Posts Tagged ‘Muzew Marittimu’
-
Mitluf wara l-ħin
Ix-xitan ma jaħti xejn
Qatt innutajtu li bosta drabi, l-arloġġi tal-knejjes ma jaqblux bejniethom? Meta darba staqsejt dwar dan, xi ħadd semmieli t-tradizzjoni li tgħid li dak kien ġest li jsir apposta biex iħawwad lix-xitan, sabiex jekk dan jersaq lejn il-knisja, ma jkollux idea liema wieħed minnhom kien il-ħin it-tajjeb.
“Kollha ħmerijiet dawk!” ħatafni mill-ewwel Stephen Zammit, espert fil-qasam tal-arloġġi. “Li kieku naqbad insemmilek dwar l-għidut żbaljat li nisma’, lanqas nieqaf!”
“Mela għandek tkun taf li meta kienu jsiru żewġ kampnari fi knisja, l-arluġġar ma kienx jagħmel żewġ magni, imma magna waħda. Għaldaqstant, meta kien jitpoġġa arloġġ fuq il-kampnar l-ieħor, dan kien isir biss għall-bilanċ tal-estetika. Infatti, bosta drabi l-minutieri tal-arloġġ l-ieħor kienu jkunu biss miżbugħa fuq il-ħajt u ġeneralment dawn kienu juru nofsinhar.”
L-arloġġ tal-Mużew Marittimu
Qatta’ ħamiem inħasdet, tgerrxet u taret il-bogħod hekk kif ħabta u sabta, mill-kampnar li konna ħdejh, bdew ħerġin moti sbieħ u sodi.
“Xi ġmiel hux?” staqsini Stephen hekk kif rama jgħodd bil-mod id-daqq tal-qniepen. Il-ħoss waqaf eżatt kif waqaf jgħodd hu.
“Dak nafu bl-amment jien,” qalli hekk kif beda jispjegali x-xogħol li kien wettaq fuq l-arloġġ li jinsab fuq il-bejt tal-bini tal-Mużew Marittimu li jinsab il-Birgu.
“Oriġinarjament, dan l-arloġġ li nħadem fid-19 il-seklu, kien jinsab ġewwa kampnar żgħir li kien iħares fuq Baċir Numru 1. Imbagħad, wara li tmexxa għal hawn, l-uċuħ ta’ dan l-arloġġ bdew jagħtu fuq Bormla, l-Isla u l-Belt Valletta.”
Mitluf wara l-arloġġi sa minn ċkunitu
“L-ewwel interess fl-arloġġi tqanqal fija meta bdejt immur nisma’ l-quddies fil-knisja ta’ Ħ’Attard. Ta’ tifel li kont, affaxxinajt ruħi bl-arloġġ li kien hemm fil-kampnar,” beda jirrakkuntali Stephen.
“Imbagħad, meta kelli madwar 11 il-sena, tħajjart nibda nsewwi l-iżveljarini li kienu jaħdmu bil-ħabel. Kull wieħed li kont insib wieqaf kont niftħu u noqgħod ninnutah sabiex nipprova nifhem għaliex ma kienx qed jaħdem. Ftit ftit bdejt nintebaħ bil-partijiet li ma kienux f’posthom jew li jkunu tkissru. Hekk kif kont nagħraf li kien hemm xi parti miksura, kont immur nordnaha mingħand aġent tal-ispare parts tal-arloġġi li kien hemm il-Belt. U meta din tasal, kont nara li npoġġiha f’postha u l-arloġġ jerġa’ jaħdem.”
Minn hemm ma damx ma dar għall-arloġġi tal-idejn, li għalkemm kienu iżgħar u b’hekk kien jeħtiġielhom iktar attenzjoni, xorta waħda sab irkaptu tagħhom. Stqarr li kienet l-hena tiegħu meta kien jerġa’ jisma’ t-tektik regolari ta’ arloġġ li ma kienx jaħdem għax b’hekk kien iħoss li reġa’ tah il-ħajja.
Involut fl-arloġġi tal-knejjes b’mod aċċidentali
Is-snin gerrbu u Stephen kompla jinvolvi ruħu f’din is-sengħa tat-tiswija tal-arloġġi.
Ġara li darba minnhom, ir-Reverendu Kanonku Louis Suban, li dak iż-żmien kien il-Kappillan tal-Imsida, iltaqa’ maz-ziju ta’ Stephen fejn fosthom qallu kemm xtaq isib lil xi ħadd li kien kapaċi jsewwielu l-arloġġ antik tal-parroċċa li nħadem fit-18 il-seklu.
“Zijuwi rrakkommandani għalkemm ma qallux li jien kont in-neputi tiegħu u l-kappillan ikkuntattjani. Min-naħa tiegħi, ħassejtni tassew eċitat li kont ser naħdem fuq arloġġ daqstant antik. Mort narah u sibt li kellu xi partijiet li kienu ddeterjoraw biż-żmien. U wara li bdiltlu u rranġajtlu dak li kien hemm bżonn, dan l-arloġġ prezzjuż reġa’ beda jaħdem u hekk għadu s’issa!” qalli kburi.
L-arluġġara Maltin ta’ dari
“Inzerta li Fr. Suban għandu interess fl-arloġġi minħabba li l-antenati tiegħu kienu jagħmluhom. Infatti kienu huma li ħadmu l-arloġġi tal-parroċċa ta’ Marsaxlokk u ta’ Ħal-Safi. Inċidentalment xi familjari tiegħu ħadmu anki fuq dan l-arloġġ,” spjegli Stephen hekk kif ħareġ ċavetta mill-but u daħħalni fil-kampnar sabiex nara mill-qrib l-istruttura tal-mekkaniżmu tal-arloġġ.
Qatt ma rajt magna daqstant kbira ta’ arloġġ u f’għajnejja dehret pjuttost ikkumplikata. Intant, fuq parti minn dan il-mekkaniżmu stajt nara l-firma mnaqqxa – Brothers Suban. Malta. 1896.
“Ġeneralment, kemm l-arluġġara u kif ukoll dawk li jagħmlu xogħol ta’ tiswija fuqhom kienu jħallu marka apposta sabiex jiddokumentaw xogħolhom,” fehemni Stephen hekk kif ipponta subgħajh lejn firma oħra.
Did-darba kien hemm miktub: Matthew Dutton. London. 1810.
“B’dan il-mod insibu min bena s-sistema oriġinali, meta u fejn. Permezz ta’ dawn l-indikazzjonijiet, sirt konxju minn kemm kellna arluġġara u nies li jsewwu l-arloġġi matul dawn l-aħħar sekli f’pajjiżna. Imma sfortunatament, mhux kulħadd kien iħalli l-firma tiegħu u b’hekk, għalkemm ikun ċar li min ħadem l-arloġġ kien Malti, ma jkollniex idea dwar min kien eżatt.”
Stephen kompla jfehemni dwar kemm iħossu ddiżappuntat meta jisma’ lil ċerti persuni jitkellmu dejjem fuq l-istess arluġġara, bħallikieku ma kienx hemm oħrajn ukoll.
“Ngħidu aħna, ħafna jsemmu lil Michelangelo Sapiano peress li hu kien tassew prolifiku fil-qasam tal-arloġġi. Però dan inzerta għex fi żmien meta kien hawn għatx kbir għall-arloġġi u hu għaraf jisfrutta l-opportunità. Infatti, Sapiano ħadem madwar 21 arloġġ ta’ diversi parroċċi f’Malta, inkluż dak ta’ Ħal-Luqa.”
“Jiena ħdimt fuq l-arloġġ li hemm Ħal-Luqa ta’ Sapiano u hemmhekk rajt b’għajnejja u missejt b’idejja l-inġenjosità li kellu dal-bniedem. Immeraviljajt ruħi hekk kif bdejt nifli s-sistema li ħadem fil-mekkaniżmu ta’ dan l-arloġġ sabiex biha jirregola tliet minutieri tal-ħin u waħda li turi d-data.”
Madanakollu, skont Stephen, Sapiano tħarreġ f’din is-sengħa mal-familja Tanti li mmanifatturaw madwar sebgħa arloġġi tal-knejjes, fosthom dak tal-Qrendi u ta’ Ħal-Tarxien. Però dawn ftit li xejn qatt issemmew.
“U mhux dawk biss. Hemm ħafna aktar arluġġara Maltin li ma nitkellmux dwarhom. Fosthom hemm Demanuele li ħadem l-arloġġ tal-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar, Muscat li mmanifattura l-arloġġ taċ-Ċitadella t’Għawdex u ċertu Gauci li ftit nafu dwaru.”
Il-mekkaniżmu tal-arloġġi
Għal dawn l-aħħar tletin sena, Stephen kellu l-opportunità li jaħdem fuq l-arloġġi ta’ diversi parroċċi u lwogi oħra u għalhekk biż-żmien, huwa rabba’ istint naturali ta’ kif jagħraf bejn ix-xogħol ta’ arluġġar u ieħor. Fl-istess ħin, huwa dara jagħraf ċerta uniformità bejn il-bażi ta’ kull struttura mekkanika tal-arloġġi u b’hekk isawwret fih l-esperjenza neċessarja biex isewwi l-arloġġi kollha li jsib quddiemu.
“Ħares lejn dawn it-tliet sezzjonijiet tal-arloġġ,” talabni Stephen. “Innota kif dik tan-nofs hija mdendla ma’ pendlu sabiex tirregola l-ħin, filwaqt li s-sezzjonijiet l-oħra qegħdin hemm biex imexxu l-kwarti u s-siegħat.”
Matul din id-diskussjoni tagħna, konna akkumpanjati mit-tektik regolari tal-arloġġ. Iżda f’daqqa waħda, parti mis-sistema ċċaqalqet u f’kemm trodd salib, il-mekkaniżmu kollu donnu ħa l-ħajja, hekk kif aktar sezzjonijiet mill-istruttura metallika bdew jimxu, jduru u jperpru, filwaqt li lieva twila bdiet tiġbed u timbotta l-imrietel tal-ħadid mal-qniepen li kien hemm il-fuq, sabiex dawn idoqqu u jimmarkaw il-ħin.
It-tnejn skittna għal mument sabiex napprezzaw is-sengħa ta’ min ħadem dik is-sistema.
“Probabbli inti taħseb li jiena drajthom dawn l-esperjenzi u li allura m’għadhomx jimpressjonawni,” kiser is-silenzju Stephen, hekk kif id-daqq tal-qniepen waqaf u l-apparat reġa’ kkalma għat-tektik tal-polz regolari tiegħu. “Però kif qed tara għadni nsibhom affaxxinanti wisq u għalkemm ilni snin naħdem fuqhom, baqgħu jimmeraviljawni.”
Jista’ jkun li bla ma jaf, Stephen jinħakem ukoll mill-ġibda naturali li jħoss lejn it-toni mużikali li tħaddem is-sistema, hekk kif apparti dax-xogħol, huwa wkoll vjolinista mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
“Niġi nirregola dan l-arloġġ darba f’ġimgħa,” qalli Stephen hekk kif beda jimmanipula t-tliet piżijiet tal-arloġġ u jien erħejtilha nsegwi dak li kien qed jagħmel.
Invenzjoni ġdida biex l-arloġġi jaħdmu weħidhom
“Sa ftit tas-snin ilu, parti mix-xogħol tas-sagristana kien li jagħtu l-ħabel lill-arloġġi tal-knejjes. Ngħidu aħna sal-2008, l-arloġġ li hemm fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt, kien jingħata l-ħabel kuljum sabiex juri l-ħin tajjeb.”
“Apparti li dan kien strapazz inutli fuq in-nies involuti, il-konnessjoni kontinwa mas-sistemi ta’ dawn l-arloġġi setgħet ukoll tqanqal xi ħsarat. Kien għalhekk li meta fl-2008 ġejt imsejjaħ biex nirrestawra dan l-arloġġ, issuġġerejt li miegħu tintrama wkoll sistema sabiex dan jibda jieħu l-ħabel b’mod awtomatiku perjodikament u b’hekk ħadd ma jkollu għalfejn jimmanipulah. Naturalment, minn żmien għal żmien, xorta waħda jkollu bżonn xi arranġamenti żgħar; bħal meta jkun irid jaqleb id-data minn xahar għall-ieħor peress li mhux ix-xhur kollha għandhom l-istess tul ta’ ġranet.”
L-istess sistema saret ukoll fuq l-arloġġ maestuż magħruf bħala Ta’ Pinto li jinsab fil-Palazz tal-President ġewwa l-Belt Valletta.
“Jiena kelli x-xorti nirrestawra dak l-arloġġ li għandu mekkaniżmu interessanti ferm. Infatti jekk tħares sewwa lejh tara li dan l-arloġġ ma jimmarkax biss il-ħin imma anki x-xahar, il-ġurnata u saħansitra l-fażijiet tal-qamar. Biex juri l-ħin, għandu biss minutiera waħda tas-siegħat u dik turik li l-arloġġ huwa antik ħafna. Infatti kelli naħdem b’reqqa kbira fuqu minħabba li ż-żmien għamlu fraġli ħafna,” fissirli Stephen.
“Li kieku kellek tara l-makkinarju ta’ dan l-arloġġ, kont tista’ tapprezza s-sistema li tmexxi kollox, fosthom anki l-figuri li jdoqqu l-qniepen. Infatti, l-erbgħa figuri tal-metall għandhom kontra-piż kull wieħed li jiġbidhom lura u jimbuttahom il-quddiem fuq il-qniepen sabiex jindaqqu. Il-figura tax-xellug u l-oħra tal-lemin idoqqu l-kwarti b’mod alternat fuq qniepen differenti, filwaqt li ż-żewġ figuri tan-nofs idoqqu l-istess qanpiena tas-siegħa u jalternaw ukoll. Ta’ min jgħid illi din is-sistema ta’ alternazzjoni mhux qiegħda hemm sempliċiment bħala disinn imma għax l-arloġġ ma jiflaħx jerfa’ żewġ affarijiet f’salt.”
Ġieli sakkruh fil-knisja
“Ma nixba qatt inħares lejn l-arloġġi u wisq anqas nitkellem dwarhom,” stqarr Stephen hekk kif ta daqqa t’għajn tal-aħħar lejn l-arloġġ tal-Mużew Marittimu u għalaq il-bieb warajh.
“Kull meta mmur naħdem fuq xi arloġġ, ma nkunx nista’ nirreżisti t-tentazzjoni li nibqa’ hemm siegħa oħra ħalli nikkonferma li kollox qed jaħdem tajjeb. Bla ma naf kif, nintilef u kultant imn’Alla li ċċempilli l-mara biex turini li sar il-ħin.”
“Saħansitra sakkruni darbtejn fi knisja għax wara s-siegħat kollha li qattgħajt hemm fuq, insew li kont għadni fil-kampnar,” qalli Stephen filwaqt li daħak waħda bil-qalb.
(Dan l-artiklu jifforma parti mis-sensiela KOBOR IL-MALTI (26 parti) fit-Torċa tas-16 ta’ Novembru 2014)
-
WIRJA ETNOGRAFIKA TA’ VARI PROĊESSJONALI
Kultant ikun hemm post li għal xi raġuni jew oħra tiddeċiedi li tevitah…. hekk ġrali bil-Palazz tal-Inkwiżitur li jinsab fil-Birgu. Mingħajr qatt ma żortu, bnejt opinjoni negattiva dwaru, bbażata fuq il-kunċett mistkerrah tal-inkwiżizzjoni. Iżda, lekċer partikolari li attendejt għalih dil-ġimgħa, qalibli ħsibijieti ta’ taħt fuq u tefa’ dawl qawwi ta’ għarfien dwar x’seħħ tassew f’dawk iż-żminijiet. Għaldaqstant tħajjart nagħmel daqsxejn riċerka dwar dan il-palazz u fostom skoprejt li dal-bini kien l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu fl-Ewropa li kien għadu eżistenti u fuq kollox miftuħ għall-pubbliku. Apparti minn hekk sibt illi dal-palazz iħaddan fih ukoll bosta affarijiet interessanti, fostom Mużew Nazzjonali tal-Etnografija u diversi esebizzjonijiet. Irrealizzajt li wara kollox, dak li qatt ġara f’dal-palazz, kien jifforma parti mill-passat ta’ niesi u allura ma stajtx naħarbu aktar…
Il-kuratur anzjan tal-etnografija, Godwin Vella, laqa’ mill-ewwel it-talba tiegħi biex inżur dan il-post u għalhekk irħejtilha lejn il-Birgu. Wasalt quddiem il-palazz faċilment u did-darba ma ħallejtx lil dal-bini kbir u għoli jintimidani. Kull inċertezza kompliet tisfuma fix-xejn hekk kif intbaħt li wħud mill-ħaddiema tal-palazz kienu ħbieb antiki tiegħi fi żmien l-iskola sekondarja. Dur minn hemm u itla’ minn hawn, finalment wasalna fl-uffiċċju tal-kuratur.
“Dawn id-diżlivelli, turġien u kurituri huma xhieda ċara tat-tibdiliet li saru f’dan il-palazz. B’xorti tajba, għand kull min għadda dal-palazz, għalkemm bosta minnhom żiedu u rranġaw fih, dawn qatt ma waqqgħu kollox u bnew mill-ġdid. B’hekk il-faxxinu ta’ dal-post huwa illi jekk wieħed ikun kapaċi jaqra dawn il-bidliet fil-binja, jkun jista’ jilmaħ l-iżvilupp arkitettoniku li sar f’Malta bejn is-seklu 15 u s-seklu 18. Tajjeb ngħidu li partijiet mill-palazz huma magħrufa bħala eżempji eċċezzjonali arkitettoniċi, bħal ngħidu aħna l-bitħa mibnija fi stil Gotiku jew it-taraġ ewlieni li huwa wieħed mill-ifjen spazji barokki.”
Madakollu, dan l-aħħar, waqt xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-bini, moħbi taħt sekli ta’ tibjid, instab li l-palazz kellu ħafna aktar x’jirrakkonta…
“Sa ftit tax-xhur ilu dejjem konna ngħidu, naħsbu u nemmnu li dan il-palazz oriġina madwar l-1530. Iżda r-riżultati li qed joħorġu waqt proġett ta’ konservazzjoni fil-parti tal-Castellania jindikaw biċ-ċar illi l-binja oriġinali tmur lura għall-medju evu. M’għandnix ħafna imma l-fdalijiet huma konsistenti. Nixtieq niċċara illi fl-ebda ħin ma għamilna skavi fuq il-post, imma sempliċiment waqt it-tneħħija tas-saffi ta’ tibjida wara l-oħra, qed jinkixfu karatteristiċi medjevali.
Meta l-Ordni waslet f’Malta fl-1530, hija għażlet il-Birgu bħala l-belt kapitali l-ġdida minflok l-Imdina u hawnhekk hija bniet il-bini pubbliku tagħha. Infatti l-Ordni tefgħet għajnejha fuq l-inħawi li jibdew minn Triq il-Mina l-Kbira fil-Birgu sal-bidu tal-Kalkara u hemm hi bdiet takkwista xi artijiet u postijiet għaliha. Mill-informazzjoni li għandna jidher li fil-Birgu l-Ordni sabet xi bini medjevali li kien qed jiffjorixxi għad-dell ta’ Kastell Sant’Anġlu u allura riedet tara kif ser tinfilza l-bini tagħha ma’ dak li kien hemm diġà. Kien hemm każi fejn l-Ordni xtrat xi binjiet u waqqgħet biex tibni mill-ġdid dak li kellha bżonn, bħal fil-każ tal-bini tal-isptar ta’ Santu Spirtu li llum huwa l-Kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura. Iżda fil-każ tal-Castellania jidher li ġara bil-kontra, fejn il-bini eżistenti sarulu xi alterazzjonijiet bħal twaqqgħu xi soqfa u tbaxxew xi ħitan imma mill-bqija l-pjanta eżistenti nżammet u kompla jinbena fuqha.”
Meta fl-1571 l-Ordni mxiet għall-Belt Valletta, uħud mill-binjiet tagħha bdew jintużaw għal skopijiet oħra. Fostom fl-1574, meta l-Monsinjur Pietro Dusina wasal f’Malta biex iwettaq vista pastorali tal-gżejjer u anki biex jaqdi l-funzjoni bħala l-ewwel inkwiżitur ġenerali, l-Gran Mastru La Cassiere offrielu dal-palazz bħala s-sede uffiċċjali tiegħu.
“Monsinjur Dusina kellu żewġ rwoli prinċipali: r-rwol ta ambaxxatur, dak li llum insejjħulu n-nunzju appostoliku u r-rwol ta’ inkwiżitur fejn hu kellu r-responsabbiltà li jgħallem lin-nies jgħixu skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika.
Il-palazz li issa kien sar magħruf bħala ‘tal-inkwiżitur’, kien maqsum fi tliet sezzjonijiet. L-aktar waħda spettakolari kienet il-piano nobile fejn hu kien jaqdi l-parti tiegħu bħala ambaxxatur u fejn allura kellu l-uffiċċji tiegħu u tal-ħaddiema li kellu bżonn. Fl-istess sezzjoni l-inkwiżitur kellu wkoll l-appartament privat tiegħu li kien jinkopora numru ta’ swali ta’ ċertu daqs u statura u anki kappella privata. Kien hemm żmien meta kien hawn żewġ appartamenti f’dan il-palazz imma llum għad fadal biss l-aħħar wieħed li nbena. It-tieni sezzjoni kienet isservi għall-funzjoni marbuta mal-inkwiżizzjoni u allura nsibu t-tribunal fejn kienu jinstemgħu l-każi, il-ħabs u l-kamra tat-tortura. Kollox kien isir taħt segretezza kbira fejn min jissejjaħ hemm ġew, kellu jżomm ħalqu magħluq dwar dak kollu li jkun ġara hemmhekk. Iżda min-naħa l-oħra, dak kollu li ntqal waqt dawn il-każi, ġie mniżżel bi skruplu kbir sal-inqas dettall f’dokumenti apposta li llum jinsabu miġbura f’parti mill-Mużew tal-Kattidral tal-Imdina. It-tielet sezzjoni kienet tikkonċerna l-aspett domestiku u fostom tinkludi l-kċina, xi mħażen tal-ikel u oġġetti oħra.
Ħafna nies għandhom impressjoni ħażina ħafna ta’ daż-żmien f’Malta peress li jqabblu lil din l-inkwiżizzjoni Rumana mal-ħruxija tal-inkwiżizzjoni medjevali jew dik Spanjola. Madanakollu f’Malta jingħad li l-inkwiżizzjoni kienet aktar kawta u li l-iskop prinċipali tagħha kien aktar ibbażat fuq ir- riforma milli fuq il-kastigi u t-tortura.”
Diversi inkwiżituri oħra li kienu joqogħdu fil-palazz komplew jixtru xi proprjetà tal-madwar u jniffduha mal-bini ħalli jkomplu jkabbruh u jsebbħuħ. Il-palazz għadda f’idejn diversi individwi, fostom anki f’idejn uffiċċjali Ingliżi li użawh bħala l-kwartieri tagħhom u huma wkoll adattawh għall-esiġenzi ta’ dak iż-żmien.
“Għalkemm hemm min ma jaqbilx ma’ dawn l-interventi li saru fuq il-palazz matul iż-żminijiet, nistgħu ngħidu li dawn it-tibdiliet li saru kienu sagrifiċċji żgħar biex il-bini baqa’ ntatt. Kien proprju minħabba li l-palazz dejjem instablu użu li hu baqa’ protett. Ix-xorti daħkitlu wkoll għax il-palazz għadda minn taħt gwerra qalila b’wiċċ il-ġid, ħlief għal xi marki tax-shrapnel mal-ħitan tiegħu.
Huwa importanti li nsemmu wkoll il-ħafna xogħol ta’ restawr li sar fuq dan il-palazz fostom dak taħt id-direzzjoni tal-Kuratur Vincenzo Bonello fis-snin tletin meta l-bini ġie miftuħ bħala Mużew qabel il-gwerra u aktar tard fis-snin sittin meta l-Mużew reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Riċentement, il-Kuratur Kenneth Gambin għamel ukoll karriera ta’ snin sħaħ f’konservazzjoni kbira tal-bini fejn neħħa diversi artijiet tal-konkos u oġġetti oħra sabiex ħalla biss dak li hu tassew importanti storikament.”
Fl-1981 parti mill-Palazz tal-Inkwiżitur inbidlet f’Mużew tal-Folklor. U aktar tard, fl-2003 il-Palazz ġie assenjat lill-Heritage Malta u l-post ġie individwat bħala Mużew Nazzjonali tal-Etnografija.
“B’etnografija qed nifhmu l-kultura, it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tas-soċjetà, kemm dik urbana u kemm dik rurali. Heritage Malta għandha tliet mużewijiet oħra ddedikati għall-etnografija li kollha qegħdin f’Għawdex: tnejn fiċ-Ċittadella; il-Mużew u l-Ħabs u l-oħra hija l-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra. Il-kunċett huwa illi dawn flimkien joffru perspettiva in ġenerali tal-kultura Maltija: dal-palazz jagħmel enfażi fuq il-kultura reliġjuża u dik urbana, filwaqt li dawk t’Għawdex jiffukaw aktar fuq il-kuntest rurali; id-drawwiet u s-snajja. B’hekk b’dawn is-siti qed nagħtu stampa kkulurita, għalkemm mhux kompluta, tal-kultura u l-identità Maltija kif żviluppat f’dawn l-aħħar sekli.”
Fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija wieħed isib numru ta’ esebizzjonijiet permanenti li juru l-kultura urbana u reliġjuża ta’ pajjiżna. Fostom laqgħatni ħafna mudell mill-isbaħ u mill-aktar dettaljat tal-Mandraġġ. Barra minn hekk minn żmien għal żmien, Heritage Malta torganizza numru ta’ attivitajiet minn dan il-post…
“Bħala Mużew, minn sena u nofs ‘l hawn, ħloqna programm ta’ attivitajiet annwali li jitrattaw l-aspett intanġibbli tal-patrimonju Malti fostom it-tradizzjonijiet u d-drawwiet antiki. Dawn jinkludu l-festival tal-logħob tradizzjonali u attività annwali li għandha x’taqsam mal-kultura tal-festi. Is-sena li għaddiet għamilna wkoll wirja bbażata fuq l-armar tal-festi u dis-sena bħala t-tieni edizzjoni tagħha, qed niffukaw fuq il-vari titulari jew proċessjonali, kemm dawk li joħorġu minn festi primarji, kemm dawk sekondarji u kif ukoll minn knejjes oħrajn li mhumiex parroċċi. Forsi ftit jafu li f’Malta hawn kważi il-fuq minn 110 statwa li joħorġu kull sena f’purċissjoni u bejniethom dawn saru fuq medda ta’ 400 sena, fejn l-iktar waħda antika hija l-Bambina tal-Isla u l-aktar ġodda nħadmu wara s-sena 2000.
Din il-wirja ser tkun tikkonsisti f’numru ta’ minjaturi ta’ dawn l-istatwi li l-biċċa l-kbira tagħhom ġew mislufa lil Heritage Malta minn għadd ta’ kollezzjonisti dilettanti. Minħabba problema ta’ spazju ma kienx possibbli li ninkludu rappreżentazzjoni ta’ kull statwa eżistenti. Madanakollu ffukajna fuq selezzjoni li turi b’mod partikolari l-iżvilupp artistiku tal-istatwi filwaqt li tagħti wkoll idea ċara tal-esponenti ewlenin ta’ dawn ix-xogħolijiet, kemm dawk Maltin u anki wħud barranin. Xorta waħda iżda, kull min jattendi għall-wirja, ser jingħata fuljett b’informazzjoni bażika dwar l-istatwi kollha oriġinali.”
Għalkemm il-wirja fetħet il-bieraħ u ser tkompli għaddejja sat-3 t’April 2011, għall-ġurnata ta’ llum biss, ser ikun hemm attività speċjali li mhux ta’ min jitlifha!
“Il-Ħadd, apparti l-wirja li semmejna, fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, ser ikollna wkoll attività prinċipali fejn numru ta’ nies tas-sengħa se jkunu qed jagħmlu xogħol relatat ma’ dal-qasam tal-istatwi fil-minjaturi. B’xorti tajba l-kollezzjonisti tal-istatwi f’Malta huma numerużi ħafna u għalhekk hawn suq interessanti li jirrendi ruħu f’numru ta’ snajja’ u arti relatati. Infatti min jattendi għall-wirja ser ikun jista’ jara mhux biss il-minjaturi imma anki kif jinħadmu permezz ta’ individwi li ser ikunu qed jagħmlu xogħol fit-tafal, xogħol fuq il-bradelli u xogħol fuq il-pewter.
Primarjament din l-attività ġiet maħsuba għall-familji u għalhekk ser issir bejn is-1:00pm u l-5:00pm filwaqt li l-prezz tad-dħul tnaqqas konsiderevolment: €2 kull adult u tfal taħt it-12 il-sena jidħlu b’xejn. Barra minn hekk, għal min ikun jixtieq, bil-ħlas ta’ €1 oħra jkun jista’ jidħol ukoll fil-Mużew Marittimu.”
Iżda dan mhux kollox, għax nhar l-Erbgħa 16 ta’ Frar 2011, bejn is-6:00pm u t-8:30pm, ser jiġi organizzat seminar b’numru ta’ kelliema li ser jiddiskutu dwar diversi aspetti tal-vari titulari.
“Dan l-avveniment huwa maħsub biex jilħaq ukoll settur ta’ nies li jinteressawhom aspetti oħra tal-vari titulari. Id-dħul għal dan is-seminar huwa bla ħlas. Il-kelliema li ser jieħdu sehem m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni: Rev. Fr. Gino Gauci, H.E. Dr. Ray Bondin, Mr. Charles Coleiro, Mr. Mario Coleiro u Mr. Victor Caruana. L-aspetti li ser jitkellmu dwarhom huma varji u jinkludu fostom l-aspett teoloġiku tal-vara u l-aspett tal-iżvilupp artistiku. Ma jistax jonqos li jiġi trattat ukoll l-aspett folkloristiku fejn naraw id-dimensjoni differenti li tieħu l-vara hekk kif toħroġ mill-knisja. Il-festi parrokkjali ta’ pajjiżna huma ħafna aktar minn ċelebrazzjonijiet ikkuluriti. Huma manifestazzjoni importanti ta’ soċjeta’ reliġjuża li tiltaqa’ biex tesponi pubblikament id-devozzjonijiet li waslu għandha tul is-sekli. Il-festi jilħqu bilanċ sottili bejn ir-reliġjuż u s-sekulari, tant li ħafna drabi ma jibqax distinzjoni bejn it-tnejn. Għalkemm reliġjużi fin-natura tagħhom, il-festi Maltin iħaddnu patrimonju kulturali ta’ identita’ nazzjonali u wirt intanġibli li jinkludi ċerimonji solenni u pompużi, mużika, artistrija, ċelebrazzjonijiet popolari, piroteknika u ikel. U dan kollu ser jiġi diskuss u trattat f’dan is-seminar li qed nippreżentaw.”
Ma stajtx nirreżisti milli nitlob lil Godwin jeħodni dawra mal-palazz fejn fostom laqqagħni wkoll maż-żewġ kuraturi sħabu li flimkien miegħu jieħdu ħsieb dal-post (għalkemm l-aħħar kuratur għadu jibda dil-ġimgħa). Kif qalli Godwin, il-palazz huwa ġojjell arkitettoniku u anki bejta interessanti ta’ numru ta’ oġġetti li jixhdu l-kultura tagħna l-Maltin.
“Nistqarr miegħek li kultant mhiex daqshekk faċli li żżewweġ iż-żewġ aspetti f’daqqa, f’dak li għandu x’jaqsam mal-Palazz tal-Inkwiżizzjoni u l-Mużew tal-Etnografija. Imma ftit ftit qed nippruvaw intejjbu l-esperjenza ta’ dawk li jiġu jżuru dan il-post billi qed naħdmu biex nerġgħu nlibbsu l-palazz bid-dehra grandjuża u sofistikata li kellu qabel. Pjan ieħor prinċipali tagħna huwa li nagħmlu lil dal-palazz kemm jista’ jkun aċċessibbli għall-pubbliku. Infatti sa tliet snin ilu kien hawn inqas minn nofs il-palazz li ma kienx miftuħ, mentri llum il-viżitaturi jistgħu jżuru madwar żewġ terzi minnu. F’dawn l-aħħar snin qed nieħdu wkoll in konsiderazzjoni l-kummenti li jħallilna l-pubbliku fir-reġistri tagħna u wara li ddiskutejna wħud minnhom ġie deċiż li noħolqu sekwenza madwar il-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija sabiex b’hekk l-esperjenza madwar dawn il-postijiet tkun aktar informattiva u pjaċevoli.”
Innutajt illi kienu qed isiru diversi xogħolijiet madwar il-palazz…
“Ix-xogħol hawnhekk għaddej il-ħin kollu, kemm bħala konservazzjoni tal-bini u tal-esebizzjonijiet u anki fl-akkwist ta’ numru ta’ esebiti ġodda. Għalkemm strutturalment il-bini tal-palazz huwa pjuttost solidu, jien inħobb inqabblu ma’ silġa għax li kieku kellu jieqaf il-manteniment tiegħu, mill-ewwel jibda jinħall u jiddeterjora.”
Bi pjaċir sirt naf illi l-attendenza f’dan il-palazz tilħaq l-40,000 viżitatur fis-sena, li minnhom 6000 huma tfal tal-iskejjel, 9000 oħra huma Maltin u l-bqija barranin. Il-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija joffru wkoll l-opportunità lil min jixtieq jagħmel xi xogħol volontarju f’dan il-post.
“Kull min jixtieq jgħin huwa apprezzat ħafna. In-natura tax-xogħol tvarja sewwa hawnhekk, skont x’ikun irid jagħmel l-individwu. Hawnhekk jista’ jsir xogħol amministrattiv, xogħol ta’ riċerka jew anki xogħol ta’ manteniment tal-bini.”
Il-Palazz tal-Inkwiżitur flimkien mal-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija jkunu miftuħin kuljum id-9:00am u l-5:00pm bl-eċċezzjoni ta’ xi ġranet partikolari. Aktar dettalji dwar dan is-sit u anki dwar siti oħra ta’ Heritage Malta jinsabu fuq il-website www.heritagemalta.com
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Frar 2011)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | ||||||
2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 |
9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 | 15 |
16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 | 22 |
23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 | 29 |
30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23