Posts Tagged ‘Kontessa Carla Compagnioni Floriani’

  • ĦAJTI HI AVVENTURA

    Il-bniedem ma jistax jiskopri ibħra ġodda jekk ma jkollux il-kuraġġ jitlaq minn fuq ix-xatt… Andre Gide (1869-1951) kittieb Franċiż u rebbieħ tal-premju Nobel fil-letteratura – 1947.

    It-talent tal-iskultur jaffaxxinani. Dik il-kapaċità li jagħti l-ħajja u l-valur lil daqsxejn materjal permezz tal-kreattività tiegħu, sabiħa wisq! Wisq aktar impressjonanti huwa l-fatt illi individwu ieħor li m’għandux dik l-arti f’demmu, lest li jdaħħal idejh fil-but u jħallas għal dik il-biċċa xogħol li jixtieq.

    Dan l-aħħar iltqajt ma’ Christopher Ebejer,  diżinjatur u skultur li għalkemm għad għandu biss 30 sena, irnexxielu jibni karriera f’dan il-qasam u diġà mexa sewwa fit-triq tas-suċċess. Fostom huwa ġie magħżul biex jaħdem il-monument tal-Isptar Mater Dei….

    “Kienet kompetizzjoni nazzjonali u ntagħżilt jien. Ħassejtni kburi ferm għax fost l-artisti li pparteċipaw, kien hemm saħansitra eks għalliema tiegħi. Dan il-monument kellu l-għan li jkun is-simbolu tal-Mater Dei. Il-proċess biex inħadem ħa sentejn u hu madwar 3 metri għoli.”

    Iżda ejja mmorru lura….lejn kif inħobb nibda jien… Kif nibtet din il-passjoni lejn l-iskultura?

    “Sa minn meta kont żgħir, dejjem kont ninteressa ruħi f’affarijiet mhux tas-soltu. Dejjem kelli gosti li jmorru lil hinn mill-popolarità tal-massa tan-nies. U allura fejn bosta minn sħabi kienu jħobbu l-futbol Christopher Ebejer mal-buzzett u l-monument tal-Perit Pietro Paolo Florianiper eżempju, minflok jiena kien jogħġobni s-sens ta’ avventura u b’mod speċjali x-xogħlijiet tal-arti. Irrealizzajt illi l-arti tiftaħlek beraħ l-opportunitajiet biex tagħmel affarijiet differenti. Kien għalhekk illi ntfajt b’ruħi u ġismi nesperjenza u nitħarreġ f’forom differenti tal-arti fostom fid-diżinn, fl-interior design, fil-pittura, fid-direzzjoni ċinematografika u fl-iskultura. Fir-rigward tal-iskultura kienet tiġbidni  ħafna t-tanġibilità tagħha, il-fatt li tista’ tmissha. U fl-iskultura, b’mod partikolari, kienet tinteressani l-arti monumentali. Ġara li f’ċertu punt minn ħajti bdew deħlin diversi kummissjonijiet tal-iskultura u allura ġiet b’mod naturali li jiena naqbad dik it-triq.”

    Artist titwieled jew issir?

    “Bla dubju li l-arti tkun fin-natura tiegħek imma mbagħad biex tagħmel xi ħaġa biha tassew, trid tistudja u titkisser fuqha.

    Jiena studjajt l-arti fil-forma tradizzjonali, kif kienet tiġi mgħallma fl-iskola l-antika tal-arti, jiġifieri studjajt l-anatomija tal-bniedem, il-kompożizzjoni, id-diversi forom, il-profili u l-istili differenti. Iżda fl-iskola tal-arti nnifisha ma domtx aktar minn sentejn għax ħassejt illi l-istil akkademiku ma kienx dak li kont qed nistenna. Jiena ppretendejt tagħlim aktar akkademiku bħal ngħidu aħna li jħarriġni fil-proporzjonijiet tal-figura jew f’kif għandu jkun it-taħlit tal-kuluri, inkella kif nibni statwa. Minflok sibt illi aktar minn kollox, din l-iskola kienet toffrilek l-inkoraġġiment biex tesprimi ruħek u l-bqija trid tara kif titgħallmu int.

