Posts Tagged ‘Kavallier Emanuele Luigi Galizia’

  • IĊ-ĊIMITERJU B’GĦAJNEJN OĦRA

    Ara ġejja l-mewt għalik, biex tixwik, biex taqlik. Ara ġejja! Ara waslet! Din id-daqqa min tahielek?

    Din il-kantaliena konna ngħodduha b’logħba meta konna żgħar. L-inqas ħsieb fuq dak li konna qed ngħidu. Iżda hekk Eman Bonnicikif nikbru ftit u naraw u nifhmu xi tfisser il-mewt, din issir l-aktar oġġett mistkerraħ f’ħajjitna. Preferibilment lanqas naħsbu dwarha u wisq inqas insemmuha, daqs li kieku qatt mhi ser tasal.

    Daqshekk ieħor tista’ tgħid għad-dehra taċ-ċimiterji. Postijiet sinonimi mal-mewt, mat-tmiem, mal-firda. Uħud jaħilfu li ma jidħlux ġo ċimiterju, oħrajn lanqas biss iħarsu lejh ma jridu. Imma finalment in-nuqqas ta’ xi qarib tiegħek jew ta’ xi ħadd għal qalbek iwasslek biex tagħmel anki dak li ma tridx jew li qatt ma ħsibt li ser ikollok il-kuraġġ tagħmel.

    Dan l-aħħar dehru xi ritratti taċ-ċimiterju tal-Addolorata li qanqlu ħafna diskussjoni. Fl-istess ħin iżda tinduna illi ħafna min-nies ikunu jridu jaqtgħu fil-qasir dwar dan is-suġġett. Donnu kulħadd jipprova jmewwet il-mewt. Forsi bit-tama li jekk tħallieha bi kwietha, tinsik.

    “Il-mewt taħsibx fiha inti, ħalliha taħseb fik hi,” qalli l-ħabib tiegħi Eman. “Inti m’għandikx għalfejn taħseb fiha għax trid jew ma tridx hi ser taħseb fik żgur. M’għandikx dubju! Allura li toqgħod taħseb fil-mewt kollu ħela ta’ ħin.”

    Kliem minnu u għaqli imma jkexkxek fl-istess ħin l-aktar jekk tkun għaddej tippassiġġa f’xi ċimiterju. Mort għax stedinni hu.

    Bħal bosta minnkom, il-mewt tifxilni. Nippreferi ma naħsibx fuqha. Ma tagħmilx ħafna sens għalija. Insibha iebsa biex nifhem għala toħloq xi ħaġa u mbagħad magħha tassenjalha wkoll il-mewt. Għaldaqstant ċimiterju jqanqalni ferm. Dawk ir-ritratti ta’ bnedmin iħarsu lejja, jnikktuni. Kollha ħajjiet mitfija. Min ħabrek, min tgħażżen, min kien iffortunat, min le, min kien marradi, min b’saħħtu … finalment l-istess tmiem kien qed jistenniehom. Iva, nevita li nidħol f’ċimiterji jekk nista’. It-togħma tal-mewt fihom tinħass wisq.

    “Jiena nurik perspettiva differenti taċ-ċimiterju” qalli Eman. “Jien ma narax il-mewt fih. Anzi! Jiena nara t-trankwillità, is-silenzju, ix-xogħlijiet tal-arti, il-ħmieġ u l-abbandun.”

    Eman, żagħżugħ interessanti ferm. Għandu ħafna għal qalbu r-riċerka. Tieħu gost titkellem miegħu għax jinteressa ruħu fil-fond dwar diversi suġġetti. Iżda mbagħad għandu drawwa li għall-ewwel ixxukkjatni. Jehda jdur maċ-ċimiterji, l-aktar dak tal-Addolorata.

    Għala għandek drawwa daqshekk makabra u grotteska, staqsejtu?

    “Lili jinteressawni ħafna tipi ta’ affarijiet u dan wieħed minnhom. Ma naqbilx miegħek li din tiegħi hija drawwa grotteska. Darba staqsew din l-istess mistoqsija lill-artist u kittieb, illum mejjet, il-Kavallier Raphael Bonnici Cali’ li kien irrisponda illi għalih iċ-ċimiterji ma jirrapreżentawx dwejjaq. Anzi, iċ-ċimiterju tal-Addolorata b’mod partikolari, kien ixebbħu mal-isbaħ villa bl-aqwa xogħlijiet tal-arti. L-iskulturi li hemm maħduma fil-ġebla Maltija u fl-irħam huma biċċiet tal-arti mill-isbaħ u jistħoqqilhom ammirazzjoni.”

    Mit-tikmixa ta’ xufftejja, Eman intebaħ li ma tantx kien ikkonvinċini u għalhekk stedinni biex meta rrid immur dawra miegħu fiċ-ċimiterju tal-Addolorata ħalli jurini x’ried jgħid eżatt. “Mhux l-ewwel darba li nieħu lil xi nies li naf għal xi dawra maċ-ċimiterju. Naf l-oqbra b’għajnejja magħluqa. Uħud ġieli jistaqsuni nurihom il-qabar ta’ xi personaġġ magħruf u jiena neħodhom fil-post bil-qalb kollha.”

    Aċċettajt! Jiena sfida nikolha. Malli wasalna mill-ewwel intbaħt illi għal Eman dan il-post għandu tifsira differenti. Iġib ruħu daqs li kieku qiegħed fi kwalunkwe post ieħor komuni. Ma flaħtx ma nistaqsihx…

    Għaliex tiġi hawn? Xi tħoss meta tidħol hawnhekk? Meta tara dawn l-oqbra madwarek x’effett jagħmlulek?

    “Ma jagħmluli l-ebda effett,” weġibni. “Il-mewt ma timpressjonanix. Jiena cold-blooded bħall-vampiri…”

    M’hawnx għalina! Bdejna bit-tajjeb. Bi kliemu aktar tregħixt. Hu nduna u daħak, “Jiena ġebel biss nara. Ġebel, xogħlijiet ta’ arti u stejjer ta’ nies. Niġi hawn b’rispett. Għall-bidu, meta kont żgħir, kont niġi hawn biss għal xi funeral. Id-drawwa li nżuru aktar sikwit bdiet meta mietet iz-zija ta’ nannti. Kienet sorju missjunarja li għexet ħajja ta’ tbatija kbira imma fl-istess ħin kellha ħajja interessanti immens. Għamlet ħamsin sena tgħix fil-Ġappun u l-Korea. Kienet Hiroshima waqt il-gwerra u ħarġilha ħafna mard minħabba r-raġġi li għaddiet minnhom. Kienet il-Korea fi żmien l-invażjoni tal-Korea ta’ Fuq. Kienet tidħol ġo rħula u ma ssib xejn. Kullimkien maħruq u mbagħad tilmaħ munzell ta’ tfal għarwenin, kollha maħruqa fuq xulxin. Rat ħafna ma’ wiċċha u batiet iżda mbagħad mietet fl-irqad hawn Malta u wara li dfinniha bqajt inżur qabarha u mbagħad inżur tal-oħrajn.”

    Taf kif beda hawnhekk?

    “Iċ-ċimiterju tal-Addolorata ġie mibni fuq l-għolja magħrufa bħala tal-Ħorr għall-ħabta tal-1862. L-arkitett tiegħu kien il-Kavallier Emanuele Luigi Galizia. Ix-xogħol dam sejjer sebgħa snin sħaħ taħt id-direzzjoni tal-Perit tal-Gvern Mikiel Busuttil. Ġie mbierek u kkonsagrat fl-1869 iżda għall-ewwel ħadd ma ried jidfen fih.

    F’dawk iż-żminijiet kienet għadha teżisti d-drawwa li n-nies jidfnu lill-egħżież tagħhom fil-knejjes jew min kien ikollu, fiċ-ċimiterju tal-belt jew raħal tiegħu. Iżda ġara illi fl-1863 il-gvern ippubblika liġi li kienet tipprojbixxi d-dfin fil-knejjes tal-ibliet. Fis-sena ta’ wara din il-liġi ġiet estiża wkoll għal kwalunkwe lok fil-limiti tal-Belt Valletta, il-Furjana, il-Birgu, l-Isla u Bormla. Fl-istess sena il-Vigarju Ġenerali Mons. Carmelo Scicluna ntbagħat mill-Isqof Pace Forno biex ibierek iċ-ċimiterju. Madanakollu l-fehma tan-nies mhux la kemm iddawwarha.

    Hawn Malta minn dejjem kien jeżisti kult qawwi tal-mewt u r-reliġjon tagħna jkompli jsaħħu. Jitlob rispett lejn il-mejjet; li nagħmlulu quddiesa, li nidfnuh u li nitolbu għalih. Iċ-ċimiterju u l-ġisem tal-mejjet huma meqjusa bħala sagri. Affarijiet tal-mejjet nikkonsidrawhom bħala relikwa. Nilbsu l-vistu u nibnu l-isbaħ monumenti fiċ-ċimiterji tagħna. Kienet diffiċli biex tikkonvinċi n-nies tibdel drawwietha. Hekk jew hekk l-Addolorata kienet imbiegħda wisq minn bosta postijiet u żjara lill-qraba kienet ser tkun diffikultuża.

    Iżda ġara illi fit-22 ta’ Jannar 1872, mietet Anna Magro, armla u tallaba mwielda n-Naxxar u li kienet toqgħod il-Mosta. L-anzjana ta’ 64 sena mietet fl-isptar ġenerali ta’ Malta u peress li ma kellha lil ħadd, hi ndifnet fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Kienet l-ewwel waħda li ndifnet hemm.

    Xi ftit taż-żmien wara, il-Bormliżi ftehmu biex jibdew jidfnu l-mejtin tagħhom f’dan il-post u hekk sar. Fil-fatt fuq in-naħa t’isfel taċ-ċimiterju, issib għadd ta’ oqbra tal-Bormliżi. Huwa nteressanti li wieħed isemmi ġrajja li donnha li llum intesiet…. F’dawk iż-żminijiet, bħala gratitudni għall-ko-operazzjoni tal-Bormliżi f’dan il-proġett, skont il-Kanonku u riċerkatur, Dun Giuseppe Bonello, meta n-nies ta’ Bormla aċċettaw li jkunu l-ewwel nies li jidfnu n-nies tagħhom hawnhekk, inħarġilhom digriet li għadu japplika sal-lum li kien jgħid illi l-Bormliżi għandhom il-privileġġ illi jdaħħlu lill-mejjet tagħhom fil-Kappella tad-Duluri li hawn fiċ-ċimiterju sabiex jgħidu l-aħħar talb qabel id-dfin. Iżda illum naħseb illi dan id-digriet intesa għax għaddew bosta snin u qatt aktar ma użah, sa fejn naf jien.

    Bil-mod il-mod imbagħad id-drawwa li jidfnu f’dan il-post bdiet tindara.”

    Ftit ftit bdejna deħlin il-ġewwa…

    “Ara. Dawn huma oqbra tas-suldati li  kienu fil-commonwealth u li mietu hawn Malta waqt il-gwerra. Innota kif kull wieħed minnhom għandu qabar għalih waħdu. Ħela meta llum rari jiġi jżurhom xi ħadd u meta hawn talba tant kbira għall-oqbra.”

    “Trid nurik aktar ħela?” staqsini. Matul triqitna ġibidli l-attenzjoni lejn diversi oqbra illi kien jidher biċ-ċar li ħadd m’għadu jieħu ħsiebhom. L-aħħar dfin li sar fihom kien snin twal ilu u jidher li qatt ma ntmessu minn dak iż-żmien ‘l hawn. Min-naħa l-oħra kien hemm ċertu oqbra li għalkemm kienu jidhru li ilhom hemm, il-ġebla tagħhom ma kinetx mimsusa, qishom qatt ma ntużaw. F’postijiet oħra, kien hemm irqajja vojta kollha ħaxix u fjuri. Lanqas xorok biss ma kien hemm. Eman qalli li jista’ jkun li dawn kienu xi partijiet li ntlaqtu bil-gwerra.

    “Dan l-aħħar il-gvern kien qed isemmi li ser jagħti oqbra ġodda. Imma jaħasra dak kollu ħela. Jekk ser nibqgħu nibnu fih, dan iċ-ċimiterju ser jasal sa Santa Luċija. Jien għandi suġġeriment ieħor – nużaw dawk l-oqbra li llum jinsabu abbandunati.

    Kieku jien nagħmel Family Plan ta’ kull qabar li hawn fiċ-ċimiterju. Ħaddiema hawn kemm trid li jistgħu jgħinu f’dan il-proġett. Kull min għandu qabar hawn, jintalab jikkonferma li l-qabar hu tiegħu sa ċertu data partikolari. L-oqbra l-oħra, dawk li huma abbandunati, għax il-linja ta’ dik il-familja mietet kollha, għandhom jiġu mibjugħa bi prezz speċjali lil dawk li għandhom bżonn qabar għall-familja tagħhom. Ma’ dan il-kuntratt ta’ bejgħ, nagħmel ukoll numru ta’ kundizzjonijiet fosthom illi dan il-qabar jibqa’ jappartjeni wkoll lis-sidien oriġinali. Il-fdalijiet tagħhom għandhom jitpoġġew fil-qiegħ tal-istess qabar u jiġu ssiġillati b’sodda tal-konsos biex la jitħalltu u wisq anqas jintmessu. Is-sid il-ġdid ikun ukoll marbut li jieħu ħsieb l-irħam jew il-monument li jsib fuq dan il-qabar. Kulħadd jaf x’jiġri inkella – l-ewwel naċċettaw il-kundizzjonijiet u mbagħad l-affarijiet tas-sidien ta’ qabel jisparixxu. Bi pjan bħal dan, kieku jintlaqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda. L-ewwel nett ma jkollnix għalfejn inkabbru ċimiterju li diġà huwa kbir ħafna. It-tieni, dawn l-oqbra ma jibqgħux abbandunati u tingħata aktar dinjità lill-mejtin tagħhom.”

    Il-kundizzjoni taċ-ċimiterju tal-Addolorata tbikkik. Mogħdijiet mfarrka u maqlugħa, bosta minnhom minħabba l-Siġra mwaqqgħafriegħi kbar tas-siġar li jdawwru l-inħawi. Ħaxix ħażin ħiereġ minn kullimkien. Oqbra u kappelli mifqugħa. Saħansitra f’post minnhom sibna siġra mwaqqgħa fuq numru ta’ oqbra li apparti li kienet tkerrah u qed tagħmel il-ħsara, kienet f’nofs il-passaġġ li trid tgħaddi minnu. Funtana b’arkitettura mill-isbaħ kienet mimlija bl-ilma qiegħed. Il-ħmieġ u t-telqa evidenti kull fejn tmur. Abbandun totali.

    “Ara dawk in-nies x’jaqalgħu l-ħaxix ħażin minn fuq il-qabar ta’ qrabathom,” qalli Eman. “Mhux għarukaża din? Mhux tal-mistħija? Anzi ejja ħa tara dan,” qalli filwaqt li ħadni ħdejn taraġ mikul waħda u sew. “Spjegali naqra kif ser jgħaddu b’tebut minn fuq dan. Ara veru ma nafx kif ma ndaħħkux waqt id-dfin aħna! Dawn mhux kundizzjonijiet xierqa kemm għal min jaħdem hawn u wisq anqas għall-qraba tal-mejta li biżżejjed ikunu mnikkta.”

    Ħasra! Għax dan iċ-ċimiterju huwa magħruf bħala wieħed mill-isbaħ fid-dinja proprju minħabba t-tqassim meqjus tiegħu u anki għax-xogħlijiet artistiċi li fih. Eman dawwarni maċ-ċimiterju daqs li kieku kien f’daru. Bqajt skantata b’ċertu monumenti li rajt. Ftit ftit bdejt nara b’għajnejh u għal xi mumenti irnexxieli ninsa li qegħdha f’post il-mejtin u jkolli nammetti li bdejt nieħu gost indur hemm ġew.

    L-aktar monument li laqgħatni għandu storja ħelwa ħafna miegħu u jmur lura għall-1904…

    “Dan qabar ta’ negozjant Taljan u ġie maħdum f’funderija f’Ruma,” spjegali Eman. “Kien jismu Attilio Micari u kellu Monument omm u ibenommu anzjana ħafna tgħix Malta. Darba minnhom ġie lura għall-għarrieda u ommu Giovanna tant ferħet bih li mietet f’idejh. L-iben tant ħassha l-mewt tagħha li bnielha dan il-qabar imponenti b’rispett lejha. Innota l-ġmiel tad-dettalji mirquma: is-siġġu, l-imħadda, il-ħwejjeġ, il-fattizzi. Hu miet fl-1915 u ndifen hawn magħha. Iżda dan il-qabar jixhed ukoll storja oħra. Ara d-daqqiet li fih. Dawk toqob kkawżati mix-xrapnel għax daċ-ċimiterju ġieli ntlaqat waqt il-gwerra. Sfortunatament illum huwa abbandunat għal kollox.”

    Impressjonanti u mill-isbaħ. Inti u tħares lejhom, omm u iben mgħannqin f’tgħanniqa eterna, jagħtuk l-impressjoni li imħabbithom saħansitra rebħet fuq il-mewt u ma tantx trid wisq biex timmaġinahom ħajjin hemm quddiemek.

    F’mumenti hekk tapprezza s-serenità u l-ħemda tal-post. Jirnexxielek tibda tinnota is-sema kaħlana, il-fjuri u s-siġar u l-agħsafar jgħannu fil-friegħi tagħhom.

    “Dan il-post huwa sagru u jixraqlu r-rispett u l-kura. Hija għarukaża kif tiġi hawn u ssib dan l-abbandun kollu. Ilni niġi hawn is-snin u ftit li xejn nara xi tibdil. Il-post minsi għal kollox. Dawn il-monumenti li urejtek huma xogħlijiet imprezzabbli. Uħud minnhom qed jittieklu minħabba l-elementi u ż-żmien li għadda minn fuqhom. Jekk ser jibqgħu jitħallew għal rieħhom, il-ħsara li ser issirilhom ser tkun irreparabbli. Għaliex f’dan il-pajjiż ma nafu napprezzaw xejn? Mhux talli, niftaħru b’li ser isir ġdid u nitilqu dak li diġà hawn. Ħela, nuqqas ta’ ppjanar u mmaniġġjar ħażin tal-ħaddiema. Messu hawnhekk jintefgħu erbgħa min-nies li xogħolhom ikun il-manteniment tal-post. Biex ma nsemmux ir-restawraturi li huma meħtieġa.”

    Domna ħafna nduru madwar dan iċ-ċimiterju li donnu m’għandu l-ebda tarf. Aktar ma beda jgħaddi l-ħin, aktar bdejt inħossni qed nifhem x’jiġbed lil dan iż-żagħżugħ lejn dan il-post. Mhux il-mewt imma l-preżenza tal-arti u tal-arkitettura li jżommu ħajja l-memorja ta’ min ikun ħadimhom u ta’ dawk li l-arti tkun qed tirrapreżenta. U fuq kollox l-istorja tan-nies li jinsabu hemm.

    “Jiena nammira ħafna l-bniedem li ħadem fis-silenzju u b’sagrifiċċju imma imbagħad illum huwa minsi. Għalhekk nieħu pjaċir nintroduċi dan il-post lil nies oħra… biex nibqa’ nfakkarhom. Qed tifhem għala niġi hawn issa?” qalli Eman bi tbissima hekk kif bdejna ħerġin mill-kanċell il-barra. “Dik kienet biss togħma żgħira tal-post. Meta trid, nerġgħu niġu u nurik aktar.”

    Din id-darba ma nħsadtx. It-togħma tal-mewt għal dan il-post kienet marret. Tiskanta kemm il-perspettiva ta’ bniedem ieħor kapaċi tiftaħlek bibien li forsi inti b’forza tkun qed iżżomm magħluqa.

    Forsi anki min suppost qed jieħu ħsieb dan il-lok qed jagħmel l-istess. Forsi hu ż-żmien li anki hu jiftaħ għajnejh…

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-24 ta’ Mejju 2009 u ġie wkoll magħżul minn Din l-Art Ħelwa biex jiġi ppremjat bil-ġieħ ta’ Prix D’Honneur fil-kompetizzjoni ta’ kitba dwar il-wirt kulturali mibni fl-2009)

    2009.05.24 / no responses / Category: Torca - Perspettivi