Posts Tagged ‘kalendarju lunari Ċiniż’

  • PONT MAĊ-ĊINA – IL-ĦAMES PARTI – B’tislima

     

    Xu Huizhong Gu Yanzhao

     

    Fil-5 t’April 2014, rappreżentanti mill-Ambaxxata taċ-Ċina f’Malta u numru oħra ta’ persuni Ċiniżi, ngħaqdu ma’ xi individwi Maltin, fosthom mal-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, mas-Sindku ta’ Santa Luċija, Frederick Cutajar u ma’ membri tal-Malta-China Friendship Society, sabiex jattendu għal ċerimonja ta’ tifkira taż-żewġ ħaddiema Ċiniżi li tilfu ħajjithom f’pajjiżna fl-1979. Dawn iż-żewġ ħaddiema kienu jiffurmaw parti minn mijiet ta’ Ċiniżi li ntbagħtu mill-gvern tagħhom f’pajjiżna, sabiex jgħinu fil-kostruzzjoni tad-Dry Dock numru 6, jew kif inhu magħruf illum, ir-Red China Dock. Dan sar wara ftehim fis-sebgħinijiet bejn iċ-Ċina u Malta, fejn iċ-Ċina qablet li tagħti daqqa t’id lill-gżejjer tagħna li kienu għadhom qed jirkupraw biex ikabbru l-ekonomija tagħhom.

    Iż-żewġ ħaddiema Ċiniżi li tilfu ħajjithom f’Malta

    Sfortunatament, Xu Huizhong, inġinier Ċiniż ta’ 47 sena, tilef ħajtu traġikament fis-16 ta’ Marzu 1979 waqt li kien qed jaqdi dmiru fil-bini tal-baċir. Huwa ġie onorat bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika fit-23 t’April 1979. Min-naħa l-oħra, l-inġinier Gu Yanzhao, miet b’kawża naturali fl-età ta’ 46 sena, waqt li hu wkoll kien qed jaħdem fl-istess baċir. Kienu l-familjari tagħhom stess li għażlu li dawn iż-żewġ ħaddiema jindifnu f’Malta sabiex b’hekk huma jsibu l-mistrieħ u l-paċi fil-pajjiż li ħadmu għalih. Il-familjari xtaqu wkoll li permezz ta’ din id-deċiżjoni, dawn l-għeżież tagħhom ikunu ‘preżenti’ meta l-proġett jitlesta u li l-quddiem, in-nies tal-lokal jibqgħu jiftakruhom b’rispett.

    Fi kliem il-Ministru Scicluna, “M’hemmx sinjal akbar ta’ ħbiberija minn dik li tagħti ħajtek biex tgħin lil pajjiż ieħor.” U hekk kif bħalissa, permezz ta’ dawn l-artikli, qiegħda kull ma mmur nersaq u ninġibed aktar lejn iċ-Ċina u lejn niesha, ma stajtx inħalli dan il-mument jgħaddi mingħajr ma nistħarreġ aktar din l-istorja u dak kollu li bsart li se ġġib magħha….

    It-tradizzjoni antika taċ-Qingming Festival

    Bdejt billi żort il-qabar ta’ dawn iż-żewġ ħaddiema Ċiniżi li jinsab fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Miegħi ħadt bukkett fjuri sabiħ ikkulurit biex nuri sinjal ta’ rispett u mħabba. Iżda hekk kif wasalt quddiem il-qabar, mill-ewwel intbaħt li kont erġajt missejt ma’ xi aspett ieħor tal-kultura Ċiniża, hekk kif il-fjuri kollha li kienu tħallew qabel waqt iċ-ċerimonja msemmija, kienu ta’ lewn abjad u isfar. Mort mill-ewwel lura d-dar sabiex nifhem aħjar x’kien qed jiġri u sibt li din il-funzjoni annwali kienet tagħmel parti minn tradizzjoni antika Ċiniża magħrufa bħala Qingming Festival.

    Sabiex jgħinuni nifhem aktar dan il-kunċett, din il-ġimgħa ltqajt ma’ Qiu Guangling u ma’ l-assistent tagħha, Shi Qidong, ġewwa l-Ambaxxata taċ-Ċina f’Malta. Huma infurmawni li dan il-festival jifforma parti mill-24 aspett tal-kalendarju lunari Ċiniż fejn fosthom matulu jiġu ċċelebrati l-bidu tar-Rebbiegħa, u t-tifkira tal-antenati u tal-mejtin. Hemm min jirreferi għal dan il-Festival bħala ‘Pure Brightness Day’ jew inkella ‘Tomb-Sweeping Festival’ u dan dejjem jaħbat madwar il-5 t’April.

    Il-leġġenda ta’ Jie Zitui

    Iċ-Qingming Festival sikwit jiġi assoċċjat ma’ Jie Zitui li fis-7 seklu Q.K. kien jgħix fil-provinċja ta’ Shanxi. Jingħad li hu kien wieħed mill-ftit uffiċċjali li segwa lill-Chong Er, it-tifel tad-Duka ta’ Jin, meta dan kellu jħalli l-pajjiż minħabba nkwiet kbir li nqala’. Chong Er għex għal 19 il-sena fl-eżilju u s-sitwazzjoni li kien jgħix fiha tant kienet miżerabbli, li finalment abbandunah kulħadd, apparti ħames individwi, fosthom Jie Zitui. Dan l-uffiċċjal tant kien jirrispetta lill-kap tiegħu li meta darba minnhom Chong Er kien qed imut bil-ġuħ, huwa qata’ parti minn kuxxtejh u sajjarhielu ħalli dan ikun jista’ jistejqer b’laħmu.

    Intant, ġie żmien meta Chong Er irnexxielu jerġa’ jirbaħ it-tron li kien jistħoqqlu u huwa reġa’ lura lejn Jin bħala mexxej. Miegħu huwa ħa lill-uffiċċjali li kienu baqgħu leali lejh fi żmien tant imwiegħer u lil dawn tahom it-titlu ta’ nobbli. Imma għal xi raġuni, huwa nesa lil Jie Zitui li ormaj kien invalidu minħabba s-sagrifiċċju li kien għamel għall-kap tiegħu. Madanakollu, Chong Er ma damx ma ntebaħ bl-iżball li għamel u għalhekk huwa erħilha lejn il-muntanja Mian biex ifittex lil Jie Zitui, fejn dan kien mar joqgħod m’ommu. Iżda Jie Zitui kien sab l-hena fir-rifuġju tan-natura tal-ambjent tal-muntanja u b’xejn ma ried imur lura lejn il-belt. Għaldaqstant huwa baqa’ mistoħbi bit-tama li Chong Er jaqta’ qalbu u jħallih fil-paċi. Imma dan ma kellux ikun għax meta l-mexxej baqa’ ma sabx lil ħabibu, huwa tant webbes rasu li ried isibu, li ordna li l-foresta tal-muntanja tingħata n-nar ħalli Jie Zitui jiġi sfurzat joħroġ mill-moħba tiegħu. In-nar dam jaqbad tliet ijiem sakemm inħarqet il-muntanja kollha u meta n-nies ta’ Chong Er marru jfittxu lil Jie Zitui, huma sabuh maħruq flimkien m’ommu. Chong Er iddispjaċih ferm għalli ġara u b’rispett lejn dawn iż-żewġ individwi, huwa difinhom ħdejn il-muntanja Mian li bidlilha isimha għal Jie, u fuqha huwa bena tempju għall-memorja tagħhom.

    Bħala tifkira ta’ din it-traġedja, huwa ordna wkoll li kull sena, proprju f’dawk it-tliet ijiem, ħadd ma seta’ jqabbad nar fid-dar, u l-ikel kellu jittiekel kiesaħ biss. Kien hawnhekk li ngħata l-bidu għal ‘Hanshi’ jew ‘Cold Food Festival’. Aktar tard, madwar 300 sena ilu, fi żmien id-Dinastija Qing, dan il-Festival twaħħad maċ-Qingming Festival u l-okkażjoni nbidlet f’waħda ta’ tikira u sagrifiċċju għall-antenati. Illum, il-‘Cold Food Festival’ jiġi ċċelebrat ġurnata qabel iċ-Qingming u l-attivitajiet jibqgħu sejrin għal tliet ijiem sħaħ.

    Hekk kif aħna nagħmlu fil-bidu ta’ Novembru, meta nżuru ċ-ċimiterji u nuru r-rispett tagħna lejn qrabatna mejtin, fiċ-Ċina dan isir fil-bidu t’April. Għadd kbir ta’ nies jinġabru fiċ-ċimiterji biex inaddfu l-oqbra, jiżbgħu mill-ġdid il-kalligrafija li jkollhom miktuba fuqhom, jixgħelu l-inċens, u jħallu kriżantemi bojod u sofor, liema fjuri fil-kultura Ċiniża jesprimu s-swied il-qalb u n-niket. Barra minn hekk, huma joffru wkoll xi ikel u xorb lill-mejtin tagħhom u wara l-familjari jinġabru fuq il-qabar stess jew fil-ġonna tal-madwar sabiex jieklu dan l-ikel flimkien.

    Yin House Feng Shui

    Ta’ min isemmi illi meta jiġi biex jintagħżel sit għad-dfin, fiċ-Ċina jitqabbdu esperti tal-Feng Shui, liema użanza tikkonsisti minn forom ta’ arti u xjenza antiki li nħolqu f’dan il-pajjiż madwar 3000 sena ilu. L-għan prinċipali tal-Yin House Feng Shui huwa illi permezz ta’ għażla għaqlija tal-art fejn jindifnu l-mejtin, l-enerġija tagħhom tiġi mibdula f’enerġija pożittiva sabiex din tiġi riflessa f’riżq għall-familjari. Infatti ċ-Ċiniżi jemmnu illi jekk il-mejtin ma jitħallewx jistrieħu fil-paċi f’post li jassiguralhom serenità, il-familjari l-ħajjin isofru l-konsegwenzi.

    L-oqbra imperjali taċ-Ċina

    Dan il-prinċipju dwar l-oqbra ra l-bidu tiegħu meta l-bniedem ħoloq il-kunċett tar-ruħ u b’hekk daħħal ukoll l-idea ta’ ħajja oħra wara din. Għalhekk matul is-snin insegwu diversi tibdiliet fl-oqbra u dawn iservu bħala mera tal-ideat tas-soċjetà li tkun sawwrithom. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-oqbra bdew kull ma jmur jirraffinaw ruħhom sakemm fil-perjodu ta’ wħud mill-aktar dinastiji qawwija, l-oqbra imperjali ħadu s-sura ta’ tempji sħaħ bil-ħsieb li l-mexxej seta’ jgawdi l-istess ambjent li kien imdorri fih f’ħajtu, anki wara mewtu.

    Il-Musulew tal-imperatur Qin Shi Huang

    Dan il-musulew inbena mill-imperatur Qin Shi Huang fit-3 seklu Q.K. sabiex iservi bħala l-qabar tiegħu. Din il-binja enormi kienet waħda minn ta’ l-ewwel ta’ din ix-xorta, fejn l-ambjent tal-madwar intagħżel apposta sabiex joffri l-atmosfera ġusta għall-imperatur wara li jmut. Skont kittieba antiki, oriġinarjament, dan il-musulew kien madwar 120 metru għoli u l-bażi tiegħu kellha qies ta’ 2167 metru. Diversi siġar u pjanti ġew imħawwla fl-inħawi sabiex isebbħu l-post, filwaqt li nbena lqugħ għall-ilma b’għoli ta’ 10 metri u tul ta’ 1400 metru ħalli jiġi evitat li l-ilma tax-xmajjar li kienu fil-qrib jgħerrqu l-inħawi. Barra minn hekk, inbidel il-kors tax-xmara li kienet tagħti lejn in-nofsinhar ta’ dan il-musulew u minflok il-passaġġ tagħha ddawwar fix-xmara Weihe ħalli b’hekk ilmijietha ma jkunux ta’ ostaklu.

    Huwa stmat illi ntużaw madwar 12.8 miljun metru kubu ta’ art biex biha tissawwar l-art tal-qabar tal-imperatur u ta’ xi oqbra oħra fl-istess sit, flimkien mal-kostruzzjoni tal-ilqugħ tal-ilma u tal-istatwi li kellhom jitpoġġew fil-post. Barra minn hekk, kien hemm bżonn ukoll 1.2 miljun metru kubu ieħor ta’ art sabiex biha jinbena l-qabar tal-imperatur. Ta’ min isemmi illi dan il-ġebel kollu ġie maqtugħ minn barrieri fil-muntanja Ganquan li kienet tinsab 200 kilometru bogħod mis-sit tal-musulew!

    Għal ġewwa dan il-qabar, l-imperatur Qin Shi Huang, ordna li jitpoġġew ukoll xogħolijiet imprezzabbli artistiċi u ta’ sengħa mill-aqwa, fosthom ġojjelli maħduma mid-deheb u l-fidda, tpinġijiet, kitbiet, ħwejjeġ u drappijiet u għadd ta’ dekorazzjonijiet oħra. Finalment, tant kien hemm ġid ġewwa dan il-musulew li huwa diffiċli biex wieħed jikkalkula kemm dawn setgħu swew ħin, xogħol, ħajjiet, materjal u flejjes. Imma ċertament, hekk kif l-imperatur miet u difen kollox miegħu, huwa refa wirt kulturali mill-ifjen għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara.

    Iżda l-imperatur ried aktar minn hekk bħala akkompanjament għall-vjaġġ tiegħu wara mewtu. Infatti biex inbena dan il-qabar, apparti li kienu ntagħżlu l-aqwa nies tas-sengħa, il-kostruzzjoni tiegħu li ħadet snin sħaħ, saret minn bosta kriminali, bdiewa li ma ħallsux it-taxxi, u skjavi. U flimkien mat-tiswir ta’ qabar l-imperatur, dawn kellhom jibnu wkoll qabar ieħor fuq art li kienet tinsab 1400 metru bogħod, li finalment laqgħet fiha lill-kriminali li ndifnu flimkien mal-imperatur mejjet. Infatti, waqt skavi arkeoloġiċi, instab li dan il-qabar kellu medda ta’ madwar 1,200 metru kwadru u li kien miżgħud bl-għadam uman.

    Ironikament, għalkemm kien qed ilesti post tant fantastiku għal wara mewtu, dan l-imperatur kien beżgħan ferm mill-mewt u għamel snin sħaħ ifittex il-famuż eliżir tal-ħajja sabiex jakkwista l-font tal-eternità. Minħabba li hu kien tirann krudili, saru diversi attentati fuq ħajtu imma dejjem irnexxielu jiskappaha. Sakemm darba xortih ħallietu u huwa miet waqt vjaġġ wara li bela’ xi pilloli tal-merkurju li suppost kellhom itawwlulu ħajtu!

    L-imperatur Qin Shi Huang tant kien mibgħud li wara mewtu, id-dinastija tiegħu ntemmet fi ftit taż-żmien u l-qabar tiegħu ġie misruq u maħruq aktar minn darba. Madanakollu, dan il-musulew tant kien massiċċ illi fis-sena 1974, waqt li xi bdiewa Ċiniżi kienu qed iħaffru bir, huma sfrundaw f’parti oħra li kienet għadha ma ġġarfitx u dak li nstab ħalla lil kulħadd mistagħġeb. Grupp ta’ arkeoloġisti ntbagħtu minnufih biex jiskavaw u jieħdu ħsieb is-sit fejn fost is-sejba enormi u unika, kien hemm armata kbira ta’ suldati tat-terrakotta akkumpanjati minn numru ta’ karrijiet biż-żwiemel, kollha b’daqs reali. Għalkemm instabu mijiet minn dawn is-suldati li kull wieħed ġie maħdum b’mod individwali u b’fattizzi u pożizzjonijiet differenti, huwa maħsub li b’kollox hemm madwar 8,000. Barra minn hekk, jidher li hemm ukoll 130 karru b’520 żiemel, u 150 żiemel tal-kavallerija midfuna f’dan il-musulew.

    Kull sena din is-sejba tiġbed eluf ta’ turisti lejn dan il-post. U kull meta tittella’ xi esebizzjoni f’pajjiżi oħra b’xi wħud minn dawn l-oġġetti li nstabu, din dejjem ikollha ħafna konkorrenza. Dan stqarritu wkoll il-Kuratriċi Anzjana tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija f’Malta, Sharon Sultana, meta fl-2007 f’pajjiżna ttelgħet esebizzjoni b’81 artifatt minn dan il-musulew tal-imperatur Qin Shi Huang, li fosthom kienu jinkludu 10 suldati tat-terrakotta u żewġt iżwiemel.

    Tradizzjonijiet oħra li jsiru waqt iċ-Qingming Festival

    Peress li dan il-festival jaħbat ukoll mal-bidu tar-Rebbiegħa, dan hu ż-żmien meta l-bdiewa jibdew jaħartu u jiżirgħu l-art tagħhom. Hu wkoll perjodu fejn diversi fjuri sbieħ jibdew isebbħu l-inħawi u għaldaqstant, parti miċ-ċelebrazzjoni tinkludi wkoll mixjiet fil-kampanja. Dan huwa wkoll mument fejn bosta żgħażagħ jiltaqgħu flimkien u bosta stejjer ġodda ta’ mħabba jibdew proprju f’dawn il-ġranet. Bħala tislima ferriħija għall-bidu ta’ dan l-istaġun ġdid, is-sema tintela’ b’għadd kbir ta’ manuċċi (jew tajr) maħdumin b’sengħa mill-aqwa u f’forom diversi u b’hekk dawn il-ġranet jiżżewqu anki b’memorji sbieħ u pożittivi.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa ta’ l-20 t’April 2014)

    2014.04.20 / no responses / Category: Torca - Features & Articles