Posts Tagged ‘mohqrija fizika u psikologika’

  • MOĦQRIJA FIŻIKA U PSIKOLOĠIKA FUQ IT-TFAL

    Sa fejn għandha tasal id-dixxiplina fuq it-tfal? Il-ġenituri x’jeddijiet għandhom fuq uliedhom? Is-swat fuq it-tfal huwa aċċettabbli? Il-moħqrija psikoloġika fuq it-tfal f’hiex tikkonsisti? Kif tagħraf tfal li jkunu maħqura u x’għandek tagħmel?

    INTERVISTA: JASON COPPERSTONE – Councelling Psychologist

    Fi żmien mhux daqshekk il-bogħod, is-swat fuq it-tfal kien meqjus bħala parti mid-dixxiplina. Fir-realtá kemm inbidlet din l-istorja?

    Nemmen li llum l-istorja hija waħda kumplessa. Għad hemm ħafna kontroversja u dibattitu fuq dan il-punt. Minn banda hemm min jemmen li s-swat għad għandu post fid-dixxiplina. Mhux l-ewwel darba li nisimgħu kummenti bħal “il-ġenituri tiegħi kienu jagħtuni xebgħa meta kont noqgħod imqarba u lili m’għamlitli l-ebda ħsara…”. Mill-banda l-oħra illum il-ġurnata, ħafna individwi – kemm ġenituri, kif ukoll professjonisti ma jaqblux assolutament mas-swat, taħt l-ebda ċirkustanza. Imbagħad jeżistu wkoll numru tan-nies li jsostnu li s-swat (jew aħjar xebgħa) huwa aċċettabbli, basta mhux ta spiss, b’mod kontrollat u bħala ‘last resort’.

    Personalment nemmen li s-swat jirriffletti iktar fuq min qed isawwat milli fuq min qed jaqla’. Fi kliem ieħor, meta l-ġenituri jew min qed jieħu ħsieb  it-tfal isibu rwieħhom isawwtu, speċjalment b’mod frekwenti, jfisser li jkun wasal iż-żmien li jagħtu ħarsa lejn l-istil tal-parenting jew l-istil tal kommunikazzjoni tagħhom. Għalija l-problema mhiex daqstant fit-tfal iżda aktar tinsab fina l-ġenituri, l-għalliema jew kull min għandu d-dmir li jieħu ħsiebhom. Ħafna drabi l-fatt li persuna tasal biex issawwat, hija riflessjoni ta’ nuqqas ta’ kontroll jew sinjal ta’ frustrazzjoni jew anki riżultat ta’ xi problemi li l-persuna tkun qed issib diffiċli wisq biex tgħix magħhom.

    Jekk inħallu barra s-suġġett tal-abbuż sesswali, fhiex jikkonsisti l-abbuż fuq it-tfal?

    Ġeneralment, illum il-ġurnata, kwalunkwe forma ta’ maltrattament, kemm fiżiku jew psikoloġiku, jista’ jiġi meqjus bħala abbuż. Minbarra l-abbuż sesswali, nistgħu nsemmu diversi forom oħra t’abbuż. Jason CopperstoneDawn jinkludu l-abbuż fiżiku, emozzjonali jew psikoloġiku u kif ukoll l-abbandun. Minn dawn, l-iktar abbuż komuni huwa dak fiżiku li jikkonsisti per eżempju fi swat li jwassal għal ġrieħi serji li jinkludu tbenġil u anki ksur ripetut. L-abbuż emozzjonali jew psikoloġiku mhux daqshekk ovvju bħal ma hu dak fiżiku imma xorta jagħmel ħafna ħsara. Eżempju ta’ dan it-tip ta’ abbuż huwa t-tmaqdir kontinwu u ripetut, li jġiegħel lil dak li jkun iħossu mingħajr valur jew li hu persuna ħażina. Fl-aħħar u mhux l-inqas hemm l-abbandun. Dan it-tip t’abbuż jitkellem aktar dwar x’wieħed ma jagħmilx lit-tfal. Jinkludi ħafna drabi n-nuqqas tal-ħarsien tal-affarijiet essenzjali u bażiċi fil-ħajja tat-tfal, bħas-saħħa, edukazzjoni, d-dieta eċċ.

    X’inhuma dawk il-kawżi maġġuri li jwasslu adult u wisq agħar ġenitur biex jabbużaw mit-tfal?

    Din hija domanda diffiċli biex tirrispondiha għax jeżistu ħafna kawżi. Hemm diversi fatturi li jwasslu lill-kbar biex jabbużaw lit-tfal, fosthom ngħidu aħna d-diffikultajiet, id-disturbi psikoloġiċi u n-nuqqas ta’ social jew parenting skills adekwati. Jista’ jkun li l-abbuż iseħħ għax dawn l-individwi ma jkunux jafu jikkontrollaw l-istress tagħhom u allura jispiċċaw jinfexxu fit-tfal. Jista jagħti l-każ ukoll illi l-abbuż ikun mod ta’ kif dawn jakkwistaw il-poter jew biex jiddominaw lill-oħrajn. Kif għedtlek, hemm wisq possibilitajiet u kawżi varji.

    X’inhuma l-konsegwenzi tal-abbuż fuq it-tfal?

    Jiddependi ħafna kemm it-tfal huma kapaċi jirkupraw mit-tip ta’ abbuż li jkunu soffrew. Bla dubju nemmen li l-abbuż dejjem għandu konsegwenzi emozzjonali u psikoloġiċi. L-abbuż jista’ jwassal għal ħafna problemi fuq diversi livelli li jaffettwa il-ħajja ta’ kuljum kif ukoll ir-relazzjonijiet. F’ħafna każijiet naraw nies bi problemi psikoloġiċi u emozzjonali li meta nibdew nesploraw fil-passat tagħhom, insibu li f’ċerti każijiet dawn ikunu soffrew xi tip ta’ abbuż fi tfulithom. Tfal li jkunu abbużati jgħaddu minn diversi emozzjonijiet inkluż il-biża’ u r-rabja filwaqt li uħud iħossuhom “maħmuġin” u ħatja li għamlu xi ħaġa huma u li stiednu l-abbuż b’idejhom. L-abbuż jista’ jkabbar il-vunerabbilta’ ta’ dawn it-tfal u minħabba f’hekk dawn jispiċċaw ibatu aktar tard f’ħajjithom kemm fihom infushom kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħhom. Eżempju ta’ konsegwenza ta’ abbuż jista’ jkun id-dipressjoni li f’ċerti każijiet tista’ twassal għas-suwiċidju.

    X’għajnuna jkollhom bżonn tfal li jkunu għaddew minn abbuż fiżiku, psikoloġiku jew emozzjonali?

    Ovvjament naħseb illi qabel kollox irridu intejjbu s-servizzi tagħna u jeħtieġ li jkun hemm aktar ko-operazzjoni biex inħarsu lil dawn it-tfal. Primarjament irridu inkunu ċerti li l-ambjent tagħhom huwa l-bogħod minn kull periklu. It-tieni irridu naraw li hemm l-għajnuna kollha li dawn għandhom bżonn f’dawk li huma riżorsi u servizzi terawpetiċi fejn jistgħu ikollhom spazju fejn jitgħallmu jiffaċċjaw u jgħelbu s-sitwazzjoni tagħhom.

    X’għajnuna jkollu bżonn dak l-adult li jkun wettaq l-abbuż?

    L-ewwel ħaġa, adult li jkun wettaq abbuż, ikollu bżonn li jiġi analizzati biex nippruvaw nifhmu x’wassal għall-abbuż. Ovvjament m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-att, imma jekk nistgħu nifhmu l-fenomenu tal-abbuż, anki min-naħa ta’ min iwettqu, forsi nkunu f’pożizzjoni aħjar biex ngħinu kemm lil min sofra u kif ukoll lil min wettaq l-abbuż. Ħafna drabi min iwettaq l-abbuż għandu bżonn l-għajnuna sabiex ikun aktar konxju tal-atti u tal-imġieba tiegħu kif ukoll tal-konsegwenzi (sa fejn hu possibbli).

    Tfal li jiġu abbużati mill-ġenituri – x’relazzjoni jkollhom dawn mal-ġenituri tagħhom?

    Ir-relazzjoni hija differenti f’kull każ. Jekk it-tfal jikbru f’ambjent fejn is-swat huwa xi ħaġa normali jistgħu jitilgħu jaħsbu li s-swat huwa parti mill-ħajja ta’ kuljum u jidraw jgħixu hekk.  It-tfal jistgħu wkoll Abbuż fuq it-tfaljieħdu l-messaġġ mingħand il-ġenituri tagħhom illi s-swat huwa kastig għax huma tfal ħżiena u allura jkun hemm relazzjoni ta’ akkużi u ħtija. Fejn ikun hemm relazzjoni ta’ theddid issib li ovvjament it-tfal jippruvaw jgħattu l-abbuż u jekk xi ħadd jistaqsihom dwar xi tbenġil evidenti jippruvaw jivvintaw ħafna stejjer. Issib ukoll relazzjoni ta’ njoranza fejn il-ġenitur jgħidlek “għax jien hekk naf” u t-tfal ma jkunux jafu aħjar minn hekk. Għal tip ta’ ġenituri oħra dan hu mezz kif jakkwistaw il-poter fuq uliedhom u dawn ma jkollhomx għażla ħlief li jisubbixxu. Bla dubju hija r-relazzjoni ta’ rabja li l-aktar li tispikka. Mill-każijiet li naraw, rari issib illi ż-żewġ ġenituri jkunu qed isawwtu lil uliedhom. Hawn joħroġ fenomenu interessanti ferm fejn it-tfal ikunu aktar irrabbjati għall-ġenitur l-ieħor milli għal dak li jkun qed isawwathom. It-tfal ikollhom ċertu stennija li l-ġenituri ser jipproteġuhom u allura ma jkunux jistgħu jifhmu għala l-ġenitur l-ieħor, akkost li jaf sew x’inhu jiġri, mhu qed jagħmel xejn biex iwaqqaf dan l-abbuż. Ma jfissirx li ma jkunx hemm rabja għal dak li qed isawwathom. Imma jkun hemm dik il-karba lejn il-ġenitur sieket – għala m’intix taqbeż għalija?

    Kif nistgħu nagħrfu tfal li jkunu qed jiġu abbużati?

    Hemm diversi indikazzjonijiet u sinjali li jistgħu jissuġġerixxu l-possibilta’ ta’ abbuż. Dawn jinkludu:

    Tbenġil mingħajr spjegazzjoni f’diversi partijiet tal-ġisem li jindikaw l-użu ta’ oġġetti jew strumenti (eż. il- bokkla ta’ ċinturin, ħabel eċċ).

    • Ħruq mingħajr spjegazzjoni, ħruq ta’ sigaretti fuq partijiet tal-ġisem jew ħruq ikkawżat bl-ilma sħun li jirriżulta fi ‘glove’ jew ‘stocking’ marks fl-idejn jew fis-saqajn.
    • Ħruq ikkawżat bil-ħabel (Rope burns).
    • Ħruq infettat li jindika dewmien biex isir trattament jew ħruq fil-forma ta’ xi magni tad-dar eż. ħadida tal-mogħdija.
    • Tibdil  drastiku fl-imġieba u l-emozzjonijiet.
    • Biża’ jew anzjeta’ żejda fil-preżenza tal-ġenitur jew ta’ min jieħu ħsiebhom.
    • Imġieba anti-soċjali, abbuż ta’ sustanzi, jaħarbu mid-dar jew biża’ li jmorru d-dar.
    • Mistħija żejda jew biża’ mill-kuntatt fiżiku.
    • Problemi bl-obeżita’ jew anorexia.
    • Dewmien fl-iżvilupp.
    • Problemi bħal temtim.
    • Krudelta’ lejn persuni u annimali; donnhom jieħdu gost iweġġgħu lil ħaddieħor.
    • Problemi bl-inkontinenza
    • Nuqqas ta’ iġjene personali.
    • Ġrieħi jew mard mhux ittratati.
    • Indikazzjonijiet ta’ espożizzjoni (eż. ħruq tax-xemx, gdiem ta’ insetti eċċ).
    • Attendenza mhux frekwenti l-iskola.
    • Dejjem bil-ġuħ jew għajjenin.
    • Jieħdu wisq responsabbiltajiet tal-kbar.
    • Jirrapurtaw li ma jkun hemm ħadd li jieħu ħsiebhom id-dar.

    Importanti li nifhmu li dawn huma biss indikazzjonijiet u li s-sinjali li semmejt jistgħu jkunu riżultat ta’ problemi oħra u mhux neċessarjament mill-abbuż biss. Imma jekk nindunaw b’dawn l-affarijiet, huwa importanti li s-sitwazzjoni tiġi studjata minn professjonist kwalifikat li jkun jista’ jiddetermina x’hemm wara dawn is-sinjali u joffri l-għajnuna meħtieġa biex inaqqas ir-riskju għat-tfal.

    X’jista’ jagħmel wieħed jekk ikollu dubji serji li hemm xi tfal li qed jiġu abbużati jew maltrattati? U x’passi jittieħdu?

    Ħafna drabi n-nies jibżgħu jirrapurtaw każijiet fejn jissuspettaw jew jafu li hemm każ ta’ abbuż. Jirraġunaw li m’għandhomx jindaħlu jew jibżgħu mill-persuni li iwettqu l-abbuż. Jistgħu wkoll jiġġustifikaw il-fatt billi jgħidu li dan mhux il-problema tagħhom għax it-tfal huma “r-responsabbiltà” jew “il-proprjetà” tal-ġenituri tagħhom.

    Bħala professjonist jiena marbut etikament u legalment (u moralment) li nirraporta lill-awtoritajiet kompetenti kull fejn nissuspetta li jista’ jkun hemm każ ta’ abbuż. Nemmen li dan għandu jgħodd għal kull persuna u mhux biss għal professjonisti. Naħseb li kull wieħed u waħda minna għandna d-dmir u l-obbligu li niddefendu lil min hu aktar vunerabbli fis-soċjetà u li ma jistax ifendi għal rasu bħal ma huma t-tfal.

    F’każ ta’ suspett ta’ abbuż wieħed jista’ faċilment jikkuntattja lill-awtoritajiet kompetenti. Illum jeżistu diversi servizzi għall-ħarsien tat-tfal per eżempju l-linja 179 fejn wieħed jista’ faċilment jagħmel rapport kunfidenzjali, anki anonimu jekk miniex sejjer żball. La darba jsir ir-rapport, sa fejn naf jien, il-każ jiġi nvestigat waqt li jittieħdu l-passi neċessarji biex jitħarsu t-tfal involuti. Fil-fehma tiegħi l-ħsieb tagħna irid ikun l-ewwel u qabel kollox il-protezzjoni u l-ħarsien tal-ġid tat-tfal.

    Kemm hi kbira l-possibilitá li dawk li jkunu soffrew abbuż fi tfulithom, jabbużaw huma stess minn uliedhom aktar il-quddiem?

    Nemmen li l-possibilita’ qegħdha hemm speċjalment jekk dawn jikbru bl-idea li l-abbuż li soffrew kien xi ħaġa ‘normali’ jew il-ħajja hija “hekk”. Teżisti riċerka li tindika li nies li jabbużaw mit-tfal, kienu ġew abbużati huma stess fi tfulithom. Imma nemmen ukoll li jiddependi ħafna  mill-għajnuna li jkunu rċevew jew kif dawn ikunu affrontaw is-sitwazzjoni. Iktar importanti huwa kif qegħdin jaffrontaw is-sitwazzjoni illum il-ġurnata. Naħseb li jeħtieġ li jkun hemm iktar impenn biex is-servizzi kollha involuti f’dan il-qasam kif ukoll il-pubbliku in ġenerali, jaħdmu id f’id biex kemm jista jkun nipprevjenu dawn is-sitwazzjonijiet.

    —————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: ANONIMA – Soffriet abbużi mill-ġenituri meta kienet tifla.

    Kemm kellek żmien meta bdew l-abbużi fuqek mill-ġenituri tiegħek?

    Ma niftakarx kemm kelli żmien meta beda s-swat għax minn dejjem niftakarni naqla’ x-xebgħat. Il-ġenituri tiegħi baqgħu jerfgħu idejhom fuqi saħansitra sa meta kbirt. Kelli nitlaq mid-dar biex jieqaf dan l-abbuż minn fuqi. Meta ma kontx qed naqla’ xi xebgħa, sikwit kont niġi mmaqdra jew mgħajjra. L-iskola kienu għallmuna qawl illi anki ċ-ċawla tara lill-uliedha l-aħjar u l-isbaħ. Imma dal-qawl qatt m’għadd għalija. Tmaqdir mill-barranin iweġġgħek imma meta jiġi mingħand ommok, il-kefrija hija tal-biża’. U meta tkun għadek tifla, temmen kull ma jgħidulek u għadek qed tifforma l-karattru tiegħek, id-danni li jsirulek f’qalbek u fil-karattru tiegħek huma inspjegabbli.

    Kellek ħutek oħra? Il-ġenituri kienu jimxu bl-istess mod magħhom?

    Iva, għandi żewġ ħuti oħra. U dawn l-istess ħajja tiegħi għexu.  Jiena l-kbira u kont nibda nara aħmar meta kont nara lil ommi sejra tiġri warajhom biex issawwathom. Mhux darba u tnejn li qlajtha   intortament meta kont nipprova naqbeż għalihom

    X’taħseb li kienet ir-raġuni wara dan l-aġir?

    Kull raġuni kienet valida biex nissawwtu. Idejn ommi speċjalment kienet ħafifa wisq. Meta ma tasalx bil-kliem biex iġġiegħlek  tagħmel xi ħaġa, mill-ewwel kienet tirreverti għas-swat. Ġieli anki bl-affarijiet li jkollha f’idejha kienet issawwattna, jien naf… per eżempju b’xi kuċċarun, b’xi żarbuna.

    Naħseb li konna nissawwtu għax ommi ma kienetx taf mod ieħor. Kienet tgħid illi meta kienet żgħira, hi kienet taqla’ ferm aktar minn hekk u għalhekk telgħet nies. Jiena l-aktar li kont nissawwat  meta ma Anonimakontx naċċetta li nagħmel xi xogħol id-dar li kont niġi mqabbda nagħmel. Kont nisma’ lit-tfal l-oħra jilgħabu barra u kont  inkun nixtieq noħroġ nilgħab ftit magħhom. Imma qabel inkun nista’ nagħmel dan, kont inkun imġiegħla nnaddaf id-dar. Ġieli sakemm inlesti kienu jkunu laħqu telqu kollha u nispiċċa nilgħab b’xi ballun żgħir mal-ħajt waħdi. Meta kbirt ftit, tgħallimt niddefendi ruħi u meta kont naraha ġejja ssawwattni, kont nagħti lura jien ukoll. Kien hawn li beda jindaħal missieri. Mhux biex jaqbeż għalija. Imma biex jurini li jekk għal ommi kont niflaħ, għalih ma kontx. Aktar ma kont naqla’, aktar kont nirvilla. Kont naf li ma kontx jien il-problema hemm ġew. Meta bdejt inħebb għal missieri wkoll, ġieli anki qabad xi sikkina biex jiddefendi ruħu minni. Tant  kelli rabja għalihom f’punt minnhom li ddeċidejt li ndabbar rasi għax bżajt li kienet ser tiġri xi waħda. Inkwetajt li ħallejt lil ħuti warajja. Imma ma kontx naf x’ser nagħmel aktar.  Irraġunajt li kif  tgħallimt niddefendi ruħi jien, jitgħallmu huma wkoll jew jitilqu mid-dar bħali.

    It-tmaqdir jiġi mill-istess injoranza. Ommi taħseb li mhux tmaqdar tkun qegħdha imma tiftaħ għajnejn dak li jkun. U għalhekk  jidrilha li ma tkun qed tagħmel xejn ħażin

    Kif kienet ir-relazzjoni tiegħek fi tfulitek mal-ġenituri?

    Ma kinetx mill-agħar nett li qatt kien hawn. Imma kemm setgħet  kienet aħjar! Qalbi għadha tuġagħni sal-lum meta niftakar f’dak iż-żmien. Illum li kbirt naf li l-ġenituri tiegħi mhumiex nies ħżiena. Imma forsi mingħajr ma qatt intebħu, għamluli ħsara kbira. Qatt ma ħassejtni maħbuba għal kollox minnhom. Ommi kellha ħabta theddidna sikwit li ser tagħlaqna f’xi istitut għax ma kinetx tiflaħ għalina. Kien iwaħħaxxni l-ħsieb għax kont nemminha. Kif  għedtlek, ta’ tfal li tkun, ma tkunx taf sa fejn kapaċi jasal l-adult.  Fatt interessanti kien li min-naħa l-oħra, Alla ħares kien jagħmlilna xi ħaġa xi ħadd barrani għax ommi kienet tmur tiddefendina qisha ljun. Bniedma diffiċli biex tifhimha. Illum nemmen li ommi aktarx kellha bosta problemi li kienu jkidduha u li hi ma kientx taf kif  tiġġilidhom u konna neħlu ma’ rasha aħna.

    Qatt ippruvajt issib għajnuna?

    Qatt ma tkellimt ċar. Lil sħabi ġieli ippruvajt ngħidilhom xi ħaġa.  Mhux l-ewwel darba li rawli xi girfa kbira f’wiċċi per eżempju u kont ngħidilhom li għamlitieli ommi. Imma għalkemm dak kien il- mod Solitudnitiegħi kif nitlob l-għajnuna, qatt ħadd ma irreaġixxa, lanqas meta l-istorja kienet tirrepeti ruħha b’mod ovvju li hemm xi problema. Ħadd mill-għalliema qatt ma ta każ u jekk niftakar sew, ġieli ktibt xi komponiment u rrakkuntajt xi fatti li messhom allarmawhom. Imma anki dan baqa’ għaddej daqs li kieku ma kien xejn. L-għajjat li konna ngħajjtu meta konna nissawwtu, żgur li  kien jinstema’ mill-ġirien. Imma anki dat-twerżieq kien jaqa’ fuq widnejn torox. Donnu ħadd ma kien jimpurtah. Wisq probabbli  kienu jibżgħu li jkollhom xi jgħidu m’ommi jekk jiddeffsu. Mhux talli, ċertu tfal ġieli kienu jibdew       jevitawni … naħseb għall-istess raġuni. Kultant kien jagħtini li naqbad it-telefon u nċempel l-għassa. Imma kont nibża’ li minħabba fija ommi u missieri kienu  jispiċċaw il-ħabs u niġu f’sitwazzjoni agħar. Kont nibża’ wkoll nammetti li ommi ssawwattni għax kont niddubita illi jekk sħabi  jsiru jafu li jiena kont imsawwta d-dar, kienu jafu jitħajjru jibdew  isawwtuni huma wkoll. Kont ninkwieta li nsir scapegoat bħal ħmar  il-magħkus li jdur għalih id-dubbien. Għalhekk iddeċidejt li nkun jien il-protettur tiegħi innifsi u ħadt ir-riedni ta’ ħajti f’idejja fejn stajt. Qrajt diversi kotba dwar is-suġġett tal-abbuż u b’hekk stajt ngħin lili nnifsi aħjar. Fuq kollox komplejt nikkonferma li ma kontx jien il-problema u allura stajt inqum fuq saqajja aħjar.

    Taħseb li sofrejt xi konsegwenzi fil-ħajja minħabba dawn l-abbużi?

    Jgħidu li t-tfal ma jafu xejn u li ż-żmien inessi. Imma mhux kollox! Ċertu affarijiet ma jintesew qatt u allura bilfors iħallu l-konsegwenzi. Tlajt bniedma pjuttost stramba. Il-kumpannija tan-nies iddejjaqni. Nieħu qatgħa meta jkollna xi party u rrid immur f’nofs dawk in-nies kollha. Sakemm nilbes u mmur, inħoss id-dinja ser taqa’ fuqi bid-dwejjaq li jaqbduni. Jista’ jkun ukoll għax meta kont tifla rari kont inkun imlibbsa bħan-nies. Sikwit kont nilbes ħwejjeġ li ommi kienet taqla’ minn għand ħaddieħor. Ħwejjeġ li ħaddieħor ikun ra li marritilhom il-moda jew li qdiemu. Kont  dejjem inkun l-agħar tifla mlibbsa fost kulħadd. U hekk għadni nħossni sal-lum. Dal-feeling ma nista’ inneħħih b’xejn. Ġieli jkolli l-isbaħ u l-aqwa libsa u naqla’ l-kumplimenti sbieħ. Imma jkolli nammetti miegħek li kultant jgħaddili minn moħħi li dawn ikunu qed jgħadduni biż-żmien għax fir-realtà ikunu qed jarawni ridikola. It-tmaqdir donnu jħallilek ferita bħal barxa fl-istonku li toħloqlok dik il-mirra kull darba. Għandi wkoll għatx kbir għall-imħabba. Meta ġieli jiġi żmien ħażin fuqi, nħossni qisni għandi barriera kbira  vojta f’ruħi li ħadd ma jista’ jimlili. Għalkemm għandi r-raġel u lil uliedi  jħobbuni, donnhom lanqas dawn mhuma biżżejjed għalija.

    Il-ġenituri tiegħek qatt ħadu xi għajnuna biex jieqfu minn dan l-abbuż?

    Mhux l-ewwel darba li affaċċjajthom u kellimthom ċar fuq din il-kwistjoni. Imma huma jsostnu li jien nesaġera u li huma qatt m’għamlu xejn ħażin. Dik ħaġ’oħra li tweġġagħni wisq, il-fatt li  fhemthom elf darba kemm għamluli ħsara. U huma jiċħdu jew jgħiduli li l-passat huwa passat issa. Kull ma nixtieq illum huwa li jitolbuni skuża. B’hekk forsi jirnexxieli nserraħ lil dik it-tifla ċkejkna li għad għandi mweġġa’ ġo fija.

    X’għajnuna kont tixtieq meta kont żgħira?

    Li xi ħadd jidħol għalija u jwaqqaf l-abbuż. Xi ħadd li jeduka lill-ġenituri tiegħi u jurihom li kienu qed iġibu ruħhom ħażin magħna.  Billi tkun ġenitur mhux kollox jgħodd. It-tfal mhumiex proprjetà  tal-ġenituri tagħhom. It-tfal huma bnedmin bil-karattru tagħhom u għandhom dritt li jgħixu sew. Meta kont tifla kont nippretendi li għallinqas missieri jagħraf li ommi kellha xi problema u li ma jħallihiex issawwatna aktar u li jsib lil xi ħadd li seta’ jgħinha.

    Qatt erfajt idejk fuq uliedek?

    Għall-grazzja t’Alla jiena ma tteħidtx minn din il-marda. Anzi! Allaħares nara lil xi ħadd jerfa’ idejh fuq it-tfal għax nieklu. Nammetti illi t-tfal jippruvaw il-paċenzja tiegħek sal-aħħar limiti. Ma japprezzawx kemm il-ġenituri kultant ikollhom problemi li t-tfal aktarx qatt ma jkunu jafu bihom. Però hemm diversi modi kif tista’ tikkoreġi lil uliedek mingħajr ma terfa’ jdejk fuqhom. Jien naf mill-esperjenza tiegħi li bis-swat aktar tiggravaha s-sitwazzjoni milli tirranġaha. F’din id-dinja ħadd m’għandu dritt jerfa’ jdejh fuq ħadd. Fuq kollox il-ġenituri għandhom ikunu tarka ta’ protezzjoni għal uliedhom u mhux l-egħdewwa tagħhom.

    X’taħseb li jista’ jsir biex l-abbuż mit-tfal jiġi prevenut jew imwaqqaf?

    Illum teżisti ħafna edukazzjoni rigward dan is-suġġett kemm fost il-ġenituri u kemm fost l-ulied. Nemmen illi dan jgħin ħafna kemm biex iġib lill-ġenituri konxji mill-aġir tagħhom u kif ukoll billi      jgħallem lit-tfal x’għandhom jagħmlu f’każ li jsofru xi abbuż. Min-naħa l-oħra, huwa importanti wkoll li l-bqija tan-nies jieħdu azzjoni  jekk ikollhom dubju li qed isir xi abbuż fuq it-tfal. Għalkemm qed  ngħixu f’ħajja mgħaġġla, fejn kulħadd ifendi għal rasu, m’għandna qatt nagħlqu għajnejna għall-uġiegħ tal-oħrajn, speċjalment ta’ tfal li jkollhom bżonn l-għajnuna tagħna.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-8 ta’ Marzu 2009)

    2009.03.08 / no responses / Category: Torca - Perspettivi