Posts Tagged ‘Midalja tal-Qadi tar-Repubblika’

  • Iċ-Ċiniż li baqa’ Malta

    Il-President Anton Buttigieg qed jghaddi l-Midalja lill-Ambaxxatur tac-Cina f'Malta.JPGL-ex Ministru Reno Calleja qed jghaddi l-Midalja lill-armla tal-inginier Xu Huizhong.JPG

    Il-qabar ta' Xu Huizhong.JPG

    Il-Ħadd li għadda bosta minna erħejnilha lejn iċ-ċimiterji ta’ madwar il-gżejjer tagħna sabiex insellmu lil qrabatna jew lil xi ħbieb li m’għadhomx magħna.

    Ħafna kienu dawk li ħadu magħhom bukketti sbieħ ta’ fjuri kkuluriti u jfuħu sabiex jitpoġġew fuq l-oqbra safrana tal-ġebla kiesħa tal-franka jew fuq l-irħam samm abjad karti jew iswed daqs il-lejl. Ġest li apparti t-turija ta’ rispett u mħabba, donnu jipprova wkoll jagħti l-ħajja fejn jidher li m’hemmx.

    Oħrajn ħadu ħsieb ukoll inaddfu l-oqbra billi naqqew xi ħaxix ħażin li kiber maż-żmien jew bidlu xi ritratt li jkun sfar bis-snin.

    Eluf ta’ xemgħat ħomor inxtiegħlu sabiex bil-fjamma tagħhom kiebja jakkumpanjaw it-talb impespes jew fil-qalb li ntqal għall-bżonnijiet tal-erwieħ.

    Id-dmugħ ġelben fuq ħaddejn bosta individwi. Anki fuq ta’ dawk li qrabathom ilhom snin li ħallewhom imma li l-firda baqgħet tqanqalhom.

    Insibhom interessanti wisq dawn ir-ritwali tas-soċjetà tagħna li tibqa’ tgħożż lil dawk li ħabbet anki wara mewthom; kultant anki billi tibqa’ titrattahom daqs li kieku għadhom ħajjin.

    Miexja matul it-trejqat taċ-ċimiterju tal-Addolorata, stajt ninnota dawn il-ġesti kollha. Qalbi ngħafset għal dawk l-oqbra li baqgħu għera għax donnu ħadd ma mar iżurhom. Imma mbagħad ċertu dati li qrajt fuqhom tawni x’naħseb li forsi dik il-familja ntemmet u b’hekk, ma fadalx aktar min iżurha.

    L-oqbra ta’ Xu Huizhong u Gu Yanzhao

    Wasalt quddiem l-oqbra li mort inżur jien: dak ta’ Xu Huizhong u ta’ Gu Yanzhao, iż-żewġ inġiniera Ċiniżi li mietu f’pajjiżna waqt li kienu qed jaħdmu fuq il-Baċir Numru 6. Filwaqt li Xu kien miet mewta traġika, Gu kien ħalliena minħabba kawża ta’ mard.

    Ir-ritratti tagħhom ħarsu lejja u jiena sellimtilhom f’isem pajjiżhom u f’isem pajjiżi. B’turija ta’ rispett, poġġejt bukkett kriżantemi bojod u sofor li skont l-użanza Ċiniża jissimbolizzaw in-niket u s-swied il-qalb. Imbagħad skont il-kultura tiegħi, tlabt lil Alla biex jagħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

    Niftakar li meta staqsejt lil xi individwi Ċiniżi, l-għala dawn iż-żewġ persuni ndifnu hawn Malta u ma ttieħdux lura f’pajjiżhom, huma kienu nfurmawni illi kienu l-familjari tagħhom stess li għażlu hekk. Skont il-kultura Ċiniża, dawn kellhom jindifnu fil-pajjiż li ħadmu għalih għax hekk biss setgħu jistrieħu fil-paċi ta’ dejjem: billi meta jitlesta l-proġett li kienu ġew biex jaħdmu fuqu, huma jkunu għadhom ‘preżenti’ fuq l-istess art. Barra minn hekk, il-familjari xtaqu wkoll li permezz ta’ din id-deċiżjoni, dawn l-għeżież tagħhom jibqgħu jiġu miftakra b’rispett mill-poplu li huma kienu marru biex jagħtuh daqqa t’id.

    Xorta waħda, tħassibt dwar x’iħossu llum il-familjari ta’ dawn l-individwi li kellhom iħallu lil min ħabbew daqstant il-bogħod minn arthom.

    Midalja tal-Qadi tar-Repubblika għall-inġinier Xu Huizhong

    Dal-ħsieb ma ħallinix bi kwieti u għalhekk iddeċidejt li nitkellem mal-ex-Ministru Laburista, Reno Calleja, li fl-1979, kien intbagħat mill-Prim Ministru Duminku Mintoff sabiex jagħti l-Midalja tal-Qadi tar-Repubblika lill-familjari tal-inġinier Xu Huizhong peress li huwa tilef ħajtu traġikament fis-16 ta’ Marzu 1979 waqt li kien qed jaqdi dmiru fil-bini tal-baċir.

    “Dik hija ġurnata li jiena ma ninsa qatt!” stqarr mill-ewwel Calleja hekk kif bdejna nitkellmu. “Anzi, nista’ ngħid li personalment ngħodd dak il-mument bħala l-akbar wieħed fil-karriera politika tiegħi. Napprezzah tant għax dakinhar ħassejt li jien kont parti mill-istorja ta’ pajjiżi fejn Malta kienet qed tagħti ġieħ kbir lil ħaddiem barrani wara mewtu, minħabba li hu miet waqt li kien qed jgħin lil pajjiżna.”

    Il-ftehim ta’ għajnuna bejn Malta u ċ-Ċina

    Calleja jiftakar sewwa ż-żmien meta kien qiegħed isir il-ftehim maċ-Ċina sabiex din tgħin lil pajjiżna jiġi fuq saqajh.

    “F’dawk is-snin anki ċ-Ċina kienet relattivament fqira iżda xorta tat daqqa t’id lil Malta. U huwa f’ġesti bħal dawn li tara l-veru ħbiberija ta’ pajjiż: meta jgħinek f’mumenti meta lanqas hu ma jkun jiflaħ wisq,” sostna Calleja.

    “Il-pass għaqli li kien għamel Mintoff, meta xahar wara Nixon, fl-1972, tela’ ma’ delegazzjoni Maltija sabiex jiltaqa’ ma’ Mao Zedong, kien ġie apprezzat wisq. U grazzi għal din id-deċiżjoni, għadna ngawdu l-frott ta’ ħbiberija kbira ma’ dan il-pajjiż li llum stagħna sewwa.”

    Għadd ta’ ħaddiema Ċiniżi jgħinu fil-bini tal-Baċir Nru. 6

    “Apparti li kienu tawna għajnuna finanzjarja, iċ-Ċiniżi għenuna ħafna billi bagħtu fostna għadd ta’ ħaddiema tekniċi sabiex iwettqu numru ta’ proġetti kbar f’pajjiżna, fosthom il-Baċir Numru 6,” kompla jispjegali Calleja.

    “Dawn il-ħaddiema Ċiniżi ħadmu spalla ma’ spalla mal-Maltin u niesna stagħnaw fil-prinċipji ta’ kif wieħed għandu jaħdem fuq xogħolu hekk kif bdew jinnutaw il-kultura tagħhom. Kultura ta’ nies li għandhom umiltà kbira, bżulija liema bħalha u sens ta’ dover qawwi lejn pajjiżhom. L-entużjażmu li l-Maltin raw fost il-ħaddiema Ċiniżi, huma u jaħdmu bi preċiżjoni u b’għaqal, anki jekk kienu qed jagħmlu dan għall-pajjiż ieħor, ispirathom biex anki huma jagħmlu bħalhom. U jekk il-ħaddiema Ċiniżi kienu qed jaħdmu b’tant dedikazzjoni biex jagħmlu lil pajjiżhom kburi bihom, anki l-ħaddiema Maltin kienu qed jistinkaw daqshom biex pajjiżhom ikun jafulhom,” qalli Calleja.

    “Meta l-Baċir Numru 6 tlesta u saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ, jien kont hemm u naħlef li rajt lil uħud mill-ħaddiema jibku meta raw wiċċ Mintoff jixgħel b’sodisfazzjon għax-xogħol li kien twettaq minnhom kollha.”

    Reno Calleja jitla’ ċ-Ċina biex iwassal il-Midalja

    Iżda dan ir-rakkont kellu wkoll il-lat ikraħ tiegħu, fosthom din it-traġedja fejn ħalla ħajtu l-inġinier Xu.

    “Fl-1979 ġejt mistieden biex nitla’ ċ-Ċina sabiex nirrappreżenta l-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina u kif kien mistenni, infurmajt lil Prim Ministru b’dan. Huwa qalli biex nitla’ f’April minħabba li kellu xi ħaġa f’moħħu,” ftakar Calleja.

    “Wara xi ħmistax, reġa’ sejjaħli fejn infurmani li hu kien iddeċieda li jagħti l-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika, fuq bażi onorarja wara mewtu, lill-inġinier Xu Huizhong, u jien kelli ntellagħha miegħi. Ftit wara, saret ċerimonja fejn il-President Anton Buttigieg għadda din il-midalja lill-Ambaxxatur taċ-Ċina f’Malta bħala rappreżentant tal-Gvern Ċiniż. Imbagħad din il-midalja ngħatat lili u jien tlajt biha ċ-Ċina.”
    Hawnhekk, Calleja ħareġ xi ritratti li kienu jfakkru dawn il-mumenti distinti.

    “Sabiex issir din l-għotja lill-familjari tal-inġinier Xu, ġiet organizzata ċerimonja kbira fis-Sala tal-Kungress ta’ Shanghai. Għal din l-okkażżjoni, jien ippreparajt id-diskors tiegħi bil-Malti u student Malti kien traduċieha għaċ-Ċiniż. Dan l-istudent kien Clifford Borg-Marks li llum huwa l-Ambaxxatur ta’ Malta fiċ-Ċina.”

    “Intant, waqt din iċ-ċerimonja kelli l-privileġġ li niltaqa’ ma’ mart l-inġinier Xu u ma’ wliedu, li kollha apprezzaw ferm dan il-ġest ta’ unur li għaddielhom pajjiżna. Madanakollu, ma nista’ ninsa qatt dak il-wiċċ sogħbien ta’ martu li rringrazzjatni u ma qalet xejn aktar.”

    Huwa għadu f’kuntatt magħhom sal-ġurnata ta’ llum.

    “Sfortunatament, sena wara li ltqajt magħha, mart Xu mietet bil-għali. Iżda wliedha żammew kuntatt miegħi u ġieli ġew Malta jżuru l-qabar ta’ missierhom. Issa bint Xu għandha tifla li nfurmatni li meta tikber tixtieq issir inġinier bħan-nannu.”

    It-tradizzjonijiet taċ-Ċiniżi

    Fatt interessanti huwa illi ċ-Ċiniżi ma jiċċelebrawx ir-ritwali tal-mejtin fl-istess żmien tagħna. Barra minn hekk, għandhom aktar minn ċerimonja waħda li tfakkar lil dawk li ħallewna.

    Il-Festival Qingming

    Fosthom hemm il-Festival Qingming, jew kif inhu wkoll magħruf bħala Il-Ġurnata tat-Tindif tal-Oqbra. Din il-ġurnata taħbat bejn ir-4 jew il-5 t’April, skont il-kalendarju tradizzjonali lunari.

    Waqt dan il-festival, in-nies jiftakru u jonoraw lill-antenati tagħhom permezz tat-talb, billi jnaddfu l-oqbra, billi jiżbgħu l-kalligrafija li tkun iċċarat biż-żmien, billi jaħarqu l-inċens u billi joffru ikel, te, xorb u aċċessorji oħra fuq l-oqbra. F’din il-ġurnata, xi nies għandhom ħabta jġorru magħhom zokk taż-żavżava sabiex iżommu lura l-ispirti ħżiena li jkunu qegħdin iduru matul iċ-Qingming.

    Peress li ċ-Qingming jibda mal-istaġun tar-Rebbiegħa, in-nies tiċċelebra wkoll dan il-jum billi tmur għal ħarġiet fil-kampanja u ttajjar il-manuċċi. Xi bdiewa jaħartu l-art proprju f’din il-ġurnata.

    Il-Festival tal-Erwieħ

    Waqt dan il-festival li jsir f’Awwissu jintwera rispett lejn il-mejtin kollha ta’ kull età. Bejn wieħed u ieħor isiru l-istess attivitajiet li jiġu ċċelebrati waqt iċ-Qingming.

    Madanakollu, hemm ukoll drawwiet oħra: bħat-tluq ta’ dgħajjes żgħar tal-karti u lanterni fuq l-ilma. Dan ir-ritwal hu maħsub biex jagħti d-direzzjoni lill-erwieħ li jiġu jżuru lill-ħajjin waqt din il-ġurnata, sabiex isibu mill-ġdid il-mistrieħ ta’ dejjem.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (25 parti) fit-Torċa tad-9 ta’ Novembru 2014)

    2014.11.09 / no responses / Category: Torca - Features & Articles