realtà ġġib magħha, setgħet wasslet biex nisslet dak l-element rivoluzzjonarju li kien tant evidenti fih matul ħajtu kollha,” fehemni Ciappara.

    Jidher li għal xi żmien, Vassalli wera x-xewqa li jsir qassis tant li pprova japplika biex jidħol is-seminarju. Imma f’dik is-sena ma kienx hemm post għal aktar studenti u għalhekk hu ma ġiex aċċettat. B’danakollu, huwa ma qatax qalbu u minflok daħal jistudja l-Għarbi fi skola li kellha l-funzjoni li tħarreġ individwi sabiex isiru missjunarji fost il-Musulmani. “Hawnhekk Vassalli bbrilla u infatti narawh jirbaħ ammont ta’ flus peress li kien wieħed mill-aqwa erbgħa studenti.”

    Mogħni bil-kuraġġ minn dawn ir-riżultati sbieħ, fl-1785, Vassalli rħielha lejn Ruma bil-kunsens tal-isqof ħalli jistudja biex isir qassis. F’Ruma, huwa beda jitħarreġ fit-teoloġija, fil-liġi kanonka, fl-iskrittura, u anki fil-lingwi Orjentali; l-Ebrew, l-Għarbi u s-Sirjak. Fl-1788 Vassalli applika sabiex isir lekċerer tal-Liturġija Orjentali u Siro-Kaldijaka fl-Università La Sapientia f’Ruma iżda peress li ma kienx qassis, ma kienx eliġibbli.

    Missjunarju fost niesu stess

    “F’Ruma Vassalli sab dinja oħra b’ideat ġodda mfawwra mill-Illuminiżmu, u bla dubju dan ħalla l-influwenzi tiegħu fuqu,” qalli Ciappara. “Fosthom, skont il-moda ta’ dak iż-żmien, huwa biddel kunjomu minn Vassallo għal Vassalli, forsi biex b’hekk jimmarka wkoll it-tranżizzjoni għall-bniedem il-ġdid li xtaq isir. Infatti, għalkemm naraw li d-dinja għamlitha impossibbli għalih biex isir il-missjunarju reliġjuż li xtaq, il-mod kif ħajjet Vassalli żviluppat, spiċċat biex xorta ffurmatu f’missjunarju fost niesu stess fejn huwa kien dejjem jippriedka l-bżonn tal-edukazzjoni u n-neċessità tal-ilsien Malti.”

    Hekk kif Vassalli beda jiġi ntrodott għal dawn l-ideat barranin, huwa nħakem minn xewqa kbira biex jara kif ser japplikahom għal pajjiżu. “Il-pjan tiegħu kien imfassal fuq programm dettaljat li kellu l-għan li jillibera lil niesu mix-xkiel tal-injoranza sabiex huma joħolqu Malta ġdida. L-arma prinċipali tiegħu kienet l-edukazzjoni u fil-fehma tiegħu, din kellha tingħata lil kulħadd u mhux biss lil ċerti livelli għolja tas-soċjetà kif kien qed jiġri dak iż-żmien.”

    Vassalli jaqbad l-armi

    “Fl-1795 Vassalli kkomunika mal-Gran Mastru De Rohan u talbu sabiex jikkunsidra l-ftuħ ta’ skejjel għall-pubbliku sabiex il-Maltin ikunu jistgħu jitgħallmu jiktbu u jaqraw bil-Malti. Barra minn hekk, Vassalli rrakkomanda wkoll illi Malta għandu jkollha l-’lingwa’ tagħha fl-Ordni ta’ Malta bħal kif kellhom nazzjonijiet oħrajn. Imma dawn iż-żewġ proposti waqgħu fuq widnejn torox. Fis-sena ta’ wara huwa ppubblika l-Lexicon li kien dizzjunarju maħdum bir-reqqa fl-ilsna Latin-Taljan-Malti, u fl-introduzzjoni tiegħu huwa fisser dan il-proġett li kellu. Imma anki dan ġie injorat.”

    “Sadanittant, Vassalli ssuġġerixxa wkoll lill-istess Gran Mastru sabiex jieqfu jeħduha kontra l-Mislem u minflok jaħtfu l-opportunità biex jagħmlu negozju miegħu ħalli jibdlu lil Malta f’ċentru ta’ kummerċ. Però anki hawn sab li kien qed jitkellem mal-ħajt u għalhekk finalment, Vassalli ddeċieda li jaqbad l-armi flimien ma’ xi Maltin oħra, kontra din l-Ordni li donnha ma riedet tagħti widen ta’ xejn. Huma ppruvaw jisirqu l-armerija ta’ Ħal-Qormi iżda sfortunatament inqabdu u Vassalli spiċċa kkundannat għal għomru l-ħabs u ntbagħat ir-Rikażli fejn ħarab ftit wara lejn Franza,” irrakkuntali Ciappara.

    Waqt il-ħakma Franċiża

    “Nistgħu nimmaġinaw x’ħass meta fl-1798 sema’ li l-Franċiżi kienu daħlu Malta u għalhekk seta’ jirritorna lura lejn pajjiżu! Probabbli ħaseb li finalment il-pjanijiet tiegħu kienu ser iseħħu hekk kif fi ftit taż-żmien, Napuljun beda jimplimenta għadd ta’ bidliet hawn Malta fejn fosthom fetaħ numru ta’ skejjel għall-pubbliku,” reġa’ daħħalni fl-istorja Ciappara. “Hu kien mar joqgħod Ħaż-Żebbuġ u min jaf kemm ħassu kburi meta ra l-bandiera Franċiża tperper minn fuq il-knisja tar-raħal! Imma mill-ġdid ħolmietu sfaxxat ħabta u sabta meta fi ftit xhur il-Maltin irvillaw kontra l-Franċiżi u kollox inbidel ta’ taħt fuq, tant li Vassalli spiċċa meqjus bħala ġakbin mal-Franċiżi u traditur ta’ Malta.”

    Bilkemm flaħt naqra d-deskrizzjoni tal-awtur hekk kif dan kiteb illi f’disperazzjoni għall-bżonn tal-karti sabiex bihom jagħmlu l-iskartoċċi, in-nies tal-lokal daħlu fir-residenza ta’ Vassalli u ġarrew il-kotba u l-manuskritti li sabulu, fosthom il-kopji tal-grammatika u d-dizzjunarju, u agħar minn hekk 76 qatta’ ta’ noti li kienu jikkonsistu fil-kumpilazzjoni tal-Appendiċi Etomoloġika u żewġ Indiċi tal-Lexicon! “Ma tagħtihx tort lil Vassalli li ħarab saqajh ma’ dahru lejn il-belt Valletta għax kieku baqa’ hemm, lilu kienu jġibuh tabakk.”

    Mi faccio turco!

    Għall-ewwel Vassalli rnexxielu jeħlisha ħafif imma meta sa fl-aħħar il-Maltin sejjħu għall-għajnuna tal-flotta Ingliża u dawn waqqfu l-provvisti tal-Franċiżi, in-nies li kienu ngħalqu fil-belt mal-Franċiżi, ma damux ma sabu ruħhom f’ġuħ tal-għama. Jum minnhom mitejn Maltin inkluż Vassalli ħarġu ‘l barra mill-belt, imma hekk kif in-nies għarfuh, huwa safa arrestat u magħluq fil-ħabs ta’ Sant’Anton. Vassalli ħadha bi kbira ferm din u ma damx ma marad sewwa tant li kellhom jeħduh l-isptar fejn illum hemm id-Dumnikani r-Rabat, Malta. Wara ttieħed il-castellenia u hemm iġġennen. ‘Mi faccio turco!’ (Insir Tork!) ġieli nstema’ jlissen b’rabja.

    “Kidditu bosta din il-kundanna,” insista Ciappara. “Tant ġie fi stat ħażin illi beda jiqriegħ. Għallinqas il-gwardjan tal-ħabs kien ħallih jiltaqa’ naqra mal-priġunieri l-oħra għal waqt l-ikel u hemm hu kien jiftaħ qalbu magħhom, fosthom ma’ Giuliano Panzavecchia, li eventwalment ibnu Fortunato niżżel dawn il-memorji fi djarju li sa llum baqa’ ma ġiex ippubblikat.”

    Vassalli eżiljat

    Fl-1801 Vassalli talab li tingħatalu l-maħfra imma din ma ġietx aċċetata u minflok ġie mkeċċi minn Malta. Huwa reġa’ lura Franza u f’dan iż-żmien ix-xorti daħkitlu hekk kif fl-1808, il-gvern Franċiż xtaq isib lil xi ħadd li kien kapaċi jkabbar il-qoton peress li l-flotta Ingliża kienet qed timblokka l-portijiet kollha tal-kolonji li kellhom u b’hekk ma setgħux jinġiebu l-provvisti mill-pajjiżi tas-soltu. “Peress li Vassalli kien ġej minn familja tal-bdiewa li f’Malta kienu jkabbru l-qoton, huwa kellu esperjenza tajba f’dan il-qasam u b’hekk ngħata r-responsabbiltà uffiċċjali tat-tkabbir tal-qoton. Iżda l-irtirata ta’ Napuljun mir-Russja flimkien mat-telfa kbira tiegħu f’Leipzig fissru t-tmiem għal Vassalli hekk kif ir-Re Luigi XVIII reġa’ ħa t-tron u l-kultivazzjoni tal-qoton twaqqfet.”

