Posts Tagged ‘Joe Camilleri’

  • Dinja għaliha

    Il-kartolina li harget b'tifkira ta' Mary Meylak fil-100 sena minn twelida.jpgIl-lapida ta' kommemorazzjoni f'gheluq il-100 sena minn twelidha.jpgId-dar ta' Mary Meylak.JPG

    Mary Meylak.jpgJosmar James Vella.JPG

    Qrajt l-ewwel poeżija ta’ Mary Meylak meta kont studenta fl-iskola primarja. Ma domtx ma rbatt qalbi magħha meta skoprejt li kienet l-ewwel poetessa Maltija, u ta’ tifla li kont, ixxenaqt li meta nikber insir bħalha. Niftakar li kont akkwistajt il-ktieb tagħha Dawra Misterjuża (1947) u hemmhekk intbaħt li kellna l-istess ġibda lejn il-fantasija u li bħali, donnha kienet tgħix f’dinja għaliha.

    Meylak – l-inqas waħda li ġiet rikonoxxuta

    Għalkemm studjajt il-lingwa u l-letteratura Maltija għal diversi snin wara, fejn stħarriġt diversi awturi u poeti, ix-xogħolijiet ta’ din il-poetessa qatt ma reġgħu tfattxaw. B’hekk Meylak sfumat fix-xejn u f’moħħi baqa’ minnha biss is-sura ta’ memorja nostalġika.

    Kien għalhekk li dan l-aħħar iddeċidejt li nimla’ dan il-vojt li trabba’ bejnietna billi staqsejt dwarha, fittixt il-kotba tagħha u ddiskutejt xogħolijietha flimkien ma’ Josmar James Vella, Tarcisio Zarb, u l-Prof. Oliver Friggieri.

    Vella li huwa Għawdxi, gradwat B.A Malti (Unuri), għamel it-teżi tiegħu dwar Mary Meylak u permezz ta’ dan ix-xogħol, huwa xtaq jgħolli kemm jista’ jkun isem din il-poetessa li fil-fehma tiegħu, jistħoqqilha kull tifħir daqs kull poeta ieħor li kiteb ismu b’ittri tad-deheb fil-letteratura Maltija.

    “Matul iż-żmien, Għawdex irnexxielu jrawwem nies li fil-kamp tal-letteratura Maltija għamlu isem għalihom. Fost dawn insibu lil Ninu Cremona, Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani u Mary Meylak. Iżda minn dawn kollha, Meylak hi l-inqas waħda li ġiet rikonoxxuta. Infatti, meta bdejt nagħmel ir-riċerka tiegħi dwarha, spiss iltqajt ma’ kitbiet u kritika dwar il-persunaġġi l-oħra imma ftit li xejn kien hemm min tratta lil din il-poetessa,” qalli Vella.

    Fil-fehma tiegħu hemm żewġ raġunijiet partikolari għala ġara dan. Wieħed minnhom kien il-fatt li bħala mara, Meylak azzardat tidħol f’dinja li kienet meqjusa ‘tal-irġiel’. Barra minn hekk, hija għażlet li taqbad rotta oriġinali u differenti għal kollox mill-linja tax-xogħol letterarju li kien moda dak iż-żmien u b’hekk jista’ jkun li ma ttieħdetx daqstant bis-serjetà.

    L-unika vuċi femminili

    “Mary Meylak kienet l-unika vuċi femminili fost il-poeti Romantiċi Maltin tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. F’perjodu meta l-poeti l-oħra kienu qed iħaddnu t-tema tal-kriżi eżistenzjali, li kienet qed issir il-moda ta’ dak iż-żmien, hi għażlet li tinqata’ għal kollox minn dan l-istil, mhux biss għaliex ma tagħti ebda ħjiel tal-ansjetà eżistenzjali u storika ta’ żmienha, iżda wkoll għaliex issib il-milja tal-espressjoni tagħha nnifisha fl-għoti ta’ sura fantastika lid-dinja ta’ madwarha,” kompla jispjegali Friggieri.

    Is-sempliċità fix-xogħolijiet ta’ Meylak

    Sadanittant, meta nxtħett naqra l-poeżiji ta’ Meylak, issa li jiena persuna adulta, deherli li kitbietha u t-temi li kienet titratta, kienu xi ftit sempliċi żżejjed. Għaldaqstant, tlabt lil dawn l-istudjużi biex ifehmuni aħjar dwar kif għandi ninterpreta lil din il-poetessa…

    “F’termini ġeneriċi, wieħed jista’ jgħid li l-poeżija ta’ Mary Meilak, hija poeżija sempliċi, li ftit li xejn tbiegħdet mill-poeżija, hekk imsejħa popolari, jiġifieri, il-poeżija tal-kwartina bir-rima mqabbża tal-għana Malti – poeżija li bħala regola tibni fuq il-vers tat-tmienja. Poeżija ta’ dan it-tip, għaldaqstant għandha mnejn tinħass li ma tagħmilx parti mill-poeżija tal-’literai’, imma pjuttost, għandha mill-poeżija ‘bidwija’, dik it-tip ta’ lehma poetika, li tagħmel parti mill-mod ta’ għajxien il-bniedem, li huwa midħla aktar tan-’narratoloġija tan-natura’ milli tan-narratoloġija li hija konxja tal-istess narratoloġija tagħha,” għarraffni Zarb.

    “Mary Meylak għandha l-valur tagħha fix-xejra ċentrali, kontinwa tagħha; is-sempliċita’ ta’ ruħ li ma hix kapaċi tagħraf problemi, u meta tagħrafhom tħollhom b’mod immaġinativ,” kompla Friggieri.

    It-temi prinċipali ta’ Meylak

    Fost it-temi prinċipali li Meylak tiġi assoċċjata magħhom hemm il-fantasija, in-natura u r-reliġjon.

    “Fil-poeżiji tagħha, Meylak spiss tinqeda bit-teknika tal-personifikazzjoni fejn b’mod l-aktar ħelu u sempliċi, hi tagħti l-kwalitajiet tal-bniedem lil dak kollu li mhux uman u b’hekk, il-ħlejjaq isiru mogħnija bis-sensi u l-emozzjonijiet. Dawn il-figuri tat-taħdit joħorġu b’mod naturali minn moħħ il-poetessa, ħafna drabi bi tbissima u b’ħajta umoristika. Mix-xejn toħroġ il-kbir, mis-sempliċi tiftaħ l-orizzonti tal-kreattività. F’dawn l-aspetti toħroġ il-fantasija impekkabbli tal-poetessa u ċertament il-poeżija tagħha ‘Dawra Misterjuża’ hija eżempju mill-iprem ta’ dan,” qalli Vella.

    “Xogħolijietha juru biċ-ċar ir-rispett ġenwin li hi kellha lejn in-natura u l-imħabba kbira lejn l-annimali li jiġu trattati bħala persuni, ugwali għall-bniedem fit-tbatija. Huma umanizzati proprju għaliex għandhom integrita’ morali li l-bniedem għandu ħafna x’jitgħallem minnha,” fissirli Friggieri. “Min-naħa l-oħra, meta Meylak tikteb dwar in-natura, wieħed jista’ jħoss ukoll element reliġjuż f’xogħolijietha hekk kif hi tnebbaħ illi rispett lejn Alla Ħallieq jesiġi bilfors rispett lejn il-ħlejjaq Tiegħu.”

