Posts Tagged ‘Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika’

  • Missieri kien enigma

    Paul George Pisani biswit il-mafkar ta' missieru Gorg Pisani.JPGGorg Pisani.jpeg

    Xandir minn Ghawdex ghal Ghawdex.jpeg

    Din il-ġimgħa ddeċidejt li nlaqqgħakhom man-Nutar Paul George Pisani li huwa iben il-mibki poeta magħruf Għawdxi, Ġorġ Pisani. Iltqajna fl-uffiċċju tiegħu li jinsab fil-proprjetà fejn hu kien jgħix flimkien mal-ġenituri tiegħu fi Triq Putirjal, ir-Rabat, Għawdex. Faċċata, donnu biex iżomm għajnejh fuq il-post li għex fih għal bosta snin, stajt nilmaħ il-mafkar tal-bronż ta’ Ġorġ Pisani li tpoġġa hemmhekk fit-23 ta’ Ġunju 2001.

    Bħas-soltu, apparti li segwejt il-kitbiet tal-poeta, għażilt ukoll li niltaqa’ mal-uniku iben tiegħu sabiex permezz tad-diskussjoni tagħna, nifhem aħjar min kien dan il-persunaġġ. Huwa tassew illi x-xogħolijiet ta’ artist jistgħu jirriflettu wħud mill-emozzjonijiet u l-perspettivi tiegħu. Madanakollu, jiena nemmen li ħadd ma jista’ jiftaħlek tieqa intima fuq individwu, aktar minn dawk li jkunu għexu miegħu.

    Għal bosta drabi, Paul stqarr illi għalih missieru kien enigma peress li kien bniedem riservat ħafna. Iżda xorta waħda, mal-mogħdija tad-diskursata tagħna, feġġu rivelazzjonijiet interessanti li komplew għanew il-ġrajja ta’ min kien il-poeta Ġorġ Pisani; punti li nittama li xi student tal-Malti għad jitħajjar jistudja aktar fil-fond dwarhom.

    Ħass is-sejħa reliġjuża

    Twieled ir-Rabat, Għawdex fis-6 ta’ Mejju 1909. Tgħallem fl-iskola primarja tal-Gvern u fil-Liċeo t’Għawdex.

    Jidher li f’żogħżitu huwa kellu xi delużjoni ta’ mħabba li kidditu ħafna tant li rari tkellem dwarha ħlief permezz tal-iżvog f’xi poeżiji, fosthom ‘Għanja Moħbija’ u ‘Kelma Nassiesa’.

    Kien f’dan il-perjodu wkoll li huwa beda jieħu t-taħriġ biex isir patri.

    “Fl-adoloxxenza tiegħu missieri ħass is-sejħa reliġjuża u beda n-novizzjat mal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini fejn kellu l-isem ta’ Fra Alipju,” qalli Paul. “Hemmhekk huwa għamel studji avvanzati fil-letteratura klassika u fit-teoloġija, filwaqt li beda jikteb poeżiji bil-Malti fir-rivista tal-Franġiskani Kapuċċini ‘L-Immakulata’.”

    Iżda kif qal Carm C. Cachia f’kitba tiegħu dwar dan il-poeta, “Donnu lanqas fil-protezzjoni ta’ dan il-post qaddis, ma sab il-paċi interna li kien qed ifittex.”

    U infatti, wara xi żmien, Pisani ħalla l-kunvent.

    Sar għalliem

    “Wara li ħalla l-kunvent, missieri beda l-karriera tiegħu bħala għalliem. Fl-1935 huwa nħatar bħala l-ewwel surmast tal-Malti fil-Liċeo t’Għawdex. Kien f’dan iż-żmien li huwa ntroduċa l-istudju tal-Malti fis-Seminarju t’Għawdex.”

    Waqt il-gwerra

    “Fl-1940, fl-eqqel żmien tal-gwerra, huwa ġie msejjaħ Malta biex jaħdem fid-Dipartiment tal-Informazzjoni fejn ħadem bħala traduttur u ko-editur tal-ħarġa Maltija tal-’Information Service Bullettin’. Barra minn hekk, huwa kien jgħallem it-Taljan u l-Malti fl-iskola sekondarja tal-bniet fil-Belt Valletta, filwaqt li ntroduċa l-istudju tal-Malti lill-istudenti tal-Kunvent Sacred Heart f’San Ġiljan,” kompla jirrakkuntali Paul.

    Sehem kbir fil-ġabra tal-qamħ f’Għawdex

    “Meta fl-1942 missieri ġie maħtur Assistant Information Officer għal Għawdex, huwa fetaħ Information Bureau kważi fl-irħula kollha t’Għawdex. Kien f’dan iż-żmien li huwa kellu sehem kbir fil-ġabra tal-qamħ mingħand il-bdiewa Għawdxin.”

    Minn kliem Paul intbaħt li dan kien perjodu sinifikanti ħafna fil-ħajja ta’ missieru.

    “Ma kienx faċli li tikkonvinċi lill-Għawdxin biex joħorġu l-qamħ li kienu kabbru, ħażnu u ħbew. Meta bajda ta’ tiġieġa kienet tiswa prezz għali mmens, tista’ timmaġina kemm kien il-valur tal-qamħ! L-Għawdxin huma nies li tgħallmu jfendu għal rashom għax fuq dil-gżira, matul is-snin, spiss intelqu għal rieħhom. Kulħadd kien jara kif jiżra’ xi ħaġa u jrabbi xi annimal biex ikollu l-provvisti meħtieġa. Għalhekk meta l-awtoritajiet bdew jipprentendu l-qamħ mingħandhom, kien bħallikieku riedu jeħdulhom it-teżori tal-familja,” spjegali Paul.

    Jidher li mhux darba u tnejn li l-qiegħa saħnet għax il-pressjoni minn Malta kienet kull ma tmur tiżdied minħabba li l-ikel fil-gżira prinċipali kien għoddu spiċċa għal kollox u kien hemm bosta li kienu qed jgħoddu ruħhom b’mitlufa.

    “Kulħadd kien jaf li l-Għawdxin kellhom il-qamħ mistur. Imma x’setgħu jagħmlu? Jidħlu għalihom bl-armi biex jeħduhulhom? Fi żmien ta’ gwerra? Meta għandek bżonn in-nies miegħek u mhux kontrik? Kienet sitwazzjoni iebsa u infatti darba minnhom, kienu għoddhom ħaġġruh lil missieri meta mar jipprova jkellem lil xi bdiewa biex jagħtuh il-qamħ għall-Maltin!” kompla Paul.

    Imma sa fl-aħħar, Pisani rnexxielu jsib mezz tajjeb kif jieħu li jrid…

    “Beda jiftiehem mal-arċipriet ta’ kull knisja sabiex jgħid lin-nies li wara l-barka tal-quddiesa, se jkun hemm xi ħadd barra biex ikellimhom. Hu kien joqgħod jistenna n-nies barra fuq iz-zuntier u bil-kalma kollha kien jispjegalhom illi jekk ma kienux se jgħinu permezz tal-qamħ tagħhom, Malta kien se jkollha ċċedi u tiftaħ il-bibien għall-għadu. Apparti minn hekk, huwa beda jistaqsihom jekk kellhomx bżonn xi razzjon għalihom minn Malta ħalli meta jitla’ bit-trakk għall-qamħ, itella’ miegħu dak li jkunu talbuh. B’hekk l-irjus irtabu u l-affarijiet irranġaw ruħhom. Dawn l-esperjenzi kienu eventwalment nebbħuh biex fl-1945 jikteb id-dramm ‘Il-Ġabra tal-Qamħ’.”

    Wara l-gwerra

    “Meta ntemmet il-gwerra, missieri reġa’ daħal għalliem u beda jgħallem il-Malti, ir-Reliġjon, l-iStorja u l-Latin fil-Liċeo t’Għawdex. Sadanittant, huwa baqa’ jaħdem ukoll fid-Dipartiment tal-Informazzjoni u ħafna għadhom jiftakru l-filmshows li kien jorganizza wara nżul ix-xemx fil-pjazez t’Għawdex sabiex jeduka l-poplu u jżommu aġġornat dwar il-ġrajjiet kurrenti. Barra minn hekk, fil-Banca Giuratale fir-Rabat, Għawdex, huwa fetaħ uffiċċju ċentrali b’kamra għall-qari attrezzata ħafna fejn wieħed kien isib jaqra ġurnali, rivisti u kotba dwar suġġetti varji. Fuq inizzjattiva tiegħu wkoll, kienu nstallati loudspeakers tar-Rediffusion fil-pjazez t’Għawdex mnejn il-poplu kien jisma’ l-aħbarijiet u l-avviżi tal-Gvern,” qalli Paul bi kburija lejn ix-xogħol siewi li wettaq missieru.

    Wieħed mill-pijunieri tax-xandir f’Għawdex

    Għalkemm personalment seta’ kien riservat, ċertament Pisani kellu ħeġġa liema bħalha biex itejjeb il-qagħda tal-Għawdxin u tal-gżira t’Għawdex. Infatti hu kien ukoll wieħed mill-pijunieri tax-xandir f’Għawdex.

    “Kien hemm refuġjat Malti f’Għawdex, ċertu Vella, li meta missieri wrieh bix-xewqa li kellu li jsib mezz kif ixandar xi programmi minn Għawdex għal Għawdex, dan ħareġ b’sistema rudimentali li kienet taħdem bil-linji tat-telefon u permezz tiegħu, missieri beda jxandar il-programmi u jinstema’ fil-pjazez.”

    Id-dramm li daħlu fl-inkwiet

    Fl-1945 Pisani ppubblika l-ktieb ‘L-Għid taż-Żgħożija’ li fih hemm uħud mill-aqwa xogħolijiet tiegħu. Infatti, poeżija minnhom li ġġib l-istess isem, akkwistatlu t-titlu tal-Poeta taż-Żgħożija. Fil-prefazju tal-ktieb il- Prof. Ġużè Aquilina kiteb hekk: “Tneħħi… l-waqtiet suwed ta’ qtigħ il-qalb jew disperazzjoni, l-akbar motiv tal-poeżija ta’ Pisani tibqa’ ż-żgħożija qalbiena li tħares ‘il quddiem mimlija ħeġġa u mgħaġġla fit-tiġrija tal-ħajja.”

    Iżda apparti xogħol ieħor li kiteb fl-istess żmien, żgur li xejn ma ħalla mpatt fuq Pisani daqs id-dramm ‘Is-Sengħa tal-Imħabba’….

    “Missieri kien isiefer ħafna u spiss kien jieħu l-opportunità biex imur jara xi dramm barrani. B’hekk, huwa ġie espost għat-teatru tal-kontinent. Ġara li darba ġietu f’rasu li jikteb id-dramm ‘Is-Sengħa tal-Imħabba’ li kien jitratta t-tema ta’ familja li titfarrak meta tidħol bejniethom it-tielet persuna. Id-dramm kien jispiċċa bi tmiem negattiv li jqanqal bosta mistoqsijiet. Inzerta li dan ix-xogħol għoġob lil xi studenti universitarji u dawn iddeċidew li jaħdmuh fir-Radio City l-Ħamrun,” beda jgħidli Paul.

    “Il-busillis beda meta dan id-dramm ġie rrekordjat għar-Rediffusion u allura daħal fid-djar kollha. U hemm qam pandemonju sħiħ għax kien hemm min tkaża bis-suġġett tad-dramm. Ngħiduha kif inhi, illum tidħak jekk tarah. Imma f’dak iż-żmien, għalkemm kulħadd kien jaf li kien hemm il-problemi fil-familji, in-nies kienet taħbihom taħt it-tapit bla ma ħadd kien jipprova jara kif se jsolvihom. Mhux talli! Imma għamluha tabù li titkellem dwarhom!”

    Iżda agħar minn hekk, skont Paul kien editorjal pjuttost kiefer li ġie ppubblikat f’Leħen is-Sewwa li nkorla lil missieru u affettwalu wkoll saħħtu, anki jekk is-soltu ma kien iħalli xejn ikiddu.

    “Min kiteb l-editorjal, b’malizzja semma’ li ma kienx sewwa li għax ikollok esperjenza ħażina f’ħajtek, tmur iċċappasha fuq il-palk. Naturalment kien qed jirreferi għall-istorja ta’ mħabba li kellu missieri f’żgħożitu. U din tant tagħtu ġewwa, li għamel libell lill-ġurnal, għalkemm xorta tilfu għax l-imħallef qal f’sentenza klassika li ma kienx sewwa li fuq il-palk tipproġetta sitwazzjonijiet mhux feliċi tal-ħajja!”

    Jidher li maż-żmien dan l-inċident twarrab mal-ġenb, tant li Pisani kompla jikteb fl-istess ġurnal għal diversi snin wara. Madanakollu, Paul ma jistax jifhem kif mument sinifikanti bħal dan li juri l-ewwel ċaqliqa lejn ir-realiżmu fid-dramm Malti mhux qed jiġi kkunsidrat fil-kotba ta’ llum li jitrattaw l-Istorja tad-dramm f’Malta.

    “Jiddispjaċini meta jiġri dan. Mhux għax qed nitkellem dwar missieri. Imma għax mhux qed niktbu b’mod onest u mhux qed nagħtu kreditu lil min ħaqqu. Uħud donnhom għandhom l-għan li jsemmu biss lil dawk il-kittieba u l-poeti li ġew wara l-gwerra filwaqt li qed iwarrbu lill-oħrajn li ġew qabilhom daqslikieku dawn ma jgħoddu xejn biex wasalna fejn wasalna llum. Ħażin nagħmlu jekk ninsew li mingħajr il-passat m’hemmx preżent,” sostna iben Pisani.

    Iżżewweġ ta’ 54 sena

    Fl-1963 Ġorġ Pisani jiżżewweġ lil Rose nee’ Formosa minn Kerċem, li kienet 32 sena iżgħar minnu. Sena wara kellhom lil Paul u t-tnejn rabbewh f’għożża liema bħalha.

    Kont kurjuża jekk bħala iben, hu qattx ħass il-piż ta’ missier li kien daqstant popolari f’Għawdex?

    “Jiena tlajt b’ċertu reverenza u sottomissjoni edukata lejn il-ġenituri tiegħi u qatt ma ħabbatthom. Nistqarr li kont inħoss xi ftit responsabbiltà għall-fatt li l-missieri kienu jafuh ħafna nies u ma ridtx li nħammarlu wiċċu b’xi mod,” ftakar Paul.

    Staqsejtu wkoll jekk qattx xtaq li laħaq lil missieru f’età iżgħar?

    “Ħa nghidlek, l-aktar li nixtieq hu li għadu ħaj,” irrispondini kemmxejn imqanqal. “Qattgħajt tfulija sabiħa ferm miegħu. Veru li lħaqtu ta’ età kbira imma mbagħad gawdejt mill-fatt li ma damx ma ħareġ bil-pensjoni u allura kellu ħafna ħin għalija. Infatti spiss kont noqgħod niġri ma’ djulu u min jaf kemm laqqgħani ma’ nies li llum huma miti bħal Mary Meylak, Erin Serracino Inglott, Frenċ tal-Għarb eċċ.”

    “Konna mmorru wkoll għall-passiġġati twal fil-kampanja Għawdxija li tant kienet għal qalbu. Kien miġbud ħafna wkoll lejn l-Istorja u infatti kiteb diversi poeżiji relatati fosthom ‘Il-Ġgantija t’Għawdex’, tant li hemm min isibu wkoll bħala l-Poeta tal-Istorja. Madanakollu jien aktar naħseb li kien jixtieq jibqa’ magħruf bħala l-Poeta t’Għawdex. Kellu mħabba kbira għal dil-gżira kif jixhdu bosta mix-xogħolijiet tiegħu, fosthom l-’Innu Għal Għawdex’ li hawnhekk għadu jindaqq meta jispiċċa xi programm tal-banda u warajh jindaqq l-Innu Nazzjonali.”

    Kien kuġin ta’ Carmelo Borg Pisani

    Skoprejt fatt ieħor dwaru li probabbilment ftit jafuh.

    “Missieri baqa’ reliġjuż ħafna, anki wara li ħareġ mill-kunvent. Fil-fatt naħseb li l-għeżeż ħaġa li ħalla fija kien ir-rispett lejn ir-reliġjon, apparti li derrieni wkoll b’ċertu awto-dixxiplina u valuri sodi. Intant, kull fil-għaxija konna ninxteħtu ngħidu r-rużarju flimkien u hekk kif inlestu konna ngħidu wkoll Ave Maria għall-mejtin tagħna. Niftakar li missieri kien isemmihom kollha wieħed wieħed kuljum: il-ġenituri, in-nanniet, iz-zijiet, il-kuġini eċċ. Fosthom dejjem kien isemmi lil ċertu Karmenu li kont naf li kien kuġin tiegħu imma xejn aktar,” irrakkuntali Paul.

    “Però jidhirli li darba minnhom ikkuntattjah il-kittieb Lawrence Mizzi peress li kien qed jagħmel xi riċerka dwar Carmelo Borg Pisani u kien sar jaf li missieri kien prim kuġin tiegħu. Huwa talbu għal xi informazzjoni dwaru imma akkost li s-soltu missieri dejjem jgħin lil kulħadd, lil dan talbu biex lil Borg Pisani jħallih jistrieħ. Għandek tkun taf li missieri kien espert tal-arti diplomatika ta’ kif ma jweġibx mistoqsija jekk jiddeċiedi hekk. Ħadd ma kien jaf li dan l-individwu kien jiġi minna għax missieri qatt ma kien isemmieh ma’ ħadd. Lanqas magħna ma kien jitkellem dwaru. Qatt ma kkummenta dwar jekk kienx jikkunsidrah bħala traditur jew xi ħaġ’oħra. Donnu għalih kien biss membru tal-familja – il-kuġin.”

    Kien gwida ta’ personalitajiet importanti

    “Dari d-Dipartiment tal-Informazzjoni kellu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu wkoll it-turiżmu. Għaldaqstant, parti minn xogħol missieri kien li jdawwar personalment m’Għawdex lil bosta personalitajiet importanti u anki lill-aġenti tal-ivjaġġar li kienu qegħdin jiskopru lill-gżira. Fatt interessanti huwa li baqa’ jagħmel dan ix-xogħol sa meta kellu 80 sena, anki jekk bla ħlas. ‘U dak il-pajjiż għandu bżonnu!’ kien jgħidli meta ġieli lmentajt miegħu.”

    Awtur Prolifiku

    Ġorġ Pisani ppubblika tmien kotba ta’ poeżiji, sitt drammi, ġabra ta’ novelli, ġabra ta’ essejs, żewġ rumanzi u żewġ ġabriet ta’ leġġendi Għawdxin. Barra minn hekk, wara mewtu, fis-sena 2000 il-Prof. Oliver Friggieri stampa antoloġija mill-kotba kollha ta’ Pisani bl-isem ‘Ġorġ Pisani – Poeżiji’ filwaqt li ibnu Paul ippubblikalu l-ktieb ‘Id-Duwa tal-Maddalena’ li kien jikkonsisti f’ġabra ta’ tagħrif folkloristiku. Iżda fir-realtà ibnu stqarr miegħi li hemm ħafna aktar x’jiġi ippubblikat.

    Rispett

    Matul ħajtu, Pisani rebaħ bosta konkorsi u premijiet letterarji. Ngħata l-premju governattiv ‘Malta Literary Award’ u l-premju internazzjonali ‘Città di Valletta’. Fl-1986 inħatar membru għal ħajtu tal-Għaqda Poeti u fl-1992 il-Gvern Malti onorah bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika. Fl-1997 il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria onorah b”Ġieh il-Belt Victoria’.

    Ġorġ Pisani miet fl-24 ta’ Frar 1999. Skont ibnu, il-funeral tiegħu kien xhieda tar-rispett li n-nies kellha lejh hekk kif kienu bosta dawk li attendew għall-quddiesa li ġiet ikkonċelebrata minn 61 saċerdot.

    Fl-2006 segwitu martu Rose iżda għal Paul, il-memorja tal-ġenituri tiegħu hija ħajja daqs qatt qabel.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (23 parti) fit-Torċa tad-19 t’Ottubru 2014)

    2014.10.19 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Twieled u miet fix-xandir

    Charles Arrigo ihares lejn Evelyn ghadha tifla.jpgEvelyn Arrigo bir-ritratt ma' huha - 1.JPG

    Charles Arrigo fuq ir-Rediffusion.jpgCharles Arrigo.jpg

    Kien ritratt partikolari li deher fuq Facebook li ħajjarni sabiex nikteb dan l-artiklu. Fih kienu jidhru tifla ċkejkna b’ħarsa tassew ħelwa u mqarrba li kienet flimkien ma’ raġel li għall-ewwel jien m’għaraftx. Ir-ritratt kien sempliċi imma intriganti. Ma ridtx wisq biex tintebaħ li bejn dawk it-tnejn kien hemm relazzjoni ta’ affett kbir. Staqsejt ftit u skoprejt li dawn iż-żewġ individwi kienu l-magħruf u mibki Charles Arrigo u oħtu ż-żgħira Evelyn.

    Meta ltqajt ma’ Evelyn sabiex nintervistaha dwar ħuha, sibt li akkost li għaddew tant snin minn dak ir-ritratt, dik il-ħarsa mqarqċa kienet għadha tilgħab f’għajnejha. Iżda fuq kollox, indunajt ukoll li hi kienet tagħti lemħa sewwa lil ħuha. Avolja l-mewt ormaj firdet lil dawn it-tnejn, ir-rabta li kien hemm bejn iż-żewġt aħwa baqgħet soda mmens u nnutajt li d-dmugħ ifeġġ fuq xfar għajnejha kull darba li ssemmih. “Qalbek żgħira inti,” għedtilha jien. Imma hi saħqet bi tbissima li qalbha kienet iktar pjuttost kbira….

    Kien fessud

    Charles Arrigo twieled fis-6 t’April 1929 fil-Belt Valletta. Huwa kien l-ikbar fost sebat aħwa; żewġ subien u ħamest ibniet. Meta kienu jistaqsuh dwar ħutu, Charles kien iħobb isemmi li għall-ewwel kien għamel ħames snin waħdu, tant li l-ġenituri tiegħu ħasbu li ma kienx ser ikollhom aktar tfal. Għaldaqstant, hu kien dara mfissed mhux ħażin u għalkemm wara twieldu ħutu l-oħra kollha, il-fsied baqa’ jħobbu. Intant, anki meta kiber, speċjalment peress li baqa’ għażeb, ħutu l-bniet baqgħu jfissduh ħafna.

    Evelyn tiftakar li speċjalment fl-aħħar snin, Charles kien jgħaddi spiss jiekol għandha. Kien iċemplilha qabel jitlaq mix-xogħol sabiex hi tibda tipprepara l-ikel.

    “Kien jiġi jiekol għall-ħabta tal-10.15am peress li kien jibda kmieni ħafna x-xogħol. Meta kien jasal għandi, kien jiftaħ il-gazzetti kollha u joqgħod jixtarrhom kemmxejn. Imbagħad kien jitlobni nagħmillu wieħed irqiq – jiġifieri gin and tonic. Xil-11.00am konna nibdew nieklu u ngħidu kelma bejnietna. Imbagħad kien jerħilha lura għar-raqda ta’ wara nofsinhar,” ftakret Evelyn.

    Ommu – l-akbar kritika tiegħu

    Kien jinġieb ħafna mal-familjari tiegħu. Imma ċertament, l-aktar persuna għal qalbu kienet ommu. Skont Evelyn hi kienet li bassret mill-ewwel x’kien ser isir binha. “Kien iħobb jikkummenta dwar dak kollu li jara – min ġej, min sejjer, x’qed jagħmel dak u x’qed tagħmel dik. U darba qalithielu – Int kummentatur għad issir la tikber ibni!”

    Aktar minn darba waqt l-intervisti li għamlulu, Charles stqarr li ommu kienet l-għeżeż ħaġa għalih. Kienet ukoll l-akbar kritika tiegħu. Ma nesa qatt meta fid-29 ta’ Settembru 1962, hu kien il-persuna magħżula biex tiftaħ għall-ewwel darba l-istazzjon televiżiv Malti:

    “Dan huwa l-Malta Television Service. Jiena Charles Arrigo qiegħed insellmilkhom f’isem il-kollegi kollha tiegħi tal-Malta Television Service, waqt li nawguralkhom divertiment bil-programmi tal-lejla. Illum inħoss li qed niltaqa’ magħkom wiċċ imb’wiċċ u nixtieq li kienet ħaġa possibbli li nieħu b’id kull wieħed u waħda minnkhom. Mill-lum il-quddiem ser tibdew tarawni ta’ spiss nippreżentalkhom il-programmi u nwasslilkhom l-aħbarijiet fi djarkhom.”

    Dan il-kliem tiegħu, flimkien mal-filmat ta’ dan l-avveniment saru sinonimi mal-qasam tax-xandir u spiss deheru f’diversi programmi. Kienu bosta dawk li bagħtu jifirħulu meta rawh jiftaħ l-istazzjon. Iżda kellu kritika waħda biss – dik t’ommu! “Għaġġilt naqra waqt li kont qed titkellem”, qaltlu.

    “Mal-mama kelli relazzjoni specjali. U kien tassew xokk għalija meta qaluli li tawha ħass ħażin waqt li kienet nieżla mit-tqarbin u mietet hemm fil-knisja. Ghalkemm konna qed nistennew il-mewt tagħha, għax kienet niżlet ftit, ma bsarnix li din kienet ser tiġi daqshekk malajr,” stqarr Charles darba minnhom.

    “Dakinhar kien ġie wieħed fuqi u qalli aħjar tiġi malajr għax il-mamà ħassha ħażin,” qaltli Evelyn. “Mill-ewwel għokritni għajnejja meta ried iwassalni bil-karozza għax minn fejn konna noqogħdu sal-Knisja ta’ San Duminku, ma kienx hemm bogħod. Kif wasalna, nara l-mamà flimkien ma’ patri u hekk kif poġġejt ħdejha, poġġiet rasha fuq spallti, ħarset lejja u telqet. Lanqas biss indunajt li kienet mietet, tant li meta ġiet l-ambulanza, ippruvajt nagħtiha l-ossiġnu. Mewtha niżlitli biss meta ġie Charles biċ-ċurkett tat-tieġ tagħha u tahuli.”

    Qatt ma żżewweġ

    Kull darba li staqsew lil Charles dwar l-imħabba u l-għala baqa’ għażeb, huwa tbissem u ddikkjara li darba minnhom kien joħroġ ma’ tfajla bis-serjetà tant li kienu waslu biex jitgħarrsu. Imma dan qatt ma seħħ u hu spiċċa biex qatt ma żżewweġ.

    “Forsi kont daqsxejn egoista u kont mhedi ħafna bix-xogħol tax-xandir li dejjem tani bosta sodisfazzjon,” qal darba meta reġgħu staqsewh dwar dan. “L-uniku dispjaċir li għandi li ma żżewwġitx huwa li m’għandix ulied, imma almenu llum ghandi s-sodisfazzjon li għandi ħafna neputijiet.”

    Beda l-karriera b’kumbinazzjoni

    “Fi żmien il-gwerra, meta kont għadni l-Liċeo, kienu jippubblikaw gazzetta jisimha ‘Young Malta’ u jien ktibt poeżija jisimha ‘The Flag’ u ppubblikawhieli fiha. Ftit wara ġejt mitlub biex immur naqra din il-poeżija fuq ir-Rediffusion u hekk għamilt,” jirrakkonta Charles dwar il-bidu tal-karriera tiegħu.

    “Iżda ftit wara seħħet kumbinazzjoni oħra… Kont qiegħed nistenna r-riżultati tal-eżamijiet peress li xtaqt inkompli nistudja l-università. U ġurnata waħda, il-ħabib tiegħi Ċensu Calleja, li kellu banka tal-lottu f’San Pawl il-Belt, u li jiena spiss kont neħodlu moħħu bid-diskors tiegħi, urieni avviż li kien jgħid li riedu announcer mar-Rediffusion. “Dan xogħol jgħodd għalik,” kien qalli, hekk kif għaddhieli l-gazzetta. “Isa, tħajjar.”

    Min jaf jekk Ċensu kienx xtaq xi naqra paċi mit-taħdit ta’ Charles? Li hu żgur hu illi meta Charles sema’ minnu, minn dawk kollha li applikaw, intagħżel hu u minn hemm bdiet il-karriera tiegħu.

    Vuċi distinta

    Kienu t-2 ta’ Marzu 1947 meta Charles għamel l-ewwel xandira tiegħu fuq ir-Rediffusion. Dak iż-żmien kien hemm Effie Ciantar inkarigat mill-programmi. Il-vuċi distinta ta’ Charles ma damitx ma ġiet rikonoxxuta u meta Ciantar xtaq iżid programm ieħor bil-Malti, hu staqsa lil Charles jekk kienx lest li jibda jagħmel programm ġdid bil-qari tar-rumanzi.

    “Jien kont inħobb naqra u l-idea għoġbitni,” qal Charles. “Dak iż-żmien fl-iskejjel kienu qed jistudjaw ir-rumanz ‘Raġel Bil-Għaqal’ ta’ Ġużè Galea u għalhekk iddeċidejna li nibdew minnu. Kien xogħol li mal-ewwel tani sodisfazzjon kbir u qrajt mijiet ta’ rumanzi!” …. Min qatt kellu jgħidlu li kien ser idum jaqra r-rumanzi proprju sal-aħħar nifs ta’ ħajtu?

    L-iżvilupp tax-xandir

    Tista’ tgħid li x-xandir Malti u Charles Arrigo kibru flimkien. Fl-1947 ir-Rediffusion kien ilu 12 il-sena għaddej, imma kollox kien baqa’ pjuttost fil-bidu. Fl-1950, Charles ġie appuntat bħala produttur tad-drama u tad-dokumentarji. F’dan iż-żmien huwa kien involut ukoll bħala attur mal-British Institute Players u mal-Atturi Theatre Group u għalhekk ma damx ma beda jieħu sehem fid-drammi li kien jipproduċi huwa stess u anki oħrajn. Aktar tard, meta fetaħ it-televiżjoni Malti, huwa ħa sehem ukoll f’diversi teleserials, fosthom: fil-parti tal-kappillan f”Il-Gaġġa’, bħala qassis f”Leli ta’ Ħaż-Żgħir’, bħala isqof f”Wirt’, bħala tabib f’ ‘Il-Madonna taċ-Ċoqqa’, u bħala kulunell f”Villa Sunset’. Interessanti nsemmu wkoll li hu kien ħa sehem fil-film klassiku ‘The Malta Story’.

    Għall-ħabta tal-1959, ir-Rediffusion iddeċidiet li tibgħat lill-produtturi Maltin l-Ingilterra sabiex dawn jitħarrġu b’mod aktar professjonali mal-BBC u Charles kien wieħed minnhom. “Hemmhekk ġejna ttrenjati f’bosta oqsma fosthom dwar kif isir l-editing, kif jiġu prodotti r-radjudrammi u kif nużaw leħinna aħjar,” ftakar Charles.

    Fl-1962, numru ta’ ħaddiema oħra, inkluż Charles, reġgħu ntbagħtu għand il-BBC, did-darba sabiex jitħarrġu fis-sengħa relatata mat-televiżjoni minħabba li f’Malta kienu qed isiru l-preparamenti biex jinfetaħ l-istazzjon Malti – Malta Television Service. U eventwalment kien Charles stess li fetaħ l-istazzjon.

    “Għalkemm kollox kien jidher miexi ħarir u sewwa dakinhar, kulħadd kellu eċċitament kbir fuqu,” stqarr Charles meta tkellem dwar din il-ġurnata. “Apparti li kien hemm il-preokkupazzjoni biex naraw li kollox imur sew, kellna wkoll id-dubju li l-udjenzi setgħu ma jieħdux grazzja mad-dehra tagħna. In-nies kienu ilhom jisimgħuna fuq ir-radju u ħafna kienu draw u tħabbu ma’ leħinna. Imma issa d-dubju tagħna kien x’ser tkun ir-reazzjoni tan-nies meta tara bixritna. Personalment kont diġà kelli popolarità mhux ħażin u bżajt li se jkun hemm min jgħid – ara, dak hu?! Imma għal grazzja t’Alla nkwetajna għalxejn, għax ma ġrax dak li tħassibna fuqu u n-nies laqgħuna tajjeb ħafna.”

    Fl-1971 Charles sar l-assistent kap tal-programmi tar-radju u tliet snin wara, hu laħaq bħala kap tad-drama u d-dokumentarji. Fl-1987 huwa ngħata r-responsabbiltà bħala deputat kap ta’ Xandir Malta u fl-1991 sar id-direttur eżekuttiv tal-board tal-Public Broadcasting Services u manager ta’ Television Malta.

