Posts Tagged ‘Ipogew’

  • Fuq il-passi ta’ Pawlu

    Michelle Galea, Assistenta Kuratrici tal-Muzew Wignacourt.JPGArtal portabbli ta' fuq ix-xwieni.JPG

    Ix-xelters tal-Muzew Wignacourt.jpgIl-faccata tal-ktieb.JPG

    Il-grotta ta' San Pawl.jpgId-Duluri ta' Mattia Preti.JPG

    “Kif ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard….” Għoddni qed nilmaħ lill-appostlu San Luqa jikteb dawn il-vrus taħt id-dawl kiebi ta’fjamma ta’ xemgħa tperper maż-żiffa dieħla fil-kamra. L-istess ġabra ta’ kliem li llum, wara dawn is-snin kollha, għadna nisimgħu jinqara kull sena waqt il-quddiesa taċ-ċelebrazzjoni tal-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna. Jingħad li fis-sena 60 W.K., San Pawl waqqaf l-ewwel knisja f’Malta, proprju fil-grotta tar-Rabat, fejn kien qiegħed jiġi miżmum bħala ħabsi. U minn hemm beda l-kult qawwi Pawlin li matul is-snin ġibed lil bosta barranin lejn pajjiżna, hekk kif dawn xtaqu jmiddu passejhom fuq l-istess art li mexa fuqha dan il-qaddis. Hekk kif Frar huwa sinonimu ma’ din il-ġrajja tant kbira, għal dil-ġimgħa għażilt li nżur il-kumpless tal-Mużew Wignacourt li jinsab ir-Rabat, liema binja twassal ukoll għall-grotta ta’ San Pawl. Madanakollu, hekk kif flimkien mal-Kuratur Dun Ġwann Azzopardi u mal-Assistenta Kuratriċi, Michelle Galea, dort il-livelli varji li fih dan il-post, bqajt sorpriża kemm fir-realtà dan is-sit huwa ġawhra ta’ wirt kulturali li ma jkoprix biss din il-ġrajja imma anki diversi perjodi oħra tal-istorja għanja ta’ pajjiżna.

    Tassew, kienet il-grotta li llum hija magħrufa bħala Ta’ San Pawl, li nisslet ir-reverenza lejn din il-biċċa art. Iżda minn hemm, ftit ftit, tqanqal moviment sħiħ, hekk kif l-awtoritajiet responsabbli minn dil-grotta, għarfu l-valur ta’ dan il-post u bdew jużaw din is-sitwazzjoni għal diversi għanijiet, sakemm illum insibu numru ta’ binjiet li twaqqfu fuq dan is-sit reliġjuż. Intant, kull min iżur il-Mużew Wignacourt u jiġi akkumpanjat mill-Kuraturi, inkella jagħżel li jdur mal-post permezz ta’ audio-guide, għandu l-opportunità li jesperjenza dawn it-tibdiliet li fosthom jinkludu l-grotta ta’ San Pawl, labirint sħiħ ta’ ipoġew taż-Żminijiet Feniċi, Rumani u Kristjani, grupp ta’ xelters imħaffra f’qiegħan l-art matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u mużew mogħni b’kollezzjonijiet differenti u interessanti.

    Inżilt flimkien ma’ Michelle lejn il-grotta ta’ San Pawl u hemm qattgħajna ftit ħin fis-silenzju, nosservaw is-sempliċità tagħha, kif jixraq. M’hemm l-ebda dokument li jikkonferma li kienet proprju din il-grotta li kien fiha San Pawl meta kien f’pajjiżna. Imma min-naħa l-oħra, illum għandna biżżejjed tagħrif biex nagħrfu fejn kienet il-belt Melite u sa fejn kienu jaslu l-konfini tagħha. B’hekk nistgħu nikkalkulaw fejn kienu l-ħabsijiet ta’ dak il-perjodu, li ġeneralment kienu jinsabu eżatt barra l-belt. U minn xi sinjali fis-soqfa tal-grotta nnifisha, hemm indikazzjoni qawwija li din setgħet kienet tintuża bħala ħabs. Huwa fatt kurjuż illi l-kult ta’ San Pawl ma ħax mill-ewwel fost il-Maltin, kemm minħabba li dawn kellhom l-allat tagħhom u probabbilment anki minħabba t-theddida tal-preżenza tar-Rumani li kienu qed jippersegwitaw lill-Kristjani.

    Infatti jidher illi kien il-patri eremita Spanjol, Juan Benegas de Cordoba, li kabbar din id-devozzjoni meta fis-17 il-seklu, huwa żar din il-grotta u din tant laqtitu li ddeċieda li jiddedika ħajtu biex jippromwovi din id-devozzjoni lejn San Pawl fil-gżejjer tagħna. Il-ħsieb tiegħu rnexxa, hekk kif dan beda jattratta lejn pajjiżna ammont kbir ta’ pellegrini sabiex iżuru dan il-post. Dan il-fatt ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Gran Mastru Fra Alof de Wignacourt li ma damx wisq ma għaraf il-potenzjal ta’ sit bħal dan u xtaqu li jsir tal-Ordni peress li din ma kellha l-ebda proprjetà li kienet abbinata ma’ dan il-qaddis, filwaqt li d-Djoċesi ta’ Malta kellha aktar minn post wieħed. Wara diversi diskussjonijiet, fosthom mal-Papa Pawlu V, ġie deċiż li l-grotta ta’ San Pawl kellha tgħaddi f’idejn il-kustodja ta’ l-Ordni u tinfired minn mal-parroċċa ddedikata lill-istess qaddis li kienet inbniet fis-16 il-seklu, sabiex din tibqa’ tal-Isqof u tal-poplu. Min-naħa tiegħu l-Gran Mastru kien obbligat li jipproteġi l-grotta u li jagħmilha disponibbli għall-pellegrini. B’hekk huwa ordna l-kostruzzjoni ta’ palazz maħsub għall-Kappillani ta’ l-Ordni li kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ din il-grotta lejl u nhar. M’hemmx għalfejn ngħidu, dan kien ukoll mezz li bih setgħu jintlaqgħu wkoll l-aqwa nobbiltà ta’ dak iż-żmien f’pajjiżna fejn apparti li dawn kienu jkunu miġbuda mill-ispiritwalità tal-post, dawn kienu jiġu attratti wkoll mill-prestiġju tal-Ordni u probabbilment kienu jħallu xi kemxa ġmielha warajhom. Fil-fatt fuq il-grotta, l-Ordni bniet ukoll knisja ċkejkna ddedikata lil San Publiju fejn illum il-viżitaturi jistgħu jaraw dak li ħallewlna l-kavallieri f’dan il-post, fosthom kwadru titulari li juri xbieha tal-Madonna bil-Bambin li qed iżomm f’idejh is-salib ta’ l-Ordni, liema xogħol huwa tal-artist Mattia Preti.

    Il-mawra fil-Mużew ta’ Wignacourt issa niżlitna ‘l isfel, lejn il-katakombi msawwra fil-blat tal-madwar. Ikolli ngħid li kont impressjonata ferm bl-istat tajjeb ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Ta’ min isemmi illi dan il-mużew għamel madwar sena u nofs magħluq sabiex isirlu r-restawr u l-konservazzjoni li kellu bżonn, wara li kien ilu miftuħ mill-1981, u kien f’Diċembru tal-2013 li reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Il-katakombi jkopru perjodi differenti fl-istorja u jitfgħu dawl sinifikanti fuq ir-ritwali ta’ dak iż-żmien. Kif bosta minnha jafu, dawn l-inħawi tar-Rabat huma miżgħuda b’dawn il-katakombi li llum jinsabu mifruxa taħt id-djar tal-madwar u minn żmien għall-ieħor nisimgħu b’xi skoperta ta’ xi parti oħra tagħhom. Infatti, ġara l-istess hawn ukoll fejn f’dawn l-aħħar snin, waqt xi xogħolijiet li kienu qed isiru, inkixfet parti oħra żgħira ta’ katakombi li fiha nstabet agape table li madwarha n-nies kienu jiċċelebraw il-vjaġġ tal-mejjet lejn dinja aħjar permezz ta’ ikla bejniethom. Sfortunatament, il-katakombi kollha li jinsabu ġo dan il-post ġew imbattla milli kien fihom u minflok intlew bit-terrapien waqt it-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tissaħħaħ l-art ħalli taħtha jitħaffru aktar xelters. Min jaf x’qatt instab u x’qatt ittieħed minn dawn il-katakombi matul is-snin! Imma f’qabar minnhom, ġewwa din il-parti ċkejkna tal-katakombi li nstabet dan l-aħħar, wieħed għadu jista’ jara xi għadam uman li b’xi mod irnexxielu jiskappa d-destin li għaddew minnu l-oqbra l-oħra.

    Taraġ ieħor aktar ‘l isfel li donnu jieħdok fil-qalba tal-art, iwassal għax-xelters li kellhom jitħaffru malajr sabiex joffru protezzjoni lin-nies tal-inħawi waqt l-attakki kiefra tal-gwerra. Mill-ġdid, dawn ix-xelters miżmuma f’kundizzjoni mill-iprem, jitfgħu dawl differenti lil realtà oħra li għex il-poplu tagħna f’passat aktar riċenti. F’dawn ix-xelters, wieħed isib ħamsin kamra b’kollox u meta wieħed jgħodd kemm kienu jesgħu nies anki l-kurituri ta’ bejniethom, ġie kkalkulat li setgħu jilqgħu fihom madwar 350 persuna. Fatt interessanti huwa li wħud minn dawn il-kmamar ġew imżejjna, kemm billi nżebgħu l-ħitan tagħhom, u anki permezz ta’ madum sabiħ kollu diżinji kkuluriti. Jagħtik li taħseb li anki f’dan iż-żmien imwiegħer u f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija u ta’ biża’, kien hemm min ittanta jsebbaħ anki din it-toqba fil-blat, forsi biex jinsa l-kruha. Madanakollu, fir-rigward ta’ kamra minnhom partikolarment aktar imdaqqsa u rranġata, kien hemm xi anzjani Rabtin li taw indikazzjoni li din kienet qed tiġi użata biex in-nisa tqal setgħu jwelldu t-trabi tagħhom fiha jekk jinqabdu waqt xi attakk mill-ajru. Ikun tassew interessanti li kieku nsibu lil xi ħadd li għadu jiftakar dan iż-żmien u jittieħed rikordju bil-miktub u idealment viżwali tal-memorji tiegħu.

    Finalment kien imiss li nerġgħu nitilgħu ‘l fuq u hekk kif ħriġna fil-modernità tal-mużew, għal ftit mumenti ħassejt l-impressjoni li kont għadni kif tlajt minn dinja oħra. Anki dan il-mużew huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fin-naħa t’isfel wieħed jista’ japprezza l-arkitettura sabiħa tal-post u jifli xi kollezzjonijiet, fosthom 49 mudell ta’ kappella maħdumin minn George Pellegrini Petit; oġġetti antiki li kienu jintużaw fil-funerali, bħal katallett tal-epoka barokka; tagħmir tal-knisja inkluż ċuqlajta kbira li kienet tintuża fil-ġimgħa l-kbira, u għadd ta’ buzzetti artistiċi tal-iskultur magħruf Anton Agius li ġew mgħoddija minn martu bħala donazzjoni lil dan il-mużew. Oġġett mhux tas-soltu miżmum hawnhekk hija l-karozza Austin Six Limousine tal-1937, li dari kienet tintuża mill-Arċisqof Dom Maurus Caruana u mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi.

    Fis-sular ta’ fuq, il-viżitaturi jistgħu josservaw il-lussu tal-palazz li dari kien tal-Kappillani tal-Ordni u li llum huwa mibdul fi swali ta’ esebizzjonijiet varji. Parti kbira mill-esebizzjonijiet tinkludi bosta xogħolijiet tal-arti ta’ wħud mill-aqwa artisti bħal Vincenzo Hyzler, Francesco Zahra, Giuseppe Calì, Antoine Favray u Mattia Preti. L-iktar pittura antika fil-kollezzjoni ta’ dan il-mużew huwa kwadru poliptiku tal-1588 li llum hu ffurmat minn ħames partijiet fejn fihom wieħed isegwi l-ħajja ta’ San Pawl. Xogħol ieħor interessanti juri xbieha tad-Duluri li ġiet impinġija fuq injama ta’ daqs żgħir minn Mattia Preti. Minħabba li din ix-xbieha nħadmet b’lewn wieħed kjar oskur u peress li m’għandix is-soliti movimenti bħall-pitturi oħra, hemm min jaħseb li l-artist seta’ ħadem din il-pittura għalih biex iġorrha miegħu bħala speċi ta’ santa. Esebizzjonijiet oħra jinkludu relikwi, fosthom anki kopja tal-liżar ta’ Turin li ġiet awtentikata fl-1663, kwadri tal-ex-voto, paramenti ta’ Papa Pawlu V, mapep antiki u numru ta’ artifatti arkeoloġiċi li jingħad li nstabu fl-inħawi tal-Baħrija u tar-Rabat. Esebit ieħor interessanti huwa artal portabbli li kien jintuża fuq ix-xwieni; oġġett rari li probabbilment bħalu wieħed isib biss f’xi kollezzjoni privata. Wieħed jista’ jżur ukoll il-kamra tal-Kapitli mgħonija b’għadd ta’ kwadri ta’ Gran Mastri differenti, fosthom dak ta’ Wignacourt. Imbagħad hemm ukoll il-kappella li kienu jużaw il-kavallieri u sepulkru li kien jintrama f’Ħamis ix-Xirka. Kamra oħra li laqtitni kienet dik tat-teżorier li fuq is-sodda tiegħu, fl-għoli fuq ir-raff, imma dejjem taħt għajnejh, kien iżomm il-kaxxa tal-flus ħalli jipprova jevita milli xi ħadd jisraqhielu.

    Huwa importanti li wieħed ikun jaf li parti kbira minn dawn il-kollezzjonijiet li wieħed jista’ jara f’din is-sezzjoni tal-mużew, għaddiet hawnhekk bħala donazzjoni fl-1960, permezz ta’ wirt li ħalla n-Nutar Francesco Catania, li kien magħruf ħafna r-Rabat. Il-kollezzjonijiet li ġew minn għandu kienu jinkludu kwadri, għamara, diżinji, kotba, mapep, u artifatti arkeoloġiċi imprezzabbli. Dun Ġwann Azzopardi spjegali kif hu kellu x-xorti li jiltaqa’ man-Nutar Catania li spiss kien jinkoraġġih biex jinteressa ruħu fl-istorja sħiħa ta’ dan il-kumpless Pawlin. Mur għid lin-nutar li fl-1981, kellu jkun proprju Dun Ġwann li kellu jkun l-ewwel Kuratur ta’ dan il-mużew. Aktar minn hekk, min jaf qattx basar li l-istess qassis kien ser ikun l-editur tal-ktieb ‘Notary Francesco Catania (1872-1960) and his collections at the Wignacourt Museum’ li ser joħroġ għall-bejgħ mill-ġimgħa d-dieħla. Dan il-ktieb li fih 440 illustrazzjoni, jinkludi wkoll għadd ta’ materjal informattiv dwar il-Mużew Wignacourt u dwar in-Nutar Catania u l-kollezzjonijiet tiegħu. Fosthom wieħed isib numru ta’ studji u ta’ katalogi li jagħtu tagħrif siewi dwar dawn il-kollezzjonijiet: bħal ngħidu aħna katalogu tal-kwadri li ġie ppreparat minn Antonio Espinosa Rodriguez li kien Kuratur tal-Mużew Marittimu ta’ Malta u aktar tard tal-Mużew tal-Arti; katalogu tal-artifatti arkeoloġiċi tal-Perjodi Feniċi, Puniċi u Rumani li ġie mfassal mis-Superintendent tal-Wirt Kulturali, Anthony Pace; studju tad-diżinji li sar mill-Kuratriċi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Bernadine Scicluna, u studju ta’ mappa ta’ Malta tal-1833 li twettaq mill-avukat u espert fil-qasam tal-mapep, Dr Albert Ganado.

    Bla dubju, il-Mużew Wignacourt joffri esperjenza distinta lil kull min iżuru, hekk kif dan il-post u l-kollezzjonijiet tiegħu, kapaċi jolqtu għadd ta’ interessi differenti. Peress li wieħed jeħtieġ iqatta’ siegħa jew tnejn jekk irid jara sewwa dan il-post, kafetterija li tinsab f’dan il-mużew, tkompli ssaħħaħ il-professjonalità ta’ dan is-sit li għandu jkun xempju għas-siti kulturali kollha tagħna.

    Il-Mużew Wignacourt jinsab fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat. Għal aktar informazzjoni, tistgħu ċċemplu fuq 27494905.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (17 il-parti) tat-Torċa tat-23 ta’ Frar 2014)

    2014.02.23 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • SERENDIPITY

    me with the archaeologistsDil-ġimgħa tgħallimt kelma ġdida bl-Ingliż – serendipity. Kelma pjuttost twila u b’sinifikat daqstant ieħor profond. Infatti talludi għall-kapaċità li tiskopri affarijiet ta’ valur b’mod aċċidentali, meta lanqas biss tkun qed tfittixhom. Iżda t-tifsira ta’ dil-kelma tkompli tinsinwa illi skoperti bħal dawn iseħħu meta l-bniedem in kwistjoni jkollu t-tendenza naturali li jgħarrex jew ifittex proprju għal dawk l-aspetti jew oġġetti. Ftakart f’dil-kelma mill-ġdid hekk kif ġbart in-noti tal-intervista ta’ dil-ġimgħa u ntbaħt kemm il-darba dal-kunċett ħareġ fid-diskussjoni tagħna…

    L-ewwel allużjoni bdiet hekk kif kont nieżla t-taraġ tal-Ipoġew li jinsab f’Raħal Ġdid. Kont ilni snin twal nixxennaq biex nara dal-post tant magħruf iżda jkolli nistqarr li meta sirt naf li ridt nibbukkja minn xi tliet xhur qabel, bħal qtajt ftit qalbi. Iżda ġara li bħalissa qed isir il-Festival Mediterranea 2010 li fost l-attivitajiet tant interessanti tiegħu kien hemm żjara fl-Ipoġew bi gwida li ma kien ħadd ħlief l-arkeoloġista tant imsemmi Dr David H Trump! Ma stajtx nitlifha okkażjoni bħal din – għall-ebda raġuni.

    “Żjara fl-Ipoġew hija mod tassew oriġinali kif niċċelebraw dawn il-Jiem tal-Mejtin,” beda d-diskors Dr Trump. Kos tassew! Lanqas kont intbaħt għall-ewwel bil-konnessjoni. Hekk jew hekk moħħi kien mitluf jixrob dak kollu li kont qed nara madwari. Xi ġmiel ta’ post! Xi storja sabiħa għandu pajjiżi! Imma min setgħu kienu dawk in-nies li ħaffru u żejjnu dawn l-inħawi? U għaliex għażlu dil-forma ta’ arkitettura u arti biex jidfnu fihom lill-għeżież tagħhom?

