Posts Tagged ‘Muzew Nazzjonali tal-Arti’

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (Is-7 Parti) Ħarsa lejn l-arti Ċiniża

    Bħalissa, is-settur tal-arti fiċ-Ċina huwa wieħed mill-aktar dinamiċi, hekk kif l-artisti Ċiniżi qed jerħulha jesploraw u jimirħu f’orizzonti differenti sabiex jippruvaw jesprimu r-rwol ġdid li għandu pajjiżhom fid-dinja. Dawn ix-xogħolijiet artistiċi varji jinstabu mxerrda madwar iċ-Ċina kollha f’diversi distretti popolari tal-arti, f’numru ta’ galleriji artistiċi u f’bosta mużewijiet.

     Permezz ta’ dan l-artiklu, jiena se niddeskrivilkhom dawk l-inħawi li żort f’Pekin u Shanghai li huma relatati ma’ dan il-qasam.

     751D Park – Pekin

     Kont immaġinajt li ż-żjarat tagħna f’Pekin kienu ser ikunu kollha marbutin mal-istorja. Għaldaqstant kienet tassew sorpriża interessanti meta ġejna akkumpanjati f’dan iċ-ċentru ta’ arti kontemporanja.

    Sa ftit tas-snin ilu, din il-medda art b’qies ta’ 40,000 metru kwadru, kienet tifforma parti minn żona industrijali. Madanakollu, riċentement, din ġiet trasformata f’post iddedikat kollu kemm hu għall-arti u ngħatat l-isem ta’ 751D Park.

    Xoghol ta' Liu Fei - An enchanting warL-arkitettura distinta ta’ stil Bauhaus irnexxielha tisfuma b’mod armonjuż mal-karattru l-ġdid li ngħata lil dawn l-inħawi fejn issa wieħed isib numru ta’ galleriji tal-arti, swali tal-esebizzjonijiet, ħwienet tal-kotba, ristoranti u kafetteriji.

    Għalkemm m’inix xi waħda li nifhem wisq fl-arti, nistqarr illi l-ħin li qattgħajt f’dan il-lwog sabiex nesplora dawn ix-xogħolijiet artistiċi, fetħuli tieqa oħra fuq iċ-Ċina li minnha stajt nixtarr aħjar lil dan il-pajjiż u l-kultura tiegħu. Infatti, kull post li dħalt fih offrieli l-opportunità li nosserva, napprezza u nixtri kreazzjonijiet bi stili tassew uniċi u b’disinji oriġinali ta’ immaġinazzjoni bla tarf.

    Fosthom, laqtitni ħafna l-esebizzjoni artistika ta’ Liu Fei li kienet iġġib l-isem ta’ An Enchanting War. Fiha, l-artist ippreżenta l-perċezzjonijiet tiegħu dwar il-gwerer futuri filwaqt li kkontempla dwar kif dawn ser jiġu miġġielda. Għamel dan permezz ta’ kreazzjonijiet li jżommuk fil-post tħares lejhom, l-aktar hekk kif hu esprima d-disprezz u l-kritika tiegħu lejn il-gwerra permezz ta’ ġmiel u kruha ironiċi u li jaħsdu.

    Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti – Pekin

     Dan il-mużew hu ddedikat għall-kollezzjonijiet, għar-riċerka u għall-esebizzjonijiet ta’ xogħolijiet artistiċi moderni u kontemporanji li jsiru fiċ-Ċina. Għalkemm il-bini tiegħu nbeda fl-1958 u nfetaħ għall-pubbliku fl-1963, l-istil arkitettoniku tiegħu tfassal fi stil tradizzjonali Ċiniż hekk kif dan jinkludi fih kurituri, paviljuni u saqaf imżejjen b’madum ta’ lewn safrani.

    L-artista Liu Xia biswit ix-xogħol taghha fil-Muzew Nazzjonali tal-ArtiFil-wisgħa ta’ 18,000 metru kwadru, dan il-mużew għandu fih 17 il-sala tal-esebizzjoni mqassma fuq 5 sulari. Fil-kollezzjonijiet tiegħu jħaddan aktar minn 100,000 biċċa xogħol artistika, li l-biċċa l-kbira tagħhom inħadmu minn artisti mill-aqwa matul perjodi differenti li jkopru s-snin mill-aħħar tas-seklu 19 sa llum.

    Mit-twaqqif tiegħu, dan il-mużew organizza eluf ta’ esebizzjonijiet artistiċi li jirriflettu l-iżvilupp tal-arti Ċiniża. Kull sena, dawn l-attivitajiet jiġbdu miljuni ta’ viżitaturi lejn dan il-post u b’hekk dan iservi wkoll bħala vetrina għall-artisti involuti.

    Waqt iż-żjara tagħna f’dan il-post, fost ix-xogħolijiet esebiti, kien hemm il-wirja Beautiful China: Call of Humanism, liema attività tax-xorta tagħha kienet qed issir għall-ewwel darba. Infatti, f’din l-esebizzjoni kien hemm 200 biċċa xogħol artistika għall-bejgħ u l-flus li kienu ser jinġabru minnha, kienu ser imorru biex jgħinu lill-eluf ta’ persuni li jbatu minn xi diżabbilità. Fatt interessanti kien li fost ix-xogħolijiet għall-bejgħ, kien hemm uħud li kienu maħduma minn artisti rinomati ferm imħallta ma’ oħrajn ta’ livelli differenti, fosthom anki ma’ ta’ artisti u kalligrafi li kellhom xi diżabbilità.

    M50 – Shanghai

     Din iż-żona artistika li tikkonsisti minn għadd ta’ galleriji u spazji għall-esebizzjonijiet, tinsab f’50 Triq Moganshan, Shanghai, imma ħafna jirreferu għaliha bħala M50.

     Sa ftit tas-snin ilu, din il-lokalità ċentrali kienet tifforma parti minn fabbrika tat-tessuti iżda wara li din l-industrija ngħalqet, ftit ftit bdew jinġibdu għadd ta’ artisti lejn dan il-post minħabba li kien qed jinkera bi prezz baxx. Kien fis-sena 2000 meta daħlu l-ewwel artisti sabiex jesponu xogħolijiethom f’dawn l-inħawi. Illum M50 inbidlet f’kumpless kollu kemm hu ddedikat lill-arti.

    Xogholijiet tal-arti fid-distrett M50Ċertament hawnhekk, dawk li japprezzaw l-arti għandhom fejn jintilfu bl-għażla tassew varja ta’ ideat u xogħolijiet, kemm f’dik li hi skultura u kif ukoll pittura. F’dan il-lwog, wieħed spiss ikollu ċ-ċans ukoll li jiltaqa’ mal-artisti nfushom u li jixtri x-xogħolijiet direttament minn għandhom. Il-prezzijiet ivarjaw ħafna: jibdew minn tassew irħas u jibqgħu telgħin sa somom pjuttost esorbitanti. Madanakollu, jekk wieħed ikun kapaċi jinnegozja prezz tajjeb, jaf imur lura d-dar b’xogħol tassew uniku u sabiħ.

    Għalkemm viżwalment din iż-żona ma tolqotx wisq l-għajn, wieħed m’għandux joqgħod lura milli jikkunsidra li jiddedika ftit ħin biex jevalwa dak li jista’ jsib fiha. Infatti wħud mix-xogħolijiet kapaċi jkunu interessanti u provokanti qatiegħ, b’numru minnhom mogħnija wkoll b’natura ribelli.

    Esebizzjoni artistika tal-pittur Heping – Malta

     L-għan prinċipali ta’ din is-sensiela ta’ artikli huwa li nxennaq lill-poplu Malti biex isir jaf aktar dwar il-kultura taċ-Ċina u niesha. Għaldaqstant, fejn nara li hemm l-opportunità li l-Maltin iduqu dak li nkun ktibt dwaru f’pajjiżna stess, jiena nħossni obbligata li ninforma lill-qarrejja bih.

     Fil-fatt, bħalissa, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena Ċiniża, fil-gallerija artistika taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina li jinsab f’173, Triq Melita, Valletta, qed tittella’ esebizzjoni ta’ xogħolijiet li saru mill-pittur famuż Ċiniż Heping.

    Heping huwa bbażat f’Shanghai u bħalissa huwa jservi bħala għalliem fl-Istitut tal-Moda, l-Arti u d-Disinn ta’ Dunghua University. Huwa jifforma parti mill-ġens Naxi; li huwa wieħed mill-minoritajiet etniċi li jinsabu ċ-Ċina.

    F’dawn l-aħħar snin, Heping żviluppa lingwa artistika ġdida sabiex permezz tagħha jittrażmetti l-karattru etniku u s-sengħa tradizzjonali tiegħu. Din il-linja artistika tinvolvi taħlita għanja ta’ pittura u kalligrafija li finalment tiġi espressa f’xogħol modern b’tema astratta.

    Xoghol artistiku ta' HepingIx-xogħolijiet ta’ Heping huma magħrufa għall-użu distint tal-kulur u għall-linji maħżuża li flimkien jikkontribwixxu xogħol mhux konvenzjonali li għalkemm jirrifletti ċertu loġika, jinħakem ukoll minn passjoni qawwija. Fuq kollox, is-saħħa ta’ din l-arti tinsab fit-taħlita tal-elementi artistiċi tal-Lvant u tal-Punent li jagħmlu dawn ix-xogħolijiet attraenti għal diversi individwi madwar id-dinja.

    Heping jistqarr li jinteressaħ ħafna l-bniedem u li għalhekk kull xogħol tiegħu jirrappreżenta individwu minn Shanghai: il-belt fejn trabba’ u tgħallem u l-post li għadu sa llum jinfluwenzah ħafna. Huwa jħobb joħloq illustrazzjonijiet li jissimbolizzaw id-dinja moderna urbana li teżisti f’ambjent li l-ħin kollu jinbidel. Madanakollu, huwa jara li jispjega dan kollu billi juża kemm jista’ s-sempliċità.

    Fil-fehma tiegħu, akkost li ż-żmien ta’ llum huwa miżgħud b’għadd ta’ informazzjoni u attivitajiet, min-natura tiegħu, il-bniedem jibqa’ jfittex li jissimplifika l-affarijiet ta’ madwaru sabiex jassorbi u jifhem aħjar. Fil-fatt Heping jissuġġerixxi illi dan it-tiftix għas-sempliċità jinħoloq proprju sabiex jinstab bilanċ mal-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum.

    Intant, jekk wieħed jifli x-xogħolijiet ta’ dan l-artist, spiss se jilmaħ forom astratti imma sempliċi li bihom huwa jrid jiddeskrivi l-perċezzjoni ikkondensata tiegħu tas-suġġetti umani li jpinġi f’kultura urbana u immaġni metropolitana.

    Għal aktar informazzjoni dwar din il-wirja li se ddum miftuħa sal-5 ta’ Marzu 2015, wieħed jista’ jċempel liċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta fuq 21 225 055.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-22 ta’ Frar 2015)

    2015.02.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • WAQT ĦARBA S’GĦAWDEX

    Ix-xogħol qatt ma bżajt minnu imma daqstant ieħor dejjem fittixt il-bilanċ fejn imqar għal ftit mumenti nkun nista’ nieqaf u nistrieħ u ngawdi l-frott ta’ dak li nkun qed Vincent Apapnaħdem għalih. Għaldaqstant hekk kif għal dawn l-aħħar ġimgħat tħabatt u stinkajt biex ippreparajt ruħi għall-eżamijiet, bl-istess ħeġġa dil-ġimgħa tlaqt daqsxejn ir-riedni u ħrabt lejn il-gżira qariba tagħna Għawdxija. Bakkart biex nilħaq il-vapur kmieni u hekk kif waqt il-vjaġġ qasir iżżerżaqna fuq wiċċ l-ilma kaħlani u sabiħ minn quddiem il-gżejjer ta’ Kemmuna, bħal iddubitajt jekk wara kollox nixtieqx li qatt jinbena dak il-famuż pont li għandu jgħaqqad liż-żewġ gżejjer prinċipali. Tgħid kieku dan is-sens ħelu ta’ avventura jogħsfor? Il-bieba kbira tal-vapur tniżżlet u soqt ħafif il-barra bħal għasfur ħiereġ mill-gaġġa. Fost l-attivitajiet l-oħra li kont ippreparajt, kelli ppjanati wkoll xi intervisti interessanti. Għeżież qarrejja, peress li dan l-aħħar ħassejt in-nuqqas tagħkom, iddeċidejt li waqt din il-vaganza neħodkhom miegħi…

    L-ewwel intervista kienet ma’ John Cremona fil-Ministeru t’Għawdex fejn bħalissa b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, għaddejja wirja ta’ xogħolijiet artistiċi tal-iskultur Vincent Apap. Uħud minn dawn ix-xogħolijiet kienu jinsabu fil-kollezzjoni riservata tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, filwaqt li xi oħrajn reċentement ġew mogħtija b’donazzjoni lil Heritage Malta mill-familjari tal-artist stess u allura din hija okkażżjoni unika biex wieħed jarahom kollha flimkien.

    “Kull sena fin-Notte Gozitana, ġewwa s-swali tal-Ministeru t’Għawdex, tittella’ wirja ta’ xogħolijiet ta’ kalibru sabiex il-poplu jkun jista’ jgawdi u japprezza t-talenti artistiċiIż-żewġt'aħwa tal-iskultur Vincent Apap ta’ numru ta’ individwi li għamlu isem f’pajjiżna. Din id-darba l-għażla tagħna waqgħet fuq l-iskultur rinomat Malti Vincent Apap. Nixtieq insemmi li din hija l-ewwel wirja tax-xogħolijiet ta’ dan l-artist li qed issir wara li huwa ġie nieqes fl-2003. Fuq uħud minn dawn ix-xogħolijiet artistiċi kien hemm il-bżonn li jsir xi xogħol ta’ konservazzjoni mid-Diviżjoni tal-Konservazzjoni ta’ Heritage Malta, kemm biex dawn jinżammu fi stat tajjeb u kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiġu esposti għall-pubbliku f’din il-wirja.

    Din il-wirja ġiet maqsuma f’ħames taqsimiet: xbiehat, busti ta’ monumenti pubbliċi, xogħolijiet konnessi mal-familja rjali, xogħolijiet sagri u skulturi assoċċjati mat-tfal.”

    Bdejna nduru ma’ dawn ix-xogħolijiet li kollha għandhom l-istorja partikolari tagħhom. Fosthom laqgħatni ħafna bust li kien juri x-xbieha ta’ żewġt itfal; proprjament iż-żewġt aħwa tal-artist, li huwa wettaq meta kellu biss 14 il-sena!

    “Fis-sezzjoni tat-tfal naturalment tara l-ispontanjetà u l-immedjatezza tal-karattri. Huwa xogħol frisk u forsi ftit anqas tradizzjonali mill-oħrajn. Ta’ min isemmi illi Apap kien magħruf ħafna għall-ħeffa li Sir Winston Churchill (Vincent Apap)kien jaħdem biha, fejn fi ftit minuti kien kapaċi jifforma xbieha tajba ħafna ta’ dak li jkun poġġut quddiemu. Infatti waqt intervista li darba ta l-artist stess kien semma li ċerti individwi impenjatissimi ħafna, bħal ngħidu aħna Winston Churchill, kien allokalu għaxar minuti biss biex jippużalu. Il-kapaċità li jaħdem malajr xbieha fil-materjal li jkollu taħt idejh għenitu biex joħloq xogħolijiet li artisti oħra forsi jsibu aktar imprekattivi – bħal ngħidu aħna meta l-mudelli jkunu tfal u ma tantx ser joqogħdulek fl-istess poża għal ħin twil. Kien favorih ukoll il-fatt li kien jippreferi jaħdem ‘live’, bil-persuna preżenti quddiemu. B’hekk ix-xebħ kien joħroġ ħafna aktar.”

    Infatti inklużi fil-wirja kien hemm ukoll busti ta’ diversi personaġġi barranin magħrufa bħall-Prinċep Charles, id-Duka ta’ Kent u l-Prinċep Filippu, Duka ta’ Edinburgh.

    “Flimkien ma’ ħuħ Willie Apap li kien pittur, Vincent Apap kellu l-opportunità li jitla’ jaħdem f’Buckingham Palace fejn hemmhekk dawn iż-żewġ artisti Maltin wettquBust tal-Prinċep Charles (Vincent Apap) xogħolijiet mill-ifjen li llum jinsabu f’bosta kollezzjonijiet privati. Permezz ta’ din il-wirja għandna l-possibilità li napprezzaw l-id tal-iskultur li tidher ċara ħafna fuq dawn il-buzzetti tal-ġibs.”

    Imxejna aktar il-ġewwa fejn did-darba kien hemm xi buzzetti ta’ xogħolijiet sagri.

    “Vincent Apap ħadem bosta xogħolijiet għall-knejjes tal-gżejjer tagħna. Ma setax jonqos li peress li huwa kien minn Tas-Sliema, wieħed isib preżenza sabiħa u numeruża tax-xogħolijiet tiegħu fil-Knisja tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema. F’din is-sezzjoni fosthom għandna dan is-sett ta’ buzzetti konnessi ma’ personaġġi tal-Bibbja li minnhom finalment inħadmu statwi kbar li jinsabu fil-knisja li semmejna.”

    Inzerta illi l-biċċa xogħol l-aktar għal qalb John kienet proprju f’din is-sezzjoni…

    “Hija din l-istatwetta tal-ġibs mogħtija kulur sewdieni biex tixbaħ lill-materjal tal-bronż. Turi rappreżentazzjoni tat-tentazzjonijiet ta’ It-tentazzjoni ta' Sant'Antnin (Vincent Apap)Sant’Antnin. Jogħġobni ħafna l-istil li nħadmet bih: taħlita ta’ stil tradizzjonali klassiku flimkien ma’ dak modern. In-nisġa ta’ figuri li bħal donnhom qed jissieltu biex joħorġu mill-forma tax-xbieha tal-qaddis huma qawwija ħafna u jwasslu l-messaġġ b’mod b’saħħtu u ċar.”

    L-isfond tas-sala jagħlaq bil-kapolavuri monumentali ta’ dan l-iskultur li ċertament huma l-aktar magħrufa mal-pubbliku. Sett ta’ busti kbar, did-darba ta’ diversi personaġġi Grupp ta' busti ta' Vincent ApapMaltin kienu xempju tax-xogħol dettaljat li kien magħruf għalihom dan l-artist. Fl-istess ħin, il-qies imdaqqas tal-busti jagħti indikazzjoni ċara tal-kobor tax-xogħol finali meta komplut bil-bqija tax-xbieha tal-personaġġ. Ħasra li ma kienx hemm xi bust tal-ġganti li minnhom Vincent Apap sawwar il-funtana tat-Tritoni, liema xogħol probabbilment ser ikun dak l-aktar miftakar għalih.

    Sabiex wieħed ikollu aktar dettalji dwar il-ħajja ta’ dan l-iskultur u kif ukoll informazzjoni dwar ix-xogħolijiet preżenti f’din il-wirja, wieħed jista’ jakkwista l-pubblikazzjoni bit-titlu Vincent Apap (1909-2003) fejn wieħed isib kitbiet ta’ Sandro Debono, Bernadine Scicluna, Kenneth Cassar, Gabriel Pellegrini u t-tim li wettaq xogħol ta’ konservazzjoni fuq din il-kollezzjoni.

    Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (esklużi il-festi pubbliċi). Dħul bla ħlas. Ħinijiet: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30am sas-12.45pm. Is-Sibt u l-Ħadd mid-9:00am sa 12:00pm. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq 22100225.

    John Cremona li huwa responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ dawn il-wirjiet fis-swali tal-Ministeru t’Għawdex, ma naqasx milli jdawwarni wkoll mal-bqija tal-bini li ċertament għandu storja Faċċata tal-katalgu tal-wirja ta' Vincent Apapinteressanti ferm. Infatti dan il-bini kien jifforma parti minn sptar antik li nbena fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann għall-ħabta tat-18 il-seklu. Numru ta’ kwadri artistiċi li bosta minnhom kienu jżejjnu s-swali ta’ dawk iż-żminijiet, illum ġew restawrati u tpoġġew lura mill-ġdid mal-ħitan ta’ dan il-post ħalli jkunu jistgħu jitgawdew aktar mill-pubbliku. Marbuta ma’ dan il-post hemm ukoll ġrajja mqanqla dwar il-Kanonku tal-Kattidral t’Għawdex, Giovanni Maria Camilleri, li kien ħalla ġidu kollu biex inbena dan l-isptar, liema deċiżjoni probabbilment swietlu ħajtu meta huwa flimkien mas-seftura tiegħu sfaw maqtula f’daru fiċ-Ċittadella.

    U kumbinazzjoni, t-tieni lwog kien proprju fiċ-Ċittadella fejn did-darba John Cremona ħadni nżur wirja arkeoloġika li tinsab fiċ-Ċentru għall-Kultura u Arti (l-informazzjoni dwarha ser tidher il-Ħadd li ġej). Dan il-post li llum jilqa’ fih diversi wirjiet u attivitajiet kulturali, fi żmien il-ħakma Ingliża kien intuża bħala ħabs. Is-swali medjevali, illum imdawwla u rinovati, jilqgħuk ħafna. Imma ngħid għalija l-aktar impressjonanti kien it-tinqix antik fuq il-ħitan tagħhom, fosthom ta’ forom ta’ jdejn u xwieni, li l-priġunieri ta’ dak iż-żmien ħallew mal-ħitan bħala evidenza tal-preżenza tagħhom hemmhekk.

    “Hija proprju din l-atmosfera medjevali ta’ dawn il-galleriji li jiġbduni kull sena lejn Malta,” stqarret Colette Marchant, artista Franċiża li bħalissa qed tesponi x-xogħolijiet ta’ pittura tagħha f’dan il-post.

    Infatti din hija t-tielet wirja li din l-artista qiegħda ttella’ f’dan iċ-Ċentru. Magħrufa sewwa bħala pittriċi astratta, il-karatteristika ta’ Colette hija li tpinġi mingħajr l-użu tal-Pitturi ta' Colette Marchantpniezel u tiddiżinja biss b’idejha. Tispira ruħha ħafna mid-dawl u min-natura. Ix-xogħolijiet tagħha għandhom l-iskop li jwasslu messaġġ ta’ trankwillità u ta’ skoperta, b’mod sempliċi imma profond u kkulurit li jserraħ l-għajnejn, il-qalb u r-ruħ. Tgħix fi Franza imma waqt dawn il-wirjiet tagħżel dejjem li tmur toqgħod ix-Xlendi, post li hu għal qalbha ħafna, fejn speċjalment tapprezza l-kuluri ta’ nżul ix-xemx li jżejjnu l-inħawi tal-madwar.

    Din il-wirja ser iddum sas-26 ta’ Ġunju 2011. Ħinijiet mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-10.00am u l-4:00pm. Is-Sibt u l-Ħadd bejn il-11:00am u t-3:00pm. Aktar dettalji fuq 99855103.

    Deċiża li ngawdi dak kollu li seta’ joffrili l-post, did-darba paxxejt il-lat antropoloġiku tiegħi fejn fis-swali ta’ fuq taċ-Ċentru għall-Kultura u Arti skoprejt wirja oħra dwar il-Festi ta’ Dari f’Għawdex.

    Din il-wirja etnografika tinkludi fiha bosta oġġetti relatati mas-suġġett tal-festi fi żminijiet antiki. Fosthom wieħed isib dekorazzjonijiet antiki ta’ dari bħal skudetti tal-injam li jmorru lura għad-19-il sekluIl-Banda tad-Dudi li wħud minnhom huma fil-forma ta’ Kavallieri ta’ San Ġwann u li magħhom kienu jiddendlu l-bnadar. Personalment għoġbuni ħafna r-ritratti li kienu juru xeni differenti mill-ħajja ta’ snin imbiegħda. In-nies jippużaw ferħanin u kburin għar-ritratt kienu lebsin il-ħwejjeġ ta’ dak iż-żmien, uħud fi sfond ta’ nħawi li llum inbiddlu ħafna. Min jaf x’sar minnhom dawn l-individwi? Min jaf għadx hemm min kapaċi jagħrafhom illum bħala xi ħadd mill-antenati tiegħu? Ritratt minnhom kien juri l-Banda tad-Dudi, li kienet l-ewwel orkestrina li ffurmat f’Santa Luċija, Għawdex u li kienet tikkonsisti minn grupp żgħir ta’ mużiċisti  li kienu jduru fit-toroq Għawdxin sabiex iferrħu l-udjenzi li jinġabru madwarhom. Fost ritratti oħra li juru purċissjonijiet bl-istatwa tal-qaddis patrun, dak iż-żmien statwi ġodda fjamanti, kien hemm ukoll xi ritratti li juru tradizzjonijiet magħrufa bħall-Benedizzjoni Ewkaristika minn fuq il-baħar f’Marsalforn jew il-ġostra waqt il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi, b’qatta’ żagħżagħ jistennew ħerqana biex jipparteċipaw.

    Ktejjeb żgħir miġbur mill-antropologu Dr Ray Debono Roberts ikompli jagħti aktar dettalji dwar dawn l-egħruq tal-festi Maltin. Sadanittant waqt din il-wirja wieħed isib ukoll formoli fejn qed tintalab informazzjoni u ritratti dwar il-festi t’Għawdex li kienu jsiru qabel l-1955 sabiex dawn jiġu nklużi f’pubblikazzjoni li qed tiġi ppreparata dwar dan il-qasam. Din il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Ġunju 2011.

    Stagħġibt kemm kien hemm x’tara u dan meta kont qed indur biss fl-akkwati tar-Rabat Għawdex! Iżda issa kien imiss li nistrieħ ftit u għaldaqstant erħejtilha lejn il-villaġġ tax-Xlendi, fejn qrib it-taħbita nebbiexa tal-baħar ċar kristall, poġġejt f’restorant li dewwaqni naqra benna tal-kċina Għawdxija. Fl-istess ħin kont qed nistenna x-xemx tbatti ftit għax f’moħħi kelli avventura ċkejkna. Imma għalissa ser nieqaf hawn sabiex ingawdi daqsxejn dawn il-memorji sereni. Ngħidilkhom aktar il-ġimgħa d-dieħla…

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 ta’ Ġunju 2011)

    2011.06.19 / no responses / Category: Torca - Perspettivi