Posts Tagged ‘Kunsill Lokali tal-Mosta’

  • ARCHAEOTUR: PROĠETT LI JGĦAQQAD SITI KULTURALI F’MALTA U F’RAGUSA

    Il-Katakombi Ta' Bistra, MostaBejn il-5 u s-7 ta’ Settembru 2012, fis-Sala Sant’Anġlu ġewwa l-Mużew Marittimu tal-Birgu, ser tiġi organizzata t-tieni parti ta’ seminar konness mal-proġett Archaeotur. Dawn il-laqgħat għandhom jinteressaw lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali nazzjonali u kif ukoll dak dinji. Għalkemm il-parteċipazzjoni f’dawn is-seminars hija b’xejn, huwa rakkommandat illi wieħed jirreġistra sabiex jirriserva post.

    Bejn is-sittax u t-tmintax-il seklu l-Grand Tour kien avventura popolari ħafna mal-familji aristokratiċi Ewropej. Infatti, bosta minnhom kienu jibagħtu lill-iben il-kbir tal-familja għall-vjaġġ ta’ sena madwar l-Ewropa sabiex hemm iżur is-siti klassiċi tal-arkeoloġija u b’hekk jifforma aħjar il-lat edukattiv u kulturali tiegħu. Uħud minn dawn kienu saħansitra jaslu sa Malta u fil-fatt fis-seklu sbatax insibu lil Ġan Franġisk Abela jakkompanja lill-viżitaturi ġewwa l-katakombi ta’ San Pawl. Għad illi għaddew bosta snin, il-ġibda għat-turiżmu kulturali għadha ħajja sewwa, tant li llum dan sar niċċa importanti fl-industrija turistika kemm Maltija u kif ukoll Ewropeja. Dan ifisser li hemm bżonn dejjem iżjed li ninvestu fil-partimonju kulturali u storiku sabiex nirrenduh aktar magħruf u miftuħ għall-pubbliku interessat.

    Il-Kastell Donnafugata Il-proġett Archaeotur li ser jiswa 1.37 miljun ewro huwa kofinanzjat taħt il-Programm Italia-Malta, Cohesion Policy 2007–2013, u parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali. Fih hemm involuti il-Kunsill Lokali tal-Mosta u dak tar-Rabat (Malta), Heritage Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Comune di Ragusa u l-Comune di Santa Croce Camarina, is-Superintendenza dei BB.CC.AA di Ragusa f’kollaborazzjoni mal-Parco Archaeologico di Camarina u Giritravel SRL. L-għan aħħari tal-proġett Archaeotur huwa l-konservazzjoni u l-promozzjoni ta’ numru ta’ siti arkeoloġiċi li bosta minnhom jikkonsistu f’ipoġej jew katakombi f’Malta u fi Sqallija: Ta’ Bistra (il-Mosta) u Santu Wistin (ir-Rabat), Trabacche, Cava Celone, Cisternazzi u Donnafugata (Ragusa), u Mezzagnone, Pirrera u Mirio (Santa Croce Camarina).

    Waqt is-seminars fl-Auditorium San Vincenzo Ferreri, Ragusa IblaL-ewwel parti ta’ dawn is-seminars saret bejn il-11 u t-13 t’April 2012 ġewwa l-Auditorium San Vincenzo Ferreri f’Ragusa Ibla. Numru ta’ esperti f’dan il-qasam, kemm minn Malta u kif ukoll minn Sqallija, ddiskutew il-pjanijiet u l-miri tal-proġett Archaeotur, taw deskrizzjoni dettaljata ta’ xi siti u sejbiet arkeoloġiċi, u qasmu bejniethom ideat dwar ix-xogħol li qed isir u dak li għad irid jitwettaq sabiex dawn il-postijiet jiġu kkonservati u ppreżenati lill-viżitaturi bl-aktar mod professjonali.