    Jiena nemmen illi artist irid ikollu żewġ elementi bażiċi: l-element akkademiku u l-kreattività. Kien għalhekk illi attendejt ukoll għal numru ta’ korsijiet privati li ħallast minn buti. Iżda ma rridx nonqos milli nsemmi l-bażi formattiva u siewja ħafna li rnexxieli nieħu minn għand Tarcisio Montebello, iben l-iskultur magħruf Marco Montebello. Niftakar li dak iż-żmien sikwit kont nintasab ħdejn Tarcisio meta kien qiegħed jaħdem il-kor il-ġdid tal-Knisja ta’ Raħal Ġdid. Hemm, fuq l-iscaffolding, kont noqgħod ninnutah iqatta’ u jsawwar l-ornamenti sbieħ fil-ġebla bħall-weraq imnaqqxa  mal-orgni tal-knisja. Tarcisio għallimni ċerti teknikalitajiet fuq affarijiet attwali li qatt ma stajt nesperjenzahom ġo skola.

    Imbagħad komplejt ukoll niżviluppa waħdi. Qrajt ħafna. Sifirt ħafna u dort bosta mużewijiet mal-Ewropa kollha, nifli u nistudja x-xogħlijiet. Ftit ftit tibda tiddakkar mix-xogħol, teduka aktar għajnejk, tibda’ tiżviluppa għajn artistika u titgħallem tiddistingwi l-arti minn waħda tajba għal oħra inqas tajba.

    Imma fir-realtà l-istudju ma jrid jieqaf qatt. Anki llum li lħaqt ċertu livell, inżomm ruħi aġġornat u nesperimenta l-ħin kollu biex nara kif ser norqom aktar xogħli. Ngħidu aħna, jekk qed nagħmel statwa mlibbsa, naqbad biċċa drapp, inpoġġiha fil-pożizzjoni li nixtieq u noqgħod nara kif qed jaqa’ d-dawl fuqha sabiex b’hekk inkun nista’ nesprimi dak li qed nara b’mod aktar realistiku fix-xogħol tal-ġebla.”

    Kemm kien diffiċli li tiddeċiedi li tibni karriera mill-iskultura?

    “Jiena twelidt u ngħix fir-raħal tal-Qrendi. Raħal sabiħ bil-bosta, mgħoni b’natura miftuħa imma b’mentalità magħluqa ferm. Meta turi r-rieda li ssir artist, jgħidulek inti mhux hawn trabbejt, mal-istess erbat itfal? Għaliex taħseb li tista’ taspira għal dan? U fuq kollox kif taħseb li ser tiekol bl-arti biss? Tirċievi l-istess reazzjoni daqs li kieku għedt li tixtieq issir astronawta, xi ħaġa li wkoll ma narax impossibbli sempliċiment għax int Malti. Bilkemm ma jibdewx jidħku bik. Ma ssibx wisq min isostnik meta tħares lejn xi ħaġa li hija barra min-normalità tal-aspirazzjoni ġenerali tal-mentalità tan-nies. Xi ħaġa li ddejjaqni u tirritani ħafna. Li tibdel din il-mentalità kienet waħda mill-akbar ostakli speċjalment meta jiena m’għandi lil ħadd fil-familja li jagħmel dax-xogħol. Madanakollu jiena bniedem rasi iebsa ħafna u dak li noħlom nibqa’ nibqa’ sakemm nagħmlu, jieħu kemm jieħu żmien. Minn dejjem kont ċert x’irrid f’ħajti u ta’ 16-il sena kont iddeċidejt li ser insir skultur professjonali. U hekk sirt.”

    X’inhu dak li jispirak f’xogħlok?

    “Il-mużika klassika u s-soundtracks tal-films. Tispirani wkoll ħafna l-arti tal-passat għax nemmen illi artist għandu jkun kontinwazzjoni tal-istorja u allura jrid ikompli fejn ħallew ta’ qablu. Huwa ħażin li nikkunsidraw ix-xogħlijiet li saru qabel bħala antiki. Irid ikollok stil tiegħek. Imma minn dak li kien hemm qabel irid jibda kollox.”

    Liema hu l-aktar xogħol li joffrilek sfida?

