Posts Tagged ‘Libja’

  • Kienu għoddhom intesew

    Il-qoxra tal-ktieb.jpgLewis Wirth u Helen Cavarra ma' binthom Mariz.JPG

    Il-kollezzjoni ta' fjuri u pjanti ta' Helen Cavarra.JPGe.090.(37x38).8783.jpg

    F’dawn l-aħħar xhur, smajt diversi drabi bl-ismijiet tal-artisti Lewis Wirth u Helen Cavarra, l-aktar minħabba li kienet qiegħda tittella’ esebizzjoni b’xi xogħolijiet tagħhom. Madanakollu, peress li jiena m’inix xi dilettanta kbira tal-arti u anki peress li ħsibt li dawn iż-żewġ individwi kienu barranin, nistqarr li ftit li xejn tajt każ….. sakemm ġie f’idejja l-ktieb ‘The Life and Work of Lewis Wirth (1923 – 2010) and Helen Cavarra (1926 – 1978): Their Creative Partnership’ (2014) tal-awtur Joseph Paul Cassar.

    Il-ktieb minnu nnifsu huwa imponenti u l-preżenza tiegħu tagħtik l-impressjoni li ġewwa fih se ssib xi kapolavur. Imma fir-realtà, hekk kif tibda tqalleb il-paġni tiegħu u għajnejk jinxteħtu jaqraw l-istorja u jimirħu x-xogħolijiet artistiċi varji li huwa jħaddan, issib ferm aktar minn hekk. Essenzjalment dan il-volum jista’ jitqies bħala vjaġġ virtwali li permezz tiegħu l-qarrej jiskopri l-ġrajja ta’ żewġ artisti Maltin li għal diversi raġunijiet, kienu għoddhom intesew għal kollox.

    Permezz tal-pubblikaturi tiegħu, Book Distributors Ltd, irnexxieli niltaqa’ mal-moħħ wara dan il-ktieb sinifikanti – Mariz Cassar, bint dawn iż-żewġ artisti Maltin, li wara l-mewt tal-ġenituri tagħha, hi stess għadha qed tagħraf t-talent kbir li huma kellhom.

    Għala mhumiex magħrufa?

    “Hemm żewġ raġunijiet prinċipali għala dawn l-artisti ma kienux magħrufa,” beda d-diskors E.V. Borg, kritiku tal-arti li akkompanja lil Mariz waqt il-laqgħa tagħna. “L-ewwel nett, it-tnejn li huma nzertaw persuni pjuttost umli li donnhom kienu jippreferu jżommu xogħolijiethom il-bogħod mill-għajn tal-pubbliku. Imbagħad hemm ukoll il-fatt illi Wirth u Cavarra għamlu 18 il-sena jgħixu ġewwa l-Libja.”

    Min kienu Wirth u Cavarra?

    “Missieri, Lewis Wirth twieled fl-4 ta’ Settembru 1923. Il-familja tiegħu kienet mill-Belt Valletta fejn huma kellhom ħanut tal-ġojjellerija. Sa minn meta kien żgħir, il-ġenituri tiegħu ntebħu li binhom kellu talent artistiku qawwi u missieru pprova jħajjru biex jitħarreġ fil-linja tal-inċiżżjoni ħalli meta jikber ikun jista’ jaqla’ l-għixien tiegħu. Imma missieri ma kienx interessat f’dan għax qalbu kienet diġà mitlufa wara l-pittura,” bdiet tirrakkuntali Mariz.

    “Il-ħolma tiegħu kienet li xi darba jmur l-Italja sabiex hemm ikompli l-istudju f’dan il-qasam. Iżda din ix-xewqa sfaxxat kompletament meta waqt il-gwerra, il-ħanut tagħhom ġie bbumbardjat u l-familja tiegħu tilfet kollox. Waqt il-gwerra, huma marru joqogħdu r-Rabat u aktar tard, issetiljaw f’San Ġiljan.”

    Fl-1946 Wirth beda jattendi l-Iskola tal-Arti fejn studja taħt Chev. Vincent Apap, Chev. Edward Caruana Dingli u Chev. Emvin Cremona.

    “Ommi, Helen Cavarra, twieldet fit-2 t’April 1926. Hija wkoll kienet appassjonata kbira tal-arti u bħal missieri, mill-ewwel uriet li kienet ser tipprometti f’dan il-qasam. Infatti, anki hi attendiet l-Iskola tal-Arti u kien hemmhekk li hija ltaqgħet miegħu.”

    “Għal ħames snin konsekuttivi, ommi u missieri dejjem kienu jiġu minn tal-ewwel f’din l-iskola. Bejn Ottubru u Diċembru tal-1948, ommi rħetilha lejn Heatherley School f’Londra sabiex titħarreġ fl-istudju tad-diżinn tal-figura fuq mudelli veri. Dan peress li hawn Malta ma kienx permess li l-mudelli jippużaw għall-artisti,” kompliet Mariz.

    “F’dak iż-żmien, f’pajjiżna, l-artisti setgħu jistudjaw il-figura umana permezz ta’ xi statwi tal-ġibs biss. U dawn lanqas ma kienu jinkludu l-partijiet intimi umani. Għaldaqstant, l-għażla ta’ Cavarra kienet pjuttost insolita u avant-garde,” spjegali Borg.

    Cavarra rritornat lura Malta fejn interessat ruħha titħarreġ ukoll fl-anatomija umana.

    “Id-dedikazzjoni u l-kapaċità tagħha f’dan is-suġġett jidher ċar ħafna f’numru ta’ xogħolijiet fejn hi tesprimi b’dettall u b’delikatezza kbira l-figura umana,” qalli Borg.

    Anki Wirth għandu xogħolijiet interessanti fejn tidħol il-figura umana. Personalment, laqgħatni ħafna kwadru tiegħu li juri mara Afrikana b’sidirha barra u b’poża tassew intriganti. Meta għedt b’dan lil Borg intbaħt li għalkemm ma nifhimx fl-arti, kien irnexxieli nimmarka wieħed mill-aqwa xogħolijiet ta’ dan l-artist. Iżda għalkemm mhux jien biss urejt l-ammirazzjoni tiegħi lejn dan il-kwadru, u akkost li qegħdin fis-sena 2014, Borg stqarr miegħi illi ltaqa’ ma’ bosta diffikultajiet meta huwa ddeċieda li jinkludih fl-esebizzjoni, peress li għal diversi drabi minħabba n-nudità tal-figura, huwa ġie mitlub biex iressqu aktar il-ġewwa fejn ma jagħtix wisq fil-għajn!

    Tmintax il-sena l-Libja

    Skont l-awtur tal-ktieb, fl-1951, f’pajjiżna kienu qed jiġu diskussi l-ewwel żviluppi fl-arti moderna u numru ta’ artisti bdew juru d-diżappunt tagħhom bl-atteġġjament li kienu qed jirċievu mill-kritiċi u mill-pubbliku in ġenerali. Infatti uħud minnhom saħansitra ppreferew li jimirħu l-barra minn xtutna fejn l-opportunitajiet ta’ xogħol kienu akbar u fejn forsi l-atteġġjament lejn l-arti moderna kien aktar miftuħ.

    Skont Mariz, il-ġenituri tagħha qatt ma kienu ġew ikkritikati proprju minħabba li huma ma kienux jesponu xogħolijiethom. Madanakollu naraw illi fl-1951, Wirth ħalla lil Malta wara li hu rnexxielu jidħol jaħdem ma’ Barclays Bank D.C.O u ntbagħat jaħdem fil-fergħa ta’ Tripli fil-Libja.

    “Qabel irħielha lejn il-Libja, missieri tgħarras m’ommi. Kienu jinħabbu ferm u infatti sibt aktar minn 100 ittra datati f’dak iż-żmien fejn huma kienu jiktbu lil xulxin kważi kuljum, xi kultant anki iktar minn darba fl-istess ġurnata! Bosta mill-kitbiet kienu relatati max-xogħolijiet tal-arti li kienu qed jagħmlu,” qaltli Mariz.

    Sena wara, Wirth reġa’ lura Malta sabiex jiżżewweġ lill-maħbuba tiegħu u wara huma rritornaw lejn il-Libja fejn Helen bdiet taħdem mal-ambaxxata Amerikana. Sentejn wara twieldet binthom Mariz u ma setax jonqos li b’ġenituri b’talent ta’ dak it-tip, anki t-tifla kellha l-arti tiġri fil-vini tagħha.

    Tifkiriet u xogħolijiet relatati mal-Libja

    “Għalkemm missieri oriġinarjament kien iddiżappuntat li ma rnexxilux imur l-Italja, eventwalment huwa nduna li l-Libja kellha ħafna x’toffrilu wkoll. Hemmhekk huwa sab ambjent u kulturi għal kollox differenti minn dak li kien jaf hu u dawn issarfu f’ideat, f’ispirazzjoni u fi kreattività. Infatti fil-Libja kien prolifiku mmens u ħadem diversi xogħolijiet li juru n-nies tal-post, il-kultura tagħhom u l-arkitettura tal-inħawi,” spjegatli Mariz filwaqt li bdiet tqalleb il-ktieb u turini għal xiex kienet qed tirreferi.

    F’dawn ix-xogħolijiet intużaw diversi metodi fosthom: bil-lapes, bil-pinna u l-linka, bil-watercolours, bil-pastelli tal-ġibs, bil-kuluri taż-żejt, bit-tinqix fuq l-iscratchboard u saħansitra b’collages il-ġmiel tagħhom.

    “Il-Bank kien bniedem diliġenti ħafna imma kuħadd kien konxju li qalbu fl-arti kienet. Fil-fatt huwa kien jagħmel bosta xogħolijiet artistiċi li kienu jintużaw mill-Bank stess bħal ngħidu aħna faċċati għar-rivisti u diżinji għall-bolol. Ġieli tella’ wkoll xi esebizzjonijiet u darba minnhom l-uffiċċju ċentrali tal-Barclays Bank f’Londra kien xtara pittura li saret minn missieri,” ftakret Mariz.

    “Għandi memorji mill-isbaħ tal-perjodu li qattgħajna ngħixu l-Libja. Dak iż-żmien dan il-pajjiż kien kolonja tat-Taljani u kien immexxi mir-Re Idris. Konna ngħixu flimkien ma’ għadd ta’ nazzjonalitajiet oħra, bil-kultura u r-reliġjon tagħhom, f’paċi assoluta u kollha nitkellmu bit-Taljan. Kulħadd kien juri rispett lejn l-oħrajn u saħansitra konna niċċelebraw il-festi ta’ xulxin, kultant anki nħalltu ħaġa m’oħra imma xejn ma kien jimporta. Per eżempju l-għada tal-Għid konna nipparteċipaw fil-Pasquetta tat-Taljani li kienet tinvolvi ħarġa fil-kampanja, u fil-Milied, Father Christmas kien iġib ir-rigali riekeb fuq ġemel!” tbissmet Mariz.

    “Ħaġa interessanti hija illi missieri spiss kien jadatta l-kulturi u r-reliġjonijiet flimkien fix-xogħolijiet tiegħu. Ngħidu aħna ġieli kien ipinġi s-swar ta’ Tripli b’nostalġija lejn dawk ta’ Malta jew inkella jiddiżinja xi ragħaj Musulman għaddej bin-nagħġa fuq spalltu u mbagħad isemmi t-tpinġija għar-Ragħaj it-Tajjeb.”