    Staqsini 20

    Fost ix-xogħolijiet li jibqa’ magħruf għalihom hemm il-programm ‘Staqsini 20′ li hu kien introduċa f’Malta wara li n-nies kienet drat tisimgħu jixxandar bl-Ingliż minn fuq il-General Overseas Service tal-BBC.

    “Il-programm biddel ħafna ismijiet sakemm finalment sar magħruf bħala ‘Staqsini 20′. L-ewwel programm kien ixxandar għall-ħabta tal-1957 meta l-istudios tagħna kienu għadhom f’121 Triq Brittanja, l-Belt, illum magħrufa bħala Triq il-Melita. Dan kien studio żgħir ħafna u meta l-idea ta’ dan il-programm bil-Malti laqtet mill-ewwel l-immaġinazzjoni tas-semmiegħa, lanqas biss kien hemm post għan-nies kollha li xtaqu jattendu. Imbagħad f’Jannar tal-1958 konna mxejna għall-istudios tal-Guardamangia u hemmhekk konna aktar ixxamplati u n-nies setgħu jipparteċipaw b’aktar kumdità. Però ġie żmien meta l-popolarità ta’ dan il-programm tant kibret li ġieli tellgħajnih fit-Teatru Manoel,” irrakkonta Charles.

    Għal dawk li ma jiftakruhx il-programm ‘Staqsini 20′, nistgħu ngħidu li dan kien ibbażat fuq għażla ta’ kliem partikolari li kienu jibgħatu n-nies mid-djar, u panel ta’ individwi kien jipprova jaqta’ dan il-kliem permezz ta’ mistoqsijiet li kienu jagħmlu. Skont Charles, meta l-kliem ma kienx jinqata’ mill-panel, dawk li jkunu ssuġġerewhom, kienu jirbħu lapes tal-fidda.

    Kummentarji

    Ċertament, l-aktar aspett li Charles Arrigo baqa’ magħruf għalih kien ix-xogħol ta’ kummentatur f’bosta okkażżjonijiet statali u kif ukoll reliġjużi. Infatti hu kien wieħed minn tal-ewwel li ħareġ bl-outside broadcasting.

    “Il-kummentarji minn dejjem kienu għal qalbi għax permezz tagħhom stajt nieħu sehem dirett u mill-qrib fl-aktar avvenimenti importanti tal-gżejjer tagħna,” stqarr Charles. Infatti, fost id-diversi kummentarji tiegħu huwa għamel dak ta’ meta Malta saret Repubblika, meta żarna l-Papa Ġwanni Pawlu II, u meta waslet ir-Reġina Eliżabetta II f’pajjiżna.

    Kien ukoll l-ewwel wieħed li mar jagħmel il-kummentarju tal-Karnival t’Għawdex, għalkemm darba minnhom ammetta li l-Karnival ma kienx wisq għal qalbu….

    L-aħħar kummentarju li għamel seħħ tliet ġimgħat qabel miet u dan kien relatat mal-Pontifikal Solenni tal-Konsagrazzjoni Episkopali tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex.

    Kien ġentlom

    Fl-1995, Charles Arrigo ngħata l-Midalja Għall-Qadi Tar-Repubblika. Bosta minn dawk li ħadmu miegħu jiftakru s-serjetà u l-professjonalità li dejjem ħadem biha u li kien jesiġi anki minn dawk kollha ta’ madwaru. Madanakollu, Charles baqa’ msemmi wkoll għal kemm kien iħobb jagħti daqqa t’id lil dak li jkun biex anki hu jirnexxi f’dak kollu li jkun qed jagħmel.

    Skont oħtu Evelyn, Charles kellu karattru sod u perfezzjonist u kien kapaċi jċanfrek waħda sewwa jekk ma timxix mar-regoli. Iżda mbagħad kien jgħaddilu wkoll malajr u ma kontx iddum ma tara xi tbissima fuq xufftejh.

    Hu spiss kien isostni illi biex wieħed ipoġġi wara mikrofonu jew quddiem kamera, kellu jkun ippreparat sewwa. “Għandna dejjem inżommu f’moħħna li aħna nkunu qed niġu mistiedna nidħlu fid-djar tan-nies u għalhekk irridu nuru serjetà u professjonalità, kemm fl-ilbies, kemm fil-komportament u anki fil-preparazzjoni li nagħmlu. Jekk wieħed ma jkunx imħejji biżżejjed, ikun qed jonqos bil-kbir kemm lejn is-semmiegħa u kif ukoll lejn it-telespettaturi. F’każ bħal dan, ikun ħafna aħjar jekk wieħed jibqa’ d-dar u ma jippreżenta ruħu quddiem ħadd!”

    Meta darba staqsewh kif jixtieq li jibqgħu jiftakruh in-nies, ir-risposta tiegħu kienet: “Jiena m’għandi l-ebda pretensjonijiet li n-nies se jibqgħu jiftakruni b’xi mod jew ieħor. Imma nispera li jekk jiftakru fija jgħidu: Charles Arrigo kien ġentlom.”

    It-tmiem

    Charles Arrigo ħalliena fl-2006. Miet għall-għarrieda, l-istess bħal ommu, waqt li kien qiegħed ix-xogħol – jaqra silta ta’ rumanz ġdid tal-kollega tiegħu Charles Abela Mizzi u jevalwa l-programmi li kellhom isiru.

    “Kont qed nistennieh għall-ikel,” qaltli Evelyn imbikkma. “Ftit tas-siegħat qabel kien ċempilli kif jagħmel is-soltu biex jara x’kont se nsajjar. Għedtlu ravjul t’Għawdex illum. Kien iħobbu ħafna. Qalli nċempillek qabel nitlaq ħalli titfgħu fil-misħun. Imma sfortunatament dit-telefonata ma waslet qatt. Twieled u miet fix-xandir. U jiena bqajt b’qalbi maqsuma li tlift lill-għażiż ħija b’mod tant ħesrem bla ma qatt kelli ċ-ċans li nsellimlu għall-aħħar darba.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (18 il-parti) fit-Torċa tal-14 ta’ Settembru 2014)

    2014.09.14 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • PONT MAĊ-ĊINA – IL-ĦAMES PARTI – B’tislima

     

    Xu Huizhong Gu Yanzhao

     

    Fil-5 t’April 2014, rappreżentanti mill-Ambaxxata taċ-Ċina f’Malta u numru oħra ta’ persuni Ċiniżi, ngħaqdu ma’ xi individwi Maltin, fosthom mal-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, mas-Sindku ta’ Santa Luċija, Frederick Cutajar u ma’ membri tal-Malta-China Friendship Society, sabiex jattendu għal ċerimonja ta’ tifkira taż-żewġ ħaddiema Ċiniżi li tilfu ħajjithom f’pajjiżna fl-1979. Dawn iż-żewġ ħaddiema kienu jiffurmaw parti minn mijiet ta’ Ċiniżi li ntbagħtu mill-gvern tagħhom f’pajjiżna, sabiex jgħinu fil-kostruzzjoni tad-Dry Dock numru 6, jew kif inhu magħruf illum, ir-Red China Dock. Dan sar wara ftehim fis-sebgħinijiet bejn iċ-Ċina u Malta, fejn iċ-Ċina qablet li tagħti daqqa t’id lill-gżejjer tagħna li kienu għadhom qed jirkupraw biex ikabbru l-ekonomija tagħhom.

    Iż-żewġ ħaddiema Ċiniżi li tilfu ħajjithom f’Malta

    Sfortunatament, Xu Huizhong, inġinier Ċiniż ta’ 47 sena, tilef ħajtu traġikament fis-16 ta’ Marzu 1979 waqt li kien qed jaqdi dmiru fil-bini tal-baċir. Huwa ġie onorat bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika fit-23 t’April 1979. Min-naħa l-oħra, l-inġinier Gu Yanzhao, miet b’kawża naturali fl-età ta’ 46 sena, waqt li hu wkoll kien qed jaħdem fl-istess baċir. Kienu l-familjari tagħhom stess li għażlu li dawn iż-żewġ ħaddiema jindifnu f’Malta sabiex b’hekk huma jsibu l-mistrieħ u l-paċi fil-pajjiż li ħadmu għalih. Il-familjari xtaqu wkoll li permezz ta’ din id-deċiżjoni, dawn l-għeżież tagħhom ikunu ‘preżenti’ meta l-proġett jitlesta u li l-quddiem, in-nies tal-lokal jibqgħu jiftakruhom b’rispett.

    Fi kliem il-Ministru Scicluna, “M’hemmx sinjal akbar ta’ ħbiberija minn dik li tagħti ħajtek biex tgħin lil pajjiż ieħor.” U hekk kif bħalissa, permezz ta’ dawn l-artikli, qiegħda kull ma mmur nersaq u ninġibed aktar lejn iċ-Ċina u lejn niesha, ma stajtx inħalli dan il-mument jgħaddi mingħajr ma nistħarreġ aktar din l-istorja u dak kollu li bsart li se ġġib magħha….

    It-tradizzjoni antika taċ-Qingming Festival

    Bdejt billi żort il-qabar ta’ dawn iż-żewġ ħaddiema Ċiniżi li jinsab fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Miegħi ħadt bukkett fjuri sabiħ ikkulurit biex nuri sinjal ta’ rispett u mħabba. Iżda hekk kif wasalt quddiem il-qabar, mill-ewwel intbaħt li kont erġajt missejt ma’ xi aspett ieħor tal-kultura Ċiniża, hekk kif il-fjuri kollha li kienu tħallew qabel waqt iċ-ċerimonja msemmija, kienu ta’ lewn abjad u isfar. Mort mill-ewwel lura d-dar sabiex nifhem aħjar x’kien qed jiġri u sibt li din il-funzjoni annwali kienet tagħmel parti minn tradizzjoni antika Ċiniża magħrufa bħala Qingming Festival.

    Sabiex jgħinuni nifhem aktar dan il-kunċett, din il-ġimgħa ltqajt ma’ Qiu Guangling u ma’ l-assistent tagħha, Shi Qidong, ġewwa l-Ambaxxata taċ-Ċina f’Malta. Huma infurmawni li dan il-festival jifforma parti mill-24 aspett tal-kalendarju lunari Ċiniż fejn fosthom matulu jiġu ċċelebrati l-bidu tar-Rebbiegħa, u t-tifkira tal-antenati u tal-mejtin. Hemm min jirreferi għal dan il-Festival bħala ‘Pure Brightness Day’ jew inkella ‘Tomb-Sweeping Festival’ u dan dejjem jaħbat madwar il-5 t’April.

    Il-leġġenda ta’ Jie Zitui

    Iċ-Qingming Festival sikwit jiġi assoċċjat ma’ Jie Zitui li fis-7 seklu Q.K. kien jgħix fil-provinċja ta’ Shanxi. Jingħad li hu kien wieħed mill-ftit uffiċċjali li segwa lill-Chong Er, it-tifel tad-Duka ta’ Jin, meta dan kellu jħalli l-pajjiż minħabba nkwiet kbir li nqala’. Chong Er għex għal 19 il-sena fl-eżilju u s-sitwazzjoni li kien jgħix fiha tant kienet miżerabbli, li finalment abbandunah kulħadd, apparti ħames individwi, fosthom Jie Zitui. Dan l-uffiċċjal tant kien jirrispetta lill-kap tiegħu li meta darba minnhom Chong Er kien qed imut bil-ġuħ, huwa qata’ parti minn kuxxtejh u sajjarhielu ħalli dan ikun jista’ jistejqer b’laħmu.

    Intant, ġie żmien meta Chong Er irnexxielu jerġa’ jirbaħ it-tron li kien jistħoqqlu u huwa reġa’ lura lejn Jin bħala mexxej. Miegħu huwa ħa lill-uffiċċjali li kienu baqgħu leali lejh fi żmien tant imwiegħer u lil dawn tahom it-titlu ta’ nobbli. Imma għal xi raġuni, huwa nesa lil Jie Zitui li ormaj kien invalidu minħabba s-sagrifiċċju li kien għamel għall-kap tiegħu. Madanakollu, Chong Er ma damx ma ntebaħ bl-iżball li għamel u għalhekk huwa erħilha lejn il-muntanja Mian biex ifittex lil Jie Zitui, fejn dan kien mar joqgħod m’ommu. Iżda Jie Zitui kien sab l-hena fir-rifuġju tan-natura tal-ambjent tal-muntanja u b’xejn ma ried imur lura lejn il-belt. Għaldaqstant huwa baqa’ mistoħbi bit-tama li Chong Er jaqta’ qalbu u jħallih fil-paċi. Imma dan ma kellux ikun għax meta l-mexxej baqa’ ma sabx lil ħabibu, huwa tant webbes rasu li ried isibu, li ordna li l-foresta tal-muntanja tingħata n-nar ħalli Jie Zitui jiġi sfurzat joħroġ mill-moħba tiegħu. In-nar dam jaqbad tliet ijiem sakemm inħarqet il-muntanja kollha u meta n-nies ta’ Chong Er marru jfittxu lil Jie Zitui, huma sabuh maħruq flimkien m’ommu. Chong Er iddispjaċih ferm għalli ġara u b’rispett lejn dawn iż-żewġ individwi, huwa difinhom ħdejn il-muntanja Mian li bidlilha isimha għal Jie, u fuqha huwa bena tempju għall-memorja tagħhom.

    Bħala tifkira ta’ din it-traġedja, huwa ordna wkoll li kull sena, proprju f’dawk it-tliet ijiem, ħadd ma seta’ jqabbad nar fid-dar, u l-ikel kellu jittiekel kiesaħ biss. Kien hawnhekk li ngħata l-bidu għal ‘Hanshi’ jew ‘Cold Food Festival’. Aktar tard, madwar 300 sena ilu, fi żmien id-Dinastija Qing, dan il-Festival twaħħad maċ-Qingming Festival u l-okkażjoni nbidlet f’waħda ta’ tikira u sagrifiċċju għall-antenati. Illum, il-‘Cold Food Festival’ jiġi ċċelebrat ġurnata qabel iċ-Qingming u l-attivitajiet jibqgħu sejrin għal tliet ijiem sħaħ.

    Hekk kif aħna nagħmlu fil-bidu ta’ Novembru, meta nżuru ċ-ċimiterji u nuru r-rispett tagħna lejn qrabatna mejtin, fiċ-Ċina dan isir fil-bidu t’April. Għadd kbir ta’ nies jinġabru fiċ-ċimiterji biex inaddfu l-oqbra, jiżbgħu mill-ġdid il-kalligrafija li jkollhom miktuba fuqhom, jixgħelu l-inċens, u jħallu kriżantemi bojod u sofor, liema fjuri fil-kultura Ċiniża jesprimu s-swied il-qalb u n-niket. Barra minn hekk, huma joffru wkoll xi ikel u xorb lill-mejtin tagħhom u wara l-familjari jinġabru fuq il-qabar stess jew fil-ġonna tal-madwar sabiex jieklu dan l-ikel flimkien.

    Yin House Feng Shui

    Ta’ min isemmi illi meta jiġi biex jintagħżel sit għad-dfin, fiċ-Ċina jitqabbdu esperti tal-Feng Shui, liema użanza tikkonsisti minn forom ta’ arti u xjenza antiki li nħolqu f’dan il-pajjiż madwar 3000 sena ilu. L-għan prinċipali tal-Yin House Feng Shui huwa illi permezz ta’ għażla għaqlija tal-art fejn jindifnu l-mejtin, l-enerġija tagħhom tiġi mibdula f’enerġija pożittiva sabiex din tiġi riflessa f’riżq għall-familjari. Infatti ċ-Ċiniżi jemmnu illi jekk il-mejtin ma jitħallewx jistrieħu fil-paċi f’post li jassiguralhom serenità, il-familjari l-ħajjin isofru l-konsegwenzi.

    L-oqbra imperjali taċ-Ċina

    Dan il-prinċipju dwar l-oqbra ra l-bidu tiegħu meta l-bniedem ħoloq il-kunċett tar-ruħ u b’hekk daħħal ukoll l-idea ta’ ħajja oħra wara din. Għalhekk matul is-snin insegwu diversi tibdiliet fl-oqbra u dawn iservu bħala mera tal-ideat tas-soċjetà li tkun sawwrithom. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-oqbra bdew kull ma jmur jirraffinaw ruħhom sakemm fil-perjodu ta’ wħud mill-aktar dinastiji qawwija, l-oqbra imperjali ħadu s-sura ta’ tempji sħaħ bil-ħsieb li l-mexxej seta’ jgawdi l-istess ambjent li kien imdorri fih f’ħajtu, anki wara mewtu.

    Il-Musulew tal-imperatur Qin Shi Huang

    Dan il-musulew inbena mill-imperatur Qin Shi Huang fit-3 seklu Q.K. sabiex iservi bħala l-qabar tiegħu. Din il-binja enormi kienet waħda minn ta’ l-ewwel ta’ din ix-xorta, fejn l-ambjent tal-madwar intagħżel apposta sabiex joffri l-atmosfera ġusta għall-imperatur wara li jmut. Skont kittieba antiki, oriġinarjament, dan il-musulew kien madwar 120 metru għoli u l-bażi tiegħu kellha qies ta’ 2167 metru. Diversi siġar u pjanti ġew imħawwla fl-inħawi sabiex isebbħu l-post, filwaqt li nbena lqugħ għall-ilma b’għoli ta’ 10 metri u tul ta’ 1400 metru ħalli jiġi evitat li l-ilma tax-xmajjar li kienu fil-qrib jgħerrqu l-inħawi. Barra minn hekk, inbidel il-kors tax-xmara li kienet tagħti lejn in-nofsinhar ta’ dan il-musulew u minflok il-passaġġ tagħha ddawwar fix-xmara Weihe ħalli b’hekk ilmijietha ma jkunux ta’ ostaklu.

    Huwa stmat illi ntużaw madwar 12.8 miljun metru kubu ta’ art biex biha tissawwar l-art tal-qabar tal-imperatur u ta’ xi oqbra oħra fl-istess sit, flimkien mal-kostruzzjoni tal-ilqugħ tal-ilma u tal-istatwi li kellhom jitpoġġew fil-post. Barra minn hekk, kien hemm bżonn ukoll 1.2 miljun metru kubu ieħor ta’ art sabiex biha jinbena l-qabar tal-imperatur. Ta’ min isemmi illi dan il-ġebel kollu ġie maqtugħ minn barrieri fil-muntanja Ganquan li kienet tinsab 200 kilometru bogħod mis-sit tal-musulew!

    Għal ġewwa dan il-qabar, l-imperatur Qin Shi Huang, ordna li jitpoġġew ukoll xogħolijiet imprezzabbli artistiċi u ta’ sengħa mill-aqwa, fosthom ġojjelli maħduma mid-deheb u l-fidda, tpinġijiet, kitbiet, ħwejjeġ u drappijiet u għadd ta’ dekorazzjonijiet oħra. Finalment, tant kien hemm ġid ġewwa dan il-musulew li huwa diffiċli biex wieħed jikkalkula kemm dawn setgħu swew ħin, xogħol, ħajjiet, materjal u flejjes. Imma ċertament, hekk kif l-imperatur miet u difen kollox miegħu, huwa refa wirt kulturali mill-ifjen għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara.

    Iżda l-imperatur ried aktar minn hekk bħala akkompanjament għall-vjaġġ tiegħu wara mewtu. Infatti biex inbena dan il-qabar, apparti li kienu ntagħżlu l-aqwa nies tas-sengħa, il-kostruzzjoni tiegħu li ħadet snin sħaħ, saret minn bosta kriminali, bdiewa li ma ħallsux it-taxxi, u skjavi. U flimkien mat-tiswir ta’ qabar l-imperatur, dawn kellhom jibnu wkoll qabar ieħor fuq art li kienet tinsab 1400 metru bogħod, li finalment laqgħet fiha lill-kriminali li ndifnu flimkien mal-imperatur mejjet. Infatti, waqt skavi arkeoloġiċi, instab li dan il-qabar kellu medda ta’ madwar 1,200 metru kwadru u li kien miżgħud bl-għadam uman.

    Ironikament, għalkemm kien qed ilesti post tant fantastiku għal wara mewtu, dan l-imperatur kien beżgħan ferm mill-mewt u għamel snin sħaħ ifittex il-famuż eliżir tal-ħajja sabiex jakkwista l-font tal-eternità. Minħabba li hu kien tirann krudili, saru diversi attentati fuq ħajtu imma dejjem irnexxielu jiskappaha. Sakemm darba xortih ħallietu u huwa miet waqt vjaġġ wara li bela’ xi pilloli tal-merkurju li suppost kellhom itawwlulu ħajtu!

    L-imperatur Qin Shi Huang tant kien mibgħud li wara mewtu, id-dinastija tiegħu ntemmet fi ftit taż-żmien u l-qabar tiegħu ġie misruq u maħruq aktar minn darba. Madanakollu, dan il-musulew tant kien massiċċ illi fis-sena 1974, waqt li xi bdiewa Ċiniżi kienu qed iħaffru bir, huma sfrundaw f’parti oħra li kienet għadha ma ġġarfitx u dak li nstab ħalla lil kulħadd mistagħġeb. Grupp ta’ arkeoloġisti ntbagħtu minnufih biex jiskavaw u jieħdu ħsieb is-sit fejn fost is-sejba enormi u unika, kien hemm armata kbira ta’ suldati tat-terrakotta akkumpanjati minn numru ta’ karrijiet biż-żwiemel, kollha b’daqs reali. Għalkemm instabu mijiet minn dawn is-suldati li kull wieħed ġie maħdum b’mod individwali u b’fattizzi u pożizzjonijiet differenti, huwa maħsub li b’kollox hemm madwar 8,000. Barra minn hekk, jidher li hemm ukoll 130 karru b’520 żiemel, u 150 żiemel tal-kavallerija midfuna f’dan il-musulew.

    Kull sena din is-sejba tiġbed eluf ta’ turisti lejn dan il-post. U kull meta tittella’ xi esebizzjoni f’pajjiżi oħra b’xi wħud minn dawn l-oġġetti li nstabu, din dejjem ikollha ħafna konkorrenza. Dan stqarritu wkoll il-Kuratriċi Anzjana tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija f’Malta, Sharon Sultana, meta fl-2007 f’pajjiżna ttelgħet esebizzjoni b’81 artifatt minn dan il-musulew tal-imperatur Qin Shi Huang, li fosthom kienu jinkludu 10 suldati tat-terrakotta u żewġt iżwiemel.

    Tradizzjonijiet oħra li jsiru waqt iċ-Qingming Festival

    Peress li dan il-festival jaħbat ukoll mal-bidu tar-Rebbiegħa, dan hu ż-żmien meta l-bdiewa jibdew jaħartu u jiżirgħu l-art tagħhom. Hu wkoll perjodu fejn diversi fjuri sbieħ jibdew isebbħu l-inħawi u għaldaqstant, parti miċ-ċelebrazzjoni tinkludi wkoll mixjiet fil-kampanja. Dan huwa wkoll mument fejn bosta żgħażagħ jiltaqgħu flimkien u bosta stejjer ġodda ta’ mħabba jibdew proprju f’dawn il-ġranet. Bħala tislima ferriħija għall-bidu ta’ dan l-istaġun ġdid, is-sema tintela’ b’għadd kbir ta’ manuċċi (jew tajr) maħdumin b’sengħa mill-aqwa u f’forom diversi u b’hekk dawn il-ġranet jiżżewqu anki b’memorji sbieħ u pożittivi.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa ta’ l-20 t’April 2014)

    2014.04.20 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-MARA LI KELLHA L-BAGOLL LEST BIEX TITLAQ…

    Nhar it-Tnejn 25 t’Awwissu 2009, ħallietna mara kbira, mhux biss għall-età li kellha imma anki minħabba l-istorja mqanqla li għexet matul ħajjitha.

    Iltqajt magħha l-ewwel darba s-sena li għaddiet meta stedintha għal intervista biex tiġi inkluża fil-programm Bijografiji ta’ Carmelo Borg Pisani. Kellha 98 sena. “Jekk Alla jrid ngħaqqad il-100 sena,” kienet qaltli. Iżda ma kellux ikun.

    Xtaqt niġbor memorja tagħha bħala tifkira u bintha Bernardette laqgħetni f’darha b’idejha miftuħa, akkost li l-ferita tan-nuqqas t’ommha għadha miftuħa sew. Sibtha qed twaħħal ir-ritratti t’ommha f’album kbir. L-istorja ta’ ħajjet Mary bdiet tiżvolġi ftit ftit quddiemi hekk kif hi bdiet tqalleb il-paġni tiegħu u tirrakkuntali….

    Twieldet fil-31 ta’ Marzu 1910 taħt l-isem Mary Pitrè de Martino. Minn dejjem kienet ta’ karattru ferrieħi u fuq ruħha mhux ħażin, għalkemm dejjem b’mod onest. Kienet tħobb ħafna l-kulur l-aħmar għaxMary Inglott - 99 sena kien vivaċi bħalha. Minn età żagħżugħa uriet li kellha żewġ talenti partikolari: dik tat-tpinġija u dik tal-ħjata. L-ewwel waħda kellha tfasslilha l-bqija tad-destin tagħha, l-oħra kellha tgħinha taqla’ l-ħobża ta’ kuljum.

    Hekk kif spiċċat mill-iskola, Mary bdiet tgħallem l-arti fl-iskola tas-Sacred Heart. Zijuha kien ukoll ħajjarha tidħol titgħallem it-tpinġija fl-Iskola tal-Arti fejn anki bdiet timmudella għall-istudenti. Kien waqt waħda minn das-sessjonijiet, meta kienet qegħdha tippoża bħala żeffiena Spanjola għal Giorgio Preca, meta tefa’ għajnejh fuqha Anton Inglott, student ieħor f’din l-Iskola.

    Bħala karattru dan il-ġuvni ma setax kien aktar differenti minn Mary. Kien bniedem kwiet u riservat u għalkemm dit-tfajla kienet togħġbu ħafna, kien bħal jinkwieta jaraha daqshekk fuq ruħha u tiċċajta ma’ kulħadd. Madanakollu waqt dik il-lejla partikolari, hekk kif waqfet mill-immudellar, Mary kienet qabdet tqassam id-domni mbierka li dejjem kienet iġġorr fil-basket tagħha. Tat waħda lilu wkoll u kien hawn li serqitlu qalbu hekk kif intebaħ kemm kienet tfajla tal-ġabra.

    Wara diversi snin jitħarreġ fl-Iskola tal-Arti, Anton Inglott kien siefer lejn Ruma fejn kien rebaħ Borża ta’ Studju ta’ sentejn biex jistudja fl-Accademia Di Belle Arti. Huwa kien jixtieq ħafna li jsir pittur famuż u Mary kienet timbuttah biex isostni sabiex jasal. Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, Anton irritorna lura Malta imma miegħu ġab problema f’saħħtu – id-dijabete.

    Ftit taż-żmien wara seħħet ġrajja oħra fil-ħajja ta’ Mary. Ħabib tagħha, Carmelo Borg Pisani, ġie mgħallaq peress li kien akkużat li kien spjuna kontra Malta f’isem it-Taljani. Ftit tas-snin qabel, Borg Pisani kien laqa’ lill-maħbub tagħha ġewwa Ruma u miegħu kien studja l-arti fl-istess akkademja.

    Iż-żminijiet tal-gwerra kienu iebsa għall-poplu Malti. Mary baqgħet tiftakar bosta attakki u ġiri lejn ix-xelter. Ma setgħet tinsa qatt lill-Belt tirtriegħed taħt saqajha waqt attakk feroċi fuq dawk in-naħat. Il-L-abbozz li Mary ippużat għalih bhala żeffiena Spanjolakoppja kienu jgħixu taħt biża’ kontinwa għal xulxin meta kienu jisimgħu l-bombi neżlin fuq rashom. Għalkemm huma xtaqu jiżżewġu, kellhom ħolma li l-ewwel Anton jistabilixxi ruħu fil-qasam tal-arti sabiex hu jkun jista’ jmantni lill-familja. Ftit ftit Anton beda jiddistingwi ruħu tant illi għamel diversi xogħlijiet ta’ kalibru kbir u ġie anki fdat f’idejh ix-xogħol tal-pittura tas-saqaf tal-parroċċa tal-Imsida.

    Sadanittant Mary kienet daħlet tgħallem it-Taljan u l-ħjata fl-iskola sekondarja tal-Gvern. Kienet anki bdiet tagħti lezzjonijiet privati tal-ħjata fi Strada Stretta l-Belt u f’Regina Angelorum tas-Sliema.

    Iżżewġu fl-1 ta’ Ġunju 1944 u minn din l-għaqda twieldet Bernardette fis-17 t’April 1945. Il-koppja kienet ser ittir bil-ferħ iżda erba’ xhur biss wara, fil-15 t’Awwissu 1945, Anton Inglott miet kawża ta’ kumplikazzjonijiet li tnisslu mill-marda tad-dijabete li dak iż-żmien kienet qerrieda ħafna.

    Mary issa kellha tieħu ħsieb weħidha lil bintha. Mill-għada stess tal-funeral hi kellha tkompli taħdem. Il-kuraġġ ġabitu permezz tal-pariri li kien jagħtiha San Ġorġ Preca li tiegħu hi kienet ilha midħla ħafna.

    Mary kienet mara kreattiva ħafna u dan it-talent ħajjar lil James Scicluna biex  jiftaħ Art and Fashion Centre ġewwa l-Furjana u aktar tard fil-Belt fejn Mary kienet tgħallem il-ħjata u d-diżinn tal-ilbiesi sakemm kellha l-età ta’ 80 sena!

    Matul dan iż-żmien Mary kienet ukoll tagħti sehemha fi programm fuq ir-Rediffusion u t-TV.

    Mary Inglott kienet ukoll waħda mill-fundatriċi tal-Legion of Mary f’Malta.

    Fl-2006 Mary Inglott ġiet onorata bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika.

    Mary ikkumbattiet b’kuraġġ kbir mal-ħajja akkost il-bosta diffikultajiet li ltaqgħet magħhom. Is-saħħa kienet iġġibha mill-fidi tagħha u mill-fatt li rnexxielha żżomm lil żewġha ħaj. “Mhux l-ewwel darba li kont nismagħha tkellmu,” qaltli Bernardette. “L-imħabba tagħhom kienet kbira wisq. Hekk nimmaġinahom issa ara, kif qegħdin f’dan ir-ritratt. It-tnejn mill-ġdid flimkien ferħana jħarsu lejja u jieħdu ħsiebi.”

    Ix-xogħlijiet ta’ missierha huma r-rikordju li hi baqgħalha tiegħu. Issa tħares lejha mill-istess xogħlijiet hemm ukoll ommha li spiss kienet timmudella għal Anton biex ipinġiha.

    Tanja Cilia (Kittieba): L-ewwel darba li dħalt għall-lezzjoni tagħha, fl-Arts and Fashion Centre, (Triq Zakkarija, il-Belt quddiem tal-ħaxix, fis-sular ta’ fuq Rosina Depares) u rajtha, għedt “Imma lil din il-mara nafha żgur”.  Leħinha kien “il-vuċi tal-ħjata” fuq il-programm ta’ Carmen Carbonaro. Iżjed tard, qaltli li kulħadd kien ixebbaħa ma’ Nilla Pizzi, li kienet rebħet il-festival ta’ San Remo fl-1951 u l-1952. Saħanritra kienu jwaqqfuha n-nies fit-triq u jifirħulha! Kemm ħadet paċenzja bija u kemm tgħallimt magħha! Għad għandi l-fajl tal-lezzjonijiet!

    Lil Mary Inglott kont nimmaġina xi lady ta’ żmien ir-Reġina Vittorja, dejjem pulita, impekkabbli, b’libsa differenti kull darba li narawha  u b’xagħarha dejjem  lest għall-ordni.  Mara eżemplari, edukata, b’kariżma kbira u li tifhem lil dak li jkun.”

    Ġorġ Peresso (Kittieb u xandar): “Minn mindu dħalt fix-xandir u ltqajt magħha u smajtha, mall-ewwel impressjonatni bħala mara twajba, imżejjna b’dik it-tjubija li ġejja mit-tiġrib tal-ħajja u għalhekk tjubija li hi forza fil-karattru. Laqtitni ħafna meta dehret fil-programm Meander ta’ Mariella Pisani Bencini u qalet li minn mindu miet żewġha Anton hi dejjem kellha l-bagoll lest biex meta Alla jsejħilha tkun lesta.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Settembru 2009)

    2009.09.06 / no responses / Category: Torca - Features & Articles