Posts Tagged ‘muzika’

  • GĦERUQ MALTIN

    Din il-ġimgħa ġie ktieb ġdid f’idejja li stħajjiltu bħal dik il-bakketta maġika li b’taptipa ħafifa kapaċi tieħdok f’dinja oħra. Bis-saħħa tas-CD li hemm mal-ktieb, ħabta u Girl reads booksabta, il-vjaġġi tagħna bil-karozza nbidlu f’mumenti msaħħra fejn matulhom iltqajna ma’ ġganti, draguni, rejiet, prinċipessi, sħaħar u saħansita mal-karattru uniku ta’ Ġaħan. Il-leħen jirrakkonta ħrafa wara l-oħra nessiena anki dak l-istress li s-soltu nħossu meta ninqabdu f’balla traffiku. Il-mużika oriġinali u nebbiexa kompliet żewqet dawk il-mumenti speċjali u fl-istess ħin tpaxxejt nara l-binti mitlufa tqalleb il-paġni u ssegwi l-istejjer permezz ta’ bosta diżinji sbieħ li kienu qed jakkompanjaw lil dawn il-ħrejjef Maltin.

    Il-ktieb “Ħrejjef Maltin” huwa l-aħħar proġett tal-kompożitur Ruben Zahra li ċertament m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoniRuben Zahra speċjalment fil-qasam tal-istrumenti tradizzjonali Maltin. Fil-fatt permezz tal-grupp tiegħu Nafra qiegħed jintroduċi l-mużika Maltija madwar diversi pajjiżi tad-dinja. Aktar minn hekk huwa kompożitur impenjat fl-idjoma tal-mużika kontemporanja kif ukoll fil-mużika għaċ-ċinema. Tabilħaqq l-intervista li kelli miegħu dil-ġimgħa kompliet tiżvolġi dawn it-tonalitajiet differenti tiegħu. Fuq kollox spikka l-fatt kemm il-mużika tilgħab parti essenzjali minn ħajtu. Imma l-imħabba tiegħu lejn il-mużika kif bdiet?

    “Bdejt nistudja l-mużika pjuttost tard f’ħajti, meta kelli madwar 14 il-sena. Iżda minn dejjem kont indoqq bl-udit u bil-mod il-mod ksibt aktar interess f’dil-linja sakemm indunajt li kelli faċilità għall-kompożizzjoni u għalhekk ittantajt noħloq xi melodiji. Eventwalment iddeċidejt li nibda nistudja l-pjanu imma dan ma damx ma sar ukoll biċċa għodda għall-kompożizzjoni u minn hemmhekk indunajt illi dik kienet il-fergħa li kienet l-aktar tinteressani.”

    Ruben kompla jgħidli illi oriġinarjament kien qed jistudja x-xjenzi imma din il-ġibda lejn il-mużika ġegħlitu jibdel triqtu.

    “Fl-Università ta’ Malta dħalt nagħmel BA fil-Mużika u t-Teatru. Hekk kif iggradwajt, irbaħt scholarship mill-Istituto Italiano di Cultura biex inkompli l-istudji tiegħi Ruma. Dħalt nistudja l-kompożizzjoni u l-orkestrazzjoni fl-Akkademja ta’ Santa Cecilia kif ukoll il-mużika elettronika fil-konservatorju ta’ Frosinone. Imbagħad wara waqfa ta’ sena lura lejn Malta ġietni l-opportunità li nitla’ Kalifornja fejn għamilt Masters fil-Kompożizzjoni.”

    Dal-vjaġġ fis-settur tal-mużika jwasslu anki biex jaħdem fil-qasam tal-films f’Hollywood.

    “Għamilt sentejn naħdem fid-dinja taċ-ċinema ta’ Hollywood bħala kompożitur. Xogħli kien li noħloq sfond mużikali għax-xeni ta’ feature films, shorts u dokumentarji. Kienet esperjenza importanti li swietli ħafna ġid, speċjalment biex nifhem kif taħdem il-music industry fuq livell internazzjonali. Iżda indunajt ukoll li l-mużika taċ-ċinema għalija mhix biżżejjed u ma kontx lest li niddedika l-bqja ta’ ħajti nagħmel dan biss. Fiċ-ċinema sikwit ikollok timita formula lesta mingħajr spazju għall-kreattività u nistqarr li dan l-aspett ma tantx jinteressani.”

    Fis-sena 1999 Ruben, Andrew Alamango, Steve Borg u Ġużi Gatt waqqfu l-grupp Etnika.

    “Dan il-grupp inħoloq bl-għan li jippromwovi l-istrumenti tradizzjonali Maltin. Iżda hekk kif għamilna t-tnedija uffiċjali f’Settembru 2000 jien sifirt lejn l-Amerika u ħallejt f’idejn sħabi biex imexxu l-proġett.”

    Fl-2004 huwa ġie lura Malta u did-darba waqqaf il-grupp tiegħu Nafra. Kont kurjuża kif intagħżel dan l-isem?

    “Nafra tfisser ‘sejħa ta’ allarm’. Hija kelma antika Maltija li fl-imgħoddi kienet tintuża għal meta kienet tkun ser titħabbar il-liġi jew il-bandu. F’dak iż-żmien xi individwi kienu jduru minn raħal għall-ieħor jdoqqu n-nafra bil-flejguta u t-tanbur. L-istess espressjoni kienet tintuża wkoll meta kienu jilmħu l-furbani u bħala twissija kienu jindaqqu t-tnabar jew il-qniepen tal-knisja. Fil-każ tagħna għażilna dan l-isem għal grupp għax qed inqajjmu kuxjenza  dwar il-wirt tal-mużika Maltija fejn allura r-repertorju tagħna jista’ jixxebbaħ mad-daqq tan-nafra.”

    Ruben beda jirrakkuntali kif strumenti li fi tfulitu kienu estinti, illum dawn qed jerġgħu jingħataw il-ħajja.

    “Niftakar li meta kont għadni żgħir kont rajt stampa ta’ żewġ daqqaqa biż-żaqq u bit-tanbur. Iżda meta mort nistaqsi lil missieri dwarhom qalli  li dawk kienu spiċċaw u li ħadd ma kien għadu jdoqqhom. Madanakollu issa nista’ ngħid li jekk it-tfal ta’ llum jistaqsu l-istess mistoqsija, l-istrumenti tradizzjonali Maltin qed jerġgħu jindaqqu fostna.”

    Huwa sikwit imur iżur xi skejjel u qiegħed jagħti wkoll sensiela ta’ lekċers fl-Università ta’ Malta biex joħloq aktar kuxjenza dwar dan il-wirt kulturali Malti. Barra minn hekk permezz tal-kumpannija tiegħu Soundscapes irnexxielu anki jirripproduċi wħud minn dawn l-istrumenti għas-suq Malti.

    “Sentejn ilu, bl-għajnuna ta’ xi sponsors, ħriġt b’inizzjattiva biex l-istrumenti Maltin ikunu aċċessibli. F’kull pajjiż, tmur fejn tmur, issib tixtri l-istrumenti tradizzjonali tal-post. Naħseb Malta kien l-unikuRuben Zahra - Elba Jazz Festival pajjiż fejn ma kontx issib dawn il-prodotti bħala parti mill-wirt kulturali tagħna. Għalhekk xtaqt noħloq l-opportunita’ li l-istrumenti tradizzjonali Maltin ikunu aċċessibli, kemm bħala strument kif ukoll bħala prodott għat-turiżmu kulturali. Bħalissa hemm it-tanbur u l-flejguta: iż-żewġ strumenti huma ppreżentati ġo kaxxa eleganti, akkumpanjati b’CD ta’ mużika tradizzjonali Maltija u b’fuljett b’xi informazzjoni.”

    L-istrumenti tradizzjonali Maltin huma l-qalba tal-grupp Nafra iżda l-mużika li tindaqq hija pjuttost kontemporanja.

    “Prattikament hemm ħames strumenti tradizzjonali Maltin: iż-żaqq (speċi ta’ bagpipe b’ġild ta’ gidi jew għoġol) iż-żummara (tip ta’ klarinett primittiv tal-qasab), il-flejguta (flawt tal-qasab) u żewġ strumenti tal-perkussjoni: it-tanbur (tamborine) u ż-żafżafa (friction drum).

    Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn dawn l-istrumenti jafu jidhru strambi, huma strumenti li ssibhom imxerdin mal-Mediterran kollu. X’aktarx dawn l-istrumenti waslu għandna mid-dinja Għarbija …  bl-istess mod kif waslet għandna l-lingwa.

    Issa permezz ta’ Nafra l-impenn tagħna huwa illi l-ewwel nett nerġgħu nqajjmu mill-ġdid din it-tradizzjoni ta’ dawn l-istrumenti Maltin sabiex huma jerġgħu jkunu preżenti fil-kuntest kulturali Malti. It-tieni ħaġa hija illi bħala kompożitur noħloq repertorju li jipprezenta dawn l-istrumenti f’kuntest ġdid b’mużika li tappella għall-udjenza kemm Maltija kif ukoll internazzjonali.

    Ta’ min jgħid illi ħafna drabi prodott kulturali jkun jeħtieġlu jgħaddi minn proċess ta’ metamorfosi qabel jitlaqqa’ mal-pubbliku. Biex nagħti eżempju ta’ mużika popolari, il-flamenco għadda minn sekli sħaħ ta’ tibdil u żvilupp sakemm ħa l-forma popolari li għandu llum peress li fil-forma oriġinali tiegħu probabbilment ma kienx jagħmel daqstant suċċess.

    L-istess raġunar nistgħu napplikawh għall-għana Maltija. Ngħidu aħna, jiena nara li l-għana huwa diffiċli ħafna biex ikollu suċċess fuq livell internazzjonali minħabba li jistrieħ ħafna fuq il-kelma mitkellma. Madanakollu l-istess melodiji tal-għana f’idejn kompożitur bħal Charles Camilleri hija aċċessibli għal kulħadd.

    U din hija l-operazzjoni li qed nipprova nagħmel jien bil-mużika speċjalment fil-kuntest ta’ Nafra. Fil-fatt dorna kważi f’kull pajjiż tal-Ewropa kif ukoll l-Indja, Hong Kong u t-Tuneżija u dejjem kellna suċċess kbir.

    Ma tridx tinsa illi fl-imgħoddi dawn l-istrumenti kienu jindaqqu fit-toroq u mhux f’xi kunċert bin-nies bil-qiegħda tisma’ b’attenzjoni. Għalhekk issa li tellgħajna dawn l-istrumenti fuq palk, ir-rapport bejn l-udjenza u l-mużiċisti inbidel. Jekk qabel taż-żaqq u tat-tanbur kienu jdoqqu l-istess silta għal sigħat sħaħ fit-toroq, issa l-istrumenti qed jindaqqu f’kuntest ta’ programm u r-repertorju jrid ikun varjat.”

    Bħala tieqa fuq dan kollu, Ruben ħareġ ukoll ktieb li jġib l-isem A Guide To Maltese Folk Music.

    “Dan kien l-ewwel ktieb minn sensiela ta’ kotba li beħsiebni noħroġ dwar il-kultura Maltija. Antoloġija ta’ mużika Maltija li tinkludi l-istrumenti, l-għana, żfin tradizzjonali, l-għajjat tal-bejjiegħa u n-nursery rhymes Maltin. Il-ktieb huwa akkumpanjat b’CD b’eżempji mużikali għal kull taqsima.”

    Iżda għalkemm Ruben huwa assoċċjat mal-istrumenti tradizzjonali Maltin, din hija biss parti mill-karriera tiegħu.

    “Primarjament ix-xogħol tiegħi huwa maqsum fuq żewġ territorji: il-qasam tal-World Music u dak tal-kompożizzjoni fid-dinja tal-mużika klassika kontemporanja. Il-World Music tuża materja prima ta’ melodiji, ritmi jew strumenti tradizzjonali flimken ma’ infuwenzi mużikali aktar moderna. Bħala kompożitur tal-mużika klassika kontemporanja nutilizza l-istrumenti tal-mużika klassika b’mod ġdid u innovattiv.”

    B’tant oqsma differenti ta’ mużika xtaqt inkun naf liema hi dik preferuta tiegħu?

    “Ma nħobbx inħares lejn il-mużika f’ġerarkija għax  kollha jinteressawni. Ngħidu aħna bħalissa qed nikteb biċċa mużika orkestrali għall-kunċert tal-epifanija u fl’istess ħin, dil-ġimgħa ser inkunu qed indoqqu b’Nafra f’attività lokali.

    Illum qed ngħixu fi żmien fejn l-artist jista’ jkun versatili kemm irid. Anki jekk tmur tara film, tisma kull tip ta’ mużika għax fl’istess film jista’ jkollok mużika sinfonika, rock, jazz … eċċ. Qed ngħixu f’ambjent pluri-lingwistiku għall-aħħar u dan l-ambjent jinteressani. Mhux l-ewwel darba li nkun qed nisma’ xi biċċa mużika rock u nisraq parti mir-ritmu biex nittrasfurmah f’xi biċċa sinfonika.”

    X’jispirah biex jikteb il-mużika?

    “Kollox. Jiena naħseb li artist dejjem ikun qed ifittex anki subkonxjement. Din jitkellem ħafna dwarha l-kompożitur Russu Stravinski, fejn ixebbaħ lill-kompożitur ma’ annimal li l-ħin kollu jħuf, ixammem u jfittex. U fejn ħaddieħor ma jieqafx iħares, dak l-artist jieqaf. Dan l-istat ta’ riċerka huwa kostanti trid u ma tridx. Primarjament nikteb il-mużika għalija u nista’ ngħid li  jiena l-ikbar kritiku tal-mużika tiegħi stess.”

    U bl-istess natural, Ruben kontinwament jgħarrex kif ser ikabbar l-interess tal-pubbliku lejn il-kultura Maltija. Fil-fatt bl-aħħar ktieb tiegħu “Ħrejjef Maltin” qed iressaq il-wirt tal-ħrejjef lokali, mhux biss lill-Maltin iżda saħansitra lill-barranin.

    “F’kull pajjiż il-ħrafa hija waħda mill-ewwel esperjenzi fejn it-tfal imissu ma’ element ta’ wirt nazzjonali. Inħoss li qabel kollox dan huwa l-wirt tat-tfal tagħna u m’ghandniex inċaħduhom minnu. Jiena li Gaħan u l-Istatwa - illustrated by Greta Borg Carbotttrabbejt f’ambjent Malti u li kbirt ma’ dawn il-ħrejjef napprezza  l-valur tagħhom. Sfortunatament it-tfal Maltin ta’ llum jafu l-istejjer kollha barranin bħal Cinderella, Snow White, Robin Hood eċċ imma m’għandhomx idea tal-ħrejjef lokali.

    Huwa għalhekk li ħloqt dan il-ktieb b’ġabra ta’ għaxar ħrejjef li wħud minnhom huma rrakkuntati anki fis-cd li takkunpanja l-ktieb. Kemm il-ktieb kif ukollĦrejjef Maltin is-CD huwa bil-Malti u bl-Ingliż. “Ħrejjef Maltin” hija pubblikazzjoni inter-dixxipplinari li tiġbor flimkien bosta elementi artistiċi. Kull ħrafa hija illustrata minn artist lokali u għalhekk il-ktieb joffri vetrina ta’ għaxar artisti Maltin. Kull artist għandu stil differenti … stili li jvarjaw minn akkwarella u collage, sa tqasqis ta’ karti, taħlit ta’ midja differenti u arti diġitali. Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll CD bir-rakkont tal-ħrejjef u l-mużika tiegħi oriġinali li timxi pass pass mar-ritmu tar-rakkont. B’hekk dan il-ktieb jgħaqqad flimkien ir-rakkont, it-tpinġija u l-mużika: tliet fergħat tal-arti li hawnhekk isiru ħaġa waħda.

    Dan il-proġett sar mill- Merlin Library u Soundscapes,  bis-sapport tal-Malta Arts Fund, l-MTA u HSBC Malta Foundation. Fix-xogħol tiegħi dejjem irsistejt biex nippreżenta l-kultura Maltija fuq livell internazzjonali u għalhekk ħassejt li din il-pubblikazzjoni għandha tkun ukoll bl-Ingliż. Fil-fatt tajjeb ngħid ukoll li għandna żewġ verżjonijiet tal-qoxra ta’ barra. Għandna waħda b’disinn li jolqot aktar lit-tfal, b’ħafna kuluri u bit-titlu Ħrejjef Maltin; imbagħad għandna qoxra fuq stil eleganti li x’aktarx tolqot aktar lill-kbar u lit-turiżmu kulturali bit-titlu Maltese Folktales.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 ta’ Diċembru 2011)

    2010.12.12 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • L-IMMIGRANTI ILLEGALI – MAGĦLUQIN U MISTKERRĦA

    Il-kwistjoni tal-immigranti illegali ilha għaddejja s-snin f’pajjiżna. U kull ma jmur, in-numru tagħhom dejjem qed jiżdied. Jekk hux fix-xhur tas-Sajf jew inkella fl-eqqel tax-Xitwa, dawn l-individwi qed jissugraw ħajjithom biex isibu ħajja aħjar. Minflok isibu ruħhom f’Malta, magħluqin ġoċ-ċentri ta’ detenzjoni u bosta drabi mistkerrħa – għax għandhom ġilda skura.

    Bla dubju ċ-ċokon ta’ pajjiżna ma jiflaħx għal dan l-influss kontinwu ta’ nies u l-fondi li tingħata Malta mhumiex biżżejjed biex tkun tista’ terfa’ din ir-responsabbiltà: responsabbiltà li l-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa qed jiżolqu minna. F’dawn l-aħħar xahrejn, il-wasla tal-immigranti illegali żdied u dan meta l-baħar għadu qed juri snienu sew. Fuq fomm kulħadd hija l-mistoqsija: x’ser jiġri la t-temp ikun ħafna aħjar? Se jinvaduna?

    Kull min iżur iċ-ċentri ta’ detenzjoni fejn jinżammu l-immigranti illegali jgħidlek illi l-kundizzjonijiet li dawn jgħixu fihom mhumiex adegwati. Ma tridx wisq biex tifhem meta tgħaddi minn quddiemhom. Uħud isostnu li l-immigranti illegali messhom jirringrazzjaw ‘l Alla flok qegħdin taħt il-baħar jew maqtulin f’pajjiżhom. Imma dan kliem l-Insara li ngħidu li aħna? Niftakar li meta kont żgħira konna nagħtu l-flus minn qalbna biex dawn l-istess nies jingħataw l-għajnuna f’pajjiżhom. Madanakollu, issa li qed insibuhom ma’ wiċċna hawnhekk, l-istorja tidher li nbiddlet ħafna.

    Dan l-aħħar kelli l-opportunità nsir naf wieħed minn dawn l-individwi illi llum għandu l-istat ta’ refuġjat f’pajjiżna. Kont ilni nixtieq ħafna nisma’ l-istorja ta’ dawn in-nies min-naħa tagħhom. Iżda jkolli nammetti illi domt naħsibha ftit qabel aċċettajt li niltaqa’ miegħu. Il-fatt li dwar dawn in-nies aħna ma nafu xejn, qisha tqanqallek ċertu preokkupazzjoni. Kienet l-insistenza tiegħu li fl-aħħar waslet għal din l-intervista.

    Nabil Tekeste huwa żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Eritrea. Bniedem edukat u kolt, jitkellem b’Ingliż tajjeb ħafna. Ilu jgħix f’pajjiżna erbgħa snin. Tgħallem l-istorja ta’ Malta biex ikun jaf aħjar lill-pajjiżna. Lil Malta u lill-Maltin iħobbhom ħafna għax japprezza li dawn qed jagħtuh rifuġju. Madanakollu stqarr miegħi li l-ħajja hija iebsa għalih hawnhekk.

    “Meta ħrabt minn pajjiżi, l-ħsieb tiegħi kien li mmur l-Italja ħalli mbagħad nibqa’ sejjer lejn il-Kanada”. Hemmhekk Nabil għandu tnejn minn ħutu bil-familji tagħhom. Huma ċittadini tal-pajjiż u marru hemm b’mod regolari. Ta’ żagħżugħ li hu Nabil għandu ħafna pjanijiet għal ħajtu. “Fis-sitwazzjoni li pajjiżi qiegħed fih, huwa diffiċli li tagħmel xi ħaġa b’ħajtek. Xtaqt immur ħdejn ħuti. Hemmhekk hemm aktar opportunità. Jiena bniedem bieżel ħafna. Ix-xogħol nidħol għalih b’ruħi u b’ġismi. Kieku qiegħed hemm, illum sinjur żgħir jien.”

    Staqsejtu biex jirrakkuntali l-istorja tiegħu. Għaliex telaq minn pajjiżu?

    “Qabel l-1998 qatt ma kont nimmaġina li għad ikolli naħrab minn pajjiżi. Għalija l-Eritrea kienet il-ġenna tal-art. Ma kien jeżisti l-ebda pajjiż ieħor f’moħħi. Kont ngħix ħajja tajba u kelli familja li tħobbni ħafna. Imma meta bdiet il-gwerra, il-pajjiż sar infern. Il-port ġie imblukkat u kellna niġġieldu. Kull min hu fiżikament b’saħħtu biżżejjed hemmhekk, bla distinzjoni ta’ età jew sess, irid jiġġieled. Inkella ħażin għalih. Il-poplu li qegħdin fi gwerra magħhom lanqas biss nista’ nsejjħilhom egħdewwa. Għamilt snin ngħix flimkien mal-familja tiegħi fl-Etjopja. Kif nista’ niġġieled ma’ dawn in-nies? Kif ġabuni fi stat li rrid noqtol lil ħuti? Il-kbarat qabdu jissieltu dwar l-art u ħolqu dawn il-problemi bejnietna. Ma nafx għaliex jiġru dawn l-affarijiet. ”

    F’pajjiżek, qatt smajt b’Malta?

    “F’pajjiżi darba biss smajt b’Malta… meta kienu ntbagħtu xi nies lura li kienu daħlu b’mod illegali f’pajjiżkom. Meta nbagħtu lura smajt li kienu nqatlu. Dak iż-żmien kelli diġà fi ħsiebi li nitlaq u għal ftit ma kontx ingħaqadt miegħu dak il-grupp. Kieku jien illum mejjet.”

    Kif beda l-vjaġġ tiegħek?

    “Biex nasal il-Libja kelli nagħmel vjaġġ twil. Kelli naqsam bejn diversi pajjiżi oħra. Imma kont deċiż u l-ebda diffikultà ma waqqfitni.  Ma kienx vjaġġ faċli. Jekk tinqabad ma tafx x’jista’ jsir minnek. Is-Nabil Tekeste Sudan qabduni u arrestawni. Is-suldati talbuni l-flus biex jeħduni f’ċentru ta’ detenzjoni. Kelli nħallas u ħaduni hemm sakemm sibt mezz kif erġajt ħrabt. Meta finalment wasalt il-Libja, niftakar li ġurnata minnhom kienu ġew xi pulizija jfittxu fid-djar. Bżajt li jaqbduni u jibgħatuni lura minn fejn ġejt. Għalhekk dakinhar stess mort f’post partikulari li minnu qaluli li stajt naħrab bid-dgħajsa. Ħallast $200 bħala depożitu u qaluli biex nistenna għax kien hemm nies oħra qabli li riedu jitilqu. Imma jien għedtilhom li ridt nitlaq dakinhar stess u wara ħafna paroli tajtu $1000 oħra u aċċetta li jdaħħalni mal-grupp li kien imiss. Spiċċajt bla flus u kelli nċempel lil oħti biex tibgħatli aktar. Oħti staqsitni kontx ser naħrab bid-dgħajsa. Imma jien serraħtilha rasha li ma kienx il-każ għax kieku ma kienet tibgħatli xejn. Kif waslu, sarraft il-flus f’ewro ħalli kif nasal fl-Italja nkun nista’ nużahom bla tfixkil.”

    Kont taf li dawn il-vjaġġi huma perikolużi? Li stajt titlef ħajtek?

    Tbissem għal din il-mistoqsija. “Lanqas nista’ nifhem kif stajt kont daqshekk baħnan. Jien mingħalija li konna sejrin b’xi dgħajsa kbira. Minflok sibt dgħajsa, xi tlett metri kollox. Aħna konna 28 fiha. Serrħulna rasna li l-vjaġġ kellu jieħu 14-il siegħa biss. Qalulna li dejjem kulħadd wasal qawwi u sħiħ l-art u li ma kellnix għalfejn ninkwetaw. Wegħduna li kienu ser jibgħatu magħna wieħed mill-aqwa kaptani li kellhom u tlaqna. Ftit konna nafu li l-kaptan kien wieħed minna stess. Sirna nafu dan aktar tard waqt il-vjaġġ. Kienu ħaduh xi tlett darbiet biex jitgħallem isuq id-dgħajsa li kellna nitilqu biha. Imbagħad lilu jew raħħsulu l-prezz jew ħallewh jitlaq b’xejn. F’idejn dak konna matul vjaġġ bħal dak!”

    Kif kien il-vjaġġ?

    “Kien Settembru imma fl-ewwel ġurnata kien kollox sew. Il-baħar kien kalm u mexxejna. Imma mat-tieni ġurnata, ommi ma! Kien dakinhar li stajt nħoss fuq ġismi l-qawwa t’Alla. Il-mewġ beda tiela ftit ftit, 10 piedi, 20, 25, 30 pied. Qatt ma bsart li l-baħar jogħla daqshekk! Konna nibdlu l-post fuq id-dgħajsa għax konna ngħejjew fl-istess pożizzjoni. Għamilt ħafna ħin wiċċi l’isfel biex ma narax x’inhu jiġri. Imma ma nista’ qatt ninsa meta f’ħin minnhom kont qiegħed bil-qiegħda fit-tarf tad-dgħajsa u ftaħt għajnejja. Sibt is-sema ma’ wiċċi. Stagħġibt. Veru kienet sabiħa. Għedt hawn kif nista’ nara daqshekk tajjeb? Ma kontx indunajt li d-dgħajsa kienet miexja fuq il-quċċata ta’ mewġa kbira. Irrealizzat dan meta rajt ir-ragħwa tagħha mad-dawra tad-dgħajsa. Twaħħaxt, speċjalment meta b’ħeffa kbira bdejna neżlin lura ‘l isfel. Għal mument bdejt naħseb li qegħdin nieħdu sehem f’xi film. Imma hemm tista’ tgħidilhom: ok, ieqfu ftit għax għajjejt. Hemm ridna nibqgħu għaddejjin… kollox f’idejn Alla. Ovvjament beda dieħel l-ilma fid-dgħajsa. Imma ħadd minna ma kellu xejn fuqu għax kienu ordnawlna  biex ma nieħdu xejn magħna. Sa mn’Alla jien kelli xafra fil-but għax f’daqqa ġietna l-idea li naqsmu tank tal-plastik tal-ilma. Kulħadd ħa biċċa minnu u bdejna nippruvaw narmu lura l-ilma li jidhol. Ma tista’ qatt tifhem dis-sitwazzjoni jekk ma tgħixiex. Ir-riħ meta jibda jieħdok minn hemm għal hawn u l-baħar ma jispiċċa qatt, jitilfuk minn sensik. Lanqas tkun tista’ tibqa’ tirraġuna aktar. Meta kont fiċ-ċentru tad-detenzjoni smajt diversi stejjer. Ġieli uħud tant tħawwdu li marru lura l-Libja u ħasbu li waslu Lampedusa. Oħrajn jgħidulek li l-baħar ħasbuh id-deżert u mingħalihom li sabu xi art.

    B’kaptan bla esperjenza bħal dak, minflok 14-il siegħa l-vjaġġ ħa 3 iljieli u 3 ijiem. Ħsibna li mhu ser naslu qatt. Biex tgħaxxaqha l-ikel ixxarbilna bl-ilma baħar u meta ppruvajna nduquh, il-ħakk li qabadna ma’ ġisimna kien isopportabbli.”

    Kif wasaltu Malta?

    “Il-kaptan għejja u ried jieqaf biex jistrieħ. Iżda nqala’ pandemonju sħiħ għax aħna ridna niqbgħu sejrin. Imn’Alla li wara ftit rajna dawl fil-bogħod. Ħsibna li wasalna Lampedusa u bdejna nimxu lejja. Imma dad-dawl mhux li nersqu qribu. Ir-riħ kull darba beda jitfagħna lura. Kollox bit-taqtiegħ il-qalb. F’daqqa waħda rajna bastiment qrib tagħna u bdejna nibgħatulu l-messaġġi għall-għajnuna b’torċ li kellna. Imma dan ma ranix u wara kollox indunajna li hu kien sejjer bil-kontra ta’ fejn ridna immorru aħna. Tlaqnih u dawwarna ħarsitna lejn id-dawl. Hemm biss kienet it-tama tagħna.

    Kien sebaħ meta wasalna. Niftakar li l-ewwel ma rajt qabda containers. Konna dħalna fil-port ta’ Marsaxlokk. Uħud minna ndunaw li konna qegħdin Malta u riedu jerġgħu joħorġu ‘l barra. Imma jien insistejt. Ma stajnix nkomplu bil-vjaġġ. Għedtilhom ejja nagħtu ċans u naraw. Lili wissewni biex ma nitkellimx bl-Ingliż ħalli ma jistaqsuna xejn. Kien dak il-ħin li nqalbet bina d-dgħajsa. Spiċċajna kollha l-baħar. Wieħed li ma kienx jaf jgħum qabad ma’ saqajja u beda jniżżilni ‘l isfel fil-qiegħ. Kelli nħoll il-qalziet biex niżgiċċa u miegħu niżlu l-flus kollha li kelli. Kif tlajt fil-wiċċ indunajt li kien hemm xi suldati. Bdejt ngħajjat kemm niflaħ biex jgħinu lil min ma kienx jaf jgħum. Kien f’dak il-waqt li ndunajt illi l-qmis kienet iċċartitli. Matul il-vjaġġ fil-but tal-qmis, imdawwra sew fil-plastik, kelli numru ta’ kanzunetti li jien kont ktibt. Kienu t-teżor tiegħi. Lanqas għal flus ma ddispjaċini daqshekk. F’daqqa waħda rajthom fil-wiċċ tal-baħar, sejrin lura fil-baħar miftuħ. B’dagħdiegħa qbadt ngħum kemm niflaħ biex naqbad il-pakkett. Is-suldati tgħidx kemm bdew jgħajjtu għax ħasbuni qed nipprova naħrab. Imma hekk kif qbadt il-pakkett f’idi, għomt lura ħdejhom minn jeddi. Kif wasalt fiċ-ċentru ta’ detenzjoni, ikkuppjajthom malajr fuq karti ġodda. Imma lilhom żammejthom rikordju.”

    X’ġara minnek hekk kif wasalt Malta?

    “Tellgħuna f’karozza u wassluna f’post biex jeħdulna l-fingerprints. Matul il-vjaġġ ħarist barra. Għoġobni l-pajjiż. In-nies dehru mhedija b’xogħolhom. Ħsibt li jekk ikolli ngħix hawn ikun tajjeb ukoll. Hawnhekk ma kont naf lil ħadd. Lil dawk in-nies li kienu miegħi fid-dgħajsa rajthom għall-ewwel darba waqt dak il-vjaġġ. Stqarrejt mill-ewwel li jien mill-Eritreja. Sibt ruħi fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal-Far. Il-kundizzjoni ta’ għixien hemmhekk kienet mill-agħar. Wara xahar ippruvajt naħrab imma mill-ewwel inqbadt u tteħidt fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi. Domt disgħa xhur hemm. It-trattament tas-suldati kien iweġġgħek. Jittrattawk ta’ stupidu. L-ikel kien idardrek, l-ilma mhux inqas. Jien kont nixtri l-ikel u l-ilma minn barra. Forsi għalhekk moħħi baqa’ ċar. Hemm ġew tħossok ser tipparalizza. Ippruvajt ngħin ruħi kemm nista’. Kont nikteb il-kanzunetti, naqra, nagħmel l-eżerċizzju. Li jiġi. Basta nibqa’ nħossni ħaj. Hemmhekk tħossok midfun, minsi minn kulħadd. Temmen kemm temmen, tibda taħseb li anki Alla nsik. Kellna problema anki ta’ sodod. In-nies kienu jorqdu mal-art, fil-kurituri u ħdejn it-toilets li dejjem ikunu mfawwrin bl-ilma. F’kundizzjonijiet hekk, ftit ftit tħoss ħajtek tiżvinta fix-xejn.”

    Issa li għandek stat ta’ refuġjat, kif tħossok?

    “Dik li m’għadnix maqful hija ħafna aħjar. Imma s-sitwazzjoni xorta mhux tajba. Inħoss għajnejn kulħadd fuqi. Ir-razziżmu jweġġgħek. L-aktar li ddejjaqni hu li hawn ħafna li jaħsbu li għax jien iswed, jien Nabil Tekeste stupidu u njorant. Fl-Eritrea jweġġgħuk fiżikament. Hawnhekk iweġġgħulek moħħok u qalbek. Huma ftit dawk li jobogħduna imma hawnhekk il-pajjiż tant hu żgħir li jinħassu ħafna. Jeżistu bosta nies li jirrispettawni u li jagħmluli ħafna ġid. Min jafni, jirrispettani ħafna u Alla ħares ma kienx għalihom. Imma mbagħad hemm oħrajn… L-agħar fit-triq u fil-karozzi tal-linja. Ħa nagħtik ftit eżempji ħa tifhimni. Darba kont f’karozza tal-linja mimlija sa ruħ ommha. Telgħet anzjana. Ħadd ma qamilha. Qomt jien u poġġiet minfloki. Lanqas grazzi ma qaltli! Darb’oħra kien hemm raġel qed jimbotta karozza fi triq mimlija nies. Ħadd m’għenu. Mort jien. Meta rani ngħinu, hu rikeb fil-karozza u jien qbadt nimbuttah. Irnexxielu jistartja l-karozza u baqa’ sejjer. Lanqas biss sellimli. Ħallini f’nofs ta’triq qisni iblah. Darb’oħra l-istess, fuq tal-linja. Raġel Malti kien ser jaqa’ hekk kif daret il-karozza u jien u sieħbi żammejnih malajr. Tgħidx kif inħasad kif rana sejrin għalih. Kważi bilkemm ma tmeżmiżx. Sal-ġurnata tal-lum hemm postijiet, speċjalment ċertu diskoteki, li ma jħallunix nidħol niddeverti ġewwa. Nies tal-kulur Amerikani jaċċettawhom. Lili għax Afrikan, le. Iweġġgħuk ħafna affarijiet bħal dawn għax jien nagħmel minn kollox biex nipprova nsir parti min-nies t’hawnhekk. Għalkemm il-ħolma tiegħi hija li mmur ħdejn il-familja tiegħi il-Kanada, kieku nsib tfajla li tħobbni u niżżewwġu, nkun kuntent li ngħix hawn. Iżda il-mentalità tal-Maltin għandha bżonn tinbidel ħafna. Kelli tfajla Maltija li kienet tħobbni ħafna. Għamlet ħafna għalija u għaddiet minn ħafna problemi għax ħabbitni. Ftit nies qatt ħabbewni hekk f’ħajti. Imma fl-aħħar kellha ċċedi għall-pressjoni li saritilha. Għax jien iswed u refuġjat. U telqitni.”

    X’taħseb dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali f’Malta?

    “Jiena nifhem il-problema ta’ Malta għax Malta hi pajjiż żgħir. Jidhirli li l-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa u anki l-kontinenti l-kbar bħall-Amerika u l-Awstralja għandhom jagħtu daqqa t’id billi huma wkoll jieħdu fi ħdanhom lil dawn in-nies li bħali għandhom il-problemi f’pajjiżhom. Messhom ilkoll għalenija jistinkaw biex il-pajjiżi tal-Afrika jerġgħu jqumu fuq saqajhom. Kieku ħadd minna ma jkollu għalfejn jitlaq minn pajjiżu.”

    X’inhi l-ħolma tiegħek?

    “L-ikbar ħolma tiegħi hija li ma narax aktar nies ibatu fid-dinja. Il-faqar per eżempju jweġġagħni ħafna. Meta nara kemm hawn nies fqar fid-dinja, nħoss wisq. Tara n-nies tal-Indja, tal-Filippini u taċ-Ċina jgħixu b’erba’ rossiet! Kif jista’ jgħix hekk bniedem?

    Nipprova nispjega s-sentimenti tiegħi fil-kanzunetti li nikteb. Dik ħolma oħra. Kieku jirnexxieli nidħol fil-kamp tal-mużika u naqla’ ħafna flus, kieku niddedika ħajti biex intaffi l-faqar tad-dinja. Imma f’Malta problema. Diffiċli ssib lil xi ħadd jagħti kasek u jagħtik opportunità. Meta kont fiċ-ċentru ta’ detenzjoni, kont noqgħod noħloq il-mużika għall-kanzunetti tiegħi billi nsaffarha jew intaptapa ma’ x’imkien. Meta ħriġt, wara ħafna taħbit, irnexxieli nagħmel xi kuntatti li għenuni nirrikordja żewġ diski: True One u Get To Know. Diski tajbin ħafna li nixtieq insemma’ lil kulħadd. Imma hawnhekk l-affarijiet jiswew wisq. Biex għamilt daż-żewġ diski, kelli nħallas paga ta’ xahar. Nixtieq nagħmel is-cd tagħhom u l-cover imma l-flus li hemm bżonn ma niflaħx inħallashom waħdi. Nixtieq kieku jirnexxieli nsib sponsor li jista’ jgħini. Kieku taraw x’insarraf. Forsi xi darba nkun nista’ nieħu sehem fil-Eurovision. Immaġina kieku jirnexxieli nrebbaħ lil Malta!”

    F’għajnejh rajt li kellu ħafna u ħafna xi jgħid aktar. Nabil għandu forza kbira imma ta’ żagħżugħ waħdu, f’pajjiż ieħor u b’ġilda ta’ kulur differenti mill-bqija, iħoss li l-ħajja hija iebsa wisq miegħu.

    “Nitolbu ħafna lil Alla. Jgħidu li ma jagħtikx aktar milli tiflaħ. Imma dan l-aħħar qed niddubita. Ma niflaħx ngħix aktar hekk. Inħoss li wasalt sal-qiegħ. Kultant niftakar f’dawk in-nies li mietu fil-baħar tagħkom u nixtieq li kont wieħed minnhom.”

    Kliem li jaħsdek speċjalment meta ħiereġ minn fomm ta’ żagħżugħ li ra tant ma’ wiċċu. Ippruvajt nagħmillu l-qalb biex jagħmel kuraġġ. Hu tbissem imma f’ħarstu l-qtiegħ il-qalb huwa evidenti ħafna.

    Tlabtu jagħtini l-aħħar messaġġ għall-Maltin u għalaq hekk:

    “Aħna lil Malta nħobbuha ħafna. Hi lilna tatna rifuġju u dan ma nistgħu ninsewh qatt. Aħna ma nobogħdux lil Malta. Aħna nobogħdu s-sitwazzjoni. Jiena naf li intom qed tagħmlu sagrifiċċju għax hawnhekk il-post żgħir u intom ma tifilħux għal dan l-influss ta’ nies. Inħossuna irrabbjati għaliex il-bqija tal-Ewropa u l-kontinenti l-kbar ma jgħinux lil Malta issolvi din il-problema billi jieħdu ftit nies huma wkoll. Ma nafx għaliex idawwru wiċċhom għall-problemi tagħna. Kemm iridu jmutu aktar nies biex xi ħadd jagħmel xi ħaġa?

    Fl-aħħar nett nixtieq illi jekk xi ħadd jgħidilkhom li aħna qed ngħidu xi kliem kontra tagħkom jew kontra pajjiżkhom, staqsu min kien li qal hekk, sibuh u tellgħuh il-Qorti jekk weġġagħkom. Titfgħawnix kollha f’keffa waħda. U oqogħdu attenti ħafna għax wisq nibża’ li bosta minn dak li tisimgħu dwarna huma biss qlajjiet.

    Jiena kull ma nixtieq li nibda ħajja ġdida. Nixtieq li nsib tfajla li tħobbni u nispera ħafna li tkun mara ta’ kulur differenti minn tiegħi. Kieku wliedi jkunu eżempju ta’ dak li nemmen fih b’forza kbira: l-għaqda tal-bnedmin flimkien mingħajr barrieri tal-kulur tal-ġilda.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-22 ta’ Marzu 2009)

    2009.03.22 / no responses / Category: Torca - Perspettivi