    Grotta delle Trabacche Għal dawn is-seminars attendew ukoll numru ta’ studenti universitarji kemm Maltin u kif ukoll Sqallin, li flimkien mal-kelliema kellhom ukoll l-opportunità li jżuru wħud minn dawn is-siti sabiex b’hekk jifhmu aħjar is-sinifikat tal-proġett Archaeotur. Ngħidu aħna fil-Grotta delle Trabacche f’Ragusa kien evidenti x-xogħol ta’ tindif u konservazzjoni li kien sar fil-post fejn anki tpoġġew tabelli b’tagħrif għall-viżitaturi. Dan il-katakombi huwa meqjus bħala wieħed mis-siti l-aktar sinifikanti, l-aktar minħabba l-grandjożità monumentali ta’ żewġ oqbra li jinsabu fiċ-ċentru tiegħu, mdawwrin b’oqbra aktar sempliċi mħaffra fil-ħitan u fl-art tal-għar. Indubbjament dawn jagħtu indikazzjoni li almenu żewġ individwi ta’ ċerta importanza jew awtorità fis-soċjetà tal-madwar indifnu hemm.

    Cava Celone Ironikament, dawn il-postijiet konnessi mal-mewt għandhom ħabta jservu bħala fonti kruċjali ta’ informazzjoni dwar il-ħajja u l-użanzi tan-nies li sawwruhom u użawhom għall-bżonnijiet u r-ritwali tagħhom. Għalhekk, il-kwantità ta’ katakombi li wieħed isib f’Cava Celone, jista’ jkun li qed tirrappreżenta żieda sostanzjali fil-popolazzjoni ta’ dak iż-żmien. Iż-żjara fi tliet katakombi maġġuri wriet li f’dawn il-postijiet kien għad fadal ħafna xogħol xi jsir, speċjalment biex jitfasslu sinjali, mogħdijiet u trejqat aktar adegwati ħalli dawn il-postijiet jintlaħqu aktar faċilment mill-viżitaturi. Wieħed ma jistax ma jsemmix li dawn l-inħawi jinsabu f’wied mill-isbaħ, mogħni b’natura mhux mittiefsa fejn b’hekk il-viżitatur jista’ jitpaxxa bil-ġmiel tal-post filwaqt li jgawdi mis-sens tal-avventura li toffri kull esplorazzjoni.

    Infatti l-proġett Archaeotur huwa ffukat fuq it-tisħiħ tal-valur tal-esperjenza tat-turiżmu kulturali fejn it-turist ikun jista’ jżur għażla ta’ siti ta’ interess permezz ta’ heritage trails li jgħaqqdu f’itinerarju wieħed numru ta’ siti li forsi s’issa ma kinux qed jingħataw daqshekk importanza. Ngħidu aħna bosta turisti li jżuru l-kastell ta’ Donnafugata f’Ragusa probabbilment ma jafux li tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod, mogħdija dejqa mistura fil-ħdura ta’ natura mill-iprem, twassal għal katakombi ċkejken li jmur lura għar-raba’ jew il-ħames seklu W.K.

    Il-monument ta' MezzagnoneL-istess nistgħu ngħidu għall-fdalijiet arkeoloġiċi mhux tas-soltu li jinsabu f’nofs ta’ għalqa ġewwa Mezzagnone f’Santa Croce Camarina. Din il-binja, li ilha tqanqal l-kurżità tal-istudjużi sa minn żmien twil, hija maħsuba li tmur lura għal bejn ir-raba’ u d-disgħa seklu W.K. u li għal xi żmien intużat bħala banju termali. Inċidentalment, dawk li jżuru dan il-post jistgħu jkomplu triqithom ftit kilometri oħra sabiex japprezzaw il-kollezzjoni arkeoloġika vasta li tinsab fil-Mużew Reġjonali ta’ Camarina. Imfittex minn bosta studjużi, partikolarment minħabba l-għadd kbir ta’ anfori ta’ tipi differenti li jħaddan fih, dan il-Mużew huwa mogħni b’sejbiet sinifikanti li nstabu fl-inħawi kemm taħt l-art u kif ukoll taħt il-baħar. Bosta mill-oġġetti li ġew skavati mill-art huma konnessi mar-ritwali tad-dfin, uħud minnhom tant huma raffinati u prestiġġjużi, li huwa maħsub li kienu jappartjenu lill-ewwel immigranti aristokratiċi Griegi li marru joqogħdu Il-Muzew Regjonali ta' Camarinaf’dawk l-inħawi. Affarijiet oħra li ttellgħu mill-bajja ta’ Camarina kienu jiffurmaw parti mit-tagħbija kummerċjali ta’ bosta xwieni li għerqu fil-post: prova tal-kummerċ kbir li kien isir f’dawk l-inħawi f’perjodi mbiegħda. Dawk l-aktar spettakolari jinkludu żewġ elmi tal-gwerra, numru ta’ statwetti u għodod, u kwantità ta’ msiebaħ u oġġetti tal-fidda.Huwa fatt magħruf li din il-bajja ta’ Camarina dan l-aħħar saret famuża mat-turisti minħabba s-serje popolari televiżiva ‘Il Commissario Montalbano’ peress li diversi xeni nġibdu f’dawn l-inħawi. Min-naħa l-oħra aktarx ftit jafu li f’din il-bajja jinstabu regolarment oġġetti arkeoloġiċi – bħas-6000 munita antika li nqalgħu minn taħt ir-ramel wara tempesta qalila li seħħet fl-1991.

