Posts Tagged ‘Mellieħa’

  • Temmen jekk trid

    Soqt għal għonq it-triq lejn il-Mellieħa taħt sema tqila bi sħab iswed ċomb u tlabt bil-qalb li nilħaq nasal qabel din ifettlilha tiftaħ bwiebha… U oħroġ il-għaġeb, hekk kif missejt mat-tarġa tal-bieb tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, inħoss l-ewwel qatriet qawwija nieżla fuq dahri, li mill-ewwel inbidlu f’xita qalila, hekk kif dħalt ġewwa għall-kenn ta’ dan ir-rifuġju sagru. Għajnejja mill-ewwel waqgħu fuq dak li kont mort għalih – in-numru kbir ta’ kwadri ex-voto mwaħħla mal-ħitan. U hekk kif rajt lil Jimmy Muscat riesaq isellimli, ma domtx ma ntbaħt li għal darb’oħra, kont ser niskopri xi erbgħa stejjer interessanti mhux ħażin.

    P1130729Infatti, kien proprju l-ktieb ta’ dan l-awtur ‘Ex-Voto: Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa’ li ġibidni lejn dan il-post. F’dan il-ktieb li hu wkoll speċi ta’ katalogu, Jimmy jippreżenta ġabra tal-110 kwadru ex-voto li rnexxielhom isalvaw sal-ġurnata ta’ llum f’dan is-santwarju, fejn 64 minnhom għandhom tema marittima, filwaqt li l-oħrajn juru xeni ta’ mard u inċidenti li n-nies irnexxielhom ifiequ minnhom. Naturalment, kull kwadru għandu l-istorja partikolari tiegħu imma mhux kull wieħed fih id-dettalji ta’ dan ir-rakkont miktubin fuqu. Uħud mill-kwadri għandhom xi deskrizzjoni ta’ dak li kien seħħ biex saret din il-pittura, oħrajn għandhom biss id-data mniżżla fuqhom, filwaqt li numru ieħor juru l-ittri V.F.G.A. (Votum Fecit Gratiam Accepit) li jfisser li l-wegħda ntalbet u l-grazzja nqalgħet. Fl-istess ħin, anki jekk numru ta’ xogħolijiet m’għandhom l-ebda kitba fuqhom, jekk wieħed jiflihom sewwa, xorta waħda jista’ jinnota xi dettalji li kapaċi jagħtuh indikazzjoni tal-kuntest tagħhom, bħal ngħidu aħna mit-tip ta’ xwieni, mill-bnadar li jkollhom fuqhom, mill-inħawi li jidhru fl-isfond, mill-ilbies tan-nies u mill-għamara tad-djar. Għaldaqstant, dawn l-ex-voto mhumiex biss xhieda tat-twemmin tal-popli matul iż-żminijiet imma anki riflessjoni tal-istorja u tas-soċjetajiet differenti li ħallew dan il-wirt tagħhom f’dan il-post.

    P1120168Imma, ejja nimxu lura fis-snin, lejn il-bidu ta’ dan is-sit… Skont l-istudji fl-istorja tal-Mellieħa li għamel Jimmy, jidher li qabel is-17 il-seklu, l-inħawi ta’ fejn illum jinsab dan is-santwarju, kienu biss għerien naturali. Minħabba l-attakki spissi tal-pirati li kienu jsibu l-bajja tal-Mellieħa mira faċli biex minnha jitilgħu l-art, l-inħawi tal-madwar kienu meqjusa bħala perikolużi wisq biex wieħed jgħix fihom. Probabbilment kien hemm xi wħud li kienu jazzardaw jgħixu f’xi għerien tal-madwar, imma dawn kienu jafu li kienu qed jilgħabu xortihom kuljum hemmhekk. Intant, skont xi dokumenti li nstabu, jidher li fl-1640 kien beda t-tħaffir tal-inħawi fejn illum jinsab is-santwarju. Iżda mill-ġdid, minħabba l-invażjonijiet minn perjodu għall-ieħor tal-pirati, intilfu ħafna dokumenti sinifikanti minn dan il-post u fil-fatt il-manuskritti li għandna llum jibdew mit-18 il-seklu.

    P1120126Il-ħaġa tal-iskantament hija illi għalkemm dawn l-inħawi kienu meqjusa tat-twegħir, bosta pellegrini xorta waħda kienu jirriskjaw ħajjithom sabiex iżuru wieħed minn dawn l-għerien li kien meqjus bħala sagru minħabba xbieha partikolari li kellu fuq il-ħajt. Dan għaliex it-tradizzjoni tgħid li din ix-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idejha kien pinġiha fuq il-blat San Luqa, meta fis-sena 60W.K. huwa kien qiegħed f’Malta flimkien ma’ sieħbu San Pawl, u għalhekk din  kienet ikkunsidrata bħala mirakoluża. Tradizzjoni oħra relatata ma’ dan il-post tirrakkonta illi fis-sena 409W.K. grupp ta’ isqfijiet kienu żaru dan l-għar u meta raw din it-tpinġija ta’ San Luqa mal-blat u t-twemmin sod li kien hemm marbut magħha, huma ddeċidew li jikkonsagraw dan il-post bħala knisja.

    P1120131Li nafu fiż-żgur huwa li maż-żmien, inbena santwarju sħiħ madwar ikona li turi x-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idha. Barra minn hekk inbnew ukoll xi kmamar għall-pellegrini fejn dawn setgħu jistrieħu ftit qabel jerħulha lura lejn l-abitat tagħhom. Sal-ġurnata ta’ llum,  bosta pellegrini għadhom iżuru dan il-post biex jitolbu l-għajnuna tal-Madonna tal-Mellieħa quddiem din ix-xbieha. Min-naħa l-oħra, xi studjużi tal-arti għandhom ukoll interess f’din ix-xbieha peress li għad hemm diversi mistoqsijiet relatati magħha. Fosthom hu maħsub li l-ikona li qed naraw fil-preżent, kienet saret fit-13 il-seklu. Iżda mid-dehra taħt din it-tpinġija, hemm oħra ferm aktar antika minnha, minħabba li waqt li kien qed isirilha xi restawr, beda joħroġ xi fdal tad-deheb minn taħtha. Dan jindika l-possibilità li jista’ jkun hemm xbieha eqdem mgħottija b’dik preżenti. Sadanittant, minn dokumenti tal-visti pastorali li saru matul is-snin, Jimmy skopra li għal aktar minn darba, l-isqfijiet ta’ dawk il-perjodi kienu qed jinnutaw li x-xbieha tal-Madonna kienet qed tisfuma biż-żmien u għalhekk huma talbu biex titpinġa oħra fuqha sabiex il-pellegrini jkunu jistgħu jibqgħu jaraw u jidentifikaw max-xbieha tal-Madonna li għaliha kienu qed jiġu f’dan il-post.

    P1120141Hekk kif għajnejja ġrew fuq l-ammonti ta’ kwadri ex-voto li jmorru lura għal mijiet ta’ snin, fihom ilmaħt it-tama ta’ bosta individwi li akkost li kienu f’ibħra ‘l bogħod minn xtutna, talbiethom xorta waħda daret lejn il-Madonna li fiha huma kellhom l-akbar fiduċja – dik tas-Santwarju tal-Mellieħa. Iżda ma kienux biss il-Maltin li kienu jiggranfaw ma’ din il-karba għall-għajnuna divina ta’ din il-Madonna meta l-mewt kienet daqstant viċin! Infatti kienu ħafna l-individwi barranin li kienu rregalaw il-kwadri ex-voto tagħhom lil dan is-santwarju meta rritornaw qawwijin u sħaħ lejn pajjiżna. Fost dawn kien hemm il-ġeneral tal-flotta tal-Ordni, Fra Antonio Correa (Montenegro) li wiegħed u ta kwadru mill-isbaħ lill-Madonna tas-Santwarju tal-Mellieħa wara li x-xwieni li kien responsabbli minnhom inqabdu f’maltempata tal-biża’ waqt li kienu qed jaqsmu u jbaħħru qrib il-gżejjer ta’ Taranto fl-1678 u finalment irnexxielhom isalvaw. Ex-voto ieħor pjuttost kurjuż huwa dak li jidher proprju fil-qoxra tal-ktieb ta’ Jimmy fejn did-darba, il-Madonna li tidher fuq ix-xbieha  tal-ex-voto, tixbaħ ħafna lill-Madonna tal-Monasteru ta’ Kykkos li jinsab f’Ċipru u għalhekk hija għal kollox differenti minn dik tal-Mellieħa. Għaldaqstant wieħed jistaqsi kif dan ix-xogħol ġie inkluż ma’ din il-kollezzjoni tas-santwarju? Kitba fuq dan l-ex-voto li tidher li hi ta’ lingwa antika Russa u Griega, taf tipprovdi xi indikazzjoni dwar din ir-raġuni, iżda s’issa ħadd għadu ma rnexxielu jiddeċifra x’hemm miktub.

    P1120138Kwadri oħra, daqstant emozzjonali, juru persuni jew familji qed jitolbu bil-ħrara għall-qraba morda tagħhom u mill-ġdid hawnhekk, apparti li f’dawn il-wegħdi naraw is-simboli tat-twemmin, fl-istess ħin għandna stampa ċara tas-sitwazzjoni tas-saħħa li kien hawn f’pajjiżna matul is-snin, fejn fosthom uħud kienu mardu bil-malarja, bit-tuberkolożi, bil-pneumonia, bil-ġidri, bil-kolera, bid-difterite u anki bil-pesta. Fost dawn, laqgħatni ħafna kwadru minnhom li juri xena ta’ sptar tal-pesta tal-1813. Dan il-kwadru kien wiegħda magħmulha minn Anna Lungaro u l-qarib tagħha Giovanni Portelli peress li hi kienet mardet bil-marda tal-pesta u permezz tal-ħniena divina tal-Madonna tal-Mellieħa, nhar it-Tlieta, 17 t’Awwissu 1813, hi u tnejn oħra biss mill-160 persuna li kien hemm fl-isptar tal-pesta, irnexxielhom isalvaw.

    P1120134Jimmy kompla jdawwarni madwar is-santwarju li ġewwa fih jinkorpora wkoll l-għerien naturali tal-post li indubbjament jagħtuh laqta’ pjuttost insolita u surreali. Iżda daqstant ieħor bqajt impressjonata bil-kwantità ta’ ex-voto oħrajn li kellhom kull xorta ta’ forma: ittri, ritratti, x-rays, ċertifikati, ilbies tat-trabi, krozzi, u dak kollu li tista’ timmaġina. Wegħdi magħmula mhux biss mill-Maltin imma minn kull ġens li qatt żar dan il-post. Infatti peress li fil-Mellieħa hemm diversi lukandi, it-turisti spiss isibu ruħhom f’dan il-lok, u anki dawk li mhumiex Kristjani, xorta waħda jiġu mistiedna biex jittawwlu u jaraw x’hemm. Uħud minn dawn, imqanqla minn dik ix-xhieda kollha ta’ sabar, fejqan u mirakli, bla ma jafu kif, isibu ruħhom huma wkoll jitolbu l-għajnuna quddiem il-Madonna u numru minnhom, jerġgħu jirritornaw lura lejn gżiritna bir-rigal tagħhom meta talbhom jinstema’. Minn fost il-ħafna oġġetti li kien hemm, sibt ruħi qiegħda naqra ġrajja minn ġurnal li kienet qed tirrakkonta kif koppja Ingliża li t-tobba kienu qatgħulhom qalbhom li għad ikollhom tarbija, meta żaru dan is-santwarju u għamlu t-talba tagħhom, huma rritornaw lejn artna tmien snin wara b’żewġt itfal tagħhom.

    P1120122Ex-voto oħra ta’ qisien differenti, li ħafna minnhom ġew maħdumin mill-fidda fid-19 il-seklu, juru diversi partijiet tal-ġisem bħala rappreżentazzjoni ta’ b’hiex kien marid l-individwu li għamel il-wegħda. Numru minnhom għandhom forma ta’ qalb imma dawn huma simbolu tal-imħabba lejn il-Madonna. Oħrajn juru par għajnejn u id u dawn kienu jissimbolizzaw is-superstizzjoni tal-magħmul li ġej mill-għajn. Bħall-oġġetti l-oħra, anki dawn jitfgħu dawl fuq is-soċjetà li għamlithom, hekk kif l-abbundanza li ngħataw biha u l-fatt li ħafna minnhom huma identiċi, juru li tant kien hemm talba għal dawn il-wegħdi, li dawn l-oġġetti kienu qed jiġu manifatturati fil-kwantità u mibjugħa. Iżda darba minnhom kien ġie żmien meta isqof partikolari kien beda jitnaffar minn dawn l-affarijiet, uħud minnhom saħansitra superstizzjużi, imwaħħla madwar l-artali tal-knejjes kollha! U għalhekk hu ordna li dawn kellhom jitneħħew minnufih u jiġu merfugħa fis-sagristija, b’eċċezzjoni tal-qalb li kienet tirrappreżenta l-imħabba lejn il-Madonna. Infatti Jimmy għadu sa llum isib minn dawn l-ex-voto fil-kaxxi iżda hu jemmen li rigward dawn il-wegħdi, jiswew kemm jiswew, u juru x’juru, jeżisti l-obbligu li dawn jintwerew fil-pubbliku peress li huma kienu kollha doni li ngħataw b’qima, b’rispett u b’imħabba lill-Madonna. Għaldaqstant hu qed jagħmel minn kollox biex jesponi kull oġġett li jingħata lis-santwarju, akkost il-problema tal-ispazju u l-fatt li dawn il-wegħdi għadhom deħlin.

    P1130721Proġett ieħor li dejjem isus fuq moħħ Jimmy jirrigwarda r-restawr tal-kwadri ex-voto sabiex dawn jiġu konservati għar-referenza tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna. Huwa jixtieq ħafna li jsib xi sponsors li jkunu jistgħu jagħtuh daqqa t’id biex isir dan ir-restawr. Sfortunatament, in-nuqqas ta’ għarfien fiż-żminijiet antiki dwar kif kien l-aħjar mezz kif jinżammu oġġetti bħal dawn, kien wassal għall-qerda ta’ għadd ta’ kwadri sinifikanti u min jaf kemm informazzjoni ntilfet! Infatti bosta minn dawn il-kwadri kienu ġew mormija wara li sofrew danni peress li tpoġġew direttament fuq blat umduż, filwaqt li oħrajn ġew anki maħsula bl-ilma wara li swiedu minħabba n-nugrufun li tqanqal mill-kwantità ta’ xemgħat u ftili taż-żejt li kienu jinxtegħlu għal siegħat twal fis-santwarju!

    P1120170Temminx jew le f’dawn il-mirakli jew fl-istess reliġjon innifsu, ma naħsibx li tista’ tibqa’ biered għal kollox fil-preżenza ta’ din il-ġabra mmensa tat-tifkiriet ta’ nies li emmnu, afdaw u qalgħu l-għajnuna meta l-aktar li kellhom bżonnha. Ċertament jagħmel tajjeb li kieku intom jirnexxielkhom issibu ftit ħin biex iżżuru dan il-post sinifikanti ħafna f’pajjiżna u fil-kultura tagħna sabiex b’hekk taraw b’għajnejkhom, tmissu b’idejkhom u tħossu b’qalbkhom.

    Is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa jkun miftuħ mis-7.00am sa nofsinhar u mill-4.00pm sas-6.00pm. Issir ukoll quddiesa kuljum fit-8.30am, filwaqt li dik tal-Ħadd tibda fl-10.00am u tkun bl-Ingliż.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Jannar 2014 fis-sensiela Ġabriet it-Tifkiriet)

     

    2017.09.03 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Se nħallu dan l-għerf jintilef?

    Rita Attard - 1.JPGRita Attard qed taghmel il-massaggi - 1.JPG

    F’dawn l-aħħar snin, madwar id-dinja, qed naraw jinbet mill-ġdid l-interess fil-prattiċi tradizzjonali relatati mal-fejqan, kemm tal-ġisem u tal-moħħ u kif ukoll tal-ispirtu. Probabbilment il-bniedem intebaħ li wasal iż-żmien li jnaqqas id-dipendenza totali fuq il-mediċini, u minflok jerġa’ jitgħallem isib il-bilanċ tiegħu permezz ta’ metodi aktar naturali. Ħafna tefgħu għajnejhom fuq l-Orjent, l-aktar minħabba li f’dawn il-pajjiżi, wieħed isib filosofiji mill-iżjed antiki dwar dawn l-użanzi. Infatti, ħarsa waħda lejn ir-reklamar li jikkonċerna dan l-aspett, fosthom anki f’Malta, tarahom jirreferu għall-metodi użati f’dawk il-lwogi. Imma fir-realtà, kemm minna jafu li f’pajjiżna stess, wieħed isib numru ta’ anzjani li jħaddnu wkoll għerf bħal dan li ilu ġej minn żmien żemżem, tant li huma stess lanqas jafu l-oriġini tiegħu?

    Tal-massaġġi

    F’żogħżiti, meta kien ikollha xi tip ta’ uġiegħ fil-muskoli, niftakar lil ommi ssemmi li kienet sejra għand “tal-massaġġi”. Nistqarr li bħala żagħżugħa, ma tantx kont nemmen bl-effettività ta’ dawn l-affarijiet. Madanakollu ommi kienet issostni li nies bħal dawn kienu kapaċi jserrħu l-bniedem minn ħafna uġiegħ u tbatija. Għaddew is-snin u dawn il-memorji kważi nsejthom kompletament, sakemm sibt ruħi qed nistudja l-Memorja Pubblika u t-Tradizzjoni Orali ta’ pajjiżna, u dlonk ġejt miġbuda lura lejn dan it-tip ta’ ambjent.

    Bosta minnhom waslu biex jieqfu

    Fittex ‘l hemm u fittex ‘l hawn, ftit ftit irnexxieli niskopri illi fil-gżejjer tagħna għad fadal numru ċkejken ħafna ta’ anzjani li għadhom jipprattikaw massaġġi fuq in-nies flimkien mal-użu ta’ żjut u ħxejjex mediċinali. Bosta minnhom jinsabu f’età avvanzata, minn 70 sena ‘l fuq, u għaldaqstant waslu biex jieqfu kompletament minn dan ix-xogħol tagħhom.

    “Hu xogħol ta’ strapazz u biż-żmien ma tkunx tiflaħ tkompli aktar,” qaluli. “Iżda n-nies jibqgħu jfittxuk. U meta tarahom iħabbtulek il-bieb għax ikunu muġugħin u b’ħarsa ta’ ħniena jitolbuk biex tgħinhom, spiss ma jkunx hemm għażla ħlief li tipprova tagħtihom daqqa t’id. Imma kemm ikun aħjar li kieku xi ħadd aktar żagħżugħ jitħajjar jinteressa ruħu sabiex jitħarreġ f’din is-sengħa!”

    Hekk ukoll sostniet miegħi Rita Attard, mara ta’ 81 sena mill-Mellieħa, li f’diversi rħula u wisq aktar fil-gżira t’Għawdex, hi magħrufa għal din il-kapaċità tagħha li tfejjaq permezz tal-massaġġi u l-ħxejjex mediċinali. “Is-sena li għaddiet, l-ispeċjalista tiegħi rrakkomandali biex nieqaf minn dan ix-xogħol peress li qed nagħmel ħafna stress fuq qalbi u għalhekk issa ninsab kważi wieqfa għal kollox fejn jidħlu l-adulti. Sa mn’Alla li lħaqt ħarriġt żewġ persuni oħra, waħda mill-Mellieħa u l-oħra minn Għawdex, għax b’hekk inkun nista’ nirreferi għandhom lin-nies li għadhom iċempluli.”

    Il-possibilità ta’ rimedju għall-awtiżmu

    Imma meta jġibulha t-tfal, Rita ma tkunx tiflaħ tgħidilhom le, speċjalment meta taf li bi ftit paċenzja u sforz, bosta drabi hi kapaċi tbiddlilhom ħajjithom mill-lejl għan-nhar. “Bħalissa, l-aktar ħaġa li qiegħda tinkwetani hija l-ammont kbir ta’ tfal li jbatu bl-awtiżmu fejn donnhom it-tobba għadhom ma sabux irkaptu ta’ din il-problema. Mentri jiena, fis-sempliċità kollha tiegħi, bl-esperjenza li rawwimt matul dawn is-snin kollha fil-qasam tal-fejqan, jidhirli li possibilment irnexxieli niskopri rimedju.”

    Rita bdiet tirrakkuntali xi ġrajjiet li jikkonċernaw tfal li kienu meqjusa li jbatu bl-awtiżmu. “Darba minnhom ġiet omm b’żewġt itfal li kienu jbatu b’din il-kundizzjoni. Huma kienu għaddejjin minn bosta diffikultajiet minħabba li ma kienux jitkellmu u kienu jikkomunikaw biss bis-sinjali. Bdejt napplika l-massaġġi tiegħi fuqhom u wara ftit taż-żmien jiġu għandi, darba waħda ommhom ċemplitli u nisma’ tifel ikellimni. Ngħid is-sew għall-ewwel ħsibtu xi kuġin tat-tfal imma tgħidx kif bqajt meta l-omm qaltli li dak kien wieħed minn uliedha! Emminni, il-ferħ li tħoss f’mumenti bħal dawn huwa inspjegabbli.”

    Skont Rita jidher li l-problemi fiżiċi li jikkonċernaw l-awtiżmu jinsabu f’partijiet partikolari tal-ġisem. “Mit-tfal li qed iġibuli qed ninnota sensiela ta’ sintomi simili. Bosta drabi qed insib il-muskoli tal-għonq mgħaqqdin, speċjalment fin-naħa tax-xellug u jien inħollhom bil-mod il-mod permezz tal-massaġġi. Imbagħad nagħmlilhom ukoll movimenti b’idejja fit-tond fuq kull naħa ta’ nagħshom, fejn hemm żewġ speċi ta’ ħofriet. Ftit ftit it-tfal jibdew ilissnu xi kliem, imbagħad jirrepetu wara l-oħrajn, sakemm finalment jibdew jiffurmaw sentenzi weħidhom u minn hemm ikompli l-progress tagħhom. “


    Mill-esperjenza ta’ Rita, it-tfal kollha li resqu għandha b’dawn it-tip ta’ diffikultajiet għamlu kambjamenti impressjonanti, apparti f’żewġ każi fejn kien jidher li kien hemm ukoll xi ħsara fil-moħħ. Allura ngħid jiena, meta wieħed jara dawn ir-riżultati, ma tagħmilx sens li l-esperti f’dan il-qasam jersqu jistudjaw aktar bir-reqqa x’inhuma jgħidu u jagħmlu dawn l-anzjani tagħna qabel ikun tard wisq u jieħdu għerfhom magħhom?

    L-għasfur il-qalb

    Rita kompliet tfehemni dwar is-sintomi li jiġu għandha n-nies bihom u fosthom bdiet tispjegali dwar l-għasfur il-qalb. Permezz ta’ mudell ta’ skeletru, hi urietni kif l-għasfur il-qalb (magħrufa bħala ‘xiphoid process’) hija qarquċa tonda ratba li tinsab ‘l isfel mill-isternum. Isejjħulha għasfur għax ixebbħu lilha ma’ ras ta’ għasfur u l-kustilji ta’ fuqha mal-ġwienaħ. “Hemm każi fejn għal xi raġuni, din il-parti tiċċaqlaq minn postha u b’hekk tikkawża ħafna uġiegħ u dwejjaq fil-bniedem peress li hija mqabda ma’ diversi muskoli. Bosta mis-sintomi tagħha jkunu relatati ma’ uġiegħ fl-istonku, tbatija biex wieħed jiekol u diarrhoea. Meta l-għasfur il-qalb jitla’ ‘l fuq sewwa, dan jibda jidher saħansitra mqabbeż il-barra fil-ġisem tal-bniedem.”

    Biż-żmien Rita tgħallmet tagħraf is-sintomi tal-għasfur il-qalb, tħoss b’idejha jekk hux qiegħed f’postu jew le, u anki tqiegħdu lura f’postu permezz ta’ massaġġi.

    “Darba ġie raġel ta’ 70 sena għandi. Kien ilu 40 sena jbati bl-uġiegħ ta’ stonku u għalkemm ġera għand bosta tobba fil-Kanada fejn kien joqgħod, dawn sempliċiment kienu jgħidulu li għandu għadma sfigurata (għax fil-fatt l-għasfur il-qalb kien jidher ħiereġ il-barra). Meta huwa beda jirrakkuntali xi jħoss, jiena mill-ewwel fhimt x’kellu. Immassaġġajtu u f’darbtejn ġie tajjeb. Bilkemm ried jemmen kemm għamel snin isofri għalxejn! Qalli jaħasra mank kont nafek qabel!”

    Xi rimedji antiki

    Missier Rita, Ġanni, kien gabillott u kien jaf ħafna tagħrif dwar il-ħxejjex lokali. Infatti mid-Dipartiment tal-Agrikoltura ġieli kienu jibgħatulu xi studenti barranin tal-mediċina ħalli jdawwarhom max-xagħri tal-Mellieħa u jurihom dawn l-ispeċi ta’ pjanti u jkellimhom dwarhom. Rita u ħuha wrew interess f’dan l-għerf ta’ missierhom u sa minn tfulithom bdew jitgħallmu dwar il-karatteristiċi ta’ dawn il-ħxejjex.

    “Ngħidu aħna jekk tgħalli l-weraq tat-tilliera, tista’ tapplikah biex tfejjaq l-eczema u t-tbajja’ bojod fuq il-ġilda. Min-naħa l-oħra, il-ħaxixa tar-riħ tista’ tgħalliha u tixrobha meta jaqbdek riħ. L-ilma li joħroġ mit-togħlija tal-weraq taż-żebbuġ hu tajjeb għall-pressjoni. Il-ħubbejża hija ideali biex tfejjaq il-feriti biha. Jekk wieħed ikollu xi problemi relatati mal-ormoni, jista’ jgħalli n-naniegħ u jixrob tazza kuljum. Problemi tal-ġilda, fosthom gdim tan-nemus u ċesti fuq l-għajn, jissolvew permezz tal-lumi. Biex isebbaħ il-ġilda tista’ tħallat il-meraq imsaffi ta’ nofs lumija ma’ ¾ ta’ kikkra ilma u 2 taqtiriet tea tree oil u mbagħad tnaddaf wiċċek u tgħaddih b’din it-taħlita.”….. u l-lista baqgħet għaddejja.

    Il-fidi u l-fejqan

    Rita spjegatli kif hi bdiet tagħmel dawn il-massaġġi wara li darba minnhom, żewġha Joseph lewa siequ u lanqas pass ma seta’ jmidd. Għalhekk huma sejjħu lil ħuha Ċensu peress li dan kien jagħmel il-massaġġi fuq in-nies u hu qagħad jfhemha kif tħoss il-muskoli miġbudin ħalli tkompli tagħmel il-massaġġi hi fuq żewġha.

    “Hekk għamilt u f’erbat ijiem għaddielu. Imbagħad ftit ftit bdew ġejjin il-familjari u l-ħbieb u skoprejt li kont maqtugħa sewwa għal dax-xogħol. Illum nemmen li dan kien don. Nistqarr li fil-bidu li bdejt nagħmel dawn l-affarijiet, kont ngħolli jdejja ‘l fuq u nitlob – Mulej tini jdejk għax għandi n-nies ġejjin u ma nafx x’ser ikollhom. U hekk kif idejja kienu jibdew jiġru fuq in-nies bien nipprova nifhem fejn kien l-għerq tal-problema, niftakar li kont inħoss idejja jnemnmu u mbagħad b’xi mod, nifhem x’għandi nagħmel.”

    Hekk kif in-nies bdew jitkellmu bejniethom dwar il-kapaċità ta’ Rita, il-fama tagħha bdiet tiżdied u daqstant ieħor l-individwi li bdew resqin għandha. “Kont inkun ibukkjatha minn xahar il-quddiem, dejjem għaddejja u n-nies dejjem ġejjin. Sakemm fl-aħħar din is-sitwazzjoni bdiet iddejjaq lir-raġel tiegħi għax beda jsostni li kont ġibtlu d-dar każin bin-nies deħlin u ħerġin il-ħin kollu. Bdejna nilletikaw bejnietna sikwit u finalment anki jiena bdejt niddejjaq b’dan l-inkwiet miegħu. U għedt dan x’irridu?”

    “Għalhekk għodwa waħda bdejt inċempel lin-nies biex inħassar l-appuntamenti magħhom u wara nofsinhar, dħalt nistrieħ ftit…. Ix-xena li feġġet quddiemi hekk kif għalaqt għajnejja għadha ċara sa llum. Kont qisni qed nara xi xena ta’ film fuq it-TV imma minflok kien hemm il-kamra li fiha kont naqdi n-nies. Fuq is-sodda nara bniedem mixħut fuq is-sodda min-nofsu ‘l fuq, u par idejn qed jagħmlulu l-massaġġi, u bil-wieqfa ħdejn is-sodda nilmaħ lil Kristu! Qomt dak il-ħin stess u mort inċempel lil Sunta, li dari kienet in-ners ta’ Frenċ tal-Għarb, biex ngħidilha dwar din il-ħolma tiegħi. Bil-kalma kollha hi fehmitni li l-Mulej kien qed jgħidli li ma riednix nieqaf minn dak ix-xogħol u li fuq kollox, kien ser jgħini. Infatti, wara dakinhar, żewġi ma baqax jikkummenta aktar u minflok beda jġibli n-nies hu wkoll.”

    Rita u Sunta kienu ilhom is-snin ħbieb. Ġara li l-fama ta’ Rita waslet s’għand Sunta u din darba minnhom talbitha l-għajnuna minħabba li għandha kienu jmorru ħafna nies b’xi problemi ta’ saħħa. Hekk kif Rita aċċettat li tgħin lin-nies li jmorru għand Sunta, ix-xogħol tagħha aktar żdied u hi kienet tipprova tagħmel minn kollox biex tgħin ittaffi l-uġiegħ u l-problemi.

    “Ġew għandi saħansitra individwi li kellhom difetti fiżiċi konsiderevoli u bil-mod u bil-paċenzja, jiena erħini nfittex u nwitti sakemm il-bniedem jiġi għall-aħjar jew saħansitra jfieq. Jgħiduli li għandi jdejja taz-zokkor u li ma nweġġgħahomx bħal individwi oħrajn. Li naf żgur huwa li jiena ma nagħmilx dax-xogħol għall-flus imma għax inkun tassew nixtieq ngħin minn qalbi. Nagħti minn dak li naf u nħaddem it-talent li tani Alla.”

    Lil Rita daquha anki nies minn pajjiżi oħra, l-aktar turisti li jinzertaw isiru jafu biha b’xi mod jew ieħor u jispiċċaw għandha. “Darba kien hemm koppja anzjani Ingliżi qegħdin f’lukanda f’Buġibba u l-mara kienet kważi tkaxkar sieq minnhom għax kienet tinsab muġugħa ħafna. Inzerta li kien hemm waħda mill-Mellieħa li qaltilhom bija u huma għamlu l-kuraġġ u ġew ifittxuni u sabuni. Għall-ewwel il-mara bdiet kważi tibża’ minni għax lanqas biss riedet tinża biex turini fejn kienet il-problema. Imma mbagħad, hekk kif ikkalmat ftit u fdatni, u bdejt naħdem fuqha, mill-ewwel bdiet tħoss l-uġiegħ inin. Tant spiċċajt ikkonvinċejthom li meta darba minnhom, din l-Ingliża kienet f’darha u waqgħet u weġġgħet sewwa, żewġha ċempilli, ibbukkja titjira u ġabha għandi!”

    Min se jkompli warajna?

    L-istejjer ta’ Rita ma riedu jieqfu b’xejn. Hekk jew hekk kellha madwar 50 sena esperjenza x’tirrakkonta. Iżda finalment l-elementi ta’ dan it-talent tagħha kienu jikkonsistu f’imħabba u ħniena kbira lejn il-proxxmu, flimkien ma’ rieda kbira biex titgħallem, tisma’, tifhem u tfejjaq.

    “Nixtieq ħafna li ngħaddi dak kollu li tgħallimt lil kemm jista’ jkun nies possibbli. Kif urejtek b’dawn ir-rakkonti tiegħi, jista’ jsir ġid kbir jekk wieħed ikun jaf x’għandu jagħmel. Hija ħasra li n-nies jitħallew ibatu meta jeżistu rimedji effikaċi, li m’għandhomx bżonn ta’ mediċini u li ma jiswewx flus. Naturalment, jien m’inix kapaċi nieħu post it-tabib imma spiss, forsi bla ma jkunu jafu t-tobba, jiena u huma nkunu qed naħdmu flimkien għalkemm b’modi differenti fuq l-istess pazjent.”

    Skont Rita wħud mit-tobba l-anzjani jsostnu li l-massaġġi li tagħmel hi huma kollha ħmerijiet tax-xjuħ u l-fejqan relatat huwa immaġinazzjoni tal-moħħ. Madanakollu, xi tobba ta’ età iżgħar, huma aktar miftuħin għal dawn il-metodi ta’ Rita u xi ftit minnhom ġieli interessaw ruħhom li jmorru jiltaqgħu magħha ħalli hi tispjegalhom dwar is-sintomi li tinnota fin-nies li jiġu għandha. “Almenu jekk jagħrfu s-sintomi, dawn it-tobba jkunu jistgħu jirreferuhom għand nies li jagħmlu dan ix-xogħol, minflok ma jressquhom mill-ewwel għal xi operazzjoni.”

    Iżda Rita għandha għajnejha l-aktar fuq it-terapisti li skont hi għandhom ikunu dawk li jkomplu fuq dak li anzjani bħalha bnew matul ħajjithom. “Xogħolhom huwa indikat preċiż għal dak li nagħmlu aħna u għalhekk huma ideali biex jitħarrġu fuq dawn il-metodi tradizzjonali li aħna tgħallimna mingħand missirijietna. Jiena lesta li ngħallem lil kull min jiġi għandi u ngħidlu dak kollu li naf. Issa minnhom jonqos!”

    (Dan l-artiklu ġie ppublikat fis-sensiela Kobor il-Malti (Parti 12) fit-Torċa tas-27 ta’ Lulju 2014)

    2014.07.27 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IT-TAMA FIT-TBATIJA

    “Għalija kien xokk kbir! Jista’ jkun li għax forsi kont għadni nibda dak iż-żmien…. Ġabulna tarbija tat-twelid; il-qagħda tat-tifel kienet imwiegħra tant li ftit wara miet. Ma Sr. Catherine Seychellkellnix finanzi biex nixtrulu tebut għax kull sold li tuża tkun qed tisirqu minn ħalq it-trabi li għadhom ħajjin. Poġġejnieh f’kaxxa tal-kartun u ttieħed fiha f’ċimiterju biex jindifen ġo qabar. Impressjonajt ruħi wisq dakinhar u sal-lum għadni niftakar dawk il-mumenti terribbli. Imma fir-realtà dik hi l-ħajja ta’ kuljum għal numru kbir ta’ tfal.”

    Anki jiena nħsadt b’dar-rakkont. Meta jsemmulek xogħol fil-Missjoni tibda timmaġina kull tip ta’ faqar u tbatija. Madanakollu naħseb li aħna l-popli aktar ixxurtjati, nsibuha diffiċli biex qatt nifhmu l-veru trawma li jgħaddu minnha dawn in-nies.

    Peress li llum hija Ġurnata Missjunarja għażilt li nitkellem mas-Superjura Ġenerali tal-kongregazzjoni ta’ Ulied il-Qalb ta’ Ġesù li fost il-qadi l-ieħor tagħhom, huma wkoll sorijiet fil-Missjoni. Ma’ Sister Catherine Seychell tħaddidt dwar xi jfisser li tkun soru tal-Missjoni u d-diffikultajiet u s-sodisfazzjon li jinvolvi xogħol bħal dan.

    “Minn dejjem kont miġbuda lejn dax-xogħol u għażilt li ningħaqad proprju ma’ din il-kongregazzjoni peress li l-kariżma tagħha hija l-karità fis-sempliċità u l-umiltà.

    Il-fundatriċi tagħna Maria Teresa Nuzzo kellha dil-virtù tal-karità qawwija ħafna fiha u naturalment aħna nimxu fuq il-passi tagħha. Fuq kollox nagħtu attenzjoni partikolari biex il-karità li nagħmlu ma tbaxxix lill-bniedem, sabiex xorta nżommulu dik id-dinjità tiegħu.

    Biex nagħtik eżempju, f’post minnhom ġejna sponsorjati biex ngħinu lill-anzjani tal-inħawi. Għalhekk għandna għalqa tal-qoton u għamilna ftehim mal-anzjani biex jiġu jiġbruh. Bħala ħlas għal xogħolhom huma jingħataw diversi prodotti tal-ikel u b’dal-mod, l-għajnuna tagħna ma tidhirx bħala karità.”

    Għal dawn l-aħħar disgħa snin, Sister Catherine kellha r-responsabbiltà ta’ dil-kongregazzjoni li llum għandha anki firxiet wiesgħa internazzjonali.

    “Il-kunvent tagħna fil-Mellieħa huwa l-head quarters ta’ dil-kongregazzjoni peress li din bdiet minn Malta. Fil-preżent għadna 8 komunitajiet f’pajjiżna: fil-Ħamrun, Fleur de Lys, il-Mellieha, iż-Żejtun, Ħal-Kirkop, il-Marsa u l-Libya (li wkoll tagħmel mal-komunitajiet Maltin). Imbagħad għandna wkoll 25 kommunità mal-Indja kollha, 8 il-Kenja, 3 it-Tanzania, 1 l-Amerika u 2 il-Filippini. Din tal-aħħar għadha fil-bidu tagħha.

    Biex tinħatar bħala Superjura Ġenerali jiġu rappreżentanti minn madwar id-dinja kollha u flimkien mal-Maltin, id-delegati jagħżlu soru minnhom biex tkun il-mexxejja tagħhom. Is-Superjura tagħmel 6 snin f’din il-pożizzjoni u wara daż-żmien, jekk ikunu jixtiequ, l-istess persuna tista’ tagħmel 6 snin oħra. Iżda wara 12 il-sena din is-soru ma tistax tibqa’ aktar bħala Superjura u terġa’ tingħata r-responsabbiltajiet bħas-sorijiet l-oħrajn. Ir-raġuni ta’ dal-ftehim huwa l-vot tal-ubbidjenza u b’hekk qatt ma tikber ras ħadd.”

    Xtaqt inkun naf aktar fhiex jikkonsisti x-xogħol tagħhom?

    “Barra l-karità għandna wkoll il-missjoni fejn is-servizzi prinċipali tagħna huma li nagħtu għajnuna soċjali u edukattiva. Kemm bħala soru u kif ukoll peress li bħala professjoni jiena għalliema, flimkien Jistennew l-ikelmas-sorijiet l-oħra kollha, il-ħin kollu għaddejjin biex naraw kif ser inwettqu u nagħtu aktar għajnuna u edukazzjoni lill-iżjed nies. Ġeneralment in-nies mgħejjuna minna huma t-tfal tat-triq u l-ommijiet mhux miżżewġa.

    Bħala soru tal-Missjoni jkollok l-opportunità li tara bosta realtajiet differenti f’kull pajjiż li ssib ruħek fih. Mill-kultura u t-twemmin, sat-temp innifsu, kollha huma partikolari skont l-inħawi fejn tkun. Imma finalment in-nies huma prinċiparjament kollha l-istess. Kollha għandhom l-istess bżonnijiet bażiċi fiżiċi, kulħadd jixtieq ikun maħbub u jgħix b’dinjità u kull bniedem għandu x-xewqat u l-ħolm tiegħu.”

    Iżda dan donnu mhux possibbli għal kulħadd.

    “Jeżistu ħafna inġustizzji li bnedmin oħra stess joħolqu.

    Għandna numru ta’ orfanatrofji li jieħdu ħsieb it-tfal tat-triq. Jissejjħu hekk għax dawn, sa mit-twelid jiġu abbandunati. Ommhom twellidhom u taħrab u tħallihom warajha – kultant barra t-triq. Iġibulna bosta tfal li jinstabu b’dak il-mod u ħafna minnhom imutu wara ftit għax il-kundizzjoni tagħhom tkun laħqet iddeterjorat wisq.

    Ġeneralment fl-orfanatrofji tagħna nżommu l-bniet peress li f’ċertu pajjiżi l-bniet jitwarrbu jew jinqatlu hekk kif jitwieldu minħabba li t-trobbija tagħhom hija kkunsidrata bħala għalja wisq. Dan għaliex meta jikbru u jaslu biex jiżżewwġu, l-ġenituri tagħhom iridu jħallsulhom id-dota u allura jispiċċaw piż finanzjarju. Għalhekk il-bniet li jsibu ruħhom għandna, sa ċertu punt tista’ ssejħilhom privileġġjati peress li jsibu l-imħabba u l-kura tagħna, jingħataw edukazzjoni tajba u meta jasal il-waqt saħansitra nfaddlulhom dota u nlaqqawhom ma’ ġuvni bil-għaqal biex jiżżewġu u jrabbu familja tagħhom. Lil tfal oħra jirnexxielna nadottawhom f’familji tajbin li jkunu jistgħu jagħtuhom għixien ta’ kwalità tajba.

    Iżda hemm ukoll problema ta’ tfal abbużati sesswalment, il-biċċa l-kbira kaġun ta’ kultura u tradizzjonijiet li jwasslu għall-konsegwenzi gravissimi. Ngħidu aħna fil-Kenja 25% tan-nies huma vittmi tal-AIDS u jeżisti t-twemmin illi jekk xi ħadd li jkun infettat bl-AIDS ikollu x’jaqsam sesswalment ma’ verġni, jfieq. Naturalment it-tfal jispiċċaw fil-mira u b’hekk dil-marda qerrieda mhux talli qed tittrażżan, talli qed tkompli tixtered b’rata allarmanti. Proprju wkoll minħabba l-istess marda jmutu ħafna ġenituri u t-tfal jispiċċaw jiġġerrew għal rieħhom fit-triq jekk ma jsibux lil xi ħadd minn tal-familja li jieħu ħsiebhom.

    Kullimkien issib problemi ta’ natura differenti. F’ċertu postijiet ikollna nieħdu bniet minn djar fejn qed issir il-prostituzzjoni. Ġieli l-omm stess iġġibhomlna biex inżommuhom ħalli ma jgħixux f’dawk il-kudizzjonijiet. Iżda hemm każijiet fejn is-sorijiet tagħna jintebħu li anki t-tfal qed jitħaddmu f’dax-xogħol u bil-kelma t-tajba jeħduhom taħt il-kura tagħhom, jekk ma jaħarbux it-tfal stess u jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent biex jingħataw wens.

    Fit-Tanzania s-sorijiet tagħna jieħdu wkoll ħsieb grupp ta’ albinos. Dawn huma nies li suppost għandhom karnaġġjon skura bħall-bqija tar-razza tagħhom imma minflok jitwieldu b’ġilda bajda ħafna u Albinos fit-Tanzaniab’xagħar ċar, għalkemm bil-fattizzi bħal tal-oħrajn. Għal darb’oħra l-kultura tal-lokal għamlet vittmi minn dan-nies, hekk kif l-użanza tgħid li l-albinos għandhom poteri maġiċi u għalhekk dawn jgħixu f’periklu kontinwu. Fil-fatt numru kbir minn dan-nies jispiċċaw jinqatlu u jitqattgħu biċċiet ħalli jinbiegħu bħala ornament maġiku li jitwaħħal mal-ħitan tad-dar! Proprju minħabba dil-kundizzjoni ħadd ma jkun irid iħaddem lil dan-nies u għalhekk fil-kunvent tagħna ħloqnielhom industrija ċkejkna fejn dawn jipproduċu d-drappijiet u jagħtuhom kuluri sbieħ sabiex jinbiegħu.

    Kultura u reliġjon oħra fl-Indja jsostnu illi l-bniedem jitwieled fl-istat li jkun jistħoqqlu; skont il-ħajja li jkun għex qabel u skont minn liema parti t’ ‘alla’ jkun tnissel. Għaldaqstant hemmhekk is-sinjur ma jgħinx lill-fqir għax dan jemmen li l-ieħor qiegħed f’dik il-kundizzjoni għax hekk jixraqlu u daqshekk! Meta mmur f’dawn l-inħawi u nara l-konsegwenzi ta’ dar-raġunament, inħoss ħafna għax m’hemmx dik is-sensittività biex wieħed jgħin lil min hu batut.”

    Il-Malti jgħid li l-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. Mhux talli li jeżistu dawn il-kundizzjonijiet f’dawn il-pajjiżi, terġa’ u tgħid biex jieħdu servizz bażiku bħal mhu dak tal-edukazzjoni, dal-popli jridu jħallsu.

    “Mhux darba u tnejn li fil-Kenja tara xi ġuvni qed jattendi l-klassi tal-iskola primarja. Dan għaliex fi tfulitu ħadd ma jkun felaħ iħallaslu għall-edukazzjoni tiegħu. U għalhekk, hekk kif jibda jaħdem u jaqla’ xi ħaġa tal-flus, hu stess jiġi u jħallas biex jitgħallem bit-tama li jitla’ mqar tarġa oħra mill-livell tal-għixien li jgħix fih. Ġuvintur bħal dawn iqumu kmieni fil-għodu u jmorru jaħdmu fir-raba’. Imbagħad x’ħin isir il-ħin imorru jitħarrġu l-iskola u kif ilestu jmorru jkomplu x-xogħol tar-raba’. Dawn iż-żgħażagħ jgħixu ġo għarix mingħajr dawl elettriku. Tiskanta u tinxef kif jirnexxielhom jistudjaw! Imma dawk li jkunu tassew ambizzjużi jirnexxielhom. Uħud minnhom huma nies ta’ intelliġenza kbira u hekk kif tagħtihom opportunità jaħtfuha u m’għandhomx għalfejn jiġu sfurzati biex jistudjaw, bħal kif nagħmlu ma’ ċertu żgħażagħ Maltin.

    Hemm għatx kbir biex wieħed jitgħallem ħalli jsib xogħol aħjar. Meta nitla’ sa dawn l-inħawi jiġu kwantità ta’ ġuvintur u xebbiet biex nisponsorjawlhom l-edukazzjoni tagħhom. Imma diffiċli biex tikkuntenta lil kulħadd peress li l-finanzi huma limitati.”

    L-iktar proġett riċenti ta’ dil-kongregazzjoni jinsab fil-Filippini.

    “Meta tmur il-Filippini, ħlief żgħażagħ ma tarax. Fis-subborg ta’ Quezon, li jinsab viċin il-belt ta’ Manila, l-popolazzjoni taż-żgħażagħ tavviċina s-70%. Ħafna minnhom ikunu studenti li ġew biex jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fil-kulleġġi tal-inħawi.

    Iżda hawnhekk ma rridux nimmaġinaw il-kulleġġi tagħna tafx! L-ewwel nett trid tħallas biex tattendi. It-tieni, n-nies huma fqar ħafna u biex jibagħtu lill-uliedhom l-iskola huma jkunu ċċaħħdu b’mod tremend. It-tielet l-edukazzjoni mhux neċessarjament garanzija ta’ xogħol mistħoqq. Ma tridx wisq biex titla’ f’taxi u s-sewwieq żgħażugħ ikun gradwat mill-università.

    Issa l-isqof xtaqna nieħdu ħsieb liż-żgħażagħ fl-inħawi tal-belt ta’ Bataan fejn teżisti l-istess sitwazzjoni. Il-post fejn qegħdin is-sorijiet tagħna huwa remot ħafna u jeżisti l-faqar. Aħna bdejna naħdmu sanyo last 362fostom u ftit ftit tibda tara ċertu kambjament li jagħtik sodisfazzjon kbir. Biex nagħtik eżempju, ftit ilu mort inżur koppja li għadha tiżżewweġ u t-tnejn huma gradwati u jaħdmu bħala għalliema. Id-dar tagħhom tikkonsisti f’żewġt ikmamar mibnija bil-bricks u  tinsab qalb bosta djar oħra li mhumiex ħlief għarix mibni biz-zkuk. Il-pagi ta’ daż-żewġ għalliema hija biss ftit ċenteżmi tal-ewro kuljum meta kkomparata ma’ tagħna. Imma bil-ftit li qalgħu dil-koppja għamlu avvanz u n-nies tal-madwar tgħidx kemm huma kburin bihom.”

    Tisma’ dal-ġrajjiet u tħossok tiċċekken meta tagħraf il-kuraġġ ta’ dawn in-nies li jistinkaw u jqattgħu bi snienhom akkost id-diffikultajiet kbar tal-ħajja. U mbagħad tasal biex tifhem għala dawn is-sorijiet iħossu tant sodisfazzjon anki bl-iktar affarijiet insinifikanti għalina.

    “F’Mpketoni, fid-distrett ta’ Lamu fil-Kenja wara 12 il-sena naħdmu fost in-nies tal-post, rajna kambjament li għamlilna ħafna l-qalb.

    Dawn l-inħawi kienu fi stat selvaġġ bħala ‘bush’ u kienu joqogħdu biss l-annimali fihom. Imma mbagħad il-gvern tal-pajjiż offra għaxar ‘acres’ lil min ried joqgħod hemm u jaħdem l-art u kien hemm numru ta’ familji li mxew f’dal-post. Kienu nies li marru b’idejhom f’idejhom u kellhom jibdew kollox mill-bidu. L-ewwel bnew għarix bil-weraq niexef tal-palm ħalli jkollhom xi tip ta’ kenn. Imbagħad ħarqu s-siġar u l-bushes kollha li kienu fuq l-art tagħhom sabiex jużaw l-art għat-tkabbir tal-ħxejjex. Iżda qabel dan isir kellhom jitkeċċew l-annimali li kienu draw jgħixu fil-post. L-annimali territorjali baqgħu jiġu lura għal ħafna żmien sakemm finalment irrealizzaw li l-inħawi ma kienux għadhom tagħhom.

    Issa l-bdiewa setgħu jiżirgħu ftit żerriegħa u jittamaw li tagħmel xita biżżejjed biex jikber xi ħaġa. Il-patrijiet kapuċċini li jgħixu qrib xtrawlhom tractor biex jgħinuhom jaħartu l-art. Is-sorijiet tagħna jgħinu fl-edukazzjoni u għandhom ukoll klinika hemmhekk. Ħaġa li mpressjonatni u li forsi għalina mhi xejn hija li l-ewwel darba li żort lil dawn in-nies, ħadd minnhom ma kellu żarbun. Imma riċentement erġajt mort u did-darba ntbaħt li kienu telgħu xi djar tal-ġebel u li kulħadd almenu kellu żarbun f’saqajh.”

    Ovvjament dax-xogħol tal-Missjoni ma jkunx possibbli mingħajr il-vokazzjonijiet u l-finanzi meħtieġa.

    “Aħna s-sorijiet kontinwament inħabblu rasna minn fejn ser jirnexxielna niġbru aktar fondi biex inkunu nistgħu nagħtu aktar għajnuna. Tiġbor kemm tiġbor flus ikunu qishom qatra f’oċean imma b’dik il-qatra xorta naqtgħu ftit mill-għatx ta’ xi wħud.

    Barra minn hekk jgħinu ħafna l-vokazzjonijiet ġodda għax ormaj uħud mis-sorijiet tagħna, speċjalment dawk Maltin, huma avvanzati fl-età. Ġie żmien meta l-vokazzjonijiet kienu naqsu ħafna. Għaddejna Kultura oħra, dinja oħraminn perjodu ta’ materjaliżmu kbir imma issa l-bniedem donnu qed jinduna li xorta mhux sodisfatt. Hemm ċertu vojt li l-materjaliżmu ma kienx kapaċi jimlieh. U l-ħajja bħal rota; iddur u ddur sakemm fl-aħħar terġa’ tiġi fil-pożizzjoni minn fejn bdiet. Jiena għandi fiduċja kbira li l-vokazzjonijiet ser jerġgħu jibdew jiżdiedu. Diġà qed inħoss ċertu tibdiliet. Stajt nara dan b’ċarezza meta kont l-Amerka fejn in-nies qed tfittex mill-ġdid l-ispiritwalità u ftit ftit dawn il-movimenti qed jidħlu wkoll fl-Ewropa.

    Bħala sorijiet missjunarji, niddependu wkoll fuq il-volontarjat u kull meta nkunu ser nitilgħu naħdmu fuq xi proġett dejjem intellgħu numru tajjeb magħna ta’ Maltin għax il-poplu Malti huwa ġeneruż ħafna.”

    L-esperjenzi ta’ Sister Catherine ma kienu jispiċċaw qatt, tant li kien impossibbli li nniżżilhom kollha. Iżda qabel ngħalaq tlabtha tgħidli x’inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħti dax-xogħol fil-Missjoni?

    “Il-possibilità li tgħin bnedmin żvinturati biex jgħixu f’livell ta’ ħajja b’dinjità jagħtik ferħ kbir f’qalbek. Jgħinek tgħix bi skop. Barra minn hekk in-nies li tgħin jibqgħu jafuhulek. It-tfal kollha li aħna nkunu rabbejna f’xi żmien jew ieħor minn ħajjithom, l-aktar qabel ikunu ser jiżżewġu jew ftit wara, jiġu jfittxuna u jirringrazzjawna u ħafna jqisuna bħala l-ommijiet veri tagħhom. Numru minnhom jibqgħu jċemplulna għall-pariri. Oħrajn jistednuna fl-okkażżjonijiet speċjali tagħhom daqs li kieku konna membri importanti mill-familja tagħhom.”

    Ma stajtx nieqaf nistaqsi imma din kienet tal-aħħar żgur! Xi xtaqet Sister Catherine li tara jsir?

    “Bħala Superjura nixtieq li tikber il-kongregazzjoni tagħna ħalli jkollna aktar sorijiet li jinfirxu mad-dinja kollha u jagħmlu aktar ġid.

    Personalment, bħala Sister Catherine nixtieq li nħobb aktar lil Alla billi nħobb u ngħin aktar lill-proxxmu tiegħi. Nixtieq ħafna nkun proprju l-qalb ta’ Ġesù f’nofs in-nies sabiex Alla jħobbhom permezz tiegħi.”

    F’Diċembru li ġej Sister Catherine ser titla’ mill-ġdid fil-Filippini biex tkun tista’ tieħu aktar għajnuna finanzjarja għall-proġetti li qed isiru hemmhekk. Min jixtieq jgħin jista’ jagħti donazzjoni fil-kont bankarju HSBC 068-057611-050, inkella jista’ jibgħat ċekk jew jgħaddi sal-kunvent li jinsab 100, St. Theresa Convent, George Borg Olivier Street, Mellieħa MLH 1021. Għal aktar informazzjoni tistgħu wkoll iċċemplu fuq 21523532 jew tibgħatu email fuq seychellcatherine@yahoo.com

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-24 t’Ottubru 2011)

    2010.10.24 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

Travelogue

Archives

November 2017
M T W T F S S
« Sep    
 12345
6789101112
13141516171819
20212223242526
27282930  

Recent Posts

Comments