Posts Tagged ‘Milied’

  • IBGĦATHIELI BIL-POSTA

    Saviour Busuttil - ritratt Fiona Vella“Il-Milied ta’ dari kien inqas kummerċjali minn dak ta’ llum u dan huwa saħansitra evidenti minn dak li tirċievi fil-posta,” għarrafni missieri Saviour Busuttil li qatta’ 37 sena jaħdem bħala pustier.

    Infatti f’dawn l-aħħar snin, hekk kif jibda joqrob il-Milied, il-kaxxi tal-posta tagħna jintlew b’għadd ta’ rivisti u riklami, b’kompetizzjoni bejniethom biex iħajjruk tixtri l-prodotti tagħhom. Ftit li xejn għadna nirċievu kartolini tal-Milied mingħand qrabatna u ħbiebna. Ġeneralment illum dawn l-awguri jaslu bil-fomm, bit-telefon, b’xi email jew b’xi sms fuq il-mobile.

    “Sa ftit tas-snin ilu kont għadni nibgħat il-kartolini tal-Milied lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti kollha, avolja ħafna minnhom kienu joqogħdu viċin tiegħi. U naturalment jien ukoll kont nirċievi kartolina tal-Milied mingħand kull wieħed u waħda minnhom. Hekk kienet titlob l-użanza. Għaldaqstant tista’ timmaġina l-volum kbir ta’ posta li kien jinħoloq fi żmien il-Milied.”

    “Konna nkunu mifqugħin bix-xogħol, tant li wara li konna noħorġu nqassmu l-ittri matul il-ġurnata u nistrieħu ftit id-dar, konna nidħlu lura x-xogħol biex nissortjaw l-ittri. Ġieli domna sad-9.00pm għaddejjin sabiex insibu x-xogħol lest biex jitqassam għall-għada fil-għodu. Żmien il-Milied kien l-uniku perjodu li konna naħdmu l-overtime fih.”

    Saviour Busuttil mal-kollegi (it-tieni mil-lemin)“Biex inlaħħqu mal-kwantità tal-posta, fi żmien il-Milied konna noħorġu nqassmu mat-8.00am. Konna nippakkjaw il-barżakki tagħna sa ruħ ommhom u nerħulha nduru mat-triqat dar dar. Minbarra l-ittri konna nqassmu anki xi pakketti iżda f’każ li l-pakketti jkunu kbar wisq, konna nħallu avviż ħalli dak li jkun imur jiġborhom mill-uffiċċju tal-Posta.”

    “Matul il-bqija tas-sena, is-servizz tal-Posta kien jagħti garanzija li ittra li tintbagħat qabel is-7.00am kienet tasal għand ir-riċevitur dakinhar stess. Dan kien impossibbli li tiggarantih fi żmien il-Milied għalkemm konna nagħmlu ħilitna kollha biex il-posta tasal malajr kemm jista’ jkun. Konna nkunu konxji li ħafna kienu jkunu qed jistennewna bil-ħerqa. Sa 40 sena ilu, mhux kulħadd kellu telefon id-dar u l-posta kienet l-uniku mezz ta’ komunikazzjoni. Ngħidu aħna fost l-ittri ġieli kien ikun hemm noti tan-namrati li kienu jiktbu lil xulxin biex jifthemu fejn u fi x’ħin se jiltaqgħu. Mur fehmielhom din liż-żgħażagħ illum!”

    “Meta l-internet kien għadu ineżistenti, kollox bil-posta kien jasal u għalhekk in-nies kellhom ċerta relazzjoni ta’ ħbiberija mal-pustier. Hekk kif induru l-kantuniera konna ndoqqu l-qanpiena tar-rota ħalli n-nies jindunaw li wasalna. Imma kien ikun hemm ukoll min ikun qed jistenniena fil-bieb tad-dar tiegħu. Fil-Milied in-nies kienu jilqgħuna b’mod speċjali u jpattulna tas-servizz li konna nagħtuhom matul is-sena kollha. Ħafna kienu jippreparawlna xi grokk u jekk ma noqogħdux attenti, nispiċċaw immorru kuljum fis-sakra d-dar! Kien hemm min jagħtina wkoll xi ħaġa tal-flus u konna ndabbruha tajjeb f’dawk il-ġranet. Kont tħossok apprezzat u allura x-xogħol kien jagħtik aktar sodisfazzjon.”

    Saviour Busuttil mal-kollegi (it-tieni mil-lemin ringiela ta' quddiem)“Illum ċerti affarijiet inbidlu qatiegħ. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni żdiedu u allura l-funzjoni tal-Posta ma baqgħetx daqshekk assoluta. Ħafna nies illum jaħdmu, inkluż in-nisa, u allura ssib inqas nies fid-djar filgħodu. Hemm ukoll il-fatt li llum meta jiżżewwġu ‘l ulied mhux neċessarjament qed jibqgħu joqogħdu fl-istess raħal jew belt fejn twieldu. Dan qed ninnutah fiż-Żejtun hekk kif m’għadux jikber bl-istess rata ta’ qabel. Inbidel ukoll it-tip ta’ bini u allura fejn dari il-pustier kien iħabbat bieb, bieb, dar, dar, illum jidħol ġol-entrata ta’ blokk ta’ appartamenti u jħalli l-ittri ġol-kaxxi mingħajr forsi qatt ma jara lir-riċevituri. B’hekk jista’ jkun li r-relazzjoni tan-nies mal-pustier ma baqgħetx li kienet. Madanakollu, jien li niftakar żminijiet oħra, għadni nilqa’ l-pustiera d-dar u ġieli noqgħod nitħaddet magħhom. Fi żmien il-Milied, kif ħaddieħor kien jagħmel miegħi, nagħtihom dik ix-xi ħaġa żgħira wkoll.”

    Missieri daħal jaħdem bħala pustier meta kellu 18 il-sena.

    “Iz-ziju Ċikku kien jaqra l-gazzetti kuljum u kien hu li qalli li kienu fetħu l-applikazzjonijiet għall-pustiera ġodda. Ta’ 16 il-sena temmejt l-edukazzjoni tiegħi u bħal għadd ta’ nies oħra spiċċajt nirreġistra. Kien ikun hemm ringieli sħaħ ta’ mijiet ta’ nies jirreġistraw għax ma tantx kien hemm xogħol. Biex tilħaq pustier kien ikollok toqgħod għall-eżamijiet bil-miktub fil-Matematika, l-Ingliż u l-Ġografija u ridt tiġi minn ta’ quddiem. Meta dħalt jien kienu applikaw madwar 170 u għażlu 50.”

    Saviour Busuttil fil-bidu tal-karriera tieghu (it-tieni mil-lemin ringiela ta' quddiem)“Dħalt naħdem fl-uffiċċju tal-Posta taż-Żejtun li dak iż-żmien kien ikopri wkoll lil Ħal-Għaxaq, il-Gudja, Marsaxlokk u Birżebbuġa. L-ewwel ħmistax kont tqattagħhom titgħallem ir-rotta li tkun ġiet assenjata lilek. Kont tmur issegwi pustier ieħor ħalli tara kif jaħdem. F’dawk il-ġranet kont mistenni titgħallem l-ismijiet tat-toroq u tkun taf fejn huma d-djar. Jien ma kelli l-ebda problema f’dan il-qasam peress li minn tfuliti kont nixtieq insir pustier. Kont affaxxinat bit-toroq u bl-ismijiet tagħhom u għalhekk kont diġà qbadt nitgħallimhom bl-amment. Imma xorta waħda kien hemm triqat jew sqaqien fiż-Żejtun li ssorprendewni għax qatt ma kont dħalt fihom qabel. Aktar il-quddiem imbagħad kelli l-opportunità li nsir naf it-triqat ta’ partijiet ta’ Ħal-Għaxaq u tal-Gudja peress li kont inqassam hemm ukoll.”

    “Ix-xogħol mill-ewwel għoġobni. Toqgħod iddur fit-toroq u l-isqaqien u tgħid ara das-sqaq qatt ma rajtu qabel! U n-nies kienu dħulin. Kienu jħobbuna ħafna u jafdaw ħafna fina. Uħud meta jirċievu xi ittra kienu jistaqsuni ‘Ta’ x’hiex inhi?’ U ngħidilhom tal-income tax jew tal-Awstralja per eżempju. Kif ngħidilhom tal-Awstralja kien ikun hemm min jistaqsini mingħand min għax kien ikollhom ħafna tfal hemm. U ġieli kien hemm min kien idaħħalni d-dar, jagħmilli belgħa tè, jpoġġi miegħi mal-mejda u joqgħod jismagħni naqralu l-ittra.”

    “Fil-bidu pustier ġdid ma kienx ikollu r-rotta tiegħu imma kien iservi bħala sostitut sabiex jagħmel tajjeb għal meta pustiera oħra jkollhom bżonn jieħdu l-leave jew ikunu ma jifilħux. Iż-Żejtun kien maqsum f’erbgħa sezzjonijiet u ftit ftit kont tasal sakemm titgħallem ir-rotot kollha. Wara 5 snin kont tieqaf tissostitwixxi u jkollok ir-rotta tiegħek.”

    Saviour Busuttil (it-tieni mil-lemin fit-tieni ringiela) mal-kollegi waqt zjara mill-On. Wistin Abela“Ix-xogħol ta’ pustier kien jinkludi li jinġabru l-ittri mill-kaxxi tal-ittri pubbliċi kollha taż-Żejtun, il-Gudja, Marsaxlokk u Birżebbuġa fis-7.00am u jittieħdu l-uffiċċju. Imbagħad l-ittri kollha kienu jitqassmu skont id-distrett tagħhom. Dawk l-ittri li kienu se jitqassmu mill-Posta taż-Żejtun kienu jinżammu filwaqt li l-oħrajn kienu jintbagħtu ma’ vann li jiġi jiġborhom biex jeħodhom fl-uffiċċju prinċipali tal-Belt. L-ittri li jinżammu kienu jiġu rranġati skont ir-rotot u kif inlestu noħorġu nqassmuhom fid-djar. Kollox kellu jitqassam dakinhar stess u kif tlesti stajt tmur lejn id-dar. Min kien imur idur bil-mixi u min bir-rota u għal dawk ir-residenti li kienu joqogħdu fl-imbiegħed, bħall-inħawi tal-bajja ta’ San Tumas u Ħal-Far, il-pustier kien imur bil-mutur. Għal xi l-10.00am kien jasal vann ieħor mill-Belt li kien iġib il-posta li jkunu rċevew l-uffiċċji tal-posta l-oħra.”

    “Qattgħajt 22 sena niġri bir-rota u nqassam l-ittri. Bħal kull xogħol hemm is-sabiħ u l-ikraħ tiegħu. Fis-sajf kont tbati mis-sħana u mill-qilla tax-xemx imma fix-xitwa kien wisq agħar għax kont tixxarrab jekk ikun il-maltemp u tirriskja li tlaqqgħat xi riħ. Kien hemm ukoll problema bil-klieb tan-nies li ġieli kienu jħebbu għalik kif jarawk riesaq. Darba minnhom gidimni kelb u ċarratli l-qalziet tal-uniformi.”

    “Wara 22 sena ngħatajt promozzjoni u lħaqt Mail Officer u xogħoli kien fuq ġewwa biss. Meta għaddew 10 snin oħra lħaqt Mail Inspector u hemm ġejt responsabbli mill-uffiċċju tal-Posta taż-Żejtun. Matul is-snin rajt diversi żviluppi jseħħu fosthom l-introduzzjoni ta’ pustiera nisa li qabel kienu jiġu evitati biex ma jkunx hemm taħlit bejn nisa u rġiel. Finalment ta’ 55 sena ħriġt bil-pensjoni.”

    Saviour Busuttil mal-kollegi waqt mument ta' mistrieh (l-ewwel mix-xellug)Illum missieri jgħodd is-70 sena iżda għalkemm għaddew 15 il-sena minn mindu waqaf mix-xogħol, għadu jiftakar ċar l-ismijiet kollha tat-triqat tal-inħawi li ħadem fihom, in-numri tad-djar u saħansitra l-kunjomijiet tas-sidien tagħhom ukoll.

    “Sal-bieraħ iltqajt ma’ waħda ġo ħanut li kellha madwar 40 sena. X’ħin ratni qaltli ‘Tiftakar kemm kont tagħtina posta?’ Għall-ewwel m’għarafthiex imma meta semmietli t-triq fejn kienet toqgħod, stajt ngħidilha n-numru tal-bieb tagħhom u l-kunjom tal-familja. Stagħġbet li kont għadni niftakar wara tant snin!”

    Meta tkun qattgħajt daqstant żmien taħdem bħala pustier diffiċli tinsa l-informazzjoni kollha li tkun immemorizzajt. Missieri jistqarr li kultant għadu joħlom li qiegħed idur bir-rota madwar it-toroq iqassam l-ittri lin-nies.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-suppliment Senior Times li ħareġ mal-ġurnal The Times of Malta tal-15 ta’ Diċembru 2017)

    2017.12.15 / no responses / Category: Times of Malta

  • Il-presepju tax-xemgħa fir-Rabat, Għawdex

    Toni Vassallo mal-presepju tax-xemgha (Ritratt- Fiona Vella)Kull meta nitla’ Għawdex u ninzerta għaddejjha minn Triq Vajringa, r-Rabat, ma nonqosx li nagħti titwila lil Toni Vassallo u lill-presepju kbir li hu ħadem mix-xemgħa.

     “Meta ħriġt bil-pensjoni fl-1991, xtaqt nivvinta xi ħaġa ġdida biex ngħaddi l-ħin magħha,” stqarr Toni li llum jgħodd is-76 sena.

    “Minn dejjem kont inħobb nagħmel il-presepji. Imma għodwa minnhom, ġieni f’rasi li nibda naħdem fuq presepju għal kollox differenti minn ta’ qablu. Kellu jkun presepju kbir qatiegħ u kont ser naħdmu mix-xemgħa.”

     Il-kwantità kbira tax-xemgħa li kellu bżonn, Toni akkwistaha mingħand diversi ħbieb tiegħu li kienu jaħdmu fiċ-ċimiterji.

    Gallerija tax-xemgha fil-presepju (Ritratt- Fiona Vella)“Kienu jġibuli l-fdalijiet tax-xemgħat u jien kont inħollhom biex ikolli l-materjal ħalli naħdem il-presepju bihom. Meta rajt li kelli ammont biżżejjed biex nibda, bdejt narma l-forma tal-presepju bil-wajer u mbagħad nimla’ bix-xemgħa fuq il-post filwaqt li nagħti l-kulur skont dak li nkun qed nibni.”

    Fix-xenarju tal-presepju, huwa ma naqasx li jinkludi diversi aspetti konnessi m’Għawdex, fosthom għar jixbaħ lill-Għar ta’ Ninu bl-istalaktiti niżlin mis-saqaf, u galleriji, irziezet u mtieħen bi stil Għawdxi. Imbagħad huwa fassal ukoll xi figuri bħall-Madonna, San Ġużepp u l-Bambin Ġesù flimkien mar-rgħajja u persunaġġi oħra.

    “Kemm ilu għandi dan il-presepju biddiltlu l-faċċata darbtejn ħalli nvarja ftit ix-xeni. Għaldaqstant ħallejt ix-xenarju li kelli fuq quddiem u ħdimt ieħor bl-istess xemgħa.”

    Wiehed mill-irziezet tax-xemgha (Ritratt- Fiona Vella)Minn ħin għall-ieħor, il-presepju jkollu xi viżitaturi u Toni ma jonqosx li jagħtihom nagħġa bajda tax-xemgħa bħala tifkira. Intant, meta erġajna sibna ruħna weħidna, hu wrieni l-apparat li bih jaħdem dawn in-nagħaġ, inkluż ukoll il-forom li jagħmel huwa stess.

    “Issa li kbirt, dan il-presepju joffrili mezz biex nheda kemmxejn. Fl-istess ħin, fil-ftit siegħat li nkun hawn kuljum, niltaqa’ ma’ nies differenti u ngħid kelma ma’ dak u ma’ l-ieħor.”

    (Dan l-artiklu deher fis-sit www.littlerock.com.mt f’Diċembru tal-2014)

    Nota: Sfortunatament, illum 6 ta’ Frar 2015, ġejt mgħarrfa li Toni Vassallo żarma dan il-presepju.

    2016.02.06 / no responses / Category: Littlerock

  • Meta toħlom akbar

    Il-Bibbja tirrakkonta l-istagħġib tar-rgħajja meta waqt lejl tas-skiet, is-sema ddawwlet b’dawl mhux tas-soltu filwaqt li anġlu ħabbrilhom li kien twieled ir-Re li Alla kien wiegħed li ser jibgħat. Wieħed jista’ jimmaġina l-emozzjoni tagħhom hekk kif dawn ġrew lejn il-post indikat u hemm sabu lil Marija u lil Ġużeppi jbennu lil binhom Ġesù li kien għadu kif bexxaq għajnejh u lemaħ lid-dinja tagħna.

    Minn dak iż-żmien ‘l hawn kienu bosta l-popli li ttantaw joħolqu mill-ġdid din l-atmosfera mbierka u unika fil-ġranet ħelwin tal-Milied. Probabbilment il-bozoz tad-dawl żgħar u kkuluriti li nżejjnu diversi postijiet bihom, għandhom il-għan li jikkreaw mill-ġdid l-atmosfera tad-dwal li deheru fis-smewwiet f’dak il-lejl imqaddes, filwaqt li l-istatwa tal-bambin Ġesù tintuża bħala rappreżentazzjoni tat-tarbija divina.

    F’dawn il-ġranet naraw ukoll il-ħeġġa ta’ bosta individwi li jagħmlu minn kollox biex iqanqlu dik is-sensazzjoni antika ta’ stagħġib u ferħ li l-Milied biss kapaċi jġib miegħu. Ħafna minna, biex inferrħu lil xulxin, insibu ruħna niċċelebraw ir-ritwali li mxew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Imma mbagħad issib ukoll lil min jaspira aktar minn hekk, issib lil dawk li jazzardaw joħolmu akbar, lil dawk li joħorġu l-barra mit-tradizzjoni sabiex b’azzjoni mhux tas-soltu, jerġgħu jqajjmu dik ix-xrara ta’ stagħġib u ferħ li mhux la kemm wieħed jinsa.

    George VellaWieħed minn dawn huwa bla dubju l-Kavallier George Vella, Żejtuni ta’ 80 sena li llum joqgħod Birkirkara, u li dil-ġimgħa stedinni għandu sabiex jirrakkuntali dwar tliet attivitajiet partikolari li hu flimkien ma’ sħabu ħarġu bihom fi żmien il-Milied tas-snin sittin. Qabel inġbarna fl-istudju tiegħu ħalli ngħarrxu fost il-ġabra ta’ dokumenti, kotba, ġurnali u ritratti li hu pprepara għalija, George ma naqasx milli jdawwarni dawra mad-dar tiegħu sabiex jurini biċ-ċar ir-rabta tiegħu ma’ din il-festa, espressa fosthom permezz tal-kwantità ta’ presepji differenti li għandu, bil-bambin li xtara minn Betlehem lura fl-1956 u bis-siġra tal-Milied li huwa stess żejjen b’għadd ta’ ornamenti, bozoz ikkuluriti, u mużika ħelwa.

    L-ewwel tifkira ħaditna lura għall-1960 ġewwa l-bini tal-Juventutis Domus Sagra Familia fiż-Żejtun, fejn f’dak iż-żmien, George Vella kien is-segretarju tal-għaqda li kienet tmexxi l-attivitajiet tal-post. Ta’ min isemmi li oriġinarjament din il-binja li tinsab fi Triq San Girgor, kienet il-palazz ta’ l-Isqof Ferdinand Mattei li kien jużaha bħala residenza għas-sajf u anki biex minnha jkun jista’ jsegwi l-pellegrinaġġ annwali ta’ San Girgor li kien jgħaddi proprju minn din it-triq (kif għadu jiġri sa llum). Kien fl-1911 meta Dun Spiridione Grixti u Angelo Baldacchino staqsew lill-Arċipriet taż-Żejtun, Dun Lawrenz Degabriele, sabiex jingħataw il-permess ħalli jiftħu ċentru ta’ tagħlim fejn it-tfal iż-żgħar setgħu jitgħallmu d-duttrina u fl-istess ħin fejn iż-żagħżagħ setgħu jinġabru u jinżammu l-bogħod mill-perikli tal-ħajja, skont it-tagħlim ta’ San Ġwann Bosco.

    Għall-ewwel inkriet dar ċkejkna fi Triq San Girgor u d-Domus infetaħ uffiċċjalment fl-24 ta’ Frar 1912. Iżda aktar tard, fit-13 ta’ Diċembru tal-1920, ġie ffirmat il-kuntratt tal-akkwist ta’ dan il-palazz u d-Domus ġie trasferit għal dan il-post. Intant, madwar 40 sena wara, fl-eqqel tal-ġlieda politiko-reliġjuża, il-parteċipazzjoni fid-Domus min-naħa tat-tfal u ż-żagħżagħ bdiet tonqos ħafna u biex jerġgħu jiġbdu lura l-interess tagħhom, George Vella flimkien ma’ xi membri oħra, fosthom Generoso Vella u Joseph Turban, iddeċidew li minflok jagħtu r-rigali tal-Milied lit-tfal tal-membri, lill-abbatini, u lil dawk li kienu jattendu d-Domus minn ġewwa ċ-Ċentru bħas-soltu, huma kienu se jibgħatu lil Father Christmas idur madwar ir-raħal sabiex iqassam ir-rigali fid-djar tat-tfal stess, akkumpanjat mid-daqq tal-banda taż-Żejtun Boy Scouts.

    P1120394L-ewwel wieħed li messietu x-xorti li jilbes ta’ Father Christmas kien Joseph Mansueto li fl-1960 ħareġ fuq karru miġbud minn tractor armat b’żewġt iċriev kbar li kienu qed jiġbdu warajhom żlitta kbira ħamra mimlija bir-rigali u mdawwra bi qniepen elettriċi. Din l-idea mal-ewwel intlaqgħat tajjeb kemm mit-tfal u kif ukoll mill-membri tad-Domus u wkoll mill-ġenituri tat-tfal. Infatti minn dik is-sena ‘l hemm, il-membri tad-Domus u t-tfal kienu jibdew jaħdmu fuq dan il-karru minn xi xahar qabel, peress li kull sena l-forma tiegħu kienet tinbidel. Fost il-forom użati nsibu sputnik, rocket spazjali, ferrovija, żlitta miġbuda miċ-ċriev, żwiemel ħajjin eċċ.

    Maż-żmien tant ħadet din id-drawwa, li biex tkun tista’ tilqa’ t-talba biex jitqassmu r-rigali kollha fl-istess ħin kellhom joħorġu tnejn min-nies lebsin ta’ Father Christmas. Huwa interessanti li wieħed ikun jaf li meta wieħed kien jintagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas għal waqt din l-attività, dan kien jitqies bħala unur kbir peress li l-individwu magħżul kien ikun dak li ta l-akbar kontribut lid-Domus matul dik is-sena. Ftit ftit il-kelma ġriet u d-Domus taż-Żejtun beda jirċievi talbiet anki minn inħawi oħra f’Malta sabiex il-Father Christmas bil-karru tiegħu flimkien mal-banda tal-Boy Scouts imorru jferrħu u jqassmu r-rigali anki lit-tfal t’hemmhekk. Naturalment, ma damux ma nibtu attivitajiet bħal dawn mal-inħawi kollha tal-gżejjer tagħna, tant li din id-drawwa għadha għaddejjha fostna sa llum.

    P1120380It-tieni ġrajja li rrakkuntali George Vella seħħet fit-23 ta’ Diċembru 1963 meta wara talba li saret mid-Domus, id-dipartiment tar-relazzjonijiet pubblici tal-Hafmed NATO kienu rregalaw lill-poplu Żejtuni siġra kbira tal-Milied twila madwar 30 pied li nġiebet apposta min-Norvegja u tpoġġiet fi Pjazza Diċembru 13 (qabel Pjazza Brittanika). Dakinhar saru festi kbar hekk kif madwar is-siġra mixgħula, inġabru għadd ta’ Żwieten u anki uffiċċjali għoljin tan-NATO flimkien mal-familji tagħhom. Wara li tkantaw xi għanjiet tal-Milied, intfiet il-pjazza kollha fid-dlam u f’ħin minnhom, Tony Mifsud, li għal dik is-sena kien intagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas, għamel daħla trijonfali liema bħalha, hekk kif wasal fuq żiemel abjad biex iqassam ir-rigali lit-tfal minn taħt din is-siġra kbira. Ċertament dan ukoll kien avveniment kbir għaż-Żejtun u dwaru kienu tkellmu l-gazzetti kollha ta’ Malta u kif ukoll il-mezzi tax-xandir.

    Iżda l-kbir kien għadu ġej għax it-tielet ġrajja li kellu lest għalija George kienet waħda tassew fantastika u stagħġibt mhux ftit kif jiena, bħala Żejtunija, qatt ma kont smajt biha qabel. Kollox beda waqt logħba table tennis, hekk kif Ltn. Commander Cliff Perry, R.N., b’ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kienu qed jagħmlu dawn il-membri tad-Domus biex joħorġu b’ideat ġodda, huwa offra ruħu biex jagħti sorpriża kbira lit-tfal taż-Żejtun. Din kienet tikkonsisti fl-opportunità li għal dik is-sena, il-Father Christmas tad-Domus seta’ jitwassal minnu permezz ta’ ħelikopter tar-Royal Navy. Naturalment, okkażżjoni unika bħal dik ma kienux ser jitilfuha u George flimkien ma’ sħabu, intefgħu jippjanaw din l-attività l-ġdida.

    P1120383Ħafna mill-anzjani Żwieten jiftakru lil dan il-ħelikopter itir fuq iż-Żejtun fil-ġranet ta’ qabel il-Milied tal-1964, fosthom Carmelo P Baldacchino, li għaddieli xi ritratti li ħa ħu Ġeorge stess, Johnny Vella, dakinhar li seħħet din l-avventura. B’għaġeb kbir tat-tfal tal-iskola l-ġdida primarja taż-Żejtun (magħrufa bħala Carlo Diacono) f’ħin minnhom jidher ħelikopter b’maskra kbira ta’ Father Christmas fuq il-buq tiegħu u mżejjen b’dawl ikkulurit, u wara li ttajjar ftit fuq l-iskola, huwa deher nieżel fil-bitħa mdaqqsa tagħha u minnu ħareġ il-Father Christmas biex iqassmilhom ir-rigali li kellu jistennewh fi żlitta fil-qrib.

    George jiftakar ċar li t-tfal tbellħu meta raw dan kollu jiġri quddiemhom u tgħidx xi fratterija qamet, kulħadd jiġri ‘l hemm u ‘l hawn biex jara x’qed jiġri u biex jaċċerta ruħu li kien ser jaqla’ rigal. Wara dan kollu, il-Father Christmas ta’ dik is-sena, Anthony Sinagra, rikeb ġewwa ż-żlitta tiegħu u erħielha jqassam ir-rigali madwar iż-Żejtun kollu. Sadanittant il-ħelikopter reġa’ ntrefa’ fis-smewwiet u minnu nxteħtu għadd ta’ bżieżaq fuq l-inħawi tal-iskola. Ftit wara, il-ħelikopter deher jieqaf mill-ġdid fl-ajru fuq l-istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun u hemm niżlet xita ta’ ħelu għat-tfal li kienu residenti f’dan il-post.

    George kien emozzjonat ħafna b’dawn il-memorji iżda meta rani daqstant interessata, ma damx ma beda jirrakkuntali dwar għadd ta’ ġrajjiet oħra hekk kif minn armarji, kxaxen u kaxxi, huwa beda joħroġ diversi tifkiriet ħalli jispjegali aħjar dwar dak li kien qiegħed ifehemni. Fosthom skoprejt li matul ħajtu huwa żar diversi postijiet madwar id-dinja minħabba x-xogħol tiegħu fejn anki hemm ma naqasx l-element tal-avventura. Kien ukoll kittieb u riċerkatur fejn fosthom huwa kien ġabar u ppubblika t-tagħrif tal-Pronostiku Malti għal 25 sena sħaħ.

    Ċertament laqgħat ma’ individwi bħal dawn juru biċ-ċar kemm niesna huma riżors importanti ta’ esperjenzi u informazzjoni li jistgħu jitfgħu dawl fuq is-soċjetà, il-kultura u l-istorja tagħna. Nistgħu ngħidu li bosta mid-djar tagħna jistgħu jiġu kkunsidrati bħala arkivji fihom infushom mibnija personalment b’dedikazzjoni kbira minn nies differenti, skont l-oqsma varji ta’ l-interessi tagħhom. Personalment nemmen li flimkien mal-istorja ġenerali, dawn il-ġabriet tat-tifkiriet imxerrda fost diversi familji, kapaċi jippreżentaw sfumaturi sinifikanti sabiex wieħed ikun jista’ jara stampa akbar ta’ ġrajjiet pajjiżna.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (it-8 Parti) tat-Torċa datata 22 ta’ Diċembru 2013)

    2013.12.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IR-RAKKONT TAL-AKBAR ĠRAJJA

    Anton Galea Skont W J Cameron “Kien hemm biss Milied wieħed…. il-bqija huma kollha anniversarji.”  U ħadd ma jista’ jlumu għax hekk hu. Forsi għalhekk li aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-sinifikat oriġinali tiegħu qiegħed dejjem kull ma jmur jintilef u jinbidel fit-tema ta’ festini u xalar. Madanakollu b’xorti tajba mhux kollox mitluf għax fil-qalba ta’ ċertu djar, wieħed għadu kapaċi jiltaqa’ mat-tifsira ġenwina tal-Milied. Infatti dil-ġimgħa hekk kif mort inżur il-kollezzjoni grandjuża tal-Milied ta’ Anton Galea fir-Rabat Għawdex skoprejt illi għalih il-Milied qatt ma jgħaddi peress li hu sab mezz kif jibqa’ jgħixu f’kull jum matul is-sena.

    “Il-Milied minn dejjem kont inħobbu imma nistqarr li qatt ma bsart li għad ikolli dil-kollezzjoni tant kbira! Però donni li b’xi mod antiċipajt li dawk il-pasturi sempliċi li kont nilgħab bihom meta kont żgħir, kellhom xi darba jfissru ħafna aktar għax dejjem bżajt għalihom u qatt ma kissirthom. Illum li għandi 76 sena, dawn il-pasturi huma prezzjużi ħafna għalija, anki jekk wiċċhom u surithom mhumiex daqshekk sbieħ. Imma huma jirrappreżentaw tfuliti u jqanqluli nostalġija kbira kull darba li nħares lejhom.”

    Ħafna minn dawn il-pasturi antiki huma miġbura ġewwa vetrini apposta fejn ġurnata wara l-oħra dawn ifakkru dil-ġrajja qaddisa. Fl-istess ħinIl-pasturi l-antiki huma wkoll rikordju tas-snajja’ Maltin.

    “L-ewwel pasturi tiegħi kienu tat-tafal. Kont xtrajthom mingħand Majsi Zahra li kien pasturar Għawdxi. Wara bosta snin magħluqin fil-kaxxi, darba minnhom iddeċidejt li nqabbad lil Toni Buhagiar minn Birżebbuġa biex jaħdimli presepju b’ambjent Għawdxi ħalli nkun nista’ npoġġiehom fih u b’hekk inkun nista’ ngawdihom matul is-sena kollha.”

    Iżda n-namra tant qawwija mal-ġrajja tal-Milied seħħet meta ħuħ Joseph Galea waqqaf il-grupp Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin.

    “Probabbilment ħija jħobbu ħafna aktar minni l-Milied għax kieku ma kienx jidħol għal biċċa xogħol bħal din. Stinka ħafna biex rawwem din l-għaqda u llum huwa kburi li hemm bosta membri mseħbinIl-presepju l-ġdid ta' dis-sena fiha li huma dilettanti kbar tal-Milied. Naturalment jiena kont wieħed minn tal-ewwel li sirt membru u hekk kif bdejt niġi espost għat-tagħlim ta’ ċerti nies tas-sengħa li ta’ kull sena jiġu juruna kif isir dax-xogħol konness mal-presepji u l-pasturi, bdejt nitħajjar immidd idejja jien ukoll f’dal-qasam. Barra minn hekk, bħala membru ta’ din l-għaqda, darba f’sena jkolli l-okkażjoni li nattendi għall-kungress li jsir l-Italja, filwaqt li kull erbgħa snin isir kungress internazzjonali f’Innsbruck fejn jinġabru għad ta’ dilettanti bħali tal-presepju. Waqt dawn il-mawriet nieħu ħafna ideat ġodda u nistħarreġ il-possibilità tal-użu ta’ materjali differenti minn dawk li aħna mdorrijin naħdmu bihom hawnhekk. Dawn l-esperjenzi jibqgħu stampati f’moħħi u nirritorna lura lejn pajjiżi kollni mħeġġeġ u mħajjar biex noħloq presepju ġdid. Finalment bl-iskop li jkolli biċċa xogħol ġdida x’nesebixxi kull sena fil-wirja li torganizza l-għaqda, sibt ruħi qed nibni presepju wara l-ieħor sakemm illum spiċċajt biex għandi kollezzjoni sħiħa.”

    Ta’ min jgħid li dawn il-mawriet f’pajjiżi oħra jservu wkoll sabiex Anton jaħtaf l-opportunità biex jgħarrex għal xi sett ta’ pasturi jew xi presepju interessanti ieħor x’iniżżel miegħu lejn Malta.

    “Ormaj għandi mijiet ta’ pasturi u presepji ta’ kull daqs, xorta u materjal. Ara, dan presepju tal-kartun li jmur lura għaż-żmien ta’ qabel it-tieni gwerra dinjija u kont Wieħed mill-presepji tal-kollezzjonixtrajtu mill-Amerika, filwaqt li dal-presepju ċkejken ġie maħdum mill-injam taż-żebbuġ u xtrajtu mill-Iżrael. Dan is-sett ta’ pasturi huwa tal-porċellana u ġibtu minn Lourdes, mentri dan il-presepju li hu maħdum mill-lava u hu mżejjen bil-pasturi tat-terracotta xtrajtu minn Catania. Dan is-sett imżejjen biż-żrar akkwistajtu minn Taranto u dan bil-pasturi mlibbsin huwa minn Napli.”

    Baqa’ għaddej ifehemni d-dettalji dwar din il-kollezzjoni fejn fosthom urini wkoll presepju tax-xemgħa, presepju maħdum f’bajda u tnejn oħra f’ġewża u f’lewża. Presepju ċkejken ieħor kien imqiegħed f’kaxxa tas-sulfarini, filwaqt li ieħor iċken kien imsawwar fir-resin u saħansitra kien hemm bżonn lenti biex tara s-sett ta’ tmien pasturi rqaq li kien mogħni bihom! Ovvjament kellu wkoll xogħolijiet lokali li kollha kellhom xi ġrajja interessanti marbuta magħhom.

    “Dal-presepju ċkejken tahuli Victor Darmanin mill-Kalkara u hu l-minjatura ta’ presepju akbar li ħadem lil xi klijent tiegħu. Dan sett ta’ pasturi li għaddhieli l-ħabib tiegħi Għawdxi Toni Portelli li Parti mill-kollezzjoni ta' Anton Galeasfortunatament m’għadux magħna. Kif qed tara, ma kienx laħaq żebagħhom kollha imma għalija dak hu l-preġju tagħhom għax hekk ifakkruni kif kien tahomli hu. Dan il-presepju huwa ta’ Mary Haber minn Raħal Ġdid u dan ta’ Jesmond Micallef minn Ħal-Qormi. Dawn t’hawn huma sett pasturi għal qalbi ħafna għax kien għamilhom pazjent li kien jinsab fi sptar mentali. Niftakar darba kont mort inżur lil xi ħadd hemmhekk u nara lil dan l-individwu jħokk xi ġebel mal-ħajt. Intbaħt li peress li ma setax ikollu strumenti, kien qed jagħmel hekk biex jagħtihom il-forma u mbagħad permezz ta’ musmar kien ikompli jigref il-fattizzi tal-pasturi.”

    Aktar ma bdejt nisma’ dwar dan id-delizzju, stajt nagħraf li fir-realtà dan kellu bosta saffi ta’ sinifikati: fosthom biex iservi ħalli jgħaqqad il-kulturi u d-drawwiet ta’ pajjiżi differenti.

    “Mhux darba u tnejn li nistiednu lil xi dilettanti barranin f’pajjiżna sabiex anki huma jintroduċu ruħhom max-xogħol tagħna. Il-presepju Malti għandu numru ta’ karatteristiċi tiegħu bħall-użu tal-imtieħen tar-riħ u anki ċertu forom ta’ djar bħal per eżempju fl-istil Għawdxi ġieli ninkludu l-galleriji antiki li Għawdex hu magħruf ħafna għalihom. Imbagħad hemm ukoll pasturi partikolari li ma ssibhomx fi presepji barranin bħal ngħidu aħna x-xabbatur, l-imgħaġġeb, l-adoratur, id-daqqaqa u l-bejjiegħa lokali u x-xrik (li jkunu żewġ pasturi mgħannqin flimkien). Uħud minn dawn il-pasturi jinbiegħu wkoll bl-ilbies tradizzjonali tagħhom u dawn huma mfittxija ħafna mill-barranin.”

    Intant min-naħa tiegħu Anton irnexxielu jadotta s-sengħa tad-dijorama; fejn presepju jkun mibni bħallikieku kien sett fuq palk u allura jkollu l-perspettiva ta’ dak li hu viċin u dak li hu bogħod.

    “Meta waqaft mix-xogħol li kelli bħala għalliem tal-arti għax ħriġt bil-pensjoni, stajt niddedika aktar ħin għal dan id-delizzju. Ftit ftit bnejt sett ta’ sebgħa episodji li juru l-fażijiet differenti li wasslu għat-Id-dijorama tat-twelidtwelid tal-Bambin. L-ewwel dijorama li għamilt kienet turi t-twelid innifsu u personalment nemmen li hija waħda mill-aqwa xogħolijiet li qatt għamilt. L-għan prinċipali tad-dijorama huwa li jagħti sfond lix-xena u allura n-naħa ta’ wara tagħha ma tkunx kwadra imma fit-tundjatura, kemm biex ma toħloqx dellijiet u anki biex tagħti l-impressjoni tal-wisgħa. Apparti x-xogħol dettaljat li fihom biex toħloq ix-xena nnifisha, dawn id-dijorami jkunu qed jaħbu fis-saqaf tagħhom il-bozoz, il-wires u l-extractor biex jagħtu dehra sabiħa u raffinata. Barra minn hekk il-kuluri nfushom ikunu qed inisslu l-karattru tal-istorja bħal ngħidu aħna għat-tħabbira tal-Madonna għażilt il-kulur bajdani, filwaqt li ż-żjara għand Eliżabetta hija aktar ħamranija biex tagħti l-aspett ta’ nżul ix-xemx. Meta l-koppja marret tinkiteb għaċ-ċensiment il-kulur huwa aktar naturali imma mbagħad meta l-koppja kienet qed tfittex lukanda l-kulur huwa ikħal skur għax kien dieħel il-lejl.”

    Sibt li l-kollezzjoni ta’ Anton kienet ħafna akbar milli tani x’nifhem għax ma riedet tispiċċa qatt! Infatti biex idaħħal il-kollezzjoni kollha huwa qiegħed ftit ftit jimla l-kmamar tad-dar kollha u s’issa rnexxielu anki jinżel mal-ħajt tat-taraġ bil-vetrini tiegħu, kollha magħluqin wara l-ħġieġ u mgħottija b’purtieri tad-drapp biex ix-xogħolijiet jitħarsu mill-ħsara tad-dawl.

    “Dis-sena ma kellix aktar post fejn inpoġġi l-oġġetti li kont xtrajt. Għalhekk ordnajt dawn il-vetrini li hawn fit-taraġ u sakemm il-mara marret qadja ta’ nofs ta’ nhar, waħħalthom malajr u sabithom lesti hawn. Ma tantx ħadet gost bija u kelli nwegħedha li mhux se nkompli ninżel aktar ‘l isfel!”

    Imma x’inhi dil-passjoni li ġġiegħel lill-kollezzjonist jibqa’ jixtri presepju wara l-ieħor li wara kollox qed jirrakkuntaw l-istess ġrajja?

    “Għadilli tassew kollha juru l-istess xeni, fil-kumplessità u fit-totalità tagħhom ta’ tqassim, materjal, pasturi u kuluri, kollha jkollhom dak il-karattru partikolari li jiddistingwihom minn xulxin. Għalija dinIl-kollezzjoni tal-pasturi il-kollezzjoni hija ħajti u sserraħħni ħafna bħala delizzju. Meta nkun qiegħed fil-kamra tax-xogħol qed noħloq xi ħaġa ġdida biex inżid magħha, inħoss serenità kbira f’qalbi. Nittama li meta jiġi ż-żmien li din il-kollezzjoni tgħaddi f’idejn oħra, din tibqa’ apprezzata u maħbuba bħal kif dejjem żammejtha jien. Nixtieq ħafna li ma tispiċċax miegħi u li għand min issib ruħha jagħraf l-imħabba u d-dedikazzjoni li ssawret bihom.”

    Tiskanta l-ideat li jiġu f’moħħ l-artist kultant! F’naħa minnhom, Anton urieni presepju li hu fforma ġewwa nkwatru li hu u martu kienu qalgħu fit-tieġ. Imma xejn ma mpressjonani daqs il-presepju li hu rnexxielu jarma ġewwa l-ewwel sett tat-TV li kellu!

    “Moħħi l-ħin kollu għaddej fuq dawn l-affarijiet, tant li anki jekk inkun inkwetat fuq xi ħaġa, ngħid ħa naħseb fuq xi oġġett li nista’ nagħmel dal-Milied u b’hekk ninsa l-Presepju fis-silġproblemi kollha. Darba minnhom wara li ġejna mill-Ġermanja, iddeċidejt li noħloq presepju mhux tas-soltu fejn ix-xena tat-twelid ambjentajta ġo dar tal-injam imdawwra bis-silġ. Darb’oħra waqt li kont għaddej f’park fi Vjenna, sibt biċċa zokk interessanti u ġibtu miegħi sakemm finalment akkwistajt pasturi żgħar minn Napli li stajt nirranġah bihom. Għall-kuntrarju, ġurnata oħra xtrajt sett ta’ pasturi tal-ħġieġ minn Venezja biex imbagħad bnejtilhom sfond bil-ħġieġ ikkulurit li ġbart minn fuq ir-ramel tax-xtajtiet tagħna.”

    Emmnuni, kelli bżonn is-siegħat biex nara l-kollezzjoni kollha. Fosthom Anton kellu bambin iswed maħdum bix-xemgħa li probabbilment jgħodd il-250 sena. L-aktar presepju għal qalbu huwa dak li għamlitlu n-neputija tiegħu Hilda meta kellha sitt snin. U bħalissa jinsab kuntent ferm bl-aħħar presepju li ħadem fuqu biex jesponih għal-wirja ta’ din is-sena.

    “Fir-realtà jiena ngħix il-Milied is-sena kollha għax il-ħin kollu għaddej nara x’ser nivvinta biex naħdem għal din il-festa li hija tant għal qalbi. Meta nħares lura lejn ix-xogħol, l-impenn u l-investiment li Id-dijorama tat-tħabbiraddedikajt għal din il-kollezzjoni ma jiddispaċini xejn għax naf sewwa li min-naħa tagħha hi tatni u għadha tagħtini ħafna ferħ lura. Fosthom tgħini nġedded il-memorji ta’ meta bħala tfajjel ċkejken kont nistenna b’tant ħerqa l-ġranet tal-Milied sabiex noqgħod nilgħab bil-presepju u bil-pasturi. Għalija dak hu l-Milied: is-serenità li kapaċi jwassal presepju fis-sempliċità tiegħu hekk kif jirrakkonta l-akbar ġrajja li qatt rat id-dinja!”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 ta’ Diċembru 2011)

    2011.12.11 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • JISTA’ Ż-ŻMIEN JITREĠĠA’ LURA?

    Kultant l-attitudni ta’ binti lejn il-ħajja ġġiegħlni nħares lura lejn il-passat tiegħi sabiex nikkompara ħajti ma’ tagħha. Xi drabi ninħasad bid-differenza għax inħoss l-Pawlu Muscatimpressjoni li għaddew ħafna aktar snin milli naħseb jien. F’waqtiet oħra nitbissem meta nara s-similarità li donnu b’xi mod jew ieħor kull bniedem irid jgħix. Jiġu wkoll ġranet meta ngħir għaliha għax l-opportunitajiet li jeżistu llum, lanqas biss qatt ħlomt bihom meta kont tifla jien. Imma mbagħad niftakar ukoll ċertu affarijiet, li għalkemm sempliċi, ta’ tfal li konna, kienu jagħtuna ferm gost – affarijiet li llum posthom ittieħed minn għadd ta’ logħob elettroniku. Dan ikkonfermahuli Pawlu Muscat meta ltqajt miegħu għall-intervista ta’ dil-ġimgħa fejn hu sostna li l-maġġoranza ta’ dawk li jersqu biex jixtru l-vari u l-pasturi tiegħu, bosta drabi jkunu adulti u mhux tfal, kif forsi wieħed jista’ jaħseb.

    “Illum it-tfal, kompjuters biss jaraw. Dawn l-affarijiet ftit li xejn jagħtu kashom u għalhekk sfortunatament nibża’ illi jekk nibqgħu sejrin hekk, għad jiġi żmien meta ma jifdal ħadd li jibqa’ jagħmel dan ix-xogħol. Infatti għal numru ta’ snin, din is-sengħa kienet għoddha spiċċat u mkien ma kont issib tixtri ċertu affarijiet maħduma f’pajjiżna, bħal ngħidu aħna armar ċkejken biex iżejjnu l-mudelli tal-knejjes jew pasturi fi stil Malti.”

    Pawlu minn dejjem kien affaxxinat b’dan id-delizzju.

    “Meta kelli madwar erbgħa snin, morna noqogħdu fi Triq il-Kbira f’Birkirkara. Hemmhekk kien hemm id-drawwa li jarmaw għall-festa bil-lejl u jien niftakarni noqogħod lejl Immaġni fi platt tas-smidsħiħ fil-gallarija flimkien m’ommi biex noqgħod nosservahom jarmaw il-pavaljuni tal-karti. Ta’ xi tmien snin bdejt immur il-maħżen tal-għaqda tal-armar fejn kont noqgħod nifli x’inhu jsir u kultant nagħti daqqa t’id u niżbogħ xi ħaġa żgħira. Imbagħad ta’ xi tnax il-sena dħalt bħala fratell mal-fratellanza tas-sagrament.

    Ta’ erbatax il-sena qlajt l-ewwel sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira mingħand iz-ziju u minn hemm nibet l-interess tiegħi f’dan il-qasam. Niftakar li darba minnhom kelli pastur u ddeċidejt li nibdlu f’Santa Liena. Għalhekk qbadt naqra plasticine u żid minn hemm u naqqas minn hawn, iffurmajtu fi statwa tagħha kif kont naf jien. Għamiltilha wkoll kuruna fuq rasha li tinqala’ u min jaf kemm lagħabna biha taparsi qed ninkurunawha fil-festa.”

    Din l-istatwa ċkejkna ta’ Santa Liena kienet merfugħa ġo armarju flimkien ma’ għadd ta’ statwi oħra li Pawlu bi kburija kbira jirreferi għalihom bħala ‘il-kollezzjoni tiegħi’.

    “Għall-ewwel kont noqgħod nesperimenta hekk, billi nifred partijiet tal-ġisem minn vari u pasturi differenti u nibdilhom f’xi personaġġ ieħor li nkun nixtieq jien. Eventwalment bdejt nipprova nagħmel il-pasturi tat-tafal tiegħi u għalkemm ovvjament tal-ewwel kienu ta’ kwalità fqira, ftit ftit bdejt inrawwem lili nnifsi f’din is-sengħa. Bdejt bil-fratelli u mbagħad komplejt inżid wieħed wara l-ieħor. Għamilt madwar għaxar snin naħdimhom u għalhekk huma għal qalbi ferm.”

    Tant hu hekk illi meta darba kien qed jipparteċipa f’wirja u turista insistiet biex tixtri ammont minnhom, hu m’aċċetta bl-ebda mod.

    “Ma tarax! Ma nasal qatt biex inbiegħhom għax dawk għamilthom għalija. Veru li nista’ nagħmel oħrajn bħalhom imma l-ewwel nett, dawn ifakkruni f’meta kont għadni nibda u barra minn hekk, tant jienVara mill-kollezzjoni ta' Pawlu Muscat imħabbat bħalissa, illi kieku kelli nbiegħhom, żgur li nsibha diffiċli biex insib iċ-ċans li noqgħod nerġa’ nagħmel bħalhom.”

    Fl-aħħar irnexxieli nsib raġel li kellu xi ħaġa marbuta ma’ qalbu tant li ma kienx jeżisti prezz għaliha! Min-naħa l-oħra, l-insistenza tan-nies biex tixtri x-xogħol tiegħu, finalment ħajritu biex jibda jaħdem xi ftit pasturi u vari għall-bejgħ.

    “Kont qed nipparteċipa f’Casal Fornaro f’Ħal-Qormi fejn qgħadt nuri lill-pubbliku kif isiru l-pasturi u l-vari. Bla ma naf kif, sibt ruħi bin-nies jordnawli x-xogħol u minn hemm bin-naqra n-naqra spiċċajt inbiegħ anki lil tal-ħwienet.”

    Għax ta’ min isemmi illi Pawlu iddeċieda li jaqbad linja partikolari meta ntefa’ għal din is-sengħa…

    “Minn dejjem kelli x-xewqa li nerġa’ nagħti l-ħajja lit-tradizzjoni tal-pasturi. Għaldaqstant, wara li għamilt ftit riċerka dwar x’tip ta’ pasturi kienu jinħadmu fl-antik u anki dwar kif kienu jgħixu l-Maltin ta’ Tal-pastizziqabilna, intfajt naħdem il-pasturi tipiċi Maltin. Dan ifisser illi l-pasturi tiegħi mhux biss jikkonsistu f’personaġġi tradizzjonali Maltin imma anki huma maħduma bi stil ftit li xejn irfinut, proprju kif kienu l-pasturi oriġinali ta’ pajjiżna.

    Għal madwar tletin sena, ma kont issibhom imkien pasturi bħal dawn u għalhekk inħossni kburi ħafna li rnexxieli nerġa’ ndaħħalhom fis-suq. Ormaj hemm numru sabiħ minnhom kif tista’ tara – tat-tanbur, tal-għonnella, tal-pastizzi, tal-qagħaq tal-għasel, l-għannejja tax-xriek, il-kebbies tal-fanali…. U kull sena qbadt id-drawwa li nżid xi personaġġi oħra.”

    Ippustjati wieħed wieħed ħdejn xulxin f’kontenitur apposta kien hemm għadd ta’ pasturi li kienu qed jitlestew għall-Milied li ġej. Biswithom kien hemm ukoll xi vari qed jinħadmu għall-Ġimgħa l-Kbira.

    “Hawnhekk il-ħin kollu sejjer. Xi ftit tas-snin ilu naqasli ħafna x-xogħol tiegħi bħala electrician u għalhekk iddeċidejt li niddedika l-ħin li sibt fuq idejja biex naħdem dawn l-affarijiet. Ftit ftit spiċċajt daħħalt il-membri kollha tal-familja tiegħi f’dan il-qasam, tant li f’ċerti perjodi nkunu għaddejjin qisna fabbrika.”

    Fil-fatt bintu Elena ttieħdet mhux ftit min-namra ta’ missierha biex jaħdem il-pasturi, filwaqt li ibnu Andreas u martu Terry jgħinuh iżejjen il-platti tas-smid u r-ross li huma tant popolari fil-perjodu tal-Ġimgħa l-Kbira.

    “Kollha kemm aħna inzertajna għandna talent sabiħ u sikwit nintefgħu naħdmu flimkien fil-għaxijiet, bosta drabi biex niżbgħu x-xogħol tat-tafal li nkun ippreparajt minn xi ġranet qabel. Għal daż-żmienPlatt tas-smid maħruġ il-barra nagħmlu wkoll il-platti u l-kwadri tas-smid u r-ross li jintogħġbu ħafna mill-pubbliku. Bla dubju, dax-xogħol jeħdilna ħafna ħin – l-akbar kwadru li ħdimna s’issa kellu l-qies ta’16 il-pied b’10 u kien jirrappreżenta l-ġudizzju universali ta’ Michelangelo li jinsab fil-Kappella Sistina u li ħadli ħames ġimgħat biex lestejtu. Però meta d-delizzju jkun fik, il-ħin ma tarahx u tagħmel kollox bil-galbu u bil-qalb.”

    Billi l-kamra li jaħdem fiha Pawlu mhiex ta’ xi daqs enormi, skantani kemm beda joħroġ u jurini oġġetti! Kellu kollox merfugħ f’kaxxi apposta, kollha mmarkati sewwa b’dak li kienu qed jerfgħu ġo fihom. Fosthom, numru ta’ kaxxi kellhom fihom 650 statwa li flimkien kienu jiffurmaw purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira twila madwar 40 metru!

    “L-ewwel bdejt b’purċissjonijiet ferm iżgħar imma meta bdiet toqrob is-sena 2000, xtaqt naħdem xi ħaġa oriġinali, li ma kienx hawn bħalha. Ta’ kull sena, aħna nħobbuGfriday. Imnarja 014 mmorru naraw il-purċissjonijiet li jsiru f’lokalitajiet differenti f’Malta u għalhekk kelli idea tajba ta’ x’kien meħtieġ. Barra minn hekk għamilt daqsxejn riċerka dwar il-purċissjonijiet kollha ta’ Malta fejn identifikajt l-aktar personaġġi li veru għandhom x’jaqsmu mal-istorja tal-Ġimgħa l-Kbira. B’dan il-ħsieb f’moħħi, fassalt pjan ċar ta’ x’ridt nagħmel, fejn kull personaġġ kellu l-post tiegħu partikolari. Inkludejt kollox fosthom il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, ir-reffiegħa, dawk li jiġbru bil-kopp, żewġ baned, il-pulizija tat-traffiku… insomma hemm kulħadd! Għamilt ħames siegħat kuljum għal sentejn sħaħ naħdem fuqha sakemm finalment fis-sena 2000 armajtha fiċ-ċentru parrokkjali f’isem is-Soċjetà Dun Filippu Borgia f’B’Kara.”

    Madanakollu, proprju minħabba l-kobor tagħha, dil-purċissjoni damet magħluqa għal disgħa snin sħaħ fil-kaxxi, sakemm darba minnhom ix-xorti daħkitilha bil-kbir għax spiċċat intramat fil-Palazz tal-President f’Sant’Anton!

    “Apprezzajt ħafna l-ġest ta’ fiduċja li wera miegħi l-President George Abela. Kollox beda waqt il-wirja taċ-ċitru li saret fl-istess palazz, fejn Terry ġietha l-idea li ntellgħu wirja tal-Ġimgħa l-Kbira b’din il-Vara tat-tafal l-abjadpurċissjoni tagħna u permezz tagħha niġbru fondi għall-Community Chest Fund. Fi ftit ġranet il-President laqa’ il-proposta tagħna, stedinni fil-palazz u flimkien iddeċidejna li ntellgħu din il-wirja fir-Russian Chapel. Ġew madwar 10,000 persuna jarawha u rnexxielna niġbru somma żgħira li stajna ngħaddu lill-President.”

    Iżda dakinhar Pawlu kiser il-wegħda li għamel miegħu nnifsu…

    “Iva u minn qalbi! Għal dik il-wirja, minbarra l-purċissjoni, tellgħajt ukoll sett ta’ vari mill-kollezzjoni tiegħi li kont ħallejt fuq l-istil naturali tat-tafal bajdani. Nistqarr li dak is-sett kien l-aktar ħaġa għażiża li kelli fil-kollezzjoni tiegħi għax kien ħadli ħafna xogħol biex għamiltu. Imma tant ħassejtni grat lejn il-President għall-unur u l-fiduċja li kien tani, li meta rajtu japprezzahom, iddeċidejt li nagħtihomlu u llum ix-xogħol tiegħi jinsab fil-palazz tiegħu.”

    Pawlu kompla jurini aktar xogħol minn tiegħu u fosthom għaraft li kien qed jaħdem oġġetti ċkejknin tat-tafal li bihom iżejjnu l-mudelli tal-knejjes.

    “Ftit ilu, ħanut fil-Belt li jbiegħ dawn l-affarijiet, ġietu l-idea li nibda naħdimlu xi ornamenti żgħar għad-dilettanti tal-mudelli tal-knejjes. Anki dawn kienu nqatgħu għal kollox f’Malta u għalhekk aktarOrnamenti għall-mudelli tal-knejjes dħaltlu bil-qalb proġett bħal dan. Bdejt billi tani xi kampjuni antiki ħalli nkun nista’ noħloq kopji bħalhom. Imbagħad bil-mod komplejt nevolvi l-ideat u l-istili.

    Anki jiena għandi mudell ta’ kappella żgħira u għalkemm mhiex irfinuta ħafna, għandi biżżejjed ornamenti biex narmaha kull ġimgħa b’xi ħaġa ġdida. Imma sfortunatament ħin għaliha m’għandix.”

    U nemmnu! Għax jien li kont qed nara biss, bilkemm stajt insib irkaptu ta’ dak kollu li kellu.

    “Jien hemm moħħi l-ħin kollu…. kif ser noħloq xi ħaġa ġdida. Darba minnhom, per eżempju, intbaħna li ma kellnix biex inżejjnu l-mejda tal-platti tas-smid u għalhekk ġieni f’moħħi li naqbad kwalitajiet ta’ għaġin differenti, inwaħħalhom flimkien f’forom varji u niżbogħhom kulur id-deheb. Ara, x’taħseb?”

    Tani f’idi kalċi mill-isbaħ illi kieku ma spjegalix minn xhiex kien maħdum, lanqas kont ninduna waħdi. Barra minn hekk, maħduma bl-istess mod kellu wkoll salib u xi Kalċi maħdum bl-għaġingandlieri li ċertament l-inġenjożità tagħhom tikkonferma l-kreattività ta’ Pawlu.

    “Għal kollox insib użu u bosta affarijiet jispirawni. Ngħidu aħna din il-minjatura tal-kamra tan-nar mgħammra b’murtali ta’ daqs differenti, kont ħdimtha wara li għamilt xi żmien nagħti daqqa t’id fix-xogħol ta’ kamra tan-nar. Waqaft meta bdejt noħroġ mal-mara għax ma xtaqtx nilgħab aktar mal-periklu.”

    Għas-sajf jaħdem il-pavaljuni, filwaqt li dis-sena beda jagħmel ukoll il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira fuq xi ordnijiet. Ftit ftit minn sempliċi dilettant, Pawlu irnexxielu jintroduċi s-sengħa tiegħu f’diversi oqsma tant li llum ix-xogħol tiegħu huwa mfittex ħafna.

    “Ngħidlek is-sew, imn’Alla timbuttani marti għax kultant għandi ħabta noqgħod lura. Imma hi tinkoraġġini biex inkompli u spiss tagħtini daqqa t’id biex inlaħħaq mad-domanda li jkolli. Anki hi għandha ħafna għal qalbha l-kultura Maltija u infatti għandha programm fuq ir-radju ta’ Birkirkara 94.5fm bl-isem ‘Ftit minn kollox’.

    Personalment l-iskop finali tiegħi dejjem kien li nerġa’ nrawwem dawn id-delizzji tas-snajja’ Maltin u nittama li aktar il-quddiem ikolli x-xorti nara dawn it-tradizzjonijiet jerġgħu jieħdu r-ruħ mill-ġdid.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Marzu 2011)

    2011.03.27 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-MILIED IT-TAJJEB

    Il-Milied reġa’ għoddu magħna u n-nies erħilha tfittex ir-rigali, torganizza l-ikliet, tibbukkja r-ristoranti u l-lukandi u saħansitra tippjana xi safra speċjali. Ironikament it-Ġesù Bambintwelid ta’ Kristu ma jidħol imkien f’dan kollu. U kważi kważi, jekk tazzarda tammetti ma’ xi ħadd li tixtieq tattendi għall-quddiesa ta’ nofs il-lejl, il-ħars li taqla’ lura jasal biex jaqtagħlek qalbek. Forsi għalhekk inħoss dik iċ-ċertu bruda għal dawn il-ġranet għax l-artifiċjalità f’daż-żmien tibda tmissha b’idejk. Sa mn’Alla li jkunu t-tfal li bl-innoċenza tagħhom iqanqluk biex tipparteċipa fil-ferħ tal-okkażżjoni. Iżda xi drabi tkun iffortunata u tiltaqa’ ma’ xi ħadd li b’mod ġenwin jerġa’ jfakkrek f’dik il-ħlewwa tal-Milied li xi darba kienet tfawwarlek qalbek.

    Hekk ġara dil-ġimgħa meta mort inżur lil-familja Psaila. Skont ħija Christopher, ħabibu Tony Psaila kien iffissat fuq daż-żmien, tant li kull sena huwa jittrasforma d-dar tiegħu f’tema sħiħa tal-Milied. Tony laqa’ bil-qalb l-istedina għal din l-intervista u flimkien mal-familja tiegħu ħa gost idawwarni ma’ daru u jispjegali dwar din l-imħabba speċjali li jħoss lejn il-Milied.

    “Id-dar jisimha Weihnaehten li tfisser Milied bil-Ġermaniż,” beda mill-ewwel Tony.

    Stedinni ġewwa u hekk kif irfist fuq it-tapit ta’ wara l-bieb, dan beda jgħannili “Il-Milied it-Tajjeb!” Ma stajtx nifhem għall-ewwel minn fejn kienXena taħt is-siġra tal-Milied ġej dal-ħoss u Tony tgħidx kemm daħak. Imma mhux hu biss għax wara ftit ilmaħt lil uliedu Shania u Elisa jitbissmu u jnemmsu minn wara l-poġġaman tat-taraġ.

    “Dawn ukoll iħobbuh il-Milied taf. Imma mhux daqsi!” qalli Tony hekk kif uliedu għamlu naqra aktar kuraġġ u niżlu ħdejna.

    Fl-entrata tfaċċat l-ewwel xena bit-tren u s-snowman. Quddiem mera mżejjna sabiħ bil-girlandi kien hemm bambin ċkejken filwaqt li mal-ħitan li jagħtu għal fuq, kien hemm dekorazzjonijiet kbar mixgħula.

    “Ħares fuq rasek. Ara x’hemm fis-saqaf!” indikali Tony hekk kif urini stampi kkuluriti proġettati fuq is-saqaf ta’ fuq.“Stenna naqra ħa tarahom jinbidlu. Kull 25 sekonda tiġi stampa oħra. Imma dik mhux xi battikata kbira biex tagħmilha. Din l-agħar, ara, il-girlanda li ndawwar mal-poġġaman tat-taraġ kollu. Inwaħħalha biċċa biċċa u tgħidx x’kedda tagħtini!”

    Tlajna fuq u mill-ewwel dehru aktar tiżjin u dekorazzjonijiet tal-Milied. F’kantuniera minnhom, fostom kien hemm Father Xmas mekkanizzat li kellu l-Pinokkjo mdendel Tiżjin tal-Miliedf’idejh u teddybear żgħir marbut ma’ qaddu.

    “Il-Father Xmas inħobbu ħafna u fil-fatt tgħidx x’għandi iktar hawn ġew. Jien ngħidlu x-Xiħ tal-Milied. Għalija hu simbolu ta’ ferħ għax iġib ir-rigali. Ngħid għalija fil-Milied bħala rigal aħjar tagħtini xi Father Xmas taż-€2 milli xi flok sabiħ tal-€50. Hekk, ma nafx x’inħoss. Il-Milied qiegħed f’qalbi wisq.”

    Infatti stajt issib kull tip ta’ Father Xmas madwar id-dar kollha fostom wieħed ipejjep il-pipa, l-ieħor ikanta xi għanja tal-Milied u l-ieħor imexxi ċerva mill-isbaħ quddiemu taħt siġra kbira tal-Milied.

    “Xi darba dis-siġra kienet iddur imma daqs kemm għabbejtha b’dekorazzjonijiet, ma felħitx aktar. Għalhekk ħadtilha ż-żewġ muturi u waħħalthom ma’ dawk iż-żewġ figurini li qed tara jiċċaqalqu.

    Minflok issa s-siġra għandha tren iddur magħha. Kont ilni nixtieq nagħmel tren mekkanizzata taħt is-siġra tal-Milied għax naraha assoċċjata ħafna ma’ daż-żmien tal-kesħa u s-silġ. Imma eventwalment It-tren iddur mas-siġra tal-Miliedirnexxieli nsib waħda aħjar minn hekk għax tassew togħġobni din l-idea tat-tren iddur mas-siġra.”

    Fl-isfond tal-mużika tal-Milied għaddejja ddoqq ħelu ħelu, ntlift nifli l-varjetà ta’ dekorazzjonijiet li kellu mwaħħlin mas-siġra. Staqsejtu jafx kemm għandu b’kollox?

    “Daqsxejn diffiċli biex ngħoddhom għax dejjem inżid xi ħaġa, bħal dal-ballun tal-antaċċjoli li ħadmet Shania. Iżda wħud mill-aċċessorji huma antiki ferm. Jiftakru lil missieri tifel u allura jgħoddu mas-70 sena. Tlett kwarti tat-tiżjin hu magħmul mill-ħġieġ u allura noqgħod b’seba’ għajnejn biex ħadd ma jersaqli lejhom. Fil-fatt fil-bidu, il-mara tiegħi Belinja kienet tgħini narma d-dekorazzjonijiet fis-siġra sakemm darba kissritli għasfur minnhom li kien memorja ta’ missieri u daqshekk għamlet tirranġaha.”

    Belinja li issa kienet ngħaqdet magħna għolliet għajnejha ‘l fuq. Għax Tony metikoluż mhux ħażin u kuntent idum jitħabat biex jirranġa u jagħmel dak kollu li hemm bżonnDekorazzjonijiet tal-Milied waħdu, milli jħalli lil xi ħadd imisslu l-affarijiet.

    “Missieri bħali eżatt kien. Il-Milied kien għal qalbu ħafna u sa minn ċkuniti niftakru dejjem iżejjen f’dal-ġranet. Ta’ tfal li kont, mhux darba u tnejn li kont immur nipprova naqbadlu xi ballun mis-siġra. U hu kien jibgħatni għand ommi u jgħidli biex inħallih bi kwietu jarma u mbagħad nerġa’ mmur meta jlesti.”

    “Jien inkun nixtieq ngħinu lill-papà,” qaltli Shania. “Wara li nlesti l-homework ġieli mmur ħdejħ u hu kultannt iħallini nirranġalu xi ħaġa fis-siġra tal-Milied. Imma daqs kemm jibda jħares lejja biex jara x’jiena nagħmel, inħossni nibża’ naqra.”

    Ħafna mill-oġġetti tal-Milied li kienu qed iżejjnu d-dar kienu jagħmlu xi ħaġa jew oħra. B’ċapċipa ħafifa, waħda miċ-ċriev li kienet mistrieħa komda fuq is-salott, dlonk qamet Pupa ornamentalitiżfen u tkanta. Tony beda jieħu pjaċir iħaddimhom kollha biex narahom sew.

    “Ta’ kull sena, meta jgħaddi kollox, inkebbeb dawn l-affarijiet kollha b’reqqa kbira bit-tama li ma nsibx ħsarat is-sena ta’ wara. Imma tiskanta xorta tmurlek xi ħaġa jew oħra. Ara dik it-tren u dak is-snowman li hemm mal-ħajt. Lanqas temmen! It-tnejn waqfu jaħdmu dal-għodu. Iktar ma xtaqtek tara kemm kienu sbieħ.”

    Id-dispjaċir sinċier ta’ Tony impressjonani għax għalkemm kellu d-dar kollha qed tixgħel u taħdem b’mitt ħaġa, dawn iż-żewġ oġġetti li waqfu kienu qed jagħtuh wisq ġewwa.

    “Il-ħsara ma niflaħx għaliha! Xi żmien ilu għamel qabda maltemp, daħalli l-ilma fid-dar u xxarbuli salt kaxxi u kostumi tal-pasturi. Marruli anki xi transformers u ċertu oġġetti ma baqgħux jaħdmu aktar. Il-biki jagħtini meta niftakar.”

    Issa sibna ruħna quddiem Ġesù tarbija mħares sewwa minn anġlu mill-ifjen u mgeddes qalb ġulbiena bajdanija u goffa. Dik il-ġulbiena kif kibret daqshekk diġà?

    “Eh dik id-drawwa li għallmitni ommi Catherine. Dis-sena xtrajt kilo ġulbiena u qsamtu fi tnejn. Nofs minnu xarrabtu u ħallejtu jumejn ġo kontenitur. Imbagħad żrajt iż-żerriegħa fit-tajjar fl-24 ta’L-anġlu Novembru u sa llum sbieħet hekk. Imbagħad fit-8 ta’ Diċembru żrajt il-bqija ħalli hekk kif joqrob il-Milied nibdilha mal-ġulbiena l-oħra li tkun laħqet ħdaret u b’hekk il-Bambin dejjem ikollu ġulbiena bajda silġ quddiemu.”

    Presepju mdaqqas kien qed iżejjen il-bqija tal-kamra.

    “Dak il-presepju ħdimtu jien u t-tiben li qed tara ġo fih hija l-ġulbiena niexfa tas-sena l-oħra. Ix-xena li hemm fuq in-naħa ta’ wara tal-presepju kont xtrajtha lesta. Imma mbagħad qgħadt inqasqas il-bibien u t-twieqi kollha u waħħalt magħhom karti rqaq tat-tajr sofor u oranġjo taparsi hemm id-dawl ġewwa. Ejja ara x’effett jagħmlu kemm huwa sabiħ…innota, qed jidlam… u issa ser jisbaħ mill-ġdid.

    Il-pasturi jekk tinnota sewwa huma antiki. Kienu taz-zija u mbagħad spiċċaw għand ommi u din peress li taf kemm jien akkanit, tathom lili. U jien libbisthom b’dawk il-kostumi.”

    Tony mar jixgħel ir-rakkont tal-Milied ħalli jkompli joħloq l-atmosfera madwar il-presepju.

    “Qallek imma kif libbisha lill-Madonna?”daħlet tistaqsini Belinja. “Dak kien wasal żmien il-Milied u Tony ried ilibbes lilil-Madonna. Għand ommu lemaħ libsa blu mitluqa fuq siġġu u deherlu li  kienet Il-presepju famuża għal dak li kellu f’moħħu. Għalhekk ħadha miegħu, qattagħha u libbes lill-Madonna biha. Wara xi ġranet ġiet ommu u staqsietu jekk kienx ra l-libsa l-blu taz-zija għax kienet tagħtielha biex issewwihielha u ma setgħet issibha mkien!”

    “Bil-presepju għamilt żewġt ipraspar mhux ħażin,” ammetta Tony. “Ġurnata minnhom mort inqabbad id-dawl tiegħu għall-ewwel darba u spiċċajt qtajt id-dawl tat-triq kollha! Għamilna ġurnata u nofs bla dawl.”

    Inxtħetna nitkellmu flimkien u ma ridtx wisq biex inħossni parti minn dil-familja tant grazzjuża. Qatgħatilna d-diskors il-bikja ta’ Ġesù Bambin hekk kif twieled fl-għar tal-annimali u għal mument waqa’ s-skiet u fostna nħoloq ambjent surreali.

    “Sa minn ċkuniti dejjem kont issibli xi presepju lili għax fir-realtà l-Milied mhux ix-xinxilli imma l-preżenza ta’ Ġesù fostna.

    Għalija l-Milied ifisser ferħ għalkemm kull meta joqrob, ifakkarni f’missieri Joseph li ħallini ta’ 16-il sena….”

    Leħen Tony nkiser u deher emozzjonat ħafna.

    “Inħossha wisq it-telfa tiegħu! Kien iħobbu ħafna l-Milied u naħseb li meta ħalla did-dinja, qalbu tħalltet ma’ tiegħi u ma’ ta’ ħuti u l-imħabba li kellu għal daż-żmien, tkebbset fina.

    Il-Milied iġibli wisq memorji tiegħu. Niftakru meta fid-dar tagħna kien joqgħod iżejjen bil-galbu kollu l-ftit affarijiet li kellu. U meta nħares lejn dawn l-oġġetti kollha li hawn f’dari ngħid min jaf x’jaħseb kieku kellu jarahom?

    Il-Milied ta’ żmien missieri kien differenti u personalment nemmen li kien ħafna isbaħ. Illum veru hawn ħafna xinxilli u ssib dak kollu li trid. Imma qabel kont titpaxxa tgħaddi mit-triqat u tieqaf tammira Presepju ġo kaxxa sulfarinil-bambini u l-presepji mżejjna fit-twieqi tan-nies. Illum bilkemm tara t-tiżjin bid-dwal fit-twieqi minħabba l-problema tal-kontijiet. Tweġġagħni ħafna meta nisma’ n-nies jgħiduli li minħabba l-ħela tad-dawl mhu ser jarmaw xejn dis-sena. Imma fl-istess ħin ma tagħtihomx tort.”

    Il-ħbieb u l-familjari ta’ Tony kollha jafu kemm hu għall-qalbu l-Milied.

    “Kull fejn immur kulħadd jistaqsini jekk bdejtx narma. Għax jiena min-Novembru nkun diġà bdejt naqla’ l-affarijiet u nżejjen.”

    “Fix-xahar tal-mejtin, nixgħelu d-dwal tal-Milied,” qaltli Belinja bid-daħka.

    Għalkemm Belinja donnha tħobb tiġbed saqajn Tony mhux ħażin, fil-fond ta’ qalbha tapprezza ħafna dal-passatemp tiegħu.

    “Li kieku ma jżejjinx hu, żgur li ma kontx ser nagħmel dan kollu jien! Meta jkun lest id-dar veru tiġi sabiħa. Imma sakemm ilesti nibda narah….! Għax il-ħmieġ li jaqla’ u t-tifrik fl-art tkun ser tagħtini rasi bihom. Inkun għadni kif naddaft u narah reġa’ tiela’ b’aktar kaxxi. L-agħar għax qatt mhu lest. M’għandux kwiet. Fil-Milied ikun għadu qed jixtri l-affarijiet u jara fejn ser jagħmilhom.

    Ma tarahx jgħaddi minn quddiem ħanut li jkollu l-affarijiet tal-Milied li ma jidħolx naqra biex jara x’għandu. Għaldaqstant, min jafu sewwa, jieħdu bħala punt ta’ referenza u ħafna jitolbuh il-pariri minn Il-volpi ghall-kennfejn l-aħjar li jixtru l-affarijiet tal-Milied. Mhux darba u tnejn li jmur jixtri magħhom u lil ċertu nies saħansitra jmur jarmalhom id-dar.

    Kull min jiġi għandna f’dawn il-ġranet, kulħadd jgħidilna li ma jkunx jixtieq  joħroġ minn hawn ġew minħabba din l-atmosfera tant ħelwa. Infatti s-sena l-oħra kien hawn il-kuġini li ġew mill-Ingilterra u tgħidx kif baqgħu skantati meta raw dan it-tiżjin kollu.

    Fl-aħħar mill-aħħar ikolli nammetti li meta jgħaddi kollox u Tony jżarma d-dar, nibda naraha daqsxejn vojta.”

    Sadanittant Tony kien ġabli xi affarijiet oħra li ħadem hu stess.

    “Dawn il-forom fin-nofs tal-girlandi ħdimthom jien mill-ġibs u tajthom il-kulur. U dawn presepji differenti: dan il-presepju ċkejken ħdimtlu l-pasturi minn labar tar-ras imlebbsin. Dan il-presepju ħdimtu Forom tal-Milied tal-ġibsf’ġewża u dan f’kaxxa tas-sulfarini.”

    Anki meta bqajna deħlin il-ġewwa fid-dar id-dekorazzjonijiet baqgħu għaddejjin. Infatti f’rokna fil-fuklar irnexxielu jdaħħal presepju ċkejken ieħor! Tlabtu jgħidli liema kien l-isbaħ mument meta jkun qed iżejjen id-dar?

    “Meta nipplakkja u nara li kollox qed jixgħel u jaħdem u li kollox qiegħed f’postu,” weġibni mill-ewwel.

    B’tant affarijiet mad-dar kollha, kelli kurżità kienx hemm xi ħaġa li xtaq aktar?

    “U daqs kemm hemm affarijiet li nixtieq! Imma forsi l-iktar u issa l-iżjed waħda mpossibbli li sseħħ hija li nkun nista’ nżejjen il-faċċata tad-dar b’dawl ‘ta’ veru’. Meta nidħol fuq l-internet u nara dawk id-djar imżejjna bid-dawl jixgħel u jitfi mal-mużika, nimmeravilja ruħi. Imma b’mill-inqas 31 ġurnata dawl kuljum iebsa wisq!”

    Imma Tony għandu ħolma assoċċjata mal-Milied li hi ħafna akbar minn hekk.

    “Iva, nixtieq ħafna li xi darba  jkolli l-opportunità li nżur Lapland, fejn joqgħod il-Father Xmas. Kieku nispera li jkun hemm il-borra wkoll għax qatt ma rajtha s’issa!”

    Magħmul twil u fih saffejn forsi ftit timmaġina għall-ewwel li Tony għandu natural daqstant ħelu u umli. Id-daħka ferrieħa tiegħu timla’ d-dar bil-ferħ daqs it-tiżjin li għandu tant għal qalbu. Stqarr miegħi li l-Milied jippreferih b’dik il-laqta tradizzjonali.

    “Irridu l-maltemp fi żmien il-Milied għax dik hi l-veru atmosfera tiegħu. Il-kesħa, ix-xitwa, dak in-naqra ragħad … hekk, Milied kif għandu jkun.”

    Kontra qalbi qomt biex nitlaq hekk kif ir-rakkont tal-Milied li kien jakkompanja l-presepju kien għoddu spiċċa u l-anġli nfexxew ikantaw għalenija. Il-familja Psaila niżlet Tony, Belinja, Shania, Elisa Psailamiegħi sal-bieb u lkoll sellmuli u xtaquli l-isbaħ xewqat. “Il-Milied it-Tajjeb” daqq it-tapit mill-ġdid hekk kif irfistu, jiena u ħierġa mill-bieb il-barra. Imma did-darba ma rnexxilux jaħsadni!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 ta’ Diċembru 2011)

    2010.12.19 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • X’TISTA’ TAGĦMEL BIL-BAJD?

    Jiena u nikteb dan l-artiklu qed insegwi l-ħelsien ta’ numru ta’ individwi li kienu nqabdu għal diversi ġimgħat taħt l-art fil-minjiera ta’ San Jose fiċ-Ċili. Ma nistax ma nitqanqalx meta nifhem minn xhiex għaddew dawn il-persuni u l-familji tagħhom. U ma nistax ma nammirax il-ħila u l-kobor tal-għarfien tal-bniedem li ħoloq dak il-makkinarju speċifiku għal dil-missjoni.

    L-element ta’ kreattività li għandu l-bniedem ma jieqaf qatt jissoprendik. U nemmen li hija proprju din il-kapaċità partikolari li tiddistingwih minn ħlejqiet oħra. Forsi din hija wkoll ir-raġuni għala huwa rnexxielu jibqa’ jgħix għal dawn is-snin kollha fuq wiċċ din l-art minkejja li d-dinja kull ma tmur tinbidel u toffri sfidi ġodda.

    Għalkemm fuq nota ħafna aktar sempliċi minn dak li qed iseħħ fiċ-Ċili, dil-ġimgħa ltqajt ma’ Candice Fava li wkoll saħħritni bil-ħila kreattiva tagħha. Kapaċi toħloq l-ifjenCandice Fava oġġetti mill-bajd tal-għasafar ta’ kull qies. U trid tarahom biex temmen li dawn l-ornamenti huma maħduma minn dan il-materjal.

    “Din it-tip ta’ sengħa hija xi ħaġa ġdida għal Malta. Fil-fatt kull meta nkun qed nieħu sehem f’xi wirja jew meta jidħlu n-nies fil-ħanut tiegħi u jaraw dawn il-kreazzjonijiet, l-ewwel reazzjoni dejjem tkun ta’ stagħġib u nkredultà.

    L-ewwel mistoqsija li jagħmluli tkun “Imma dawk veru maħduma mill-bajd?” U t-tieni mistoqsija, “Allura dik il-bajda ta’ liema għasfur hi?”

    Tbissimt! Għax jiena kont għadni kif staqsejtha proprju dawn iż-żewġ mistoqsijiet hekk kif tfajt l-ewwel ħarsa tiegħi lejn l-oġġetti esposti wara l-vetrini.

    “Is-selezzjoni ta’ bajd li naħdem bih hija vasta. L-iċken bajd li qatt ħdimt bih kienu tal-amorini u tal-pappagall żgħir li kelli imma sfortunatament dawn mietu u issa l-bajd ta’ dak id-daqs irrid nordnah bħal kif nagħmel bil-bajd kollu l-ieħor. Għax-xogħol tiegħi nuża anki l-bajd tal-ħamiem, tas-summien, tal-papri, tal-wiżż, tal-emu, tar-rhea u tal-ostrich.

    Fl-opinjoni tiegħi l-iktar bajd prattiku għal dax-xogħol huwa dak tal-wiżż peress li d-daqs u l-forma tagħhom jgħinuk ħafna. Fl-istess ħin hemm bajd li għandu ċertu karatteristiċi uniċi li jagħtuk sodisfazzjon mod ieħor bħall-kulur naturali sewdieni tar-rhea u l-qies kabbari u l-kulur perla tal-bajd tal-ostrich.”

    Fuq l-ixkafef twal fil-ġenb tal-ħanut stajt nara għadd ta’ bajd ta’ qisien differenti rranġati puliti fil-kaxxi rispettivi tagħhom. Kollha kienu mtaqqbin minn naħa waħda preċiża. Mill-bqija tant kienu jidhru perfetti li kważi kienu qishom artifiċjali.

    “Għandek raġun tikkummenta hekk fuqhom imma dawn il-bajd jinħolqu apposta għall-użu ta’ din is-sengħa.

    Fil-fatt dawk il-ħlejqiet li minn għandhom ikunu ser jittieħdu l-bajd jitrabbew fi rziezet apposta attrezzati f’dan il-qasam. Probabbilment dawn l-ispeċi jiġu mitmugħa ikel miżjud b’taħlita ta’ arzell imfarrak Candice Fava fil-ħanut tagħhasabiex il-qoxra tal-bajd tagħhom tkun eħxen u aktar b’saħħitha u b‘hekk tkun aktar ideali biex isir dax-xogħol fuqha.

    Qabel ma kont nordna l-bajd lest kont naħli ħafna ħin biex intaqqab il-bajda mingħajr ma nkissirha u mbagħad biex niżvojtha u finalment biex nisterelizzaha. Dan minħabba li jekk l-intern tal-qoxra tal-bajda ma jitnaddafx sew, maż-żmien din ser titnawwar u tinten u jkollok tarmi kollox. Fortunatament f’ċertu pajjiżi jeżistu fabbriki apposta li jieħdu ħsieb jiffrankawlek dax-xogħol kollu u b’hekk inkun nista’ niddedika aktar ħin fuq il-lat kreattiv ta’ din is-sengħa.”

    Mill-aċċent Malti-Awstraljan tagħha ntbaħt li Candice għamlet xi żmien barra minn pajjiżna.

    “Meta kont żgħira jiena u l-familja tiegħi kellna razzett l-Awstralja. Konna nbiegħu l-bajd u kellna ħafna klijenti. Fostom kien hemm mara partikolari li kienet tiġi darba f’xahar u tieħu kwantità ta’ bajd minn għandna.

    Darba minnhom, ta’ tifla li kont, iddeċidejt li nistaqsiha x’kienet qed tagħmel b’dak il-bajd kollu? U hi weġbitni li d-darba li kien imissha tiġi għandna kienet ser iġġibli xiIċ-ċikonja ħaġa magħha biex turini x’tagħmel. Stennejtha bħar-ruħ biex tfittex tiġi għax imtlejt bil-kurżità. U ta’ mara li hi meta ġiet, veru ġabitli xi ħaġa u tagħtieli rigal! Kienet jewel-box ċkejkna u ħelwa ħafna mżejjna b’dekorazzjonijiet fini u sbieħ. Ma stajtx nemmen li dak l-oġġett delikat u oriġinali kien sar mill-bajd tagħna. Ma stajtx nifhem kif din irnexxielha taqta’, żżejjen u tlibbes il-bajda b’dak id-drapp u kuluri sbieħ!

    Intlift wara dak l-oġġett u bdejt nipprova nara kif ser nagħmel biex naħdem xi ħaġa bħalu. Hawnhekk irrid nirringrazzja lil ommi li nkoraġġietni u tatni ideat kreattivi biex nirnexxi f’dak li xtaqt nagħmel. Lili ġietni tajba wkoll għax fir-razzett tagħna kelli ħafna bajd għad-dispożizzjoni tiegħi u allura billi kissirt xi ftit sakemm tgħallimt intaqqabhom, ma ġara xejn. Imbagħad ridt nara kif ser nagħmel biex naqtagħhom u biex nagħtihom il-kulur.

    Bdejt nesperimenta b’kull ma jiġi għall-idejja sakemm fl-aħħar lestejt l-ewwel bajda tiegħi. Kienet jewel-box żgħira li jien żbaħt bin-nail polish. Miskina kemm kont ferħana biha! Illum għadha għandi imma merfugħa għax nistħi nuriha. Però żammejtha kemm b’nostalġija u kif ukoll bħala rikordju biex tfakkarni minn fejn bdejt.”

    Iżda meta darba minnhom Candice ġiet Malta mal-familja tagħha nħasdet.

    “Meta ġejt Malta 11 il-sena ilu ma stajt insib xejn biex inkompli nagħmel dax-xogħol. La stajt insib il-qxur tal-bajd li xtaqt, la ż-żebgħa li tgħodd għalihom, la l-qiegħan fuqhiex inpoġġi l-bajd komplut, la ċ-ċappetti għall-bibien tagħhom, xejn! Inkwetajt mhux ftit meta ntbaħt li ma stajtx inkompli b’dal-passatemp tiegħi. B’xorti tajba wara xi żmien iltqajt mar-raġel tiegħi li hu Malti u permezz tal-internet irnexxielna nibdew inġibu l-affarijiet ftit ftit minn barra. Meta erġajt sibt l-affarijiet f’idejja biex inkun nista’ naħdem bihom ħadt ir-ruħ u malli rajt kemm kont qed noħloq affarijiet sbieħ, daħħaltha f’rasi li xi darba jkolli l-ħanut tiegħi li minnu nkun nista’ nbiegħ dax-xogħol.”

    Ix-xewqa ta’ Candice inqatgħet 7 xhur ilu meta fetħet ħanut bl-isem ta’ New Eggsperience li jinsab fil-bidu tal-By Pass ta’ Wied il-Għajn. Nistqarr li ismu mhux darba u tnejnNew Eggsperience ġibidli l-attenzjoni jiena u nsuq minn quddiemu u kont ngħid bejni u bejn ruħi, dawn x’iridu jgħidu b’dan l-isem? Żgur li qatt ma bsart x’kien hemm wara dik il-vetrina kkulurita.

    “Għall-ewwel kont qed naħdem dawn l-affarijiet għalija biss. Imbagħad ġieli tajthom bħala rigali. Ftit ftit bdiet tixtered il-kelma u kien hemm min beda jistaqsini biex naħdimlu xi ħaġa. Oħrajn urew interess li jitgħallmu dis-sengħa.”

    Fil-fatt Candice issa bdiet tagħti xi taħriġ…

    “M’hemmx limitu ta’ età. Hawnhekk jiġu minn tfal sa adulti. L-importanti li wieħed ikun interessat li jitgħallem u li jkun kreattiv għax mill-bqija m’hemmx diffikultà kbira.

    Tant hu hekk illi jiena nagħti l-ewwel lezzjoni ta’ sagħtejn lil dawk li jibdew ġodda u f’dik il-lezzjoni stess dawn ilestu jewel-box mill-bidu sal-aħħar.

    Jiena nipprovdi ħafna mill-materjal u l-għodod u mbagħad hekk kif jitgħallmu, minn hawnhekk huma jkunu jistgħu jixtru l-materjal kollu neċessarju biex jaħdmu dawn l-oġġetti; ibda mill-bajd, il-kulur, id-drapp u spiċċa mill-kaxxi li jingħataw fihom jekk forsi jkunu jixtiequ jirregalawhom lil xi ħadd.

    Is-sistema tiegħi tal-lezzjonijiet hija waħda flessibbli fejn kull lezzjoni ddum sagħtejn u matulha nibdew u nlestu xi ħaġa partikolari: daqqa xi jewel-box, darboħra xi christmas-craker jew xi pupa bil-libsa eċċ. M’hemmx rabta li trid tattendi bilfors. Infatti hemm min iħallili d-dettalji tiegħu ħalli meta nkunu ser nagħmlu l-oġġett li jixtieq jipprova jagħmel hu nikkuntattjah u jiġi għall-lezzjoni.”

    B’esperjenza ta’ 15 il-sena illum Candice kapaċi toħloq l-isbaħ kreazzjonijiet. Xtaqtha tispjegali pass pass kif isir dax-xogħol?

    “Ġeneralment meta nara l-bajda f’idi, diġa nkun naf x’ser nagħmel biha. Id-daqs, il-forma, il-kulur; kollha jagħtuk indikazzjoni tal-possibilitajiet li tista’ taħdem bihom. Allura mbagħad meta jkolli diżinn Armarju u ornamenti maħduma mill-bajdf’moħħi jew fuq karta, naqbad il-bajda u npoġġieha taħt apparat li permezz tiegħu nimmarka d-diżinn fuqha. Mhux darba u tnejn illi d-diżinn ikun jirrikjedi li nkomplih b’idejja peress li l-apparat fih il-limiti tiegħu u jagħmel biss linji dritti.

    Wara npoġġi l-bajda ġewwa apparat ieħor sabiex naqtagħha kif nixtieq. Dan l-apparat huwa neċessarju ħafna minħabba li t-trab li joħroġ mill-bajda tant hu fin li jaf ikun perikoluż jekk ma tipproteġix ruħek minnu. Għandi cutters apposta skont it-tip u l-ħxuna ta’ bajda li nkun qed nuża.

    Meta nlesti, ngħaddi għall-kulur. Hawnhekk il-fantasija biss iżommok għalkemm hemm ċertu drabi fejn tkun Presepju ġo bajdadaqsxejn marbuta. Ngħidu aħna meta bħalissa qed naħdem ħafna xogħol tal-Milied inkun irrid nillimita ruħi bil-kuluri aħmar, ikħal, aħdar, deheb u fidda.

    Il-pass li jmiss ikun li tibda twaħħal iċ-ċappetti u mbagħad id-dekorazzjonijiet li tkun preparajt. Anki minn dawn hemm għażla kbira. Personalment fost l-aktar affarijiet li nħobb nuża’ huma l-kristalli peress li nemmen li jagħtu dehera rikka lill-oġġett. Ġieli ninkludi anki kristalli ta’ Swarovski u allura l-oġġett isir anki prezzjuż.

    Is-sabiħ ta’ dax-xogħol huwa li inti timponi l-limiti tiegħek fuqu għax fir-realtà tista’ taħdem kważi b’dak kollu li trid.”

    Bdejna nduru mal-għażla tal-oġġetti li hemm fil-ħanut u nnutajt li l-prezzijiet kienu raġonevoli ħafna.

    “Ħafna mill-oġġetti mhumiex sempliċiment ornamenti imma jistgħu jintużaw għal xi ħaġa. Għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, dawn l-affarijiet mhumiex fraġli żżejjed imma tista’ tiftaħhom u tpoġġi xi affarijiet fihom. Ovvjament ma tistax twaqqagħhom mal-art għax isiru frak imma dik bħal ħafna oġġetti oħra.

    Il-kollezzjonijiet jinkorporaw fihom bosta affarijiet bħal karijon bil-mużika, arloġġi, dawl, cameos u kxaxen.

    Peress li l-oġġetti huma maħduma bl-idejn nistgħu ngħidu li huma uniċi għax qatt ma tista’ tagħmel wieħed eżatt bħall-ieħor tipprova kemm tipprova. Barra minn hekk is-singularità nnifisha ta’ kull bajda timpedik minn dan u anki inti stess diffiċli biex toħroġ eżatt bl-istess riżultat.”

    Xtaqt inkun naf jekk kienx hemm xi biċċa xogħol minnhom li kienet għal qalbha aktar mill-oħrajn.  Ma damitx sekonda waħda biex weġbitni u ħaditni mill-ewwel ħdejh.

    “Bla dubju l-favorit huwa dan l-anġlu magħluq fil-bozza. Huwa tant għażiż għalija għax biex ħdimtu użajt cutters li ma kienux magħmula għal dax-xogħol tant mirqum u xorta irnexxieli. Dawk id-diżinji L-anġlu tiegħikollha tidwir qishom bizzilla mhumiex maħdumin mid-drapp imma huma maqtugħa fil-qoxra tal-bajda. Kburija ħafna bih u għall-ebda prezz jew raġuni ma nasal li nbiegħu. Qiegħed hawn biss biex min jiġi jkun jista’ jarah.

    Ngħiduha kif inhi, dawn ix-xogħolijiet tiegħi tant huma prezzjużi għalija illi nevita kemm nista’ li nbiegħhom. Fil-fatt nippreferi li naħdem fuq ordnijiet ħalli b’hekk jiena dejjem inżomm ix-xogħol l-oriġinali. Għalkemm dan mhux dejjem possibbli peress li ġieli jiġi xi ħadd li jkun irid l-oġġett dak il-ħin. F’każijiet hekk jiddependi kemm ikun faċli li nagħmel ieħor bħalu u meta ma jkunx daqshekk diffiċli, naċċetta li nbiegħu. Però nistqarr miegħek li qalbi tmur ma’ dawn l-oġġetti li jitilqu b’dal-mod.

    Huma tant għal qalbi għax jiena naf l-istorja wara l-ħolqien ta’ kull waħda minnhom. Ngħidu aħna l-idea ta’ dil-fjura vjola ġiet f’moħħi meta rajt dawn il-par idejn grazzjużi li qed iżommuha. Hekk kif rajt dawn l-idejn mal-ewwel laqtuni u tħassibt x’nista’ nagħmel fuqhom peress li kienu tant sbieħ. Minn hemm ħarġet din l-idea tal-fjura maġika li tikkonsisti minn fjura ġo fjura maħduma minn bajda ġo bajda, fejn il-petali kollha jinfetħu waħda waħda sakemm jiżvelaw l-ornament sabiħ moħbi fil-ġewwieni tagħha.”

    Candice għarrfitni li anki l-klijenti għandhom l-oġġetti favoriti tagħhom.

    “Din il-karozzella  u din il-gazebo bl-għarajjes ġewwa fihom huma l-aktar żewġ oġġetti popolari. Il-problema hija li huma tnejn mill-aktar oġġetti imprekattivi u fihom kedda kbira biex isiru. L-akbar diffikultà tinsab fil-bibien tal-karozzella peress li dawn iridu jiġu pariġġ imma kif diġà għedtlek, l-ebda bajda mhi bħall-oħra! Il-gazebo ukoll fiha ħafna lavur u trid iż-żmien biex tinħadem.

    Dawn iż-żewġ ornamenti jittieħdu ħafna bħala rigali għat-tiġien u anki biex jiżżejjen il-wiċċ tal-kejk tat-tieġ. Dan l-aħħar kelli ordni ta’ waħda minnhom li ridietha f’xahrejn u kelli noqgħod fuqha u nlestiha malajr kemm jista’ jkun. Madanakollu idealment għal xi ħaġa hekk nippreferi jekk wieħed jagħtini l-ordni mill-inqas erbgħa xhur qabel għax dan mhux xogħol li jippermettilek tgħaġġel wisq.”

    Ix-xogħol huwa tant straodinarju li diffiċli ħafna biex niddeskrivih bil-kitba. Barra minn hekk id-dettalji li fihom u d-diversità tagħhom jirrikjedu li tpoġġi kwiet Il-karozzellaquddiemhom u tiflihom sew għax inkella żgur li jaħrablek xi ħaġa. Biex turini l-flessibilità ta’ dax-xogħol Candice ġibditli l-attenzjoni lejn bajda kbira partikolari li mill-flieli tagħha joħorġu 12 il-bieba bi 12 il-ritratt differenti.

    “Kemm jista’ jkun nipprova nħalli l-forma tal-bajda jidher sew imma mhux dejjem tkun tista’. Per eżempju d-dublett ta’ dawn il-pupi maħdum minn biċċa bajda u anki dil-qanpiena imma mbagħad għandi ħafna oħrajn fejn l-għamla tal-bajda hija tassew evidenti.”

    Xtaqt nagħlaq billi nistaqsiha x’inhu s-sodisfazzjon li jagħtiha dax-xogħol?

    “L-ewwel nett meta nara biċċa xogħol lesta nħossni kburija li rnexxieli noħloqha jien. Min-naħa l-oħra nieħu wisq sodisfazzjon meta nara n-nies jistagħġbu b’dax-xogħolijiet u japprezzawhom u jixtruhom. Daqstant ieħor inħossni kuntenta meta xi ħadd li ħarriġt jien stess jiġi jurini xi ħaġa li għamel hu u nipprova kemm nista’ li nibqa’ ninkoraġġihom.

    Ġieli jkun hemm min jistaqsini jekk nibżax li xi ħadd minn dawn għad ikun ta’ kompetizzjoni għalija u probabbilment xi darba hekk jiġri. Imma għidli, x’jiswa li jkollok talent u taħbih jew toqgħod iżżommu għalik?

    Għalija dawn huma sempliċiment teżori żgħar li jservu bħala rigali uniċi għal dak ix-xi ħadd speċjali.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 t’Ottubru 2011)

    2010.10.17 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • LURA FIŻ-ŻMIEN – IL-MALTIN FL-AWSTRALJA

    Ironikament it-tmiem tal-gwerra dinjija kien il-kawża ta’ qgħad kbir f’pajjiżna. Bosta ħaddiema sfaw bla xogħol u wħud ma rawx għażla aħjar minn dik li jħallu lil art twelidhom biex imorru jfittxu xortihom f’pajjiż ieħor. Il-kontinent Awstraljan kien wieħed minn dawk il-lokalitajiet li laqa’ għandu numru kbir ta’ emigranti Maltin. Hekk jew hekk fl-Awstralja kien hemm bżonn kbir ta’ nies biex jaħdmu u jippopolaw il-pajjiż. Kienet okkażżjoni f’waqtha li kienet qed toffri ċ-ċans lill-Maltin biex jgħixu f’pajjiż tant differenti b’artijiet bla tarf, bi ħlejqiet uniċi u bi staġuni strambi. Imma eventwalment l-Awstralja kienet dak il-pajjiż tal-ħolm?

    Jiena trabbejt nisma’ r-rakkonti t’ommi Angela meta spiss kont nismagħha ssemmi ż-żminijiet li għexet fl-Awstralja. Barra minn hekk, peress li wieħed minn ħutha kien għadu jgħix hemmhekk, mhux Angela Busuttil darba u tnejn li n-nanna Fortunata u z-zija Gracie talbuni biex niktbilhom xi ittra ħalli jibgħatuhielu. Niftakar li kienu ittri li kollha jibdew l-istess “Għażiż Ġużeppi, Vera u t-tfal, nispera li tinsabu tajbin bħal kif ninsabu aħna għall-grazzja t’Alla”.

    Kont tgħallimt nikteb l-introduzzjoni bl-amment u kont nitbissem meta nara li dejjem kienu jiktbulu l-istess ħaġa. Il-bqija tal-ittri kienu jikkonsistu f’dak li jkunu għaddew minnu matul dawk l-aħħar ġimgħat jew dwar xi ħaġa li kienu beħsiebhom jagħmlu. Ta’ tifla li kont, ftit stajt napprezza dawk l-ittri ripetittivi imma sforz ir-rispett lejn qrabati kont niktibhomlhom bl-aħjar kaligrafija li stajt nikteb biha u bi preċiżjoni eżatt ta’ kif kienu jiddettawhomli.

    Kellhom jgħaddu ħafna snin qabel fhimt kemm kienu jfissru għalihom dawk il-karti ċelesti li kont niktbilhom l-ittri fuqhom u għaliex kienu jistennew ir-risposti tagħhom tant b’ħerqa. U forsi kien dan it-tnebbiħ li llum wassalni biex naqsam magħkom l-esperjenza li għaddiet minnha ommi meta ta’ 18 il-sena ddeċidiet li tħalli pajjiżha sabiex tagħti lok għall-ħolma tagħha…

    “Tnejn minn ħuti s-subien kienu ddeċidew li jmorru lejn l-Awstralja biex ifittxu xogħol u ħajjruni mmur magħhom. Ommi xejn ma ħadet pjaċir b’din l-aħbar u missieri Angela flimkien ma' ħuha Indri fl-Awstraljarriffjuta li jiffirmali l-karti biex insiefer peress li kont għadni taħt l-età. Imma inzerta li ftit wara għalaqt it-18 il-sena u allura ħija l-kbir Ġużeppi rnexxielu jikkonvinċi lil missieri li kien ser jieħu ħsiebi hu. Wegħdu li ser iġib ruħu daqs li kieku kien it-tieni missier tiegħi u kelmtu żammha għax id-dixxiplina tiegħu kienet iebsa mhux ħażin! Tlaqna tliet aħwa f’daqqa minn familja sħiħa: jiena u ħija Indrì u ħija Ġużeppi flimkien mal-familja tiegħu peress li kien miżżewweġ.”

    Ommi tiftakarha qed tipprepara l-bagalji b’eċċitament kbir.

    “Bsart li ser nimmissja lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti imma ta’ żagħżugħa li kont neħħejt dawk il-ħsibijiet minn quddiem għajnejja u minflok intfajt noħlom dwar dik l-opportunità sabiħa li ngħix u naħdem f’pajjiż ieħor. Ma kont qed nara xejn ħlief dak il-vapur sabiħ li kellna nirkbu u li kellu jeħodna lejn l-Awstralja!

    Qabel tlaqt ommi għafsitni magħha u reġgħet qaltli li ma xtaqitnix immur. Il-ħsieb tal-firda minni kien diġà qed ikiddha u talbitni biex ma ninsihiex u biex ma nibqax hemm. “Erġa’ ejja ‘l hawn, tinsinix!” lissnet waqt li bdiet ixxejjirli.”

    Għajnejn ommi ntlew bid-dmugħ hekk kif it-tifkiriet t’ommha li ormaj m’għadhiex magħna, saru aktar ċari.

    “Morna b’vapur lussuż u mill-isbaħ – is-Sydney. Il-kmamar kienu spazzjużi u komdi. Ħallasna biss għaxar liri kull wieħed biex vjaġġajna għal xahar sħiħ fuqu. Kien hemm ħafna Maltin oħra u kollha konna stmati tajjeb ħafna. Il-vjaġġ kien interessanti u pjaċevoli sakemm wasalna f’Port Said fil-Baħar l-Aħmar u nqbadna f’maltemp kbir. F’daqqa waħda kollox beda jitkaxkar ‘l hawn u ‘l hemm: l-imwejjed, is-siġġijiet, is-sodod. Tal-biża’! Ħafna mill-passiġġieri kellhom jingħataw il-mediċini għax ħassewhom ma jifilħux. Lili kieku m’għamilli xejn il-baħar imma ħassejtni tterrorizzata. Wara dakinhar bosta kienu b’qalbhom imtaqtqa kif ser naslu l-Awstralja għax il-vjaġġ donnu ma ried jispiċċa qatt!

    Xeni oħra li ma ninsix kienet meta l-ħaddiema ta’ fuq il-vapur kienu jarmu l-fdalijiet tal-ikel il-baħar u trid tara l-klieb il-baħar jaqbżu fuqu u jsegwuna matul il-vjaġġ kollu, dejjem jistennew l-ikel ġej!”

    Minn hemm u minn hawn fl-aħħar waslu Melbourne.

    “Laqagħna temp imsaħħab u xejn ma ħadt grazzja mal-post. Xi ħbieb li kienu qed jistennewna ħaduna Adelaide li kien jumejn bogħod bil-karozza. Hemmhekk għamilna ftit taż-żmien. Kien post kwiet u ma Angela Busuttil qabel telqet l-Awstraljatantx kien hemm xogħol. Tlaqna u morna Sydney, niġru minn xogħol għall-ieħor. Ħdimt f’diversi fabbriki imma ma nista’ ninsa qatt kemm laqgħuni b’mod sabiħ fl-ewwel fabbrika li dħalt fiha. Kont ilni naħdem hemm ftit ġranet biss u hekk kif skoprew li kont għadni kif għalaqt it-18 il-sena għamluli surprise party u tgħidx kemm tawni rigali! Lanqas wara għaxar snin xogħol ma jagħmlulek hekk f’Malta.”

    Ix-xogħol kien jagħmel il-parti l-kbira mill-ħajja tal-Maltin fl-Awstralja imma kien hemm lok għad-divertiment ukoll.

    “Għalkemm ma tantx konna noħorġu niftakar li konna qbadna d-drawwa li mmorru naraw ir-wrestling. Spiss kien ikollna l-ġellied favorit tagħna u erħilna ngħajjtu kemm nifilħu meta jibda jaqla’ xi daqqtejn tajba mingħand l-ieħor. Konna nidħlu b’vuċi tajba u noħorġu maħnuqin imma konna nieħdu gost. Dejjem bqajt bil-kurżità jekk kienux ikunu qed jiġġieldu veru jew le. Tant kienu jaqilgħu li ma stajtx nemmen li kienu jagħtu bis-serjetà.

    L-Awstralja kienet tgħaġġibni bil-kobor tagħha. Kienet sabiħa ħafna b’siġar twal u b’għelieqi spazzjużi u b’toroq li ma jispiċċaw qatt. Ġieli rajt ukoll xi annimali tal-post, l-aktar il-kangaroos kbar li mhux darba u tnejn fettlilhom jintasbu f’nofs ta’ triq u ma jkunu jridu jwarrbu b’xejn biex ngħaddu bil-karozza.

    Fuq kollox, matul iż-żmien li għext hemmhekk, iltqajt ma’ ħafna nies ta’ diversi razez fostom ma’ familja aboriġina li kienet toqgħod fid-dar ta’ warajna.”

    Akkost is-sens ta’ avventura, id-demm Malti dejjem jibqa’ jiġbed lejn il-familja.

    “Ommi spiss kienet tibgħatilna l-ittri jew xi casette irrekordjatha bil-vuċi tagħha fejn kienet twissina biex noqogħdu attenti ħalli ma nweġġgħux u b’mod speċjali, biex ma niżżewġux hemmhekk. “Fittxu Angelina Lauroejjew ‘l hawn, ejjew lura,” kienet dejjem tirrepeti. Kemm tiflaħ tisma’ kliem bħal dan? Wara sentejn u nofs fl-Awstralja rnexxielna nfaddlu biżżejjed flus biex inħallsu l-passaġġ lura lejn Malta, li issa kien jiswa’ madwar Lm250 r-ruħ u tlaqna.

    Il-vapur li tlaqna bih kien sabiħ daqs l-ieħor – l-Angelina Lauro. Did-darba l-baħar kien żejt matul il-vjaġġ kollu u tgħidx kemm ixxalajna: nieklu, niżfnu u nixorbu. Bqajt impressjonata kemm kien hemm nies ta’ kull ġens. Waqafna f’diversi postijiet sbieħ fostom f’Singapore imma ta tfajla li kont ftit li xejn niftakar aktar ħlief id-divertiment.”

    Wara xahar ieħor ta’ vjaġġ fuq il-baħar il-vapur finalment wasal Malta.

    “Kont kuntenta li rajt pajjiż ieħor imma ddispjaċini ħafna li tlaqt il-familja tiegħi. Ħadt ir-ruħ hekk kif wasalna lura Malta u rajthom kollha qawwijin u sħaħ. Tgħidx kemm għannaqthom u kien f’dak il-ħin li rrealizzajt kemm kont immissjajthom. “Ma nerġax nitla’ ma. Ma nerġax nitilqek,” wegħedt lil ommi hekk kif għafastha miegħi. U kelmti żammejtha allavolja ltqajt ma’ numru ta’ ġuvintur li xtaqu jiżżewġuni biex imbagħad insiefru f’xi pajjiż ieħor.

    Ħija l-kbir reġa’ mar lura lejn l-Awstralja fejn għex għal bosta snin. Imma jiena qatt aktar ma tlaqt lil Malta u qatt aktar ma tlaqt lil ommi.”

    Naturalment kulħadd għandu l-istorja tiegħu u hekk kif dil-ġimgħa sibt l-opportunità li niltaqa’ ma’ emigrant Malti li jgħix fl-Awstralja, tħajjart nieħu l-perspettiva tiegħu ukoll dwar das-suġġett. John Cassar ilu li telaq minn art twelidu madwar 35 sena ilu. Iżda d-diffikultà tiegħu hija li meta telaq, ħalla qalbu warajh. Li kien għalih, qatt ma kien jitlaq minn Malta.

    “Mort l-Awstralja minħabba li riedet tmur marti. Madwar għaxar snin qabel, il-ġenituri tagħha u ħutha kienu telqu lejn l-Awstralja peress li Malta ma sabux xogħol. Meta konna namrati kienet titlobni John Cassar nwegħedha li xi darba nitilgħu noqogħdu ħdejhom u jiena kont inweġibha li xi darba mmorru. Sadanittant kienet tmur iżżurhom għall-vaganzi u aktar iġġennet biex tmur hemm. Mal-milja tas-snin baqgħet tfakkarni li kont tajtha kelmti li ser neħodha tgħix ħdejn il-familja tagħha sakemm fl-aħħar kelli nċedi u tlaqna.”

    Id-deċiżjoni li tħalli kollox warajk u terġa’ tibda mhiex faċli.

    “Hawn Malta ma kien jonqosna xejn. Kellna familja sabiħa b’żewġt itfal, kellna darna u jiena kelli xogħol tajjeb bħala għalliem. Biex morna l-Awstralja kellna nbiegħu d-dar u jien kelli nitlaq pożizzjoni li kienet għal qalbi u fejn kont ilni naħdem 13 il-sena.

    Fuq kollox kelli nħalli lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti warajja. Inti taħseb li l-ġenituri tiegħi ma ħaduhiex bi kbira meta rawni nerħi minn idi dak kollu li kont ħdimt għalih u nitlaq f’art oħra filwaqt li nċaħħadhom mill-kumpannija tagħna u speċjalment tal-uniċi żewġ neputijiet li kellhom dak iż-żmien?”

    Kont kurjuża jekk sabux diffikultà biex jintegraw u biex isibu xogħol?

    “Minn daqshekk aħna l-Maltin ma tantx insibuha bi tqila biex nintegraw.

    Jien nismagħhom jgħidu li dawk il-Maltin li marru minn tal-ewwel hemmhekk kellhom iċ-ċans li jagħmlu flus tajba. Jingħad li tant kien hemm bżonn ta’ nies illi meta l-ħaddiema kienu joħorġu mill-Emigrazzjonifabbriki wara ġurnata xogħol, kienu jsibu l-aġenti ta’ fabbriki oħra jistennewhom barra lesti biex iħallsuhom paga aktar jekk imorru jaħdmu magħhom! Barra minn hekk, min ħaddem rasu u nvesta fl-art li f’dawk is-snin kienet irħisa, għaqqad kemxa sewwa minn fuqha.

    Meta mort jiena nfittex xogħol, xtaqt li nibqa’ naħdem bħala għalliem. Madanakollu sibt illi biex ngħallem fl-Awstralja kien jeħtieġli nagħmel conversion course ta’ erbgħa snin ħalli nitħarreġ fis-sengħa tat-tagħlim tal-post. Inħsadt mhux ħażin u mort niċċekkja f’kulleġġ f’Geelong fl-Università ta’ Deakin dwar dan l-istess kors u dawn qaluli li lesti li jaċċettaw iċ-ċertifikati li kelli minn Malta u minflok nagħmel sentejn biss studju. Meta rajt li t-tnejn ma qablux bejniethom webbist rasi u ma ridtx nagħmlu aktar dan il-kors. Sa mn’Alla li l-Kappillan tal-post, li kellu r-responsabbiltà li jħaddem l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja, iddeċieda li jagħtini xogħol għax kieku kont diġà lest li mmur nagħmel xi ħaġ’oħra. Għamilt 13 il-sena naħdem bħala għalliem u wara għaddejt 15 il-sena oħra naħdem mal-Australian Post sakemm ta’ 68 sena waqaft għal kollox mix-xogħol.”

    B’mod ċajtier, l-Awstralja hija magħrufa bħala l-pajjiż ‘down-under’ fejn kollox hu ta’ taħt fuq: meta hawn tkun ix-xitwa hemm is-sajf, meta hawn qed jidlam hemm qed jisbaħ u ħafna affarijiet minn dawn. Kemm iddum biex tidra f’ħajja daqshekk differenti?

    “Peress li jiena tlajt kontra qalbi l-Awstralja, nistqarr li għamilt madwar sentejn, tlieta nistaqsi lili nnifsi x’mingħalija li kont qed nagħmel hemm? Imma mbagħad sibt xogħol, xtrajt karozza u dar u bla ma naf kif bdejt nissetilja.

    Id-differenza fil-ħin malajr tidraha għax hekk jew hekk meta jidlam tmur torqod u meta jisbaħ tqum. Li tieħu naqra aktar żmien biex taċċetta huma ċertu affarijiet oħra bħat-taqlib fl-istaġuni fejn is-sajf Milied fis-sajfjibda fl-1 ta’ Diċembru u ovvjament niċċelebraw il-Milied fis-sħana. Fil-fatt għall-ewwel lanqas biss kont inqisu bħala Milied. Minflok ix-xitwa, id-dlam u t-triqat u l-ħwienet imżejjna bid-dwal u bil-presepji jew b’xi bambin tara s-sajf u n-nies jgħumu u jiċċelebraw b’xi barbeque. Fl-Awstralja jżejjnu biss il-ħwienet il-kbar u bl-iskop li jiġbdu l-klijenti u mhux għax jemmnu fil-Milied bħalna l-Maltin. Trid tifhem li f’dak il-pajjiż ma ssibx insara kattoliċi biss imma hemm bosta reliġjonijiet oħra li mhux neċessarjament japprezzaw il-Milied bħalna. Għallinqas fil-familja tiegħi bqajna niċċelebrawh l-istess: bil-quddiesa ta’ nofs il-lejl u billi mmorru għal xi dinner dance fejn noqogħdu ndoqqu kanzunetti Maltin.

    Ftit ftit tibda tidra wkoll il-kultura l-ġdida u ddaħħalha fis-sistema tiegħek. Ngħidu aħna jekk f’Malta kont nieħu gost insegwi l-football, fl-Awstralja sirt akkanit tal-footie u issa għandi t-tim favorit tiegħi.

    Iżda John saħaq illi għalkemm il-Maltin fl-Awstralja qed jgħixu f’pajjiż ieħor, dan ma jfissirx li nsew lil pajjiżhom jew lit-tradizzjonijiet tagħhom.

    “Partikolarment fejn jgħixu ħafna Maltin bħal f’Sunshine u f’St Albans issib ħafna affarijiet tipikament Maltin bħal ngħidu aħna affarijiet tal-ikel fostom: pastizzi, qassatat, zalzett tal-Malti, ġbejniet tal-bżar, bigilla u ravjul.

    Għalkemm mhux kulħadd iżomm it-tradizzjonijiet Maltin, il-mara tiegħi Sally baqgħet tagħmel il-figolli u l-borża ta’ San Martin. Barra minn hekk ta’ min insemmi li fl-Awstralja għadna niċċelebraw il-festi tal-qaddisin bħal kif konna niċċelebrawhom f’Malta iżda naturalment b’inqas pompożità.”

    Il-Maltin kemm ifittxu l-kumpannija ta’ Maltin oħra fl-Awstralja?

    “Ħafna! Fejn noqgħod jiena f’Knox ma tantx issib Maltin imma mhux l-ewwel darba li nkunu qed nixtru minn x’imkien u nisimgħu lil xi ħadd jitkellem bil-Malti u mmorru naraw min hu biex ngħidu kelmtejn miegħu.

    Fost il-ġimgħa jiena u marti mseħħbin fi klabbs tal-Maltin fejn in-nisa sikwit joqogħdu jilgħabu t-tombla u aħna l-irġiel ninxteħtu niddiskutu l-politika u l-istejjer ta’ tfulitna. Mhux darba u tnejn li nsellfu xi kotba jew DVDs bil-Malti lil xulxin. Kultant nistaqsu fejn marru ż-żminijiet tal-kummiedji li konna naraw bħal Spiru Cefai u Radju Muskettieri? Nixxenqu wisq għal xi kopja minn tagħhom ħa nidħku ftit.”

    Indawwar kemm indawwar is-suġġett intbaħt illi kliem John dejjem idur fuq in-nostalġija li huwa jħoss lejn Malta.

    “Wara dawk is-snin kollha mbiegħed minn art twelidi, ma nistax ngħid li l-firda għadha tkiddni daqs l-ewwel ġurnata li rfist fuq art barranija. Iżda xorta waħda l-weġgħa tal-firda ma tfieqx għalkemm tipprova. Jekk tkun sentimentali bħali ma jgħaddilek qatt għal kollox.

    Jekk inti tibqa’ titkellem bil-Malti u tara lil dawk kollha ta’ madwarek jitkellmu bl-Ingliż, taf li m’intix f’pajjiżek. Meta bħali uliedek jiżżewġu lil sieħeb u sieħba Awstraljani, awtomatikament iridu jitħaddtuJohn Cassar jgħożż dak li hu Malti bl-Ingliż u daqstant ieħor uliedhom għax inkella ma jiftehmux. Lin-neputijiet tiegħi ma nistax nirrakkuntalhom dwar il-ħajja li għext f’Malta għax ma’ Malta m’għandhomx kuntatt u lanqas biss jafu fejn hi eżatt. Ma tistax taqbad ktieb bil-Malti u taqrahulhom għax ma jifmuhx. Meta jmorru l-iskola ma jitgħallmu qatt dwar Malta u l-istorja tagħha imma jitħarrġu f’informazzjoni dwar l-Awstralja.

    Sakemm qiegħed hawn irnexxieli nħażżeż ftit minn ħsibijieti li semmejthom ‘Niket’:

    X’dieqa ta’ qalb meta tkun il-bogħod minn art twelidek!

    F’art fejn għalkemm sabiħa il-ħlewwa ta’ lsienek ma tismax.

    Fejn il-ħàra ta’ żogħżitek ma tiftakarx.

    U fejn għalkemm ħelu, kliem ulied uliedek ma jixbaħx lil dak li l-ewwel lissint int.”

    Imma allura bqajt ma tħossokx tappartejni fl-Awstralja?

    “Kif nista’? L-Awstralja ma nqishiex b’pajjiżi imma bħala art li ngħix fuqha. B’danakollu ma rridx infisser li l-Awstralja m’għamlitlix ġid. Fl-Awstralja għandi dar ħafna ikbar milli qatt kelli Malta u l-ftit flus li faddalt hemm għamilthom u mhux f’Malta. Fuq kollox l-Awstralja sabiħa immens imma għalija tibqa’ dejjem art barranija. Jiena nħossni f’posti biss meta nkun hawn, f’Malta. Malta hija l-post fejn twelidt u trabbejt, fejn għext l-aħjar żmien ta’ ħajti u fejn tkellimt bl-ilsien tiegħi. Għax ngħiduha kif inhi, l-pajjiżi kollha huma magħmula mill-blat, mis-siġar u mill-ilma. Ma tistax taqbadhom u tgħannaqhom ma’ qalbek. Imma l-punt hu li qalbek tintrabat mal-art li twelidt u trabbejt fiha.”

    John saħaq illi li kieku kien għalih kien jirritorna lejn Malta minn għada. Imma qabel jeħtieġlu jikkonvinċi lil martu u mhux daqshekk faċli.

    “Kull ġimgħa ħafna Maltin li joqogħdu l-Awstralja jistennew bil-ħerqa l-aħbarijiet dwar Malta. Imma sfortunatament ikunu qosra wisq, minbarra li ġieli jibdlulhom il-ħin mingħajr ma javżawna u apparti kollox ħafna minnhom ikunu propoganda tal-gvern aktar milli aħbarijiet. L-agħar però huwa l-Malti li jużaw il-ġurnalisti li xi minn daqqiet lanqas nifhmuh għax ma jkunx b’Malti tajjeb imma imfarrak u mħallat mal-Ingliż jew it-Taljan.

    Din tal-Malti tikkonfondini lili għax fl-Awstralja talbuni ngħallem il-Malti u meta ġejt hawn qed nara li f’Malta stess nofs il-popolazzjoni lanqas biss taf titkellem b’Malti tajjeb! U allura ngħid x’jiswa li ngħallmuh hemmhekk?

    Dan jgħodd ukoll għal meta jiġu diversi kbarat iżuruna u jħeġġuna biex ngħożżu l-Malti u l-kultura Maltija u biex nibqgħu ngħallmu l-Malti lil uliedna. Imma nerġa’ nistaqsi għalfejn meta hawnhekk, f’Malta stess, dan ma jsirx?

    Bqajt skantat ukoll meta f’dawn il-ġimgħat ippruvajt nagħmel karta tal-identità Maltija peress li talbuhieli biex inkun nista’ niftaħ kont bankarju. Ma rnexxilix nagħmilha u minflok ippruvajt ninqeda bil-Passaport Maltipassaport Malti u ma ngħidlekx kemm dam jitħabat l-iskrivan tal-bank biex jara kif ser jaqdini bih! Allura nsostni għala għandu jkolli ċittadinanza Maltija u passaport Malti jekk dawn ma tinqeda bihom imkien? Tgħid m’għamlulix il-karta tal-identità għax beżgħu li ġej nivvota biha? Bħallikieku ħa noqgħod ninqala’ mill-Awstralja għalhekk. Allavolja, ħa ngħiduha kif inhi, meta nġiebu n-nies mill-Ewropa u l-Konslu saħansitra nġiebet mill-Awstralja biex tivvota, dawn l-affarijiet ġraw, hux hekk?

    Hemm ħafna kieku xi ssemmi. Imma tgħid aħna minsijin għax meqjusa bħala Maltin tal-Awstralja?”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 ta’ Settembru 2010)

    2010.09.12 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • L-EWWEL PRESEPJU MEKKANIKU

    “Għandi ħolma!” qal il-Monsinjur Emmanuel Galea lil neputih Pawlu Pavia.

    Kien l-1945 u Malta kienet għadha kif għaddiet miż-żmien qalil tal-gwerra. L-isqof kien mar joqgħod iż-Żejtun minħabba l-attakki kontinwi fuq l-Isla u matul dak iż-żmien huwa kien laħaq bħala direttur Il-presepjutal-Istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu. Hemmhekk sab presepju b’pasturi li kienu jagħmlu movimenti żgħar permezz ta’ spaga li t-tfal tal-istitut stess kienu jiġbdu minn taħt il-mejda. Kien presepju ħelu imma l-isqof kien jitħasseb meta jara lit-tfal qed jagħmlu dak ix-xogħol.

    Għalhekk huwa ddeċieda li jibni presepju ieħor, ħafna ikbar minn dak li kien hemm u fuq kollox kellu jkun l-ewwel presepju f’Malta li kellu jkun Pawlu Paviaimmekkanizzat bl-elettriku. L-isqof stess xammar il-kmiem biex flimkien ma’ neputih bena l-presepju bil-kartapesta u bil-kolla. Imbagħad Pawlu ra kif għamel u bil-ftit affarijiet li kien hemm dak iż-żmien, huwa bena għadd ta’ pasturi u b’mod inġenjuż irnexxielu jimmekkanizzahom kollha b’mutur wieħed!

    Il-presepju nfetaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba fil-Milied tal-1947. Pawlu Pavia, li llum għandu 85 sena jiftakar li dakinhar kien inqala’ pandimonju sħiħ! In-nies ġiet minn kullimkien għax presepju bħal dak qatt ma kienet rat. Sa kellha tiġi l-pulizija biex iżżomm il-kontroll tal-folla.

    Forsi llum ftit jafu li dan huwa presepju daqshekk storiku. Wara sittin sena taħt ir-responsabbiltà ta’ Pawlu Pavia, illum dan il-presepju qed jiġi kkurat min-neputi tiegħu Joseph Pavia li matul din l-aħħar sena huwa għamel bosta xogħlijiet biex taha aktar ħajja lil dan il-presepju antik. Fostom huwa ħadem ukoll fuq kummentarju li f’ħames lingwi differenti jirrakkonta din il-ġrajja ħelwa tal-presepju.

    Ta’ min isemmi illi fuq l-ordni tal-Isqof Galea nnifsu, dan il-presepju nħadem biex jirrakkonta l-ħames misteri tal-ferħ. B’hekk kull min iżuru, ma jarax biss il-grotta tal-Bambin imma jifhem ukoll l-istejjer L-Isqof Emmanuel Galeatal-evanġelju li jirrakkuntaw dak li ġara qabel u wara t-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Interessanti wkoll huwa l-fatt illi bħalissa għaddejja l-kawża għall-kanonizzazzjoni ta’ dan l-isqof, li jekk isseħħ, żgur li tkompli tagħni dan il-presepju tant għażiż.

    Dan il-presepju mekkaniku jinsab fl-Istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu fi Triq l-Isqof Emmanuel Galea, ż-Żejtun. Il-ġranet tal-ftuħ huma mill-14 ta’ Diċembru 2009 sas-6 ta’ Jannar 2010. Ħinijiet: 9:30am – 12:00pm u 4:00pm – 7:00pm.

    Dan l-artiklu ġie ppubblikat fuq ir-rivista GWIDA Ħarġa Nru 5 (31/1/2010 – 6/2/2010)

    2010.01.31 / no responses / Category: Articles

  • MILIED FIX-XELTER U MEMORJI TAL-GWERRA

    Kultant jiġu drabi meta nħossni qisni x-xbieha ta’ mera mfarrka… persuna waħda b’diversi angoli li kollha jippreżentaw l-istess wiċċ imma fir-realtà l-ebda waħda mhi bħall-oħra. Fil-fatt sikwit insib ruħi niġġieled miegħi nnifsi għax min-naħa inkun naħsibha mod u min-naħa l-oħra nkun nixtieq xi ħaġa oħra. Karattru li kultant jgħejjik saħansitra biex tifhem lilek innifsek imma li fl-istess waqt jimlilek ħajtek b’sens ta’ meravilja għax int stess qatt ma tkun ċerta sa fejn kapaċi tasal u x’kapaċi tagħmel.

    Dawn il-ħsibijiet paralleli jmissu anki ż-żminijiet tal-Milied fejn xi drabi nsibni nifraħ qisni tifla żgħira u f’mumenti oħra jaqbduni nervi kbar. Tferraħħni s-sempliċità, it-tradizzjoni ta’ dan iż-żmien u l-awtentiċità tan-nies li l-Milied tassew jagħnihom b’ferħ speċjali, tant li jmissulek qalbek. Tifliġni l-falsità ta’ min jifraħ bik biss f’dawn il-ġranet u ċ-ċelebrar u l-ferħ sfurzat. Għalkemm anki dis-sena kelli nieħu doża mit-tnejn, qed nirrealizza li did-darba qed ngħix dal-ġranet b’sentimenti oħra. U dawn l-artikli huma l-kawża. Aktar mill-artikli, in-nies li ltqajt magħhom, li bil-perspettivi differenti tagħhom, b’xi mod jew ieħor kollha għallmuni xi ħaġa ġdida li permezz tagħha wassluni biex nifhem aħjar lili nnifsi.

    Għalhekk infittex dak li mhux soltu. Għalhekk did-darba ddeċidejt li nistħarreġ x’inhi dir-rappreżentazzjoni ta’ Milied Fix-xelter li qed itella’ l-pageant group tal-Każin tal-Banda ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ.

    Iltqajt ma’ Brian Bonnici, id-direttur artistiku u l-kittieb tal-iskript ta’ din ir-rappreżentazzjoni u ma’ Tanya Borg, waħda mill-atturi. Xtaqt li l-intervista ssir fil-passaġġi u l-kmamar tax-xelter li jinsab taħt il-Każin ta’ San Filep sabiex b’hekk inkun nista’ nixrob l-atmosfera tal-post. Hekk kif inżilna tlabt lil Brian jispjegali kif bdiet din l-idea u għaliex għażlu li jippreżentaw presepju ħaj ġo xelter?

    “Ħaż-Żebbuġ huwa magħruf ħafna għall-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira imma fil-Milied ftit li xejn kien hawn organizzat. Għaldaqstant xtaqna noħorġu b’idea oriġinali. Għażilna li noħolqu presepju ħaj b’tema tradizzjonali Maltija u bnejna l-istorja tal-Milied fuq karattri tipiċi Maltin. L-isfond ta’ dan ix-xelter mħaffer biex jagħti rifuġju waqt it-tieni gwerra dinjija dehrilna li kien perfett sabiex nieħdu n-nies li jiġu jżuruna lura fiż-żmien meta dawn il-ġranet kienu jiġu ċċelebrati b’mod ħafna aktar sempliċi u ġenwin. Tajna l-ħajja lil xi karattri magħrufa u ħallatnihom man-nies komuni sabiex flimkien dawn ifakkruna fil-messaġġ veru tal-Milied.

    L-ewwel rappreżentazzjoni saret is-sena li għaddiet u s-suċċess li kellna għamlilna l-kuraġġ biex dis-sena nerġgħu ntellgħu oħra. Madanakollu biddilna xi karattri ħalli b’hekk inħajjru jżuruna mill-ġdid anki lil dawk li ġew is-sena li għaddiet.”

    L-oriġinalità hija l-ħin kollu fuq moħħ dal-grupp. Tanya kompliet tispjegali…

    “Għalkemm aħna l-atturi għandna skript fuq hiex nimxu, dan qiegħed hemm biex iservi biss bħala bażi. Tant hu hekk illi l-ebda rappreżentazzjoni ma tkun bħall-oħra. Dan għax aħna nistiednu lin-nies jidħlu magħna fl-interpretazzjoni tal-istorja. Għaldaqstant dawk li jinżlu magħna fix-xelter, apparti milli jsegwu dak li jkun għaddej, jistgħu anki jikkumentaw u jidħlu f’diskursata mal-personaġġi. F’xi drabi l-viżitaturi jkunu saħansitra jistgħu jduqu xi platt minestra magħna jew ibillu griżmejhom b’xi tazza nbid mill-ħanut tax-xorb ġor-raħal ħaj li ser isibu fix-xelter.”

    Brian spjegali kif dan ix-xelter jifforma parti minn xelter kbir li kien ikopri l-arja kollha ta’ taħt il-pjazza…

    “Matul it-tieni gwerra, f’dawn in-naħat telgħu bosta refuġjati speċjalment min-naħa tal-Kottonera u għalhekk kien hawn bżonn kbir ta’ xelters imdaqqsin. L-inżul f’dan ix-xelter minnu nfih huwa esperjenza imma meta fost waħda mill-udjenzi nzertajna mara li snin ilu użat dan ix-xelter bħala rifuġju, għal mument kull min kien hemm baqa’ bla kliem. Qaltilna “X’differenza minn kif kien qabel! Jien hawn inżilt fi żmien il-gwerra u llum ġejt bi skop tant differenti!” Huma dawn l-emozzjonijiet li nkunu nixtiequ nqanqlu.”

    Għall-ewwel ma stajtx nifhem x’kellhom x’jaqsmu l-karattri Maltin fl-istorja tal-Milied u għalhekk it-tnejn ramaw jirrakkuntawli l-iskop tagħhom…

    “In-Naplitani jdaħħlu l-karattru ta’ Pulċinella fil-presepju tagħhom. Għalhekk dehrilna li aħna stajna ndaħħlu lil Ġaħan. Ġaħan jixtieq isib il-vera messaġġ tal-Milied u għalhekk jitilqilha jfittex il-grotta ta’ Ġesu… bil-bieb ikaxkar wara dahru. Minflok it-tlett maġi, daħħalna tlett pijunieri Maltin li kollha nzertaw twieldu ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Niltaqgħu ma’ Mikiel Anton Vassalli li fostom narawh jitlob lil Madonna sabiex tgħin lilu bħala missier l-ilsien Malti u lill-poplu kollu ħalli jagħraf juża’ din il-lingwa b’mod tajjeb u mhux biex jidgħi jew jiddisprezza. Xena oħra turina lil Dun Karm Psaila fil-waqt li qiegħed jispira ruħu bix-xena tal-Milied biex jikteb poeżija tiegħu. Insibu lil Dun Mikiel Xerri jitlob l-għajnuna tal-Omm u l-Iben Mqaddsa sabiex dawn jagħtu l-kuraġġ lill-poplu Malti ħalli ma jibżax jistqarr u jiddefendi twemminu – messaġġ importanti issa li għaddejja din il-kontroversja tat-tneħħija tal-kurċifissi. Ma setax jonqos li ninkludu lil San Ġorġ Preca li kien hu li mexxa t-tradizzjoni tal-Milied f’pajjiżna. Interessanti nsemmi li f’dan ir-rwol konna ffortunati li sibna persuna li jixbaħ ħafna lil San Ġorġ innifsu.”

    Sabiex iħawwru din l-atmosfera nsibu wkoll għadd ta’ karattri oħra bħall-kebbies tal-fanali, il-bejjiegħa tal-ħaxix u l-ħobż, l-iskarpan u s-sewwejja tat-toroq.

    “Kull karattru għandu messaġġ x’jagħti. Jiena li naħdem il-parti ta’ Gejta flimkien ma’ ‘oħti’ Berta nilqgħu lill-viżitaturi u nintroduċuwhom minn xena għall-oħra filwaqt li bejn ċajta u nibxa, nirrakkuntaw kif beħsiebna nqattgħu l-ġranet tal-Milied u b’hekk nitfgħu dawl fuq id-drawwiet ta’ dak iż-żmien.

    Karattru ieħor ser narawh qiegħed jixtri xi kannestri u xkejjer tal-ġwież mingħand il-bejjiegħ tal-ħaxix sabiex bihom jibni presepju kbir. Ikun imbagħad proprju dal-karattru li fl-aħħar tal-mawra fix-xelter jieħu lill-viżitaturi jaraw presepju kbir (madwar 13-il pied b’10) li hu jkun bena.”

    Fil-fatt hekk kif irfist fil-każin, sibt lil Brian mimli żebgħa, qiegħed jirtokka dan il-presepju. Il-binja tiegħu kienet tassew impressjonanti, mhux tas-soltu, mimli għerien u grotot imdaħħla f’xulxin. Brian qalli illi ħadmu fuq l-ambjent tal-widien Maltin…

    “Jien ngħix għall-arti u għall-kultura. Kuntent ħafna illi permezz ta’ din ir-rappreżentazzjoni nistgħu nuru kemm dawn il-ġranet tal-Milied m’għandhomx ikunu ġirja sfrenata biex nixtru r-rigali. Infakkru kemm fis-sempliċità tat-tradizzjonijiet Maltin nistgħu nsibu l-veru ferħ li jġib miegħu l-Milied.”

    Tanya għalqet b’dan il-messaġġ…

    “B’kollox qegħdin mal-40 attur u kultant niżdiedu anki naqra aktar! Is-sena li għaddiet kien hemm min tant ħa gost li ddeċieda li jingħaqad magħna u tajnih rwol fl-istorja wkoll. L-etajiet tagħna jvarjaw minn tfal sa anzjani u kollha naħdmu b’għan wieħed… Għalkemm ir-rappreżentazjoni li naħdmu hija fittizja, il-messaġġ li rridu nwasslu huwa “Moħħkhom hemm! Araw x’inhu l-veru Milied!”

    Il-laqgħa li kelli flimkien ma’ Brian u Tanya tant laqtitni li ġieni l-ħsieb li nkompli nfittex dwar kif kien jgħix il-poplu Malti fiż-żminijiet tal-gwerra u x-xelters. L-għażla tiegħi marret fuq il-kittieb magħruf – Ġorġ Peresso. Xejn xejn kienet skuża biex niltaqa’ miegħu u nsir nafu. Hu aċċetta minnufih. Kelli għatx kbir biex nisma’ x’kellu x’jirrakkuntali. U b’dak il-leħen meqjus u mirqum tiegħu ma ridtx ħafna biex moħħi jara stampa ċara tal-ħajja ta’ dak iż-żmien….

    “Jien twelidt fid-9 ta’ Settembru 1930, f’dawk il-ġranet meta ġiet proklamata l-gwerra. Dakinhar missieri, li kien jaħdem ma’ tal-irmonk, kien qiegħed jitfa’ blokkijiet kbar fil-bajja tal-Mellieħa bi Gorg Peressopreparazzjoni għall-attakki mill-baħar fuq pajjiżna. Naturalment l-ewwel snin ma niftakarhomx imma niftakar lill-familjari tiegħi jirrakkuntaw… Sakemm il-gwerra kienet għadha n-naħa ta’ fuq, bejn l-Ingliżi u l-Franċiżi, f’Malta ma konnix affettwati imma l-preparamenti għaliha xorta bdew fostom bit-tħaffir ta’ bosta xelters. Meta mbagħad Mussolini ssieħeb ma’ Hitler, Malta daħlet b’ruħha u sniena fil-gwerra tant li b’mod immedjat, għall-ħabta tas-7:00am ġejna attakkati mill-ajruplani Taljani.

    Aħna konna ngħixu l-Birgu u għall-bidu missieri ma xtaqtx jitlaq minn hemm ħalli ma jitbiegħedx wisq mill-post tax-xogħol. Imma meta l-Birgu beda jiġi attakkat b’qilla kbira kuljum u l-ħin kollu, ma baqgħatilnix għażla oħra ħlief li ndabbru rasna. Morna noqogħdu man-nanna f’Birkirkara fejn hi kienet refuġjata għand xi ħbieb tagħha.

    Birkirkara ma tantx kienet ibbumbardjata u allura l-aktar li niftakar xi bomba tfaqqa’ ‘l hemm u ‘l hawn. Imma darba waħda waqgħet bomba ħdejn il-Knisja ta’ Santu Rokku, qrib ta’ fejn konna noqogħdu aħna u dakinhar mietu ħafna nies.

    Meta l-gwerra bdiet tiqliel ġieli nqatlu mat-30 persuna kuljum: kien hemm min baqa’ jippersisti li jibqa’ jgħix ġo daru akkost l-attakki kontinwi, oħrajn ma kienux laħqu daħlu fix-xelters, filwaqt li bosta oħra mietu waqt li kienu qed jikkumbattu fuq il-kanuni. Kien hemm uħud li saħansitra mietu waqt li kienu għall-kenn tax-xelters – każ partikolari minnhom seħħ f’Ħal-Luqa meta ntlaqtu ż-żewġ bokok ta’ xelter, infaqgħu xi kanen u n-nies mietu mgħarrqa fih. Illum hemm triq imsemmija għal dan l-avveniment.

    L-1942 kienet l-aktar sena kerha għal Malta b’mod partikolari April meta fostom waqa’ t-teatru rjal, niżlet il-bomba fuq il-Knisja tal-Mosta u ġara l-każ li semmejtlek f’Ħal-Luqa. Kien il-konvoj ta’ Santa Marija li wasal f’Awwissu ta’ dik is-sena li salva lil Malta. Illum li għaddew 50 sena minn dal-ġrajjiet, inħarġu fil-beraħ id-dokumenti tal-gwerra mill-uffiċċju tal-Ingilterra fejn fihom ġie żvelat illi Malta kienet waslet biex iċċedi lill-Italja għax ma kelliex biex tkompli tissielet. Għall-kuntrarju ta’ kif ħafna jaħsbu, illi l-Maltin salvaw għax il-konvoj ipprovdiena bl-ikel, fir-realtà dan għenna billi ġab miegħu ukoll numru ta’ armamenti, bombi, petrol, fuel u spare parts għall-ajruplani. Minn Malta imbagħad tħejjiet l-invażjoni fuq Sqallija u hekk kif dawn ma setgħux jużaw aktar l-ajruporti tagħhom, Malta ma baqgħetx issofri aktar attakki. Kultant kien jersaq jattakkana xi ajruplan Ġermaniż imma nistgħu ngħidu illi mal-1943 l-gwerra mill-ajru f’Malta kienet spiċċat.”

    Meta nisma’ dawn il-ġrajjiet insibha diffiċli biex nemmen li pajjiżna għadda minn dan kollu… sakemm nitla’ l-Belt u nsib ma’ wiċċi t-teatru rjal għadu mfarrak s’issa! Imma meta wieħed jgħix ġrajjiet bħal dawn x’iħallu fil-fond ta’ qalb bniedem?

    “Tħalla fija s-sens favur il-paċi u d-diplomazija. Tnisslet ukoll fija ċertu biża’ mid-djar imġarrfa…

    Niftakar li meta kelli madwar sebgħa snin, morna lura fil-Kottonera. Ma stajnix immorru noqogħdu l-Birgu għax dan kien sar ħerba waħda. Minflok morna ngħixu Bormla, n-naħa ta’ Santa Margerita. Issa kont kbir biżżejjed biex nifhem li kien hemm gwerra. Li ma konnix nafu kien li hemmhekk konna qed ngħixu fuq numru ta’ bombi mhux sploduti, tant li darba ħarġuna minn djarna għax sabu waħda! Għalkemm ma kontx imdejjaq ngħix f’Bormla, l-ambjent tat-tifrik kien jimpressjonak. Kull fejn tħares djar imwaqqa’, ċnagen, terrapien, djar mill-isbaħ b’faċċata biss u wara vojt. Ma’ nista’ ninsa qatt dik is-sensazzjoni ta’ biża’ hekk kif tħares minn ġo tieqa ta’ xi dar li fi żmienha kienet mill-ifjen u tara l-qamar jittawwallek minn bejn il-ħitan tal-kmamar tagħha bla saqaf. Id-dehra ta’ dar bla saqaf kienet tħawwadni wisq!

    Bħalissa qed tiġini f’rasi l-purċissjoni tal-Milied li kienet titlaq minn ħdejn id-dar tal-Mużew bil-fanali jixegħlu u l-kliem tal-Verbum Dei Caro Factum Est mixgħula wkoll. Qed nismagħna nkantaw kant sabiħ tal-Milied filwaqt li għaddejjin bejn it-toroq kollha mħaffra u d-djar imġarrfa. Dik l-innoċenza tal-Milied imħallta mal-kruha tat-tiġrif tal-gwerra għadha f’moħħi daqs xena b’kuntrast minn xi film tal-waħx.”

    Is-sens tat-tiġrif ħalla mpressjoni kbira fuq il-ħajja ta’ Ġorġ. Imma xorta waħda kellu rakkont ħelu x’jirrakkuntali relatat ma’ dan…

    “Akkost li kont nibża’, l-kurżità kienet tegħlibni u flimkien ma’ sħabi kont immur nesplora xi dar abbandunata. Għadhom jiġu quddiem għajnejja sa llum iz-zukklatura mpinġija u l-fuklar bil-madum taċ-ċeramika li darba sibna ġewwa dar li fi żmienha kienet tas-sinjuri. Hawnhekk iddeċidejna li nibnu palk tal-ġebel u konna nagħmlu t-teatrin. Jum minnhom tawni parti fejn kelli nadura alla falz u quddiemi ġabuli ritratt sabiħ ta’ Doris Day!”

    Aktar ma bdejna nitħaddtu, aktar bdew jitqanqlu l-memorji…

    “Għandi storja ħelwa oħra li tkexkek fl-istess ħin. Mela meta tkun żgħir tibda tisma’ l-kbar jitkellmu u ma tantx tifhem x’inhu jingħad. Meta mbagħad tikber, kollox jibda jieħu postu u tara stampa aktar ċara. U hekk sirt naf min kienu Hitler u Mussolini. Darba minnhom fit-triq tagħna smajthom jgħidu li kienu ser jgħallqu lil dawn it-tnejn u beżgħan kif ukoll kurjuż mort narahom. Minn ġol-gallerija ta’ dar nofsha mwaqqgħa kienu qed iniżżlu b’ħabel żewġ trajbi. Fuq il-ħwejjeġ tagħhom in-nies spjegawli li wieħed kellu miktub Hitler u l-ieħor Mussolini. Hekk kif dendluhom in-nies ramat iċċapċap, tidħak u twaddbilhom l-affarijiet. Bdiet ħierġa l-frustrazzjoni tan-nies, anki ta’ dawk li forsi għall-ewwel kienu emmnu li t-Taljani kienu ser jitfgħawlna l-fjuri u mhux il-bombi. Ngħid is-sew jien dak il-ħin tħassarthom lil dawk iż-żewġ mgħallqa għax ma ndunajtx li kienu pupi tat-tiben. Mort maħsud id-dar u kif ktibt fil-ktieb li għadni kemm ħriġt ‘It-Tifel tan-Nanna’ hekk kif ommi fehmitni x’kien ġara u min kienu dawk iż-żewġ individwi, dik kienet l-ewwel u l-aħħar darba li tħassarthom.”

    Ġorġ għażel li jagħlaq b’dan il-kliem…

    “Meta sirt abbati fil-Knisja ta’ Santa Tereża fil-Milied kont ninżel ngħin il-quddiesa ta’ nofs il-lejl. Kont noqgħod nixxennaq biex xi darba nagħmel dik il-priedka sakemm darba għamiltha. Wara l-quddiesa l-fra kien jagħtina torta żgħira, tajba ħafna, tal-marmorata bil-bambin tax-xemgħa fuqha. Kumbinazzjoni l-mara tiegħi Isabella fil-Milied tagħmel din it-torta u b’hekk mingħajr ma taf qegħdha tkompli din it-tradizzjoni marbuta ma’ tfuliti.”

    Bla dubju issa aktar tħajjart immur inżur din ir-rappreżentazzjoni tal-Milied Fix-xelter. U hekk kif ser inkun qed insegwi dak li l-atturi ser jippreżentawli, m’għandix għalfejn nitħasseb aktar jekk hux ser nixrob l-atmosfera tal-post!

    Kull rappreżentazzjoni tieħu madwar 20 minuta u titlaq minn ħdejn il-bieb tal-Każin ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ. Il-pubbliku jista’ jattendi għalihom f’dawn il-ġranet u l-ħinijiet: illum il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2009 mill-10:00am sa 12:00pm u mill-5:00pm sat-8:00pm. Mit-Tnejn 28 sal-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2009 mis-6:00pm ‘l quddiem. F’każ li jkun hemm gruppi li jixtiequ jorganizzaw żjara, inkluż għat-turisti, jistgħu jċemplu fuq 79270400 jew email fuq pageantgroupstphilip@gmail.com. Id-dħul huwa bla ħlas imma donazzjoni tkun apprezzata.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Diċembru 2009)

    2009.12.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi