Posts Tagged ‘passat’

  • Il-majjistra ta’ dari

    Kien ritratt li deher dan l-aħħar fuq fuljett li ħareġ Wirt iż-Żejtun li qanqal it-tnissil ta’ dan l-artiklu. Kien juri kmajra għera għajr għal sodda dejqa tal-metall u xi aċċessorji oħra sempliċi. Skoprejt li fil-passat, din kienet tintuża bħala lwog għat-twelid tat-trabi. Bħala mara, tregħixt, u ħsibijieti dlonk ġrew fuq dawk l-imsejkna li ma kellhom l-ebda għażla ħlief li jintasbu f’dan il-post biex hemm jesperjenzaw wieħed mill-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajjithom. Dlonk ħassejt il-bżonn li nkun naf aktar dwar dawn l-ommijiet u l-majjistri li kienu jassistuhom. Kien għalhekk li ngħaqadt mal-grupp imdaqqas ta’ parteċipanti li attendew fil-Juventutis Domus, iż-Żejtun, għall-preżentazzjoni tar-riċerka li wettqet Janice Caruana rigward xogħol il-majjistra bejn is-snin 1900 u l-1990.

    Każ ta’ emerġenza jwassal għal riċerka

    “Bħala ners li naħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza, waqt li darba minnhom kont xogħol f’ambulanza, sibt ruħi qed nassisti mara biex twelled lit-tarbija tagħha. Din l-esperjenza nisslet f’moħħi diversi mistoqsijiet dwar x’kien isir fil-passat waqt mumenti bħal dawn, fejn il-majjistri kellhom jimprovizzaw skont is-sitwazzjoni u l-ambjent li jsibu ruħhom fih, billi jagħmlu użu mill-għerf u l-kapaċità li kellhom aktar milli billi jserrħu fuq l-għodda tagħhom,” stqarret Janice Caruana.

    Dawn il-ħsibijiet ħeġġewha biex tibda tagħmel riċerka għall-interess tagħha personali. Madanakollu, hi tant daħlet fil-profond ta’ dan it-tiftix, li spiċċat biex sabet ruħha għal għonq it-triq ta’ vjaġġ interessanti ta’ skoperta li ħadha lura lejn il-perjodu li jkopri s-snin bejn l-1900 u l-1990.

    “Id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni rigward il-majjistri u t-twelid fid-djar f’dik l-epoka huma skarsi ħafna. Infatti, ma ssib l-ebda dettalji ta’ x’kien isir fil-kamra tal-ħlas waqt it-twelid ta’ tarbija f’dawk is-snin,” spjegat Janice.

     “Kien għalhekk li ddeċidejt li nibda nesplora l-perċezzjonijiet tal-ommijiet u tal-majjistri dwar il-ħlas li kien isir fid-djar bejn dan il-perjodu. L-għan prinċipali tiegħi kien li nsir naf aħjar x’kien ir-rwol tal-majjistra matul it-tqala, waqt il-ħlas, u kif ukoll wara t-twelid. Dan xtaqt nagħmlu billi nfittex l-istejjer u l-esperjenzi personali tan-nies li għaddew minn dawn l-esperjenzi waqt dan iż-żmien partikolari.”

    L-istħarriġ

    B’kollox, Janice intervistat 24 omm (23 minn Malta u waħda minn Għawdex) li bejniethom welldu 95 tarbija fid-djar tagħhom. Kollha kienu miżżewġa għax dari kien tabù li mara jkollha tarbija jekk ma tkunx ħadet l-istat tagħha. Fost dan it-twelid kien hemm: par tewmin, żewġ ħlasijiet mingħajr assistenza, tliet korrimenti, tliet itrabi li twieldu mejtin, u każ fejn mietet l-omm. L-età medja tan-nisa intervistati kienet ta’ 78, fejn l-iżgħar kellha 60 sena u l-akbar 99 sena.

    Għal dan l-istħarriġ, hi tkellmet ukoll ma’ erbgħa nisa li fi żmienhom kienu jaħdmu bħala majjistri, filwaqt li ltaqgħet ukoll ma’ xi qraba ta’ tliet majjistri oħra li llum m’għadhomx magħna.

    Kwalifiki meħtieġa biex issir majjistra

    “Qabel l-1959, il-kwalifiki meħtieġa biex issir majjistra kienu li mara tkun taf tikteb u taqra bl-Ingliż u l-Malti, ikollha għarfien bażiku fis-somom,sentejn apprendistat is-Central Hospital,tkun assistiet mhux inqas minn 40 twelid, tilħaq il-kriterji kollha tal-medical board tal-gvern ta’ dak iż-żmien, tgħaddi mill-eżamijiet u jkollha diploma ta’ ners u majjistra, tħallas il-miżati, u tkun ta’ karattru u morali tajba,” għarrfitna Janice.

    Ġużeppa Bonnici – majjistra

    Guzeppa Bonnici (Ritratt - Janice Cassar)Din il-majjistra kienet miż-Żejtun u kienet tagħti s-servizzi tagħha Ħal-Għaxaq, iż-Żejtun u Marsaxlokk. Temmet il-kors tagħha fl-1934 u l-aħħar twelid li assistiet kien fl-1960.

    “Ġrajja partikolari li seħħet waqt ix-xogħol tagħha kien meta hi tilfet it-tarbija tagħha biex taqdi lil ħaddieħor. Kellha 7 xhur tqala u talbuha tassisti twelid ġo dar. Kien żmien it-Tieni Gwerra Dinjija u f’dak il-ħin, kienu neżlin il-bombi. Dan ma qatax qalb Ġużeppa imma d-destin ried li hekk kif tirfes fuq l-għatba tal-bieb tad-dar tal-klijenta tagħha, taqa’ bomba fil-viċin u tisplodi. Ir-raġel tal-mara ġera lejn il-majjistra biex jipproteġiha mill-blast iżda kien tard wisq. Madanakollu, Ġużeppa kompliet taħdem u ħelset lill-omm. Waqt dawn il-mumenti, hija ntebħet li ma kinetx qed tħoss lit-tarbija tagħha aktar. Fil-fatt, hekk kif lestiet minn xogħolha u marret tiċċekkja dwar il-qagħda tat-tarbija tagħha, ikkonfermat li kienet tilfitha.”

    Maria Dolores Sapiano – majjistra

    Maria Dolores Sapiano (Ritratt - Janice Cassar)Din il-majjistra Żejtunija kienet tagħti s-servizzi tagħha fiż-Żejtun. Temmet il-kors tagħha fl-1934 u l-aħħar twelid li assistiet kien fl-1960. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, assistiet in-nisa refuġjati mill-Kottonera li kienu marru jsibu kenn fil-bini tal-Juventutis Domus.

    Binha jiftakarha ssemmi li f’dak iż-żmien kienet tesperjenza mumenti fejn “waħda tgħajjat minn naħa u waħda tgħajjat minn oħra”.

    “Kienet ammirevoli kif din il-majjistra, mingħajr ma taf xejn dwar l-istorja tat-tqala ta’ dawn in-nisa, kienet kapaċi tibqa’ għaddejja fuq xogħolha, u tassistihom bla problemi.

    Maria Camilleri – majjistra

    Kienet miż-Żejtun. Temmet il-kors tagħha fl-1941 u l-aħħar twelid li assistiet kien fl-1979. Assistiet madwar 8000 twelid madwar Malta kollha. Irnexxielha tkopri dan ix-xogħol kollu minħabba li fl-aħħar tal-karriera tagħha, kienet tgħallmet issuq il-karozza.

    Maria Camilleri (Ritratt - Janice Cassar)“Rakkont partikolari waqt ix-xogħol tagħha jgħid illi darba minnhom, Maria ġiet rikoverata l-isptar u hekk kif intbagħtet lura d-dar, it-tabib irrakkommandalha li tistrieħ għal xi ġranet. Iżda x-xogħol tagħha m’għandux waqfien u żewġha ma damx ma sema’ l-bieb tad-dar iħabbat. Kien mar raġel jitlob l-għajnuna ta’ Maria minħabba li martu kienet waslet biex twelled. Żewġ Maria beda jipprova jfehmu li martu ma setgħetx toħroġ imma hi semgħetu, ħennet għall-omm, libset, u qamet biex tmur. B’kundizzjoni waħda – li titla’ timtedd fuq is-sodda biswit l-omm, sakemm din tasal biex twelled. U hekk ġara.”

    Is-sabiħ fil-ħajja, speċjalment fil-gżejjer tagħna, fejn kulħadd jaf lil kulħadd, huwa li spiss ġrajja twassal għal oħra u b’hekk tibqa’ tiskopri affarijiet ġodda. Hekk seħħ fil-każ ta’ din il-majjistra peress li wara din id-diskussjoni, resaq lejja ċertu Joe Seychell sabiex jinfurmani li kien missieru Frans li kien għallem il-karozza lil Maria.

    “Dak iż-żmien kienet meqjusa bħala xi ħaġa mhux wisq xierqa li mara titla’ ma’ raġel f’karozza. Imma Maria kienet taf lil missier missieri u allura s-sitwazzjoni nbidlet. Missieri kien sempliċiment dilettant tal-karozzi u xogħolu ma kienx li jgħallem. Infatti, wara li l-majjistra tħarrġet ma’ missieri, biex tmur għat-test tal-liċenzja, kellha titla’ ma’ wieħed magħruf bħala ‘Il-Lakkwati’ li kellu skola tas-sewqan. Meta għaddiet, Maria kienet fost l-ewwel nisa fiż-Żejtun li kellhom il-liċenzja tal-karozza,” qalli Joe.

    “Hekk kif illum smajthom isemmu lil din il-majjistra, il-memorja tiegħi xegħlet bit-tifkiriet minħabba li niftakar lil Maria tiġi għand nannuwi, Karmenu Abela miż-Żejtun, li kellu ħanut ċkejken f’numru 38, Triq l-Ispirtu s-Santu, iż-Żejtun, fejn kien jaħdem bħala mastrudaxxa. Xogħolu kien jinvolvi t-tfassil ta’ biċċiet ta’ għamara u s-siġġijiet tal-knejjes li kienu jinbiegħu bir-radam. Kien għamel xi żmien ukoll jaħdem it-twiebet tal-adulti imma jien l-uniku twiebet li niftakar, għall-ħabta tas-snin ħamsin, kienu dawk bojod, tat-tfal. Mhux darba u tnejn li ħajt minnhom tal-ħanut kien ikun kollu miżgħud b’dawn it-twiebet stivati fuq xulxin peress li f’dak iż-żmien, kienu jmutu bosta trabi,” kompla jirrakkuntali.

    “Ġieli nzertajt inkun ħdejn nannuwi meta kienet tiġi Maria titolbu tebut minn dawn. “Ħa neħodlok tebut għax mietet tarbija jaħasra,” kienet tgħidlu. “Ħudu u mbagħad nirranġaw,” kien jgħidilha. Għax għandek tkun taf li fost id-dmirijiet tagħha, Maria kienet ukoll tkeffen lit-tarbija sabiex tevita aktar tbatija minn fuq il-ġenituri li jkunu tilfuha. Niftakar drabi meta kont preżenti għal xi quddiesa tal-funeral ta’ xi tarbija u dawk li kienu jifilħu jħallsu, kienu jordnaw li t-tebut tat-tarbija tagħhom jinġarr b’karru abjad biż-żwiemel. Oħrajn li ma kienux jippermettu dan is-servizz, kienu minflok iqabbdu lil wieħed magħruf bħala Xifu biex iġorr it-tebut. Dan kien jorbot ċinturin miegħu u jimxi bit-tebut f’idejh sal-Parroċċa taż-Żejtun.”

    Il-majjistri msemmija hawn fuq m’għadhomx magħna. Imma Janice rnexxielha tiltaqa’ ma’ erbgħa majjistri li ħadmu matul il-perjodu magħżul għar-riċerka, li tawha ħafna informazzjoni utli u interessanti.

    Serafina Delia: Temmet il-kors fl-1942. Ħadmet bħala majjistra fi sptar barra minn Malta u anki fl-isptar St Luke’s. Serviet in-naħa t’isfel ta’ Malta u f’Għawdex.

    Frances Cini: Majjistra Għawdxija. Temmet il-kors fl-1946. B’kollox assistiet 1000 twelid.

    Raffaella Farrugia: Temmet il-kors fl-1959. Esperjenza vasta fl-isptar St Luke’s u anki barra minn Malta. B’kollox assistiet madwar 1000 twelid. Meta kienet taħdem l-Ingilterra, kienet iddur bir-rota min-naħa għall-oħra tassisti nisa differenti.

    May Pecorella: Temmet il-kors fl-1944. Esperjenza vastaf’diversi sptarijiet. Assistiet aktar minn 6000 twelid. Kienet taħdem madwar Malta kollha imma l-aktar il-Ħamrun u Tas-Sliema. Hi qalet li kienet tikkollabora ħafna mal-majjistra Ġużeppa Bonnici taż-Żejtun.

    X’kont issib fil-basket tal-majjistra

    Il-basket tal-majjistra (Ritratt provdut minn Janice Cassar)Janice kellha x-xorti li tifli mill-qrib żewġ basktijiet ta’ majjistri: wieħed tas-snin tletin u l-ieħor tas-snin erbgħin. Dan tal-aħħar kien għadu mimli bl-għodda u b’kollox kien jiżen madwar 5 kilos.

    “Immaġina lill-majjistri għaddejjin il-ġurnata kollha b’dat-toqol f’idejhom!” irrimarkat.

    “L-għodda li sibt kienu jinkludu: ingwanti, fardal, pinard (strument biex tisma’ l-qalb tat-tarbija), lubrikant, miżien, artery forceps, imqassijiet, siringi, pelvimeter (biex tkejjel il-qadd), inċirata għas-saqqu, stetoscope, delivery pack, ħajt tal-punti, u labar ta’ qisien varji.Kien hemm ukoll: kontenituri tal-istainless steel, disinfettant, suction tube (biex ikunu jistgħu jbattlu l-istonku tat-tarbija), reġistri tat-twelid, pinna, levattiv (biex tnaddaf l-imsaren minn ġewwa), ċinturini (kienu jintrabtu mas-sodda biex l-omm tagħmel forza magħhom waqt li tkun qed twelled), garżi u tajjar.”

    Il-gass biex inaqqas l-uġiegħ kien projbit mill-Knisja!

    L-ghodda tal-majjistra  (Ritratt provdut minn Janice Cassar)F’dan il-basket, Janice sabet ukoll xi mediċini, fosthom dawk għal kontra l-uġiegħ inkluż gass imħallat mal-ossiġnu.

    “Dan kien jintuża l-aktar mill-majjistri li kienu jaħdmu mal-MMDNA għax dawk ta’ qabel ma kienx ikollhom dan il-gass għad-dispożizzjoni tagħhom. Fatt interessanti huwa li dan il-gass li seta’ jtaffi l-uġiegħ lin-nisa waqt il-ħlas, għamel żmien ipprojbit mill-Knisja. Infatti, waqt ir-riċerka tiegħi, xi nisa stqarru li kienu ppreferew li jibqgħu jwelldu d-dar u jġarrbu t-tbatija li hemm bżonn minħabba li kienu jibżgħu li jagħmlu dnub jekk imorru l-isptar u jkunu offruti dan il-gass.”

    Nota: Illum koprejt biss xi informazzjoni u ġrajjiet dwar il-majjistri. Il-Ħadd li ġej, dan l-artiklu jkompli jistħarreġ il-perspettiva u r-rakkonti tan-nisa tqal ta’ dari.

     (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (10 parti) fit-Torċa tal-24 ta’ Mejju 2015)

    2015.05.24 / 2 responses / Category: Torca - Features & Articles