Posts Tagged ‘Il-Venezja taċ-Ċina’

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (L-10 Parti) Il-Venezja taċ-Ċina

    Issa li wasalna għall-aħħar artiklu, nittama li permezz ta’ din is-sensiela, irnexxieli ndewwaqkhom ftit minn dak li għandha x’toffri ċ-Ċina u li forsi wħud minnkhom, titħajjru wkoll iżżuruha.

    Iddeċidejt li nħalli dan il-post apposta għall-aħħar, hekk kif għamlu anki lilna l-gwidi Ċiniżi li akkumpanjawna matul il-vjaġġ tagħna ġewwa dan il-pajjiż. Niftakar li tassew issorprendejt ruħi meta sirt naf illi f’dik il-modernità kollha tal-belt ta’ Shanghai, wieħed kellu l-opportunità li jżur erbgħa bliet antiki li nżammu bejn wieħed u ieħor fl-istil oriġinali tagħhom sabiex jibqgħu bħala xempju ħaj tal-passat ta’ dawk l-inħawi.

    Dehra ta' ZhujiajiaoAħna żorna lill-belt antika Zhujiajiao li hi l-aktar waħda miżmuma tajjeb. Hija magħrufa wkoll b’bosta ismijiet oħra bħal ‘Il-Belt tal-Ilma’, ‘Ix-Xmara tal-Perli’ u ‘Il-Venezja taċ-Ċina’. Tinsab fil-periferija ta’ Shanghai u ġiet mibnija f’forma ta’ rewwieħa fuq medda art li tkopri 47 kilometri kwadri. Ilmijietha jleqqu bħall-perli fuq pajsaġġ bl-isfond tal-muntanji u l-għadajjar.

    L-istorja ta’ Zhujiajiao tmur lura 1700 sena għal żmien id-Dinastija Yuan, meta din il-lokalità bdiet isservi bħala ċentru tal-kummerċ għall-inħawi tal-kampanja tal-madwar. Il-pożizzjoni strateġiku tagħha, fejn jiltaqgħu numru ta’ xmajjar lokali, għenuha tiżviluppa malajr, l-aktar permezz tal-kummerċ tar-ross u tad-drapp, liema prodotti kienu jiġu trasportati mill-kampanja bid-dgħajjes, direttament għad-djar tan-negozjanti li kienu joqogħdu f’din il-belt. Dan wassal biex eventwalment Zhujiajiao kibret ħafna u ngħatat l-istat ta’ belt mill-Imperatur Wanli tad-Dinastija Ming.

    Hanut tal-ilbiesi tat-tiegDin ix-xejra kummerċjali għadha teżisti sa llum f’din il-belt, hekk kif din hija miżgħuda b’għadd ta’ ħwienet li jbiegħu kull xorta ta’ prodotti u servizzi. Fost dawn, wieħed isib: oġġetti maħduma bi snajja’ tradizzjonali, ikel u ħlewwiet ta’ kull tip, ħwejjeġ partikolari b’kuluri sbieħ li jintlibsu għar-ritratti tat-tieġ, djar tat-tè, kafetteriji, ħwienet tax-xorb u restoranti.

    L-arkitettura distinta tal-post hija mżejjna bi djar li jmorru lura għall-mijiet tas-snin. Bosta mid-djar antiki ta’ din il-belt iħarsu fuq l-ilmijiet tax-xmara u jistkennu għad-dell ta’ għadd ta’ siġar taż-żavżava li jkomplu jagħnu l-post b’element romantiku qawwi.

    Madanakollu, l-aktar li jiġbdu l-attenzjoni huma ċertament is-36 pont tal-ġebel li jgħaqqdu din il-belt flimkien. Dawn il-pontijiet inbnew matul id-Dinastiji Ming u Qing u jintgħarfu minn dawk ġodda permezz tat-turġien li jwasslu għalihom, minħabba li dari, dawn kienu jkunu aktar għoljin. Infatti llum fiċ-Ċina, dat-tip ta’ taraġ jinħadem bil-ħsieb tal-konvenjenza għall-pubbliku, b’mod partikolari għall-anzjani, u għaldaqstant hu mibni aktar baxx ħalli jkun aktar faċli biex titilgħu.

    Il-gondolaAnki t-tul ta’ dawn il-pontijiet ivarja ħafna, tant li wħud huma pjuttost qosra filwaqt li oħrajn huma twal mhux ħażin. Fil-fatt, Fangsheng, li hu l-aktar pont popolari f’din il-belt, hu għoli 5.8 metri, twil 70 metru u jserraħ fuq ħames arkati simettriċi. Oriġinarjament, dan inbena fl-1571 mill-patri Xingchao tat-Tempju Cimen. Iżda aktar tard, fl-1812, huwa reġa’ ttella’ mill-ġdid. L-arkata ċentrali ta’ dan il-pont ġiet dekorata bi skultura fil-ġebel ta’ tmien draguni jduru ma’ perla, filwaqt li t-truf tal-kolonni ġew skolpiti f’għamla ta’ ljuni.

    Jekk tkun qed iżżur dan il-post, m’għandikx titlef l-opportunità li tirkeb xi waħda miż-żewġ tipi ta’ dgħajjes li ssib fuq ix-xmara, ħalli b’hekk tosserva l-post minn perspettiva oħra. Il-gondola taħdem fil-kanali u tgħaddi minn taħt il-pontijiet, u permezz tagħha tista’ tmur dawra qasira sal-kanal prinċipali, inkella tagħżel distanza itwal li tieħdok madwar il-belt kollha. Min-naħa l-oħra, dgħajjes akbar joffrulek vjaġġ sal-għadira li hemm fl-inħawi.

    Zhujiajiao hija mfittxija ħafna mit-turisti imma anki min-nies tal-lokal li spiss imorru hemm fil-ġranet tal-mistrieħ jew fil-festi. Għaldaqstant, dan il-post għandu t-tendenza li jkun iffullat mhux ħażin u wieħed irid jiddedikalu almenu nofs ta’ nhar sħiħ jekk jixtieq iduru sewwa.

    Hemm min hu tal-opinjoni illi din il-belt saret artifiċjali wisq minħabba li saret tiddependi ħafna mit-turiżmu. Iżda ngħid għalija, Zhujiajiao hija lokalità indimentikabbli li wrietni xena surreali ta’ kif kienet il-ħajja fiċ-Ċina tal-passat.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Marzu 2015)

    2015.03.15 / no responses / Category: Torca - Features & Articles