    F’mument minnhom Dr Trump għaddiena minn quddiem fetħa li kienet tagħti fuq waħda mill-ifjen partijiet tal-Ipoġew. “Ittawwlu ġewwa u immaġinaw x’seta’ ġie f’moħħ dawk li aċċidentalment kienu qed iħaffru f’dawn l-inħawi u sabu ruħhom f’dan il-post,” issuġġerilna l-arkeoloġist. Hekk għamilna u hekk kif miss lili ma stajtx ma nimpressjonax ruħi. Ħassejt emozzjoni stramba, bħal ċertu żvolġiment ta’ għerf antik u b’ċarezza fhimt x’setgħu ħassew dawk l-ewwel Maltin li skoprew dal-lok filwaqt li b’xi mod qabbilt l-istess esperjenza ma’ dik ta’ Howard Carter hu u jixgħel is-sulfarina u mid-dlam tfeġġ quddiemu l-ewwel immaġni tal-qabar tal-farawni Eġizzjan, Tutankhemun.

    Dan hu l-ġmiel u s-seħer tal-arkeoloġija. Fuq kollox meta tagħraf li bini meraviljuż bħal dan jinsab f’pajjiżek, trid jew ma tridx tħossok kburi li int Malti. Fl-istess waqt tant apprezzajt nisma’ t-tifħir u nara l-imħabba li Dr Trump għandu lejn l-arkeoloġija ta’ pajjiżna li ma flaħtx ma nisraqlux erba’ kelmiet sabiex inkun nista’ nwassalhom lilkhom.

    Dr David H Trump huwa popolari sewwa f’pajjiżna, probabbilment l-aktar minħabba x-xogħol siewi li huwa għamel fis-sit arkeoloġiku ta’ Skorba. Kiteb ukoll numru ta’ kotba Cart-Ruts and Their Impact on the Maltese Landscapedwar l-arkeoloġija ta’ pajjiżna fostom Malta: Prehistory and Temples u Cart-Ruts and Their Impact on the Maltese Landscape. Kont kurjuża biex insir naf x’kien li ħajjru għall-arkeoloġija?

    “Kelli sbatax il-sena u kienu jinteressawni diversi suġġetti, fostom l-arkeoloġija. Imma mbagħad seħħew żewġ affarijiet li kaġun tagħhom sibt ruħi nistudja biex insir arkeoloġist.

    L-ewwel esperjenza kienet  f’Essex, l-Ingilterra fejn kont noqgħod jien. Hemmhekk kien hemm soċjetà ta’ xi dilettanti li kienu qed jiskavaw il-fdalijiet ta’ sit Ruman. Jien u missieri ngħaqadna magħhom biex ngħinu fit-tħaffir u mill-ewwel ħassejt dik iċ-ċertu ġibda għal dax-xogħol.

    Imma aktarx, l-aktar fattur importanti kien meta William A Foyle li kien kollezzjonista tal-kotba, ġentilment offrieli li noqgħod nara l-kollezzjoni privata tiegħu. Kienet opportunità inkredibbli fejn kelli ċ-ċans naqra kotba ta’ valur kbir. L-aktar xkaffa li laqtitni kienet dik ta’ sensiela ta’ kotba ta’ Sir Arthur Evans li kienu jitrattaw il-palazz ta’ Minos fi Knossos, il-Greċja. Bdejt naqra ktieb ktieb u meta wasalt fl-aħħar wieħed, kont diġà sirt arkeoloġista.”

    Allura kif eventwalment sab ruħu jaħdem f’Malta?

    “Meta kont student, fl-Università kienu jħajjruna ħafna biex nipparteċipaw kemm nistgħu f’diversi skavi, possibilment madwar id-dinja. Għall-ewwel mort l-Irlanda u Denmark imma minħabba l-kotba ta’ Evans kont nixtieq ħafna nara x’kellha x’toffri l-arkeoloġija tal-Mediterran. Għaldaqstant meta sirt naf li ħabib tiegħi kien qed jorganizza xi skavi f’Malta ħtaft iċ-ċans li ningħaqad miegħu. Prinċiparjament t-tħaffir li għamilna kien fil-Ġgantija. Kumbinazzjoni ftit tal-ġranet ilu ġiet f’idi l-ittra li kont bgħatt lil ommi mir-Rabat, Għawdex fl-Għid tal-1954 fejn irrakkuntajtilha kif kont issaħħart wara l-ġmiel ta’ Malta u Għawdex. Imħabba li baqgħet f’qalbi sa llum tant li ma nixba qatt inżur dawn il-gżejjer.”

    Bejn l-1958 u l-1963 Dr Trump reġa’ sab ruħu f’pajjiżna, did-darba fir-rwol ta’ Kuratur tal-Arkeoloġija fil-Mużew Nazzjonali ta’ Malta.

    “Il-Kaptan Charles George Zammit  kien għadu kif laħaq Direttur tad-Dipartiment tal-Mużewijiet Nazzjonali u allura kien marbut b’ħafna xogħol amministrattiv. Konsegwentement ma setax jieħu ħsieb il-materjal arkeoloġiku Malti u għalhekk kellu jfittex arkeologu għal dak ix-xogħol. Dak iż-żmien ma kienx hawn Maltin li kellhom il-kwalifiki neċessarji biex japplikaw u b’hekk dħalt jien fix-xena.