    In-namra mal-pjanti u l-fjuri

    “Għalkemm il-koppja Wirth u Cavarra kienu t-tnejn artisti, huma kellhom l-istili partikolari tagħhom,” fehemni Borg hekk kif erġajna dorna nqallbu l-ktieb. “Kif qed tara Wirth kellu stil mirqum imma fl-istess ħin liberu, filwaqt li Cavarra kienet aktar akkademika u preċiża.”

    Il-preċiżjoni ta’ Cavarra tidher sewwa fid-diżinji tagħha tal-pjanti u l-fjuri.

    “Fil-weekends konna mmorru f’postijiet sbieħ: daqqa nżuru xi mużew jew xi sit arkeoloġiku, drabi oħra mmorru ngħumu f’xi bajja jew nilgħabu bir-ramel fis-semi deżert, inkella konna mmorru ngawdu l-panorama fuq il-muntanja. Kien fil-Libja li ommi bdiet tinġibed lejn il-pjanti u l-fjuri, tiġborhom u tpinġihom f’dettall kbir biex iżżomm rikordju tagħhom,” qaltli Mariz.

    Lura Malta

    L-ewwel skola ta’ Mariz kienet għand is-Sorijiet Franġiskani fi Tripli imma mbagħad, meta kibret, hi ntbagħtet tistudja f’boarding school tas-Sacred Heart f’Malta.
    Iżda s-sena 1969 ġabet bosta tibdiliet f’ħajjithom. Inzerta li f’dik is-sena, f’Malta twaqqfu l-boarding schools u nbidlu f’day schools. Kien ukoll f’din is-sena li bdiet ir-rivoluzzjoni fil-Libja fejn finalment il-Kulunell Gaddafi ħa l-poter tal-Libja. Iżda l-agħar ħaġa kienet li omm Mariz mardet bil-kanċer u għalhekk ġie deċiż li l-familja tiġi lura Malta.

    “Jiena ma kellix idea li l-mamà kienet marida daqstant għax qatt ma wriet. Naf li hi u missieri kienu telgħu l-Ingilterra għal xi żmien peress li kien jeħtieġ li ssirilha operazzjoni. Damet għaxar snin għaddejjha titħabat mal-marda tal-kanċer u lili qatt ma qaluli xejn. Minflok kont nara lill-ġenituri tiegħi jaħdmu flimkien biex irawwmu ġnien sabiħ fid-dar tagħna, jingħaqdu man-Natural History Society ta’ Malta u jmorru magħhom għal mixjiet twal fil-kampanja, ipittru u jgawdu l-ħajja. Probabbilment kienu qegħdin jimxu ġurnata b’ġurnata daqs li kieku l-għada ma kienx jeżisti u b’hekk irnexxielhom jgħixu ferħanin u jżommu lili wkoll kuntenta u l-bogħod mir-realtà kiefra li kienu qed jgħixu f’qalbhom,” qaltli Mariz.

    Intant, fl-aħħar ħames snin ta’ ħajjitha, Cavarra ntefgħet tagħmel biċċa xogħol enormi u ta’ siewi kbir peress li sabet, ġabret u pinġiet 367 fjuri u pjanti Maltin, apparti 15 oħra li baqgħu ma tlestewx.

    “Akkwistaw il-ktieb ‘Field Guide to the Wild Flowers of Malta’ (1969) ta’ Guido Lanfranco u mbagħad ngħaqdu wkoll fis-Soċjetà tan-Natura u permezz t’hekk, kienu jirnexxielhom isibu dawn il-pjanti,” irrimarkat Mariz.

    Helen Cavarra mietet fl-1978. Għal bintha, mewtha kienet xokk kbir. Sadanittant hi lanqas idea ma kellha ta’ din il-kollezzjoni li ħalliet ommha u meta wara l-mewt ta’ missierha, sabitha merfugħa, baqgħet impressjonata bir-reazzjoni għaliha tal-esperti.

    “Meta l-botanisti Arnold u Jeffrey Sciberras raw dan ix-xogħol li għamlet il-mamà huma mill-ewwel urew apprezzament kbir lejh, tant li qaluli li dak kien meqjus bħala Melitensia minħabba li hi kienet pinġiet dawn il-fjuri u l-pjanti b’mod komplet, bl-istess qies u magħhom inkludiet ukoll ħafna dettalji importanti bħal meta ġabret il-kampjuni u minn fejn, x’kien l-isem xjentifiku tagħhom u dak Malti eċċ.”

    Uħud minn dawn ix-xogħolijiet ġew inklużi fil-ktieb li konna qed naraw iżda ġejt mgħarrfa li ktieb ieħor, iddedikat partikolarment għal din il-kollezzjoni, kien ser jiġi ppubblikat f’qasir żmien.

    Mingħajr Helen

    “Mingħajr ommi, missieri tilef parti sinifikanti minn ħajtu. Almenu l-arti offrietlu rifuġju u serħan mis-swied il-qalb u mlietlu l-vojt li ħalliet din it-telfa. Intant, missieri kellu jieħu r-rwol taż-żewġ ġenituri f’daqqa biex isostnini. B’xorti tajba, sena wara mewtha, jien iltqajt ma’ dak li kellu jkun żewġi u ftit wara żżewwiġna. Ma domnix ma għamilnih nannu u wliedi saru l-mimmi t’għajnejh.”

    Hawn Malta, ħafna mix-xogħolijiet ta’ Wirth kienu jirrelataw mal-pajsaġġ sabiħ Malti fejn hu ħalla memorja mill-isbaħ ta’ diversi nħawi. Fl-1992 huwa ngħata l-Midalja tal-George Cross mill-President Ċensu Tabone. Fl-2002, fil-kappella l-antika ta’ Santa Margerita, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann organizza esebizzjoni b’xi xogħolijiet tiegħu.