    “Ix-xogħol monumentali. L-arti monumentali hija skola għaliha. Tikkonsisti fostom fl-istudju tal-pjanifikazzjoni urbana jiġifieri tkun trid tikkunsidra bir-reqqa l-pjazza, it-triq u l-ambjent ta’ fejn ser jitpoġġa l-monument. Trid tara per eżempju li dan il-monument mhux ser jostakola l-post, la min-naħa tat-traffiku u lanqas mil-lat viżwali. Barra minn hekk, jekk hemm siġar kbar idawwru l-post, ma tistax tħalli lix-xogħol jinbela’ minnhom. Għaldaqstant trid toqgħod attent ħafna għad-dehra ħolistika, għall-proporzjonijiet: illi l-istatwa qegħdha tidher tajjeb meta kkomparata mal-pedestall tagħha u li l-pedestall u l-istatwa qed jikkumplimentaw id-dehra tal-post in ġenerali.

    Meta l-monument ikun ta’ figura umana mbagħad hemm sfidi oħra wkoll. Il-figura tal-bniedem hija l-aktar ħaġa li ġiet interpretata matul is-sekli mill-artisti, proprju għax toffri diversi sfidi. L-ewwel nett, trid tkun artist imħarreġ sewwa biex timmudella figura. U t-tieni nett irid ikollok għarfien biżżejjed biex tkun taf tesprimi l-espressjonijiet, il-pożizzjonijiet u l-istili differenti tal-figura nfisha.

    Fil-fatt niddiżappunta ħafna ruħi meta nara li f’pajjiżna ċertu xogħol monumentali jiġi fdat f’idejn individwi li ma ġewx imħarrġa f’dan il-qasam. Fl-istatwar hawn diversi ġeneri ta’ arti bħal ngħidu aħna l-istatwi tal-festi. Imma min jagħmel dat-tip ta’ xogħol mhux neċessarjament ikun ikkwalifikat biżżejjed biex jaħdem monument. Biex infehmek aħjar, dan bħal meta qed ngħidu illi tqabbad kompożitur ittrenjat fuq il-marċi biex jiktiblek opra. Mhux sejjer ma jagħmiliex. Imma la ma kienx imħarreġ f’dal-ġeneru ta’ mużika, żgur li mhux ser ikun kapaċi jitfa dik il-finezza, dik l-emozzjoni fix-xogħol u aktarx li ser iħallat l-istili. L-istess ħaġa jiġri fil-qasam tal-monumenti.

    Sfortunatament hawn Malta hawn nuqqas ta’ distinzjoni għax teżisti kultura li kollox jgħaddi. U dan huwa ħażin ferm għax bla ma jrid wieħed ikun qiegħed jhedded il-kredibilità ta’ min huwa professjonali. Persuni illi għamlu sagrifiċċji kbar fil-karriera tagħhom biex jilħqu livell professjonali, ħafna drabi jsibu ruħhom kważi kważi trattati pari passu ma’ ċertu dilettantiżmu. U dan jagħmel ħafna ħsara għax qed iwassal għall-mentalità illi jekk trid karriera fil-qasam artistiku, m’għandikx għalfejn tagħmel sagrifiċċju, m’għandikx għalfejn tistudja u m’għandikx għalfejn titkisser u titħarreġ. Jekk tagħmel xi ħaġa, għandek kull dritt tesponiha, hi ta’ liema livell hi. Tmur għall-intervisti fuq it-TV u anki tbiegħ xogħolok. M’hemmx distinzjoni. Qegħdin indaħħlu lil kulħadd bl-amment, anki fl-esebizzjonijiet. U l-kwalità qed tmur il-baħar. Dan kollu hu permess għaliex m’hawnx biżżejjed għarfien kulturali dwar l-arti u ftit wisq hawn min jaf jagħraf biċċa xogħol artistika tajba minn oħra. Huwa għalhekk meta mbagħad tkun qed tikkompeti għal biċċa xogħol, wieħed jiflaħ jagħti prezz u l-ieħor ieħor. Jekk inti investejt ftit li xejn fik innifsek, tiflaħ titlob prezz anqas għal xogħlok. Mentri jekk wieħed investa ħafna aktar u kapaċi joffri xogħol ta’ kwalità iprem ma jistax jitħallas bl-istess prezz.”