    Kelli ħafna dmirijiet bħala Kuratur fostom waħda minnhom li kienet tgħid li f’dawk il-ħames snin, kelli nħarreġ professjonist Malti biex jieħu l-pożizzjoni tiegħi meta jagħlaq il-kuntratt u dan kien Francis Mallia.

    Sadanittant għamilt ħafna xogħol fir-rigward tal-esebizzjonijiet u fl-imħażen tal-Mużew. Kont responsabbli wkoll mill-fdalijiet arkeoloġiċi li kienu qed jinstabu waqt xi xogħolijiet ta’ tħaffir għall-bini tad-djar jew toroq. Infatti mort diversi drabi fuq dawn il-postijiet sabiex nieħu d-dettalji tagħhom u tal-fdalijiet li nsib u kont anki niġbed xi ritratti sabiex dawn ikunu jistgħu jinżammu fir-reġistri tal-Mużew.”

    Kien anki f’dan iż-żmien li Dr Trump għamel is-sejba tat-tempji ta’ Skorba li llum jiffurmaw parti mill-lista tal-UNESCO World Heritage Sites.

    “Bħala Kuratur, għalkemm ma kienx jifforma parti minn xogħoli, ġietni l-idea li nwettqu xi skavi. Konna diġà għamilna xi skavi fit-Torri Ta’ Ġawhar f’Ħal-Safi imma f’Malta kien ilu ma jinstab xi tempju mis-sena 1927; meta Sir Temi Zammit kien ħadem fuq Ta’ Ħaġrat.

    Issa li t-teknika tal-arkeoloġija kienet tjiebet ħafna u kien anki qed jiġi żviluppat il-metodu tar-radiocarbon dating dehrilna li kellna mmiddu jdejna għal xi biċċa xogħol.

    Għal żmien twil kien magħruf illi fl-inħawi ta’ Skorba kien hemm ġebla kbira wieqfa. Fl-1938 il-Kaptan Charles George Zammit, li dak iż-żmien kien Kuratur, mar iżur is-sit u nnota diversi bċejjeċ tal-fuħħar It-tempji ta' Skorbafil-wiċċ tal-art. Ma riedx wisq aktar evidenza biex jobsor li hemmhekk seta’ kien hemm xi ħaġa ta’ valur. Għaldaqstant huwa ħaffer gandott viċin il-ġebla l-kbira u mmedjatament sab ġebla kwadra b’wiċċ minnhom iddekorat b’diversi ħofor żgħar. Naturalment dak kien sinjal ċarissimu li hemmhekk kien hemm tempju! Iżda sfortunatament ftit taż-żmien wara nqalgħet il-gwerra u ma sar xejn aktar fuq dan is-sit.

    Dan kien sit li kien qed jitlob bil-ħniena biex jiġi skavat u b’hekk l-għażla tiegħi waqgħet fuqu. Almenu xtaqt nikkonferma jekk dan kienx tempju jew le. Ħsibna li r-risposta kienet ser tasal f’madwar tlett ġimgħat xogħol u mbagħad wara konna ser immorru kollha ferħana lura d-dar. Imma ġara li sena wara sena, bqajna niskavaw għax baqgħu jfeġġu iżjed fdalijiet sakemm finalment b’sorpriża kbira kkonfermajna li mhux talli kellna tempju wieħed  imma kellna tnejn!

    Iżda l-aħbarijiet tajbin ma waqfux, b’waħda mill-aqwa tkun meta morna nħaffru gandott fuq in-naħa ta’ wara tas-sit u hemm jitfaċċaw għaxar metri ta’ ħamrija mhux disturbata u mogħnija bi fdalijiet preistoriċi ta’ żminijiet differenti fejn finalment irnexxielna nsibu l-iktar fdalijiet antiki lokali li jmorru lura għas-sena 5000Q.K.

    Sejba oħra importanti saret meta morna nħaffru f’għalqa oħra fl-inħawi u hemm skoprejna żewġ lwogi li mill-ammont ta’ statwetti li sibna fihom, jindikaw li kienu post ta’ adorazzjoni lil xi allat. Issa din Statwetta li nstabet fi Skorbakienet evidenza ta’ valur kbir għax permezz tagħha stajna nifhmu li quddiemna kellna l-prototipi tat-tempji megalitiċi li nbnew aktar tard. Dan kien ifisser li l-ideat għall-kostruzzjoni ta’ dawn it-tempji kienu ġew min-nies tal-lokal u ma kienux ikkuppjati minn postijiet oħra. U allura dak il-post kien qed jurina l-bidu ta’ din l-istorja.

    Investejt ħidma kbira fi Skorba imma dan ma jagħmilx minni xi arkeoloġist brillanti! M’għandi l-ebda problema biex nammetti li fir-realtà kont arkeoloġist kompetenti li l-fortuna daħkitli ħafna. Nemmen li kont sempliċiment fil-post ġust u fil-mument opportun.”

    B’kumbinazzjoni nsir naf ukoll li fi Skorba Dr Trump ma għamilx biss din l-iskoperta’ għax hemmhekk huwa sab ukoll lil dik li finalment saret martu! Però did-darba l-Dr David H Trump & Bridget Trumparkeoloġist iddeċieda li jħalli lil martu Bridget li hija arkeoloġista wkoll biex tgħidli l-istorja…

    “Iltqajna l-ewwel darba fil-gżejjer ta’ Lipari fi Sqallija meta jiena kont għadni studenta. Flimkien ma’ sħabi konna morna hemm biex nistudjaw l-iskavi tal-post u hemm kien hemm ukoll David flimkien ma’ Francis Mallia. Imma dak iż-żmien, s’hemm waqfet l-istorja.

    Imbagħad meta gradwajt xtaqt nipparteċipa f’xi skavi u għalhekk bgħatt diversi ittri lil ħafna arkeologi sabiex nara fejn stajt immur. David irrispondini mal-ewwel u għalhekk ġejt hawn. Minn hemmhekk l-affarijiet għaġġlu ħafna.”

    Issa Dr Trump ma felaħx jirreżisti milli jkomplili r-rakkont hu…

    “Ġiet taħdem miegħi bħala voluntiera fuq is-sit ta’ Skorba. Bdejna l-ewwel kampanja bħala Dr Trump u Ms Wilson u ħmistax il-xahar warażżewwiġna. L-aħħar kampanja spiċċajniha bħala Dr Trump u Mrs Trump u b’Roger żgħir rieqed fil-benniena taħt id-dell ta’ wieħed mill-megaliti.”

    It-tnejn qablu li ż-żwieġ bejn żewġ arkeologi huwa ideali.

    “Peress li dax-xogħol jitlob ħafna sagrifiċċji u jeħodlok ħafna mill-interess tiegħek u minn ħinek, ikun diffiċli mmens għall-arkeoloġist biex jaħdem sewwa jekk is-sieħba tiegħu ma tkunx tista’ taqsam dan miegħu.

    Fil-każ tiegħi marti kienet tiġi taħdem miegħi fuq is-siti u kull fil-għaxija konna noqogħdu nitkellmu fuq is-sitwazzjonijiet u l-problemi li nkunu ltqajna magħhom matul il-ġurnata. Bridget kienet taqra wkoll ir-rapporti tiegħi u tagħtini s-suġġerimenti tagħha. Niggarantilek li mara arkeologa hija ideali meta tkun taħdem f’dal-qasam.”

    Bridget ikkonfermat…

    “Veru! Hi sitwazzjoni li tagħtik ħafna sodisfazzjon. Qatt ma stajt nimmaġina lili nnifsi nwettaq xi skavi waħdi u għalkemm ħdimt bosta drabi ma’ xi arkeologi oħrajn. Però jiena u David niffurmaw tim tajjeb wisq!”

    U t-tfal tagħhom? Hemm xi ħadd li qabad dil-linja?

    “Ħadd minnhom u naħseb li jiena għandi parti mir-responsabbiltà għala ġara dan,” qalli Dr Trump bi tbissima mqarrba. “Peress li jiena xogħoli kien jinkludi li nieħu n-nies għal diversi mawriet mas-siti arkeoloġiċi, meta żżewwiġna u kellna t-tfal, spiss kellna neħduhom magħna għax ma kellnix għażla oħra. Niftakarhom ċari jgħiduli “Le! Tgħidilnix li ser immorru nżuru xi mużew ieħor!”

    Films bħal Indiana Jones tawna impressjoni partikolari dwar x’inhu arkeologu. Imma kemm minn dan huwa verità?

    “Għall-kuntrarju ta’ kif jaħsbu ħafna, aħna ma nkunux qed infittxu t-teżori imma l-informazzjoni. Għalkemm ngħiduha kif inhi, jekk insibu xi teżor, mhux ser narmuh tafx?

    Mela ħa ngħidlek x’ġara darba… Konna qed inħaffru fit-torri Ta’ Ġawhra f’Ħal Safi meta f’ħin minnhom insib misluta tad-deheb fl-irmied li kont qed infittex fih. Dik kienet l-unika darba li sibt id-deheb f’idi u nassigurak li ma warrabtux. Ftit qabel fuq it-tarġa tal-bieb sibna żewġ bramel żgħar tal-bronż maqluba fuq naħa waħda u mgħattna għax waqa’ fuqhom is-saqaf.

    Minn dawn is-sejbiet stajt nipprova nibni storja ta’ x’seta’ seħħ dakinhar: mela, ingħata l-allarm li l-bini kien qed jaqbad. Il-mara li kien hemm fid-dar ħatfet malajr il-kaxxa tal-ġojjelli u ġriet biha l-barra. Dr David H TrumpImma fil-bieb waqgħet fil-bramel, il-kaxxa nfetħet beraħ u l-ġojjelli waqgħu fl-art. Il-mara ppruvat tiġborhom kollha imma fin-nugrufun u l-ħruq, f’ċertu punt beżgħet għal ħajjitha u telqet il-misluta hemm. Ftit mumenti wara waqa’ s-saqaf u għaffeġ il-bramel taħtu.”

    Akkost li għalaq id-79 sena, il-passjoni ta’ David lejn l-arkeoloġija għadha ħajja mmens. Huwa saħaq li sakemm jibqa’ b’saħħtu ma kienx beħsiebu jieqaf jaħdem f’dal-qasam.

    “Tant hemm affarijiet x’tiskopri li das-suġġett ma jispiċċa qatt. Infatti kif issolvi mistoqsija, jinqalgħu tlieta oħra u jkollok terġa’ tirrifletti mill-ġdid fuq il-konklużjonijiet li kellek qabel. Imma dak hu l-ġmiel tas-suġġett għax jekk ikollok risposta għal kollox u jispiċċa dak is-sens ta’ misteru, indubbjament l-interess jintilef.”

    Staqsejtu fl-opinjoni tiegħu x’potenzjal jaħseb li għandu pajjiżna fil-qasam arkeoloġiku u kemm jidhirlu li qed ingawdu minnu?

    Hawn Malta intom għandkom l-eqdem tempji fid-dinja magħmula minn ġebel wieqaf waħdu. Għandkhom siti li ġġib għajnejk wara widnejk għall-uniċità u l-ġmiel tagħhom. Fil-fatt fl-opinjoni tiegħi Malta għandha tkun kontinwament mifqugħa bl-ammont kbir ta’ turisti li jżuruha, jekk xejn minħabba dawn is-siti. Iżda mhux il-każ! Għala?”

    Hawnhekk David urieni xi supplimenti minn gazzetti barranin li kienu qed jirriklamaw lil Malta bħala post ta’ btala. F’daqqa t-ton tiegħu nbidel u saħansitra beda jitmasħan.

    “Temmini jekk ngħidlek li f’dawn il-paġni kollha mimlija b’materjal ta’ riklamar għal Malta, ma ssibx tagħrif dwar is-siti arkeoloġiċi tagħkom, jew jekk issib, jingħad kollox f’sentenza waħda biss? Dawn huma teżori nazzjonali! Għala ma tiftaħrux bihom?

    Minn stħarriġ li sar fl-2009 fl-Ingilterra nstab illi r-raġuni prinċipali li tiġbed għadd ta’ turisti lejn il-pajjiż kienu l-mużewijiet, il-galleriji tal-arti u s-siti storiċi. Infatti f’dik is-sena 6.4 miljun turist żaru monumenti u bini reliġjużi fl-Ingilterra, 5.8 miljun żaru l-kastelli u 5 miljuni oħra żaru djar storiċi.  Kemm minn dawn setgħu ġew f’pajjiżkhom ukoll?

    Inħoss li dawk li huma responsabbli mir-riklamar relatat mat-turiżmu f’dan il-pajjiż jonqsu ħafna meta jħallu barra informazzjoni bħal din. Dawn huma kollha opportunitajiet mitlufin li jafu jqallgħu flejjes kbar lil pajjiżkhom. Huma wkoll okkażjonijiet misruqa lil dawk li jinteressaw ruħhom f’dal-qasam imma ma jafux x’hawn f’dawn il-gżejjer għax kieku jiġu sparati hawn.

    Il-wirt arkeoloġiku tagħkom huwa xi ħaġa li messkhom issemgħuh mal-erbat irjieħ tad-dinja. Għaliex mhux qed isir dan? L-arkeologi għamlu l-parti tagħhom: skavaw is-siti, ippreżentaw is-sejbiet Malta - Prehistory & Templestagħhom fil-mużewijiet u ppreparaw rapporti dettaljati fuq ix-xogħol li sar. Issa jmiss lill-Awtorità tat-Turiżmu biex tagħmel il-parti tagħha ħalli dan it-teżor nazzjonali Malti jsir magħruf ma’ kulħadd.

    Hemm ħafna x’jista’ jsir biex jinġibdu t-turisti lejn Malta. Il-fdalijiet tagħkom tant huma uniċi li tassew m’għandux ikun hemm l-iċken diffikultà biex tiġbdu l-barranin lejhom.

    Però barra minn hekk, hemm xi ħaġa oħra li nixtieq nara sseħħ f’dan il-pajjiż – li tressqu lil Maltin stess lejn dawn is-siti. Nemmen li għallinqas kull Malti għandu jżur almenu s-siti arkeoloġiċi maġġuri kollha u l-Mużewijiet Arkeoloġiċi ta’ Malta u Għawdex imqar darba f’ħajtu.

    Dan hu l-patrimonju tagħkom u intom tridu tkunu kburin bih prinċiparjament. Għax huwa dan li jagħmilkhom Maltin u huwa dan li jagħmilkhom tant kburin b’pajjiżkhom!”

    L-attivitajiet ta’ Festival Mediterranea 2010 ser ikomplu sas-Sibt 27 ta’ Novembru 2010. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq 21550985 jew 99883007.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 ta’ Novembru 2010)

    2010.11.07 / no responses / Category: Torca - Perspettivi