    Għalkemm Vassalli għamel xi żmien jitħabat għal rasu biex forsi jirnexxielu xorta waħda fil-qasam tal-qoton, finalment hu kellu jċedi għax beda jitlef il-flus. B’dak kollu li kellu, flimkien ma’ familtu, huwa rħielha lejn Spanja imma lanqas hemm ma rnexxielu jkampa. Skont Ciappara issa Vassalli kien sar qisu qoxra vojta ta’ bniedem, “Qabel telaq minn Marsilja, huwa kiteb ittra patetika lill-Ministru tal-Intern fejn spjegalu min kien, u qallu dwar il-kwalifikazzjonijiet u l-kitbiet tiegħu, filwaqt li semma’ wkoll li fl-aħħar snin kien anki l-kap tas-sezzjoni tat-tkabbir tal-qoton. Talbu biex jagħtih xi għajnuna finanzjarja minħabba li kien spiċċa biex waqa’ f’faqar kbir u għalhekk ma kellux mezz biex jixtri xi ħwejjeġ sura għalih, għal martu u għall-erbgħa wliedu ħalli bihom jirritornaw lura lejn Malta bħan-nies. Madanakollu r-risposta li rċieva kienet tgħid xott xott illi l-ftit flus li kien fadal fil-pajjiż kienu ser jintużaw għall-bżonnijiet tal-Franċiżi biss.”

    Lura Malta – mal-Protestanti

    Jekk Vassalli ħaseb li n-nies f’Malta kienu nsewh, mar ħażin, għax hekk kif ġie lura għarfuh mill-ewwel… u bagħduh. Spiċċa li biex jaqla’ xi ħaġa għall-familja kellu jittraduċi għall-Malti xi partijiet mill-bibbja għall-Protestanti ħalli dawn ikunu jistgħu jxerrdu aħjar it-tagħlim tagħhom fostna. “Traduċa l-bibbja mingħajr il-kunsens tal-Isqof u biex tgħarraq is-sitwazzjoni aktar, għamilha għall-Protestanti!” qalli Ciappara.

    Fil-ktieb tiegħu l-awtur jispjega fid-dettall dwar il-pjan tal-Protestanti li jibdlu lil Malta f’ċentru minn fejn seta’ jixxerred il-Protestantiżmu. Huwa jirrakkonta wkoll it-tbatija li kienu għaddejjin minnha Maltin oħra li kienu qed jissieħbu mal-Protestanti, fosthom ċertu Bonavia, għalliema li rat ħafna ma’ wiċċha, speċjalment meta l-arċipriet tal-Isla wissa lin-nies minn fuq il-pulptu biex ma jibgħatux lill-uliedhom għandha u qalilhom li aħjar jaqbdu sikkina u jħanxru għonqhom minflok!

    “Biex jittraduċi l-bibbja għall-Malti kellu qabel jistandardizza l-lingwa u hekk għamel. Fl-1825 hu laħaq bħala l-ewwel professur fil-Malti imma dan ix-xogħol ma kienx sanzjonat uffiċċjalment mill-gvern, tant li l-paga tiegħu jingħad li kienet titħallas privatament minn John Hookham Frere.”

    Riedu jidfnuh bħal kelb

    Vassalli miet fit-12 ta’ Jannar 1829 wara attakk sever tar-rewmattiżmu fejn hu bata mhux ħażin. Imma donnha din is-saħta li kellu fuqu lanqas wara mewtu ma riedet tħallih bi kwietu għaliex minħabba li huwa kien meqjus mill-Knisja bħala ‘suspettat’ minħabba li kien maħsub li kien poġġut mas-sieħba tiegħu u anki li kien Protestant, il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl il-Belt irriffjuta li jidfnu f’ċimiterju mal-oħrajn u minflok ried jerħielu ġismu f’dik li kienet tissejjaħ miżbla, jew aħjar art mhux imbierka. Jingħad li dan kien jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ xkupa fuq il-mejjet ħalli jindifen ‘bħall-kelb’. Almenu, Vassalli ġie salvat minn din id-difna ndenja minn sħabu l-Protestanti li meta raw kif xtaqu li jidfnuh ħutu l-Kattoliċi, huma talbu l-permess tal-gvern u anki dak ta’ martu u ta’ oħtu sabiex jidfnuh huma bir-rispett kollu f’ċimiterju tagħhom.

    “It-tmiem ta’ Vassalli kien traġiku bħall-bqija ta’ ħajtu,” qalli Ciappara. “Imma naħseb li finalment huwa miet kuntent minħabba li nissopponi li huwa basar li xi darba jew oħra ħidmietu kienet ser trodd il-frott fuq din l-art li hu tant ħabb imma li matul ħajtu, hi qatt ma ħabbitu lura.”