    Imma professjoni bħal din tirrendi finanzjarjament?

    “Biex tkun professjonist trid taħdem full-time fuq xi ħaġa. Irid ikollok ukoll timbru partikolari li jiddistingwixxi x-xogħol tiegħek minn dak ta’ l-oħrajn. Barra minn dan, trid tkun kapaċi twettaq il-proġetti li tidħol għalihom b’mod dinjituż u bihom tolqot l-attenzjoni tal-pubbliku in ġenerali. Biż-żmien takkwista ċertu rispett artistiku u l-kummissjonijiet jibdew deħlin. Fil-fatt bħalissa għaddej fuq diversi xogħlijiet li finalment jirrenduli sodisfazzjon finanzjarju tajjeb.”

    Min huma l-klijenti tipiċi  tiegħek?

    “Għandi żewġ tipi ta’ klijenti: il-kollezzjonisti tal-arti u diversi organizzazzjonijiet li jikkummissjonawli l-monumenti bħal ngħidu aħna l-gvern, il-kunsilli lokali u xi fundazzjonijiet.”

    S’issa tellgħajt tliet esebizzjonijiet solo. Kif mort fihom u għandek xi ħsibijiet li tagħmel xi ħaġa oħra simili?

    “Iva, tellgħajt esebizzjoni minnhom fil-Vilhena Palace l-Imdina taħt l-isem Nostalgia. Ħafna mix-xogħlijiet inbiegħu u tant intogħġbu li kelli ntella’ wirja oħra f’Għawdex peress li kelli domanda qawwija mill-Għawdxin. Esebizzjoni oħra taħt l-isem Phantoms ittelgħet ġewwa l-Birgu. Din ukoll kienet ta’ suċċess, tant li kelli nestendi 15 il-biċċa xogħol oħra billi kien inbiegħ kollox.

    Ħadt sehem ukoll f’esebizzjonijiet barra minn Malta fostom f’Madrid fejn ix-xogħlijiet tiegħi ġew apprezzati ħafna.

    Bħalissa qiegħed fi stadju li nibni kollezzjoni prestiġġjuża ta’ xogħol ġdid, xogħol fil-bronż b’suġġetti varji.”

    Liema hi l-aktar biċċa xogħol għal qalbek?

    “Aktar milli norbot qalbi ma’ xi xogħol, kultant biċċa xogħol partikolari tkun timmarka fażi importanti fil-karriera tiegħi u allura nkun nixtieq inżommha.

    Każ minn dawn huwa l-mudell taż-żiemel ta’ Trojja li jiena ħdimt għal film Helen of Troy li nħadem għat-TV hawn Malta. Kont diġà ħdimt fil-qasam tad-diżinn tas-settijiet ċinematografiċi f’diversi Iż-żiemel ta' Trojjaproduzzjonijiet li saru f’pajjiżna, fostom fuq is-sett ta’ Julius Ceasar. Illum l-iskulturi f‘pajjiżna tgħoddhom fuq subgħajk u allura ma domtx ma ġbidt l-attenzjoni ta’ dawk li kienu jaħdmu f’dan il-qasam. Ġara illi f’Helen of Troy inbidel id-diżinjatur tal-produzzjoni u min ġie minfloku, meta ra l-kwalità ta’ xogħli, talabni naħdimlu mudell żgħir taż-żiemel sabiex imbagħad jitkabbar permezz tas-CGI (computer generated image). Kont sodisfatt ħafna għax fl-età ta’ 23 sena, produzzjoni Amerikana kienet afdatni b’biċċa xogħol ta’ responsabbiltà bħal dik. Iż-żiemel sar u l-film inġibed bih u ntwera lil miljuni ta’ nies. Darba minnhom kont qiegħed għal symposium fiċ-Ċina u kont qed nitkellem ma’ skultur mill-Guatemala. F’ħin minnhom waqa’ d-diskors fuq l-istorja ta’ Trojja u dan staqsini jekk kontx rajt il-film Helen of Troy u lil dak iż-żiemel li tant kien impressjonah. Jien m’għedt xejn, ħadtu miegħi fl-appartament li kont ngħix fih u urejtu r-ritratti li kelli dwar kif kont ħdimt dak iż-żiemel. Baqa’ jħares mistagħġeb u lanqas ried jemmen lil għajnejh li kien qiegħed jitkellem proprju ma’ dak li kien ħadem iż-żiemel li tant kien għoġbu! Kien mument ta’ sodisfazzjon kbir għalija. Minn dak iż-żiemel kont għamilt 4 kopji u żammejt waħda għalija.”

    Imma oġġett hekk, tasal biex tbiegħu?

    “Offrewli somma tajba għalih imma ma rħejtux minn idi. Jiena nemmen illi arti tajba bħall-inbid tajjeb…aktar ma jgħaddi żmien minn fuqha, aktar titjieb. Min jaf? Forsi xi darba, jekk nara li hu l-mument ġust, inbiegħu.”

    Dawn l-irġiel! Kif donnhom mhuma kapaċi jorbtu qalbhom ma’ xejn hux? Ngħir għalihom kultant għax jiena xi ħaġa hekk kieku ngħożża ma’ qalbi u rrid immut biex teħodhieli… Imma inkomplu… Chris, mill-websajt tiegħek stajt nara illi l-ewwel monument li għamilt, sar propju fiċ-Ċina…

    “Kultant ċertu affarijiet iseħħu meta l-inqas li tkun qed tistenniehom. Darba kien hemm ħabib tiegħi li nfurmani illi fiċ-Ċina kien ser isir symposium kbir tal-arti fejn fih kienu ser jiġu mistiedna jipparteċipaw 25 skultur minn madwar id-dinja. Min xtaq ikun eliġibbli biex jattendi, kellu jissottometti diżinn ta’ monument u jien hekk għamilt.

    Sadanittant jiena tlajt Los Angeles biex nattendi għall-kors fid-direzzjoni tal-filming peress li f’dak iż-żmien kien jinteressani ħafna dak ix-xogħol u kont qed nikkunsidra anki li nibqa’ ngħix hemm. Hekk kif Christopher Ebejer mal-monument li ħadem fiċ-Ċinaqed inlesti l-kors, irċevejt l-aħbar illi d-diżinn tiegħi li bgħatt iċ-Ċina kien intagħżel fost il-25. Nistqarr li dak il-ħin tfixkilt. Hemmhekk kont sirt ħbieb mal-Prinċep Lorenzo dei Medici li kien qed jattendi kors fil-produzzjoni tal-films. Kien hu li mbuttani biex nerħi kollox u mmur nattendi għas-symposium. Kelli kollox issusidjat miċ-Ċina għal xahrejn u nofs sħaħ. Kont ngħix f’appartament imdaqqas u saħansitra kelli s-segretarja u l-interpretu tiegħi. Finalment, kull wieħed mill-iskulturi magħżula kellu jibni l-monument li kien fassal u naturalment jiena bnejt il-monument tiegħi ukoll. Kienet veru esperjenza interessanti fejn minn kultura liberali għall-aħħar fl-Amerika, ħabta u sabta sibt ruħi f’kultura għal kollox differenti li kienet pjuttost spiritwali u riservata.

    Iżda dik ma kienetx l-unika esperjenza tiegħi fiċ-Ċina għax għadni sal-lum nibgħat xi xogħol fil-funderiji tagħhom tal-bronż. Fil-fatt għandi diversi proġetti oħra li aktar il-quddiem irrid nitla’ ċ-Ċina biex jitwettqu. Huma proġetti kbar imma għadhom fil-konċepiment tagħhom u ma nistax niżvelahom minn issa.”

    Is-sena li għaddiet inti ġejt ikkummissjonat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana biex taħdem monument f’ġieħ il-perit Pietro Paolo Floriani, liema xogħol issa jinstab fil-pjazza ta’ Robert Sammut fil-Furjana. Xi tgħidilna dwar l-istil barokk ta’ dan il-monument?

    “Għażilt dan l-istil biex jidentifika sewwa maż-żminijiet li kien jgħix fihom il-perit Floriani. Qabel iddiżinjajt dan il-monument għamilt bosta riċerka biex nagħraf sewwa min kien dan il-personaġġ. Fil-fatt kien hemm min tani diżinji tiegħu mill-Biblijoteka Nazzjonali sabiex inkun nista’ nagħmel rikostruzzjoni faċċjali aktar ġenwina. Għalkemm ix-xogħol qed jinħadem illum, jiena ridt inżomm l-interpretazzjoni tas-seklu 17. Barra minn hekk tkixxift kif kienu l-karattru u l-attitudni tiegħu, x-xogħlijiet li għamel u kemm kien famuż. Dan kollu wassalni biex noħroġ bi stil eżuberanti li jidher ċar fil-kostumi tal-epoka u fl-interpretazzjoni in ġenerali ta’ dan il-monument.

    Fir-rigward ta’ dan il-monument, ġejt ukoll mistieden mill-Kontessa Carla Compagnioni Floriani ġewwa Macerata, peress li hija dixxendenti tiegħu. Hemmhekk intlabt nagħti konferenza ntitolata ‘The Making of a Baroque Monument in the 21st Century’ lill-istudenti u lill-professuri fl-Accademia di Belle Arti. Ta’ min isemmi illi, taħt dan l-isem ukoll, qiegħed infassal ktieb dettaljat ħafna li juri l-proċess kollu ta’ dan il-monument, bid-dokumentazzjoni kollha, bir-riċerka u bir-ritratti, mill-konċepiment sakemm ġie inawgurat. Fil-fatt dan ser ikun l-ewwel ktieb tal-ġeneru tiegħu hawn Malta. L-iskop tiegħu huwa illi meta llum naqsu ħafna l-monumenti, nixtieq nuri lill-ġenerazzjonijiet ta’ llum u t’għada x’jinvolvi x-xogħol biex jitwettaq monument.”

    X’inhu s-sigriet wara s-suċċess tiegħek?

    “Id-dedikazzjoni, is-sagrifiċċju u l-perseveranza.”

    X’inhi l-filosofija tiegħek dwar l-iskultura u għaliex jogħġbok tant dan ix-xogħol?

    “Il-filosofija tiegħi hija “Beauty is a joy forever”… dak li hu sabiħ illum huwa sabiħ dejjem u mhux marbut ma’ stil jew żmien. L-akbar sodisfazzjon ta’ dan ix-xogħol huwa li dak li qed tagħmel, għada pitgħada ser isir patrimonju nazzjonali. Mhux ser jitgawda mill-ġenerazzjonijiet ta’ llum biss imma anki minn dawk futuri. U allura x-xogħol irid isir b’responsabbiltà biex li tagħmel tagħmlu sewwa u li jpaxxi l-għajn. Dan hu l-ħsieb tiegħi in ġenerali wara kull biċċa xogħol tal-arti.

    Jogħġobni dax-xogħol għax permezz tiegħu ħajti hija avventura. Ma nibdlu ma’ xejn dak l-eċċitament li tħoss meta kuljum qed tiltaqa’ ma’ nies differenti, ma’ klijenti u periti ġodda, ma’ diversi persuni minn kull angolu tal-ħajja fostom il-ħafna nies tas-sengħa bħal dawk li jaħdmuli l-bronż, il-ħadid u l-irħam, il-bosta organizzazzjonijiet u s-sens ta’ innovattività li tagħmillek kull ġurnata differenti mill-oħra.”

    F’pajjiżna taħseb li teżisti opportunità biżżejjed f’dax-xogħol?

    “Opportunitajiet hawn imma ma tistax tirrestrinġi ruħek għal Malta biss, inkella tingħalaq. Trid tħares lejn pajjiżi oħra u twessa’ l-opportunitajiet tiegħek. Aktar minn hekk nisħaq li huwa inutli li nistaqsu jekk hemmx opportunità għax l-opportunità inti trid toħloqha u mhux tistenna li ssibha.”

    La jgħaddu s-snin u n-nies tkun qed tiddiskuti x-xogħlijiet tiegħek, inti kif tixtieq li tibqa’ mfakkar?

    “Bħala wieħed li dejjem insista li jagħmel xi ħaġa sabiħa li kapaċi tibqa’ sabiħa għal dejjem.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 ta’ Frar 2010)

    2010.02.07 / no responses / Category: Torca - Perspettivi