    Fl-2010, fl-età ta’ 87 sena, Lewis Wirth ħalla din id-dinja u bintu sabet ruħha fid-dar tal-ġenituri tagħha sabiex tiżbarazzaha. Ftit ftit, hi u tqalleb, tiftaħ u tirranġa, intebħet li l-ġenituri tagħha kienu ħallew warajhom teżor uniku ta’ xogħolijiet artistiċi mill-isbaħ…..

    Illum: ktieb u esebizzjonijiet

    “Għalkemm minn dejjem affaxxinajt ruħi bl-arti, qatt ma ridt nagħmel il-pittura għax kont inħoss li ma kont ser nilħaq qatt il-kalibru ta’ ommi u ta’ missieri. Minflok, jiena naħdem iċ-ċeramika,” stqarret Mariz.

    “Madanakollu, naħseb li għaraft tassew it-talent li kellhom il-ġenituri tiegħi meta bdejt niftaħ il-kaxxi, l-armarji u l-kmamar u bdejt nara l-ġmiel tax-xogħolijiet. Qalbi ngħafset meta rrealizzajt li l-ġenituri tiegħi mietu mingħajr qatt ma ġew rikonoxxuti bħala artisti kbar.”

    Mariz tiftakar lil missierha jixxennaq għal dan ir-rikonoxximent imma fl-istess ħin bħal donnu kien iħossu jibża’ li jiġi kkritikat u għalhekk huwa baqa’ lura.

    “Min jaf kemm il-darba ħajjartu biex jagħmel esebizzjoni f’ismu biss biex jagħti spazju lilu nnifsu u juri l-ħila tiegħu. Imma hu dejjem irriffjuta,” sostniet Mariz. “Imma issa li għandi rajja f’idejja u wara li ħadt il-konferma mingħand esperti oħra li kkonfermawli li x-xogħolijiet tal-ġenituri tiegħi huma tassew ta’ livell għoli, bdejt bil-ħidma tiegħi biex noħloq għarfien dwarhom sabiex finalment huma jingħataw il-ġieħ li jistħoqqilhom.”

    “L-istorja tal-arti ta’ Malta għadha ma nkitbitx ħlief għal xi partijiet minnha. Għaldaqstant, il-ġrajja ta’ storja soċjali u x-xogħolijiet li ħallewlna Wirth u Cavarra għandhom sinifikat kbir għax permezz tagħhom nistgħu nimlew biċċa oħra mill-istorja tal-arti,” temm jgħid Borg.

    Filwaqt li nħajjarkhom tkomplu ssegwu l-istorja ta’ dawn l-artisti permezz ta’ dan il-ktieb ġdid, bħalissa wieħed jista’ jara għażla tax- xogħolijiet tagħhom fil-La Vallette VIP Club Lounge li tinsab fl-ajruport ta’ Malta. Is-sena d-dieħla se jkun hemm wirja oħra fil-Cavalieri Art Hotel u fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina fil-Belt Valletta.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (20 parti) fit-Torċa tal-5 t’Ottubru 2014)

    2014.10.05 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-ĦAJJA BĦAL LOTTERIJA

    “Illum, aktar minn qatt qabel, jeżisti l-bżonn li nitkellmu flimkien u li nisimgħu lil xulxin sabiex nifhmu aħjar kif inħarsu lejn id-dinja tagħna. Iċ-ċinema huwa l-aħjar mezz kif tista’ tagħmel dan.” Martin Scorsese

    INTERVISTA:

    RAMON MIZZI – Kittieb, Direttur, Co-producer u sound – ‘In the end’

    ALEXIS MIZZI – Director of photography, Co-producer, camera u editing – ‘In the end’

    PHILIP MIZZI – Attur prinċipali u Executive producer – ‘In the end’

    Jgħidu li fid-dinja min jitwieled tond ma jmutx kwadru. Forsi veru, imma għallinqas nemmen li tista’ taħdem biżżejjed biex għallinqas jekk ma tmutx kwadru, almenu tmut ovali.

    In-nies li jirnexxu fil-ħajja minn dejjem kienu għall-qalbi. B’mod speċjali nitpaxxa insir naf dwar dawk l-inividwi li bdew mix-xejn iżda għax emmnu fihom infushom u f’ħolmiethom, stinkaw u ħadmu sakemm waslu fejn xtaqu. Wisq probabbli jqanqalni l-aspett ta’ kif wieħed jisfida destinu u jittanta jmur aktar il-bogħod minn kemm id-dinja tkun ippjanat li tagħtih. Forsi għalhekk ukoll nikteb dawn l-artikli… L-ewwel nett għax nieħu pjaċir nagħti dik l-importanza li jixraqlu bniedem li jkun ħadem għal xi ħaġa f’ħajtu. U t-tieni biex nipprovoka u nħajjar lil dak jew lil dik li forsi għandhom ħolma f’ħajjithom imma għad m’għandhomx fiduċja biżżejjed li jistgħu jwettquha.

    Din il-ġimgħa ser inlaqqagħkom ma’ ħabib tiegħi li hu wkoll kellu ħolma u li ftit ftit qiegħed jagħmilha realtà. Lil Ramon Mizzi iltqajt miegħu meta kont għadni naħdem il-Mix-xellug - Alexis, Philip, Ramon Mizzibank. Ma ridtx ħafna biex nintebah li kellu karattru pjuttost insolitu u nistqarr li ftit naf bħalu. Bniedem deċiż li kelma jgħidilek, tieħux għalik jew le. Imma miegħu tkun taf fejn inti. Niftakru affaxxinat bil-kbir bl-attur Marlon Brando imma sakemm konna naħdmu flimkien, qatt ma smajtu jgħid li xtaq jaħdem fil-qasam tal-films. B’danakollu kont ċerta illi l-ambjent formali tal-bank fejn konna naħdmu, xejn ma kien jaqbel mal-personalità tiegħu. Ma stajtx nifhem x’ġibdu lejn dak ix-xogħol u fil-fatt wara ftit tas-snin ġietu x-xorti li jieħu s-somma u telaq.

    “Għoddejtu bħala t-tieni ċans f’ħajti sabiex nagħmel dak li veru nixtieq,” beda jgħidli hekk kif bdejna nfakkru lil xulxin dwar l-esperjenzi u l-memorji ta’ dak iż-żmien. “Meta kont il-bank bdejt inħoss ġibda lejn id-dinja taċ-ċinema. Niftakarni naħseb illi jekk xi darba nispiċċa minn dak ix-xogħol ma nerġax nidħol f’xogħol ieħor li ma jkunx għal qalbi. U nistgħu ngħidu li ġietni l-opportunità.

    Meta konna żgħar, jiena u ħija konna naraw ħafna films kemm għax fil-familja nħobbuhom ħafna u speċjalment għax in-nannu kien jaħdem bħala projectionist taċ-ċinema. Sikwit kienu jiġuni ħafna ideat imma ma kontx naf kif ser nesprimihom jew niktibhom.

    Għaldaqstant meta ħadt is-somma ddeċidejt illi flimkien ma’ ħija nidħol għal kors ta’ 4 snin fil-film-making f’Università fl-Awstralja – Middlesex School of Audio-Engineering. Kien kors utli ħafna fejn matulu ingħatajna taħriġ prattiku fuq il-kamera u kif neditjaw. Trawwimna wkoll kif nibnu skript li jiġbed l-udjenza, kif toħloq dawk it-‘twists and turns’ u kif karattru tagħtih dik ix-xi ħaġa li l-udjenza tkun tista’ tirrelata miegħu. Fostom laqtitni s-sengħa ta’ kif tibni l-profil tal-attur u s-sistema ta’ kif issawwarlu l-karattru matul il-vjaġġ tiegħu fil-film. Rajna wkoll kemm kien importanti illi lill-attur turih dan il-profil u mhux tħalli f’idejh biss u mbagħad tara wara biex ser joħroġ. Xi ħaġ’oħra li ftaħna għajnejna dwarha kien il-fatt li ridt tikteb skont ir-riżorsi li kellek f’idejk. Ngħidu aħna inutli tikteb dwar xeni ta’ karozzi jinqalbu u jisplodu meta m’għandikx il-finanzi biex tiġbed xeni bħal dawn. Finalment, meta ggradwajna, konna aktar preparati biex nibdew għalkemm konna konxji illi f’din l-industrija biex tirnexxi teħtieġ ħafna esperjenza.”

    “Qabel jiena u ħija kellna xogħlijiet differenti,” kompla jispjegali Alexis. “Din kienet l-ewwel darba li konna qed nagħmlu xi ħaġa flimkien f’dan il-qasam. Il-faxxinu lejn il-film-making hija xi ħaġa komuni bejnietna. Jiena minn dejjem kelli dik il-ħeġġa li nirrakkonta l-istejjer, mhux permezz tal-kitba imma permezz tal-filming. Imma ma kontx naf kif isiru dawn l-affarijiet. Qabel dħalt għal dal-kors kont naħseb illi film isir billi wieħed jagħmel reċta u mbagħad jibda jiġbed biċċa u jieqaf, wara jiġbed biċċa oħra u jerġa’ jieqaf sakemm finalment ipoġġi kollox flimkien u jsir il-film. Ma kelli l-ebda idea tal-editing!”

    Wara li lestew dan il-kors Ramon u Alexis irritornaw lura f’Malta. Hawnhekk huma ħadmu bħala għalliema fl-MCast u aktar tard kienu responsabbli mir-restawr tal-arkivji tal-PBS.

    “Bdejna nirrestawraw ix-xogħol tat-tertuqa fl-arkivji li kienu jkopru filmati mill-1964 sa l-1981. Ftit wara beda jittella’ programm bi skop edukattiv fuq TVM bl-isem ta’ TV Education. Matulu aħna kellna nippreżentaw filmati qosra ta’ 5 minuti kollox b’materjal li konna nsibu mill-arkivji kif finalment kien iġib l-isem tal-progamm – ‘Mill-Arkivji’.

    Fid-dinja llum, speċjalment fl-Ewropa, hemm sistema ta’ servers u hard drives fejn inti tista’ tiddiġitalizza l-antik f’format modern ħalli ma tħallix filmati preċedenti  jintilfu. Sfortunatament fil-passat mhux dejjem kellhom il-futur f’moħħhom u ċertu materjal li kienu jaħdmu bih ma kienx jiflaħ għal tul ta’ snin. Konsegwentement intilfu ħafna rikordji mprezzabbli madwar id-dinja kollha. L-arkivji huma storja ta’ nazzjon u ta’ kultura. Hi x’inhi, jekk hiex aħbar, jekk hiex drama jew xi show televiżiva, kollha jiffurmaw l-istorja ta’ dak il-pajjiż u l-kultura tiegħu.”

    “Konna nsibu ħafna stejjer interessanti,” kompla jispjegali Alexis. “Ġieli konna ntellgħu xi aħbar antika bħal meta kien waqa’ l-ajruplan Vulcan fuq Ħaż-Żabbar; filmat li lili affaxxinani ferm peress li lanqas biss kont naf li qatt sar inċident hekk. Ironikament wara li ħarġu dawn il-filmati missieri qalli li kienu ħaduni hemm dakinhar tal-inċident imma peress li kont għadni żgħir insejt kollox.”

    “Niftakar darba sibna programm tas-snin sebgħin ‘Malta u lil hinn minnha’ li kien jagħmel Charles Abela Mizzi,” daħal ikompli Ramon. “Fih kien hemm l-aħbar ta’ meta kien sploda tanker taż-żejt fil-Libja u kienu mietu erbgħa Maltin u żewġ Ingliżi. Urejnieh fuq it-TV bl-inqas ħsieb imma l-għada li ntwera tgħidx kemm ċemplulna nies il-biċċa l-kbira familjari tagħhom. Għalija kien mument veru emozzjonali. Intbaħt kemm wara kollox b’xogħol bħal dan tkun qed tagħti servizz lill-poplu.”

    “Lili taf x’impressjonani l-aktar?” introduċa ruħu fid-diskursata Philip (li jiġi missier Ramon u Alexis), “meta ġabu lill-Għawdxin sejrin lejn l-Awstralja. Kienu qed jintervistawhom. Staqsewhom fejn sejrin u x’kien beħsiebhom jagħmlu hemm? Kienu kollha lebsin puliti bil-ġlekk u l-ingravata, qishom sejrin għal xi tieġ. Kien hemm wieħed qal “Ma nafx imma hawn naħdem fil-ġebel kont jien.” Illum li għaddew is-snin u naf minn xiex għaddew dan-nies, inħoss ħafna meta nara filmati bħal dawn.”

    F’Lulju tal-2008 huma pparteċipaw bil-film li nħadem  għat-teżi biex iggradwaw ‘Moving On’ fin-National Film Competition tal-Malta Cine Circle. Rebħu tliet awards għalih: Best Production, Best Director u Best Use of Sound.

    Id-diskussjoni ma damitx ma daret fuq ix-short film ‘In the end’ li pproduċew Ramon u Alexis fl-2009. Fi Frar ta’ dis-sena huma telgħu Los Angeles biex jiġbru l-award internazzjonali li rebħu għalih fit-taqsima tal-Best International Contemporary Short f’kompetizzjoni mnhedija waqt in-New York International Independent Film and Video Festival.

    “Qatt ma ħsibna li ser naslu s’hawn u naturalment inħossuna kuntenti ħafna li xogħolna ġie apprezzat tant! Konna naqra kwieti u ddeċidejna li ntellgħu short film. Konna naħdmu fuqu matul il-weekends. Waqt il-ġbid ta' 'In the end'Bdejna fi Frar 2009 u lestejna f’Ġunju tal-istess sena. Sakemm inħadem ma kellniex xi pjanijiet kbar dwaru imma mbagħad kif rajna l-prodott lest l-istorja kienet differenti. Bgħatna l-film f’diversi postijiet fostom anki l-Amerika. Kien hemm fejn ġie aċċettat u kien hemm fejn ġie injorat. Fil-fatt bil-film ‘In the end’ konna anki pparteċipajna fi programm li kien qed jippromwovi s-short films fuq stazzjon Malti imma hemmhekk ma tantx għamel ħoss. F’Lulju mbagħad ipparteċipajna fin-National Film Competition mnhedija mill-Malta Cine Circle fejn il-film innifsu ma rebaħ xejn filwaqt li missieri rebaħ il-premju tal-Best Performance bħala l-attur prinċipali.

    Il-festival li rbaħna b’ ‘In the end’ huwa wieħed mill-akbar festivals indipendenti li jagħtu importanza kbira lix-short films, feature films u dokumentarji. Ħadna sehem fih meta issuġġerihulna ħabib tagħna minn New Zealand li hu direttur tal-fotografija. Kif għedtlek, ma konna qed nistennew xejn kbir imma f’daqqa waħda bdew jiġru ħafna affarijiet.

    Aħna bgħatna l-film f’Ġunju 2009 billi tellgħajnih fuq il-YouTube. Xahar wara ċempluli biex inħallsu applikazzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-festival peress li l-film kien ġie aċċettat biex jieħu sehem b’mod formali.  F’Awwissu rċevejt email fejn għarrfuni illi ‘In the end’ kien ġie magħżul uffiċċjalment. Anki s’hemm għalina kien diġa’ unur kbir u nistqarr miegħek illi qisna nsejnih xi ftit meta beda għaddej iż-żmien. F’Ottubru reġgħu kkuntattjawni peress li xtaquna nitilgħu New York ħalli nkunu preżenti għall-wiri tiegħu fis-swali taċ-ċinema. Imma kemm peress li konna qegħdin nistudjaw il-Masters u aktar u aktar għax ma kellnix finanzi, ma tlajnix. Sadanittant il-film tagħna kien qiegħed jieħu sehem f’selezzjoni oħra fejn għal għaxart ijiem kuljum kienu qed jintwerew ammont ta’ films internazzjonali sabiex l-udjenza tagħżel l-aħjar tnejn minnhom. Fl-aħħar ġurnata kellhom jintwerew il-films kollha li ntagħżlu u minn hemm joħroġ ir-rebbieħ. Meta waslet l-aħħar email biex tinfurmana li l-film tagħna kien rebaħ award internazzjonali, bilkemm ridna nemmnu. U ċċekkjajna għal darba tnejn biex nikkonfermaw li kien minnu.”

    ‘In the end’ huwa film ta’ madwar 10 minuti. Jitratta l-istorja ta’ Paul, raġel anzjan li jgħix waħdu u li qed ibati mill-kundizzjoni tal-Alzheimer’s. Xtaqt inkun naf kif ġiet l-idea lil Ramon li jikteb dan l-iskript?

    “L-ispirazzjoni għal din l-istorja ġietni meta kien qed imut in-nannu tiegħi, missier ommi. Dawk huma familja kbira u meta saret evidenti li n-nannu kien ser imut, kulħadd dar miegħu. Kont qed inħares Philip Mizzi l-attur prinċipali f'In the endlejn dix-xena meta għaddieli l-ħsieb “ara naqra, x’familja għandu ddur bih!” U mbagħad komplejt nistaqsi “Tgħid la nikber bħalu, inkun hekk jien? Għedt ma naħsibx”. U minn hemm bdiet l-idea dwar dan ir-raġel anzjan illi fuq is-sodda tal-mewt tiegħu qiegħed jhewden dwar ħajtu l-imgħoddija filwaqt li beda jistaqsi li kieku għex mod ieħor, x’kien jinbidel minn dawk il-mumenti li kien għaddej minnhom? Peress li l-anzjan kellu l-kundizzjoni tal-Alzheimer’s, ħsibijietu ġew b’saħħithom ħafna tant li saru aktar sodi u reali.”

    Philip ħadem il-parti ta’ Paul. Kif ħejja ruħu għal karattru hekk?

    “Jiena rajt lil missieri jmut bl-Alzheimer’s għalkemm dak iż-żmien lanqas biss kont naf. Ma kienx muġugħ imma rajtu jidbiel ftit ftit kuljum. Ħassejtni sodisfatt li rnexxieli nwassal dak li jgħaddi minnu bniedem li jbati minn dil-kundizzjoni. Fil-fatt il-film trid tarah aktar minn darba biex tifhem sewwa d-dettalji u l-messaġġi kollha li fih.”

    X’messaġġ xtaqtu twasslu permezz ta’ dan il-film?

    “Minn riċerka li għamilna skoprejna illi l-kundizzjoni tal-Alzheimer’s hija problema kbira ħafna fl-Amerika. M’għandnix dubju illi dan kien wieħed mill-fatturi għala rebaħ ‘In the end’ peress li l-udjenzi setgħu jirrelataw miegħu faċilment.

    Kif kulħadd jaf, fl-Amerika hemm problema kbira bid-distanza u għalhekk xtaqna illi min jara dan il-film jiftakar fl-anzjani tiegħu u jekk dawn jinsabu weħidhom jagħmlu daqsxejn sforz biex jagħmlu kuntatt magħhom jew jagħtuhom ftit għajnuna.”

    Akkost li kemm Ramon u kemm Alexis jidhru li għalissa ma jixtiequx irabbu għeruq ma’ xi tfajla, in-namra fil-qasam tal-film-making qed tiżdied bil-bosta. Fil-fatt dan l-aħħar huma reġgħu telqu kollox minn idejhom sabiex jiffukaw fuq Masters in TV and Interactive Content, din id-darba fl-Università ta’ Birmingham City fl-Ingilterra.

    “Iva ddeċidejna li nagħmlu l-Masters flimkien speċjalment għax irrealizzajna li naħdmu tajjeb ħafna bħala tim. L-idea ġiet għax xtaqna li jkollna aktar taħriġ f’dan il-qasam. Barra minn hekk qed nittamaw li niltaqgħu ma’ xi ħadd fl-Ingilterra li miegħu nistgħu nkabbru dan it-tim. Iżda s’issa għadha ma seħħitx din il-biċċa xogħol kemm għax fl-Ingilterra n-nies spiss joqogħdu ġewwa minħabba t-temp u anki għax il-post fejn qegħdin huwa kemmxejn għali u peress li aħna studenti nżommu naqra lura mill-ħruġ biex nevitaw spejjeż żejda,” fehemni Alexis.

    It-taħriġ li qed nieħdu bħalissa huwa tajjeb ħafna. Fostom qed naraw kif għandek tibni kontenut għal dokumentarji televiżivi bħal dawk li kapaċi joffru ir-RAI, il-BBC u n-National Geographic. Inzerta li d-dokumentarji minn dejjem kienu jinteressawni u hawnhekk qed nitkissru fuq stil differenti minn dak li mdorrijin soltu naraw f’pajjiżna. Tolqotni s-sistema kif ma tużax biss id-dati imma tagħfas iktar fuq l-istorja u l-ħajja ta’ dawk li tkun qed titkellem dwarhom.”

    Hemm xi film-maker li jispirahom?

    Ramon irrispondini mill-ewwel “Kathryn Bigelow li għamlet il-film ‘The Hurt Locker’. Ammirajtha għax kienet l-ewwel mara li rebħet l-Oscar bħala film-maker u b’hekk irnexxielha tkisser id-drawwa ta’ industrija ġeneralment orjentata lejn l-irġiel.”

    Lil Alexis jispiraħ “Martin Scorcese l-aktar minħabba l-mod ta’ kif jibni drama u kif jirrakkonta l-istorja, kif jiġbidha u jeditja. Joħloq ukoll ħafna karattri u stejjer interessanti. Bħalissa qed jiġuni f’moħħi l-films ‘Cape Fear’, ‘Taxi Driver’ u ‘Shutter Island.”

    Bħala attur lil Philip jogħġbu “Al Pacino għax il-karattri li jaħdem huma kollha ‘nies ta’ veru’.”

    Ma stajtx ma napprezzax is-sinerġija bejn dan il-missier u ż-żewġ uliedu li bejniethom it-tlieta jagħmlu kuraġġ lil xulxin sabiex ikomplu joħolqu proġetti ġodda. Madanakollu Philip stqarr miegħi illi f’żogħżitu huwa ma kienx sab din l-għajnuna…

    “Kif qalulek uliedi aħna ġejjin minn familja li ilha ntiża fil-qasam tal-films. Fi żmienu nannuwi Francis Mizzi, kien intebaħ bil-potenzjalità li kellu ċ-ċinema f’Malta. Għalhekk bena żewġ talksijiet; wieħed In The Endf’Ħal-Luqa u l-ieħor f’Ħal-Qormi magħruf bħala ‘Il-Warner’. Terġa’ missieru kellu wkoll ċinema ieħor f’Ħal-Qormi li kien jismu s-‘St George’s’ fejn illum hemm il-Każin tal-Labour. Missieri kien jaħdem bħala projectionist u meta żżewweġ lil ommi din kienet tqatta’ ħafna ħin ħdejh. Għalhekk kienet tgħidli illi jien kont ilni nara l-films sa minn qabel twelidt għax anki meta kienet tqila baqgħet tmur sikwit. Meta mbagħad kbirt ftit, kont noqgħod ħdejn missieri fuq banketta nsegwi l-films. Tant kont nintilef li ġieli għamilt pipi taħti biex ma nitlifx xi biċċa u ommi tgħidx kemm kienet tirrabja!

    Ġiet naturali l-ħajra li nsir attur imma l-ironija hija illi missieri qatt ma aċċetta din ix-xewqa tiegħi! Dak iż-żmien fil-‘Warner’ kienu jiġu ħafna artisti Taljani biex jagħmlu l-cabaret shows. Kienu jgħixu ħajja ta’ ħallat u aqsam. Ma kien ikollhom diċenza ta’ xejn u ovvjament missieri kellu impressjoni ħażina ħafna tal-atturi. Kif spiċċajt mill-Liceo u bdejt it-teatru hu qalli “Se nibdew? Ara għamel din u ieqaf.” Kien għalxejn li qgħadt ingerger u neqred għax missieri kien deċiż tant li heddidni li jitfagħni ’l barra mid-dar jekk insostni. Kelli nċedi iżda wara li twieldu ż-żewġt itfal tiegħi attendejt fl-iskola tad-drama u llum ilni 33 sena naħdem fit-teatru.”

    Meta staqsejtu liema rwoli li ħadem kienu l-aktar għal qalbu ma damx jaħsibha…

    “Ovvjament il-parti ta’ Paul f’‘In the end’. Għoġobni għax kellu karattru kumpless ħafna. Waqt il-filming kont ninqata’ għalija sabiex nidħol fil-karattru. Min jaf kemm il-darba bqajt waħdi fis-sodda, anki meta l-oħrajn kienu jieqfu għall-brejk, ħalli ma nitlifx il-konċentrazzjoni.

    Għall-qalbi ħafna wkoll hija l-parti ta’ miġnun li kont ħdimt fil-play Marat-Sade li l-istorja tagħha titkellem dwar il-qtil tal-Markiż de Sade. Interessanti huwa l-fatt illi dan Sade kien kittieb kontroversjali li qatta’ madwar 32 sena minn ħajtu magħluq fil-ħabsijiet u fil-manikomji. Il-kelma ‘sadiżmu’ oriġinat minn kunjomu proprju minħabba l-ħajja li kien jgħix u anki għal kitbietu fejn fostom esiġa illi l-atturi ta’ Marat-Sade kellhom ikunu kollha nies mill-manikomju. Kienet play diffiċli imma kellna rispons tajjeb ħafna dwarha.”

    Ma’ Philip il-kliem waqa’ mill-ġdid dwar il-film li ħadmu wliedu fejn fostom saħaq illi f’pajjiżna hawn nuqqas kbir ta’ sapport fejn tidħol il-kultura.

    “Hawnhekk trid tibda mix-xejn, il-motivazzjoni tiegħek biss trid tmexxik. M’hemm imkien fejn il-film-makers jistgħu jiltaqgħu u jagħmlu naqra kuraġġ lil xulxin. Biex għamilna dan il-film u saħansitra meta morna niġbru l-award kellna niffinanzjaw kollox aħna. Meta ċċekkjajna jekk stajnix nieħdu xi għajnuna finanzjarja biex inkomplu b’dan ix-xogħol infurmawna illi m’hawn l-ebda fondi dedikati għax-short films. L-affarijiet biex isiru tajjeb iridu l-flus, aktar u aktar jekk irridu nikkompetu ma’ xogħolijiet barranin fejn dal-qasam huwa ħafna aktar stmat.”

    Dort mill-ġdid fuq Ramon u Alexis u xtaqt inkun naf jekk hux diffiċli li tirnexxi f’din l-industrija u jekk tagħmilx differenza li huma Maltin.

    It-tnejn qablu illi “L-aktar importanti huma l-kuntatti, it-talent u x-xorti. Trid tinzerta fil-post it-tajjeb, fil-ħin opportun u tiltaqa’ mal-persuni ġusti. Jeħtieġ li tieħu l-ħajja bħal lotterija – aktar ma tixtri u tilgħab biljetti, aktar iżżid iċ-ċans li tirbaħ xi darba.

    Ma jidhrilnix li tagħmel differenza li aħna Maltin. Illum bl-internet tilħaq ħafna nies kullimkien. F’din l-industrija aktar naħsbu illi s-sigriet hu kemm inti kapaċi li tipprovoka l-udjenza tiegħek b’ideat ġodda u b’oriġinalità f’xogħolok. Meta konna żgħar konna tgħallimna ħafna stejjer fostom dawk ta’ Dick Whittington u ta’ Cindirella. It-tnejn irnexxew fl-aħħar tar-rakkont għalkemm l-istejjer tagħhom kienu differenti. Whittington tħabat u stinka biex wasal fejn ried mentri Cindirella ġieta tajba u barra minn hekk kellha lil fairy godmother! Il-ħajja reali tixbaħ ħafna lil dawn l-istejjer.”

    Bejn kafè u ieħor il-ħin kien sar sew. Kien għad fadalli kurżità waħda – x’kien l-akbar proġett li xtaqu jagħmlu?

    Philip kien dirett, “Aktar milli proġett nixtieq li mqar għal darba t-teatru jagħti l-kreditu fejn jixraq!”

    Ix-xewqa ta’ Alexis hi, “Li noħroġ b’idea oriġinali għal feature film ħalli eventwalment nirbaħ l-Oscar! Kbira żżejjed hux? Imma fid-dinja ma tridx taqta qalbek!”

    Ħallejt lil Ramon jagħlaq id-diskursata, “Li naħdem feature film ibbażat fuq il-kultura Maltija. Fil-preżent dan il-qasam hu bbumbardjat bil-kultura Amerikana. Tkun interessanti kieku. Issa kemm naħseb li dan huwa possibbli? Jiddependi kemm ser tidħakli x-xorti!”

    Il-film ‘In the end’ jinsab fuq il-link: http://www.youtube.com/watch?v=MFmkmhukB98 .

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 t’April 2010)

    2010.04.18 / no responses / Category: Torca - Perspettivi