    Xena minn Ragusa IblaIl-parteċipanti Maltin kienu joqogħdu f’lukanda żgħira ġewwa Ragusa Ibla u minħabba f’hekk huma setgħu jirrikonoxxu kemm dan il-post huwa ideali biex wieħed iqatta’ erbat ijiem hawnhekk sabiex iżur dawn is-siti tal-madwar li tkellimna dwarhom. Ragusa Ibla nnifisha hija belt bi storja kbira. Xhieda ta’ dan huma d-diversi binjiet medjevali u palazzi barokki. Interessanti li wieħed isemmi li ħafna minn dawn il-binjiet kellhom jerġgħu jinbnew wara li parti kbira minn din il-belt ġiet meqruda minn terremot qawwi li seħħ fil-11 ta’ Jannar 1693, fejn anki mietu madwar 5000 persuna. Wara din id-diżgrazzja wħud mill-abitanti riedu jerġgħu jibnu l-belt fejn kienet oriġinarjament, filwaqt li oħrajn għażlu nħawi aktar fl-għoli biex jibnu r-residenza tagħhom. Infatti llum tliet pontijiet jgħaqqdu l-parti tal-belt l-antika mal-parti l-ġdida. Ragusa Ibla, bil-bini tagħha antik donnu mdendel mal-blat tal-irdumijiet u mgezzez f’xulxin, joffri dehra tassew spettakolari. Mhux ta’ b’xejn li l-post ġibed lejh bosta fotografi u anki kumpaniji tal-films.

    Il-proġett Archaeotur huwa mistenni li jħeġġeġ aktar turiżmu kulturali bejn Ragusa u Malta, fosthom billi jinforma lill-pubbliku bl-opportunità li wieħed iżur dawn is-siti fiż-żewġ gżejjer. L-istorja ta’ Sqallija u ta’ Malta sikwit twaħħdet u mhux darba u tnejn li dawn il-popli, għalkemm mifrudin b’firxa wiesgħa ta’ baħar, għexu esperjenzi konnessi ma’ ta’ xulxin.

    Il-katakombi ta' Santu Wistin, Rabat MaltaGħas-seminars ta’ Archaeotur li ser jiġu organizzati f’Malta, ser jattendu wkoll diversi esperti, studenti u individwi minn Sqallija ħalli b’hekk terġa’ tingħata l-opportunità għat-taħlit tal-ideat u għad-diskussjoni dwar ix-xogħol li għad fadal isir kemm fis-siti ta’ Malta u kif ukoll dawk ta’ Sqallija, sabiex b’hekk jistagħna l-patrimonju kulturali taż-żewġ gżejjer. Fuq kollox il-parteċipanti ser ikunu qed jiġu mdawwra ma’ xi siti arkeoloġiċi Maltin bħall-katakombi Ta’ Bistra fil-Mosta u dak ta’ Santu Wistin fir-Rabat, li s’issa qatt ma kienu miftuħa għall-pubbliku.

    Aktar informazzjoni dwar il-proġett Archaeotur tista’ tinkiseb mill-website www.archaeotur.eu. Reġistrazzjonijiet għall-attendenza f’dan is-seminar jistgħu jsiru kemm permezz tal-istess sit elettroniku, inkella billi tintbagħat e-mail lill-Kuratur tal-Proġett, Glen Farrugia, fuq glen.farrugia@gov.mt

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 t’Awwissu 2012)

    2012.08.26 / no responses / Category: Torca - Features & Articles