Posts Tagged ‘Moroni’

  • L-ARKANĠLU PREFERUT

    Kulħadd iħobb jagħżel it-triq tiegħu dwar il-mod kif jgħaddi l-ħin u kif juri d-devozzjoni tiegħu … Jane Austen.

    Niskanta kif aktar ma nsir naf nies differenti, aktar nirrealizza kemm verament ma jeżistix wieħed bħall-ieħor. Nistħajjilhom bħaċ-ċikkulatini f’kaxxa, b’dehrithom kemmxejn varjata imma b’qalba ta’ togħma unika. Terġa’ u tgħid ġieli taqbad ċikkulatina minnhom li tisraqlek qalbek bil-ħlewwa tagħha u ġġiegħlek tixtieq li mqar hemm oħra bħalha fil-kaxxa. Iżda s-sigriet tagħha hu proprju dak – li hi unika. Din kienet is-sensazzjoni li ħallieli l-bniedem li ltqajt miegħu din il-ġimgħa.

    L-ewwel darba li kkuntattjani, Michael ippreżenta ruħu bħala devot kbir ta’ San Mikiel Arkanġlu. Bqajt bla kliem. Għedt imma fuq xhiex ħa naqbad nikteb? Imbagħad ġietu x-xoqqa f’moxta! Għarraffni illi proprju fil-ġurnata ta’ llum kienet ser issir il-festa ta’ San Mikiel. Fl-istess ħin ħa l-okkażżjoni biex ikompli jgħidli dwar din id-devozzjoni tiegħu li wasslitu biex ikun wieħed mill-akbar kolletturi f’Malta ta’ dan l-arkanġlu. Stedinni f’daru u jien aċċettajt…

    “Nassumi li nnutajtu l-email tiegħi vsm299@gmail.com … dak huwa ddedikat lil San Mikiel għax ifisser Viva San Mikiel u d-data l-liturġika tiegħu, d-disgħa u għoxrin ta’ Settembru. Issa ara l-vann, VSM Michael Mifsud 299 ovvjament għall-istess raġuni u fih it-tapezzerija ħadra għax dak hu l-kulur ta’ San Mikiel. Dak il-kliem bil-Latin mal-windscreen hu kwotazzjoni mit-Testment l-Antik, mill-ktieb ta’ Daniel u jgħid hekk: MICHAEL UNUS DE PRINCIPIBVS PRIMIS li tfisser Mikiel wieħed mill-prinċpijiet ewlenin. Issa ttawwal naqra lejn il-mowbajl. Qed tarah l-iscreen saver ta’ San Mikiel? Għadek ma rajt xejn taf,” qalli meta rani nitbissem.

    Wasalna quddiem daru. Fuq il-faċċata tagħha kienet tispikka maduma bi xbieha ta’ San Mikiel. Id-dar jisimha Ta’ Kieli.

    “Ittawwal il-fuq,” ħeġġiġni Michael. “Qed taraha l-bandiera bit-tliet arkanġli? Dik tellgħajta għalik biex taraha.”

    Il-ġentilezza ta’ Michael mħallta mal-fervur tad-devozzjoni tiegħu aktar kompliet tqanqalni biex insir naf minn fejn ġejja din id-devozzjoni…

    “L-ewwel nett jiena msemmi għalih. U hekk jew hekk meta mmorru għall-ġudizzju quddiem Alla hu ser ikun hemm ħdejh…”

    U temmen li ser jidħol għalik għax għamiltlu dil-kollezzjoni? Ridt ninkih ftit…

    “Le mhux għalhekk għamiltha l-kollezzjoni. Issa ngħidlek l-istorja kollha. Imma idħol daqsxejn ġewwa ħalli tara b’għajnejk.”

    Lanqas ilħaqt għamilt pass wieħed ġo daru li ma lmaħtx kwantità kbira ta’ statwi, kwadri, pitturi u x’naf jien.

    “Kif qed tara jiena ma nħobbx biss lil San Mikiel għax nikkollezzjona bosta affarijiet ta’ diversi qaddisin oħra. Imma nammetti miegħek illi l-anġli huma għal qalbi ħafna. Jeżistu diversi tipi ta’ anġli: hemm l-arkanġli li tarahom bil-ġisem u l-ġwienaħ, hemm il-puttini li huma dawk l-anġli żgħar bil-warrani mikxuf, il-kerubini li huma wiċċ u ġwinħajn biss u mbagħad hemm ukoll is-serafini li jiġu wara l-arkanġli u huma l-aktar anġli popolari magħna.”

    Ma kontx naf li jeżistu dawn it-tipi kollha ta’ anġli. Imma għand Michael, b’dawk l-eżempji kollha madwari, malajr bdejt nagħraf id-differenza.

    “Arkanġli hemm bosta imma l-aktar tlieta meqjuma huma San Mikiel, San Raffael u San Gabriel. San Mikiel huwa l-mexxej tal-arkanġli kollha. Kien hu li daħal mill-ewwel bħala d-difensur t’Alla waqt l-irvell li kien sar mill-arkanġli fejn Luċifru ġie kkundannat minħabba s-suppervja tiegħu. Għaldaqstant San Mikiel huwa meqjus bħala gwerrier u difensur kontra l-għemili ħżiena tax-xitan. Dan tista’ tarah mix-xbiehat tiegħu fejn hu jidher setgħani jgħaffeġ taħt saqajh lil Satana.”

    Skoprejt illi Michael huwa għalliem tal-arti u pittur u għalhekk l-oġġetti li jikkollezzjona m’għandhomx biss valur reliġjuż għalih imma anki lat artistiku.

    “Il-knisja għalija hija l-ogħla espressjoni tal-arti. L-aqwa artisti għamlu l-isbaħ xogħlijiet tagħhom għall-knisja. Ara dak il-kwadru per eżempju – dak huwa kopja ta’ pittura li għamel l-artist famuż Raffaello fuq ordni tal-Papa Ljun X. Proprjament din li għandi jien tissejjaħ inċiżżjoni għax l-istampa ssir permezz ta’ biċċa ram li tingiref skont id-diżinn li hemm bżonn u mbagħad titpoġġa l-linka fuqha.

    Kull ħaġa li għandi hawn ġew nista’ nirrakkuntalek l-istorja tagħha. Ngħidu aħna, din l-inċiżżjoni sabet ruħha għandi meta ħabib tiegħi qalli li kien għadu kif żar Pjazza Savona, fl-Italja u ra dan ix-xogħol ta’ San Mikiel. Għedtlu, jaħasra għax ma ġibtilix? Dak il-ħin stess waħħalta f’rasi li mmur għaliha jien u b’dan il-għan tlajt wara ftit f’dan il-post apposta biex nixtri dawn l-inċiżżjonijiet ta’ San Mikiel.”

    Michael intilef jurini kull tip ta’ statwi u xogħlijiet li kienu juru x-xbieha ta’ San Mikiel…

    “Għandi mhux inqas minn mitt statwa ta’ San Mikiel b’kull daqs u għamla fostom tat-tafal, tal-ġibs, tar-resin u anki taċ-ċeramika li huma ta’ edizzjoni limitata.

    Ara, din biċċa xogħol għal qalbi ferm. Għandha kompożizzjoni mill-isbaħ. Ħadimieli Chris Ebejer mill-Qrendi li kien student tiegħi tal-arti u li llum huwa statwarju mill-iprem. Kont tlabtu jagħmilli statwa ta’ San Mikiel u kien qalli biex nagħtih ftit ċans ħalli jagħmilli biċċa xogħol tajba. Aċċettajt u kelmtu żamma għax meta mort għaliha bqajt impressjonat bi ġmielha. Hi biċċa xogħol tal-fuħħar u turi lil San Mikiel tal-Apokalissi bħala arkanġlu trijonfanti fuq karru. Ix-xitan hu msawwar bħala l-bhima bis-sarima f’ħalqu filwaqt li l-anġlu ta’ fuq qed ikissirlu ġwinħajh ħalli jneħħilu l-forza u l-anġlu l-ieħor qed jurih l-emblema ta’ San Mikiel – l-għajn trijangolari li taqra QUIS UT DEUS li tfisser Min hu bħal Alla.”

    Michael sikwit imidd idejh anki biex jagħmel xi xogħlijiet hu.

    “Dak l-arloġġ Malti huwa anki magħruf bħala ‘tal-Lira’ peress li dari kien jinxtara permezz ta’ munita tad-deheb li kienet tiswa lira. Ħdimt ix-xogħol tal-injam għand mastrudaxxa imma l-bqija għamiltu kollu jien fostom dawk id-diżinji indurati u dik it-tpinġija fejn jidhru t-tlett arkanġli b’San Mikiel fin-nofs.”

    Ħadni f’kamra wara l-oħra, kollha miżgħuda b’kull xorta ta’ statwi reliġjużi fejn ovvjament San Mikiel jispikka.

    “Imma għid is-sew…. qatt rajt kollezzjoni bħal din?” qalli kburi kburi. “Għandi ċerti xogħlijiet ta’ valur imprezzabbli bħal dawk l-istatwi ta’ Lecce li huma magħmula mill-kartapesta u għandhom Kwadru bi stil Guzco għajnejhom tal-ħġieġ. Imbagħad dawn huma tip ta’ kwadri oħra li ġibthom mill-Italja u huma ta’ stil Guzco. Din hija arti tal-Perù partikolari immens minħabba d-dettalji ta’ bizzilel u ornamenti li fiha.  Fuq dik in-naħa, ara, hemm kwadru bi tpinġija magħmula bil-kontra fuq il-ħġieġ. Mentri dak t’hemm ġibtu minn Monte Gargano, l-post fejn San Mikiel deher diversi drabi.”

    Ġo files ħodor kellu miġbura kull tip ta’ oġġett li jfakkar lill-arkanġlu favorit tiegħu fostom: telecards, bolol, santi tal-bizzilla, santi bid-domna, kartolini, stampi, fuljetti u saħansitra kitbiet dwaru fil-gazzetti. Iżda dan ma kienx kollox, armarji, kaxxi u kxaxen oħra kienu miżgħudin b’aktar u aktar affarijiet fostom it-titulari kollha ta’ San Mikiel, li huma l-istatwi li jinsabu fi knejjes differenti u numru ta’ kuruni ta’ San Mikiel li flok għaxar żibġiet ikollhom tlieta biss.

    “Il-kbir għadu ġej,” saħaq Michael. “Ejja ħa nurik l-artal u l-knisja li għandi ddedikati lil San Mikiel…”

    Qalli li l-knisja kienet mudell imma fir-realtà kienet kbira ħafna u dettaljata mmens. Kellha tlett artali ddedikati lil San Mikiel u kien fiha bosta ornamenti li ssib fi knisja tassew, inkluż il-bankijiet u n-nies bil-qiegħda fuqhom…

    “Meta kont għadni żgħir, missieri kien iħobb jagħmilli l-knejjes bil-kaxxi tat-tè. Kien ikollhom purtiera fil-ġenb. L-hena tiegħi kienet li nixgħel xemgħa ġol-kaxxa u nagħlaq il-purtiera ħalli narahaKnisja minjatura tnemnem. Imma din l-istorja dejjem kienet tispiċċa b’ommi twerżaq li qed tinħaraq il-knisja u bija niġri kemm niflaħ.

    Imbagħad darba waħda nannuwi Wenzu beda jibnili knisja hu bl-injam. Ħadimili biċċa biċċa u meta lestiha kien iddedikaha lil San Lawrenz. Jien ma tantx ħadt pjaċir, ħeqq, għax il-favorit kien ieħor. Imma għall-ewwel kelli noqgħod sakemm ġiet il-ġurnata u bdiltilha t-titular. Għalkemm għaddew bosta snin, għadni sal-lum narmaha skont il-festa li tkun.”

    Ħadni ħdejn l-artal u din id-darba dan kien ta’ qies realistiku.

    “Quddiem dan l-artal dejjem ser issib xemgħa tixgħel. Dan huwa artal antik minn dawk li kienu jkunu fil-kmamar tas-sodda tad-djar sinjuri. Kienu jużawhom biex meta ma jkunux jistgħu joħorġu, jsejjħu qassis biex iqaddsilhom quddies hemmhekk. Il-pittura ta’ San Mikiel li hemm fuq l-artal hija oljografija jiġifieri pprintjata biż-żejt. Hija tpingija antikissima magħmula mill-artist Taljan, Moroni.”

    Imma dil-kwantità kollha ta’ statwi kif irnexxielu jġemmagħhom? Tgħid l-ewwel statwa li qatt kellu, kienet għadha għandu?

    “Meta kont żgħir kont inkun dejjem maz-zija Karm u kull meta konna nitilgħu l-Belt kienet tħobb tixtrili statwa żgħira tat-tafal minn għand Cordina. Issa din kull darba kienet twissini “ara jekk tkissirha ma nixtrilekx oħra”. U allura jien dejjem tlajt b’dak is-sens ta’ preservazzjoni. Minn statwa ġiet oħra u minn oħra ġiet oħra sakemm darba waħda fittixt l-istatwa li tappartjeni lill-ismi – dik ta’ San Mikiel u minn hemm beda kollox. Meta bdejt naħdem komplejt nixtri statwi forsi naqra aktar ta’ valur u llum għandi dil-kollezzjoni kbira. Kollha huma għal qalbi immens u iva l-ewwel statwa li qatt kelli ta’ San Mikiel għadha għandi qawwija u sħiħa.”

    Però l-aktar biċċa xogħol favorita liema hi?

    “Dawn bħall-familja ħi, ma jistax ikollok il-favorit. Għalija kollha kemm huma daqs li kieku jiswew mitqlhom deheb għax dawn kibru miegħi u huma parti minn ħajti u mill-istorja tiegħi. Min jaf kemm kont nagħmel purċissjonijiet bihom fil-bitħa tan-nanna u nġiegħel lil kulħadd jimxi warajja waqt li jien inkanta zinn zinn zinn. U miskin minnhom min kien jinqabad jitkellem fuq affarijiet oħra għax xi ċanfira kienu jaqalgħu żgur minn għandi!

    Dawn l-oġġetti li jidħlu għandi m’għandhomx ċans li joħorġu minn hawn. Lanqas meta jinkisru ma narmihom. Anzi nagħmel minn kollox biex nirrestawrahom u nirranġahom kif nista’. Għax jien nemmen Kollezzjonijiet oħrali dawn ikunu ġew għandi b’destin – għax jafu li nħobbhom u li ser nieħu ħsiebhom. Ġieli noqgħod naħseb u ngħid min jaf għand min kienu qabel ġew għandi? Min jaf kemm kienu ilhom għand tal-ħanut? Min jaf min ħadimhom? Min jaf kienux apprezzati għand is-sidien ta’ qabel?”

    Kelli kurżità jekk hemmx xi oġġett li għad m’għandux u li jixtieq iżidu mal-kollezzjoni.

    “Daqs kemm għandi affarijiet issa saret diffiċli li jkolli xi ħaġa ġdida ta’ San Mikiel. Bosta minn dawk li jafu b’din id-devozzjoni tiegħi, ġieli jġibhuli xi ħaġa imma sikwit ikolli bħalha. Għalhekk nirringrazzjahom u mbagħad nagħtiha lil xi tifel bit-tama li jibda xi kollezzjoni bħali.

    Id-devozzjoni lejn San Mikiel Arkanġlu għadha qawwija ħafna anki llum. Fiż-żminijiet imbiegħda Papa Ljun XIII kien għamel talba lil San Mikiel u ħeġġeġ ħafna biex tingħad bħala protezzjoni mit-tnassis tad-dimonju.

    F’pajjiżna kellna lil San Ġorġ Preca li kien devot ħafna tiegħu. Fil-fatt hu kien ordna illi ġo kull qasam kellu jkun hemm statwa ta’ San Mikiel. Kull meta nidħol f’xi qasam u nara xi statwa tal-arkanġlu tiegħi li jiena m’għandix, ikolli jdejja sejrin hekk ara. Mhux biex nisraqha taf! Imma mqar biex naqbadha ftit f’idejja u ngħidilha kemm int sabiħa, kemm nixtieq ikolli bħalek… bit-tama li forsi jagħtuhieli ħalli nżidha mal-kollezzjoni.”

    Tlabtu jagħtini naqra informazzjoni dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ San Mikiel…

    “Id-29 ta’ Settembru hija l-festa liturġika tal-arkanġli iżda l-aktar arkanġlu li jiġi ċċelebrat huwa San Mikiel. Il-festa ssir f’Ħaż-Żabbar, fl-ewwel Ħadd qabel din id-data, jiġifieri dis-sena ser taħbat fis-27. Fil-knisja ta’ Ħaż-Żabbar hemm statwa mill-isbaħ ta’ San Mikiel. Imma sfortunatament minħabba xi diżgwid li darba nqala’ waqt il-purċissjoni ġie deċiż li din ma tinħariġx aktar. Minflok, il-Każin ta’ Ħaż-Żabbar tal-Għaqda tal-Madonna tal-Grazzja – Banda San Mikiel, għandu statwa oħra u hija din li tinħareġ għall-marċ popolari.

    Min-naħa tiegħi, kull sena jkolli diffikultà kbira… liema San Mikiel minnhom ħa naqbad narma fit-tieqa ta’ barra?”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Settembru 2009)

    2009.09.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi