Posts Tagged ‘Mattia Preti’

  • Fuq il-passi ta’ Pawlu

    Michelle Galea, Assistenta Kuratrici tal-Muzew Wignacourt.JPGArtal portabbli ta' fuq ix-xwieni.JPG

    Ix-xelters tal-Muzew Wignacourt.jpgIl-faccata tal-ktieb.JPG

    Il-grotta ta' San Pawl.jpgId-Duluri ta' Mattia Preti.JPG

    “Kif ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard….” Għoddni qed nilmaħ lill-appostlu San Luqa jikteb dawn il-vrus taħt id-dawl kiebi ta’fjamma ta’ xemgħa tperper maż-żiffa dieħla fil-kamra. L-istess ġabra ta’ kliem li llum, wara dawn is-snin kollha, għadna nisimgħu jinqara kull sena waqt il-quddiesa taċ-ċelebrazzjoni tal-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna. Jingħad li fis-sena 60 W.K., San Pawl waqqaf l-ewwel knisja f’Malta, proprju fil-grotta tar-Rabat, fejn kien qiegħed jiġi miżmum bħala ħabsi. U minn hemm beda l-kult qawwi Pawlin li matul is-snin ġibed lil bosta barranin lejn pajjiżna, hekk kif dawn xtaqu jmiddu passejhom fuq l-istess art li mexa fuqha dan il-qaddis. Hekk kif Frar huwa sinonimu ma’ din il-ġrajja tant kbira, għal dil-ġimgħa għażilt li nżur il-kumpless tal-Mużew Wignacourt li jinsab ir-Rabat, liema binja twassal ukoll għall-grotta ta’ San Pawl. Madanakollu, hekk kif flimkien mal-Kuratur Dun Ġwann Azzopardi u mal-Assistenta Kuratriċi, Michelle Galea, dort il-livelli varji li fih dan il-post, bqajt sorpriża kemm fir-realtà dan is-sit huwa ġawhra ta’ wirt kulturali li ma jkoprix biss din il-ġrajja imma anki diversi perjodi oħra tal-istorja għanja ta’ pajjiżna.

    Tassew, kienet il-grotta li llum hija magħrufa bħala Ta’ San Pawl, li nisslet ir-reverenza lejn din il-biċċa art. Iżda minn hemm, ftit ftit, tqanqal moviment sħiħ, hekk kif l-awtoritajiet responsabbli minn dil-grotta, għarfu l-valur ta’ dan il-post u bdew jużaw din is-sitwazzjoni għal diversi għanijiet, sakemm illum insibu numru ta’ binjiet li twaqqfu fuq dan is-sit reliġjuż. Intant, kull min iżur il-Mużew Wignacourt u jiġi akkumpanjat mill-Kuraturi, inkella jagħżel li jdur mal-post permezz ta’ audio-guide, għandu l-opportunità li jesperjenza dawn it-tibdiliet li fosthom jinkludu l-grotta ta’ San Pawl, labirint sħiħ ta’ ipoġew taż-Żminijiet Feniċi, Rumani u Kristjani, grupp ta’ xelters imħaffra f’qiegħan l-art matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u mużew mogħni b’kollezzjonijiet differenti u interessanti.

    Inżilt flimkien ma’ Michelle lejn il-grotta ta’ San Pawl u hemm qattgħajna ftit ħin fis-silenzju, nosservaw is-sempliċità tagħha, kif jixraq. M’hemm l-ebda dokument li jikkonferma li kienet proprju din il-grotta li kien fiha San Pawl meta kien f’pajjiżna. Imma min-naħa l-oħra, illum għandna biżżejjed tagħrif biex nagħrfu fejn kienet il-belt Melite u sa fejn kienu jaslu l-konfini tagħha. B’hekk nistgħu nikkalkulaw fejn kienu l-ħabsijiet ta’ dak il-perjodu, li ġeneralment kienu jinsabu eżatt barra l-belt. U minn xi sinjali fis-soqfa tal-grotta nnifisha, hemm indikazzjoni qawwija li din setgħet kienet tintuża bħala ħabs. Huwa fatt kurjuż illi l-kult ta’ San Pawl ma ħax mill-ewwel fost il-Maltin, kemm minħabba li dawn kellhom l-allat tagħhom u probabbilment anki minħabba t-theddida tal-preżenza tar-Rumani li kienu qed jippersegwitaw lill-Kristjani.

    Infatti jidher illi kien il-patri eremita Spanjol, Juan Benegas de Cordoba, li kabbar din id-devozzjoni meta fis-17 il-seklu, huwa żar din il-grotta u din tant laqtitu li ddeċieda li jiddedika ħajtu biex jippromwovi din id-devozzjoni lejn San Pawl fil-gżejjer tagħna. Il-ħsieb tiegħu rnexxa, hekk kif dan beda jattratta lejn pajjiżna ammont kbir ta’ pellegrini sabiex iżuru dan il-post. Dan il-fatt ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Gran Mastru Fra Alof de Wignacourt li ma damx wisq ma għaraf il-potenzjal ta’ sit bħal dan u xtaqu li jsir tal-Ordni peress li din ma kellha l-ebda proprjetà li kienet abbinata ma’ dan il-qaddis, filwaqt li d-Djoċesi ta’ Malta kellha aktar minn post wieħed. Wara diversi diskussjonijiet, fosthom mal-Papa Pawlu V, ġie deċiż li l-grotta ta’ San Pawl kellha tgħaddi f’idejn il-kustodja ta’ l-Ordni u tinfired minn mal-parroċċa ddedikata lill-istess qaddis li kienet inbniet fis-16 il-seklu, sabiex din tibqa’ tal-Isqof u tal-poplu. Min-naħa tiegħu l-Gran Mastru kien obbligat li jipproteġi l-grotta u li jagħmilha disponibbli għall-pellegrini. B’hekk huwa ordna l-kostruzzjoni ta’ palazz maħsub għall-Kappillani ta’ l-Ordni li kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ din il-grotta lejl u nhar. M’hemmx għalfejn ngħidu, dan kien ukoll mezz li bih setgħu jintlaqgħu wkoll l-aqwa nobbiltà ta’ dak iż-żmien f’pajjiżna fejn apparti li dawn kienu jkunu miġbuda mill-ispiritwalità tal-post, dawn kienu jiġu attratti wkoll mill-prestiġju tal-Ordni u probabbilment kienu jħallu xi kemxa ġmielha warajhom. Fil-fatt fuq il-grotta, l-Ordni bniet ukoll knisja ċkejkna ddedikata lil San Publiju fejn illum il-viżitaturi jistgħu jaraw dak li ħallewlna l-kavallieri f’dan il-post, fosthom kwadru titulari li juri xbieha tal-Madonna bil-Bambin li qed iżomm f’idejh is-salib ta’ l-Ordni, liema xogħol huwa tal-artist Mattia Preti.

    Il-mawra fil-Mużew ta’ Wignacourt issa niżlitna ‘l isfel, lejn il-katakombi msawwra fil-blat tal-madwar. Ikolli ngħid li kont impressjonata ferm bl-istat tajjeb ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Ta’ min isemmi illi dan il-mużew għamel madwar sena u nofs magħluq sabiex isirlu r-restawr u l-konservazzjoni li kellu bżonn, wara li kien ilu miftuħ mill-1981, u kien f’Diċembru tal-2013 li reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Il-katakombi jkopru perjodi differenti fl-istorja u jitfgħu dawl sinifikanti fuq ir-ritwali ta’ dak iż-żmien. Kif bosta minnha jafu, dawn l-inħawi tar-Rabat huma miżgħuda b’dawn il-katakombi li llum jinsabu mifruxa taħt id-djar tal-madwar u minn żmien għall-ieħor nisimgħu b’xi skoperta ta’ xi parti oħra tagħhom. Infatti, ġara l-istess hawn ukoll fejn f’dawn l-aħħar snin, waqt xi xogħolijiet li kienu qed isiru, inkixfet parti oħra żgħira ta’ katakombi li fiha nstabet agape table li madwarha n-nies kienu jiċċelebraw il-vjaġġ tal-mejjet lejn dinja aħjar permezz ta’ ikla bejniethom. Sfortunatament, il-katakombi kollha li jinsabu ġo dan il-post ġew imbattla milli kien fihom u minflok intlew bit-terrapien waqt it-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tissaħħaħ l-art ħalli taħtha jitħaffru aktar xelters. Min jaf x’qatt instab u x’qatt ittieħed minn dawn il-katakombi matul is-snin! Imma f’qabar minnhom, ġewwa din il-parti ċkejkna tal-katakombi li nstabet dan l-aħħar, wieħed għadu jista’ jara xi għadam uman li b’xi mod irnexxielu jiskappa d-destin li għaddew minnu l-oqbra l-oħra.

    Taraġ ieħor aktar ‘l isfel li donnu jieħdok fil-qalba tal-art, iwassal għax-xelters li kellhom jitħaffru malajr sabiex joffru protezzjoni lin-nies tal-inħawi waqt l-attakki kiefra tal-gwerra. Mill-ġdid, dawn ix-xelters miżmuma f’kundizzjoni mill-iprem, jitfgħu dawl differenti lil realtà oħra li għex il-poplu tagħna f’passat aktar riċenti. F’dawn ix-xelters, wieħed isib ħamsin kamra b’kollox u meta wieħed jgħodd kemm kienu jesgħu nies anki l-kurituri ta’ bejniethom, ġie kkalkulat li setgħu jilqgħu fihom madwar 350 persuna. Fatt interessanti huwa li wħud minn dawn il-kmamar ġew imżejjna, kemm billi nżebgħu l-ħitan tagħhom, u anki permezz ta’ madum sabiħ kollu diżinji kkuluriti. Jagħtik li taħseb li anki f’dan iż-żmien imwiegħer u f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija u ta’ biża’, kien hemm min ittanta jsebbaħ anki din it-toqba fil-blat, forsi biex jinsa l-kruha. Madanakollu, fir-rigward ta’ kamra minnhom partikolarment aktar imdaqqsa u rranġata, kien hemm xi anzjani Rabtin li taw indikazzjoni li din kienet qed tiġi użata biex in-nisa tqal setgħu jwelldu t-trabi tagħhom fiha jekk jinqabdu waqt xi attakk mill-ajru. Ikun tassew interessanti li kieku nsibu lil xi ħadd li għadu jiftakar dan iż-żmien u jittieħed rikordju bil-miktub u idealment viżwali tal-memorji tiegħu.

    Finalment kien imiss li nerġgħu nitilgħu ‘l fuq u hekk kif ħriġna fil-modernità tal-mużew, għal ftit mumenti ħassejt l-impressjoni li kont għadni kif tlajt minn dinja oħra. Anki dan il-mużew huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fin-naħa t’isfel wieħed jista’ japprezza l-arkitettura sabiħa tal-post u jifli xi kollezzjonijiet, fosthom 49 mudell ta’ kappella maħdumin minn George Pellegrini Petit; oġġetti antiki li kienu jintużaw fil-funerali, bħal katallett tal-epoka barokka; tagħmir tal-knisja inkluż ċuqlajta kbira li kienet tintuża fil-ġimgħa l-kbira, u għadd ta’ buzzetti artistiċi tal-iskultur magħruf Anton Agius li ġew mgħoddija minn martu bħala donazzjoni lil dan il-mużew. Oġġett mhux tas-soltu miżmum hawnhekk hija l-karozza Austin Six Limousine tal-1937, li dari kienet tintuża mill-Arċisqof Dom Maurus Caruana u mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi.

    Fis-sular ta’ fuq, il-viżitaturi jistgħu josservaw il-lussu tal-palazz li dari kien tal-Kappillani tal-Ordni u li llum huwa mibdul fi swali ta’ esebizzjonijiet varji. Parti kbira mill-esebizzjonijiet tinkludi bosta xogħolijiet tal-arti ta’ wħud mill-aqwa artisti bħal Vincenzo Hyzler, Francesco Zahra, Giuseppe Calì, Antoine Favray u Mattia Preti. L-iktar pittura antika fil-kollezzjoni ta’ dan il-mużew huwa kwadru poliptiku tal-1588 li llum hu ffurmat minn ħames partijiet fejn fihom wieħed isegwi l-ħajja ta’ San Pawl. Xogħol ieħor interessanti juri xbieha tad-Duluri li ġiet impinġija fuq injama ta’ daqs żgħir minn Mattia Preti. Minħabba li din ix-xbieha nħadmet b’lewn wieħed kjar oskur u peress li m’għandix is-soliti movimenti bħall-pitturi oħra, hemm min jaħseb li l-artist seta’ ħadem din il-pittura għalih biex iġorrha miegħu bħala speċi ta’ santa. Esebizzjonijiet oħra jinkludu relikwi, fosthom anki kopja tal-liżar ta’ Turin li ġiet awtentikata fl-1663, kwadri tal-ex-voto, paramenti ta’ Papa Pawlu V, mapep antiki u numru ta’ artifatti arkeoloġiċi li jingħad li nstabu fl-inħawi tal-Baħrija u tar-Rabat. Esebit ieħor interessanti huwa artal portabbli li kien jintuża fuq ix-xwieni; oġġett rari li probabbilment bħalu wieħed isib biss f’xi kollezzjoni privata. Wieħed jista’ jżur ukoll il-kamra tal-Kapitli mgħonija b’għadd ta’ kwadri ta’ Gran Mastri differenti, fosthom dak ta’ Wignacourt. Imbagħad hemm ukoll il-kappella li kienu jużaw il-kavallieri u sepulkru li kien jintrama f’Ħamis ix-Xirka. Kamra oħra li laqtitni kienet dik tat-teżorier li fuq is-sodda tiegħu, fl-għoli fuq ir-raff, imma dejjem taħt għajnejh, kien iżomm il-kaxxa tal-flus ħalli jipprova jevita milli xi ħadd jisraqhielu.

    Huwa importanti li wieħed ikun jaf li parti kbira minn dawn il-kollezzjonijiet li wieħed jista’ jara f’din is-sezzjoni tal-mużew, għaddiet hawnhekk bħala donazzjoni fl-1960, permezz ta’ wirt li ħalla n-Nutar Francesco Catania, li kien magħruf ħafna r-Rabat. Il-kollezzjonijiet li ġew minn għandu kienu jinkludu kwadri, għamara, diżinji, kotba, mapep, u artifatti arkeoloġiċi imprezzabbli. Dun Ġwann Azzopardi spjegali kif hu kellu x-xorti li jiltaqa’ man-Nutar Catania li spiss kien jinkoraġġih biex jinteressa ruħu fl-istorja sħiħa ta’ dan il-kumpless Pawlin. Mur għid lin-nutar li fl-1981, kellu jkun proprju Dun Ġwann li kellu jkun l-ewwel Kuratur ta’ dan il-mużew. Aktar minn hekk, min jaf qattx basar li l-istess qassis kien ser ikun l-editur tal-ktieb ‘Notary Francesco Catania (1872-1960) and his collections at the Wignacourt Museum’ li ser joħroġ għall-bejgħ mill-ġimgħa d-dieħla. Dan il-ktieb li fih 440 illustrazzjoni, jinkludi wkoll għadd ta’ materjal informattiv dwar il-Mużew Wignacourt u dwar in-Nutar Catania u l-kollezzjonijiet tiegħu. Fosthom wieħed isib numru ta’ studji u ta’ katalogi li jagħtu tagħrif siewi dwar dawn il-kollezzjonijiet: bħal ngħidu aħna katalogu tal-kwadri li ġie ppreparat minn Antonio Espinosa Rodriguez li kien Kuratur tal-Mużew Marittimu ta’ Malta u aktar tard tal-Mużew tal-Arti; katalogu tal-artifatti arkeoloġiċi tal-Perjodi Feniċi, Puniċi u Rumani li ġie mfassal mis-Superintendent tal-Wirt Kulturali, Anthony Pace; studju tad-diżinji li sar mill-Kuratriċi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Bernadine Scicluna, u studju ta’ mappa ta’ Malta tal-1833 li twettaq mill-avukat u espert fil-qasam tal-mapep, Dr Albert Ganado.

    Bla dubju, il-Mużew Wignacourt joffri esperjenza distinta lil kull min iżuru, hekk kif dan il-post u l-kollezzjonijiet tiegħu, kapaċi jolqtu għadd ta’ interessi differenti. Peress li wieħed jeħtieġ iqatta’ siegħa jew tnejn jekk irid jara sewwa dan il-post, kafetterija li tinsab f’dan il-mużew, tkompli ssaħħaħ il-professjonalità ta’ dan is-sit li għandu jkun xempju għas-siti kulturali kollha tagħna.

    Il-Mużew Wignacourt jinsab fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat. Għal aktar informazzjoni, tistgħu ċċemplu fuq 27494905.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (17 il-parti) tat-Torċa tat-23 ta’ Frar 2014)

    2014.02.23 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Sorijiet u prostituti

    Il-knisja tal-Maddalena llum u l-bini ta' hdejha.jpg

    Pittura - Noli Me Tangere - Palazz San Anton, Attard.jpgPittura -Noli Me Tangere - Monasteru Santa Katarina l-Belt Valletta.jpgIl-qoxra tal-ktieb.jpg

    Għaddejt minn quddiem il-Knisja tal-Maddalena kemm il-darba mingħajr qatt ma bsart xi storja kien hemm warajha. Madanakollu, minn dejjem naffarni l-ħsieb li din il-knisja antika kienet għamlet żmien tiġi utilizzata bħala post fejn jinħadmu l-karrijiet tal-karnival. Iżda kien biss ftit tal-jiem ilu, waqt li kont qed inħuf għal xi erbgħa kotba interessanti fil-Fiera tal-Ktieb, meta finalment ġejt wiċċ imb’wiċċ mar-realtà tad-destin ta’ din il-binja. Kien it-titlu tal-ktieb Magdalene Nuns and Penitent Prostitutes – Valletta li għall-ewwel sammarni fil-post u sfidani nqalleb il-paġni ħalli nara dwar xhiex kien jitratta. Naturalment ma stajtx nitlef l-opportunità li nkellem lill-awtriċi tiegħu, Christine Muscat, u minn hemmhekk infetħet dinja sħiħa ta’ dokumenti antiki u stejjer mistura, intriċċi u misteri, voti tas-sorijiet tal-klawsura u ittra ta’ mħabba miktuba lil waħda minnhom li nstabet fil-Biblijoteka Nazzjonali, ħajjiet ta’ sorijiet konnessi ma’ dawk tal-prostituti, u kripta mirduma bil-fdalijiet tas-sorijiet tal-Maddalena tistenna sakemm xi ħadd jerġa’ jsibha ħalli jagħti lura d-dinjità lil dawn in-nisa illum minsija imma li fi żmienhom kienu tant magħrufa.

    Kien artiklu ta’ Giovanni Bonello li kellu t-tema tal-prostituti u l-korteġġjani ta’ żmien l-Ordni li ispira lil Christine biex timraħ aktar dwar dan is-suġġett. Peress li hija gwida, ma damitx ma ħarġet bl-idea li tibni programm interessanti għall-viżitaturi tal-Belt relatat ma’ dan is-suġġett u l-inħawi antiki tiegħu. It-tfittxija għall-postijiet adattati ħaditha fosthom quddiem il-Knisja tal-Maddalena u hekk kif bdiet tirriċerka ftit l-istorja tagħha, mall-ewwel sabet ruħha affaxxinatha b’dak li beda ħiereġ, tant li spiċċat biex kitbet teżi sħiħa mit-tagħrif li sabet sabiex bih kisbet il-grad ta’ Master fl-Istudju tal-Ospitallieri. Eventwalment din ir-riċerka tant intlaqat tajjeb li l-pubblikaturi, Book Distributors Ltd, iddeċidew li kien jixirqilha tiġi ppreżentata fi ktieb.

    Fatt kurjuż huwa li meta Christine bdiet tistaqsi madwarha ħalli tikseb informazzjoni dwar din il-knisja u s-sorijiet tagħha, ftit li xejn kien hemm min kien jaf dwarha. Donnhom dawn is-sorijiet tal-Maddalena kienu ġew imħassra kompletament mill-memorja kollettiva ta’ dan in-nazzjon, bħallikieku xi ħadd xtaqhom jintesew għal kollox. Iżda huwa waqt każi bħal dawn li l-arkivji juru l-potenzjal tagħhom, hekk kif aktar ma l-awtriċi bdiet tistinka biex tiġbor it-tifkiriet ta’ dawn is-sorijiet, iżjed bdiet toħroġ l-evidenza tal-eżistenza tagħhom.

    L-istorja teħodna lura lejn żmien l-Ordni, meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann ġew ordnati jħallu Rodi u sabu ruħhom jgħixu hawn Malta. Fost ir-refuġjati li ġew minn Rodi flimkien mal-kavallieri, kien hemm ukoll għadd ta’ prostituti li segwew lill-klijenti tagħhom f’pajjiżna. Riżultat t’hekk, il-pjaga tal-prostituzzjoni fil-gżejjer tagħna, kompliet terfa’ rasha u kibret b’rata allarmanti, tant li fl-aħħar tas-seklu 17, viżitatur Franċiż ikkummenta li ma kienx hemm post fid-dinja fejn il-mard venerali seta’ jittieħed aktar malajr mill-gżira ta’ Malta. Aktar tard, fit-18 il-seklu, il-vjaġġatur Ġermaniż von Riedesel sostna li fil-belt Valletta ma kienx għad fadal mara waħda onesta! Rapporti bħal dawn, għalkemm ċertament esaġerati, ma damux ma ġibdu bosta kritika fuq l-Ordni fejn din ġiet akkużata li ma kienet qed tagħmel xejn biex toħnoq din il-problema fil-gżejjer Maltin. Għaldaqstant dawn fetħu monasteru għas-sorijiet tal-klawsura tal-Maddalena li kien jinsab biswit il-monasteru ta’ Sant’Ursula l-belt Valletta, sabiex fih setgħu jinġabru dawk il-prostituti ripentiti li ma xtaqux ikomplu b’din il-ħajja tad-dnub u minflok jieħdu l-voti tal-kastità, il-povertà u l-ubbidjenza. Ta’ min isemmi li din ma kinetx xi idea oriġinali tal-kavallieri ta’ Malta għax monasteri tas-sorijiet tal-klawsura tal-Maddalena kien hemm f’diversi pajjiżi, speċjalment fejn kien hemm il-portijiet u t-taħlit tan-nies li sikwit kienu jwasslu għall-firxa tal-prostituzzjoni.

    Għall-ewwel dawn is-sorijiet bdew mix-xejn u meta fl-1596 żarhom l-Inkwiżitur Innocenzo del Bufalo de Cancellieri huwa kiteb lill-Kardinal Aldobrandini f’Ruma biex jgħarrfu li dawn in-nisa kienu qed imutu bil-ġuħ u li l-binja tagħhom kienet kiesħa silġ. Mill-ġdid din l-aħbar qanqlet ħafna kritika lejn l-Ordni u dawn ma kellhomx għażla ħlief li jirrimedjaw din il-problema billi jibnu monasteru ġdid għal dawn is-sorijiet. Pjanti antiki tal-monasteru l-ġdid juru li dan ġie mibni madwar bitħa ċentrali twila u dejqa u li kien magħmul minn binja sħiħa rettangolari li kienet tinsab bejn Triq Merkanti (dak iż-żmien Strada San Giacomo) u Triq it-Tramuntana (Strada Sant’Elmo). Issa dawn is-sorijiet kellhom post lussuż fejn kellhom l-ilma tagħhom u saħansitra funtana. Barra minn hekk, il-knisja li kienet tagħmel parti mill-monasteru, bdiet tiżżejjen b’xogħolijiet tal-aqwa artisti ta’ dak iż-żmien bħal Filippo Paladini u Mattia Preti.

    Il-finanzi ta’ dan il-monasteru kienu jidħlu minn diversi sorsi fosthom: mid-doti li kienu jġibu magħhom is-sorijiet, mid-donazzjonijiet, mill-fondi li kienu dovuti kull sena mill-Ordni, u mill-fondazzjoni ta’ Ġirolama Ciantar li ħalliet somma ta’ flus li biha tmien tfajliet mis-Siġġiewi bil-kunjom Ciantar, setgħu jiddaħħlu bħala sorijiet f’dan il-monasteru mingħajr ma jħallsu d-dota dovuta. Imma ċertament l-aktar sors sinifikanti minn fejn dawn is-sorijiet bdew jibnu l-assi tagħhom kien permezz ta’ taxxa li ġiet imposta fuq il-prostituti kollha li kien hemm f’Malta f’dawk iż-żminijiet, fejn dawn kellhom iħallsu 20% ta’ flushom, tal-propjetà tagħhom u ta’ dak kollu li kienu jippossjedu, sabiex bihom is-sorijiet tal-Maddalena setgħu jieħdu ħsieb l-ispejjeż tal-monasteru tagħhom. Din it-taxxa li oriġinarjament ġiet introdotta f’Ruma mill-Papa Klement VIII fl-1602, kienet qajjmet fervent sħiħ fost il-prostituti ta’ Ruma u l-istess ġara f’Malta meta l-Granmastru nġieb f’pożizzjoni li jrid u ma jridx idaħħal l-istess regola f’pajjiżna. B’inġenjożità, b’manipulazzjoni u b’kapaċità li wieħed ma jistenniex minn sorijiet tal-klawsura magħluqa bejn erbgħa ħitan fis-seklu 17 u 18, dawn in-nisa rnexxielhom jibnu fortuna kbira, tant li wara ċertu ammont ta’ snin, il-ħajja tagħhom fil-monasteru kienet fost l-aktar lussużi.

    F’monasteru fejn kien hemm nisa ta’ oriġini sinjura u edukata mħallta ma’ oħrajn li minn dejjem kienu foqra, b’uħud minnhom li daqu anki d-dinja tal-prostituzzjoni, ma setax jonqos li jkun hemm bosta kunflitti interni. Infatti, bħal f’kull monasteru ta’ dak iż-żmien, kien hemm is-sorijiet koristi li kienu jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ l-artijiet u l-investimenti li kellu l-monasteru, u s-sorijiet servjenti li kellhom ir-responsabbiltà tax-xogħol domestiku, u din ir-realtà kienet toħloq ġerarkija bejniethom. L-inkwiet kien jinqala’ wkoll meta kienu jiġu mposti fuqhom xi nies li ma kienux jaqgħu taħt ir-regola tal-monasteru fejn kien hemm spjegat ċar li huma ma setgħux jaċċettaw morda, xjuħ u nisa tqal. Infatti kien hemm inċidenti meta r-rabja ta’ xi sorijiet qabżet il-linja mhux ħażin, bħal meta wħud minnhom ippruvaw joqtlu tfajla tqila li ntbagħtet tgħix magħhom permezz tal-velenu! Att li kien infurja lill-Inkwiżitur Giovani Ottavio Mancinforte li meta sar jaf b’din l-istorja, huwa ordna l-għeluq tal-monasteru u tal-knisja tiegħu u l-iskomunikazzjoni tas-sorijiet. Kien biss għal xi intermedjarji li daħlu għalihom li kkalmaw is-sitwazzjoni meta s-sorijiet kellhom jiskużaw ruħhom anki jekk kontra qalbhom.

    Il-poter u l-kuntatti li kellhom uħud minn dawn is-sorijiet kien qawwi ħafna u dan kien ċar min-numru ta’ ġrajjiet li l-awtriċi rnexxielha tislet mid-dokumenti. Iżda ċertament waħda mill-aktar fatti impressjonanti huwa dak tas-soru ripentita Sister Dorothea Valenti, li kienet eks-korteġġjana tal-Granmastru De Paule. Ġara li meta din ġiet irrifjutata milli tkun il-korteġġjana tas-suċċessur ta’ De Paule, hija ddeċidiet li tidħol bħala soru tal-Maddalena u magħha ħadet 18,000 skud u lil bintha Anna li kellha tliet snin. Peress li r-regola tal-monasteru ma kinetx taċċetta li t-tfal jgħixu ma’ dawn is-sorijiet, Valenti għamlet talba speċjali lill-Papa Urban VIII u dan aċċetta li bintha titħalla tgħix magħha, bil-patt u l-kundizzjoni li meta t-tifla ssir adoloxxenti tieħu l-voti tal-klawsura. U hekk sar. Infatti Anna Valenti saret soru tal-klawsura imma wara xi żmien din ħalliet il-monasteru u jidher li ħadet l-isem ta’ Anna Pitard.

    Fost il-paġni ta’ dan il-ktieb intriganti, wieħed isib ukoll kopja ta’ ittra ta’ mħabba li l-awtriċi sabet arkivjata flimkien mad-dokumenti antiki tal-Biblijoteka Nazzjonali. Fiha, l-awtur anonimu li kien il-maħbub ta’ ċerta Giuditta għal 33 sena sħaħ, jinfurmaha li kien sejjer ikellem lill-Papa u sadanittant jissuġġerilha wkoll biex tilbes żarbun tat-takkuna u tibda titla’ u tinżel it-taraġ bih ħalli ma tintelaqx. L-ittra twebblek li forsi finalment dawn il-maħbubin kienu ser jieħdu xi deċiżjoni biex jibdew xi ħajja flimkien. Madanakollu, Christine irnexxielha ssib soru li kien jisimha Sister Giuditta Novi li kienet tgħix fil-monasteru fil-perjodu tal-ittra u din mietet hemm erbgħa snin wara d-data ta’ dan il-messaġġ.

    Bi storja ta’ aktar minn 200 sena, wieħed jista’ jimmaġina kemm hemm aktar rakkonti f’dan il-ktieb. Imma l-ispazju f’dan l-artiklu jitlobni biex issa nasal għall-perjodu meta l-ħajja ta’ dawn is-sorijiet inbidlet minn lejl għan-nhar hekk kif Malta waqgħet taħt idejn il-Franċiżi. Infatti kien biss ġimgħa wara l-wasla tal-ħakkiema l-ġodda meta s-sorijiet irċevew ittra mingħand l-awtoritajiet li kienet qed tinfurmahom li l-monasteru tagħhom kien ġie soppress u li huma kellhom jitilqu minn hemm fi żmien ġurnata u jħallu kollox warajhom. Christine tiddeskrivi b’mod imqanqal dawn is-siegħat tat-twehir hekk kif dawn is-sorijiet b’ta’ fuqhom senduqhom, ġew akkumpanjati mis-suldati Franċiżi armati bil-bajjunetti, sabiex imorru jgħixu flimkien mas-sorijiet ta’ Santa Katarina li kien jinsab ftit passi ‘l bogħod mill-monasteru tagħhom, fejn baqgħu jgħixu sakemm mietu. Jidher li maż-żmien huma rnexxielhom jiġbru xi affarijiet li kellhom fil-monasteru tagħhom, imma l-biċċa l-kbira tal-affarijiet għosfru. Akkost li meta telqu l-Franċiżi minn Malta, il-ħakma Ingliża rritornat il-monasteri lura lis-sorijiet u lill-patrijiet li kienu jgħixu fihom qabel, dan ma seħħx mas-sorijiet tal-Maddalena. Anzi huwa kurjuż il-fatt li meta s-sorijiet bagħtu t-talba tagħhom lill-awtoritajiet biex jingħatawlhom lura l-possessjonijiet tagħhom, inkluż il-monasteru, huma rċevew l-informazzjoni dettaljata li kienu bagħtulhom lura b’sempliċiment sentenza miktuba fuqhom li kienet tispjega li r-rikjesta tagħhom kienet ġiet injorata! Minn hemm l-istorja ta’ dan il-monasteru u s-sorijiet tiegħu tant titħawwad li hu diffiċli ħafna biex tispjega eżatt x’ġara. Intant, parti kbira minn dan il-monasteru ġġarfet meta l-post intlaqat bil-bombi waqt it-tieni gwerra dinjija.

    L-awtriċi rnexxielha ssib il-postijiet fejn uħud mill-aħħar sorijiet tal-Maddalena ġew midfunin; fosthom 31 soru jinsabu midfuna fil-kripta tal-monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta. Iżda Christine għandha xewqa kbira li xi darba tiġi nvestigata l-kripta li jidher li hemm wara l-kor tal-knisja tal-Maddalena li fis-sena 1866 kienet infetħet aċċidentalment minn xi ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq il-bini tal-iskola biswit. Achille Ferris ħareġ rapport dettaljat dwar dak li sab fejn fosthom irrimarka dwar ir-raffinatezza tal-arkitettura tal-kripta u anki dwar is-sejba ta’ xi fdalijiet ta’ sorijiet midfuna fuq il-qiegħa tal-art, fejn waħda minnhom kienet għadha liebsa l-abitu.

    Fl-istess ħin, l-awtriċi traċċat ukoll żewġ kwadri li juru xeni tal-Maddalena ma’ Ġesù bit-titlu Noli me tangere (la tmissnix), li jidher li kienu jappartjenu lil dan il-monasteru. Wieħed minn dawn il-kwadri qiegħed fil-monasteru ta’ Santa Katarina filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard. F’ritratt antik u rari tal-intern tal-knisja tal-Maddalena, Christine irnexxielha tilmaħ wieħed minn dawn il-kwadri wara l-artal maġġuri. Issa hi tixtieq li xi espert fil-qasam tal-arti jikkonferma jekk xi wieħed minn dawn il-kwadri huwiex xogħol ta’ Filippo Paladini kif jingħad ħalli b’hekk tkompli tinħall il-kobba dwar din l-istorja.

    Meta Christine avviċinat lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta peress li xtaqet tagħmel il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb tagħha fil-knisja tal-Maddalena, hija mill-ewwel sabet għajnuna kbira. Imma hekk kif fetħu l-bieb tal-knisja huma sabuha fi stat tal-biki: bl-ilma dieħel mis-saqaf tagħha u b’ħitan mimlija graffiti u bi kliem oxxen. Permezz ta’ fondi mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-knisja ġiet imnaddfa mill-imbarazz li kien fiha, is-saqaf ġie kkurat u l-ħitan tnaddfu. Il-Kunsill xtaq anki jsib fondi biex jiftaħ il-kripta ħalli b’hekk din l-istorja li reġgħet ingħatat ir-ruħ, tkompli twassal għal aktar żviluppi f’dan il-qasam, imma s’issa dan ma kienx possibbli. Nemmen li proġett bħal dan ikun validu ħafna għas-settur kulturali tagħna għax barra li jkun qed iservi biex jikseb lura parti mill-istorja ta’ pajjiżna u anki mill-istorja tan-nisa lokali (li bosta drabi jitħallew barra mill-kotba tal-istorja), għandu l-potenzjal ukoll li joffri sit b’laqta differenti fil-qasam turistiku.

    Żgur li dan ix-xogħol ġdid ta’ Christine Muscat ser iqanqal ħafna interess f’dawn il-ġrajjiet u f’din il-knisja li llum tidher tant umli minn barra meta fir-realtà għandha storja daqstant rikka u affaxxinanti. Ormaj m’għandix dubju li din l-istorja mhiex ser tieqaf hawn…

    (Dan l-artiklu ġie ppublikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (6 Parti) fit-Torċa tat-8 ta’ Diċembru 2013)

    2013.12.08 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Mużew żgħir bi stejjer kbar

    Il-Muzew tal-Parrocca taz-Zejtun.JPGDun Gino Gauci quddiem kwadru ta' Dun Gwann Tabone.JPG

    Qtugh ir-ras ta' S.Katarina minn artist segwaci ta' CARAVAGGIO.jpgPanel tal-Madonna tac-Cirkuncizjoni.png

    Il-mewt tal-arċipriet Dun Eric Overend li seħħet fit-28 t’April 2013, ħasdet liż-Żejtun kollu, aktar u aktar minħabba li dil-belt kienet għadha qed tipprova tfejjaq il-ferita tat-telfa tal-viċi tiegħu, Dun Renè Cilia, li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku ftit xhur qabel. Għal xi żmien fiż-Żejtun, l-arloġġ tal-ħajja donnu weħel itektek fuq l-istess siegħa, iżda finalment id-dinja tkompli għaddejja, u dawk li jibqgħu, ikollhom id-dmir li jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex il-ħidma ta’ dawk li ġew qabilhom, ma tintilifx fix-xejn. Fil-fatt Dun Gino Gauci kompla jaħdem fuq il-proġett li huwa kien beda flimkien ma’ Dun Overend bil-għan li tingħata ruħ ġdida lill-Mużew tal-Parroċċa taż-Żejtun. Intant, wara ħafna xogħol u bl-għajnuna ta’ diversi individwi, għada, dan il-Mużew tal-Parroċċa ser jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku u b’hekk finalment il-ħolma ta’ Dun Eric Overend u ta’ ħafna oħrajn, ser issir realtà.

    Din il-ġimgħa żort dan il-mużew li jinsab fil-bini ta’ biswit l-Oratorju, proprju taħt l-Alexandria Hall. Huwa interessanti li wieħed ikun jaf li oriġinarjament din l-art kienet tifforma parti minn ġnien kbir, kif juru xi ritratti antiki tal-Parroċċa taż-Żejtun. Kien fl-1955 meta Mons. Mikiel Spiteri, l-arċipriet taż-Żejtun ta’ dak iż-żmien, deherlu li din il-biċċa art setgħet tiġi żviluppata f’Ċentru għal skopijiet edukattivi, soċjali u reliġjużi, u għalhekk ġie mqabbad il-perit Orazio Diacono biex jagħmel il-pjanti ta’ dan il-proġett. It-tifsila ta’ dawn il-pjanijiet kienet tinkludi kappella (li llum m’għadhiex teżisti u minflok hemm l-uffiċċji parrokkjali), librerija (fil-preżent dawn il-kotba qegħdin preservati u merfugħa f’post ieħor), sala fejn in-nies tal-lokal setgħu jiltaqgħu (illum Alexandria Hall), u swali oħra fejn bdew jinġabru bosta oġġetti li kienu relatati b’xi mod jew ieħor maż-Żejtun (fil-preżent il-mużew). Ironikament, l-ewwel ġebla ta’ dan il-bini tqiegħdet fid-29 t’April 1956 (proprju 57 sena qabel it-telfa ta’ Dun Overend) mill-arċipriet Mons. Mikiel Spiteri fil-preżenza tal-Isqof Emmanuel Galea, liema ġebla mmarkata b’salib, tinsab fil-ġenb tal-lemin tal-entratura ta’ dan il-bini. F’Diċembru tal-1962 din il-binja ġiet inawgurata iżda l-mużew kien jinfetaħ għall-pubbliku darba fis-sena biss, waqt il-purċissjoni tal-festa ta’ Santa Katarina. Hawnhekk huwa neċessarju li wieħed jifhem id-differenza fil-perspettiva ta’ dak il-perjodu fejn l-għan prinċipali tal-mużew kien li jsalva u li jippreserva l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu maż-Żejtun, aktar milli biex jesebihom. Min-naħa l-oħra, illum, l-emfasi tiffoka iżjed lejn il-kapaċità li dawn il-ġabriet tat-tifkiriet ikunu kapaċi jirrakkuntaw storja.

    Iltqajt ma’ Dun Gino Gauci fejn huwa spjegali fid-dettall dwar it-tqassim tal-mużew. L-ewwel kamra ser tkun iddedikata għall-materjal viżiv li juri l-iżvilupp soċjo-kulturali taż-Żejtun u tal-parroċċa tiegħu. Iż-żewġ swali l-oħra ser jinkludu diversi esebiti fosthom: kollezzjoni ta’ artifatti arkeoloġiċi tal-fuħħar li nstabu f’numru ta’ oqbra tal-perjodu Puniku-Ruman f’xi nħawi taż-Żejtun, affarijiet marbutin mal-ewwel parroċċa taż-Żejtun li kienet iddedikata lil Santa Katarina (illum magħrufa bħala ta’ San Girgor), oġġetti konnessi mal-parroċċa l-ġdida fosthom kalċi li jmur lura għat-18 il-seklu u li llum jintuża waqt il-festa ta’ Santa Katarina, dokumenti li jirrakkuntaw l-istorja taż-Żejtun bħal ngħidu aħna t-talba li saret miż-Żwieten lill-Granmastru Hompesch biex ir-raħal tagħhom jingħata t-titlu ta’ belt, u esebizzjoni ta’ ħwejjeġ antiki li kienu jintużaw fil-liturġija u li huma partikolari mmens minħabba n-nisġa distinta tad-drapp tagħhom.

    Barra minn hekk, dan il-mużew jinkludi wkoll esebizzjoni ta’ skulturi u kwadri li huma ħafna għal qalb Dun Gino Gauci, speċjalment peress li hu espert u lekċerer tal-Istorja ta’ l-Arti. L-ewwel żewġ statwi li tkellimna dwarhom inġiebu mill-parroċċa antika ta’ San Girgor u t-tnejn huma maħduma mill-injam bi stil Barokk. L-istatwa ta’ San Mikiel ġiet maħduma minn zokk ta’ siġra, kif jikkonfermaw iċ-ċrieki ta’ siġra evidenti hekk kif taqleb il-pedestall u hija kollha indurata għalkemm xi partijiet minnha ġew miżbugħa matul is-snin. Il-provenjenza ta’ din l-istatwa mhiex magħrufa imma probabbilment inħadmet fi Sqallija minn artist b’influwenza artistika Spanjola. Min-naħa l-oħra, l-istatwa ta’ San Ġużepp bil-Bambin f’idu ġiet mibnija permezz ta’ numru ta’ twavel tal-injam li tqiegħdu fil-forma li naraw illum. Anki jekk ma tkunx tifhem wisq fl-arti, mill-ewwel tintebaħ li din l-istatwa hija ta’ ċertu valur peress li l-libsa tal-qaddis trid sebgħa għajnejn biex tħares lejha daqs kemm hi sabiħa u dettaljata, kemm fil-kuluri magħżulin u kif ukoll fit-teknika tad-dekorazzjoni tagħha. B’xorti tajba din l-istatwa qatt ma ġiet mimsusa u allura għadna nistgħu ngawdu l-indurar u l-kuluri kollha oriġinali. Ta’ min isemmi illi snin ilu, meta din l-istatwa kienet fil-parroċċa ta’ San Girgor, kien hemm l-użanza li meta titwieled tarbija, l-ġenituri tagħha kienu jirregalaw libsa ta’ tarbija lil din il-knisja ħalli għal xi ġranet tintlibes mill-Bambin ta’ San Ġużepp li kien jinqala’ apposta.

    Statwa ċkejkna imma b’rakkont interessanti hija dik li turi lil Ġesù għarkubbtejh quddiem kolonna, akkompanjat b’żewġt anġli mbikkma. Għal Dun Gino din l-istatwa minn dejjem kienet kemmxejn kurjuża, partikolarment minħabba l-pożizzjoni ta’ Kristu li mhux soltu narawha hekk. Infatti, wara ħafna riċerka, huwa sab li dan ix-xogħol kien qiegħed jirrappreżenta lil Ġesù wara l-flaġellazzjoni u li b’hekk din l-istatwa hija unika fil-gżejjer tagħna. Biex ifehemni aħjar, Dun Gino fetaħ in-niċċa tal-istatwa, silet maktur mill-but u rranġah f’idejn l-id il-leminija tal-figura ta’ Kristu. Huwa stqarr li dan id-dettall skoprieh wara li studja xi xogħolijiet tal-artist Spanjol Bartolome’ Esteban Murillo li fit-18 il-seklu spiss kien pitter xeni li jixbħu ferm lill-kompożizzjoni ta’ din l-istatwa, li turi lil Kristu qed jiġber il-porpra mill-art wara li din tneħħiet minn fuqu sabiex jiġi flaġellat. Mhux darba u tnejn li l-esperti tal-arti jużaw din is-sistema biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar ix-xogħolijiet li jkollhom quddiemhom, l-aktar minħabba li ġeneralment, l-istili tal-iskultura u tal-pittura sikwit jirriflettu lil xulxin matul perjodi differenti. Intant, wara li għal numru ta’ snin dan ix-xogħol kien maħsub li huwa tal-artist Malti Xandru Farrugia, riċentement Dun Gino kkonferma li din l-istatwa fir-realtà kienet xogħol Spanjol. Dan seħħ meta huwa ħa lil Marjorie Trusted, Kuratrici Anzjana tal-Victoria and Albert Museum f’Londra u esperta tal-istatwi Spanjoli, biex tara dan ix-xogħol li kien jinsab fil-knisja tas-Salvatur, fir-Raħal t’Isfel, iż-Żejtun. Hi spjegatlu kif iċ-ċavetta għal din it-taħbila kienet tinsab f’dettalji żgħar imma ċari mmens: fid-dmugħ tal-anġli u fl-għaraq tad-demm ta’ Kristu li kienu magħmula mill-ħġieġ, u fix-xagħar tal-għajnejn ta’ Kristu li kien xagħar tassew.

    Esebit ieħor affaxxinnati huwa l-abbozz maħdum mill-bronż li juri l-magħmudija ta’ Kristu u li fuqu kienet inħadmet l-istatwa artistika magħmula mill-irħam li fil-preżent tinsab fuq l-artal tal-Kattidral ta’ San Ġwann, il-Belt. Il-prestiġju ta’ dan l-abbozz huwa li dan ġie maħdum mill-iskultur Alessandro Algardi minn Bologna li kien artist magħruf ħafna u antagonist kbir tal-iskultur ta’ fama Gian Lorenzo Bernini. Fortunatament dan ix-xogħol ġie akkwistat mill-aħwa Salvatore u Katarina Caruana, magħrufa bħala Ta’ Nardu, li fl-1892 irregalawh lill-Parroċċa taż-Żejtun u b’hekk issa jista’ jitgawda mill-pubbliku.

    Imxejna lejn il-kwadri kbar imwaħħla mal-ħitan tal-mużew u waqafna quddiem l-akbar wieħed minnhom li juri x-xena tal-martirju ta’ Santa Katarina u li dwaru dan l-aħħar inħolqot il-leġġenda li l-kreatur tiegħu seta’ kien Caravaggio. Huwa fatt illi xi figuri minn dan il-kwadru u l-istil ta’ kif jaqa’ d-drapp ġew imfassla fl-istil ta’ Caravaggio u għalhekk hu maħsub illi jekk ma kienx hu li għamel dax-xogħol, probabbilment kien xi artist ieħor li kien qrib ħafna tiegħu. Madanakollu hemm ħafna elementi oħra, bħall-profil tat-tifel, li huma batuti wisq biex ikunu ta’ dan l-artist mill-iprem. Din il-leġġenda ssawret meta dan l-aħħar il-kwadru ntbagħat Firenze biex jiġi restawrat u hekk kif ratu r-restawratrici Lapucci dehrilha li din setgħet kienet biċċa xogħol mhux iffirmata ta’ Caravaggio. It-teorija tagħha ġiet ibbażata fosthom fuq ix-xebħ li għadni kif semmejt, fuq il-fatt li dan il-kwadru huwa vertikali (kif kien jippreferi jaħdimhom dan l-artist), u partikolarment fuq l-anatomija u l-wiċċ tal-figura mixħuta fl-art li aktar għandhom dehra maskili milli dik femminili. Infatti l-ipoteżi hija li dan seta’ kien il-kwadru oriġinali tal-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista li ġie ordnat mill-Ordni mingħand Caravaggio biex jitpoġġa fl-Oratorju tal-Kattidral ta’ San Ġwann. Possibilment, dan il-kwadru kellu jiġi skartat minħabba li l-Ordni xtaqet kwadru orizzontali u minflok, aktar tard, ix-xena ġiet modifikata minn xi artist ħabib ta’ Caravaggio fuq ordni ta’ kavallier devot ta’ Santa Katarina taż-Żejtun, sabiex iservi bħala ex-voto f’ġieħ din il-qaddisa wara li hu ħelisha mill-mewt waqt taqbida qalila. Infatti fil-ġenb tax-xellug tal-kwadru hemm xi kitba akkumpanjata minn mappa li turi l-ħbit tal-inħawi fejn illum hemm il-belt Valletta u fix-xena jidher ukoll l-akwedott ta’ Wignacourt li b’hekk jagħti indikazzjoni tad-data tat-18 il-seklu. Sadanittant, mill-istudji tekniċi li saru fuq il-kwadru jidher ċar illi l-figura tal-kavallier, il-kitba u l-mappa ġew miżjuda aktar tard.

    Kwadru ieħor sinifikattiv huwa maħsub li juri l-Gran Karrakka (flagship) ‘Santa Maria’ tal-Gramastru l’Isle Adam. Mhux magħruf min pitter dan il-kwadru iżda dan ix-xogħol sab ruħu ż-Żejtun meta familja rregalatu lil Dun Spir Grixti li poġġieh fiċ-ċentru taż-żagħżagħ, magħruf bħala d-Domus. Għal dawn l-aħħar snin, peress li dan il-kwadru huwa antik ferm u anki minħabba l-valur sentimentali tiegħu, huwa kien jinsab protett u magħluq ġo kamra. Imma b’hekk ftit li xejn nies setgħu qatt igawduh. Għaldaqstant ġie deċiż li dax-xogħol jiġi misluf lill-mużew sabiex ikun jista’ jiġi apprezzat minn dawk kollha li jżuru l-post, speċjalment minn dawk li huma interessati fil-qasam marittimu peress li fih jidhru ħafna dettalji u affarijiet partikolari fosthom li dan ix-xini kien iddekorat bis-siġar u b’arloġġ kbir.

    Kwadru ieħor interessanti huwa dak tal-Madonna taċ-ċirkunċiżżjoni li juri lil Bambin li għadu kif ġie ċirkonċiż qiegħed jistrieħ fi ħdan Ommu. Dan ix-xogħol ġie maħdum bi stil rinaxximentali u oriġinarjament kien jifforma parti minn kwadru trittiku fejn fuq il-pannelli tal-ġenb tiegħu kien hemm ix-xbiehat ta’ Santa Katarina u ta’ San Pawl. Madanakollu meta fl-1614 seħħ attakk qawwi mill-furbani fuq il-knisja ta’ San Girgor, il-pannelli tal-ġenb ġew meqruda waqt li l-bqija ġarrab diversi daqqiet fuqu. Peress li dan il-kwadru kien għażiż ħafna għan-nies tal-post, tqabbad l-artist Don Pedro Malo y de Villa Vicencio li kien jaħdem fil-bottega ta’ Mattia Preti, sabiex jirrestawrah. Iżda dan kif lesta xogħolu, iffirma ismu u ta x’jifhem li kien hu li ħadem il-kwadru fl-1662. Però minn riċerka ta’ Charlene Vella, lekċerer fid-Dipartiment tal-Istorja ta’ l-Arti, jidher li dan ix-xogħol seta’ kien tal-artist Antonio de Saliba peress li hemm xebħ kbir bejn dan il-kwadru u xogħolijiet oħra tiegħu. Intant, meta saru xi testijiet bl-x-rays inkixef il-wiċċ oriġinali tal-Madonna taħt dak ġdid li kien għamel Vicencio u l-kwadru ġie restawrat. Iżda għal min hu interessat li jara x’kien bidel dan l-artist, wieħed jista’ jara r-rikostruzzjoni tiegħu li hemm quddiem l-artal tar-rużarju fil-parroċċa taż-Żejtun.

    Ċertament rakkonti bħal dawn jgħinu aktar lill-viżitaturi biex japprezzaw l-esebiti ta’ mużew ta’ din ix-xorta. Bħas-soltu, hemm ħafna aktar oġġetti interessanti x’wieħed jixtarr, fosthom kwadri ta’ personaġġi magħrufa fiż-Żejtun bħal dak ta’ Dun Ġwann Tabone u ta’ Dun Ġwann Farrugia. Għaldaqstant kulħadd huwa mistieden biex għada t-Tnejn 18 ta’ Novembru, fis-7.00pm, jattendi għall-kunċert vokali li ser jittella’ fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun mill-kor ‘Collegium Musicum’ taħt it-tmexxija ta’ Mro. Prof. Dion Buhagiar, Maestro di Cappella Cathedralis. Wara, l-E.T. il-President ta’ Malta, Dr George Abela, ser jinawgura l-ftuħ uffiċjali tal-Mużew tal-Parroċċa taż-Żejtun.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (3 Parti) fit-Torċa tas-17 ta’ Novembru 2013)

    2013.11.17 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-JIEN U LIL HINN MINNI

    Tgħallem kif tista’ toqrob lejn is-silenzju li hemm fik innifsek u tkun taf li fid-dinja għal kollox hemm raġuni…. Elisabeth Kubler-Ross – psikjatra u awtriċi

    Għalkemm fil-ħajja huwa tajjeb li żżomm ruħek bieżel u dejjem għaddej b’xi ħaġa, kultant jiġu mumenti meta tħossok li ma tiflaħx titħabat aktar. Tibda tixxennaq imqar għal ftit mumenti ta’ rilassament Il-ġmiel tal-kjostrufil-kwiet u s-silenzju, mingħajr id-daqq tal-mobile, il-listi interminabbli ta’ messaġġi fl-email u l-urġenza ta’ xogħol wara ieħor li jrid isir illum qabel għada. Jasal punt meta jkun inutli li tibqa’ tagħfas u tipprova tkompli u tross sninek biex tibqa’ għaddej, għax ruħek innifisha tgħidlek – daqshekk, agħtini serħan!

    F’waqtiet hekk, allura jkollok tieqaf u titħasseb fejn tista’ tmur tirkupra ftit is-serħan tal-moħħ, it-trankwillità tal-ġisem u s-serenità tar-ruħ. Hemm diversi għażliet kieku – kollox jiddependi minn kemm għandek ħin u flus x’tinvesti f’dat-tip ta’‘fsied’.

    Mhux darba u tnejn li l-għażla tiegħi waqgħet fuq vakanza qasira fil-gżira t’Għawdex u hekk ġara anki did-darba… iżda b’differenza. Il-post li żort dan l-aħħar kien mogħni b’silenzju armonjuż, bi storjaFr Peter Paul Cachia antikissima, b’xogħolijiet tal-arti prezzjużi, b’arkitettura mill-ifjen,  b’ġonna donnhom ħerġin mill-istampi u anki b’ikel bnin u kumpannija mhux tas-soltu! Qatt ma bsart li ser insib dan kollu fil-Kunvent ta’ Santu Wistin li jinsab ir-Rabat Għawdex…

    L-ispazju mdaqqas fil-pjazza ta’ quddiem il-kunvent solvieli mill-ewwel il-problema tal-parkeġġ u fil-bieb, pront u fil-ħin miftiehem, insib lil Fr Peter Paul Cachia jistennieni.

    Mill-ewwel laqagħtni l-fatt li kien liebes pajżan u mhux bl-abitu kif ippretendejt li ser insibu jien. Nistqarr li hekk ħassejtni aktar komda, qisni dieħla fid-dar ta’ xi ħbieb iktar milli f’kunvent fejn soltu jkolli impressjoni forsi xi ftit aktar formali.

    “L-abitu nilbsuh waqt il-funzjoni tal-quddiesa, meta noħorġu għax-xogħol u meta mmorru niltaqgħu man-nies,” fehemni Fr Peter hekk kif ikkummentajt dwar dan. “Imma hawn ġew, fejn trid tmidd idejk u taħdem, dak it-tip ta’ lbies mhux daqshekk prattiku u komdu.

    “Naturalment l-abitu huwa l-uniformi tagħna li jiddistingwina kemm bħala individwi reliġjużi u anki jagħmel distinzjoni bejn il-komunità tagħna u ta’ reliġjużi oħrajn. Iżda l-aqwa ħaġa tal-abitu hija s-sinifikat tiegħu peress li jissaggralizza lill-bniedem. Madanakollu jiena nħoss illi l-ħajja reliġjuża turi ruħha fl-atitudni tagħna u mhux fl-għażla tal-ħwejjeġ li nilbsu.”

    Hekk kif tajt l-ewwel passi fil-kunvent ma stajtx ma napprezzax l-arkitettura mirquma tiegħu li evidentement kienet tixhed storja twila warajh. Infatti waqt riċerka li għamilt xi ġranet qabel, sibt illi l-oriġini eżatta ta’ dan il-kunvent kienet pjuttost inċerta. Skont xi storiċi, dan il-bini kien diġà msemmi fir-reġistri tal-Ordni fl-1453.

    “Jingħad li dal-bini huwa l-eqdem kunvent  f’Għawdex. Fl-1411 il-patrijiet Agostinjani kienu diġà qed jgħixu f’Malta imma hawnhekk nikkalkulaw li ilna mill-1453. Hawn min jgħid li konna hawn qabel Id-daħla għall-kunventukoll imma aħna dejjem nibbażaw fuq dak li hemm miktub. Ovvjament il-kunvent ma kienx minn dejjem bħal kif nafuh illum. Il-bini tkabbar u ttella’ ftit ftit matul is-snin u kien biss fl-1690 li ġie rranġat fl-istruttura preżenti.”

    Akkost il-milja ta’ das-snin kollha nnutajt li l-istat tal-bini huwa solidu ferm.

    “Minn wara s-snin sebgħin dan il-kunvent għamel żmien twil b’partijiet minnu mhux utilizzati. Infatti sas-snin disgħin kien jintuża biss bħala dar tal-irtiri għall-patrijiet stess li kienu jiġu hawnhekk u ma kienx miftuħ għall-pubbliku in ġenerali.

    Finalment fl-1994 iddeċidejna li flok inħallu dan l-ispazju moħli, nibdew nilqgħu il-pubbliku fih u għalhekk kien hemm bżonn li jsiru diversi adattamenti. Qagħdna ħafna attenti li nħallu l-karattru tal-post bla mittiefes u fl-istess ħin iddedikajna 16 il-kamra b’żieda ta’ kamra tal-banju f’kull waħda, sabiex in-nies li jiġu joqogħdu magħna jkollhom il-kumdità u l-privatezza neċessarji. Illum il-post jista’ jilqa’ fih 58 persuna.

    Għamilna wkoll xi żidiet interessanti oħra bħal mużew b’diversi oġġetti partikolari li kienu jinstabu f’dan il-kunvent u li dehrilna li setgħu jkunu ta’ nteress għall-pubbliku li jiġi jżurna.”

    Biex inkun nista’ nifhem aħjar, Fr Peter ħadni nara l-esebiti li għalkemm mhux f’xi kwantità enormi, l-varjetà tagħhom taf tolqot il-gosti ta’ individwi differenti.

    “Dawn huma żewġ ġebliet li nstabu fuq l-oqbra ta’ xi kavallieri li kienu mietu waqt kruċjata f’Tuneż u li r-Re Luwiġi IX kien ġie f’din il-gżira biex jidfinhom. Kienu fl-inħawi fejn illum hemm l-Oratorju Ġebla minn fuq qabar ta' kavallier datata 1270peress li sa madwar l-1940 hemmhekk kien ċimiterju.

    Għandna wkoll bosta oġġetti reliġjużi fostom ornamenti antiki li kienu jżejjnu l-knisja bihom u dawn is-set ta’ ħwejjeġ li ħallilna l-Isqof Camilleri; li kien Agostinjan u ħadem bħala l-Isqof t’Għawdex fl-aħħar tas-seklu l-ieħor u fil-bidu ta’ dan.

    Imbagħad hawn xi opri tal-arti bħal pitturi u skulturi, reċipjenti tradizzjonali tal-kċina bħal dawn il-baqar tal-fuħħar li kienu jintużaw biex jissajjar l-istuffat u affarijiet kurjużi bħal din il-lista tal-1923 fejn hawn imniżżel l-ordnijiet speċifiċi ta’ kif għandhom jindaqqu l-qniepen.”

    Kif qbiżna fuq l-aspett artistiku ma stajtx ma nitlobx lil Fr Peter biex idaħħalni daqsxejn fil-knisja tal-kunvent fejn kont naf li hemm opra mill-isbaħ tal-pittur Mattia Preti.

    “Din il-knisja hija mfittxija ferm mill-korijiet minħabba li hija akustika ħafna. Imma ċertament għandha wkoll valur kbir artistiku minħabba l-pitturi li tħaddan ġewwa fiha.

    Fost dawn hemm din il-pittura li kkonfermajna li hi xogħol ta’ Mattia Preti meta sibna d-dettalji fl-arkivji tagħna. Saret fl-1694 u hija l-kwadru titulari tal-knisja. Il-kwadru juri lil Santu Wistin flimkien ma’ Pittura ta' Giuseppe BriffaSan Ġwann Battista u l-Beatu Guliermu t’Aquitana.

    Però din mhux l-unika biċċa arti li hawn ġol-knisja. Dawn iż-żewġ pitturi mill-ifjen li qed tara f’kull ġenb, ġew maħduma mill-pittur bravissimu Giuseppe Briffa.”

    Kull tant żmien l-arkivji tal-kunvent jiżvelaw xi biċċa informazzjoni ġdida…

    “Fuq barra tal-knisja hemm erba’ statwi li  jirrappreżentaw lil Santu Wistin, lill-Madonna taċ-Ċintura, lil San Nikola minn Tolentino u lil San Tumas minn Villanova. Għal diversi snin kien maħsub li dawn l-Faċċata tal-Kunvent Santu Wistin Rabat Għawdexistatwi kienu saru mill-iskultur Rabti Antonio Busuttil fl-1860. Iżda dan l-aħħar instab illi l-istatwa ta’ Santu Wistin u l-istatwa nofs bust tal-Madonna taċ-Ċintura li hemm mal-faċċata tal-knisja u li forsi ftit jagħtu kasha, huma xogħolijiet aktar antiki tal-1770.”

    Ir-rikkezza ta’ dan il-kunvent stħajjiltha bħal paġni antiki ta’ ktieb li aktar ma tqalleb, iżjed issib informazzjoni u rakkonti mill-aktar interessanti. U fil-fatt kien għad fadal ħafna aktar x’nara. Bl-innoċenza kollha staqsejt lil Fr Peter jekk kellhomx xi xelters fil-kunvent u hu tbissem u sempliċiment talabni nsegwih.

    “Qabel nieħdok isfel fix-xelters ħa nurik xi ħaġa oħra…”

    Inżilna sular taħt l-art fejn kien hemm xi kmamar imħaffra.

    “Dan ngħidulu l-eremitaġġ minħabba li dari l-patrijiet kienu jinżlu fih biex jagħmlu x-xogħol tal-ġurnata tagħhom. Kull patri kellu l-aċċess għal din il-parti tal-L-eremitaġġ fil-Kunvent Santu Wistin Rabat Għawdexkunvent mill-kamra l-oħra tiegħu fejn kien jgħix, jikteb, jitlob u jorqod. Għaldaqstant taħt il-kamra proprja tiegħu, kull patri kellu wkoll dan l-ispazju fornut b’dak li kellu bżonn biex jaqla’ l-għixien tiegħu u tal-patrijiet l-oħra billi kienu jaħdmu xi affarijiet u mbagħad ibiegħuhom. Kellhom il-bir fejn jaħżnu l-ilma u dan it-tip ta’ kenur biex isajjru fih.”

    U proprju fin-nofs ta’ din il-moħba ċkejkna, minn wara gradi baxxi tal-ħadid, nilmaħ xi turġien neżlin aktar fil-fond tal-art. Ix-xelters! Bdejna neżlin…

    “Ħares sewwa lejn il-bokka tax-xelters u tara tlett tipi ta’ saffi stratigrafiċi ta’ tafal b’kulur differenti, segwiti mill-ħaġar iebes. Għax ix-xelters jinżlu tliet sulari taħt l-art u jinfirxu f’tul ta’ metri sħaħ tant li Id-daħla għax-xelters - livelli stratigrafiċijaslu sa taħt il-pjazza kollha li hemm quddiem il-kunvent u anki jilħqu numru ta’ djar oħra fil-madwar.”

    Issa fhimtha t-tbissima tiegħu! Ix-xelters kienu profondi mmens tant li lanqas stajna nidħlu sa ġewwa nett, kemm minħabba li f’partijiet minnhom jinfed l-ilma mill-qiegħan tal-art u anki peress li naħat oħra ngħalqu għal raġunijiet ta’ sigurtà ta’ aċċess.

    “Ġeneralment f’kull xelter apparti l-kmamar l-oħra provduti għall-kenn mill-attakki tal-gwerra, kien ikun hemm ukoll tliet kmamar prinċipali: infermerija, kappella u klassi għat-tfal. U dawn ix-xelters huma msawwra f’din il-forma.”

    Għalkemm min-natura tiegħu dan it-tħaffir taħt l-art ifakkar f’mumenti tal-waħx għal poplu tagħna, ma stajtx ma napprezzax kemm dawn ix-Il-profondita tax-xeltersxelters kienu mqassma b’mod professjonali u mhux f’geġwiġija bħal inħawi oħra li ġieli rajt. Ammirevoli kien ukoll l-istat tajjeb ħafna ta’ preservazzjoni ta’ dawn ix-xelters. Infatti biex inkun iktar preċiża dan il-livell għoli ta’ manutenzjoni kien jagħni lill-bini kollu u lill-oġġetti kollha li kienu jinsabu f’dan il-kunvent.

    “Il-kariżma tagħna bħala partijiet Agostinjani hija l-komunjoni. Dan ifisser li aħna ngħixu f’komunità u naqsmu kollox bejnietna. Tant hu hekk illi kull tip ta’ finanzi li jdaħħal kull patri titpoġġa f’kaxxa komuni u minnha nieħdu ħsieb inħallsu għal dak kollu li neħtieġu.

    L-istess kariżma twassalna biex naqsmu wkoll ħajjitna u d-dar tagħna mal-lajċi li jkunu jixtiequ jgħixu għal ftit fl-ambjent tagħna jew li jixtiequ jesperimentaw u jifhmu xi tfisser il-ħajja kontemplattiva ta’ patri.

    Għaldaqstant nifhmu illi l-post irid ikun miżmum f’qagħda eċċellenti, l-ewwel nett biex iwassal dak l-ambjent seren u pjaċevoli fejn wieħed jista’ jinġabar fih innifsu u jsib is-serħanu anki għax aħna konxji wkoll li meta tilqa’ n-nies għandek trid iżżomm ċertu livell professjonali, tajjeb daqs il-kunventi l-oħra madwar id-dinja li joffru l-istess servizz tagħna.”

    Kulħadd jista’ jiġi joqgħod f’dan il-kunvent?

    “Iva, sakemm jinżamm id-dekor u s-silenzju, kulħadd huwa milqugħ hawn ġew. Fostna jiġu kemm Maltin u kif ukoll turisti, li mhux neċessarjament ikunu nsara imma xorta waħda japprezzaw dawn it-tip ta’ postijiet, ovvjament minħabba d-diversi aspetti oħra li kapaċi joffru apparti mill-lat reliġjuż.”

    X’tistennew min-nies li jiġu jżurukhom?

    “Naturalment li javżawna minn qabel biex jirriservaw post. Imma nassigurak li ma nġiegħlu lil ħadd iqum u jitlob magħna bilfors jew li jiġi jattendi għall-quddies fil-għodu! Naturalment għal min jixtieq Il-baqar tal-fuħħar għall-istuffathemm din il-possibilità letteralment żewġ passi l-bogħod fil-knisja tagħna stess. Imma min jippreferi jiġi biex ikollu kamra fejn jistrieħ għall-kwiet u jieħu xi ikla tajba magħna, għandu l-libertà kollha li jagħmel dan.”

    Iċ-ċempila ta’ qanpiena tidwi mal-kunvent qatgħatilna kliemna…

    “Kumbinazzjoni! Sar il-ħin għall-ikel. Ejja miegħi…”

    Ma stennejtix din. Inġbarna bil-qiegħda flimkien maż-żewġ patrijiet l-oħra: il-pirjol u s-sagristan li wkoll kienu lebsin ħwejjeġ ta’ kuljum u li żiedu dak is-sens uniku ta’ kumpliċita bejnietna. B’tazza nbid ħamra f’idejna, bdiet diskussjoni ferm imħawwra proprju daqs l-ikel bnin li beda jinżilli għasel!

    “Din hija l-użanza tagħna u l-unika regola marbuta mal-ħin. Għalhekk min jagħżel li jiekol magħna jkun irid josserva l-ħin li nagħtuh peress li kulħadd jiekol flimkien u b’hekk il-mistednin tagħna jsiru jafuna aħjar u aħna lilhom.

    F’dan il-kunvent qegħdin tliet patrijiet. Hawn il-pirjol li huwa l-animatur tagħna u allura hu responsabbli mill-komunità tagħna  f’dawk li huma dmirijiet bħal li jara li jiġu segwiti minna l-atti komuni Arkitettura 1 - Kunvent Santu Wistin Rabat Għawdexfostom it-talb u l-ħajja komuni bejnietna u li jsir id-djarju ta’ kuljum fejn fih jitniżżlu l-avvenimenti tal-ġurnata u li maż-żmien isiru arkivji. Hawn ukoll is-sagristan li fost ix-xogħolijiet tiegħu jieħu ħsieb il-knisja u dak kollu li jikkonċerna l-quddies. Imbagħad hawn l-ekonomu, li bħalissa huwa jien, li fost ir-responsabbiltajiet tiegħi nieħu ħsieb id-dħul u l-ħruġ tal-finanzi tal-kunvent, ix-xiri li jkun hemm bżonn u li nara l-bżonnijiet strutturali u ta’ ndafa li jkollu bżonn il-kunvent.

    Ħafna nies ifittxuna biex jorganizzaw l-irtiri u dawn għalina jingħataw prijorità peress li din hija l-funzjoni prinċipali tagħna bħala kunvent. Uħud minnhom jitolbuna biex niffurmawlhom irtiri u laqgħat skont is-suġġett tal-għażla tagħhom. Oħrajn jiġu b’mod individwali u jersqu għandna biex jiddjalogaw magħna fuq ċerti aspetti u għażliet tal-ħajja. Għalhekk aħna nisħqu ħafna fuq is-silenzju f’dan il-post.”

    Lestejna mill-ikel u Fr Peter ħadni nżur iż-żewġ ġonna li jħaddan fih dan il-kunvent. L-ikbar wieħed iġib l-isem Tagaste; il-post fejnIl-kjostru tal-Kunvent Santu Wistin Rabat Għawdex twieled Santu Wistin. Imma jiena ntlift wara l-ġnien iż-żgħir magħruf bħala l-kjostru; post li trid tkun fih biex tifhem ġmielu u biex tħoss fuqek dik il-paċi li kapaċi jnissel.

    “It-trankwillità hija importanti ferm għalina għax aħna nemmnu illi fis-silenzju l-bniedem jista’ jiltaqa’ aktar miegħu nnifsu u allura jersaq aktar qrib t’Alla. Santu Wistin jgħidilna illi Alla mhux il-barra minnek imma qiegħed ġewwa fik. Għalhekk iktar ma tinżel fil-profondità tiegħek innifsek, iżjed tiltaqa’ ma’ Alla. Dan huwa l-aspett fundamentali u pożittiv għala nilqgħu n-nies hawnhekk.”

    Il-kunvent ma kien jispiċċa qatt. Dħalt fil-kmamar li fihom jilqgħu lin-nies u sibt li kienu ħelwin ferm uKamra tipika fil-kunvent ndaff tazza, fi stil tipikament Malti u jagħtu għal fuq il-ġonna. Sinċerament ħassejtni nixxennaq biex ngħaddi jumejn f’dan il-post mżewwaq b’tant kultura, b’kuluri naturali u bil-ħlewwa ta’ dawn il-patrijiet tant ospitevoli. Iżda l-patrijiet infushom għandhom ukoll diversi lati oħra, ukoll ferm profondi. Waqt id-diskursata tagħna sirt naf li Fr Peter qatta’ l-biċċa l-kbira minn ħajtu fil-missjoni.

    “Meta gejt iffurmat patri, 33 sena ilu, mill-ewwel għażilt li mmur il-missjoni. Għamilt 19 il-sena l-Alġerija. Kont naħdem ma’ numru kbir ta’ individwi minn pajjiżi differenti li kienu jmorru jaħdmu hemmhekk għal kumpanniji kbar. Kienu joqogħdu fi djar pri-fabbrikati li jiffurmaw speċi ta’ villaġġi. Kelli madwar 36 minn dawn u biex inwettaq ix-xogħol pastorali tiegħi ivvjaġġajt mas-6000 kilometru fix-xahar. Qsamt anki d-deżert meta mort naħdem fost il-ħaddiema li dak iż-żmien kienu qed jibnu l-pipeline tal-gas li minnha għaddew il-gas għall-Ewropa. Min-naħa l-oħra, fl-Brażil hemm numru ta’ provinċji Agostinjani li fil-preżent qed jippruvaw jingħaqdu flimkien fi provinċja waħda Brażiljana. Hemmhekk qattajt 12-il sena oħra ta’ missjoni.”

    B’differenza minn kif forsi ħafna minna jimmaġinaw li l-patrijiet jgħixu ħajja trankwilla, intbaħt li ħajjet Fr Peter kienet attiva u mpenjuża ferm. Iżda hu qalli li ried joqgħod attent ħafna għal kemm jinvolvi ruħu.

    “Waħda mill-akbar tentazzjonijiet tagħna hija proprju l-attiviżmu: li inti minħabba l-attivitajiet li tidħol għalihom tħalli t-talb, tabbanduna l-komunità u ma tirriservax ħin għall-laqgħat tal-kunvent. Huwa għalhekk importanti ħafna li tillimita ruħek għax jekk titbiegħed minn kollox, faċilment titlef il-vokazzjoni tiegħek li hija l-għan prinċipali li jagħmlek patri.”

    Bejnietna ingħadu ħafna aktar affarijiet u ċertament kien hemm anki iżjed x’jingħad imma sfortunatament il-ħin beda jagħfas. Biex nagħlaq, staqsejtu x’sodisfazzjon tagħtih il-vokazzjoni fil-ħajja tiegħu?

    “Il-ħajja vokazzjonali hija ta’ sodisfazzjon kontinwu. Iżda fil-ħajja reliġjuża jkollok ukoll il-kriżijiet tiegħek bħal kulħadd. Ma nista’ ninsa qatt per eżempju l-kriżi kbira li għaddejt minnha meta kont qed Fr Peter Paul Cachia fil-kjostru inwettaq il-missjoni tiegħi fl-Alġerija waqt li l-pajjiż kien għaddej minn diffikultajiet kbar.

    Kemm ilni f’dan il-kunvent, għal dawn l-aħħar sena u nofs, qed inqatta’ mumenti prezzjużi fejn fostom nista’ nistrieħ ftit u ngawdi daqsxejn lil ommi. Iżda indubbjament il-vokazzjoni tiegħi għad twassalni għal ħafna esperjenzi oħra ġodda. Nistennew u naraw.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-14 ta’ Novembru 2011)

    2010.11.14 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • RUĦ OĦRA F’PALAZZO FALSON

    Waħda mill-ħolmiet kbar tiegħi hija illi xi darba jkolli dar antika, dar bi storja warajha, dar li rat bosta affarijiet iseħħu fiha, dar b’dinjità u forsi b’xi ftit misteru, dar li kapaċi tkellmek… dar li għandha ruħ. Hawnhekk sikwit iwaqqfuni u jgħiduli ruħ xhiex? Spirtu jiġifieri? Nitbissem meta jistaqsuni dan għax naturalment mhux hekk inkun irrid infisser. Jew? Issa ma nafx! Jgħidu li spirti tajba jipproteġu lid-dar u lis-sidien tagħha. Togħġobni kieku l-idea ta’ spirtu protettur imma sinċerament ma nafx jekk għandix kuraġġ li ngħix f’dar simili. Ejja almenu ngħid illi l-ħsieb jipprovokani biżżejjed li nasal li nikkunsidraha. Imma ngħiduha kif inhi, kieku intom issibu ruħkhom f’sitwazzjoni bħal din, x’tagħmlu?

    Proprju f’din id-dilemma sab ruħu missier Joseph Debono meta darba minnhom ġie ssuġġerit lilu sabiex ikun il-kustodju ta’ Palazzo Falson jew kif kien ukoll magħruf bħala d-Dar Normanna.

    “Il-kustodju ta’ Palazzo Falson kien wasal biex jirtira u għalhekk il-Fondazzjoni Gollcher kellha bżonn lil xi ħaddieħor minfloku. Mid- diversi persuni li ġew avviċinati, ħadd minnhom ma wera xi ħerqa li jaċċetta. Antoine Debono, magħruf bħala s-Sur Antwan, spiżjar mir-Rabat u ħabib personali taċ-Chairman tal-Fondazzjoni ssuġġerixxa lil missieri Nazzareno kemm peress li kien ħabib tiegħu u anki minħabba li missieri kien għadu kif spiċċa minn minn mal-Malta Royal Altillery fejn kien ingaġġat bħala bandist. Apparti minn hekk kien jafu bħala bniedem dixxiplinat, tas-sengħa u ta’ min jafdah.

    Ħeġġu fuq li ħeġġu imma missieri ma tantx xtaq jersaq ‘l hemm għax dwar dan il-palazz kienu jingħadu ħafna stejjer strambi. Għalhekk, bit-tama li jinkoraġġuh jaċċetta, lil missieri offrewlu illi jirranġawlu xi partijiet mill-palazz ħalli b’hekk ikun jista’ jgħix bil-kumdità fil-post flimkien mal-mara u l-ħamest itfal tiegħu. B’hekk kien ikun jista’ wkoll iżomm għajnejh fuq dan it-teżor erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Ta’ min jgħid li aħna konna l-familja ideali biex noqogħdu f’dan il-post għax sa dak iż-żmien konna ngħixu ġo dar antika man-nannu Ġużeppi li kienet mimlija sa ruħ ommha bl-affarijiet antiki u hu kien rawwimna f’dixxiplina biex nibżgħu u nirrispettaw l-oġġetti ta’ valur.

    Meta missieri mar jara kif taħsibha ommi dwar il-proposta li toqgħod f’dan il-post flimkien ma’ l-għajdut li kien imdawwar bihom, din ma wriet l-ebda anzjetà. Anzi minnufih weġbitu biex lil ‘dawk’ iħallihom f’idejha għax hi kienet ser tieħu ħsiebhom u huma kienu ser jieħdu ħsiebna. Niftakar sewwa meta kienet tmur iġġib l-ilma mbierek jew meta kienet tixgħel ix-xemgħa quddiem is-santi li kienet ġabet magħha. It-tbaħħir u t-talb ma kienx jonqos lanqas u spiss kienet anki tagħmlilhom xi quddiesa għal ruħhom.

    Infatti kemm ilna hawn għal dawn l-aħħar erbgħin sena, qatt ma kellna problemi. Li naf biss huwa illi f’dak iż-żmien fil-post kien hemm periklu kbir peress li s-sistema tad-dawl kienet qdiemet u l-bini Joseph Debono nnifsu kien antik u fraġli ferm. Mhux l-ewwel darba li missieri, li kien ta’ kuljum mhedi jirranġa ‘l hawn u ‘l hemm, ifittex u jneħħi l-perikli kull fejn jirnexxilu jsibhom, spiċċa msabbat ma’ l-art minn xi xokk elettriku! Darba oħra waqt maltempata kbira, fejn il-palazz kien kważi għereq bl-ilma li daħal fih, waqa’ l-kampnar għal fuq it-terrazin u għamel ħafna ħsara. Taħtu kien hemm il-kamra tas-sodda u kienet fortuna kbira li ma sfrondax is-saqaf fuqna dakinhar! Lejl ieħor missieri qam minħabba li sema’ xi ħoss fuq barra u hekk kif ħareġ jittawwal, waqgħet il-mera l-kbira li kienet imdendla wara s-sodda tiegħu. Jgħidu x’jgħidu, superstizzjonijiet u mhux, jiena dejjem emmint li kellna lil xi ħadd jieħu ħsiebna sew hemm ġew għax bil-ħamsa li konna niġġerrew u nilgħabu mal-post kollu, kien miraklu li ħadd qatt ma ngiref.”

    Nazzareno dam jaħdem bħala kustodju tal-palazz mill-1975 sal-1996 sakemm irtira. Postu ħadu Joseph li issa kien iżżewweġ u kellu l-familja tiegħu. Madanakollu l-palazz kien tant għal qalbu illi wasal biex hu wkoll imur jgħix hemm għal xi żmien mal-familja.

    “L-ewwel ħaġa li għamilt kienet li ftaħt aktar il-bibien tal-palazz għal dawk li xtaqu jżuru l-post. Introduċejt ukoll is-sistema li tingħata donazzjoni żgħira għad-dħul sabiex biha nibda nagħmel xi bżonnijiet li kienu tant meħtieġa. Il-Fondazzjoni Gollcher kienet toħroġ flus għal dak li kien jinqala’ imma deherli li dak in-naqra kontribut mingħand il-viżitaturi kien ser jgħin aktar.”

    Tiskanta! Kultant id-destin donnu jkun qiegħed jippreparak ftit ftit għal dik ix-xi ħaġa li ‘l quddiem ikun meħtieġ minnek li tagħmel. Ir-rakkont ta’ Joseph ħadni lura lejn tfulitu…

    “Bosta mill-membri tal-familja tagħna huma nies tekniċi, tas-sengħa u artistiċi ħafna u għamlu xogħolijiet li baqgħu msemmija. Fil-fatt il-maġġoranza tax-xogħol tal-injam u l-iskultura li jtellgħu fil-festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat ħadmu ħafna minnu z-zijiet u l-kuġini ta’ missieri li kienu mastrudaxxi, ħaddieda jew skulturi primi. In-nies kienet issibhom bħala ‘tan-nażett’, ‘tal-abjad’, ‘ta’ kaxkax’ jew ‘tal-mannar’. Uħud mix-xogħolijiet tagħhom jinkludu: il-bankun tal-istatwa ta’ San Ġużepp tar-Rabat li hu uniku hawn Malta, l-iskultura u l-armar f’Ta’ Ġieżu, il-pulptu fil-Knisja tas-Sacro Cuor Tas-Sliema u ħafna mill-armar ta’ barra u ta’ ġewwa f’diversi knejjes madwar Malta.

    Wisq probabbli jiena ħadt xi ħaġa mid-demm tagħhom. Ma ninsa qatt meta darba r-rettur tal-Kulleġġ Mt Carmel sejjaħ lil missieri u qallu: “Jiena għandi pjaċir ħafna b’ibnek hawnhekk imma jidhirli li aħjar tibda tibgħatu fl-iskola tal-arti. Mur ara l-kotba tiegħu mimlija kollha taħżiż fuqhom!” Dak iż-żmien kien moħħni biss biex niddiżinja u npinġi u finalment mort l-iskola ta’ Tarġa Gap fil-Mosta fejn hemm stajt naqbad il-linja artistika u artiġġjanali. F’din l-iskola tħarriġt f’diversi snajja’ fosthom tal-ħadid, l-iskultura fl-injam, mudellatura, il-ġojjellerija u d-diżinn. Eventwalment għażilt li nkompli fuq l-iskultura fil-ġebla.

    Jum fost l-oħrajn is-Sur John Bonnici, artist mill-Mosta u l-kap tal-iskola ta’ dak iż-żmien, għażilni biex immur għal tmien xhur l-Italja sabiex nieħu esperjenza fl-iskultura fl-irħam li sa dakinhar lanqas biss kont għadni qatt missejtu b’idejja, aħseb u ara niskolpi fih! Għaddejt ġimgħatejn Ruma u ġġennint b’dik l-arti kollha madwari. Imbagħad għamilt xahrejn ġewwa Urbino u wara qattajt sitt xhur f’Carrara fejn hemmhekk flimkien ma’ grupp ieħor ta’ żgħażagħ tħarriġt fl-iskultura, fid-diżinn u fix-xogħol kummerċjali fl-irħam.

    Meta spiċċajt mill-iskola dħalt naħdem mar-restawraturi li kienu qed jagħmlu xogħol ta’ interzjar fuq il-lapidi fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, il-Belt. Ftit taż-żmien wara nteressa ruħu fija wieħed mill-Il-bitħa f'Palazzo Falsonaqwa skulturi li kellna dak iż-żmien – Marco Montebello u hemm ħadt esperjenza enormi. Tani okkażżjoni unika li ngħinu flimkien mat-tfal tiegħu Ġanni, George u Tarċisju fuq ħafna mill-kummissjonijiet li kellu fosthom:  il-funtana ta’ Nettuno li hemm f’Montgomery House il-Furjana u l-appostli li hemm ma’ San Bastjan f’Ħal-Qormi. Marco ħarriġni wkoll fuq ix-xogħol kummerċjali bħal fuklari dekorattivi, statwi monumentali u skultura għaċ-ċimiterji. Fuq kollox għallimni kif naqla’ x’niekol bis-sengħa tiegħi u ta’ dan nibqa’ nafulu.

    Wara 11 il-sena, iddeċidejt li nibda naqdef għal rasi. Għamilt bosta affarijiet u fosthom anki xi xogħolijiet tal-arti iżda sfortunatament dawn tal-aħħar inħoss li huma l-inqas apprezzati peress li ħadd ma jrid iħallas kemm jixraq għalihom u tispiċċa tagħżaq fl-ilma.”

    Bħal familjari tiegħu Joseph ħadem ukoll diversi xogħolijiet tal-armar għall-festa tar-Rabat u anki medd idejh biex jiddiżinja u jaħdem in-narJoseph Debono mal-armar tan-nar tal-art artistiku tal-art; xogħol li ħadd qatt ma tħajjar jidħol għalih qabel. Huwa stqarr illi dak kollu li għandu x’jaqsam mal-festa hu għal qalbu u fl-istess ħin beda jispjegali kif din in-namra tmur lura għal snin twal fl-antenati tiegħu.

    “In-nanniet u l-familja tiegħi min-naħa ta’missieri tista’ tgħid li kollha kienu jagħmlu parti mill-fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat li hija l-eqdem waħda f’Malta. Il-mexxejja tagħha kienu jintagħżlu min-nobbiltà u għal xi żmien il-bużnannu tiegħi kien ir-rettur tagħha peress li hu kien wieħed min-nobbli tal-Imdina, mill-familja Dei Conti Theuma Castelletti.

    Le, m’inix xi konti,” dlonk serraħli rasi Joseph meta rani ser nimpressjona ruħi. “Għax il-linja tan-nobbiltà ntilfet meta l-bużnanna dehrilha li kellha tiżżewweġ lil min jogħġob lilha u mhux kif xtaq missierha. Dak iż-żmien hekk kienu jsiru l-affarijiet.”

    Madanakollu stajt nagħraf sewwa illi bixret Joseph għalkemm dħulija u ċajtiera kienet għadha tixhed dik ir-rikkezza fil-komportament raffinat u serju tiegħu. U aktar u aktar stajt napprezza kemm dan il-palazz storiku kien f’idejn mimlija galbu meta għadda taħt il-kustodja tiegħu.

    “Sal-2001 ġewwa Palazzo Falson kont bdejt nirrestawra xi affarijiet kif stajt. Ħadt anki xi pariri mingħand nies professjonali dwar kif kelli nieħu ħsieb ċertu affarijiet. Ma nista’ ninsa qatt il-battikata kbira li konna ħadna jiena u l-mara tiegħi Alexandra biex naddafna u rrestawrajna l-parti l-kbira tal-oġġetti tar-ram li llum hemm esposti fil-kċina. Daqstant ieħor meta beda r-restawr tal-post kien diffiċli biex jitnaddfu x-xwabel li bil-lenti, bl-ixkupilja tas-snien, bit-toothpicks u b’dak kollu meħtieġ f’dan il-ġeneru ta’ xogħol, ħadt madwar xahrejn fuq kull waħda biex inġibhom lura għal mod preżentabbli li jinsabu fiha illum.

    Ix-xewqa tiegħi dejjem kienet li xi darba dan il-post jerġa’ jingħata l-ħajja mill-ġdid iżda l-ispejjeż u l-isforzi meħtieġa kienu kbar wisq. Il-palazz jiena nafu b’għajnejja magħluqa, minn ġewwa u minn barra. Għandi l-vantaġġ li trabbejt hawn u għalhekk inħoss ukoll li kważi kważi nappartjeni lil dal-post u għalhekk ngħożżu daqs li kieku kien tiegħi. Qalbi hawnhekk qegħdha u dax-xogħol inzertajt li nħobbu ħafna.

    Finalment il-Fondazzjoni Gollcher għamlet xi arranġamenti mal-Fondazzjoni Patrimonju Malti mmexxija mis-Sur Maurice Degiorgio li b’ kuraġġ kbir daħal għal din il-biċċa xogħol u r-restawr tant meħtieġ beda.”

    Issa kien imiss li Joseph jeħodni dawra ma’ Palazzo Falson. Naturalment permezz tal-introduzzjoni li kelli dwaru, stajt nara l-palazz b’għajnejn oħra u ħassejtni privileġġjata hekk kif beda jdawwarni fi kmamar mill-ifjen filwaqt li kompla jispjegali aktar dwar l-istorja tal-post u l-oġġetti mprezzabli li fih.

    “Palazzo Falson huwa t-tieni mill-eqdem strutturi li fadal fl-Imdina b’uħud mill-partijiet tiegħu jmorru lura għat-13 il-seklu. Olof Frederick Gollcher OBE (1889–1962) akkwistah fl-1927 u peress li ma kellux tfal, meta ġie biex jikteb il-wirt, iddeċieda li jħalli dan il-palazz f’idejn il-Kavallieri Ingliżi ta’ San Ġwann fejn wara xi żmien dawn għaddewh lill-Fondazzjoni Gollcher sabiex tkun tista’ tieħu ħsiebu ħalli jitgawda mill-pubbliku.

    Ta’ min jgħid illi Olof F Gollcher kien bniedem artistiku ħafna u kien anki jpitter, kif tista’ tara sewwa ġewwa dil-kamra ddedikata għall-pitturi li ħadem hu stess.”

    Il-kamra rranġata bħala studio ta’ artist laqtitni ħafna. Fiha kien hemm numru ta’ pitturi ta’ Gollcher innifsu, b’uħud minnhom fuq it-tila. Bosta ritratti u oġġetti oħra personali tiegħu kienu qed joħolqu dak l-effett partikolari u donni minn ħin għall-ieħor bdejt nippretendi li ser narah dieħel mill-bieb sabiex ipinġi xi xena oħra… hekk jew hekk id-dawl fil-kamra kien eċċellenti.

    “Olof Gollcher kien iħobb ħafna l-kultura ta’ pajjiżna u kien iħossu konċernat li ma kienx hemm daqshekk għarfien dwarha. Kien għalhekk li hu waqqaf il-Fondazzjoni Gollcher bil-għan li din tkun mezz biex jinħoloq għarfien dwar il-kultura estensiva tal-gżejjer tagħna kemm b’mod lokali u kif ukoll internazzjonali permezz ta’ mużewijiet, esebizzjonijiet u pubblikazzjonijiet.

    Fl-istess ħin huwa ffinanzja wkoll ir-riċerka li saret taħt l-ibħra Maltin biex isir magħruf fejn huma u x’inhuma l-oġġetti storiċi li jinsabu mgħarrqa taħt il-baħar. Fil-fatt ittellgħu anki xi affarijiet li wħud minnhom qegħdin fil-Mużew tal-Arkeoloġija l-Belt, fl-imħażen tal-mużew u anki f’din il-kamra maħsuba apposta biex iżżomm fiha din is-sezzjoni arkeoloġika.”

    Il-kmamar tal-palazz jimpressjonawk bil-kwantità kbira ta’ kollezzjonijiet u oġġetti li fihom…

    “Il-kollezzjoni ta’ Gollcher hija vasta ħafna proprju minħabba li hu nzerta bniedem li jinteressa ruħu f’bosta suġġetti. Tant hu hekk illi biex sar ir-restawr tal-kollezzjonijiet kollha u tal-bini nnifsu kien hemm bżonn aktar minn ħames snin!

    Żgur li ma jistax jiġi xi ħadd iżur dan il-palazz u ma jsibx xi ħaġa li tinteressah. Hawn għamara antika Maltija fl-aqwa tagħha ddekorata bl-interzjar u l-avorju, għamara barranija tal-epoka, tapiti persjani, Detall - Palazzo Falsonxogħolijiet tal-fidda, sezzjoni ta’ ġojjellerija mill-ifjen, muniti antiki, dokumenti ta’ papiet u rejiet bil-bolla u s-siġill tax-xemgħa fuqhom. Issib ukoll librerija ta’ kotba varji antiki b’kollezzjoni ta’ aktar minn 4500 ktieb. Imbagħad hawn ukoll kollezzjoni ta’ kwadri li juru l-bastimenti tal-kavallieri u pitturi mprezzabbli tas-seklu 17 fosthom ta’ Sir Anthony Van Dyck, David Teniers, Nicolas Poussin, Bartolomé Esteban Murillo u Mattia Preti.

    Wara kull dettall li qed tara madwarek kien hemm ħafna ħsieb. Ċertament l-ikbar problema kienet kif kienu ser jiġu esposti dawn il-kollezzjonijiet kollha lill-pubbliku biex dan ikun jista’ jarahom bl-aktar mod komdu u informattiv. Fi żmien missieri ħafna minn dawn l-affarijiet kienu magħluqin fil-kxaxen, fil-gradenzi u fil-kaxxaforti minħabba li ma kienx hemm sigurtà. Għadni niftakar sewwa l-inkwiet tiegħu dwar ir-responsabbiltà kbira li kellu. Imma kif qed tara, kollox għadda b’wiċċ il-ġid.”

    Joseph kompla jgħidli illi anki l-ħitan tal-kmamar kellhom is-simboli tagħhom.

    “Meta kien imur xi mistieden importanti f’dawn il-palazzi, is-sid kien jieħdu ħsieb li l-ħitan ikunu mbajjdin b’tali mod li juru l-ġid u l-istat tiegħu: jekk il-ħitan ikunu miżbugħa b’kulur kaħlani kien ifisser illi s-sid huwa sinjur kbir, warajh kien jiġi l-aħmar u mbagħad l-isfar li kien meqjus bħala komuni.”

    Il-kmamar tal-palazz donnhom ma kienu jispiċċaw qatt. Fosthom għaddejna mill-kċina fejn jiddomina l-kamra kien hemm fuklar kbir. Għoġbuni wkoll ħafna l-madum abjad u ikħal li kienu jdawwru l-forn imdaqqas antik u l-kwantità kbira ta’ ornamenti tat-tisjir maħduma mir-ram. Personalment sibt ħafna nteressanti baqra tal-fuħħar li fiha kien jissajjar l-istuffat.

    Dħalna wkoll fl-armerija fejn hemmhekk stajt nara kollezzjoni ta’ armi li kienet tikkonsisti f’pistoli, revolvers, xkubetti,  xwabel u lanez fost ħafna oħrajn. Ma’ dawn għall-ewwel darba f’ħajti rnexxieli nara wkoll ċinturin tal-kastità fejn permezz tiegħu komplejt nikkonferma kemm il-bniedem jaf ikun immaġinattiv fil-moħqrija tiegħu.

    Meta wasalna fil-kamra tal-ikel stajt tassew intiehem l-essenza pura tal-eleganza li kienu jgawdu dawn in-nobbli. Minn wara ħġieġa maħsuba ferm b’għaqal għall-viżitatur, stajt nifli sal-iċken dettall li kien hemm fuq mejda rranġata b’sett mill-ifjen tal-ikel. Innutajt fostom ornament estravaganti bl-isem ta’ nef li għandu l-forma ta’ bastiment tal-fidda u kien jintuża biex jimmarka l-post ta’ fejn irid ipoġġi s-sid jew il-mistieden. In-nef kien ukoll iżomm fih il-ħwawar li kienu xi ħaġa rari ħafna f’dak iż-żmien.

    Jekk nibqa’ ngħidilkhom x’rajt, dan l-artiklu ma jispiċċa qatt u għalhekk nissuġġerixxi ħafna li wieħed jasal wasla sal-palazz u jara b’għajnejh hu stess. Ma nistax iżda ma nsemmix ukoll arloġġ uniku ferm maħdum fl-1791 minn Robert Robin li kien l-arluġġar favorit tar-Re Luiġi XVI. Dan l-arloġġ jiddistingwi ruħu kemm minħabba li juri biss 10 siegħat u allura jagħti riflessjoni fuq l-era rivoluzzjonarja Franċiża u anki minħabba li ftit oħrajn bħalu jeżistu madwar id-dinja.

    Wara dil-mawra, Joseph stedinni nieħu xi ħaġa mill-kafeterija li tinsab fuq il-bejt tal-palazz fejn hemmhekk sibt ukoll xi turisti li kienu qed igawdu mill-ġmiel tax-xena li bħalha l-Imdina biss taf toffri. Kelli kurżità nkun naf esperjenza u ħajja bħal din x’ħalliet f’Joseph?

    “Hawnhekk kif stajt tara inti stess, sar xogħol mill-aqwa ta’ restawr u dan jikkonfermawh ukoll in-numru ta’ unuri li ġie ppremjat bihom dan il-post.

    Jiena bniedem li nħobb ħafna l-kultura u spiss nitbaqbaq fuqha. Nemmen li pajjiżna huwa teżor kulturali imma nħoss li mhux apprezzat biżżejjed mill-poplu tiegħu stess. Dan l-aħħar veru, qiegħed isir Joseph Debono fil-bitħa ta' Palazzo Falsonħafna xogħol. Imma kemm fadal x’isir! Meta nara t-telqa li teżisti f’ċertu postijiet, qalbi tuġagħni wisq u ngħid li aħjar kont ngħix l-Alaska fejn ħlief silġ ma tarax. Meta nsiefer u nara l-kura, l-attenzjoni u l-flus li jintefqu f’pajjiżi oħra biex tissebbaħ il-kultura tagħhom, ngħid imma aħna għala għadna daqshekk lura? Jien irrid illi meta turist jiġi Malta jibqa’ mpressjonat biha u jmur jgħid lil sħabu f’pajjiżu biex jiġu huma wkoll. Almenu dan il-palazz jista’ jservi ta’ eżempju ta’ xogħol professjonali u nittama li jkun bħal fjamma li biż-żmien issir nar li jixtered mal-pajjiż kollu. Malta jistħoqqilha tkun ċentru kulturali mill-aqwa u l-poplu għandu jingħaqad għalenija biex jara li dan iseħħ.”

    Joseph urini wkoll diversi dokumenti li juru kif sar ir-restawr pass pass ta’ diversi sistemi u oġġetti fil-palazz. Baqa’ baqa’ sakemm tani wkoll filmati li ġibed hu stess biex nara b’għajnejja x-xogħol ta’ restawr li sar ġurnata wara l-oħra, xahar wara l-ieħor matul is-snin  fejn il-parti l-kbira tax-xogħol konċernat sar taħt id-direzzjoni tiegħu minn nies verament tas-sengħa .

    Intbaħt li l-imħabba ta’ Joseph lejn Palazzo Falson tittieħed ħafna hekk kif b’interess mort id-dar u komplejt insegwi u nifli l-filmati ta’ kif dal-bini tant maestuż ingħata ruħ oħra u treġġa’ lura għad-dinjità u l-glorja li kien igawdi dari.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Ġunju 2010)

    2010.06.06 / no responses / Category: Torca - Perspettivi