Posts Tagged ‘minjatura’

  • Is-siwi ta’ dak li ma jiswiex

    Joe Cachia.JPGIl-forom strambi li jiehdu s-sigar fin-natura.jpg

    Guzeppi Busuttil - l-ewwel bonsajist f'Malta.JPGFiku - bonsaj.jpg

    Ma tistax ma taffaxxinax ruħek meta tara s-siġar tal-bonsaj! Is-sengħa wara din l-arti ħajja li kapaċi ċċekken siġra daqshiex f’waħda ċkejkna, hija xi ħaġa tal-meravilja. L-idea ta’ dawn l-istil ta’ siġar inħolqot fiċ-Ċina u aktar tard żviluppat ukoll fil-Ġappun, sakemm f’dawn l-aħħar snin xterdet ukoll mal-bqija tad-dinja. Jidher li hawn Malta, l-ewwel esebizzjoni tal-bonsaj saret fl-1991 mill-Bonsai Culture Group (Malta) u minn dakinhar ‘l hawn din l-Għaqda ħadmet qatiegħ biex iżżewweġ din il-kultura barranija flimkien ma’ dik Maltija, fosthom billi tittanta tkabbar siġar tal-bonsaj li jiffurmaw parti mill-pajsaġġ tipiku Malti.

    “Hemm min hu tal-idea li din id-drawwa taħqar jew tkasbar is-siġar billi ma tħallihomx jikbru b’mod naturali,” beda jispjegali Joe Cachia, il-PRO tal-Bonsai Culture Group (Malta). “Imma jekk inħarsu ftit lejn in-natura nnifisha ninnutaw illi s-siġar jgħaddu minn ħafna trasformazzjonijiet minħabba l-elementi naturali, fosthom bir-riħ, bin-nixfa u bis-sajjetti li spiss jirriżultaw f’forom strambi.”

    L-għan prinċipali wara s-siġar tal-bonsaj

    “Fir-realtà l-għan prinċipali wara s-siġar tal-bonsaj huwa li tinħoloq xena ta’ armonija u ġmiel li tfakkar is-sbuħija tal-ħolqien u tal-ambjent. Iz-zkuk mgħaqqdin u mgħawwġin jirriflettu l-passaġġ taż-żmien u jnissel ir-rispett lejn dawn is-siġar ċkejknin. Hemm filosofija sħiħa wara din is-sengħa li primarjament tiffoka fuq il-bilanċ bejn id-Divinità (Alla, Buddha eċċ), il-bniedem u n-natura,” kompla jgħidli Joe.

    “Is-siġra tal-bonsaj u l-kontenitur tagħha huma żwieġ armonjuż bejn it-tnejn fejn wieħed jikkumplimenta lill-ieħor. Infatti ħafna mill-kontenituri jinħolqu sabiex joħorġu l-ġmiel tas-siġra speċjalment f’dak li hu kulur, forma u qies tagħha. Anki l-arti tal-manifattura ta’ dawn il-kontenituri taċ-ċeramika huma parti mit-tradizzjoni antika taċ-Ċina u tal-Ġappun.”

    “Il-bonsaj juru s-siwi ta’ dak li ma jiswiex. Is-sengħa tal-bonsaj hija forma ta’ arti ħajja li ġġib is-sliem u t-trankwillità u tgħin bħala terapija għall-qalb imnikkta. Hija wkoll dixxiplina li tgħin fl-iżvilupp mentali u filosifiku tal-bniedem.”

    L-oriġini kienet fiċ-Ċina

    Għalkemm ħafna jaħsbu illi l-idea tal-bonsaj ħarġet mill-Ġappun, fir-realtà din is-sengħa bdiet fiċ-Ċina żmien twil ilu. Fil-qabar tal-Prinċep Zhang Huai li jmur lura għal madwar 706 W.K, instabu tpinġijiet varji li juru xi nisa li kienu qed joffru minjaturi ta’ xeni b’pajsaġġ imżejjen bil-blat u l-pjanti żgħar impoġġijin ġewwa dixxijiet baxxi.

    Jingħad li l-ewwel speċi ta’ siġar li ntużaw f’dan il-qasam inġabru mill-pajsaġġ naturali u ntagħżlu minħabba li kellhom zkuk b’għamliet mhux tas-soltu. Ftit ftit dawn is-siġar bdew jitqiesu bħala sagri u biż-żmien il-bniedem għaraf kif hu stess seta’ jimmanipula s-siġar sabiex dawn jieħdu forom uniċi.

    “Fiċ-Ċina din is-sengħa ngħatat l-isem ta’ penjing li tfisser xena ġewwa dixx. L-iskop ta’ dawn ix-xeni kien li joħolqu impressjoni sabiħa tan-natura fil-minjatura u għalhekk kienu jintużaw elementi naturali biex jibnuha bħal pjanti u ġebel. Madanakollu, biex ix-xogħol jidher isbaħ, dawn kienu jiġu rranġati wkoll b’xi figuri ta’ bnedmin jew annimali,” qalli Joe.

    “L-ewwel li ħolquhom kienu aristokratiċi Ċiniżi tal-qedem li kienu jemmnu li s-siġar żgħar xjuħ u ta’ surijiet strambi kellhom setgħat imsaħħra. Tant hu hekk li l-ewwel qsari kienu għotjien ta’ ġarar reliġjużi li jkunu jfakkruhom fil-muntanja Penglai, li kienet muntanja msaħħra fejn kollox kien sewwa u tajjeb. Fl-istess ħin, il-passatemp li tkabbar siġra stramba kienet tagħti lok għall-konversazzjoni interessanti meta kienu jistiednu lil xi ħbieb. Madanakollu, lejn l-aħħar tas-snin sittin xi studenti fiċ-Ċina ħolqu moviment sabiex jeqirdu dak kollu li kien ifakkar il-passat fewdali u s-sistema aristokratika, u sfortunatament bosta kollezzjonijiet tal-penjing ġew distrutti jew mitluqa.”

    “Fil-mużew ta’ Penjing fil-Ġonna Botaniċi ta’ Shangai wieħed jista’ jsegwi l-evoluzzjoni ta’ dawn is-siġar permezz ta’ diversi disinji u pitturi li jmorru lura għall-perjodu tas-6 u d-9 seklu W.K. Maż-żmien il-penjing li kienet ‘xena ġewwa dixx’ inbidlet f’penzai li kienet tfisser ‘siġar qawwijin u sħaħ ġewwa dixx’.

    Il-Ġappuniżi sejjħulha bonsaj

    Jingħad li madwar 1,200 sena ilu, l-ewwel pensai miċ-Ċina ddaħħlu fil-Ġappun bħala xbiehat reliġjużi u minn hemm żviluppa l-isem ta’ bonsai (li hija traduzzjoni tal-kelma Ċiniża penzai). Ta’ min jgħid illi l-kultura Ċiniża kienet taffaxxina ferm lil Ġappuniżi u infatti huma adottaw bosta drawwiet minn dan il-pajjiż.

    Għall-kuntrarju ta’ min jaħseb li dawn is-siġar jinħaqru meta jinbidlu f’minjaturi, elf sena ilu, xi ħadd fil-Ġappun kiteb illi “is-siġar li jitħallew jikbru fin-natural, jikbru bl-addoċċ u bla ebda sura. Huwa biss meta l-bniedem jikkurahom b’imħabba li dawn jingħataw forma u stil li kapaċi jqanqlu lil min iħares lejhom.”

    Intant Joe spjegali illi “filwaqt li fiċ-Ċina sar attentat biex dawn it-tip ta’ siġar minjatura jinqerdu, il-Ġappun kien qed jagħmel minn kollox biex ixerred il-kultura tiegħu mal-pajjiżi tal-Punent, fejn fosthom kienet qed tiġi ntrodotta wkoll l-idea tal-bonsaj bħal ngħidu aħna permezz ta’ films popolari bħal Karate Kid (1984).”

    In-namra mal-bonsaj f’Malta

    L-ewwel darba li Joe sar jaf b’din is-sengħa antika kien fl-1968 meta qara artiklu dwarha fuq rivista barranija. “Mill-ewwel għoġobni dan il-passatemp għax fih rajt xaqq dawl li tani ħjiel kif nista’ nimla l-vojt li d-deru u s-sagħtar nexfin kienu qed iħallu fil-presepji li kont inħobb nagħmel. Meta kont żgħir, kienet tkun l-hena tiegħi li ngħin lil missieri jagħmel il-presepju mill-kartapesta fejn wara li kienet tinxef iż-żebgħa, konna npoġġu ġewwa fih il-pasturi u xi zkuk biex jirrappreżentaw siġar żgħar. Niftakar li minn Għajn Żejtuna kont naqta’ d-deru u s-sagħtar biex iħaddru lill-presepju. Imma bil-kemm kien jasal San Stiefnu, li dawn ma kienux jidbielu, iwaqqgħu l-weraq, u l-frott ħamrani tad-deru jinxef! Kont nixtieq ferm li jkolli xi ħaġa li ma tmutx, xi siġar żgħar li jgħixu mqar minn San Stiefnu sat-Tre Re! Iżda għalkemm dan l-artiklu nebbaħni dwar din il-possibilità, ma kien hemm xejn fih li tispjega kif tkabbar jew tieħu ħsieb il-bonsaj,” tarraffli Joe.

    “Kellhom jaslu s-snin tmenin sabiex nara l-ewwel bonsaj, f’Malta. Kienet ta’ Ġużeppi Busuttil (ara ritratt fuq), mis-Siġġiewi, li kien ilu jkabbarhom għal iktar minn tletin sena u għalhekk nemmen li hu kien l-ewwel bonsajist f’pajjiżna. Ftit wara sirna ħbieb kbar u beda jgħallimni milli kien jaf. Xtieli ta’ siġar kelli kemm trid, peress li kont nieħu sehem fil-Kampanja ‘Kabbar Siġra’ iżda qsari tagħhom ma kontx insib. Ix-xorti laqqatni maċ-ċeramista Maltija, Sina Farrugia, li b’paċenzja kbira wrietni kif naħdimhom mit-tafal li kont nixtri, u konna naħmuhom ġol-forn tal-iskola, fejn konna ngħallmu t-tnejn.”

    “Intant, fin-naħa l-oħra ta’ Malta, fil-Liċeo tas-Subien f’Tal-Ħandaq, żewġ għalliema oħra, Carmelo Busuttil u Joe Casha, wkoll kienu bdew jesperimentaw bil-Bonsaj. Sirt naf bihom wara li fl-1992 huma tellgħu wirja ta’ bonsaj fl-Imdina, flimkien mal-Friends of Japan Society u studenta tiegħi qaltli dwarha. Meta ltqajt magħhom skoprejt li dawn kienu għadhom kif waqqfu il-Bonsai Culture Group (Malta) u dlonk dħalt membru. Minn hemm bdiet tittella’ wirja kull sena u din id-drawwa għadha għaddejja sa llum.”

    Is-siġar li jistgħu jsiru bonsaj

    L-esperti jsostnu illi prattikament kull siġra tista’ tinbidel f’bonsaj. Però wieħed irid iżomm f’moħħu s-sens ta’ proporzjon li huwa fundamentali f’dan il-qasam u għalhekk, dawk is-siġar li għandhom weraq kbar m’humiex ikkunsidrati bħala adattati ħafna.

    “L-iktar siġar lokali li huma ideali għall-bonsaj huma ż-żebbuġa selvaġġa, il-ħarruba, id-deru, l-għargħar, il-ġniepru, il-prinjoli, l-ulmu u t-tina.”

    Il-ħarruba

    “Il-ħarruba hija waħda mis-siġar li wħud iqisuha difettuża għall-prattika tal-bonsaj minħabba li għandha l-weraq kbar. Dan il-fatt jagħmilha diffiċli li wieħed ikollu siġra folta għax il-weraq jikbru fuq zkuk iżgħar li jkunu kemmxejn twal bejn werqa u oħra u għalhekk il-ħarrub jidher isbaħ meta jitkabbar daqsxejn. Min-naħa l-oħra, il-ħarrub ftit li xejn jimrad, ħlief li jbati mill-istagħdir tal-ilma,” infurmani Joe.

    “Iżda nzerta li l-ħarruba hija waħda mis-siġar l-aktar għal qalbi, anki għax ir-riħa tagħha tqabbadni nostalġija kbira ta’ meta kont għadni tifel niġri fl-inħawi tal-Mellieħa u ta’ Selmun qalb dawn is-siġar antiki u sbieħ. Mill-esperimenti li għamilna fl-Għaqda s’issa sibna illi l-aħjar u l-eħfef mezz kif tnissel il-ħarrub huwa billi tiżra’ ż-żerriegħa tagħhom għax mit-tirqid fl-art għadna qatt ma rnexxielna nieħdu siġar.”

    “Xi wħud li jkabbru l-ħarruba bħala bonsaj, anki f’pajjiżi oħra, jsostnu illi din hija siġra mill-aqwa għall-bonsaj. Hija siġra li tikber bil-mod. Għandha ħafna għeruq li huma l-punt dgħajjef tagħha minħabba li huma delikati hafna. Meta tkun żgħira tkun sensittiva ħafna imma la darba tikber, issir b’saħħitha u tiflaħ kwazi kollox.”

    Il-ġingko – siġra li sfidat il-bomba atomika

    “Siġra oħra li għandi rispett kbir lejha hija l-gingko. Man-nies li jipprattikaw l-arti tal-bonsaj, din hija magħrufa bħala waħda mill-aqwa siġar li tista’ tkabbar f’minjatura. F’Malta ftit li xejn hawn gingkos imħawwla f’ġonna pubbliċi, probabbilment għax hi tippreferi art niedja.”

    “Sadanittant ħafna oħrajn japprezzaw il-gingko minħabba li din hi tassew siġra unika. Jaħsbu illi l-ispeċi tagħha ilha teżisti ‘il fuq minn 270 miljun sena, jiġifieri ferm qabel l-eżistenza tad-dinosawri. Fatt interessanti huwa illi din is-siġra kienet maħsuba li nqerdet għal kollox minn wiċċ id-dinja miljuni ta’ snin ilu, sakemm darba minnhom instab li din kienet għadha teżisti fil-ġonna tat-tempji Buddisti. Minn dawn il-postijiet fil-Ġappun, ittieħdet xi żerriegħa tagħha lejn l-Ewropa u din bdiet titkabbar fl-Olanda, fil-Ġermanja, fid-Danimarka u fl-Irlanda fejn tawha l-isem “Siġra tat-Tempji”, mentri fi Franza u fi Spanja bdew isejjħulha s-”Siġra tal-Pagoda”.”

    “Intant, il-potenzjal ta’ din is-siġra deher biċ-ċar meta fis-6 t’Awissu 1945, l-Amerikani tefgħu l-bomba atomika fuq Hiroshima l-Ġappun li qerdet dan il-post kważi għal kollox. Imma mhux lil gingko li kienet tinsab inqas minn 1000 metru ‘il bogħod mill-epiċentru! Infatti, it-tempju li kienet tinsab fih inqered, filwaqt li s-siġra bil-blast ġiet mitfugħa la ġenbha, imma din bdiet tarmi l-weraq ġdid f’inqas minn xahar wara, u sa llum għadha ħajja. L-istess ġralhom mill-inqas ħames siġar tal-gingko oħra. Mhux ta’ b’xejn li l-gingko hija meqjusa bħala s-siġra tat-tama!”

    Kif tinħoloq siġra fil-minjatura?

    “M’hemm l-ebda seħer involut! Is-sigriet għas-suċċess fil-bonsaj huwa l-imħabba u d-dedikazzjoni, flimkien ma tisqija bil-għaqal! Bażikament dawn is-siġar jinżammu ċkejknin billi wieħed inaqqi l-weraq ġdid u jnaqqas mill-għeruq b’kura, b’paċenzja u b’rispett.”

    “Mhux ħafif li ssib kliem tajba biżżejjed li jfissru l-emozzjonijiet kollha li jħoss wieħed meta joqrob lejn siġra bonsaj. Però ħarsà iktar mill-qrib lejha tagħti tifsira iktar valida. Kull min għandu xi siġra tal-bonsaj jista’ jispjegalek kemm dan il-passatemp jagħtik ferħ u serħan il-qalb. Kif tkellimna, kien hemm żmien meta dawn kienu meqjusa bħala ħwejjeġ sagri, imma llum hemm min jikkunsidrahom bħala pets, filwaqt li oħrajn ixebbħuhom ma’ poeżiji 3D.”

    “Jekk wieħed jagħraf jieħu ħsieb dawn is-siġar, iċ-ċokon tagħhom joffri l-opportunità li wieħed ikabbar foresta sħiħa ġo bitħa żgħira! U speċjalment f’dawn l-aħħar snin, meta sfortunatament qed naraw l-ambjent jittiekel ftit ftit u jogħsfor minn quddiem għajnejna, li jkollok siġra ċkejkna taż-żebbuġ jew tat-tin f’darek, protetta minnek, żgur li toffrilek sodisfazzjon li xejn aktar ma jista’ jagħtik.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (15 parti) fit-Torċa tas-17 t’Awissu 2014)

    2014.08.17 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-KOBOR FIL-MINJATURA

    Ħarreġ lil moħħok biex jaħseb dwar affarijiet kbar għax inti qatt ma tista’ tasal aktar milli kapaċi taħseb… Benjamin Disraeli (1804-1881)

    Jiena persuna li nħobb nissorprendi, forsi għax personalment niddejjaq nagħmel l-istess affarijiet. Ir-ritwali u r-ripetizzjonijiet jifgawni. Wara ftit tal-ġranet nagħmel l-istess ħaġa, nibda nħoss il-bżonn ta’ arja ġdida, il-ħtieġa li niftaħ ġwienħajja u ntir il-bogħod minn dik is-sitwazzjoni.

    Ikolli nammetti li mhux minn dejjem kont hekk. Sa ftit snin ilu kont nemmen illi l-konswetudni tal-ħajja toffrilek protezzjoni u sigurtà u sa ċertu punt hekk hu. Iżda ta’ dan trid tħallas prezz għali – dak li ma tieħux riskju u li toħnoq is-sens ta’ avventura ġewwa qalbek. Huwa ħafna aktar faċli tgħix bl-inqas riskju possibbli għax hekk tiżbalja ħafna inqas. Imma mbagħad kapaċi jiġrilek bħal dak illi difen it-talenti tiegħu u b’hekk qatt ma kattarhom. Min jaf il-Bibbja, jaf l-istorja kif tkompli….

    Bl-istess għan meta nkun qed nagħżel x’ser nippreżentalkhom kull ġimgħa, nipprova noħloq varjetà. Inkun nixtieqkom tistaqsu ‘Min jaf biex ser toħroġ did-darba?’. Huma bosta dawk li qegħdin taħt il-mira tal-pinna tiegħi. Imma mbagħad hemm min jissorprendini billi jieħu l-inizzjattiva hu stess billi jistedinni mmur nixtarr dak li hu għandu għal qalbu. Tiskanta, f’dawn il-każi kull darba nibqa’ meraviljata bil-kapaċità ta’ ċertu individwi li darba kellhom ħolma u ħadmu biex għamluha realtà!

    “Għandi knisja minjatura imma kbira tant li tidħol fiha…” stadni Simon Mercieca biex iqanqalli l-kurżità. Għedt tidħol fiha x’jiġifieri? Forsi ddaħħal naqra rasek u tittawwal ġewwa? Iżda kemm kont il-bogħod! Kif Simon bexxaq il-bieb fuq il-kapolavur tiegħu, kelli nisforza biex ma jaranix b’ħalqi miftuħ!

    Quddiemi tfaċċat minjatura ta’ knisja mill-isbaħ. Id-dettallji li fiha jitilfuk, tant li kull darba li tifrex ħarstek fuq xi naħa minnhom, tirrealizza li d-darba ta’ qabel kienet ħarbitlek xi ħaġa.

    “Mibnija fuq skala wieħed għal kull sitta,” bdieli d-diskors Simon meta ra li kont bqajt bla kliem. “Hi 25 pied fonda, 15-il pied wiesgħa u għolja 11-il pied.”

    Il-preċiżjoni u l-professjonalità tax-xogħol huma ta’ livell tali li għal darba ħassejtni fini daqs ġgant hekk kif dħalt nimxi ġewwa fiha. Daqs li kieku dħalt f’xi xena mir-rakkont ta’ Gulliver u n-nies ċkejknin tal-post daħħluni fil-knisja tagħhom.

    “Dil-knisja hija maħduma fuq stil Barokk u għandha forma ta’ salib Latin. Fiha 15-il artal: l-artal maġġur, 8 artali matul iż-żewġ korsiji, 2 fil-kappelluni u wieħed fil-kor, ieħor fil-kappella tas-Sagrament, ieħor fl-oratorju u ieħor fis-sagristija.”

    Kull artal kellu xi xogħol artistiku jżejjnu…

    “Dawk ix-xogħolijiet huma pitturi ta’ veru maħduma minn artisti professjonali,” kompla jispjegali. “Barra minn hekk bosta minnhom huma kopji ta’ xogħlijiet li jinstabu fil-knejjes tagħna. Ħa nsemmilek Simon Merciecax’uħud… hawn kopja tat-titular l-antik tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla u dik tas-Sacre Cuor f’Tas-Sliema. Imbagħad hemm tal-Mosta, ta’ Ħaż-Żebbuġ, ta’ Ħal-Luqa u tal-Għargħur. Hemm ukoll xogħol minnhom li kkupjajnih minn ktieb li rajna ta’ pittura barranija u ieħor li ħdimnih oriġinali apposta imma b’idea minn pittura ta’ Giuseppe Calì. L-uniċi xogħlijiet li mhumiex pitturi huma l-kwadri tal-Via Sagra għax dawk huma santi. Interessanti tinnota illi dak il-kurċifiss li hemm fil-kappellun tax-xellug huwa kopja tal-kurċifiss li jinsab fil-Knisja ta’ Ġieżu, l-Belt Valletta u huwa xogħol ta’ Pullu Magro. Fil-kappellun l-ieħor hemm kopja tal-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu li hemm fiż-Żejtun. U fil-kappella tas-Sagrament hemm kopja ta’ San Pawl tar-Rabat.”

    Hekk kif ħarsti waqgħet fuq is-sedji tal-kor miżbugħin kulur il-kewba, donni bdejt nagħraf ix-xebħ ma’ knisja partikolari u xtaqt inkun naf kellix raġun…

    “Ifhem, jekk toqgħod tqis, il-knejjes tagħna għandhom ħafna xebħ bejniethom. L-istil tal-mudell tiegħi huwa liberu u mhux marbut ma’ knisja partikolari. Però tista’ tgħid li niġi mnebbaħ ħafna mill-knejjes tagħna. Ormaj il-festi saru parti minn ħajti, mhux il-marċi taf imma l-knejjes. Nieħu l-kamera miegħi u noqgħod napprezza u noħlom. Meta tolqotni xi ħaġa neħdilha diversi ritratti sabiex b’hekk inkun nista’ nifliha minn kull angolu. Permezz t’hekk ma jkollix għalfejn nerġa’ mmur fuq il-post jekk jinħoloqli xi dubju jew xi diffikultà.”

    Flimkien ma’ Simon kien hemm ukoll missieru Salvu li jgħinu ħafna fix-xogħol ta’ dan il-mudell…

    “Ħares il-fuq lejn il-koppla,” qalli Salvu. “Dik hija l-koppla tal-Knisja ta’ Bormla. Ħadna magħna fotografu professjonali fuq il-post u mbagħad hu kabbrilna r-ritratt biex joqgħod fil-qies li ridna. Min-naħa l-oħra, għas-saqaf ħadna l-idea mill-Knisja tal-Gudja.”

    Kont kurjuża nkun naf kif nibtet din l-idea f’moħħ Simon. Huwa stqarr miegħi li qatt ma kien abbati imma għamel żmien involut ħafna fil-festi. Bqajt ngħawwar għall-istorja oriġinali…

    “Proprjament jien minn Ħal-Tarxien. Konna ngħixu ħdejn il-Knisja tal-Lunzjata. In-nannu tiegħi kien dilettant ħafna tal-minjaturi u kellu artal li kien għal qalbu ħafna. Darba, meta kont għadni naqra ta’ Il-knisja - minjaturatifel, hu tani artal ċkejken. Ftit wara tħajjart nixtri sett pasturi żgħar minn ħanut u xtaqt inkun naf min ħadimhom. Qassis ħabib tiegħi ħaseb li kienu xogħol Nazzareno Gauci miż-Żejtun, magħruf bħala Diżma. Ħadni għandu imma sibt li ma kienx għamilhom. Madanakollu, waqt li kont hemm, rajtu qed jaħdem sett tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira u ntlift warajhom. Ma qgħadtx bi kwieti qabel xtrajthom. Kien fihom sitt pulzieri kollox imma kienu huma ż-żerriegħa li nibbtu dan kollu,” spjegali hekk kif kburi kburi dawwar idejh madwar il-kobor tal-minjatura tal-knisja tiegħu.

    “Dak kien l-1988. Sena wara biegħħejt kollox u ordnajt sett ieħor ta’ 12 il-pulzier ukoll mingħand Diżma. Għaddew is-snin u llum għandi sett ta’ 12-il vara li huma maħduma mill-artist u statwarju bravissimu Renzo Gauci. L-aktar li jispikka minnhom bla dubju huwa l-monument li ġie wkoll indurat u mlibbes minn David Mercieca.”

    Ma’ kull fejn tmiss, Simon beda jsemmili nies differenti li taw sehemhom biex dan il-mudell jilħaq il-livell professjonali li jinsab fih illum. F’ħin minnhom, it-ton tiegħu nbidel hekk kif urini xogħol partikolari…

    “Dak xogħol Noel Cauchi, ħabib tiegħi li ħadem ħafna xogħol hawnhekk. Sfortunatament, il-ġimgħa li għaddiet kelli mmur għall-funeral tiegħu hekk kif miet ħabta u sabta waqt inċident li seħħ waqt li kien fuq xogħlu. Għadni mriegħed sal-lum bl-aħbar. Lanqas nista’ nemmen.”

    Emozzjonat għall-aħħar Simon urini l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, dik ta’ San Ġużepp u tal-Madonna tar-Rużarju – kollha xogħlijiet mill-ifjen ta’ Noel. Il-lopop li magħhom jiddendlu l-linef tal-knisja waqt il-festa ta’ Corpus Domini wkoll huma xogħlijiet minn tiegħu fost ħafna affarijiet oħra.

    Qlibna d-diskors u Simon kompla jirrakkuntali kif oriġinarjament din il-minjatura kellha l-forma ta’ U u kienet ferm iżgħar minn dik li hemm illum. Fil-fatt kien jarma l-knisja biss għall-Ġimgħa l-Kbira u waqt dawk il-jiem kien jeħodha għal xi wirjiet.

    “Meta xtrajt din id-dar għamilt kamra fuq il-bejt u armajt dal-mudell hemm. Imma mbagħad irraġunajt li kienet ħasra li kont qed nieħu dak ix-xogħol kollu għal 4 ġimgħat fis-sena biss. Iddeċidejt li nżid xi affarijiet oħra fostom il-prospettivi (l-iskultura li hemm madwar il-kwadri tal-artali) u l-artali nfushom. Sa fl-aħħar, fl-2003 ġieni ċans biex nixtri l-garaxx ta’ taħt id-dar u għażilt li nuża parti minnu biex inkabbar dan il-mudell. Issa ilni għal dawn l-aħħar 10 snin inżid fuqu. Dejjem insib xi ħaġa oħra x’nagħmel. Dan l-aħħar żejjint is-saqaf bil-pittura li nħadmet fuq it-tila ġewwa Għawdex mill-pittur Josef Camilleri. Iddekorajt ukoll is-soqfa tan-navi (il-kurituri tal-ġnub tal-knisja) bl-iskultura.”

    Fil-fatt f’dawn l-aħħar snin Simon beda jiftaħ din il-knisja għall-pubbliku…

    “Il-knisja tkun armata f’diversi festi imma għall-pubbliku niftaħha 3 darbiet fis-sena: fil-Ġimgħa l-Kbira, fil-festa ta’ Corpus Domini u f’daż-żminijiet, meta tkun armata għall-festa tal-Lunzjata peress li ħafna drabi din tiġi qrib ħafna tal-Ġimgħa Mqaddsa.”

    Fost l-armar tagħha l-knisja għandha 5 niċeċ li tnejn minnhom ġew skolpiti minn Edmond Sciberras. Fuq in-naħa ta’ barra tal-Knisja, merfugħa f’diversi armarji apposta, Simon għandu t-tiżjin li juża skont il-festa tal-ġurnata.

    “Kull festa għandha l-libsa tagħha u għalhekk jinbidel l-armar skont il-festa. Ngħidu aħna l-ħitan, minflok bl-aħmar kif qed tarahom issa,  fil-Ġimgħa l-Kbira niksuhom b’damask iswed u b’tużell vjola fuq l-L-artal tal-knisja mżejjen għall-festa tal-Lunzjataartal maġġur. Nagħmlu wkoll il-bandalori maħduma bl-idejn minn Anna Giordimaina. Għall-Għid il-Kbir imbagħad għandi l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt maħduma mill-istatwarju Ġlormu Dingli. Fil-Corpus il-konċentrazzjoni tkun fuq l-artal maġġur fejn ikun hemm ġilandra b’raġġiera kbira tar-ram warajha, xogħol ta’ Twanny Zammit u bl-ewkaristija fiha mdawwra b’sett gandlieri u bil-kontri. Għal din iċ-ċelebrazzjoni partikolari għandi wkoll sett linef maħdumin minn Anthony Azzopardi u diversi anġli li huma xogħol Renzo Gauci.”

    Tridu taraw biex temmnu d-dettall ġenwin ta’ din il-biċċa xogħol. Il-kitba tista’ tipprova tiddeskrivi kemm tiflaħ imma tant hemm x’tara li tintilef fuq hiex ser taqbad titkellem. Xogħol Simon huwa għal kollox differenti minn dal-qasam imma permezz ta’ dan id-delizzju huwa tgħallem jaħdem ħafna affarijiet għall-knisja tiegħu…

    “Taf x’jigrilek… ikollok l-għira għax-xogħol, kif jgħidu, u minn hemm u minn hawn tagħmlu. Ġieli noħlom b’xi ħaġa ġdida u nipprova nagħmilha. Ħafna drabi jirnexxieli. Meta ma nasalx, nagħtiha lil ħaddieħor u jagħmilieli hu.

    L-istruttura ta’ dil-knisja bnejnieha jien u missieri bl-għajnuna ta’ Pawlu u Anton Agius flimkien ma’ Mario Vassallo li ħa ħsieb ix-xogħol tal-fibre. Id-diżinn tagħha huwa ta’ Renzo Gauci -l-artist prinċipali ta’ dil-knisja. Prattikament hija mibnija mill-injam u mill-ġibs. Ħdimna s-saqaf mill-aluminium biex ma jkunx tqil wisq.”

    Simon spjegali kemm iddedika ħin għal dan il-mudell. Fil-fatt bħalissa l-knisja tinsab imżejjna b’14-il linfa li ħadulu sena ta’ xogħol bla waqfien biex saru. Iż-żewġ linef il-kbar tal-kappelluni ħadulu madwar sitt xhur oħra.

    Aktar ma jgħaddi l-ħin, aktar bdejt niskopri dettalji interessanti fostom kif ġieli mix-xejn Simon jirnexxielu jagħmel affarijiet mill-isbaħ…

    “Inħobb immur għal car-boot sales u minn hemm insib ħafna affarijiet. Ġieli jdumu s-snin merfugħin għandi sakemm insib użu għalihom. Per eżempju ara, dawn il-globi tal-brazzi huma l-kisja tal-plastik li jkollhom fihom xi ġugarelli żgħar tat-tfal, mentri dawk il-globi akbar tal-linef huma blalen tat-tennis. Dawk t’hemm, ara, huma biċċiet mil-logħob tal-ludo. Dawk l-istilel tal-gandlieri huma studs tal-jeansijiet u dawk t’hemm, li għandhom il-brazzi mdendlin magħhom, huma buttuni kbar tal-kowtijiet. Imbagħad hemm dik il-biċċa mill-linfa li hija pajp irqiq li jintuża għall-akwarjums.”

    Ma tistax ma tammirax tali kreattività. Simon saħansitra tgħallem il-passi bażiċi tal-ganutell minn għand martu biex ħadem il-fjuretti ta’ fuq l-artali. Il-knisja kienet imdawwla bil-linef, brazzi u gandlieri, kollha mixgħula permezz ta’ transformer apposta li oħroġ il-għaġeb, ibnu Mikael ta’ 8 snin diġa’ jaf iħaddem…

    “Peress li kollox jaħdem permezz tat-transformer nagħtih tester u hu joqgħod jiwwajerja l-wires u jqabbad il-linef. Jieħu pjaċir ħafna!”

    Xi xogħol ieħor maħdum apposta fiċ-ċokon, Simon irnexxielu jsibu minn għand kumpannija Ġermaniża li tispeċjalizza f’dawn l-oġġetti. Fost dawn stajt nara buqari, gandlieri, slaleb, il-post fejn jiġi espost is-sagrament u numru ta’ affarijiet oħra.

    Il-lista tal-kwantità tan-nies li ħadmu fuq din il-minjatura huma bla tarf…. Manuel Barbara, ħajjat mill-iprem u kuġin ta’ missieru għamel ix-xogħol tal-pavaljuni li fassal Simon stess. Il-lopop ġew indurati minn Daniel Schembri. Il-Lunzjata, li għaliha hu ddedikat it-titular ta’ din il-knisja, ġiet maħduma minn John Massa bi żgraffit minn Philip Grech. Sett gandlieri mill-isbaħ li kien hemm fuq l-artal huma xogħol ta’ Freddie Cauchi u l-erbgħa nisa bibbliċi huma ta’ Christ Micallef. Fuljett li jispjega fit-tul ix-xogħol li sar fuq din il-knisja nħadem minn Alfred Massa.

    “Nittama li ma nsejt lil ħadd,” qalli Simon hekk kif għasar moħħu biex jara ħallix lil xi ħadd barra. “Jekk fil-każ nitlobhom jiskużawni għax naf li huwa mpossibbli li ssemmi n-nies kollha li ħadmu fiha.”

    Imma wara kollox, x’inhu l-iskop ta’ dan il-proġett?

    “Is-sodisfazzjon li tara x-xogħol tiegħek lest u li tara l-apprezzament tan-nies,” weġibni fil-pront. “Bi pjaċir ngħid li bħal llum sena ġew madwar elf persuna jżuru l-knisja tiegħi. Żaruha ħafna persuni distinti u anki numru kbir ta’ dilettanti ta’ dan it-tip ta’ delizzju. Dis-sena stedint lill-arċisqof biex jiġi jaraha imma s’issa għadni ma nafx jekk hux ser jilqa’ l-istedina tiegħi. Nieħu pjaċir ħafna kieku jiġi.”

    Bla dubju xogħol bħal dan huwa ta’ min jinkoraġġih. Hekk kif sellimna lil xulxin u l-bieb ta’ barra ngħalaq warajja, tħassibt kemm aktar teżori sbieħ bħal dawn jinstabu fis-satra tad-djar tagħna. Nittama li ż-żmien jagħtini parir u li niskopri xi xogħol sabiħ ieħor bħal dan sabiex inkun nista’ naqsmu magħkom.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-29 ta’ Novembru 2009)

    2009.11.29 / no responses / Category: Torca - Perspettivi