Posts Tagged ‘Juyongguan’

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (3 Parti) Il-Ħajt Leġġendarju

    Fuq il-Hajt il-Kbir tac-Cina

    Fiċ-Ċina jingħad li wieħed ma jistax issejjaħ lilu nnifsu raġel jekk qatt ma jkun żaril-Ħajt il-Kbir. Iżda wara li finalment irnexxieli nesperjenza parti minn dan is-sit uniku, nemmen li biex tagħtih titwila ma fiha xejn. Biex titilgħu l-problema!

    Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina

    Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina nbena fuq l-art ta’ diversi provinċji u għalhekk wieħed jista’ jżuru minn inħawi differenti. Il-kostruzzjoni tiegħu seħħet matul elfejn sena waqt ir-renju ta’ dinastiji varji fejn dan ittella’ biċċa biċċa, inħatt u reġa’ nbena, u ġie miżjud sakemm finalment illum dan il-ħajt ġie msensel kollu flimkien għat-tul ta’ madwar 7300 kilometru.

    Sas-seklu 7 Q.K. iċ-Ċiniżi kienu diġà akkwistaw sengħa mill-iprem fil-bini ta’ ħitan protettiv biex bihom jiddefendu l-inħawi tagħhom mill-attakki tal-għadu u kien f’dan iż-żmien li bdew jinbnew l-ewwel partijiet tal-Ħajt il-Kbir.

    Għal bosta snin, kien hemm ġlied qalil bejn diversi stati Ċiniżi. Iżda fl-221 Q.K., Qin Shi Huang irnexxielu jirbaħ lill-opponenti kollha tiegħu u b’hekk hu għaqqad liċ-Ċina għall-ewwel darba u waqqaf id-Dinastija Qin (tinqara ċin).

    Fost il-passi li ħa sabiex jimponi tmexxija ċentrali, huwa ordna li jiġġarrfu d-diversi ħitan li kienu nbnew madwar il-pajjiż minn numru ta’ mexxejja fewdali. Minflok, huwa ddeċieda li kellhom jittellgħu ħitan ġodda li kellhom jgħaqqdu flimkien numru ta’ fortifikazzjonijiet li kienu jinsabu lejn in-naħa tat-tramunatana tal-imperu tiegħu. Fuq dik in-naħa kien hemm l-għadu tiegħu – it-tribù nomadiku Xiongnu (fejn illum tinsab il-Mongolja), u l-ħajt kellu l-għan li jżomm lil dawn in-nies milli jidħlu biex jattakkaw il-pajjiż.

    Ma kinetx xi ħaġa faċli li tibni dawn il-ħitan fil-postijiet magħżula bejn mogħdijiet fil-muntanji u fil-widien, speċjalment minħabba li f’dak iż-żmien kien għad m’hemm l-ebda makkinarju biex iħaffef ix-xogħol. Xorta waħda, il-poplu Ċiniż sab mezz kif jibni dan il-ħajt billi uża l-materjal li kien jinsab f’dawk l-inħawi stess u billi żamm mal-vina tal-art hekk kif kompla jibni matul it-terren li sab.

    Ħadd m’għandu idea dwar it-total ta’ ħaddiema li ħadmu fuq jew mietu waqt il-bini ta’ dan il-ħajt. Imma bosta jinsistu li dawn żgur kienu jlaħħqu l-miljun. Naturalment, kwantità kbira oħra ta’ ħaddiema komplew b’ħidmiethom fuq dan il-ħajt matul l-elfejn sena l-oħra, partikolarment waqt id-Dinastija Ming, u għalhekk nistgħu ngħidu li miljuni ta’ individwi taw sehemhom u wħud anki ħajjithom sabiex twettaq dan il-kapolavur li llum hu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ sebgħa binjiet tal-għaġeb li saru mill-bniedem.

    Fl-1987 il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina sar parti mis-siti meqjusa mill-UNESCO bħala Wirt Kulturali Dinji.

    Leġġenda popolari

    Hemm diversi ġrajjiet u leġġendi marbutin ma’ dan il-ħajt. Imma jingħad li l-aktar waħda magħrufa hija dik ta’ Meng Jiang Nü. Huwa maħsub li din it-tfajla kienet tgħix fil-perjodu tat-3 seklu Q.K., fi żmien id-Dinastija Qin.

    Il-Passagg JuyongguanL-istorja tagħha tirrakkonta illi darba minnhom, Fan Qi Liang, żagħżugħ li ġie mqabbad jaħdem fuq il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina, irnexxielu jaħrab minn dan ix-xogħol iebes u telaq jiġri għal għonq it-triq sakemm fl-aħħar waqaf jistaħba fil-ġnien ta’ missierha.

    Hekk kif ħarset iż-żewġ żgħażagħ iltaqgħet, dawn mill-ewwel ħabbew lil xulxin, tant li ftit wara żżewġu. Imma sfortunatament huma ma tantx gawdew wisq lil xulxin, għax Fan Qi Liang ma damx ma reġa’ nstab u b’hekk kellu jirritorna biex ikompli jaħdem fuq il-ħajt.

    Għal ħafna u ħafna żmien, martu stennietu jiġi lura. Imma meta qorbot ix-xitwa u żewġha ma rritornax, hi ħadmitlu xi ħwejjeġ biex jipproteġuh mill-kesħa u marret fl-inħawi fejn kien tqabbad jaħdem ħalli tagħtihomlu.

    Madanakollu, wara li damet ħafna tfittxu għalxejn, finalment xi ħaddiema oħra infurmawha li żewġha kien miet u li ġismu kien indifen ġol-ħajt stess.

    Għal din l-aħbar traġika, il-mara nfniet bid-dulur u ntefgħet tibki u tixher għal ġurnata u lejl sħaħ. Id-dwejjaq tagħha tant kien kbir li f’ħin minnhom il-ħajt li kienet qed tolfoq quddiemu ġġarraf u minnu ħarġu għadd ta’ għadam u iġsma mejta tal-irġiel.

    Ixxukkjata kif kienet, Meng Jiang Nü qatgħet subgħajja u ħalliet demmha jċarċar fuq il-fdalijiet ta’ dawk in-nies sakemm finalment intebħet li demmha kien qed jiskula kollu ġewwa ġisem minnhom partikolari. B’hekk hi għarfet li dak il-ġisem kien ta’ żewġha, u allura ġabritu u ħaditu biex tagħtih difna xierqa. Imbagħad, erħitilha lejn xmara fejn qatlet lilha nnifisha.

    Il-Passaġġ Juyongguan

    Aħna tteħidna nżuru il-parti tal-Ħajt il-Kbir magħrufa bħala l-Passaġġ Juyongguan li t-tul tiegħu jlaħħaq aktar minn 4000 metru. Din is-sezzjoni tinsab qalb il-muntanji tad-Distrett Changping u qiegħda 50 kilometru bogħod minn Pekin.

    Il-Passaġġ Juyongguan minn dejjem kien imsemmi għas-sinifikat strateġiku u għall-imponenza u l-impenettrabbilità tiegħu. Madanakollu, fl-1644 it-truppi ribelli tal-bdiewa mmexxija minn Li Zicheng irnexxielhom jidħlu f’Pekin proprju minn dan il-post. Xorta waħda jingħad li din l-invażjoni rnexxielha sseħħ mhux minħabba xi nuqqas li kien hemm f’saħħet il-ħajt iżda peress li l-gvern Ming kien iddgħajjef u n-nies tal-post kienu fqar wisq.

    Ta’ min isemmi li dan is-sit huwa popolari ħafna wkoll għall-veduti sbieħ tal-foresti li hemm fil-madwar, l-aktar għax dawn ibiddlu kulurhom skont l-istaġun.

    Tlaqna mill-lukanda kmieni fil-għodu sabiex nilħqu naslu f’dan il-post qabel tinġemgħa l-massa tat-turisti. Iżda għalkemm kienu d-9.00am meta wasalna, kien hemm diġà għadd ta’ nies telgħin u neżlin.

    Inzerta li dakinhar kienet ġurnata kollha ċpar u saħansitra bdiet traxxax ix-xita. Il-fotografi li kellna magħna kemmxu xufftejhom qatiegħ għax ma kienx ser ikun possibbli għalihom li jieħdu r-ritratti li xtaqu. B’danakollu, xejn ma kien ser iwaqqafna milli mmiddu passejna f’dak il-post issa li sibna ruħu quddiemu!

    Mhux la kemm titla' t-tarag tal-Hajt il-KbirArmajt ruħi b’inċirata tax-xita sabiex nipproteġi kemm nista’ l-kamera tar-ritratti u b’qalbi tħabbat sitta sitta, segwejt lil sħabi li kienu diġà rħewlha ‘l quddiem. Bilkemm stajt nemmen li tassew kont qiegħda hemmhekk u hekk kif ħarist madwari, innutajt li bħali kien hemm turisti oħra li għal ftit mumenti waqfu fil-bidu tat-taraġ sabiex iħallu lill-għajnejhom jixorbu dik il-veduta meraviljuża.

    Ċertament, id-dehra tal-ħajt hija tassew leġġendarja, hekk kif dan jibqa’ tiela’ tiela’ ‘l fuq u donnu jintilef fis-smewwiet. Bdejt tiela’ t-taraġ u hemm intbaħt li ma kinetx se tkun faċli li nitilgħu kif ġieb u laħaq minħabba li kull tarġa kellha għoli differenti u allura ma tista’ qatt taqbad ċertu ritmu. Apparti minn hekk, it-turġien l-aktar għolja jaqlgħulek qalbek u fi ftit ħin issib li tkun dħalt għal biċċa xogħol ta’ strapazz mhux ħażin.

    Rassejt snini, injorajt ix-xita traxxax u t-tagħbija tal-basket li kelli fuq dahri u qbadt ngħin ruħi mal-ħadid li kien hemm fit-tarf tal-ħajt. Tarġa wara tarġa ressqitni aktar lejn l-eqreb torri li kien hemm mibni fin-nofs tal-ħajt.

    Hekk kif dħalt ġewwa t-torri, erħejtilha ngħarrex fil-kmamar ċkejknin tiegħu sakemm sibt taraġ li jagħti għal fuq il-bejt u tlajt. Hemmhekk sibt ruħi waħdi nħares ‘l isfel lejn il-miġemgħa ta’ nies telgħin it-taraġ u mbagħad il-fuq lejn oħrajn li kienu baqgħu għaddejjin aktar il-fuq. Għal mument stħajjiltni xi suldat taż-żminijiet antiki…. bħall-leġġendarja Mulan li kienet salvat lill-pajjiżha mill-għadu.

    Ix-xita waqfet kemmxejn u ħallitni niġbed ftit ritratti u ngawdi daqsxejn aktar il-post. Komplejt tiela’ ‘l fuq il-fuq lejn it-torri li jmiss. Ormaj, turisti kien hemm bil-gzuz u minn kull razza; kulħadd jitbissem wieħed lill-ieħor biex jinkoraġġixxi lil dak li jkun ħalli jibqa’ tiela’.

    Is-sensazzjoni sabiħa li tħoss meta taf li qiegħda f’post daqstant inkredibbli ma ddumx ma timlik bl-istamina biex tasal sa fejn hemm bżonn u f’ħin bla waqt issib li tlajt parti mhux ħażin. Imma l-ħin mhux li ssiblu tarfu għax trid jew ma tridx ikollok tirritorna lura ħalli tkompli bil-vjaġġ lejn inħawi oħra u għalhekk kontra qalbi, kelli ndawwar denbi. Biex tinżel lura t-taraġ, kull qaddis jgħin u mhi diffiċli xejn.

    Katnazzi tal-mahbubin marbutin tul partijiet mill-Hajt il-Kbir tac-CinaIppruvajt nitnikker kemm niflaħ biex intawwal l-esperjenza tal-post u għalhekk ħadt gost ferm meta lmaħt kwantità kbira ta’ katnazzi marbutin ma’ partijiet twal tal-ħitan u mort nesplora x’kienu. Innutajt li fuq kull wieħed kien hemm par qlub u xi ismijiet u meta staqsejt dwarhom sirt naf li dik kienet użanza Ċiniża. Infatti, hemmhekk, il-maħbubin kienu jħallu dak il-katnazz b’isimhom u hekk kif jagħlquh u jorbtuh mal-katina tal-Ħajt il-Kbir kienu jemmnu li mħabbithom kienet ser tibqa’ għal dejjem; eżatt bħad-destin ta’ dan is-sit etern.

     (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Jannar 2015)

     

    2015.01.18 / no responses / Category: Torca - Features & Articles