    “Il-poetessa għandha l-kredu tagħha – kredu li jsostni dak li hija wirtet f’termini ambjentalistiċi u lingwistiċi, kif ukoll f’termini ta’ lehma u spiritwalità. Dan huwa dak it-tip ta’ kredu li sawwar il-’forma mentis’ tagħha. Il-perċezzjonijiet tagħha, u kif hija tiffiltrahom poetikament huma konsonanti mal-istess ambjentazzjoni li tgħix u tgħammar fiha,” kompla Zarb.

    “Bħal qisu, din hija dik it-tip ta’ poeżija, li trid tiċċelebra lill-ħajja mingħajr ambizzjonijiet tal-gżira Għawdxija. U dan tagħmlu bid-dehwa ta’ min inħakem minn xi tip ta’ eliżir, li huwa intimament marbut mal-mitoloġija siekta tal-ħajja ta’ kuljum. Hija dik it-tip ta’ mitopoeja li hija ssawret minnha u dawritha magħha biex tkompli ssaħħilha lill-istess għajxien intimu tagħha – għajxien mogħni b’serenità, armonija u bilanċ fl-istess esuberanza imaġistika tiegħu.”

    It-tema tal-gwerra – poeżiji inediti

    Waqt li kien qiegħed jagħmel ir-riċerka għat-teżi tiegħu, Vella sema’ li kien hemm diversi poeżiji inediti ta’ Meylak u fosthom kien hemm ammont li kienu jitrattaw it-tema tal-gwerra. Fost id-diversi kuntatti li għamel, huwa ltaqa’ ma’ Joe Camilleri, li kien għalliem tal-Malti u midħla sewwa ta’ Meylak u tan-neputi tagħha, il-Kanonku Joe Meylak, u dan tah indikazzjoni li probabbilment seta’ jsib xi ħaġa tagħha fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ San Ġorġ ir-Rabat Għawdex.

    “F’dan iċ-Ċentru tkellimt ma’ Francesco Pio Attard li għeni ħafna fit-tiftix tiegħi u saħansitra urini kaxxa tal-kartun li kienet miżgħuda bid-drammi, bil-kitbiet u bil-poeżiji ta’ Meylak, li wħud minnhom qatt ma ġew ippubblikati. Bqajt ngħarrex u nittama li nsib il-poeżiji relatati mal-gwerra sakemm finalment tfaċċaw quddiemi f’forma ta’ skritti u pitazzi suwed,” irrakkuntali Vella hekk kif beda jurini xi kopji tagħhom.

    Apprezzajt ferm hekk kif ilmaħt kitbietha u n-noti li hi ħalliet miktuba ħdejhom u nistqarr li f’dak il-mument ħelu, bħal ħassejtha qiegħda qribna, tarana niflu xogħolijietha u napprezzawhom. Fost it-titli tal-poeżiji kien hemm: ‘Il-Black-Out’, ‘Il-Black Market’, ‘l-Flus tar-Relief’ u diversi oħrajn.

    Il-poeżija ‘Waqt Air-Raid’ kienet waħda minnhom:

    Weee weee weee
    Reġgħu ġew ja uċuh bla żejt
    Ġejja x-xelter? Ħaffef isa!
    Jien tiela fuq il-bejt.

    Qabel xejn roddu salib
    Żomm sinjur idek felħana
    Fuq gżiritna u kemm il-bdoti,
    Lis-suldati u lin-nies tagħna.

    Oħra, bl-isem ta’ ‘Ma’ min iżżomm?” kienet turi s-sentimenti favorevoli li hija kellha lejn l-Ingilterra:

    Jekk l-għadu għad bid-deheb jibni ħitanek
    u jdawwrek bid-djamanti wara l-gwerra,
    ma’ min iżżomm?
    Tridx tgħidli Malta tiegħi?
    Mal-Ingilterra!

    Silta minn poeżija oħra bl-isem ‘Malta bil-George Cross’ tesprimi mill-ġdid is-simpatija tagħha lejn il-kolonizzaturi ta’ Malta, filwaqt li titkellem b’ġieħ ukoll lejn niesha u lejn pajjiżha:

    Kien waħdu sidru jħammar
    Ġod-dinja l-pitirross,
    Illum ħmar sider Malta
    Bid-dehen mistħoqq George Cross.

    Int qabar tal-għedewwa
    M’hemmx biża, m’hemmx irdoss,
    Int l-għaxqa tar-Re tiegħek
    Li xeddlek il-George Cross.

    Fost il-ġrajjiet ta’ żmien il-gwerra, irrakkuntati permezz tal-poeżiji ta’ Meylak, kien hemm ukoll il-poeżija ‘Il-Vitorja tal-1943′ li silta minnha kienet tgħid hekk:

    X’ħin ħriġna l-Bambina miżmuma fl-idejn,
    Ġiet xita ta’ grazzi mill-beraħ tax-xejn,
    O x’ferħ f’dil-Vitorja tat-tlieta u erbgħin!

    “Punt bijografiku li affettwa l-poetika tagħha u li s’issa ħadd qatt ma rabtu ma’ Meylak kien li hi għexet iż-żminijiet koroh tal-gwerra u fil-fatt dawn iż-żminijiet qanqluha biex tikteb poeżiji li juru l-kwadru tal-ħajja lokali f’dawn l-esperjenzi qarsa li għaddiet minnhom. Kif qed tara, l-ammont kbir ta’ poeżiji li hi ħalliet warajha, jistgħu jitqiesu bħal speċi ta’ djarju, li apparti li jirrakkonta dak li għaddiet minnhu hi, jiddeskrivi wkoll dak li għadda minnu l-poplu u l-pajjiż tagħna. Nixtieq ħafna li fil-futur qarib jirnexxieli nippubblika dawn il-poeżiji sinifikanti ta’ Meylak” qalli Vella.

    Intant, Vella jispera wkoll li jkollu l-opportunità li jkompli jfittex aktar kitbiet ta’ din il-poetessa li kellha ħabta tibgħat il-poeżiji oriġinali biex tipparteċipa f’xi kompetizzjoni jew biex jiġu ppubblikati f’xi ġurnal, u allura min jaf kemm aktar xogħolijiet tagħha għad fadal x’jinstabu.

    Min kienet Mary Meylak

    Ngħid għalija, ma tistax tistudja x-xogħolijiet ta’ persuna mingħajr ma tipprova tifhem ukoll xi ftit min kienet u x’personalità kellha. Madanakollu, kull min kellimni dwar Meylak qalli li hi kienet persuna riservata ħafna u kienet tkellem biss lil dawk li kienet taf sewwa.

    Twieldet fid-9 t’Awissu 1905 fir-Rabat, Għawdex u attendiet fl-Iskola Ċentrali t’Għawdex. Skont Vella, “L-imħabba għall-kitba bdiet minn meta kienet żgħira. Fl-iskola, sħabha tal-klassi kienu jagħtuha l-flus biex tagħmlilhom il-komponimenti. F’intervista li darba għamlu lil Meylak hija stqarret li kienet ommha li tatha l-ispirazzjoni biex tibda tikteb peress li kienet tuża ħafna figuri tad-diskors meta kienet tkun qed titkellem. Hija qalet ukoll li kollox kien jispiraha, mis-sħab tas-sema sal-ġebel tal-ħajt. Dan kien ikun biżżejjed biex iqanqal fiha ħsieb fertili li mħallat mas-sengħa ta’ kif kienet tħaddem il-kelma, kien jirriżulta f’kitbiet imlewna u msaħħra.”

    Kienet sensittiva ħafna

    “Meylak kienet tħobb tikteb fil-ġeneri letterarji kollha, imma kienet tħossha kburija li kellha l-ħila tikteb il-poeżija. Kienet sensittiva ħafna dwar din il-ħaġa. Infatti kienet tagħmel nervi kbar meta kienet tkun ikkritikata jew meta ma kinitx tissemma’ daqs kemm kienet tistenna li tkun imsemmija. Fil-bidu tas-seklu 20, l-ilsien Malti kien għadu qed iħabbat wiċċu ma’ bosta intoppi. Kien imkasbar u mlaqqam bħala ‘ilsien tal-kċina’ – l-ilsien tal-baxxi. Kotba bil-Malti ftit li xejn kont issib u li mara tikteb bil-Malti kienet ħaġa tassew kbira, aktar u aktar jekk titħajjar tikteb il-versi. Iżda minkejja dan l-ambjent ostili l-poetessa rnexxielha taqsam dak li tħoss mal-oħrajn u xxerred kitbietha.”

    “Fl-1930 kitbet l-ewwel poeżija tagħha ‘Faxx Nemel’ u ħadet sehem biha fil-Pronostku Malti ta’ dik is-sena taħt in-nom-de-plume ‘Qamar Ġdid’. B’dil-poeżija hi rnexxielha tieħu s-sitt post fil-konkors u wara dan is-suċċess, il-poetessa kompliet tikteb u bdiet tieħu l-fama tal-unika poetessa Maltija.”

    Kienet eċċentrika u introverta

    Komplejt nistaqsi lil Vella dwarha u hu kompla jgħidli:

    “Kienet bniedma eċċentrika u introverta li ma tkellem lil ħadd u li ħadd ma jkellimha. Tiżjin u ritratti mill-inqas biex kemm jista’ jkun ma tidhirx wisq. Imma għal dawk qrib tagħha Mary Meylak kienet għal kollox differenti. In-nies li kienu viċin tagħha, jafuha eżatt kif hi pinġiet lilha nnifisha fil-poeżija ‘Monument Mary Meylak’; jiġifieri mara b’qalb tad-deheb li ħsiebha kien biss biex tgħin lill-batut.”

    Kienet ġeneruża

    Sirt naf ukoll dawn ir-rakkont interessanti dwar il-ġenerożità ta’ Meylak:

    “Minħabba l-faqar u l-għaks ta’ wara l-gwerra, fejn f’Għawdex kien hemm problema bin-nuqqas ta’ djar, hija xtaqet li tagħmel xi ħaġa biex mill-ftit tagħha ttaffi t-tbatija. Għalhekk bniet żewġ blokki ta’ appartamenti fi Triq Pompei u fi Triq il-Kappillan Hili fir-Rabat Għawdex u kriethom lill-koppji b’kera baxxa.”

    “Darb’oħra waqt il-ħruġ tal-istatwa ta’ San Ġorġ min-niċċa, waqt li kienet fil-korsija flimkien man-nies l-oħra ċċapċap u tifraħ bħal tarbija, wasal il-qassis bil-kopp quddiemha, u hi fetħet iż-żipp tal-portmoni u tefgħetlu kollox. Kien biss wara li ndunat li tefgħet iċ-ċwievet tad-dar ukoll!”

    Il-lat romantiku tagħha

    Meylak għamlet sbatax-il sena taħdem fl-uffiċini tal-Gvern. Fl-1942 hi saret għalliema u kompliet f’din il-karriera għal għoxrin sena oħra sakemm irtirat. Baqgħet qatt ma żżewġet għalkemm hemm min jgħid li darba kienet tara raġel. Ta’ mara romantika li jien, ippruvajt nislet xi ħjiel mill-poeżiji tagħha u tassew, f’ċertu kitbiet minnhom bħal ‘Let us never meet again!’, ‘Goodbye’, ‘And are you sure?’ li qrajt fil-ktieb ‘Songs you will like’ (1971), jidher li Meylak xi darba kellha xi delużjoni ta’ mħabbha li għalkemm hi qatt ma tkellmet dwarha man-nies, xorta waħda rrakkuntatha bejn il-linji tal-kitbiet tagħha:

    Let us never meet again!

    No, I do not care how you adore her
    And love her very fondly all your days
    So long as I can’t see you loving her
    So close, day after day, before my face.

    I can’t live up to it remember this:
    The story is too sad, painful indeed,
    No one can free me from the spell of love,
    And cut the strings that tug my heart and bleed.

    So better leave me, and please try and obey,
    Oh let us never meet on earth again
    All my delusions have been spoiled and shattered
    My hopes were grains of sugar in the rain.

    Għalkemm Meylak għexet f’dinja għaliha, jekk wieħed jinteressa ruħu u jsegwi l-poeżiji u x-xogħolijiet l-oħra tagħha, almenu jkun jista’ jsegwi dak li l-poetessa riedet taqsam mal-pubbliku. U dan ma kienx ftit għax hi kienet pjuttost prolifika.

    Fil-poeżija l-aktar magħrufa tagħha ‘Dawra Misterjuża’ hi tikteb:

    Jien se ngħidilkhom ħaġa u se tistagħġbu,
    Emmnuni li mhix qlajja’
    Jekk jien ngħidilkhom illi b’moħħi nimxi
    Wisq aktar minn b’saqajja.

    U fejn immur?… Min jaf fejn immur b’moħħi!
    Fejn ngħid li ser jesgħani?
    X’inhuma l-ħames kontinenti f’daqqa?
    X’ċajt huma l-Oċijani?

    Is-sena 2015 – 40 sena anniversarju minn mewtha

    Mary Meylak mietet fl-1 ta’ Jannar 1975 fl-isptar t’Għawdex, fi Pjazza San Franġisk. Indifnet fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija li hemm fil-limiti Tal-Barmil fil-qabar tal-familja Meylak, numru 79. Fl-2005, f’għeluq il-100 sena minn twelidha, twaħħlet lapida fi Pjazza San Ġorġ, biswit id-dar li kienet toqgħod fiha ħajjitha kollha: numru 6 Triq San Ġużepp, ir-Rabat, Għawdex. Dakinhar, ħarġet ukoll edizzjoni limitata ta’ kartolini f’ġieħha u saru xi attivitajiet kulturali biex ifakkru lil din l-ewwel poetessa tal-gżejjer tagħna. Is-sena d-dieħla nfakkru l-40 sena mill-mewt tagħha u nittama li b’xi mod, isimha u xogħolijietha, jiġu mfakkra mill-ġdid.

    Id-dar abbandunata ta’ Meylak

    Biex nagħlaq dan il-vjaġġ, mort infittex id-dar ta’ Meylak u kont iddiżappuntata mhux ftit meta ma kien hemm xejn x’jindika liema waħda kienet. Daqstant ieħor skantajt li wħud mill-Għawdxin li waqqaft fi Pjazza San Ġorġ, lanqas biss kienu jafu għal min qed nirreferi meta semmejt lil Mary Meylak! Eventwalment xi anzjani urewni l-proprjetà tagħha u qaluli li spiss kienet tħobb tintasab bil-qiegħda barra fuq siġġu u tikteb il-poeżiji. Sfortunatament, illum id-dar tidher abbandunata għal kollox u kien hemm min qalli li mhux darba u tnejn li xi nies daħlu fiha u ħadu xi affarijiet. Tnikkitt u hekk kif ħarist lejn it-twieqi tal-gallarija ta’ din id-dar, immaġinajtha tittawwal u tgħidli, “Għidilhom!”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (22 parti) fit-Torċa tat-12 t’Ottubru 2014)

    2014.10.12 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • 1960: L-EWWEL KAMP GĦALL-APPRENDISTI

    Il-memorja hija bħal tfajjel miexi matul ix-xtajta. Ma tista’ qatt tgħid liema ċagħqa jista’ jiġbor u jgħożż flimkien mal-għeżeż affarijiet għal qalbu… Pierce Harris.

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed napprezza dan ix-xogħol tal-kitba. Permezz tiegħu qed ikolli l-privileġġ li niltaqa’ ma’ bosta individwi li wħud minnhom saħansitra jiftħuli l-bieb ta’ darhom u jilqgħuni għandhom. Huma mumenti mprezzabbli fejn tara bniedem li akkost li ma jafekx,  fl-istess ħin qed jafda miegħek tant kummenti, tant emozzjonijiet, tifkiriet u perspettivi personali tiegħu. Sentiment inspjegabbli li jġibek konxja kemm kitba bħal din tqanqal nies biex jgħidulek l-istorja tagħhom u jħallu f’idejk biex imbagħad inti tagħtiha l-kulur tiegħek u biha twassal messaġġ lill-oħrajn….

    Jgħidu li l-kliem bħaċ-ċirasa; waħda ġġib lill-oħra. F’dal-każ, intervista ġabet oħra. Fil-fatt kienet l-intervista li jiena għamilt xi ftit tax-xhur ilu lill-Maġġur Stanley Clews li ħajjret lil Lino Bonnici sabiex jikkuntattjani. Ħafna jista’ jkun li jiftakru lil Lino bħala wieħed mill-eks ħaddiema tat-Tarzna. Oħrajn aktarx jafuh bħala membru anzjan tal-iScouts. Bħal kif jiġri f’dal-laqgħat, tkellimna dwar diversi suġġetti. Imma ndubbjament l-aktar fatt għal qalb Lino u li dwaru xtaqni nikteb, kien dwar il-50 sena anniversarju mill-ewwel kamp tal-apprendisti ta’ Bailey (Malta) Ltd li hu, il-Maġġur u tim ta’ ħaddiema oħra waqqfu lura fl-1960.

    “Illum tuġagħni qalbi meta nara s-sitwazzjoni preżenti tat-Tarzna u l-ħaddiema tagħha. Matul is-snin fit-Tarzna kien hemm nies ta’ sengħa kbira li ħadmu b’ħila. Niftakar sewwa ż-żmien meta t-Tarzna kienet ta’ stimulu kbir għall-ekonomija tal-pajjiż.

    F’żogħżiti meta kont tiġi aċċettat biex tidħol taħdem it-Tarzna kont tqis lilek innifsek bħala xxurtjat. “Qisek irbaħt il-lotterija nazzjonali,” kien qalli missieri meta għaddejt mill-eżami u dħalt bħala Lino Bonnici apprendist. Fil-ħamsinijiet meta tispiċċa mill-iskola, ta’ 14 il-sena, ftit kellek għażliet. Jew kont tmur taħdem ma’ xi raħħal, bidwi jew mastrudaxxa, inkella ikollok issiefer. Fil-fatt din ta’ l-aħħar kienet l-iktar ħaġa li kienu qed jagħżlu biex jagħmlu ħafna miż-żgħażagħ. Min-naħa l-oħra, minn dawk li għażlu li jibqgħu f’pajjiżna, ħafna ppruvaw jidħlu t-Tarzna. Biex tintagħżel ridt tgħaddi għall-eżami u tiġi minn ta’ quddiem. Kien hemm saħansitra skejjel apposta biex jgħallmu għall-entrance tad-Dockyard fostom: nofs il-Kulleġġ tad-De La Salle, St Michael’s li kienet skola tal-mużew u anki xi skejjel privati bħal St Mary School f’Bormla. Meta dħalt jien, riedu jdaħħlu 164 apprendist. Jiena ġejt il-50 minn xi 600 li għamlu l-eżami! Dawk kienu żminijiet illi meta tidħol it-Tarzna kont temmen illi għandek xogħol sikur u li minn dakinhar sakemm tmut jew sakemm tagħlaq is-60 sena kont ser tibqa’ taħdem hemm.

    Fit-Tarzna qabli kien hemm ukoll missieri u darba minnhom konna xi ħdax li niġu minn xulxin u naħdmu hemm. Għamilt 42 sena t-Tarzna – sal-1993. Bdejt minn apprendist imbagħad intbgħatt naħdem bħala engine fitter. Fl-1962 kont charge man u kelli l-opportunità li nkun parti mill-grupp ta’ ħaddiema li ħadmu fuq il-flood gate il-ġdida li saret meta twessgħu l-baċiri. Finalment ngħatajt ir-responsabbiltà ta’ estimator. Dax-xogħol kien ukoll ta’ sodisfazzjon kbir għax tani ċ-ċans li niltaqa’ u naħdem ma’ nies f’pajjiżi differenti.”

    Fl-istess waqt, f’dawn is-snin, Lino kellu sehem importanti ħafna fl-iScouts.

    “Kont ilni 10 snin fl-iScouts. Dħalt magħhom għall-ewwel darba fl-1950 f’Raħal Ġdid. Kien ħajjarni l-ħabib tiegħi Joe Micallef li diġà kien membru. Kien huwa li ntroduċieni mat-troupe leader Louis Falzon u minn hemm qatt aktar ma ħarist lura. Imma ara, ħa nurik l-istorja kollha…”

    Minn armarju mimli kotba u albums tar-ritratti, Lino ħareġ ktieb oħxon b’qoxra ħamranija. Dal-ktieb li fih 592 paġna huwa kollu miktub minn Lino. Fih għandu ġabra ta’ memorji dettaljati ferm, b’numru kbir ta’ ritratti, ismijiet u dati. Fih jirrakkonta s-snin li għamel fl-iScouts mill-1959 sal-1981.

    “Jiena bniedem li nħobb nikteb ħafna, speċjalment dwar dak kollu li ngħaddi minnu ġurnata wara l-oħra. Dan ktibtu meta ħriġt bil-pensjoni mit-Tarzna. Kont inqatta’ sagħtejn kuljum nikteb fih sakemm lestejtu. Uħud li rawh issuġġerewli li nibgħat kopja lill-biblijoteka daqs kemm fih dettalji. Imma jiena dan ktibtu għalija. Issa wara li ngħaddi jien, jaraw ta’ warajja x’iridu jagħmlu bih,” beda jispjegali hekk kif fetħu. Innutajt it-titlu tal-ewwel kapitlu, iddiżinjat b’kuluri sbieħ fuq l-ewwel folja – ‘L-isbaħ żmien ta’ ħajti’. “Iva hekk kien. Fl-iScouts jiena tħarriġt biex insir ċittadin tajjeb u utli għal pajjiżi. Aktar tard imbagħad kont jien stess li sawwart din il-kultura f’ħafna u ħafna tfal. Bl-uniformi wasalt sa District Commissioner tas-South District fejn kellna madwar 900 scout. F’April ta’ dis-sena nagħlaq 60 sena fl-iScouts għalkemm issa jiena sempliċiment membru.

    Madanakollu qatt ma ninsa illi kienet propju l-ħidma li għamilt fl-iScouts li wasslitni biex nintagħżel mill-Maġġur Clews ħalli flimkien noħolqu l-ewwel kamp għall-apprendisti tat-Tarzna.”

    U naturalment, anki f’dan il-każ, Lino kellu għadd ta’ noti, dettalji u ritratti li jfakkru dan l-avveniment.

    “Għodwa waħda fl-aħħar ġimgħa ta` Marzu tal-1960, Freddie Galea li kien skrivan fid-dipartiment tal-personell ta’ Bailey (Malta) ġie biex ikellimni. Huwa  qalli li l-Welfare and Sports Officer li kien għadu kemm ingħaqad mal-Kumpanija, il-Maġġur Stanley Clews, kien iddiskuta miegħu u ma’ Joe Manduca dwar il-possibbilità li jorganizza kamp fis-sajf għall-apprendisti tal-Kumpanija u għaldaqstant xtaq jara jekk kontx lest li ngħin biex dan il-proġett jitwettaq. Jiena mort niltaqa’ mal-Maġġur biex nara aħjar x’kien jinvolvi dax-xogħol. Dik kienet l-ewwel darba li ltqajt mal-Maġġur Clews u minn dakinhar bqajna ħbieb sal-lum.

    Il-pjan kien li norganizzaw ġimgħa kamp għall-apprendisti ta’ l-ewwel u t-tieni sena. Stqarr illi kien għażel lili peress li sar jaf li kelli esperjenza twila fl-iScouts u fil-qasam tal-camping. Ħsibt daqsxejn Uħud mill-membri tal-kamp (il-Maġġur  Clews fin-nofs)fuqha u wara ftit ġranet aċċetajt dan l-inkarigu. It-tnejn li aħna stajna nagħżu l-bqija tat-tim li kellu jieħu ħsieb dal-proġett. Dawn kienu Joe Manduca, Freddie Galea, Pawlu Buhagiar, Joe Bonnici u Joe Camilleri li kollha kienu jaħdmu t-Tarzna u kienu wkoll Scouts jew ex-Scouts.     Il-Maġ. Clews, minħabba l-esperjenza militari li kellu kien il-Camp Commander u jien id-deputat tiegħu.”

    Dwar dan ħadt l-okkażżjoni biex nerġa’ nkellem ftit lill-Maġġur Clews li min-naħa tiegħu huwa fehemni illi l-Bailey (Malta) xtaqet tfiehem lill-apprendisti li hi kienet hemm għall-ġid tagħhom u li huma kellhom iħossuhom milqugħa mill-Kumpanija. Fil-fatt dal-kamp kien ingħata bħala ġimgħa extra leave u organizzat kollox il-Kumpanija nnifisha. Kienu qed jittamaw li b’hekk forsi setgħu jtaffu ftit id-diżgwid li kien hemm dak iż-żmien bejn il-management u l-unjins.

    “Li torganizza kamp għall-apprendisti ta’ età minn erbatax sa sittax il-sena u li wisq probabbli qatt ma kienu għamlu lejl reqdin taħt it-tined u li lanqas ma kienu membri ta’ l-iScouts ma kinetx impriża daqshekk faċli. Aktar u aktar meta ġie deċiż illi dal-kamp isir Għawdex u dil-gżira fi żmien is-sittinijiet, ma kinetx dik ta’ llum. Fil-fatt Għawdex kien għadu magħluq għalih ħafna u fejn kellna nkunu, kienu nħawi pjuttost diżabitati,” kompla jfehemni Lino.

    “Bdejna mill-qiegħ, niltaqgħu darba fil-ġimgħa, niddiskutu u norganizzaw dak li jeħtieġ għal biċċa xogħol li bħalha ma kellna l-ebda esperjenza. Diffikultà oħra kienu t-tined u l-aċċessorji l-oħra li teħtieġ Uħud mill-campersgħall-proġett bħal dan. Mingħand il-grupp tal-iScouts ma stajnix nisselfuhom għax dawn kellhom bżonnhom huma għall-attivitajiet tagħhom. Iżda l-kuntatti li kellu l-Maġġur f’ċertu ċrieki wassalna biex finalment nisselfu kollox mill-armata – għalkemm dawn widdbuna li din kellha tkun għal darba biss!  Ħtiġijiet oħra li kien hemm bżonn inħadmu fit-Tarzna nnifisha: bħal screens għat-toilets li saru fid-dipartiment tat-tessuti, tankijiet għall-ilma li ġew adattati għall-ilma ħelu u saru fil-ħanut tal-kaldaran (coppersmiths) u arbli qosra għall kull ħtieġa, li saru fil-ħanut tal-joiners. Barra dawn, ġew mixtrija tmien portable toilets u kellna lista kbira ta’ bżonnijiet oħra għall-kamp ta` 84 ruħ u 7 staff li kienu neċessarji għal tmint’ijiem.

    Wara xi żmien iltqajna ma’ 114 il-apprendist illi nteressaw ruħhom sabiex jipparteċipaw (għalkemm wara aktar laqgħat dan-numru niżel għal 84). Imbagħad jiena u l-Maġġur tlajna s’Għawdex bil-karozza tiegħu – Anglia De Lux 10303! L-ewwel kuntatt kien ma’ Dun Joe, il-qassis li kien responsabbli mill-Istitut ta` San Ġużepp f`Għajnsielem. Dan ħadna naraw medda ta` art u għelieqi li tiġi wara l-bajja tal-Qbajjar; li dak iż-żmien kienet totalment abbandunata apparti għal dar tas-sorijiet li kienet tintuża fis-sajf. Aħna kellna l-kompitu li nsibu min kien sid l-art u li nikkuntattjaw forn tal-ħobż u bejjiegħ tal-frott u l-ħaxix sabiex magħhom norganizzaw kollox.

    Akkost dax-xogħol kollu, kien hemm min saħaq li mhux ser jirnexxielna nwettqu proġett bħal dan. Imma s-Sibt 20 t’Awwissu 1960 waslet il-ġurnata li jitlaq l-ewwel grupp. Għabbejna bosta mill-affarijiet fuq it-tugboat Carbine (tugboat qadima tal-ex-Ammiraljat li kienet tintuża għal xi xogħol ħafif fit-Tarzna) filwaqt li l-affarijiet tal-kċina nġarru minn trakk ta’ 25cwt li flimkien mas-sewwieq kienu għad-dispożizzjoni tagħna għat-tul kollu tal-kamp. Kienet ġurnata ta’ riħ u xemx tikwi imma xejn ma waqqafna milli narmaw dak kollu li konna tellgħajna magħna.

    It-Tnejn 22 t’Awwissu 1960 waslu l-kumplament tal-apprendisti. Saret laqgħa fejn kulħadd ingħata struzzjonijiet dwar id-dmirijiet tiegħu u x’kien mistenni minnu. Għamilna wkoll roster għall-għassa bil-lejl, li kienet tibda mill-11:00pm sal-5:00am bi tliet campers fi tliet xiftijiet. Kellna wkoll membri għas-salvataġġ meta l-campers kienu jinżlu jgħumu fil-bajja tal-Qbajjar. Għalkemm ftit ftit ġejna qisna xi kamp militari, l-ilmenti kienu ftit ferm u konna sorpriżi kemm il-campers adattaw ruħhom malajr u kemm ikooperaw magħna.

    Matul dil-ġimgħa kellna wkoll xi viżitaturi distinti bħal Sir Guy Grantham, l-Ammiral Cooke (li kien il-General Manager ta` Bailey), il-Personnel Manager W Dunford u anke l-Isqof Pace t`Għawdex.

    Minbarra li kulħadd kellu dmirijietu, kien hemm ukoll bosta attivitajiet organizzati. Kienu ġranet sbieħ ferm fejn iċ-ċajt u l-iżżuffjettar ma naqasx. Min għadu ħaj minn dawn in-nies bla dubju ser jiftakar fir-reċti li konna nagħmlu kkombinati mad-diska li kienet popolari ħafna dak iż-żmien ‘Yellow polka-dot bikini’.

    Sadanittant kienu ġew ukoll is-sorijiet joqogħdu fid-dar tagħhom u kien hemm min mar jistaqsihom jekk konnix qed nagħtuhom xi fastidju. Imma s-sorijiet ġew jgħidulna b’dan u qalulna wkoll li kienu rrispondewhom li mhux talli ma kienx hekk imma li proprjament kellhom il-wens bina peress li lanqas dawl ma kien għad hemm fit-triq. Insomma, kienet esperjenza mill-aqwa għal kulħadd: kemm għall-apprendisti li permezz t’hekk saru jafu aktar lil xulxin u allura setgħu jaħdmu aħjar flimkien fuq ix-xogħol u anki għalina l-organizzaturi li rajna proġett bħal dak jitwettaq b’suċċess!

    Fl-1961 u fl-1962 l-istess leaders flimkien ma’ oħrajn ġodda organizzajna żewġ kampijiet oħra. Imma dawk huma stejjer oħra. Kien hemm anki kampijiet fi żmien Swan Hunter u aħna konna kburin li konna ftaħna t-triq għal din l-użanza.”

    Lino beda jurini ritratt wara l-ieħor li huma ħadu f’dawn il-ġranet. Xtaqt inkun naf għaliex dan il-kamp baqa’ tant għal qalbu?

    “Dak iż-żmien din kienet opportunità li mmidd għonqi għal biċċa xogħol ġdida li rnexxiet. Meta nittawwal f’dawn l-albums inħossni miexi fil-mogħdija tal-memorji. Għandi xewqa kbira li nkun naf x`sar minnhom dawk iż-żgħażagħ li kienu attendew għal dan l-ewwel kamp tal-apprendisti ta` Bailey(Malta)Ltd.”

    L-ismijiet u d-dettalji ta’ dawn il-ġranet għadhom ċarissimi f’moħħ Lino, speċjalment meta dawn huma mniżżla kollha fi djarji li hu ilu jżomm mill-1950!

    “Kien darriena missieri hekk. Kien jgħidilna biex inniżżlu dak kollu li nagħmlu ħalli meta nikbru nkunu nafu minn xhiex għaddejna. U jien bqajt inżomm din id-drawwa sal-lum. Inzertajt ukoll li nħobb Paġna ritratti tal-kampħafna d-dettall u l-qari. Fil-fatt l-aktar awtur li kien jogħġobni kien Robert Louis Stevenson proprju għaliex kien jikteb ħafna fid-dettall, tant li dak li jkun qed jiddeskrivilek, f’moħħok tarah qisu stampa. Minn dan l-awtur, tħajjart nagħmel l-istess. Apposta niżżilt dawk l-ismijiet u l-indikazzonijiet kollha, bl-iskop li min jaqra kitbieti, jkun jista’ jifhem aħjar x’qanqalni biex inniżżel dawn il-ġrajjiet u l-memorji li tant għadni ngħożż sal-lum!”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-14 ta’ Marzu 2010)

    2010.03.14 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • KARRIERA ONORATA FIL-ĠURNALIŻMU

    Fit-18-il edizzjoni tal-Malta Journalism Awards li ġiet sponsorjata mill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnalizmu, Dr Joe Micallef Stafrace ġie pprezentat bil-Gold Award. Dan l-unur jingħata lil dik il-persuna li skond il-ġurija tkun sebqet ir-rekwiżiti tal-prattika normali fil-ġurnalizmu tul il-karriera ġurnalistika tagħha. Iltqajna ma’ Dr Joe Micallef Stafrace u miegħu tkellimna dwar il-karriera twila tiegħu. Ħadna wkoll il-kummenti tal-Prof. Guido Demarco, ħabib kbir tiegħu…

    INTERVISTA: DR JOE MICALLEF STAFRACE – Rebbieħ tal-Gold Award tat-18-il edizzjoni tal-Malta Journalism Awards

    Kif bdiet il-karriera ġurnalistika tiegħek?

    Kont għadni student tal-liġi fl-Università meta bdejt nikkontribwixxi b’xi artikli qosra fis-Sebħ u fil-Berqa. Il-ġurnal is-Sebħ kien joħroġ darbtejn fil-ġimgħa u l-editur tiegħu kien Nestu Laiviera. Fil-5 ta’ Diċembru 1955 l-avukat Ġużè Flores, li kien Speaker, irriżenja minn din il-pożizzjoni għax laħaq imħallef. Minfloku sar Speaker Nestu Laiviera u mill-10 ta’ Diċembru 1955 il-quddiem is-Sebħ għadda f’idejja bħala editur.

    Kont għadek żgħir. Kif ħadtha responsabbiltà bħal din?

    Dr Joe Micallef StafraceIs-Sebħ kien jinbiegħ ħafna. Kien jistampa ruħu fil-Union Press li kienet tinsab f’Mayfair House fi Strada Forni, kantuniera ma’ Triq l-Arċisqof, l-Belt. Dik il-ħabta għalkemm kont Laburista ma tantx kont midħla tal-Partit Laburista. Madanakollu kull fl-għaxija kont niltaqa’ fi Strada Rjali ma’ grupp ta’ żagħżagħ fostom ma’ Vincent Moran, Patrick Holland, l-Ispiżjar Joe Camilleri, Pawlu Mamo u oħrajn. F’dawk iż-żminijiet bejn il-ħamsa u d-disgħa ta’ fil-għaxija, Strada Rjali kienet tkun ippakkjata bin-nies. Ħafna kienu jinġabru l-Belt wara x-xogħol, jgħidu kelma ma’ sħabhom u wara jmorru lura d-dar. Sikwit kienu jiltaqgħu magħna Joe Attard Kingswell u Leli Tabone li kien il-President tal-Partit. Kien Leli Tabone li insista miegħi li nkun l-editur tas-Sebħ. Kont naf li kienet responsabbiltà kbira imma dħalt għaliha. La kont miġbud għall-politika u la kont inħobb il-kitba, aċċettajt mill-ewwel. Ftit wara kienu ġew jgħinuni Lino Cassar, Colin Cauchi u Lino Spiteri. Taħt idejja, minn darbtejn fil-ġimgħa, l-ġurnal is-Sebħ beda joħroġ kuljum. Dik kienet l-ewwel darba illi x-xellug f’Malta kellu gazzetta li toħroġ kuljum.

    Minħabba karikatura ta’ gvernatur Ingliż, inti spiċċajt erbat ijiem il-ħabs. Kif ġara dan il-każ?

    Fis-sajf tal-1958, wara l-istrajk ġenerali u l-irvelli f’April, il-marċi tal-festi kienu projbiti f’Malta. Iżda ġara li kien hemm patri, il-Profs. Serafin Zarb, li kien ħabib tal-Ingliżi u dan talab lill-gvernatur biex iħallih jagħmel il-marċ tal-festa ta’ San Duminku li kienet ser taħbat fl-4 t’Awwissu 1958. Il-gvernatur aċċetta u jien ħadt l-opportunità biex nagħmel karikatura tal-gvernatur qed jiċċelebra mal-folla waqt li dawn qed ikantawlu “Kemm għandu qalbu tajba”. Iżda din il-karikatura ma ntlaqgħet xejn tajjeb mill-gvern Ingliż ta’ dak iż-żmien. Fid-9 ta’ Jannar 1959 ġiet konfermata s-sentenza tal-appell u jiena bħala editur ġejt ikkundannat erbat ijiem ħabs u ħamsa u tletin lira multa fuq l-akkuża ta’ tkażbir tal-gvernatur. Reggie Miller bħala stampatur weħel ħames liri u ġiet sospiża l-liċenzja tiegħu bħala stampatur għal xahar. Il-ġurnal ġie sospiż għal xahrejn.

    Kontu bsartu x’ser jiġri meta ħriġtu din il-karikatura?

    Għall-ewwel le iżda meta fid-9 t’Ottubru 1958 saret is-sentenza tal-maġistrat u appellajna, bdejna nippreparaw f’każ li s-sentenza tiġi konfermata. Nestu Laiviera applika biex joħroġ ġurnal ġdid bl-isem ta’ Il-Ħelsien b’Joe Attard Kingswell bħala stampatur. Għaldaqstant hekk kif twaqqaf is-Sebħ, l-għada jew ġurnata wara beda joħroġ Il-Ħelsien u l-Laburisti xorta baqgħu bil-ġurnal tagħhom. Hekk kif ħareġ Il-Ħelsien il-pulizija qabżet fuqu mill-ewwel peress li l-istampa kienet se tkun l-istess waħda – il-Union Press. Iżda l-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet dan għax qalet illi s-sospensjoni kienet qed tolqot individwu (lil Reggie Miller) u mhux lill-makkinarju wkoll.

    Inti għamilt ukoll żmien interdett. Fil-fatt kont wieħed minn dawk li kellek tiżżewweġ f’sagristija. Kif kienet ħaditha l-mara tiegħek dak iż-żmien?

    Is-Sebħ għamel żmien interdett, hekk ukoll min jikteb fih u min jaqrah. Fis-16 ta’ Settembru 1961 jiena u Yvonne iżżewwiġna fis-sagristija tal-Knisja ta’ San Pawl tar-Rabat. Jiena kelli l-privileġġ li Yvonne kienet taħdem fis-Segretarjat ta’ Reggie Miller. Kienet ukoll ġejja minn familja Stricklandjana u allura kienet tapprezza s-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien. Ma kelli l-ebda problema, la min-naħa tagħha u lanqas min-naħa tal-familja tagħha.

    Kif bdiet il-libertà tal-istampa?

    Il-libertà vera tal-istampa f’Malta bdiet taħt l-influwenza tal-European Convention fid-drittijiet tal-bniedem għall-libertà tal-espressjoni. Is-sentenzi tal-Qorti Ewropeja għad-drittijiet tal-bniedem, saru applikabbli għal Malta iktar u iktar meta fl-aħħar tat-tmeninijiet din il-Konvenzjoni saret parti mil-liġi Maltija. Qabel din ta’ min isemmi li fil-kostituzzjoni tal-1961, li nirreferu għaliha bħala l-Blood Commission (għaliex kienet preseduta minn Sir Hilary Blood), kienu tniżżlu l-ewwel darba b’mod organiku l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem. Il-libertà tal-espressjoni sar aktar rikonoxxut u aktar imħaddem meta fl-1996, il-ġurnalisti ngħataw tlett drittijiet importanti:

    (i)                 ħadd ma jista’ jġiegħel ġurnalista jiżvela s-sors tal-informazzjoni. (Hawnhekk għall-ewwel darba l-liġi semmiet l-importanza tar-rwol tal-medja f’soċjetà demokratika. Qabel dan ma kienx rikonoxxut, almenu speċifikament);

    (ii)               meta l-ġurnalista jwassal tagħrif dwar xi ħaġa li ntqalet u li hi ta’ nteress pubbliku u li min qalha jkun jaf x’ser jiġi irrapurtat, dak ir-rapport igawdi privileġġ. (Dan ifisser illi jekk ikun każ ta’ xi inġurja, l-passi iridu jittieħdu kontra min qal id-diskors u mhux kontra min irrappurtah. Dan għaliex il-poplu għandu dritt ikun mgħarraf u l-ġurnalista għandu d-dritt jgħarraf).

    (iii)             Inħoloq id-dover tal-gvern li jistabilixxi proċeduri biex jagħti tagħrif lill-istampa u meta jagħmel dan, ma jistax jiddiskrimina bejn stampa u oħra.

    Fost id-diversi nkarigi tiegħek, inti kont ukoll Ministru tal-kummerċ, tal-industrija, tal-agrikoltura u tat-turiżmu. X’wassal għar-riżenja tiegħek wara biss ftit xhur minkejja li ħatra bħal din kienet timplika l-fiduċja li kellu fik il-Prim Ministru Duminku Mintoff?

    Ħafna jistaqsuhieli din… Jekk ngħidlek li b’mod serju, n-naturali tagħna ma qablux, inkun qed ngħidlek kollox. Iżda jien lil Mintoff għedtlu biex ikun ċert mill-vot tiegħi għax jien il-lealtà tiegħi kienet ser tibqa’ lejn il-Partit Laburista. Dak iż-żmien il-Partit Laburista kellu maġġoranza ta’ wieħed u addijo pairing. Infatti, darba minnhom, kont ma niflaħx sew u kelli nittieħed il-Parlament f’ambulanza. Dħalt nivvota, dak iż-żmien fil-Kamra tal-Arazzi, fuq siġġu tar-roti. Kemm dħalt nivvota u ħaduni lura d-dar. Madanakollu, mill-1976 ‘l hemm ma ħriġtx aktar għall-politika.

    Inti minn dejjem kont bniedem determinat li ġġib il-bidla. Temmen li bil-kitba tista’ ġġib il-bidla?

    Nemmen li ‘the pen is mightier than the sword’. Però l-pinna qegħdha biex tibni u biex tagħmel il-ġid u mhux biex tkisser u tirrovina n-nies. Jien nemmen fil-libertà tal-ħsieb, nemmen fil-libertà li wieħed jesprimi fhemtu u nemmen li trid tisma’ x’għandu x’jgħid ħaddieħor. Però fuq kollox nemmen fir-riflessjoni u li wieħed irid ikun animat minn spirtu tajjeb.

    ———————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: PROF. GUIDO DEMARCO – Ħabib kbir ta’ Dr Joe Micallef Stafrace

    Waqt il-preżentazzjoni tal-Gold Award lil Dr Joe Micallef Stafrace, inti esprimejt sentimenti sbieħ ta’ ħbiberija bejnietkom. Kif bdiet din il-ħbiberija?

    Prof. Guido DemarcoJiena u Joe ilna ħbieb kbar sa miż-żminijiet meta t-tnejn konna l-Università. Joe kien fil-kors ta’ warajja. Kien għadu żagħżugħ fil-politika u editur tas-Sebħ fi żmien tassew diffiċli taħt gvern kolonjali b’dittatura kolonjali. Kien dejjem laburist u laburist sinċier. Jiena kont dejjem nazzjonalist. Imma dan qatt ma fixkel il-ħbiberija profonda li ilna f’dawn is-snin kollha inġeddu kważi kuljum. Nammirah għax hu taha wiċċ uman lill-ġurnaliżmu partiġġjan f’mumenti kbar ta’ firda fost il-poplu Malti. Għalkemm bħala partiti ma kienx hemm qbil, bejni u bejn Staffi, l-ħbiberija tagħna kienet sinċiera fir-rispett sħiħ tal-opinjonijiet diversi u l-ħbiberija kienet tirbaħ fuq kollox. Għadha tirbaħ illum ukoll.

    Meta kont qed nitkellem ma’ Dr Joe Micallef Stafrace huwa semma diversi okkażżjonijiet fejn inti kont tassew qrib tiegħu. Qalli li diffiċli tinsa ħbiberija bħal tagħkom. Tirrakkuntalna xi mumenti minn dawn?

    Iva. Huma diversi t-tifkiriet…

    Meta Joe ġie ikkundannat għal erbat ijiem ħabs, fuq karikatura li huwa ippubblika tal-gvern ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, jien bqajt dejjem miegħu: l-ewwel ħdejn il-bank tal-akkużati, imbagħad sakemm ġiet il-karozza biex tieħdu l-ħabs. Niftakar li dak inhar, qabel rikeb, Joe qalli “Guido, għamilli pjaċir. Ċempel lil Yvonne u għidilha li jiena kollox sew.” Malli telaq jien ċempiltilha, ghaddejtilha l-messaġġ u għedtilha wkoll li Joe kellu moral għoli ħafna u li ċertament kien qed iħossu kburi bil-fatt li kien sejjer il-ħabs għax emmen fil-fehmiet tiegħu. Dik il-ħabta, jien kont għadni avukat prinċipjant, għadni nidħol fil-qasam tal-Kriminal. Fil-fehma tiegħi, Joe ma kellux jintbagħat il-ħabs.

    Wara xi żmien, Joe laħaq avukat u ried isib avukat ma’ min jieħu l-prattika. Staqsini jekk kontx ser naċċettah sabiex jagħmel l-eżami tal-warrant. Jien irrispondejtu bla tlaqliq ta’ xejn illi l-uffiċċju tiegħi seta’ jqisu bħala l-uffiċċju tiegħu. Niftakar wieħed avukat iktar anzjan kien ġie jistaqsini “Veru dak li qegħdin jgħidu? Li inti qed iżżomm miegħek lil Dr Joe Micallef Stafrace u lil Dr Patrick Holland biex jagħmlu l-prattika fl-uffiċċju tiegħek? Taf li int trid tagħmel ċertifikat ta’ kondotta tajba tagħhom meta inti taf li dawn għandhom kondotta mċappsa?” Lil dan l-avukat, jiena irrispondejtu hekk: “Lil Dr Joe Micallef Stafrace u lil Dr Patrick Holland nafhom jien bħala żewġ avukati żagħżagħ ta’ integrità u ta’ onestà. Huma nies li sinċerament jemmnu fil-fehmiet politiċi tagħhom u ta’ dan għandi rispett anki jekk il-fehmiet tagħhom ma jaqblux ma’ tiegħi. M’għandi xejn xi jżommni milli noħroġ ċertifikat u ngħid li huma, kif fil-fatt huma, żewġ avukati ġodda ta’ kondotta tajba.”

    Okkażżjoni oħra li resqitni u kompliet tressaqni lejn Joe kienet meta iżżewweġ. Dik il-ħabta kien hemm l-interdett. Jiena personalment ma kontx naqbel mal-ġlieda mal-Knisja li għamel il-Partit Laburista dak iż-żmien. Però lanqas ma kont naqbel mal-interdett għax kien jidhirli illi dik kienet miżura estrema. Naturalment jien la stajt nimponi l-interdett u lanqas stajt inneħħih. Kont żagħżugħ avukat fil-politika, il-bogħod minn xi influwenza fuq il-Kurja ta’ dak iż-żmien. Iżda biex nuri li l-valur tal-ħbiberija tirbaħ fuq kull ostaklu, kuntrarjament għal dak li setgħu għamlu uħud, jien bi pjaċir mort għall-festa tat-tieġ ta’ Joe u ta’ Yvonne. Mill-ġdid, il-ħbiberija tagħna rebħet kull ostaklu politiku.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċ tas-16 ta’ Novembru 2008)

    2008.11.16 / no responses / Category: Torca - Perspettivi