    “Jiena nirrispettah ferm lil Vassalli, kemm għax ħabb lil Malta u lill-Maltin u anki għax-xogħol siewi li wettaq fil-qasam tal-lingwa Maltija. Żgur li ħaqqu ferm it-titlu li ngħatalu llum bħala ‘missier il-lingwa Maltija’,” temm jgħidli l-Prof. Ciappara.

    Kopji ta’ reġistru li juru fejn ġie midfun Vassalli

    Wara li kont segwejt b’tant interess l-istorja ta’ Vassalli, ma stajtx ma mmurx inżur is-sit fejn hu ġie midfun. Fi kmajra ġewwa ċ-ċimiterju tal-Msida Bastion fil-Furjana, ġejt murija xi oġġetti relatati ma’ Vassalli fosthom kwadru tax-xbieha ‘tiegħu’, kopja tal-Lexicon li ngħatat b’self lil Din L-Art Ħelwa mill-familja Vassallo, riproduzzjoni ta’ paġna mill-Lexicon, kopja tal-alfabet Malti li kien ġie mressaq minn Vassalli, u anki kopji tan-noti tar-reġistru tal-funerali li juru li f’dak iċ-ċimiterju ġew midfuna Vassalli u martu.

    Skont informazzjoni li sibt f’dan il-post jidher li fl-1937, ċertu Frederick Jones, li kien in-neputi tad-deffien tal-Msida Bastion, skopra qabar Malti li nstab li kien ta’ Vassalli. Madanakollu l-post eżatt tal-qabar ta’ Vassalli u ta’ martu ntilef u għalhekk minflok illum wieħed isib monument kommemorattiv…

    Għadilli x-xemx qalila tas-sajf Malti kienet nixfet il-ħdura tal-ġnien, xi fjuri lelà u sofor kienu qed isebbħu din it-tifkira tal-post tal-mistrieħ ta’ Vassalli. U fl-isfond, donnu l-protettur tiegħu anki wara l-mewt, ilmaħt il-qabar maestuż ta’ John Hookham Frere.

    U issa intom li bħali sirtu tafu ġrajjiet Vassalli, min tgħidu li hu?

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (16 il-parti) fit-Torċa tal-24 t’Awissu 2014)

    2014.08.24 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • MILIED FIX-XELTER U MEMORJI TAL-GWERRA

    Kultant jiġu drabi meta nħossni qisni x-xbieha ta’ mera mfarrka… persuna waħda b’diversi angoli li kollha jippreżentaw l-istess wiċċ imma fir-realtà l-ebda waħda mhi bħall-oħra. Fil-fatt sikwit insib ruħi niġġieled miegħi nnifsi għax min-naħa inkun naħsibha mod u min-naħa l-oħra nkun nixtieq xi ħaġa oħra. Karattru li kultant jgħejjik saħansitra biex tifhem lilek innifsek imma li fl-istess waqt jimlilek ħajtek b’sens ta’ meravilja għax int stess qatt ma tkun ċerta sa fejn kapaċi tasal u x’kapaċi tagħmel.

    Dawn il-ħsibijiet paralleli jmissu anki ż-żminijiet tal-Milied fejn xi drabi nsibni nifraħ qisni tifla żgħira u f’mumenti oħra jaqbduni nervi kbar. Tferraħħni s-sempliċità, it-tradizzjoni ta’ dan iż-żmien u l-awtentiċità tan-nies li l-Milied tassew jagħnihom b’ferħ speċjali, tant li jmissulek qalbek. Tifliġni l-falsità ta’ min jifraħ bik biss f’dawn il-ġranet u ċ-ċelebrar u l-ferħ sfurzat. Għalkemm anki dis-sena kelli nieħu doża mit-tnejn, qed nirrealizza li did-darba qed ngħix dal-ġranet b’sentimenti oħra. U dawn l-artikli huma l-kawża. Aktar mill-artikli, in-nies li ltqajt magħhom, li bil-perspettivi differenti tagħhom, b’xi mod jew ieħor kollha għallmuni xi ħaġa ġdida li permezz tagħha wassluni biex nifhem aħjar lili nnifsi.

    Għalhekk infittex dak li mhux soltu. Għalhekk did-darba ddeċidejt li nistħarreġ x’inhi dir-rappreżentazzjoni ta’ Milied Fix-xelter li qed itella’ l-pageant group tal-Każin tal-Banda ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ.

    Iltqajt ma’ Brian Bonnici, id-direttur artistiku u l-kittieb tal-iskript ta’ din ir-rappreżentazzjoni u ma’ Tanya Borg, waħda mill-atturi. Xtaqt li l-intervista ssir fil-passaġġi u l-kmamar tax-xelter li jinsab taħt il-Każin ta’ San Filep sabiex b’hekk inkun nista’ nixrob l-atmosfera tal-post. Hekk kif inżilna tlabt lil Brian jispjegali kif bdiet din l-idea u għaliex għażlu li jippreżentaw presepju ħaj ġo xelter?

    “Ħaż-Żebbuġ huwa magħruf ħafna għall-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira imma fil-Milied ftit li xejn kien hawn organizzat. Għaldaqstant xtaqna noħorġu b’idea oriġinali. Għażilna li noħolqu presepju ħaj b’tema tradizzjonali Maltija u bnejna l-istorja tal-Milied fuq karattri tipiċi Maltin. L-isfond ta’ dan ix-xelter mħaffer biex jagħti rifuġju waqt it-tieni gwerra dinjija dehrilna li kien perfett sabiex nieħdu n-nies li jiġu jżuruna lura fiż-żmien meta dawn il-ġranet kienu jiġu ċċelebrati b’mod ħafna aktar sempliċi u ġenwin. Tajna l-ħajja lil xi karattri magħrufa u ħallatnihom man-nies komuni sabiex flimkien dawn ifakkruna fil-messaġġ veru tal-Milied.

    L-ewwel rappreżentazzjoni saret is-sena li għaddiet u s-suċċess li kellna għamlilna l-kuraġġ biex dis-sena nerġgħu ntellgħu oħra. Madanakollu biddilna xi karattri ħalli b’hekk inħajjru jżuruna mill-ġdid anki lil dawk li ġew is-sena li għaddiet.”

    L-oriġinalità hija l-ħin kollu fuq moħħ dal-grupp. Tanya kompliet tispjegali…

    “Għalkemm aħna l-atturi għandna skript fuq hiex nimxu, dan qiegħed hemm biex iservi biss bħala bażi. Tant hu hekk illi l-ebda rappreżentazzjoni ma tkun bħall-oħra. Dan għax aħna nistiednu lin-nies jidħlu magħna fl-interpretazzjoni tal-istorja. Għaldaqstant dawk li jinżlu magħna fix-xelter, apparti milli jsegwu dak li jkun għaddej, jistgħu anki jikkumentaw u jidħlu f’diskursata mal-personaġġi. F’xi drabi l-viżitaturi jkunu saħansitra jistgħu jduqu xi platt minestra magħna jew ibillu griżmejhom b’xi tazza nbid mill-ħanut tax-xorb ġor-raħal ħaj li ser isibu fix-xelter.”

    Brian spjegali kif dan ix-xelter jifforma parti minn xelter kbir li kien ikopri l-arja kollha ta’ taħt il-pjazza…

    “Matul it-tieni gwerra, f’dawn in-naħat telgħu bosta refuġjati speċjalment min-naħa tal-Kottonera u għalhekk kien hawn bżonn kbir ta’ xelters imdaqqsin. L-inżul f’dan ix-xelter minnu nfih huwa esperjenza imma meta fost waħda mill-udjenzi nzertajna mara li snin ilu użat dan ix-xelter bħala rifuġju, għal mument kull min kien hemm baqa’ bla kliem. Qaltilna “X’differenza minn kif kien qabel! Jien hawn inżilt fi żmien il-gwerra u llum ġejt bi skop tant differenti!” Huma dawn l-emozzjonijiet li nkunu nixtiequ nqanqlu.”

    Għall-ewwel ma stajtx nifhem x’kellhom x’jaqsmu l-karattri Maltin fl-istorja tal-Milied u għalhekk it-tnejn ramaw jirrakkuntawli l-iskop tagħhom…

    “In-Naplitani jdaħħlu l-karattru ta’ Pulċinella fil-presepju tagħhom. Għalhekk dehrilna li aħna stajna ndaħħlu lil Ġaħan. Ġaħan jixtieq isib il-vera messaġġ tal-Milied u għalhekk jitilqilha jfittex il-grotta ta’ Ġesu… bil-bieb ikaxkar wara dahru. Minflok it-tlett maġi, daħħalna tlett pijunieri Maltin li kollha nzertaw twieldu ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Niltaqgħu ma’ Mikiel Anton Vassalli li fostom narawh jitlob lil Madonna sabiex tgħin lilu bħala missier l-ilsien Malti u lill-poplu kollu ħalli jagħraf juża’ din il-lingwa b’mod tajjeb u mhux biex jidgħi jew jiddisprezza. Xena oħra turina lil Dun Karm Psaila fil-waqt li qiegħed jispira ruħu bix-xena tal-Milied biex jikteb poeżija tiegħu. Insibu lil Dun Mikiel Xerri jitlob l-għajnuna tal-Omm u l-Iben Mqaddsa sabiex dawn jagħtu l-kuraġġ lill-poplu Malti ħalli ma jibżax jistqarr u jiddefendi twemminu – messaġġ importanti issa li għaddejja din il-kontroversja tat-tneħħija tal-kurċifissi. Ma setax jonqos li ninkludu lil San Ġorġ Preca li kien hu li mexxa t-tradizzjoni tal-Milied f’pajjiżna. Interessanti nsemmi li f’dan ir-rwol konna ffortunati li sibna persuna li jixbaħ ħafna lil San Ġorġ innifsu.”

    Sabiex iħawwru din l-atmosfera nsibu wkoll għadd ta’ karattri oħra bħall-kebbies tal-fanali, il-bejjiegħa tal-ħaxix u l-ħobż, l-iskarpan u s-sewwejja tat-toroq.

    “Kull karattru għandu messaġġ x’jagħti. Jiena li naħdem il-parti ta’ Gejta flimkien ma’ ‘oħti’ Berta nilqgħu lill-viżitaturi u nintroduċuwhom minn xena għall-oħra filwaqt li bejn ċajta u nibxa, nirrakkuntaw kif beħsiebna nqattgħu l-ġranet tal-Milied u b’hekk nitfgħu dawl fuq id-drawwiet ta’ dak iż-żmien.

    Karattru ieħor ser narawh qiegħed jixtri xi kannestri u xkejjer tal-ġwież mingħand il-bejjiegħ tal-ħaxix sabiex bihom jibni presepju kbir. Ikun imbagħad proprju dal-karattru li fl-aħħar tal-mawra fix-xelter jieħu lill-viżitaturi jaraw presepju kbir (madwar 13-il pied b’10) li hu jkun bena.”

    Fil-fatt hekk kif irfist fil-każin, sibt lil Brian mimli żebgħa, qiegħed jirtokka dan il-presepju. Il-binja tiegħu kienet tassew impressjonanti, mhux tas-soltu, mimli għerien u grotot imdaħħla f’xulxin. Brian qalli illi ħadmu fuq l-ambjent tal-widien Maltin…

    “Jien ngħix għall-arti u għall-kultura. Kuntent ħafna illi permezz ta’ din ir-rappreżentazzjoni nistgħu nuru kemm dawn il-ġranet tal-Milied m’għandhomx ikunu ġirja sfrenata biex nixtru r-rigali. Infakkru kemm fis-sempliċità tat-tradizzjonijiet Maltin nistgħu nsibu l-veru ferħ li jġib miegħu l-Milied.”

    Tanya għalqet b’dan il-messaġġ…

    “B’kollox qegħdin mal-40 attur u kultant niżdiedu anki naqra aktar! Is-sena li għaddiet kien hemm min tant ħa gost li ddeċieda li jingħaqad magħna u tajnih rwol fl-istorja wkoll. L-etajiet tagħna jvarjaw minn tfal sa anzjani u kollha naħdmu b’għan wieħed… Għalkemm ir-rappreżentazjoni li naħdmu hija fittizja, il-messaġġ li rridu nwasslu huwa “Moħħkhom hemm! Araw x’inhu l-veru Milied!”

    Il-laqgħa li kelli flimkien ma’ Brian u Tanya tant laqtitni li ġieni l-ħsieb li nkompli nfittex dwar kif kien jgħix il-poplu Malti fiż-żminijiet tal-gwerra u x-xelters. L-għażla tiegħi marret fuq il-kittieb magħruf – Ġorġ Peresso. Xejn xejn kienet skuża biex niltaqa’ miegħu u nsir nafu. Hu aċċetta minnufih. Kelli għatx kbir biex nisma’ x’kellu x’jirrakkuntali. U b’dak il-leħen meqjus u mirqum tiegħu ma ridtx ħafna biex moħħi jara stampa ċara tal-ħajja ta’ dak iż-żmien….

    “Jien twelidt fid-9 ta’ Settembru 1930, f’dawk il-ġranet meta ġiet proklamata l-gwerra. Dakinhar missieri, li kien jaħdem ma’ tal-irmonk, kien qiegħed jitfa’ blokkijiet kbar fil-bajja tal-Mellieħa bi Gorg Peressopreparazzjoni għall-attakki mill-baħar fuq pajjiżna. Naturalment l-ewwel snin ma niftakarhomx imma niftakar lill-familjari tiegħi jirrakkuntaw… Sakemm il-gwerra kienet għadha n-naħa ta’ fuq, bejn l-Ingliżi u l-Franċiżi, f’Malta ma konnix affettwati imma l-preparamenti għaliha xorta bdew fostom bit-tħaffir ta’ bosta xelters. Meta mbagħad Mussolini ssieħeb ma’ Hitler, Malta daħlet b’ruħha u sniena fil-gwerra tant li b’mod immedjat, għall-ħabta tas-7:00am ġejna attakkati mill-ajruplani Taljani.

    Aħna konna ngħixu l-Birgu u għall-bidu missieri ma xtaqtx jitlaq minn hemm ħalli ma jitbiegħedx wisq mill-post tax-xogħol. Imma meta l-Birgu beda jiġi attakkat b’qilla kbira kuljum u l-ħin kollu, ma baqgħatilnix għażla oħra ħlief li ndabbru rasna. Morna noqogħdu man-nanna f’Birkirkara fejn hi kienet refuġjata għand xi ħbieb tagħha.

    Birkirkara ma tantx kienet ibbumbardjata u allura l-aktar li niftakar xi bomba tfaqqa’ ‘l hemm u ‘l hawn. Imma darba waħda waqgħet bomba ħdejn il-Knisja ta’ Santu Rokku, qrib ta’ fejn konna noqogħdu aħna u dakinhar mietu ħafna nies.

    Meta l-gwerra bdiet tiqliel ġieli nqatlu mat-30 persuna kuljum: kien hemm min baqa’ jippersisti li jibqa’ jgħix ġo daru akkost l-attakki kontinwi, oħrajn ma kienux laħqu daħlu fix-xelters, filwaqt li bosta oħra mietu waqt li kienu qed jikkumbattu fuq il-kanuni. Kien hemm uħud li saħansitra mietu waqt li kienu għall-kenn tax-xelters – każ partikolari minnhom seħħ f’Ħal-Luqa meta ntlaqtu ż-żewġ bokok ta’ xelter, infaqgħu xi kanen u n-nies mietu mgħarrqa fih. Illum hemm triq imsemmija għal dan l-avveniment.

    L-1942 kienet l-aktar sena kerha għal Malta b’mod partikolari April meta fostom waqa’ t-teatru rjal, niżlet il-bomba fuq il-Knisja tal-Mosta u ġara l-każ li semmejtlek f’Ħal-Luqa. Kien il-konvoj ta’ Santa Marija li wasal f’Awwissu ta’ dik is-sena li salva lil Malta. Illum li għaddew 50 sena minn dal-ġrajjiet, inħarġu fil-beraħ id-dokumenti tal-gwerra mill-uffiċċju tal-Ingilterra fejn fihom ġie żvelat illi Malta kienet waslet biex iċċedi lill-Italja għax ma kelliex biex tkompli tissielet. Għall-kuntrarju ta’ kif ħafna jaħsbu, illi l-Maltin salvaw għax il-konvoj ipprovdiena bl-ikel, fir-realtà dan għenna billi ġab miegħu ukoll numru ta’ armamenti, bombi, petrol, fuel u spare parts għall-ajruplani. Minn Malta imbagħad tħejjiet l-invażjoni fuq Sqallija u hekk kif dawn ma setgħux jużaw aktar l-ajruporti tagħhom, Malta ma baqgħetx issofri aktar attakki. Kultant kien jersaq jattakkana xi ajruplan Ġermaniż imma nistgħu ngħidu illi mal-1943 l-gwerra mill-ajru f’Malta kienet spiċċat.”

    Meta nisma’ dawn il-ġrajjiet insibha diffiċli biex nemmen li pajjiżna għadda minn dan kollu… sakemm nitla’ l-Belt u nsib ma’ wiċċi t-teatru rjal għadu mfarrak s’issa! Imma meta wieħed jgħix ġrajjiet bħal dawn x’iħallu fil-fond ta’ qalb bniedem?

    “Tħalla fija s-sens favur il-paċi u d-diplomazija. Tnisslet ukoll fija ċertu biża’ mid-djar imġarrfa…

    Niftakar li meta kelli madwar sebgħa snin, morna lura fil-Kottonera. Ma stajnix immorru noqogħdu l-Birgu għax dan kien sar ħerba waħda. Minflok morna ngħixu Bormla, n-naħa ta’ Santa Margerita. Issa kont kbir biżżejjed biex nifhem li kien hemm gwerra. Li ma konnix nafu kien li hemmhekk konna qed ngħixu fuq numru ta’ bombi mhux sploduti, tant li darba ħarġuna minn djarna għax sabu waħda! Għalkemm ma kontx imdejjaq ngħix f’Bormla, l-ambjent tat-tifrik kien jimpressjonak. Kull fejn tħares djar imwaqqa’, ċnagen, terrapien, djar mill-isbaħ b’faċċata biss u wara vojt. Ma’ nista’ ninsa qatt dik is-sensazzjoni ta’ biża’ hekk kif tħares minn ġo tieqa ta’ xi dar li fi żmienha kienet mill-ifjen u tara l-qamar jittawwallek minn bejn il-ħitan tal-kmamar tagħha bla saqaf. Id-dehra ta’ dar bla saqaf kienet tħawwadni wisq!

    Bħalissa qed tiġini f’rasi l-purċissjoni tal-Milied li kienet titlaq minn ħdejn id-dar tal-Mużew bil-fanali jixegħlu u l-kliem tal-Verbum Dei Caro Factum Est mixgħula wkoll. Qed nismagħna nkantaw kant sabiħ tal-Milied filwaqt li għaddejjin bejn it-toroq kollha mħaffra u d-djar imġarrfa. Dik l-innoċenza tal-Milied imħallta mal-kruha tat-tiġrif tal-gwerra għadha f’moħħi daqs xena b’kuntrast minn xi film tal-waħx.”

    Is-sens tat-tiġrif ħalla mpressjoni kbira fuq il-ħajja ta’ Ġorġ. Imma xorta waħda kellu rakkont ħelu x’jirrakkuntali relatat ma’ dan…

    “Akkost li kont nibża’, l-kurżità kienet tegħlibni u flimkien ma’ sħabi kont immur nesplora xi dar abbandunata. Għadhom jiġu quddiem għajnejja sa llum iz-zukklatura mpinġija u l-fuklar bil-madum taċ-ċeramika li darba sibna ġewwa dar li fi żmienha kienet tas-sinjuri. Hawnhekk iddeċidejna li nibnu palk tal-ġebel u konna nagħmlu t-teatrin. Jum minnhom tawni parti fejn kelli nadura alla falz u quddiemi ġabuli ritratt sabiħ ta’ Doris Day!”

    Aktar ma bdejna nitħaddtu, aktar bdew jitqanqlu l-memorji…

    “Għandi storja ħelwa oħra li tkexkek fl-istess ħin. Mela meta tkun żgħir tibda tisma’ l-kbar jitkellmu u ma tantx tifhem x’inhu jingħad. Meta mbagħad tikber, kollox jibda jieħu postu u tara stampa aktar ċara. U hekk sirt naf min kienu Hitler u Mussolini. Darba minnhom fit-triq tagħna smajthom jgħidu li kienu ser jgħallqu lil dawn it-tnejn u beżgħan kif ukoll kurjuż mort narahom. Minn ġol-gallerija ta’ dar nofsha mwaqqgħa kienu qed iniżżlu b’ħabel żewġ trajbi. Fuq il-ħwejjeġ tagħhom in-nies spjegawli li wieħed kellu miktub Hitler u l-ieħor Mussolini. Hekk kif dendluhom in-nies ramat iċċapċap, tidħak u twaddbilhom l-affarijiet. Bdiet ħierġa l-frustrazzjoni tan-nies, anki ta’ dawk li forsi għall-ewwel kienu emmnu li t-Taljani kienu ser jitfgħawlna l-fjuri u mhux il-bombi. Ngħid is-sew jien dak il-ħin tħassarthom lil dawk iż-żewġ mgħallqa għax ma ndunajtx li kienu pupi tat-tiben. Mort maħsud id-dar u kif ktibt fil-ktieb li għadni kemm ħriġt ‘It-Tifel tan-Nanna’ hekk kif ommi fehmitni x’kien ġara u min kienu dawk iż-żewġ individwi, dik kienet l-ewwel u l-aħħar darba li tħassarthom.”

    Ġorġ għażel li jagħlaq b’dan il-kliem…

    “Meta sirt abbati fil-Knisja ta’ Santa Tereża fil-Milied kont ninżel ngħin il-quddiesa ta’ nofs il-lejl. Kont noqgħod nixxennaq biex xi darba nagħmel dik il-priedka sakemm darba għamiltha. Wara l-quddiesa l-fra kien jagħtina torta żgħira, tajba ħafna, tal-marmorata bil-bambin tax-xemgħa fuqha. Kumbinazzjoni l-mara tiegħi Isabella fil-Milied tagħmel din it-torta u b’hekk mingħajr ma taf qegħdha tkompli din it-tradizzjoni marbuta ma’ tfuliti.”

    Bla dubju issa aktar tħajjart immur inżur din ir-rappreżentazzjoni tal-Milied Fix-xelter. U hekk kif ser inkun qed insegwi dak li l-atturi ser jippreżentawli, m’għandix għalfejn nitħasseb aktar jekk hux ser nixrob l-atmosfera tal-post!

    Kull rappreżentazzjoni tieħu madwar 20 minuta u titlaq minn ħdejn il-bieb tal-Każin ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ. Il-pubbliku jista’ jattendi għalihom f’dawn il-ġranet u l-ħinijiet: illum il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2009 mill-10:00am sa 12:00pm u mill-5:00pm sat-8:00pm. Mit-Tnejn 28 sal-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2009 mis-6:00pm ‘l quddiem. F’każ li jkun hemm gruppi li jixtiequ jorganizzaw żjara, inkluż għat-turisti, jistgħu jċemplu fuq 79270400 jew email fuq pageantgroupstphilip@gmail.com. Id-dħul huwa bla ħlas imma donazzjoni tkun apprezzata.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Diċembru 2009)

    2009.12.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi