Posts Tagged ‘muzew’

  • NIXTIEQ NAQBAD IT-TREN TAL-1931

    L-ewwel darba li missieri qalli illi snin ilu f’Malta kellna tren, ħsibtu li kien qed jgħaddini biż-żmien u kellu jeħodni sar-restorant li kien hemm fl-Imtarfa biex emmintu.Museum Station - Imtarfa Niftakar sewwa kif kont bqajt b’ħalqi miftuħ hekk kif rajt l-istazzjon u r-ritratti antiki mdendla mal-ħitan tar-restorant! Ma stajtx nifhem kif f’pajjiż żgħir bħal tagħna, fejn kull fejn tmur tasal f’tebqa t’għajn, kellna bżonn mezz ta’ trasport simili. Naturalment imbagħad missieri kellu jfehemni wkoll li f’dik l-era l-karozzi li nafu llum kienu għadhom ma nħolqux. U allura x-xettiċiżmu tiegħi nbidel f’ammirazzjoni u xenqa li stajt immur lura fiż-żmien sabiex nara dit-tren għaddejja u għaliex le, biex nirkibha wkoll.

    Is-snin għaddew u t-tren irkibtha, għalkemm f’pajjiżi oħra u mhux f’Malta. Madanakollu dil-ġimgħa waqt li kont imsiefra u moħħi kien qed jaħseb f’dan l-artiklu, irrealizzajt illi dik ix-xewqa ta’ tfuliti għadha ħajja fija ħafna aktar milli naħseb jien. Intbaħt b’dan hekk kif kont għaddejja fi tren ċkejkna turistika f’Sorrento u sibtni qed nifraħ bir-rikba fiha ħafna aktar mit-tifla tiegħi! Ftakart illi ma kienx hemm tren waħda ta’ dat-tip li ma rkibtx f’kull pajjiż li żort u ovvjament ma nqastx li nitla’ anki f’dik li titlaq mill-Imdina. Jista’ jkun li bla ma naf, kull darba nkun qed nipprova nesperjenza l-emozzjoni ta’ żmien li mar u qatt ma’ reġa’ lura aktar f’pajjiżi.

    INTERVISTA: PAUL GALEA

    Dal-ħsibijiet kollha tqanqlu wara li ltqajt ma’ Paul Galea, dilettant kbir tal-mudelli u għal dawn l-aħħar snin riċerkatur fervent dwar il-ferrovija ta’ Malta. Kien missier Paul, inġinier tal-elettronika, li ntroduċa l-passjoni tal-mudelli f’ibnu.

    “Aktar milli dilettant tal-mudelli, missieri kien jieħu gost jixtrihom biex wara jimmodifikahom u per eżempju jżidilhom id-dwal. Ta’ tifel li kont bdejt ninteressa ruħi u niddakkar minnu. Sibt ruħi fiċ-ċirku Paul Galeata’ ħbieb tiegħu li kienu dilettanti tal-mudelli u li kultant żmien kienu jitolbuh jirranġalhom xi ħaġa fis-settijiet tagħhom. Darba minnhom morna għand ħabib tiegħu l-Birgu u bqajt impressjonat bil-kobor tal-mudell tal-ferrovija li kellu.

    Iżda meta kont tifel, aktar milli l-ferroviji, kienu jimpressjonawni l-mudelli tal-ajruplani tal-passiġġieri u s-suldati lebsin ilbies ċeremonjali. Mas-snin il-passatemp kiber tant li eventwalment fl-1983 jiena kont wieħed mill-fundaturi tal-AME (Association of Model Engineers).”

    Bejn l-1980 u l-1983 il-membri ta’ din l-assoċjazzjoni wettqu studju profond dwar il-ferrovija ta’ Malta sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’wirja ta’ mudelli relatati ma’ das-suġġett. L-esebizzjoni saret fl-Ingilterra fl-1983 u kienet qed tiċċelebra il-100 sena  anniversarju minn meta ġiet inawgurata l-ferrovija f’Malta fit-28 ta’ Frar 1883.

    “Tellgħajna parti mill-mudell ta’ Nicholas Azzopardi, proprjament l-istazzjon ta’ Ħ’Attard peress li kien impossibbli li ntellgħu r-rotta kollha. Ħadna wkoll Mudell tal-filogranumudell ta’ tren maħdum mill-filogranu, xogħol ta’ Joe Camilleri Fava. Iż-żewġ xogħolijiet intlaqgħu tajjeb ħafna u ħassejna ruħna kburin immens dakinhar.

    Hemmhekk iltqajna wkoll mal-awtur tal-ktieb ‘The Malta Railway’, il-Brigadier Rigby. Sibna illi l-imħabba li dan l-individwu kellu għall-ferrovija ta’ Malta kienet xi ħaġa straordinarja tant li ma qgħadx bi kwietu qabel xrobna grokk f’ġieħ l-anniversarju tagħha. Għajnejh bdew jixgħelu meta beda jitkellem dwarha u nistqarr li kien hu l-fjamma wara l-ħeġġa li għandi jien illum.

    Ma kinetx l-ewwel darba li ltqajt ma’ barranin li kellhom interess kbir dwar dan il-perjodu f’pajjiżna. Tismagħhom jitkellmu dwar il-ferrovija daqs li kieku kienet xi ħaġa tagħhom u f’pajjiżhom. Sinċerament tħossok daqsxejn stupidu li inti bħala Malti lanqas biss kapaċi żżomm konverżazzjoni magħhom minħabba li ftit li xejn taf dwarha! Inkwetatni dil-biċċa xogħol u wegħedt lili nnifsi li nieħu das-suġġett bis-serjeta’ u hekk għamilt tant li llum sar parti minni.

    Li jiddispjaċini hu li f’dak iż-żmien aħna l-membri ta’ l-AME ma bqajnix ninsistu biex l-oġġetti u l-inħawi konnessi mal-ferrovija f’Malta jiġu protetti. Sfortunatament wara dawn is-snin kollha dawn ir-rekordji qegħdin kull ma jmur jiddiżintegraw quddiem għajnejna.”

    Fil-fatt kien ritratt li rajt f’ġurnal xi ġranet ilu li qanqalni biex nikteb dwar das-suġġett. Ħassejtni xxukkjata meta qrajt illi l-aħħar vagun li fadal fl-istazzjon ta’ B’Kara kien qiegħed jiġi vandalizzat kontinwament!

    “Fis-snin 80 it-tabib F J D’Amato kien għadda dak il-vagun lill-gvern wara li għal xi snin kien fil-proprjetà tiegħu. Il-Ministru tal-Agrikoltura ta’ dak iż-żmien, Joe Debono Grech kien ħa l-inizzjattiva Il-vagun f'B'Karapersonali biex dan il-vagun jiġi restawrat u b’hekk kien ittieħed l-Għammieri u ġie rranġat. Tpoġġa fl-istazzjon ta’ B’Kara fil-31 ta’ Marzu 1987 u tgawda minn ammont ta’ nies u tfal. Iżda sfortunatament iż-żmien ma jaħfirha lil ħadd u llum il-kundizzjoni tiegħu hija ħażina ferm minħabba li hu espost għall-elementi. Fl-istess ħin ikolli ngħid illi l-agħar għadu tiegħu mhux iż-żmien imma l-vandaliżmu kontinwu li jsir fuqu tant li llum minn ġewwa jinsab imkisser u mifqugħ.

    Mhux kompitu tiegħi li nipponta subgħajja u hekk jew hekk jiena bniedem li nħobb inħares il-quddiem u nfittex is-soluzzjonijiet. Il-Kunsill Lokali ta’ B’Kara diġà qed jagħmel talba għall-fondi biex dan il-vagun jiġi restawrat. Iżda ovvjament jidher biċ-ċar li l-affarijiet għandhom bżonn jinbidlu u li l-vagun, wara li jiġi restawrat, ma jistax jerġa’ jitpoġġa lura fejn qiegħed illum.”

    Waqt li kont qed nagħmel ir-riċerka tiegħi għal dan l-artiklu, uħud staqsewni kemm tagħmel sens li tonfoq il-flus f’xi ħaġa li niesna stess jogħxew ikissru fiha?

    “Jiena naqbel ħafna li għandna ninvestu biex inġibu x-xogħol, biex nedukaw u biex insaħħu l-futur tal-poplu Malti. Imma l-poplu Malti jrid jiftakar illi l-industrija prinċipali tagħna hija t-turiżmu u għaldaqstant nemmen li kwalunkwe ħaġa marbuta mal-kultura u mal-istorja tagħna, xi ħadd irid jieħu ħsiebha.

    Jiena ma nippretendix li kollox jitwettaq mill-gvern, irrispettivament minn liema gvern ikun. Ngħid li għandha tiġi minna l-Maltin u li għallinqas jekk ma nagħmlu xejn biex intejjbu s-sitwazzjoni, almenu ma nagħmlux ħsara! B’xorti tajba qed naraw ħafna NGOs li qed jagħmlu ħafna xogħol siewi f’dan il-qasam.

    Aħna hawn Malta għandna xi ħaġa storika f’kull kantuniera u kieku tagħti l-lok, twaqqaf kull żvilupp li jista’ jsir biex iżżomm kollox intatt – li hu mpossibbli. Imma ħaġa ngħid – immaġina li kieku din l-industrija qegħdha f’idejn l-Amerikani… lanqas għandi għalfejn inkompli!”

    Bħalissa Paul Galea qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex iqajjem kuxjenza dwar il-ferrovija f’Malta. F’Ġunju li għadda huwa waqqaf paġna fuq facebook bl-isem ‘The Malta Railway’.

    “Bi pjaċir ngħid li wara biss ftit ġimgħat il-membri f’din il-paġna telgħu għal 680 u b’hekk qed nikkonferma li l-interess jeżisti.

    Jekk wieħed jidħol f’dil-paġna jara kemm hemm kummenti interessanti anki minn numru ta’ barranin li żaru l-inħawi tal-fdalijiet tal-ferrovija Maltija. Uħud minnhom saħansitra tellgħu websajt tagħhom dwar das-suġġett u hawnhekk naraw biċ-ċar il-kilba tat-turisti f’dan il-qasam. Tkun ħasra jekk ma nagħtux widen għal din id-domanda.”

    F’din il-paġna tal-facebook il-membri tellgħu għadd ta’ ritratti antiki u anki preżenti relatati mal-ferrovija f’Malta.

    “Ċertu ritratti huma mprezzabbli daqs kemm huma antiki imma dawn ittellgħu fuq il-facebook għax aħna nemmnu illi dawn mhumiex tagħna imma huma wirt ta’ kulħadd u għalhekk obbligati li St Aloysius College Birkirkara - 1912 (innota r-rails quddiem il-kulleġġ)naqsmuhom mal-pubbliku. Fuq kollox meta tara r-rispons tal-oħrajn u l-kummenti dwarhom tieħu pjaċir li qed jiġu apprezzati.

    Minn hawnhekk nixtieq nistieden lil kull min jixtieq jissieħeb magħna u forsi jtella’ xi rikordji tiegħu wkoll.”

    Iżda l-ħolma ta’ Paul twassal aktar minn hekk…

    “Issa li kkonfermajna l-interess tan-nies qegħdin naħsbu biex inwaqqfu assoċjazzjoni bil-ħsieb li aktar il-quddiem ikollna mużew tal-ferrovija. Għandna ħafna ideat fostom li jkun hemm mużew ċentrali u anki numru ta’ ċentri oħra żgħar imqassma f’diversi lokalitajiet. Fil-fatt diġà tkellimna ma’ xi Kunsilli Lokali li huma favur proġetti bħal dawn.

    Għalkemm forsi ħafna ma jirrealizzawx, fadal bosta fdalijiet madwarna li b’daqsxejn kura huwa possibbli li nerġgħu nagħtuhom il-ħajja. Wieħed mill-membri tagħna fil-facebook irnexxielu jimmarka r-rotta kollha fuq il-Google Earth u allura qed ngħidu li forsi aktar il-quddiem jekk din tittella’ fuq GPS, wieħed ikun jista’ jsegwi r-rotta u jara minn fejn kienet tgħaddi din il-ferrovija storika.

    Meta ftaħna l-paġna fuq facebook trid tara n-nies ġejjin bl-ideat u l-proposti! Waħda Maltija miżżewġa Skoċċiż u li toqgħod l-Iskozja daħlet apposta fuq facebook biex tikkuntattjana minħabba li għandha fil-pussess tagħha fanal antik tal-ferrovija u tixtieq tgħaddihulna għall-mużew tagħna. Bħalha qegħdin niltaqgħu ma’ nies oħra li għandhom tifkiriet kbar jew żgħar u li wkoll jixtiequ li dawn jitpoġġew ġewwa mużew apposta.

    Issa aħna nixtiequ noħolqu kunċetti partikolari f’dan il-mużew. L-ewwel nett l-idea tagħna mhiex biss li jkollna mużew u li jkollna l-esebiti ħalli nġibu n-nies għax dak faċli nagħmluh. Aħna rridu li naraw Google Earth - The Malta Railwayilli dawn l-oġġetti li jkollna jkunu miżmuma bl-aħjar mod possibbli u li jkunu esposti b’mod professjonali. Fuq kollox għandna l-ħsieb illi dawn l-oġġetti ma jingħatawx lill-mużew imma li jiġu mislufa b’mod permanenti lill-mużew bil-ftehim illi jekk dawn ma jinżammewx f’kundizzjoni tajba, is-sid jista’ jitlob li jintraddulu lura. B’hekk is-sidien oriġinali ma jiddistakkawx ruħhom mill-affarijiet tagħhom u fl-istess ħin, min ikun qed jieħu ħsieb il-mużew iħoss dik ir-responsabbiltà li jipproteġihom.

    Nixtiequ wkoll li ftit ftit nibdew norganizzaw attivitajiet biex jitnaddfu u fejn hemm bżonn jinġabru l-fdalijiet ta’ din il-ferrovija ta’ Malta. L-attivitajiet jistgħu jiġu organizzati flimkien mal-Kunsilli Lokali Permess lil wieħed mill-ħaddiemafejn it-tfal, iż-żagħżagħ u l-adulti jiġu mistiedna biex b’mod volontarju jagħtu daqqa t’id. B’hekk  permezz ta’ sehemhom tkun qed tnissel fost dawn in-nies ċertu sens ta’ pussess. Tkun qed tħajjarhom ukoll jgħożżu u japprezzaw dan il-wirt storiku tagħna u b’hekk tassigura li ħadd minnhom ma jagħmillu qatt ħsara.”

    Paul huwa wkoll direttur televiżiv u bħalissa qiegħed jaħdem biex ifassal dokumentarju dwar il-ferrovija f’Malta.

    “Nemmen illi l-poplu tagħna kull tant żmien ikollu bżonn min ifakkru u jniggiżżlu ftit il-kuxjenza peress li Fdalijiet ta' pont illumgħandu ħabta jinsa. Barra minn hekk, dokumentarji bħal dawn huma kapaċi jdaħħlu lit-telespettaturi f’dinja oħra; dinja meta l-ferrovija f’Malta kienet għadha sabiħa u ammirata.

    Ormaj ilni naħdem ħafna fuqu u ġbart bosta materjal. Qiegħed ukoll niltaqa’ ma’ numru ta’ individwi li fortunatament għadhom jiftakru dawn iż-żminijiet u li anki rikbu fuq it-tren ta’ Malta. Huma intervisti mill-isbaħ li ċertament ser ikunu apprezzati.

    Biex insemmilek xi ħaġa minnhom, dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ Thomas Restall li rikeb fuq din it-tren sebgħa darbiet. Fostom qalli illi kien jieħu gost ferm meta hekk kif  it-tren tkun ser tidħol ġol-mina li hemm fil-Furjana jew f’dik tal-Imdina, tifel żgħir kien imur jixgħel il-fanali tal-vagun ħalli n-nies ma joqogħdux fid-dlam.

    Xi ġmiel ta’ rikordji! Mhux ħasra jekk inħalluhom jintifu fix-xejn? Ippermettili nieħu l-opportunità biex nistieden lil dawk li għadhom jiftakru dawn iż-żminijiet sabiex jagħmlu kuntatt miegħi ħalli huma wkoll jaqsmu magħna l-esperjenza tagħhom.”

    L-entużjażmu ta’ Paul jittieħed ferm u hekk kif beda jurini n-numru kbir ta’ ritratti li rnexxielu jiġbor, f’widnejja stajt nisma’ dik it-tisfira ħelwa antika tat-tren tagħna u nħoss it-tvenvin tad-duħħan tagħha.

    “Li kieku toqgħod tixtarr kemm xogħol ser tieħu għal biċċa xogħol bħal din, il-maturità tiegħek taf taqtagħlek qalbek. Imma fija hemm dak it-tifel żgħir li jkompli jħeġġiġli l-ispirtu tiegħi biex nistinka u nwettaq dawn il-proġetti.

    Jiena taf x’nixtieq? Li naqbad it-tren li telqet minn Malta fil-31 ta’ Marzu 1931 għax f’dak il-vjaġġ l-affarijiet tal-ferrovija kienu għadhom kollha eżistenti. Kieku kelli l-ħila naqbad dik it-tren, kieku insib Museum Stationkollox intatt u mur ara x’nagħmel! X’ħolma!”

    —————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: NICHOLAS AZZOPARDI

    Naturalment ma stajtx nagħlaq dan l-artiklu mingħajr ma ninkludi intervista qasira ma’ Nicholas Azzopardi li llum huwa meqjusNicholas Azzopardi bħala awtorità f’dak li għandu x’jaqsam mal-ferrovija f’Malta. Sirt naf illi f’37 Triq San Duminku f’Ħ’Attard huwa għandu mużew personali tiegħu u fih huwa jilqa’ lil kull min jixtieq isir jaf aktar dwar das-suġġett.

    “Darba minnhom kont qed naqra dwar il-ferrovija f’Malta u peress li jiena dilettant tal-mudelli ġieni l-ħsieb li nibni mudell tar-rotta li din kienet tgħaddi minnha.

    Daqs 40 sena ilu bdejt nieħu r-ritratti tal-inħawi, nieħu l- qisien fejn stajt u niġbor l-informazzjoni. Ħdimt ankiIl-mużew ta' Nicholas Azzopardi l-pjanti biex inkun nista’ naħdem b’aktar reqqa u preċiżjoni. Ippjanajt kollox u bil-mod il-mod bdejt infassal il-mudell b’dak li kont insib: ġablo, kartonċin, kartun u ngħaqqad b’idejja. Bdejt mill-iżgħar stazzjon, dak ta’ Ħ’Attard u ħadt madwar tliet snin biex lestejt ir-rotta kollha.”

    Issa li stajt nara l-mudell sħiħ stajt nifhem aħjar il-ġmiel u l-grandjozità tal-ferrovija tagħna.

    “Huwa interessanti nsemmilek illi għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu wħud, it-tren qatt ma kienet timbotta l-vaguni imma dejjem tiġbidhom warajha. Kien hemm mezzi kif il-magna kienet tinqala’ minn postha u titpoġġa mill-ġdid quddiem ħalli tkompli fi triqitha.

    L-unika eċċezzjoni fejn magna kienet timbotta kien waqt il-festi l-kbar bħall-Imnarja, f’San Ġużepp ir-Rabat jew f’San Pawl. F’dawn il-ġranet in-nies kienet titla’ bi ħġarha fuq dal-mezz ta’ trasport tant li Notabile Railway Stationfejn is-soltu jintużaw madwar 6 vaguni, f’dawk id-drabi kienu jintrikbu 11 il-vagun. Għaldaqstant, minħabba t-tul tat-tren u anki għas-sigurtà tal-passiġġieri, kien ikun hemm magna tiġbed quddiem u oħra timbotta minn wara.”

    Barra minn hekk Nicholas spjegali t-tifsira wara l-kwantità ta’ ritratti li jakkompanjaw dan il-mudell.

    Uħud mir-ritratti huma antiki, oħrajn huma dawk li ħadt f’dak iż-żmien. Sfortunatament ċertu nħawi u tifkiriet li kont ħadt rikordju tagħhom, illum lanqas biss għadhom jeżistu.”

    Nicholas esprima d-diżappunt tiegħu rigward il-vandaliżmu tal-aħħar vagun li fadlilna.

    “Dnub li ma żammejna xejn iktar imma l-mentalità ta’ dak iż-żmien ma kienetx tapprezza l-valur t’oġġetti bħal dawn. Ironikament jiġri illi l-prestiġju ta’ ċertu affarijiet jitnissel wara diversi snin, meta forsi diġà jkun intilef kollox.

    Meta spiċċat il-ferrovija ta’ Malta jiena kelli biss ftit xhur u għalhekk ma niftakarhiex. Però sibt illi dakinhar li waqfet kien hawn 33 vagun u 10 magni li ma nafx x’sar minnhom.

    Fil-bidu ħafna minnhom intużaw bħala bus-stops: jien niftakar tnejn ħdejn l-isptar tal-kura mentali f’Ħ’Attard. Kien hemm ieħor ħdejn Kastilja li kienu jużawh bħala uffiċċju d-despatchers tant li aktar il-quddiem meta mxew għall-Putirjal, baqgħu jsibu l-kamra fejn joqogħdu bħala ‘il-vagun’.

    Il-vandaliżmu fuq dan il-wirt storiku tagħna jweġġagħni u għalhekk flimkien ma’ sħabi nisħaq illi għandu jkun hemm post adattat biex jilqa’ l-aħħar tifkiriet li fadlilna.”

    Fost il-ħafna tifkiriet Nicholas għandu ħafna għal qalbu żewġ time-tables tat-tren.

    “Ara, din hija time-table antika oriġinali tal-1913. Kif qed tara, it-tren kienet tibda minn kmieni fil-għodu fl-4:30am u tispiċċa fit-8:00pm. U din kopja tal-aħħar time-table li ħarġet tal-1931. Dak kien l-It-time-tables tal-Malta Railwayaħħar vjaġġ tat-tren tagħna!”

    Għalkemm mill-ħarsa t’għajnejh stajt nifhem ħafna, xtaqt lil Nicholas jesprimi xi jfisser dan il-mużew għalih?

    “Min jafni jgħidlek li dal-mużew huwa t-tarbija tiegħi. Jien ngħidlek li huwa l-kontribut tiegħi biex tibqa’ ħajja l-memorja ta’ dan il-wirt storiku. Minn qalbi nistieden lil dawk kollha li jixtiequ jżuruh, fostom lit-tfal fl-iskejjel, biex jikkuntattjawni ħalli flimkien inġeddu l-memorji sbieħ ta’ dawk iż-żminijiet.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-8 t’Awwissu 2010)

    2010.08.08 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IS-SANTI – L-ISTORJA WARA L-ISTAMPI

    Jingħad illi stampa tiswa daqs elf kelma. Kien forsi dan il-ħsieb li wassal għall-ħolqien ta’ l-ewwel pitturi reliġjużi li matul il-milja tas-snin iċċekknu fil-qies sa ma ħadu d-daqs tas-santi. F’dik il-ħabta, bosta min-nies kienu lliterati u għaldaqstant il-Knisja użat metodu viżwali biex permezz ta’ stampa tkun tista’ tirrakkonta u twassal il-messaġġ tagħha.

    Meta kont għadni żgħira s-santi kienu xi ħaġa komuni f’idejna t-tfal. Kienu jagħtuhomlna mill-iskola, mill-mużew u spiss anki z-zijiet u n-nanniet tagħna. Apparti li kien hemm min minna li kien ifaddalhom, ħafna mid-drabi konna nużawhom biex inwaħħluhom mal-pitazz tar-reliġjon jew fuq dak tal-mużew. Min jaf kemm ġieli tħabatt biex sibt xi santa ta’ xi qaddis partikolari li kienu jitolbuna u li jien qatt ma nkun smajt bih!

    Illum dan kollu spiċċa – tidħol fl-internet u ssib li trid f’ħakka t’għajn. Fil-fatt kont naħseb li lanqas biss kienu għadhom isiru s-santi u ntbaħt li kont żbaljata meta binti bdiet tattendi l-mużew. Ta’ tifla li hi, malli saret taf bl-eżistenza tas-santi bdiet tisħaq li tippreferi lilhom mill-karti stampati tal-kompjuter. U għalkemm spiss ittantajt indawwrilha fehmitha, jkolli nistqarr li meta ġieli mmorru nfittxu xi santa li jkollha bżonn, f’qalbi nħoss nostalġija kbira għal dawk is-snin tal-innoċenza.

    Dan l-aħħar kont qed indur fil-Facebook u ltqajt ma’ paġna msejjħa ‘Mudelli Sagri u Santi’. Fiha rajt varjetà ta’ santi mill-isbaħ li wħud minnhom kienu antiki ferm. Tħajjart nagħmel ftit riċerka dwar das-Charles Scerri bis-santi tal-bizzillasuġġett u rrealizzajt li wara dawn l-istampi ċkejknin kien hemm storja sħiħa. Bqajt sakemm skoprejt wieħed mill- kollezzjonisti ta’ dawn is-santi li stedinni nasal wasla sad-dar tiegħu sabiex nara b’għajnejja u nifhem aħjar il-preġju ta’ dan il-qasam.

    “Dak li huwa reliġjuż minn dejjem kien jattirani,” beda jispjegali Charles Scerri hekk kif poġġejna madwar mejda nieħdu belgħa tè u ftit biskuttini. “Bħala kollezzjonist jogħġobni dak kollu li hu kulturali u tradizzjonali speċjalment jekk ikollu rabta nisranija.”

    Staqsejtu kemm kien ilu jġemmgħa s-santi u kif sabu ruħhom għandu?

    “Minn meta kont tifel żgħir kont nieħu gost nikkollezzjonahom u naqra xi jkun hemm miktub fuqhom. Fuq in-naħa ta’ wara tagħhom uħud mis-santi kien ikollhom xi talba jew xi deskrizzjoni qasira tal-ħajja tal-qaddis. Permezz ta’ dawn kont nipprova nifhem aktar dwar dak li kienu għaddew minnu dawn il-qaddisin minħabba dak li emmnu fih.

    Ħafna mis-santi kont insibhom fil-kotba l-antiki tan-nanna li normalment kienu jkunu kotba ta’ talb.  Min jaf kemm il-darba qgħadt inqallbilha fil-vetrini u fis-senduq fejn kont naf li kienet trekkenihom! Sikwit dawn kienu jkunu xi tifkiriet ta’ qraba u familjari bħal ta’ xi preċett, l-ordni ta’ qassis jew mewt. Uħud minnhom kienu jmorru lura snin kbar għax f’dak iż-żmien is-santi ma kienux jintremew peress li kienu xbiehat reliġjużi u allura kienu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra.”

    Fil-fatt waqt it-tiftix tiegħi sibt illi dari s-santi kellhom tant sinifikat illi saħansitra n-nutara kienu jhemżuhom flimkien ma’ dokumenti legali biex jiggarantixxu l-leġittimità tagħhom. F’każijiet oħra, il-vjaġġaturi kienu jħallu diversi santi ġol-bagoll tagħhom bħala assigurazzjoni sopranaturali kontra s-serq! Imma s-santi kif bdew oriġinarjament?

    “L-aktar forma antika tas-santi li qatt instabet iġġib id-data tal-1423 u hija xbieha kkulurita ta’ San Kristofru mnaqqxa fl-injam. Aktar tard dawn ħadu l-forma ta’  inċiżżjonijiet sabiex permezz tagħhom Stampa ta' inċiżjonijżewwqu l-kotba reliġjużi. Peress li ħafna min-nies ma kienux jafu jaqraw, dawn l-istampi kienu mezz ta’ kif dawn setgħu jsiru jafu aktar dwar il-qaddisin u r-rakkonti tal-Bibbja. F’dak iż-żmien li jkollok xbieha tal-qaddis patrun tiegħek kienet meqjusa bħala xi ħaġa importanti. U għalhekk min ma kienx jiflaħ jixtri pittura ta’ kwalità, minflok beda jakkwista dawn l-inċiżżjonijiet.”

    Charles urini xi stampi antiki maħduma permezz tal-inċiżżjoni. Kienu ta’ daqs kbir, tant li kienu magħluqa ġewwa kwadri.

    “Fis-seklu 15, Johannes Gutenberg ħareġ bl-invenzjoni tal-istampar (printing press) u dan ta bidu għas-santi kif nafuhom aħna. B’hekk il-qies tas-santi beda jiċkien imma fl-istess ħin jissebbaħ u jiġi aktar dekorattiv.

    Kull ma jmur ix-xogħol tas-santi beda jsir aktar raffinat. Mill-kunventi tagħhom il-patrijiet u s-sorijiet kienu jkomplu jżejnu dawn is-santi b’artistrija kbira u kienu jużaw diversi materjali għat-tiżjin tagħhom fostom satin, bellus u bordura maqtugħa f’bizzilla delikata.

    Is-santi kienu jsiru bil-kunsens tal-isqfijiet u bejn is-16 u s-17-il seklu dawn kienu jitqassmu normalment mis-sorijiet u l-qassisin biex tixxerred id-devozzjoni. Madanakollu lejn l-aħħar tas-seklu 17 san-nofs tas-seklu 19, in-negozjanti fehmu l-importanza ta’ dal-qasam u daħlu huma fil-bejgħ tagħhom.

    Meta fl-1796 Alois Senefelder irnexxielu jivvinta l-metodu tal-litografija (li kien mod kif wieħed jistampa xbiehat magħmula bix-xemgħa jew b’materjal żejtni għal fuq il-ġebla u aktar tard il-metall) saret aktar faċli biex wieħed jaħdem dawn is-santi u għalhekk dawn bdew jiġu manifatturati fi kwantitajiet kbar u saru popolari ħafna f’diversi pajjiżi. Fl-1837 żviluppa l-metodu tal-kromolitografija (li kien jikkonċerna l-introduzzjoni tal-kulur fl-istampar) u n-negozju tas-santi kompla jikber.

    Fl-1840 uħud mill-ewwel ċentri magħrufa għall-manifattura ta’ dat-tip ta’ santi kienu jinsabu fl-inħawi tal-Knisja ta’ St Sulpice fi Franza. Hemmhekk il-produzzjoni tagħhom tant kibret illi fl-1862 kien Santa tal-bizzillahemm madwar 120 kumpanija jagħmlu dax-xogħol tas-santi u ta’ oġġetti reliġjużi oħra. L-immaġnijiet tas-santi kienu jinħadmu b’kuluri pastelli u kienu jagħtu dehra fina u mirquma ħafna lil din l-arti li kienet magħrufa bħala ‘L-arti ta’ San Sulpice’. Postijiet oħra msemmija għal dax-xogħol kienu l-Belġjum u l-Ġermanja u aktar tard anki l-Italja.”

    Huwa u jispjegali Charles beda jqalleb l-albums li ġewwa fihom b’kura kbira jżomm il-kollezzjoni vasta tiegħu. Uħud mis-santi jmorru lura aktar minn mitt sena u kważi bdejt ninkwieta kif ser naqbad ngħidlu biex joħroġli xi erbgħa minnhom ħalli niġbdilhom ritratt!

    “Qegħdin miġburin għalihom f’sezzjonijiet skont lil liema tip ta’ qaddis jew martri jsejjħu. Għandi wkoll numru kbir ta’ santi ddedikati lil Ġesù, lil Madonna u lil San Ġużepp.

    Ormaj tant jien midħla tas-santi illi kif nara waħda, mill-forma tagħha jew mill-kulur użat inkun nista’ ngħidlek f’liema żmien inħadmet.”

    Minn din l-għażla sabiħa ta’ santi xtaqt inkun naf kienx hemm xi waħda li kienet il-favorita tiegħu?

    “Kollha għal qalbi ferm imma l-aktar waħda hija din is-santa tal-bizzilla bix-xbieha tad-Duluri u s-simboli kollha tal-Ġimgħa l-Kbira. Probabbilment hija l-favorita tiegħi għax inħobb ħafna l-Ġimgħa l-Is-santa favorita tad-DuluriKbira u b’mod speċjali għax is-santa nzertat għadha fi stat perfett. Hija santa maħduma bl-arti ta’ San Sulpice u kif qed tara hija fina u fraġli ferm.

    Santa oħra li ngħożż ħafna hija din ta’ Santa Venera minħabba li lil din il-qaddisa nħobbha ħafna tant li semmejt id-dar għaliha.”

    Fost is-santi laqtuni ħafna wkoll santi oħra tal-bizzilla maħdumin bil-folji tad-deheb. Imbagħad kien hemm ukoll santi inqas mirquma imma li kienu juru Santa tal-bizzilla tad-dehebxeni mhux tas-soltu bħal dawk ta’ qassisin imdawwra bl-annimali eżotiċi. Charles qalli li dawn kienu santi ta’ xi missjunarji li nqatlu fiż-żminijiet imbiegħda. Kien hemm ukoll santi d-daqs ta’ kartolini li kienu jintużaw biex jintbagħtu l-awguri taċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi bħal tal-Milied u l-Għid il-Kbir. Ma kien hemm l-ebda dubju li dawn kienu l-ispirazzjoni wara l-kartolini moderni ta’ żminijietna. Imbagħad f’ħin minnhom waslu s-santi taċ-ċikwejra…

    “L-anzjani tagħna jiftakruhom sewwa dawn is-santi taċ-ċikwejra.  Kienu ritratti minn tal-bidu u allura fuq skala abjad bl-iswed. Sa fejn naf jien kienu jikkonsistu f’ritratti tal-vari titulari Maltin u kienu jsibuhom magħluqin f’envelop żgħir ġewwa l-pakketti taċ-ċikkulata mfarrka li kienet titħallat mal-kafè. Jien irnexxieli nakkwista xi wħud u permezz tagħhom għandi rikordju ta’ ħafna statwi li fil-preżent jew m’għadhomx jeżistu, jew m’għadhomx jintużaw jew inkella tbiddlu xi ftit, jekk m’għadhomx l-istess ukoll.

    Ngħidu aħna din hija santa tal-istatwa tad-Duluri ta’ San Pawl il-Baħar u din santa tal-vara ta’ San Duminku li kif qed tara t-tnejn kellhom l-anġli mdawwrin magħhom mentri llum dawn ma jidhrux mal-Charles Scerri bis-santi taċ-ċikwejravari. Din is-santa turi l-istatwa l-antika ta’ Santa Marija tal-Mosta li llum spiċċat. U dan San Leonardo li kien ħadem l-iskultur Darmanin, liema statwa tiegħu ġiet mibdula m’oħra maħduma f’Bolzano, għalkemm dis-sena kumbinazzjoni ġie ċċelebrat iċ-ċentinarju tiegħu u nħarġet il-vara l-antika. Fatt ieħor interessanti hija din is-santa li turi l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu taż-Żurrieq li għalkemm hija statwa sekondarja, xorta waħda inkludewha ma’ dan is-sett taċ-ċikwejra minħabba l-qima kbira li kellha n-nies lejha.”

    Skont Charles l-ewwel santi f’Malta dehru fi żmien il-kavallieri ta’ San Ġwann u kienu f’forma ta’ inċiżżjonijiet. Illum is-santi naqsu ħafna imma xorta għadhom isiru.

    “Il-verżjoni riċenti tas-santi ħadet xejra oħra aktar moderna biex tkompli maż-żminijiet ta’ llum. Per eżempju din is-santa akkwistajta f’Jannar li għadda u kif tista’ tinnota, tixbaħ ħafna lill-cards li jagħtuk il-banek biex tiġbed il-flus għax għandha l-istess daqs u hija ssiġillata fil-plastik. Għandha wkoll domna inkluża magħha.

    Is-santi m’għadhomx popolari daqs qabel għax issa hawn diversi modi oħra kif il-Knisja tista’ twassal il-messaġġ tagħha. Minħabba f’hekk illum huwa diffiċli ferm biex issib santi ta’ kwalità għalkemm kultant tiġini tajba u nsib lil xi ħadd li għandu xi santi antiki u li ma japprezzahomx u jbiegħhomli bi ftit flus. Mill-bqija meta ġieli nilmaħ xi waħda f’xi ħanut tal-antikità jkolli nħallas prezz tajjeb tagħha!  Għaldaqstant kif tista’ tassumi din il-kollezzjoni ta’ santi qegħdha ssir aktar imprezzabbli maż-żmien għax apparti l-valur antik tagħha hija wkoll xhieda ta’ kultura u tradizzjoni tar-reliġjon tagħna.”

    Imma illum is-santi fadlilhom valur?

    “Jiena nemmen li iva għax il-bniedem ta’ llum xorta waħda għadu jħoss dik l-ispiritwalità.

    Biex nagħtik eżempju, ix-xahar li għadda jiena kelli x-xorti li nkun wieħed mill-fratelli li rfajna l-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu mill-bażilika santwarju tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt sa Putirjal biex imbagħad dan twassal sal-Knisja tal-Mosta. Kif ħafna jafu, dan il-kwadru inġieb Malta sabiex jirrappreżenta lill-Għawdxin waqt il-miġja tal-Papa Benedittu XVI u min-naħa tiegħu l-Papa rregalalu l-unur prestiġġjuż ta’ warda tad-deheb. Waqt il-purċissjoni bil-kwadru inġabru numru kbir ta’ nies u bqajt impressjonat ħafna bid-devozzjoni kbira li dawn urew lejh meta bosta minnhom ġabu xi ħaġa magħhom biex tintmiss mal-kwadru ħalli tiġi mbierka.”

    Tlabtu jfissirli s-sinifikat tar-reliġjon għalih.

    “Għalija r-reliġjon ifisser il-kuntatt tiegħi ma’ dak li hu divin. Kieku ma nemminx li hemm Alla naħseb li kieku nħossni li qed neżisti u mhux ngħix. Jien li jiena ġuvni u għaldaqstant m’għandix il-familja tiegħi, permezz tal-preżenza t’Alla f’ħajti nħossni li nappartjeni lil xi ħadd. U permezz tat-talb nemmen li qed inżomm kuntatt ma’ dawk in-nies li ħabbewni u li jien ħabbejt imma llum m’għadhomx f’din id-dinja.  Ma rridx nagħti x’nifhem li jiena xi bniedem qaddis taf għax m’inix! Għandi n-nuqqasijiet tiegħi ukoll bħal kif għandu kulħadd.”

    Il-ħin għandu ħabta jtir speċjalment meta tkun qed tieħu gost. Kontra qalbi kelli ngħaġġel u nħaffef inqalleb il-paġni tal-albums biex għallinqas inkun tajt daqqa t’għajn lejn Album ta' santi antikiis-santi kollha. Naturalment Charles kien qed japprezza ħafna jarani ninteressa ruħi fil-kollezzjoni tiegħu, tant li finalment spiċċajna anki naqraw x’kien hemm miktub fuq uħud mis-santi. Fostom laqtuni s-santi tal-indulġenzi.

    “Meta n-nies bdiet titgħallem xi ftit tal-iskola, fuq in-naħa ta’ wara tas-santi bdew jiġu stampati xi kitbiet. Kienu jkunu siltiet mill-Bibbja, deskrizzjonijiet tal-ħajja jew il-martirju tal-qaddis jew xi talb. Dawk li ma kienux jafu jaqraw kienu jsibu lil xi ħadd li jfehemhom dak li kien hemm miktub u jitgħallmuh bl-amment.

    Is-santi tal-indulġenzi jirrappreżentaw perjodu ta’ użanzi u twemmin fejn in-nies kienet temmen li jekk tgħid talb partikolari u tmur quddiem ċertu niċeċ tkun tista’ tidħol aktar malajr fil-ġenna.”

    Proprju kif qalli Charles, kollezzjoni bħal din għandha ħafna sinifikati u fostom titfa’ dawl fuq il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna. Mur ipperswadina llum biex nemmnu li jekk tgħid talba partikolari kuljum, tirbaħ kull darba 300 ġurnata fil-ġenna!

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-16 ta’ Mejju 2010)

    2010.05.16 / no responses / Category: Torca - Perspettivi